Diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista mill-importaturi ta' minerali u metalli li joriġinaw f’żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli (COM(2014)0111 – C7-0092/2014 – 2014/0059(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0111),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0092/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-8 ta' Diċembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0141/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-20 ta' Mejju 2015 (Testi adottati, P8_TA(2015)0204).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Marzu 2017 bil-ħsieb li tadotta r-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/821.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli
Il-Kunsill jaqbel, fuq bażi eċċezzjonali, li jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-livelli limiti tal-Anness I kif stabbiliti fl-Artikolu 1(4) u 1(5), sabiex tkun żgurata l‑adozzjoni f’waqtha tal-livelli limiti u biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Tali ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal proposti leġiżlattivi futuri fil-qasam tal-kummerċ, kif ukoll fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni inġenerali.
Dikjarazzjoni Nru 1 tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli
Il-Kummissjoni se tikkunsidra tagħmel xi proposti leġiżlattivi addizzjonali mmirati lejn kumpaniji tal-UE bi prodotti li fihom il-landa, it-tantalju, u t-tungstenu fil-katina tal-provvista tagħhom jekk tikkonkludi li l-isforzi globali tas-suq tal-UE fuq il-katina tal-provvista globali tal-minerali responsabbli hija insuffiċjenti biex tiffavorixxi mġiba responsabbli tal-provvista fil-pajjiżi produtturi, jew jekk hija tivvaluta li x-xiri sfurzat tal-operaturi 'l isfel fil-katina li jkollhom fis-seħħ sistemi ta' diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista f'konformità mal-Gwida tal-OECD mhuwiex biżżejjed.
Dikjarazzjoni Nru 2 tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli
Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 1(5), il-Kummissjoni se tieħu kont debitu tal-objettivi ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari kif stabbilit fil-premessi (1), (7), (10) u (17).
B'dan il-mod, il-Kummissjoni, b'mod partikolari, se tikkunsidra r-riskji speċifiċi assoċjati mal-operat ta' katini tal-provvista tad-deheb 'il fuq fil-katina f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli, u b'kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar tal-Unjoni li jimportaw id-deheb fl-UE.
Dikjarazzjoni Nru 3 tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli
Bi tweġiba għat-talba tal-Parlament Ewropew għal linji gwida speċifiċi, il-Kummissjoni hija lesta tiżviluppa indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għal provenjenza responsabbli ta' minerali ta' kunflitt. Permezz ta' dawn il-linji gwida, kumpaniji rilevanti b'aktar minn 500 impjegat li jintalbu jiżvelaw informazzjoni mhux finanzjarja f'konformità mad-Direttiva 2014/95/UE, jitħeġġu jiżvelaw informazzjoni speċifika fir-rigward ta' prodotti li fihom il-landa, it-tantalu, it-tungstenu jew deheb.