Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2596(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0190/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2017 - 6.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0087

Testi adottati
PDF 281kWORD 54k
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea
P8_TA(2017)0087RC-B8-0190/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea (2017/2596(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea(1), b'mod partikolari tat-Tatari tal-Krimea, u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tatari tal-Krimea(2), kif ukoll dawk li jirrigwardaw każijiet speċifiċi ta' Ukreni detenuti illegalment fir-Russja, bħal dawk tat-30 ta' April 2015 dwar il-każ ta' Nadiya Savchenko(3) u tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver(4), Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 bit-titlu "L-integrità territorjali tal-Ukrajna", u r-Riżoluzzjoni Nru 71/205 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' Diċembru 2016 bit-titlu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna)",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–  wara li kkunsidra l-"Pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk", adottat u ffirmat f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015 u approvat uffiċjalment fl-intier tiegħu bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tas-17 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-issuktar tas-sanzjonijiet imposti fuq il-Federazzjoni Russa bi rbit mal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tas-26 ta' April 2016 tal-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea, li ddikjarat li l-Meġlis tal-Poplu Tatar tal-Krimea kien organizzazzjoni estremista u pprojbiet l-attivitajiet tiegħu fil-peniżola tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Marzu 2017 jimmarka t-tielet anniversarju ta' diqa tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mir-Russja;

B.  billi l-annessjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa hija illegali u tikser il-liġi internazzjonali u l-ftehimiet Ewropej iffirmati kemm mill-Federazzjoni Russa u kemm mill-Ukrajna, b'mod partikolari l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki u l-Memorandum ta' Budapest u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa tal-1997;

C.  billi, għat-tul kollu tal-annessjoni, l-awtoritajiet Russi għandhom jinżammu responsabbli għall-protezzjoni tal-poplu u taċ-ċittadini tal-Krimea, permezz tal-awtoritajiet de facto preżenti fir-reġjun;

D.  billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u sorsi pubbliċi, tal-anqas 62 ċittadin Ukren saritilhom prosekuzzjoni illegali għal raġunijiet politiċi minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi Russi, li 49 minn dawn iċ-ċittadini huma residenti tal-Krimea; billi l-għadd ta' priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja żdied matul l-2016, minkejja li nħelsu sitt Ukreni; billi, bħalissa, 17-il ċittadin tal-Ukrajna huma detenuti illegalment fil-Federazzjoni Russa, u 15 fil-Krimea okkupata; billi tal-anqas mitt Ukren qed jinżammu ostaġġi f'kundizzjonijiet mill-agħar mill-forzi separatisti appoġġjati mir-Russja fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk fl-Ukrajna;

E.  billi, f'diversi każijiet, saru rapporti tal-użu tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili u degradanti; illi dawn l-allegazzjonijiet sal-lum għadhom ma ġewx investigati b'mod xieraq; billi t-tortura ntużat biex jinkisbu konfessjonijiet ta' ħtija u biex tirfed evidenza falza ta' ħtija; billi l-avukati mill-Krimea li jipprovdu assistenza legali lil dawn in-nies u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappurtaw każijiet ta' għajbien furzat politikament motivati fil-Krimea, kif ukoll ġurnalisti li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tat-Tatari tal-Krimea, ukoll sfaw fil-mira;

F.  billi ħafna priġunieri u detenuti ffaċċjaw kundizzjonijiet ħorox u inumani fil-ħabsijiet, b'mod li kkawżalhom dannu fiżiku u riskji psikoloġiċi għal saħħithom; billi hemm ħabsin li jeħtieġu b'urġenza attenzjoni medika u trattament mediku;

G.  billi, fis-16 ta' Diċembru 2016, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) iddefiniet lir-Russja bħala potenza okkupanti u kkundannat l-okkupazzjoni temporanja mill-Federazzjoni Russa tat-territorju tal-Ukrajna – ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol – u affermat mill-ġdid li ma tirrikonoxxix l-annessjoni illegali ta' dak it-territorju;

H.  billi, skont l-Artikolu 70 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra rigward il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, "persuni protetti ma għandhomx jiġu arrestati, prosegwiti jew ikkundannati mill-Potenza Okkupanti għal atti mwettqa jew għal opinjonijiet espressi qabel l-okkupazzjoni" billi, fir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU, ir-Russja hija rikonoxxuta bħala Stat li huwa Potenza Okkupanti, u l-obbligi ta' Potenza Okkupanti, inkluża l-protezzjoni tal-poplu u taċ-ċittadini tal-Krimea, huma imposti fuqha;

I.  billi leġiżlazzjoni restrittiva Russa li tirregola d-drittijiet politiċi u ċivili ġiet estiża għall-Krimea, bil-konsegwenza li l-libertajiet ta' għaqda, ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' aċċess għall-informazzjoni u ta' reliġjon sfaw limitati b'mod drastiku, kif ukoll saru rapporti kredibbli ta' intimidazzjoni, għajbien furzat u tortura;

J.  billi hemm madwar 20 000 persuna li ġew spustati internament mill-Krimea lejn reġjuni Ukreni oħrajn, billi l-Meġlis tal-Poplu Tatar tal-Krimea ġie pprojbit u pproklamat bħala organizzazzjoni estremista u billi skejjel Ukreni fil-peniżola ngħalqu;

K.  billi, fis-16 ta' Jannar 2017, l-Ukrajna istitwiet kawża fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) biex iżżomm lir-Russja responsabbli għall-appoġġ tagħha lit-terroriżmu fil-Lvant tal-Ukrajna u għal atti ta' diskriminazzjoni kontra Ukreni etniċi u kontra t-Tatari fil-Krimea okkupata;

1.  Jappoġġja s-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment, u jtenni bil-qawwa l-kundanna tiegħu tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol mill-Federazzjoni Russa; jappoġġja bis-sħiħ id-determinazzjoni soda u sostnuta tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li ma jirrikonoxxux din l-annessjoni, kif ukoll il-miżuri restrittivi meħuda f'dan ir-rigward;

2.  Ifakkar li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea marret lura b'mod sinifikanti, li l-ksur tal-libertà ta' espressjoni, l-abbuż tal-midja u l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa saru sistematiċi, u li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali mhuwiex garantit fil-Krimea;

3.  Jikkundanna l-politiki diskriminatorji imposti mill-hekk imsejħa awtoritajiet kontra, b'mod partikolari, il-minoranza etnika tat-Tatari tal-Krimea, il-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà tagħhom, l-intimidazzjoni dejjem tikber ta' din il-komunità u ta' dawk li jopponu l-annessjoni Russa, u n-nuqqas ta' libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni fil-peniżola;

4.  Jistieden lir-Russja biex teħles bla aktar dewmien liċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment u arbitrarjament, kemm fir-Russja u kemm fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna, u biex tipprovdi għar-ritorn sikur tagħhom, fost l-oħrajn Mykola Karpyuk, Stanislav Klykh, Oleksandr Kolchenko, Oleg Sentsov, Oleksiy Chyrniy, Oleksandr Kostenko, Serhiy Lytvynov, Valentyn Vyhivskyi, Viktor Shur, Andriy Kolomiyets, Ruslan Zeytullayev, Nuri Primov, Rustem Vaitov, Ferat Sayfullayev, Akhtem Chiyhoz, Mustafa Dehermendzhi, Ali Asanov, Inver Bekirov, Muslim Aliyev, Vadim Siruk, Arsen Dzhepparov, Refat Alimov, Zevri Abseitov, Remzi Memetov, Rustem Abiltarov, Enver Mamutov, Artur Panov, Evheniy Panov, Roman Suschenko u Emir-Usein Kuku, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tħalli lil dawn il-persuni kollha msemmija jivvjaġġaw liberament, inkluż Mykola Semena, li qed issirlu prosekuzzjoni minħabba x-xogħol ġurnalistiku tiegħu għal Radio Free Europe/Radio Liberty;

5.  Jenfasizza li d-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa tal-21 ta' Marzu 2014 li twettaq l-annessjoni tal-Krimea tibqa' illegali, u jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet Russi li jagħtu passaport Russu lil kull abitant tal-Krimea;

6.  Ifakkar lill-Federazzjoni Russa, bħala potenza okkupanti b'kontroll effettiv fuq il-Krimea u marbuta bil-liġi umanitarja internazzjonali u bil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, fl-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jagħtu aċċess bla xkiel għall-Krimea lill-istituzzjonijiet u lill-esperti indipendenti internazzjonali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lil kwalunkwe NGO tad-drittijiet tal-bniedem jew lill-operaturi tal-aħbarijiet jew tal-midja li jixtiequ jżuru, jivvalutaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni hemmhekk; jistieden lill-awtoritajiet Ukreni biex jissimplifikaw il-proċedura li biha ġurnalisti barranin, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u avukati jingħataw aċċess għall-peniżola;

7.  Iqis li d-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea nkisru serjament permezz tal-projbizzjoni tal-attivitajiet tal-Meġlis, u jtenni bil-qawwa s-sejħa tiegħu biex id-deċiżjoni relatata u l-effetti tagħha jiġu rrevokati minnufih; jiddeplora l-persekuzzjoni legali u t-theddidiet ta' arrest li saru lill-mexxejja tal-Meġlis, bħal Mustafa Dzhemilev, Membru tal-Verkhovna Rada Ukrena u nominat għall-Premju Sakharov, u Refat Chubarov, il-President tal-Meġlis;

8.  Jissottolinja li t-Tatari tal-Krimea, bħala poplu indiġenu tal-peniżola, u l-wirt kulturali tagħhom jidhru li huma l-ewwel fil-mira għar-ripressjonijiet; jappella biex l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-esperti indipendenti tal-OSKE, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa jkollhom aċċess bla restrizzjonijiet għall-Krimea;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li, minkejja l-illegalità tal-annessjoni tal-Krimea, ir-Russja hija, f'kapaċità de facto, kompletament responsabbli għar-rispett tal-ordni ġuridiku fil-Krimea u għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Krimea kontra miżuri ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji;

10.  Jesprimi tħassib qawwi dwar rapporti kredibbli ta' każijiet ta' għajbien, tortura u intimidazzjoni sistematika ta' ċittadini lokali li opponew l-annessjoni tal-Krimea, u jistieden lir-Russja biex ittemm minnufih il-prattiki ta' persekuzzjoni, tinvestiga b'mod effikaċi l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-għajbien furzat, id-detenzjonijiet arbitrarji, it-tortura u l-maltrattament ta' detenuti, u tirrispetta l-libertajiet fundamentali tar-residenti kollha, inklużi l-libertajiet ta' espressjoni, ta' reliġjon jew ta' twemmin u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt ta' għaqda paċifika; jitlob li kull każ ta' għajbien u ta' ħtif matul il-perjodu ta' okkupazzjoni tal-Krimea jiġi investigat minnufih, inkluż dak ta' Ervin Ibragimov;

11.  Ifakkar li, skont il-liġi Russa, il-ġurisdizzjoni tas-sistema tal-ġustizzja Russa tapplika biss għal reati li jitwettqu fit-territorju tar-Russja; jiddeplora l-fatt li aġenziji tal-infurzar tal-liġi Russi istitwew diversi kawżi kriminali li jirrigwardaw atti li twettqu fit-territorju tal-Ukrajna u fil-Krimea qabel l-annessjoni;

12.  Jilqa' ż-żjara dan l-aħħar tal-Ombudsman Ukren fil-Krimea bil-għan li tiltaqa' mal-priġunieri; jiddispjaċih li l-Ombudsman ma tħallietx tiltaqa' magħhom kollha u jesprimi t-tama li matul żjarat futuri jkollha aċċess bla xkiel għall-priġunieri Ukreni fil-Krimea kif ukoll għal dawk li ġew trasferiti lejn il-Federazzjoni Russa;

13.  Jitlob li l-OSKE u osservaturi internazzjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-atturi umanitarji kollha jkollhom aċċess mhux limitat, sikur u mingħajr xkiel għall-peniżola tal-Krimea, li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti, u li tingħata assistenza umanitarja u legali, kif ikun meħtieġ; jappoġġja inizjattivi mmexxija mill-Ukrajna bil-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Assemblea Ġenerali; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-Delegazzjoni tal-UE għar-Russja jsegwu mill-qrib il-kawżi kontra priġunieri politiċi Ukreni u jirrapportaw dwar it-trattament tagħhom waqt li jkunu detenuti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti li qed jintużaw trattamenti psikjatriċi punitivi; jistenna li d-Delegazzjoni tal-UE, is-SEAE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jsegwu mill-qrib il-proċedimenti legali kontra ċ-ċittadini tal-Ukrajna fir-Russja u jfittxu li jkollhom aċċess għal dawn il-persuni, qabel, matul u wara l-proċessi tagħhom;

14.  Jikkundanna l-prattika prevalenti li persuni detenuti jiġu ttrasferiti lejn reġjuni mbiegħda fir-Russja, peress li din il-prattika tippreġudika serjament il-komunikazzjoni mal-familji tagħhom u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li din il-prattika tikser il-leġiżlazzjoni Russa fis-seħħ, b'mod partikolari l-Artikolu 73 tal-Kodiċi Kriminali, li jistipula li s-sentenzi jridu jiġu skontati fir-reġjun ta' residenza tal-ħabsi jew li fih tkun ingħatat is-sentenza tal-qorti; jiddenunċja l-prattika tar-rifjut ta' żjarat konsulari lill-persuni detenuti u jistieden lill-awtoritajiet biex jippermettu tali żjarat mingħajr kundizzjonijiet; iħeġġeġ biex il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) jingħata aċċess għal ħabsijiet fit-territorji okkupati u biex id-drittijiet tad-detenuti li jikkomunikaw ma' qrabathom u ħbiebhom f'intervalli regolari, kemm permezz ta' korrispondenza u kemm billi jilqgħu żjarat, jiġu rrispettati;

15.  Jissottolinja wkoll il-ħtieġa li l-Ukrajna tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' ċittadini Ukreni spostati, inkluż id-dritt tagħhom li jivvutaw u li jgawdu protezzjoni legali u amministrattiva sħiħa f'pajjiżhom;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tat-22 ta' Frar 2017 tal-Presidju tal-Qorti Suprema tar-Russja li tħassar il-kundanna ta' Ildar Dadin fuq akkużi li pparteċipa f'diversi protesti mhux awtorizzati, fosthom protesti kontra l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, u li tordna li jinħeles mill-ħabs, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Novembru 2016(6) fid-difiża tiegħu;

17.  Jitlob li r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jżomm attenzjoni kontinwa fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea; jissottolinja l-ħtieġa kumplessiva li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol aktar viżibbli, effikaċi u proattiv fil-promozzjoni ta' soluzzjoni paċifika dejjiema;

18.  Jitlob li l-UE tappoġġja proġetti tal-midja Ukreni u tat-Tatari tal-Krimea għall-Krimea kif ukoll dawk mibdija mill-Fond Ewropew għad-Demokrazija u minn Radio Free Europe/Radio Liberty, u proġetti li jiddefendu skejjel Ukreni u tat-Tatari tal-Krimea u inizjattivi oħra maħsuba biex jipproteġu l-wirt kulturali tagħhom;

19.  Jitlob li jiġu imposti aktar miżuri restrittivi fuq individwi responsabbli għal każijiet ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iffriżar tal-assi tagħhom f'banek tal-UE;

20.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Minsk, inkluż li jtemmu l-attivitajiet militari f'Donbas u li jiskambjaw l-ostaġġi, u li jeħilsu lid-detenuti kollha u jirritornawhom bla aktar dewmien; ifakkar fir-responsabbiltà partikolari tal-Gvern Russu f'dan ir-rigward;

21.  Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà li jiġi stabbilit format internazzjonali għan-negozjati dwar tmiem tal-okkupazzjoni tal-Krimea, bil-parteċipazzjoni tal-UE u li jkun ibbażat fuq il-liġi umanitarja internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji internazzjonali;

22.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex isib modi kif jappoġġja lill-Ukrajna quddiem il-QIĠ fil-kawża biex il-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-appoġġ tagħha lit-terroriżmu fil-Lvant tal-Ukrajna u għall-atti ta' diskriminazzjoni kontra Ukreni etniċi u Tatari tal-Krimea fil-Krimea okkupata;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukrajna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0043.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0218.
(3) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 101.
(4) Ċittadin Estonjan.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0314.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0446.

Avviż legali