Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2598(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0183/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2017 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0089

Testi adottati
PDF 411kWORD 64k
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
P8_TA(2017)0089RC-B8-0183/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017 (2017/2598(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016 dwar l-Etjopja, il-Korea ta' Fuq, l-Indja, il-Krimea, Hong Kong, il-Każakistan, l-Eġittu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Pakistan, il-Honduras, in-Niġerja, il-Gambja, il-Djibouti, il-Kambodja, it-Taġikistan, il-Vjetnam, il-Malawi, il-Bahrain, il-Myanmar/Burma, il-Filippini, is-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Rwanda, is-Sudan, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, it-Tibet, l-Iraq, l-Indoneżja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Burundi, in-Nikaragwa, il-Kuwajt u l-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi integrat fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE;

B.  billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu u l-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi s-sessjonijiet regolari tal-UNHRC, il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al Hussein u mill-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); ifakkar fl-impenn tal-UE li tkompli tappoġġja u tiddefendi l-integrità, l-indipendenza u l-funzjonament tagħha; jilqa' r-rwol li żvolġa l-OHCHR fil-progress tal-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fl-identifikazzjoni tal-mezzi kif jissaħħaħ ir-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu mill-impenn ġenwin tal-membri tiegħu biex jipproteġu l-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nonselettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni; iħeġġeġ il-ħtieġa li tiġi evitata l-polarizzazzjoni tad-dibattitu fl-UNHRC u jinkoraġġixxi djalogu kostruttiv;

3.  Jistieden lill-Istati biex jippermettu lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv bil-għan li jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u joffru l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC;

4.  Jinkoraġġixxi lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jegħlbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u mekkaniżmi nazzjonali ta' koordinament;

5.  Ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC li titlob li l-Kumitat Konsultattiv tal-UNHRC iħejji rapport ta' valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-istabbiliment ta' arranġamenti reġjonali u subreġjonali għall-promozzjoni u għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet fix-xejriet ta' votazzjoni tagħhom u jtejbu l-koordinament tal-pożizzjonijiet tal-UE f'dan is-sens; jinsisti bil-qawwa li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tilħaq pożizzjoni komuni tal-UE meta tivvota fil-UNHRC;

6.  Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali u fil-UNHRC, sabiex ittejjeb il-kredibilità tagħha; jappoġġja l-isforzi li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU;

Prijoritajiet tematiċi

7.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jiġu protetti f'kull dimensjoni tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest tat-teknoloġiji l-ġodda; jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u rappreżalji kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li kkooperaw mal-UNHRC fil-proċess tal-EPU;

8.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd numeruż u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' liġijiet kontra t-terroriżmu; jikkundanna kwalunkwe att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi, il-ġurnalisti jew il-bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-Istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sikur u favorevoli għall-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża enfasi partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli, sabiex ikunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; itenni l-appell tiegħu biex dawk l-Istati li adottaw liġijiet restrittivi kontra organizzazzjonijiet indipendenti li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jirrevokawhom;

9.  Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jappoġġja l-appell għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jappella biex il-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni online, il-libertajiet diġitali u l-importanza ta' internet liberu u miftuħ jitqajmu fil-fora internazzjonali kollha; jappella għat-tnaqqis tad-distakk diġitali u għal aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal aċċess mingħajr ċensura għall-internet;

10.  Ifakkar li d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda għadu jirrappreżenta sfida ewlenija; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni paċifika u ta' għaqda, Maina Kiai; jistieden lill-Istati kollha jqisu r-rapporti b'mod xieraq;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex mill-aktar fis jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;

12.  Jopponi kull forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni fuq kwalunkwe bażi jew status bħar-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon u t-twemmin, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini soċjali, il-kasta, it-twelid, l-età jew id-diżabilità; jappoġġja l-impenn tal-UE mal-proċeduri speċjali rilevanti, inkluż l-Espert Indipendenti ġdid dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-individwi kollha;

13.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ħafna nies, b'mod individwali jew b'mod kollettiv, iġarrbu ksur tad-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, imwettaq minn Stati jew atturi nonstatali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta' drittijiet tal-bniedem interdipendenti oħrajn bħal-libertà ta' espressjoni;

14.  Jitlob lill-UE taħdem sabiex tiżgura aktar protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex tħassar liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' persuni li ma jemmnux; jappella għas-sostenn favur il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

15.  Jitlob bil-qawwa li l-UE tkompli tinsisti dwar tolleranza zero għall-piena tal-mewt u tkompli tfittex li ssaħħaħ l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fl-2015 mir-Repubblika tal-Kongo, mill-Fiġi u mill-Madagaskar li jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jiddeplora l-fatt li reġgħu bdew iseħħu eżekuzzjonijiet f'numru ta' pajjiżi, inklużi l-Bangladesh, il-Bahrain, il-Belarussja, iċ-Chad, l-Indja, l-Indoneżja, il-Kuwajt, l-Oman u s-Sudan t'Isfel; jiddeplora wkoll iż-żieda rappurtata ta' għadd ta' sentenzi tal-mewt mogħtija partikolarment fiċ-Ċina, l-Eġittu, l-Iran, in-Niġerja, il-Pakistan u l-Arabja Sawdija; ifakkar lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal delitti li jsiru minn kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena;

16.  Iħeġġeġ lill-UE ssemma' leħinha biex tappoġġja l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti oħra, eżekuzzjonijiet tal-massa u eżekuzzjonijiet oħra, inkluż għal reati relatati mad-droga, u jitlob lis-SEAE jintensifika, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, bi qbil mal-Linji Gwida tal-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jappella għar-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha; jenfasizza l-importanza kritika tal-appoġġ għall-prevenzjoni tat-tortura, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-Mekkaniżmi Nazzjonali ta' Prevenzjoni stabbiliti skont il-Protokoll Fakultattiv, u tal-appoġġ kontinwu għar-riabilitazzjoni tal-vittmi tat-tortura;

17.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-persistenza ta' ksur u abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappoġġja bil-qawwa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi ta' reati jagħtu kont ta' għemilhom u biex tgħin lill-vittmi jiksbu ġustizzja abbażi tal-prinċipju ta' komplementarjetà fir-rigward ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jitlob lill-partijiet kollha jipprovdu appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI;

18.  Jitlob li l-UE tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-QKI; jinkoraġġixxi djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha, u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU); jistieden lill-Istati li huma membri tan-NU biex jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u biex jinkoraġġixxu r-ratifika tal-emendi ta' Kampala;

19.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dak ikkawżat mill-ISIS/Daesh u l-attakki minn Boko Haram li għandhom fil-mira lit-tfal, kif ukoll l-attakki l-oħra kollha minn organizzazzjonijiet terroristiċi jew paramilitari kontra ċ-ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal; jiddenunzja l-frekwenza u l-iskala tal-atti tal-qerda tal-patrimonju kulturali u jappella biex jingħata appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa minn diversi fora tan-NU;

20.  Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tiżdied ta' ħsara liċ-ċivili f'kunflitti armati madwar id-dinja u dwar attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel, konvojs umanitarji u miri ċivili oħrajn; jinsisti li tali ksur jiġi kkunsidrat b'mod xieraq fi trattattivi tal-UNHRC speċifiċi għal pajjiż u analiżijiet rilevanti taħt il-mekkaniżmu tal-EPU;

21.  Jitlob li l-UE taħdem b'mod attiv għal inizjattiva dwar rikonoxximent min-NU tal-ġenoċidju kontra minoranzi etniċi u reliġjużi mwettaq mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh u għat-tressiq quddiem il-QKI ta' każijiet suspettati ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju; jinkoraġġixxi djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha, u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

22.  Jitlob li l-UE tinkoraġġixxi lill-Istati kollha jqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1986 dwar id-Dritt għall-Iżvilupp; jilqa' l-ħatra reċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi kontribut għall-promozzjoni, il-ħarsien u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħra ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd iridu jkunu fattur trasversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030;

23.  Jitlob li l-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tappoġġja b'mod attiv il-ħidma tal-UN Women u l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u l-programmi tagħha; jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda ta' kwalunkwe vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza sessista; jitlob bil-qawwa li l-UE tfittex inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tan-nisa u l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi kemm tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing kif ukoll tal-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, u li tibqa' impenjata lejn id-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dan il-kuntest;

24.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-perspettiva tal-ġeneri f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jitlob li l-UE tappoġġja, fuq livell internazzjonali, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja, fir-rikostruzzjoni ta' wara kunflitt u fir-rikonċiljazzjoni sostenibbli;

25.  Jitlob li l-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u billi telimina t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali u prattiki dannużi bħalma hija l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġjaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u tas-sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-Istati kollha li huma membri tan-NU jħarsu l-obbligi li jorbtuhom bis-saħħa tat-trattat u l-impenji tagħhom b'rabta mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni ta' ebda tip;

26.  Jistieden lill-Istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;

27.  Jitlob li l-UE taħdem ma' sħabha fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi miżuri li jinkoraġġixxu aktar Stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jinvolvu ruħhom fil-linji ta' ħidma tal-gruppi ta' ħidma tan-NU u l-OHCHR; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati kollha, inkluża l-UE, biex ikunu involuti b'mod attiv u kostruttiv fit-tfassil, kemm jista' jkun malajr, ta' strument legalment vinkolanti li, fil-qafas tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem , jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rimedju u l-għoti ta' aċċess għal rimedju fil-konfront ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kull meta dan iseħħ;

28.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti, li indirizzat il-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u wasslet għall-adozzjoni ta' patt globali dwar qafas komprensiv ta' rispons għar-rifuġjati u l-impenn li japplika għall-migranti u r-rifuġjati, u li hija mmirata biex issalva l-ħajjiet, tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi, tiġġieled ir-razziżmu u l-ksenofobija, tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ugwali quddiem il-liġi u tiżgura l-inklużjoni fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżguraw impenn politiku, finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà b'appoġġ għad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti, u jfakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali, u mhux biss fuq livell Ewropew; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jassumu rwol ta' tmexxija f'dawn l-isforzi internazzjonali, u jonoraw, f'konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-impenji tagħhom li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jfittxu asil, tar-rifuġjati, tal-migranti, u tal-persuni spostati kollha, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni b'diżabilità;

29.  Ifakkar li r-ritorn tal-migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom, u biss meta l-ħarsien ta' drittijiethom ikun garantit fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; jistieden lill-gvernijiet itemmu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni tal-migranti, inklużi l-minorenni; jistieden lill-Istati kollha jieħdu miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti, abbażi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jintroduċu miżuri sabiex isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal, inklużi t-taħriġ ta' ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra u l-ħidma mal-NGOs; jistieden lill-Istati jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

30.  Jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat fil-politiki kollha tal-UE, inklużi dawk dwar il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi pubbliċi, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-politiki ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;

32.  Ifakkar li l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u jitlob li l-UE tonora l-impenji tagħha f'dan ir-rigward;

Il-Belarussja

33.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-użu persistenti tal-piena tal-mewt; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-35 Sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq ir-riformi li messhom ilhom li saru biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Burundi

34.  Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li sejra għall-agħar fil-Burundi u l-għadd dejjem jikber ta' nies li qed jaħarbu mill-pajjiż; jikkundanna l-vjolenza li ilha għaddejja fil-Burundi mill-2015 u li wasslet għal imwiet, tortura u vjolenza mmirata kontra n-nisa, inklużi stupri kollettivi u fastidju; jikkundanna l-priġunerija ta' eluf ta' persuni, l-ispostament furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani, u l-ksur tal-libertà tal-istampa u l-libertà ta' espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità fir-rigward ta' tali atti; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, wara l-falliment tad-diskussjonijiet mibdija skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiġi sospiż l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqgħu jingħataw appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u l-għajnuna umanitarja permezz ta' mezzi diretti; jappoġġja bis-sħiħ l-istabbiliment ta' Kummissjoni ta' Inkjesta fuq il-Burundi li tidentifika l-allegati awturi tal-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, bil-għan li tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw l-influwenza tagħhom biex jiżguraw li l-Burundi jibda jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni ta' Inkjesta u mal-Kunsill u l-mekkaniżmi tiegħu, jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-Kummissjoni ta' Inkjesta u jindirizza l-preokkupazzjonijiet serji dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Burundjani jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw mill-QKI;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

35.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jonora l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti għalihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK ikollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa; jistieden lir-RDPK tippermetti l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll tagħti liċ-ċittadini kollha tagħha aċċess mingħajr ċensura għall-internet ; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-piena tal-mewt fir-RDPK fuq skala kbira; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt fil-ġejjieni qrib; jitlob b'insistenza li dawk responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jitressqu quddiem il-QKI u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati; jikkundanna bil-qawwa t-testijiet nukleari bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali; jitlob il-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' esperti lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jirrakkomanda li fir-riżoluzzjoni jiġu inkorporati r-rakkomandazzjonijiet prinċipali dwar ir-responsabilità mir-rapport tal-esperti, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Uffiċċju ta' Seoul b'kompetenzi ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni, kif ukoll il-ħatra ta' espert ġuridiku fil-qasam kriminali biex ikunu jistgħu jsiru avvanzi fil-qasam tar-responsabilità;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

36.  Jikkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li qed jitwettaq b'impunità sħiħa mill-forzi tas-sigurtà u jitlob li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; jitlob b'mod speċjali li ssir investigazzjoni bir-reqqa dwar il-vjolenza brutali kontra persuni ċivili fil-Lvant tal-Kongo, inklużi l-istupru tan-nisa u l-iskjavitù tat-tfal; jitlob li jkun hemm estensjoni possibbli tal-mandat tal-Forza għaż-Żamma tal-Paċi tan-NU fil-Lvant tal-Kongo; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jestendi l-miżuri restrittivi fis-seħħ bħas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi għal dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-RDK, f'każ ta' aktar vjolenza, hekk kif inhu previst fil-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jimplimentaw il-ftehim li ntlaħaq f'Diċembru 2016 u li jorganizzaw elezzjonijiet mhux aktar tard minn Diċembru 2017 bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali; jistieden lill-UNHRC ikompli l-iskrutinju tiegħu tar-RDK sa ma jsiru l-elezzjonijiet u sseħħ tranżizzjoni demokratika, u jħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli biex jinforma lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fir-RDK meta jkun xieraq u biex jieħu azzjoni aktar b'saħħitha jekk ikun meħtieġ;

Ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar

37.  Jibqa' mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-midja u n-nuqqas ta' aċċess għar-reġjuni tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, li huma t-tnejn okkupati illegalment mir-Russja u fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kuntatt interpersonali bejn it-territorju kkontrollat minn Tbilisi u ż-żewġ reġjuni okkupati; jappella biex is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia jiġu rrispettati bis-sħiħ, kif ukoll biex l-invjolabilità tal-fruntieri tagħha tiġi rikonoxxuta internazzjonalment; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom jirritornaw b'mod sikur u dinjituż fil-post ta' residenza permanenti tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura s-segwitu u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU;

Il-Myanmar/Burma

38.  Jinsab imħasseb għall-aħħar dwar ir-rapporti ta' kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, ta' mezzi ta' għajxien u ta' kenn u r-rapporti ta' użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar/Burma; iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, il-fastidju u l-istupri mwettqa kontra l-poplu Rohingya, kif ukoll il-ħruq ta' djarhom; jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar/Burma u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar/Burma jtemmu minnufih id-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni fil-konfront tal-minoranza Rohingya; jappella biex id-drittijiet tal-poplu Rohingya jiġu salvagwardati u biex jiġu garantiti s-sikurezza, is-sigurtà u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-Myanmar/Burma; jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jilqa' t-tħabbira min-naħa tal-Gvern tal-Myanmar/Burma b'rabta mat-twaqqif ta' Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-istat ta' Rakhine; jissottolinja l-ħtieġa ta' prosekuzzjoni xierqa kontra dawk responsabbli u ta' għoti ta' rimedju adegwat għall-vittmi ta' ksur; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jkompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni u jirrispetta l-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw mandat imġedded tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar/Burma;

It-Territorji Palestinjani Okkupati (TPO)

39.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-istaġnar persistenti tal-proċess ta' paċi tal-Lvant Nofsani, u jappella biex sforzi kredibbli għall-paċi jerġgħu jinbdew mingħajr dewmien; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Territorji Palestinjani Okkupati, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani(3); jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar il-ksur u l-abbużi, bħar-riżoluzzjoni tat-3 ta' Lulju 2015 dwar "il-garanzija tar-responsabilità u l-ġustizzja għall-ksur kollu tad-dritt internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant"; jinnota l-investigazzjoni preliminari tal-QKI li tinsab għaddejja bħalissa; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI u għas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem(4), u jistieden lis-SEAE jirrapporta lura lill-Parlament dwar il-qerda u l-ħsarat ikkawżati lill-istrutturi u lill-proġetti ffinanzjati mill-UE; jenfasizza li l-partijiet kollha jridu jkomplu jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied f'Gaża, u jitlob biex jintemm l-imblokk; jistieden lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani biex jevitaw passi li jistgħu jqanqlu eskalazzjoni ulterjuri, inklużi diskors ta' mibegħda u tixwix fl-arena pubblika, kif ukoll miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati u jheddu l-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt tista' tinkiseb biss f'kuntest reġjonali bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati reġjonali kollha u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

Is-Sudan t'Isfel

40.  Jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż il-ksur li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħalma huma l-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza sessista, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien imġiegħel u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji; jinnota li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel iffirma l-Ftehim ta' Pjan Direzzjonali fis-16 ta' Marzu 2016, u sussegwentement iċċara l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u dwar it-tkomplija ta' ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenn tagħhom u jappella għal djalogu kontinwu lejn l-istabbiliment ta' waqfien definittiv mill-ġlied; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jestendu l-impenn tagħhom li jappoġġjaw l-isforzi tal-Unjoni Afrikana li twassal għall-paċi fis-Sudan t'Isfel u lill-poplu Sudaniż fit-tranżizzjoni tiegħu lejn demokrazija riformata internament; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jġeddu l-mandat tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sudan t'Isfel, u jsaħħu r-rwol tagħha bil-għan li jiġu investigati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u li tiġi identifikata l-vjolenza sesswali; jappoġġja l-integrazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'rapport li għandu jitressaq lill-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

Is-Sirja

41.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mir-reġim ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn atturi statali u mhux statali, inklużi gruppi terroristiċi armati, b'mod partikolari l-ISIS/Daesh li huwa responsabbli għal delitti li jammontaw għal ġenoċidju, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jinsisti li għandha titkompla l-investigazzjoni tal-użu u l-qerda ta' armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tar-Russja u taċ-Ċina li jimblukkaw riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-użu tal-armi kimiċi; itenni l-appell tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għall-konsegwenzi u r-responsabilità għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġja l-inizjattiva tal-UE biex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferuta lill-QKI u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni f'dan ir-rigward; jappoġġja l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta biex twettaq investigazzjoni speċjali dwar Aleppo, li għandha tiġi rrappurtata lura sa mhux aktar tard mill-34 sessjoni tal-UNHRC f'Marzu u jitlob li r-rapport jitressaq quddiem l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà;

L-Ukrajna

42.  Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja mwiegħra f'Donbas u li organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli li qed jiġu ffaċċjati minn aktar minn 1,5 miljun persuna spostati internament; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza sesswali kontinwa relatata mal-kunflitti; jinsab imħasseb serjament dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, partikolarment dawk tat-Tatari tal-Krimea; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar assistenza finanzjarja tal-UE lill-Ukrajna; itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-riintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea okkupata fis-sistema ġuridika Ukrena permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tgaħti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali aċċess għall-Krimea, bl-iskop li jewttqu monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fid-dawl tal-ksur gravi li għaddej tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u bil-għan li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-konvenzjonijiet; jappella, barra minn hekk, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Minsk, u f'dan ir-rigward jappoġġja l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja sakemm tiġi rritornata l-Krimea; ifakkar li l-partijiet kollha fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili taħt il-kontroll tagħhom mill-effetti tal-ostilitajiet; jappoġġja u jħeġġeġ id-Djalogu Interattiv mistenni fl-34 Sessjoni tal-HRC;

Il-Jemen

43.  Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Jemen; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit; jikkundanna l-fatt li l-persuni ċivili jinsabu fil-mira u jinsabu maqbuda f'sitwazzjoni intollerabbli bejn il-partijiet fil-kunflitt li qed jiksru l-dritt internazzjonali umanitarju u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-reklutaġġ u l-isfruttament tat-tfal fil-kunflitti armati huma strettament ipprojbiti mid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal taħt il-ħmistax-il sena għandhom mnejn jikkostitwixxu delitt tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha jeħilsu minnufih lil dawn it-tfal u jżommu lura milli jirreklutawhom; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jnaqqsu t-tensjonijiet u jistabbilixxu waqfien mill-ġlied immedjat u stabbli li jwassal għal soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; jappoġġja bis-sħiħ, f'dan is-sens, l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismaïl Ould Cheikh Ahmed, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem 33/16 ta' Ottubru 2016, li titlob lin-NU sabiex taħdem mal-kummissjoni ta' inkjesta nazzjonali indipendenti, u jappoġġja l-isforzi kollha għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti sabiex titneħħa l-klima ta' impunità fil-Jemen; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-isforzi kontinwi li jesprimu tħassib dwar il-ksur u l-abbużi fil-Jemen u li jitolbu biex dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali; jinkoraġġixxi l-użu ta' format ta' tgħarrif intersessjonali mill-Kummissarju Għoli sabiex iżomm lill-HRC regolarment informat dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0317.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0318.
(4) http://www.ohchr.org/documents/issues/business/A.HRC.17.31.pdf

Avviż legali