Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2343(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0042/2017

Testi mressqa :

A8-0042/2017

Dibattiti :

PV 15/03/2017 - 16
CRE 15/03/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2017 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0092

Testi adottati
PDF 529kWORD 65k
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Tratatt ta' Lisbona
P8_TA(2017)0092A8-0042/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Tratatt ta' Lisbona (2015/2343(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tat-TUE dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-politiki barranin, ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42(2), 42(3), 42(6), 42(7), 45 u 46 tat-TUE dwar it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattati dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015 u tal-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016 u tal-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawsoli ta' difiża reċiproka u solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea ta' Difiża(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-klawżola ta' difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7) ("ir-Regolament Finanzjarju"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/78/PESK tat-22 ta' Jannar 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet finali tal-Konferenzi Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) ta' The Hague tat-8 ta' April 2016, tal-Lussemburgu tas-6 ta' Settembru 2015, ta' Riga tas-6 ta' Marzu 2015, ta' Ruma tas-7 ta' Novembru 2014, ta' Ateni tal-4 ta' April 2014, ta' Vilnius tas-6 ta' Settembru 2013, ta' Dublin tal-25 ta' Marzu 2013 u ta' Paphos tal-10 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea) ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra it-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, iffirmat f'Washington, D.C. fl-4 ta' April 1949,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Implementation Plan on Security and Defence" (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mill-VP/RGħ u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru Speċjali tal-Parlament Ewropew li sar fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta' April sat-18 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0042/2017),

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija determinata li tfassal politika ta' difiża komuni li twassal għal difiża komuni li ssaħħaħ l-unità tagħha, l-awtonomija strateġika tagħha u l-integrazzjoni sabiex tippromwovi l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fil-viċinat tal-Ewropa u fid-dinja; billi politika ta' difiża komuni teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Ewropew u wkoll l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni mill-Istati Membri bi qbil mar-rekwiżiti konstituzzjonali tagħhom;

B.  billi l-formazzjoni ta' sitwazzjonijiet ġeopolitiċi u ġeostrateġiċi ġodda - bil-predominanza tar-reġjun Asjatiku fuq dak Euro-Atlanktiku - u ta' atturi ġodda, kif ukoll il-formazzjoni ta' theddid u oqsma ta' attività ġodda, juru li l-Istati ma jistgħux jiffaċċjaw dawn ir-riskji waħedhom, u hemm bżonn ta' reazzjoni konġunta;

C.  billi hu stmat li l-kost tan-non-Ewropa għas-sigurtà u d-difiża hu aktar minn EUR 100 biljun fis-sena, u billi l-livell tal-effiċjenza tal-UE hu ekwivalenti għal 10–15 % ta' dak tal-Istati Uniti;

D.  billi ambjent globali li qed jiddeterjora jenfasizza l-importanza li jkun hemm titjib tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, kif ukoll il-bżonn ta' żieda qawwija fin-nefqa militari tal-UE bl-użu ta' sors ta' riżorsi proprji intiżi għal dan il-għan;

E.  billi l-objettiv tal-integrazzjoni militari u ta' difiża jmur lura għall-missirijiet fundaturi, li l-għan ewlieni tagħhom kien li jistabbilixxu mekkaniżmu leġittimu ta' difiża kollettiva u jżommu l-paċi fil-kontinent Ewropew;

F.  billi t-TUE fl-Artikolu 21(1) u (2) u fl-Artikolu 42 tiegħu jiddefinixxi b'mod ċar il-prinċipji u l-objettivi fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK u l-mekkaniżmi u l-qafas għall-ilħuq tagħhom; billi twettaq progress limitat fl-ilħuq ta' dawn l-objettivi, minkejja l-bosta talbiet u proposti għal implimentazzjoni mill-Parlament u mill-Kummissjoni;

G.  billi l-iżvilupp tal-PSDK jirrikjedi qabel kollox rieda politika mill-Istati Membri, ibbażata fuq valuri u prinċipji kondiviżi, kif ukoll interessi u prijoritajiet komuni, kif ukoll l-istabbiliment ta' strutturi ta' kooperazzjoni istituzzjonali; billi l-PSDK, għandha tkun politika komuni effikaċi u strutturata li tiġġenera valur miżjud, u mhijiex biss is-sempliċi ġabra ta' poltiki nazzjonali tal-Istati Membri, jew l-inqas denominatur komuni tagħhom;

H.  billi l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-TUE minn Franza f'Novembru 2015, uriet il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża;

I.  billi l-UE skont l-Artikolu 42(2) u l-Artikolu 2(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha l-kompetenza li tiddefinixxi u timplimenta politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni li tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni; billi l-Unjoni jenħtieġ li tuża din il-kompetenza biex ittejjeb il-koordinament u l-effikaċja, u biex tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri, mingħajr b'daqshekk ma tippreġudika jew tissostitwixxi l-kompetenza tagħhom fil-qasam tad-difiża;

J.  billi ilhom is-snin jeżistu strutturi multinazzjonali Ewropej li huma eżempji ta' prattika u kooperazzjoni tajba fost l-Istati Membri, bħall-Eurocorps; billi dawn l-istrutturi jistgħu jkunu punt tat-tluq biex nimxu 'l quddiem lejn politika ta' difiża komuni;

K.  billi ċ-ċittadini tal-UE, jistennew aktar azzjoni mill-UE fid-difiża u s-sigurtà; billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016, żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ jaraw aktar parteċipazzjoni tal-UE, permezz tal-impenn tal-Istati Membri, f'materji ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża;

L.  billi jenħtieġ li tkun stabbilita kultura ta' difiża li tgħin biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE, jkollhom idea ċara tar-rwol li d-difiża twettaq fis-soċjetà tagħna u l-kontribut li tagħti għall-istabilità, għaż-żamma tal-paċi u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;

M.  billi jridu jitwettqu azzjonijiet li jkabbru l-operabilità u l-effikaċja tal-politika ta' sigurtà Ewropea, sabiex din tkun tista' twettaq titjib reali fis-sigurtà tal-Ewropa;

N.  billi l-Kunsill Ewropew għandu jistabbilixxi mingħajr dewmien l-Unjoni Ewropea tad-Difiża, kif irrakkomandat mill-Parlament, kif ukoll id-difiża komuni tal-Unjoni; billi l-Istati Membri għandhom jadottaw id-deċiżjoni dwar id-difiża komuni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom;

O.  billi l-politika ta' difiża tal-UE għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa biex issostni s-sigurtà kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, u għandha tikkonsolida s-sħubija man-NATO u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet transatlantiċi, biex b'hekk tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tan-NATO;

P.  billi l-Parlament jappoġġja b'mod attiv l-Unjoni Ewropea tad-Difiża u se jkompli jagħmel proposti xierqa għal dak l-għan; billi l-konferenza interparlamentari dwar il-PESK u l-PSDK għandha ssir il-forum għall-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fir-rigward tal-PSDK u għat-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni;

Q.  billi l-VP/RGħ tikkonsulta b'mod regolari lill-Parlament dwar it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni, tiżgura li l-opinjonijiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati b'mod xieraq f'dak il-proċess, u tinforma lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar lejn l-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

R.  billi l-VP/RGħ, fid-dikjarazzjoni tagħha fil-laqgħa informali ta' Gymnich tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE li saret tat-2 ta' Settembru 2016, irreferiet għat-"tieqa ta' opportunitajiet" biex isir progress sod fost l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża;

S.  billi l-Kummissjoni tizġura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet skont dawn it-Trattati, inkluż fil-qasam tal-PSDK;

T.  billi l-ipprogrammar annwali u pluriennali futur tal-Unjoni għandu jinkludi politika ta' difiża; billi l-Kummissjoni għandha tibda l-ħidma fuq ftehimiet interistituzzjonali xierqa, inkluż White Book tad-Difiża tal-UE, għall-ewwel implimentazzjoni skont il-qafas finanzjarju u politiku pluriennali li jmiss tal-UE;

U.  billi l-Parlament jirrappreżenta ċ-ċittadini Ewropej u jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji kif ukoll funzjonijiet ta' kontroll politiku u ta' konsultazzjoni politika, u għalhekk qiegħed jintalab li jwettaq rwol ewlieni fit-tfassil tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

V.  billi rwol attiv tal-Parlament, u l-appoġġ politiku u l-iskrutinju demokratiku tiegħu fit-tfassil ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni u l-istabbiliment ta' difiża komuni, jafferma u jsaħħaħ il-pedamenti rappreżentattivi u demokratiċi tal-Unjoni;

W.  billi l-Istrateġija Globali tal-UE għandha sservi bħala qafas strateġiku ċar ħafna u siewi għall-iżvilupp futur tal-PSDK;

X.  billi jeżistu limitazzjonijiet f'dak li jirrigwarda t-taħriġ militari barra mill-pajjiż, f'termini kemm ta' pjanijiet ta' azzjoni u ta' appoġġ ta' loġistika militari meħtieġ;

Y.  billi għaldaqstant ma jistgħux jitwettqu missjonijiet ta' taħriġ barra l-pajjiż – bħalma kien il-każ tal-missjonijiet ta' taħriġ militari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM CAR) jew fil-Mali (EUTM Mali) – jekk il-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati ma jipprovdux l-armamenti u t-tagħmir meħtieġ għall-unitajiet militari; billi mingħajr taħriġ bl-użu ta' armi u tagħmir, impossibbli jinħolqu unitajiet li jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi ta' ta' gwerra u jwettqu l-operazzjonijiet;

Z.  billi attwalment, is-suldati Ewropej huma pprojbiti milli jieħdu sehem f'operazzjonijiet militari bħala osservaturi, li jfisser li ma jistgħux jidentifikaw kwalunkwe problema li l-unitajiet imħarrġa jista' jkollhom, u li għalhekk mhuma kapaċi jsolvu l-ebda problema operazzjonali aktar 'il quddiem;

AA.  billi dawn l-unitajiet - kemm fil-Mali u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana - qegħdin jitħejjew għal operazzjonijiet ta' ġlied, u billi wara tliet snin mingħajr tagħmir u taħriġ adegwat, bl-ebda mod ma huma operazzjonali, bħalma hu l-każ ta' EUTM Mali;

AB.  billi mingħajr l-armamenti meħtieġa, il-missjonijiet ta' taħriġ ikunu jistgħu jitwettqu barra l-pajjiż biss jekk il-gvern tal-pajjiż inkwistjoni ma jipprovdix l-armamenti u t-tagħmir lill-unitajiet, li mbgħad huma jkunu jistgħu jkomplu jużaw wara li jintemm it-taħriġ tagħhom;

Il-qafas kostituzzjonali u legali

1.  Ifakkar li l-PSDK, hekk kif stipulat fit-TUE tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni li għandha twassal għal difiża komuni fil-ġejjieni meta l-Kunsill Ewropew, huwa u jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk, u meta l-Istati Membri jadottaw tali deċiżjoni bi qbil mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bħala prijorità għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-PSDK, u jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw progress tanġibbli fl-ilħuq tal-objettivi kif definit f'dawk id-dispożizzjonijiet;

2.  Jinnota li r-riforma u l-innovazzjoni mwassla lill-PSDK permezz tat-Trattat ta' Lisbona jikkostitwixxu qafas suffiċjenti u koerenti u għandhom iwittu t-triq għal politika verament komuni, ibbażata fuq riżorsi u kapaċitajiet kondiviżi kif ukoll fuq ippjanar koordinat fil-livell tal-Unjoni; jenfasizza li l-progress tal-PSDK fi ħdan il-qafas istituzzjonali u legali attwali huwa aktar dipendenti fuq ir-rieda politika tal-Istati Membri milli fuq kunsiderazzjonijiet legali; jenfasizza li l-Artikolu 43 tat-TUE jkopri l-ispettru sħiħ ta' kompiti għall-immaniġġjar tal-kriżi, u l-użu tagħhom b'mod rapidu u deċiżiv jixhed il-livell ta' ambizzjoni tal-UE;

3.  Jitlob, għalhekk, lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex kif stipulat fit-TUE, jiżguraw konsistenza bejn l-oqsma differenti ta' azzjoni esterna, sabiex jindirizzaw dawn l-oqsma permezz ta' approċċ globali u komprensiv u biex jużaw il-possibbiltajiet kollha previsti fit-Trattat - b'mod speċjali l-mekkaniżmi inklużi fl-Artikolu 42(6) u l-Artikolu 46 tat-TUE, fil-Protokoll Nru 10 dwar kooperazzjoni strutturata permanenti, stabbilit mill-Artikolu 42 tat-TUE, u matul il-fażi operattiva fl-Artikolu 44 tat-TUE dwar l-implimentazzjoni ta' missjoni ta' PSDK minn grupp ta' Stati Membri, sabiex jinkiseb skjerament aktar mgħaġġel, aktar effiċjenti u aktar flessibbli tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet; jissottolinja li r-regoli għal kooperazzjoni fi ħdan il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar;

4.  Jinnota li fejn it-TUE jipprevedi li l-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata biex jadotta deċiżjonijiet skont il-PSDK, b'mod partikolari dawk skont l-Artikoli 45(2) u 46(2) tat-TUE, in-nefqa kollha li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet għandha tiġi ffinanzjata b'riżorsi addizzjonali ġodda għall-baġit tal-UE u għandha titħallas minn dak il-baġit; jikkunsidra, għal dak l-għan, li hemm il-ħtieġa ta' finanzjament addizzjonali jew kofinanzjament mill-Istati Membri;

5.  Jikkunsidra, għalhekk, li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-PESCO għandhom jiġu trattati bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni sui generis, bħal fil-każ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jikkunsidra li dan jirrikjedi li jiġi emendat ir-Regolament Finanzjarju sabiex jinkludi l-EDA u l-PESCO fl-Artikolu 2(b) tiegħu, b'sezzjoni speċifika fil-baġit tal-Unjoni; ifakkar li l-Parlament jenħtieġ li, b'mod konġunt mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, kif ukoll funzjonijiet ta' kontroll u konsultazzjoni politika kif stipulat fit-Trattati;

6.  Jinsab konvint li l-Artikolu 41(1) tat-TUE japplika għan-nefqa amministrattiva tal-EDA u l-PESCO;

7.  Jikkonstata li l-Artikolu 41(2) tat-TUE japplika għan-nefqa amministrattiva tal-EDA u l-PESCO; ifakkar li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn missjonijiet militari, kif imsemmi fl-Artikolu 42(1) tat-TUE, in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn operazzjonijiet ta' difiża ta' Stat Membru fejn ikun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, jew minn operazzjonijiet ta' difiża ta' Stati Membri fejn jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta' għajnuna u assistenza skont l-Artikolu 42(7) tat-TUE, jenħtieġ li tiġi ffinanzjata b'mod kollettiv, iżda ma għandhiex titħallas mill-baġit tal-Unjoni; jilqa' favorevolment l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) dwar il-klawżola ta' difiża reċiproka;

8.  Jikkunsidra, għalhekk, li għall-EDA u l-PESCO, il-finanzjament tal-infiq amministrattiv u operatorju tagħhom mill-baġit tal-Unjoni huwa l-uniku opzjoni skont it-Trattati, minkejja li ż-żewġ istituzzjonijiet jistgħu jamministraw fondi direttament provduti mill-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu l-mezzi finanzjarji addizzjonali meħtieġa sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-EDA u l-PESCO mill-Baġit tal-Unjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jirrevedi d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għal dawk l-għanijiet;

11.  Jemmen li l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri fil-livell tal-UE għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tas-sorveljanza u tal-kontroll parlamentari, kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali;

12.  Jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-Parlament bħala awtorità baġitarja; jinsab determinat li jeżerċita skrutinju parlamentari u kontroll baġitarju effettivi fuq l-EDA u l-PESCO, kif previst mit-trattati;

13.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 41(3) tat-TUE u jadotta, mingħajr dewmien, deċiżjoni li tistabbilixxi l-fond ta' tnedija għall-finanzjament urġenti tal-fażijiet inizjali tal-operazzjonijiet militari għall-kompiti msemmija fl-Artikoli 42(1) u 43 tat-TUE;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, bi qbil mal-Artikolu 42(2) tat-TUE, iwettaq passi konkreti lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forzi armati Ewropej sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-persunal tal-forzi armati taħt il-kappa tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża, bħala pass 'il quddiem lejn it-tfassil gradwali tal-politika tad-difiża komuni tal-Unjoni;

Il-valur miżjud Ewropew tal-PSDK

15.  Jenfasizza li l-ksib tal-objettivi tal-PSDK marbuta mat-tisħiħ tal-kapaċità operattiva tal-Unjoni biex taġixxi esternament għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, kif previst mit-TUE, huwa neċessarju iktar minn qatt qabel f'kuntest ta' sigurtà f'deterjorament rapidu; jemmen bil-qawwa li t-theddid għas-sigurtà u d-difiża li qed tiffaċċja l-UE, u diretti lejn iċ-ċittadini u t-territorju tagħha, huma komuni u ma jistgħux jiġu indirizzati minn Stat Membru wieħed biss; jinsab konvint li s-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni jkunu aktar b'saħħithom jekk l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiddeċiedu li jibqgħu magħqudin u li jaħdmu flimkien; huwa tal-opinjoni li l-UE teħtieġ li tiżviluppa sistema effettiva għall-kondiviżjoni tal-piżijiet Ewropej għas-sigurtà u d-difiża tagħha stess, li għadha ma ġietx stabbilita; jistieden lill-Istati Membri juru parteċipazzjoni politika sħiħa u jikkooperaw favur dan il-għan;

16.  Jenfasizza li s-sigurtà u d-difiża jikkostitwixxu qasam fejn il-valur miżjud Ewropew jista' jintwera faċilment, f'termini ta' effiċjenza, billi l-Istati Membri jingħataw kapaċità miżjuda u aktar kosteffikaċi, permezz ta' aktar koerenza, koordinazzjoni u interoperabbiltà fis-sigurtà u d-difiża, u f'termini tal-kontribuzzjoni għall-konsolidazzjoni tas-solidarjetà, tal-koeżjoni u tal-awtonomija strateġika, kif ukoll tar-reżiljenza tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-istimi li jindikaw li kull euro li jiġi investit fid-difiża jiġġenera ritorn ta' EUR 1,6 partikolarment permezz ta' impjieg b'ħiliet, ir-riċerka u t-teknoloġija u l-esportazzjonijiet;

17.  Jenfasizza li l-użu tal-possibilitajiet kollha pprovduti fit-Trattati se jtejjeb il-kompetittività u l-funzjonament tal-industrija tad-difiża fis-suq intern, jistimola aktar il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz ta' inċentivi pożittivi, u jkollu fil-mira proġetti li l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jwettqu, filwaqt li titnaqqas id-duplikazzjoni żejda u jiġi promoss użu aktar effiċjenti tal-flejjes pubbliċi;

18.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-PSDK f'konformità mat-Trattati mhux se jkollu effett fuq is-sovranità nazzjonali, minħabba li din il-politika hija mmexxija mill-Istati Membri; jinsab konvint li ma hemmx rispett akbar għas-sovranità milli tiġi difiża l-integrità territorjali tal-Unjoni Ewropea permezz ta' politika ta' difiża komuni;

19.  Jenfasizza li t-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK, abbażi tal-Artikolu 44 tat-TUE, tikkontribwixxi għall-kisba ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; jistieden lill-UE tagħmel użu tal-potenzjal sħiħ tal-Artikolu 44 sabiex tkompli u tintensifika tali missjonijiet, bil-għan li titwitta t-triq għal politika operazzjonali ta' sigurtà u ta' difiża;

20.  Iqis essenzjali li n-nefqa għad-difiża nazzjonali tiżdied għal 2 % tal-PDG tal-UE; jenfasizza li dan ikun ifisser nefqa żejda ta' kważi EUR 100 biljun fuq id-difiża sa tmiem id-deċennju li ġej; iqis li din l-ispinta għandha tintuża biex jitniedu programmi kooperattivi aktar strateġiċi fl-Unjoni u permezz tagħha, billi jiġu strutturati aħjar in-naħat tad-domanda u tal-provvista u billi ż-żewġ naħat isiru aktar effiċjenti u aktar effettivi; iqis li din iż-żieda se tikkontribwixxi għal appoġġ fil-livell Ewropew lill-industrija tad-difiża Ewropea u għall-ħolqien ta' impjiegi, partikolarment fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; hu tal-fehma li parti sostanzjali ta' dik in-nefqa għandha tiġi diretta lejn ir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll lejn programmi strateġiċi ta' kooperazzjoni, li jiffukaw fuq teknoloġiji b'użu doppju u ta' difiża, li huma kruċjali, mhux biss għall-kisba ta' dawn l-għanijiet, iżda jistgħu wkoll iġibu aktar valur miżjud lill-Unjoni Ewropea; jikkonstata li l-kontabilità, it-trasparenza u l-iskrutinju fir-rigward tal-użu ta' fondi pubbliċi Ewropej, għandhom jiġu żgurati fir-rigward ta' din in-nefqa żejda;

21.  Jinsab konvint li l-investiment tal-Unjoni fid-difiża għandu jiżgura li l-Istati Membri kollha jistgħu jipparteċipaw f'titjib bilanċjat, koerenti u sinkronizzat tal-kapaċitajiet militari tagħhom; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi opportunità strateġika għall-Unjoni biex ittejjeb is-sigurtà u d-difiża tagħha;

Il-qafas istituzzjonali

Kunsill tal-Ministri tad-Difiża

22.  Jenfasizza l-bżonn kontinwu għall-istabbiliment ta' format tal-Kunsill tal-Ministri ta' Difiża taħt il-presidenza tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, sabiex jikkoordina l-implimentazzjoni tal-PSDK u jagħmilha aktar effiċjenti;

Bord ta' Tmexxija tad-Difiża

23.  Jikkunsidra li l-Bord ta' Tmexxija tal-EDA, magħmul mir-rappreżentanti tal-ministeri tad-difiża tal-Istati Membri, huwa korp adattat biex jeżerċita l-funzjonijiet konsultattivi u superviżorji meħtieġa biex jiġu implimentati l-Artikoli 42, 45 u 46 tat-TUE;

24.  Jikkunsidra li l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jipprevedi bażi neċessarja u b'saħħitha għall-bord ta' tmexxija tal-EDA biex jaġixxi bħala t-tielet kumitat tar-rappreżentanti permanenti tal-Unjoni, il-Bord ta' Tmexxija tad-Difiża; jikkunsidra li dan il-kumitat għandu jeżerċita wkoll il-funzjonijiet konsultattivi u superviżorji meħtieġa biex tiġi implimentata kooperazzjoni strutturata permanenti ladarba tiġi stabbilita;

25.  Jinsab konvint li l-mandat tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) imsemmi fl-Artikolu 38 tat-TUE jeħtieġ li jiġi interpretat b'mod strett; jikkunsidra li, skont it-trattati, il-mandat tiegħu jkopri biss is-sitwazzjoni u l-missjonijiet barra mill-Unjoni, kif ukoll ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà; jikkunsidra b'mod partikolari li l-arranġamenti ta' ħidma żviluppati tiegħu mhumiex adattati għall-implimentazzjoni ulterjuri ta' dik il-parti tal-PSDK li hija definita mill-Artikolu 42(2) tat-TUE;

26.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jirrevedi d-Deċiżjoni 2001/78/PESK li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà, kif ukoll id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għal dawk l-għanijiet;

L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża

27.  Ifakkar li l-objettivi tal-EDA, bħala appoġġ għall-Istati Membri fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża taghom u fit-tisħiħ tal-bażi ta' difiża industrijali u teknoloġika tagħhom; jenfasizza l-potenzjal mhux użat tal-EDA fl-appoġġ għall-iżvilupp tal-PSDK, u fil-kisba ta' dawk l-objettivi, li jirrikjedu l-użu sħiħ tal-kapaċitajiet tal-Aġenzija; jitlob li ssir riflessjoni fuq il-futur u l-kompiti tal-Aġenzija; jitlob lill-Istati Membri jiddefinixxu u jimpenjaw ruħhom favur livell komuni ta' ambizzjoni fi ħdan EDA riformata; jitlob it-tisħiħ tal-appoġġ politiku, tal-finanzjament u tar-riżorsi tal-EDA, kif ukoll tal-koordinazzjoni tagħha mal-azzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u atturi oħra, b'mod speċjali fl-oqsma tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, l-akkwist pubbliku, ir-riċerka u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà fost il-forzi armati tal-Istati Membri; iqis li l-Aġenzija tista' tikkofinanzja l-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi flimkien mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-operaturi privati tas-suq;

28.  Jinnota d-deċiżjoni tal-EDA biex tirrevedi l-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) f'konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE, u jistenna bil-ħerqa CDP futur li jirrifletti l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-UE u tal-Istati Membri b'mod aktar rilevanti;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politika komuni Ewropea dwar l-armamenti u l-kapaċitajiet (EACP) fi ħdan l-EDA, kif previst mill-Artikolu 42(3) tat-TUE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-EDA jressqu proposti dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati miksuba mir-relazzjoni ta' ħidma eżistenti bejn l-EDA u l-Kummissjoni u tat-tnejn li huma mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR); jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod debitu l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/CFSP, dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, u jistabbilixxu politika komuni dwar l-esportazzjoni tal-armi, li tiżgura li l-esportazzjoni tal-armi tkun soġġetta għal kriterji komuni mifruxa mal-UE li jirregolaw l-esportazzjonijiet ta' armi, munizzjon, teknoloġiji u tagħmir ta' difiża lil pajjiżi terzi;

Kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO)

30.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu u jingħaqdu mal-PESCO, fi ħdan il-qafas tal-Unjoni, malajr kemm jista' jkun, bil-għan li jiġu sostnuti u mtejba l-kapaċitajiet militari tagħhom permezz tal-iżvilupp tad-duttrina u t-tmexxija, l-iżvilupp u t-taħriġ tal-persunal, l-iżvilupp tal-materjal u l-infrastruttura tad-difiża, u l-interoperabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni; jissottolinja l-importanza u l-ħtieġa ta' parteċipazzjoni f'kooperazzjoni strutturata permanenti u effiċjenti mill-Istati Membri kollha li lesti li javvanzaw l-integrazzjoni tad-difiża tagħhom għall-ogħla livell ta' ambizzjoni; jemmen li jenħtieġ li tiġi stabbilita "Forza Integrata Ewropea" (EIF) bħala forza multinazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 dwar il-PESCO u tkun disponibbli għall-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-PSDK, kif previst fl-Artikolu 42(3) tat-TUE; jistieden lill-VP/RGħ tressaq proposti għall-operazzjonalizzazzjoni tal-PESCO fl-ewwel nofs tal-2017;

31.  Jikkunsidra li l-Unjoni għandha tipprevedi, bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, il-parteċipazzjoni fi programmi ta' kapaċità mwettqa minnhom; jikkunsidra li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal dawn il-programmi m'għandhiex taqbeż il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri parteċipanti;

32.  Hu tal-opinjoni li s-Sistema ta' Grupp Tattiku tal-UE, għandha tinġieb taħt il-kontroll tal-PESCO, flimkien mal-ħolqien ta' kwartieri ġenerali permanenti ċivili u militari, b'Kapaċità Militari ta' Ppjanar u ta' Kondotta (MPCC) u Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Kondotta (CPCC) daqstant ieħor importanti, li jsaħħu l-ippjanar strateġiku u operazzjonali tul iċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, itejbu l-koperazzjoni ċivili-militari kif ukoll il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet; iqis li strutturi multinazzjonali Ewropej oħrajn, bħall-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru, il-Eurocorps u l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR), kif ukoll kull forma ta' kooperazzjoni militari bilaterali u multilaterali fost il-pajjiżi parteċipanti fil-PESCO, għandhom ukoll jinġiebu taħt il-kontroll tal-PESCO; jikkunsidra li l-privileġġi u l-immunitajiet tal-UE għandhom japplikaw għal dawk l-istrutturi multinazzjonali li huma parti mill-PESCO;

33.  Jikkunsidra li matul il-fażijiet tal-istand-up, l-istandby u l-istand-down l-Unjoni għandha tkopri l-ispejjeż kollha tal-Grupp Tattiku tal-UE;

34.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jimplimentaw bis-sħiħ ir-Riżolużżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 u jaħtru Rappreżentant Speċjali għan-Nisa u l-Kunflitti;

Il-Parlament Ewropew

35.  Jenfasizza li l-Parlament jenħtieġ li jkollu rwol prominenti fl-iskrutinju u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-PSDK, b'konformità mal-Artikolu 14(1) tat-TUE; iqis li l-konferenza interparlamentari dwar il-PESK u l-PSDK għandha sservi ukoll ta' pjattaforma għall-konsultazzjoni interparlamentarja u għall-iskrutinju tal-PSDK; jinsisti li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat b'mod effettiv dwar deċiżjonijiet ewlenin fil-qasam tal-PSDK, partikolarment fir-rigward tal-missjonijiet militari u ċivili barra mill-UE, u dwar operazzjonijiet ta' difiża strateġika;

36.  Jitlob, f'dan ir-rigward, lill-VP/RGħ tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 36 tat-TUE, billi tiżgura li l-opinjonijiet jiġu kkunsidrati b'mod xieraq fil-qafas tal-konsultazzjoni tal-Parlament dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PSDK bħala parti mill-PESK; jitlob li tiġi provduta aktar informazzjoni lill-Parlament fuq bażi aktar regolari, bil-għan li jissaħħu l-mekkaniżmi disponibbli ta' kontroll parlamentari u politiku;

37.  Iħeġġeġ lill-Parlament jibdel is-Sottokumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża f'Kumitat Parlamentari sħiħ, biex b'hekk ikollu rwol prominenti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u partikolarment, rwol fl-iskrutinju tal-atti legali dwar is-suq ta' difiża, kif ukoll fi proċeduri bħar-Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża;

38.  Jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, bħala element kruċjali għall-iżvilupp ta' riżultati konkreti fil-qasam tal-PSDK u għal-leġittimazzjoni tagħha; jinnota li din il-kooperazzjoni jenħtieġ li ma timminax l-implimentazzjoni tal-PSDK u l-ilħuq tal-objettivi tagħha bħala politika tal-Unjoni;

39.  Jikkunsidra li l-Parlament jenħtieġ li jkompli jagħti spinta lil inizjattivi speċifiċi u jindirizza r-rakkomandazzjoniijiet lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u ta' difiża komuni, lil hinn mir-rwol tiegħu fil-proċeduri baġitarji;

Relazzjoni bejn l-UE u n-NATO

40.  Jitlob relazzjoni aktar mill-qrib bejn il-PSDK u n-NATO, li toffri opportunità politika għal kollaborazzjoni u kumplimentarjetà f'kull livell, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(7), it-tieni subparagrafu, tat-TUE; ifakkar dwar il-bżonn ta' bilanċ mill-ġdid u tkabbir tas-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO, bil-għan li jiġu żgurati l-kompatibilita, l-iżvilupp ta' kapaċitajiet konġunti u l-evitar tal-irduppjar ta' azzjonijiet u strutturi, biex b'hekk jitnaqqas l-infiq u ssir aktar effikaċi; jistieden lill-VP/RGħ tipparteċipa minnufih mas-sħab transatlantiċi bil-għan li jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar is-suġġetti differenti indirizzati mill-Istrateġija Globali;

41.  Jitlob lill-VP/RGħ u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO jipprovdu analiżi dettaljata tal-konsegwenzi ġuridiċi u politiċi tal-iskattar possibbli mir-Renju Unit tal-Artikolu 50 tat-TUE għall-iżvilupp tal-isħubija tal-UE/NATO;

42.  Jissottolinja li l-arranġamenti "Berlin plus" jenħtieġ li jiġu riformulati fil-fond bil-għan li jiġu adattati għall-kuntest strateġiku attwali u biex jiġu trattati n-nuqqasijiet misjuba, pereżempju permezz tatt-tisħiħ tal-mekkaniżmi tattiċi u operazzjonali f'xenarji fejn kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma preżenti, sabiex b'hekk in-NATO tkun tista' tagħmel użu mill-istrumenti tal-UE;

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

43.  Jappoġġja l-proposta għal Reviżjoni Annwali Koordinata dwar id-Difiża, li fil-kuntest tagħha l-Istati Membri se jikkoordinaw il-pjanijiet tal-infiq u tal-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom, fi proċess miftuħ li jinvolvi kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

44.  Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jiżviluppaw White Book tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li jinkludi definizzjoni ċara tat-theddid u l-perikli għas-sigurtà Ewropea, iffaċjati mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-kapaċitajiet meħtieġa mid-difiża Ewropea, u pjan direzzjonali b'fażijiet ċari u kalendarju għal passi progressivi li jridu jittieħdu lejn l-istabbiliment ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża u politika ta' difiża komuni aktar effettiva; jemmen li dan il-White Book għandu jkun ir-riżultat tal-kontributi mill-bosta istituzzjonijiet Ewropej u għandu jkun kemm jista' jkun komprensiv u għandu jintegra l-miżuri differenti previsti mill-Unjoni;

45.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża mressaq mill-Kummissjoni f'Novembru 2016; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jiċċaraw l-governanza u l-finanzjament tal-Fond ta' Difiża Ewropea possibbli, partikolarment tal-possibilitajiet ta' kapaċità u riċerka; jikkunsidra li l-implimentazzjoni effettiva ta' dak il-pjan tirrikjedi appoġġ u impenn politiku b'saħħithom mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, l-EDA u l-Istati Membri għandhom ma wettqux il-kompiti kollha li rriżultaw mil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża tal-2013 u l-2015;

46.  Jirrimarka li l-inizjattivi differenti mressqa mill-Kummissjoni jeħtieġ li jqisu l-fatturi speċifiċi tas-settur tad-difiża (regoli ta' parteċipazzjoni, drittijiet tal-proprjetà intellettwali, governanza, u dawn għandhom jintrabtu mar-rekwiżiti operazzjonali); se jżomm, tul in-negozjati għall-perjodu 2021-2027, ħarsa mill-qrib b'mod partikolari dwar l-implimentazzjoni ta' programm prospettiv ta' riċerka tad-difiża;

47.  Jikkunsidra li l-adozzjoni ta' White Book tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża għandha....u jibni fuq il-Pjan ta' Implimentazzjoni għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Istrateġija Globali, sabiex jitmexxa t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni; jenfasizza li dan id-dokument jenħtieġ li ma jirriflettix biss il-kapaċitajiet militari attwali tal-Istati Membri, iżda janalizza wkoll it-tip ta' kooperazzjoni meħtieġa u l-mezzi biex tinkiseb, it-tip ta' operazzjonijiet li l-UE tista' twettaq, u l-kapaċitajiet u l-fondi meħtieġa, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn in-NATO u l-UE;

48.  Jitlob riforma immedjata tal-mekkaniżmu Athena, bil-għan li jiżdied il-potenzjal tiegħu għall-qsim tal-ispejjeż u għall-finanzjament komuni, kif ukoll biex jiżgura qsim ġust tan-nefqa operazzjonali, sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jikkontribwixxu b'forzi, mingħajr ma jkunu ristretti minħabba l-kapaċitajiet finanzjarji tagħhom; iqis li din ir-riforma jenħtieġ li tiżgura li l-infiq komuni kollu msemmi fl-Annessi I sa IV fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015, dejjem jiġu mħallsa mill-Programm Athena; iqis li r-riforma tal-mekkaniżmu Athena jenħtieġ li tintuża wkoll biex tiġi ffinanzjata n-nefqa għall-operazzjonijiet tal-"Forza Ewropea Integrata" (ladarba tkun stabbilita fil-PESCO), u inkluż il-Gruppi Tattiċi tal-UE;

49.  Jirrikjedi li l-missjonijiet militari ta' taħriġ Ewropej barra 'l pajiż jiksbu l-għan tagħhom li jħarrġu unitajiet militari nazzjonali lokali li jkunu kapaċi jindirizzaw kundizzjonijiet ta' gwerra u theddid għas-sigurtà (irvelli u terroriżmu); iqis li b'riżultat ta' dan, jeħtieġ li jkollhom l-armi u t-tagħmir meħtieġ kemm għat-taħriġ tagħhom u wkoll għall-kapaċità tagħhom li joperaw f'sitwazzjoni militari, u li l-militar Ewropew inkarigat mit-taħriġ tagħhom għandu jkun kapaċi li jakkumpanjhom bħala osservaturi mingħajr ma jintervjenu fl-operazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jevalwa l-effikaċja tat-taħriġ u konsegwentement, biex ikun kapaċi jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa u jwettqu t-taħriġ mill-ġdid militari;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa għal diskussjonijiet aktar fil-fond dwar il-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fi kwistjonijiet tal-PSDK, u b'mod partikolari fil-qasam tal-kapaċitajiet militari, jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li jixkatta l-Artikolu 50 tat-TUE; jikkunsidra li jeħtieġ li jinstabu arranġamenti ta' kmand ġodda fir-rigward tal-Kwartieri Ġenerali Operazzjonali ta' Northwood għal Operation Atalanta;

51.  Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex jiżguraw koordinazzjoni fil-livelli kollha ta' interazzjoni: ċivili u militari, SEAE/Kummissjoni u UE/Stati Membri; jilqa' r-rabta ta' sigurtà interna/esterna stabbilita mill-Istrateġija Globali, u jitlob lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżguraw il-koerenza u jiżguraw li l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà huma koordinati b'mod xieraq, inkluż fil-livell amminstrattiv;

52.  Jissottolinja li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-governanza globali, li twassal għal titjib fis-sitwazzjoni strateġika u ta' sigurtà; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu r-riforma tan-NU sabiex din issaħħaħ il-proċessi ta' leġittimità, trasparenza, u kontabilità u l-effikaċja tagħhom; hu tal-fehma li l-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU għandu jiġi riformat, speċjalment fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu u tal-proċeduri ta' votazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jaġixxi b'mod deċiżiv biex jindirizza l-isfidi għas-sigurtà globali, u biex imur lil hinn mis-sempliċi skop militari tiegħu;

53.  Jenfasizza li l-fattur uman hu wiħed mill-assi l-aktar prezzjużi fil-ħidma lejn difiża komuni; iqis li hemm bżonn ta' aktar investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni dwar il-PSDK, inkluża aktar ħidma dwar sistema integrata bbażata fuq iċ-ċentri militari nazzjonali, peress li kemm it-taħriġ kif ukoll l-edukazzjoni huma strumenti b'saħħithom biex isir avvanz f'dan il-qasam;

54.  Jikkunsidra li l-opinjonijiet espressi mill-Parlament Ewropew permezz ta' din ir-riżoluzzjoni jikkostitwixxu rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-VP/RGħ kif imsemmi fl-Artikolu 36 tat-TUE; jikkunsidra li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq mill-VP/RGħ fi kwalunkwe proposta għall-iżvilupp tal-PSDK, u mill-Kunsill meta jadotta dawn proposti, bħala prattika tajba ta' kooperazzjoni sinċiera reċiproka fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

55.  Jissottolinja li l-Artikolu 21 tat-TUE li jiddikjara b'mod espliċitu li "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali";

Evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea

56.  Jistieden lill-membri ta' konvenzjoni futura:

   jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet u l-orjentazzjonijiet ta' din ir-riżoluzzjoni, tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża;
   jinkludu, abbażi ta’ tar-rakkomandazzjonijiet u tal-orjentazzjonijiet ta' dawk ir-riżolużżjonijiet, dispożizzjonijiet fi trattat futur tal-Unjoni li;
   li jistabbilixxu Forzi Armati Ewropej, li jkun kapaċi li jiskjeraw forzi ta' kumbattiment għal kunflitti ta' intensità għolja, forzi ta' stabbilizzazzjoni li jiżgura ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied jew ftehimiet ta' paċi u ukoll servizzi mediċi b'kompiti ta' evakwazzjoni li jinkludu sptarijiet mobbli fuq il-post, kif ukoll forzi ta' loġistika militari u ta' inġinerija miltari;
   li jistabbilixxu, fi ħdan il-politika tad-difiża komuni tal-Unjoni, linji gwida preċiżi u vinkolanti għall-attivazzjoni u l-implimentazzjoni tal-klawżola ta' għajnuna u assistenza reċiproka;
   li jiżguraw il-qsim obbligatorju tal-informazzjoni fil-livell Ewropew fost il-korpi ta' intelligence nazzjonali fi ħdan strutturi ta' kooperazzjoni xierqa;
   li jistabbilixxu grupp ta' ħidma permanenti dwar kwistjonijiet ta' difiża magħmul minn membri tal-Kummissjoni, bi presidenza tal-VP/RGħ; li jassoċjaw il-Parlament mar-rappreżentanti permanenti f'dan il-grupp; jkompli jinvolvi lill-Kummissjoni fid-difiża, permezz tar-riċerka, ippjanar u implimentazzjoni iffokati sew; jippermetti lill-VP/RGħ tallinja t-tibdil fil-klima fl-azzjoni esterna kollha tal-UE u partikolarment fil-PSDK;
   li jikkunsidraw il-valutazzjoni tal-politika finanzjarja u baġitarja tal-infiq għad-difiża tal-Istati Membri f'Semestru Ewropew futur dwar id-Difiża, jiġifieri li jingħata kont tal-infiq ta' kull Stat Membru f'dan il-qasamm bil-għan li jirraportaw dwar l-importanza tal-infiq individwali għas-sigurtà tal-Ewropa kollha kemm hi; jemmen, li fuq il-perjodu twil ta' żmien, l-UE għandha tesplora l-possibilitajiet ta', u tiffoka fuq baġit komuni;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, is-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0120.
(2) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 138.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0435.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0019.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0440.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0049.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55.
(9) ĠU L 27, 30.1.2001, p. 1.

Avviż legali