Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2008(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0041/2017

Testi mressqa :

A8-0041/2017

Dibattiti :

PV 15/03/2017 - 19
CRE 15/03/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2017 - 6.10
CRE 16/03/2017 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0095

Testi adottati
PDF 379kWORD 59k
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Demokrazija elettronika fl-UE: potenzjal u sfidi
P8_TA(2017)0095A8-0041/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi (2016/2008(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)1 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-demokrazija elettronika, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-18 ta' Frar 2009, bħala l-ewwel strument legali internazzjonali li jistabbilixxi standards fil-qasam tad-demokrazija elettronika,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 6, 9, 10 u 11 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 8 sa 20 u 24 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179),

–   wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Gvern Elettroniku (EGDI) tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2014,

–  wara li kkunsidra t-tliet studji intitolati "Potenzjal u l-isfidi tal-parteċipazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea", "Potenzjal u l-isfidi tal-votazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea" u "Il-kuntest legali u politiku għat-twaqqif ta' dokument ta' identità Ewropew", ippubblikati mid-Dipartiment Tematiku Ċ tiegħu fl-2016,

–   wara li kkunsidra żewġ studji ta' STOA intitolati "E-public, e-participation and e-voting in Europe – prospects and challenges: final report" (Pubbliku elettroniku, parteċipazzjoni elettronika u votazzjoni elettronika fl-Ewropa - prospetti u sfidi: rapport finali) (Novembru 2011), u "Technology options and systems to strengthen participatory and direct democracy" (Għażliet u sistemi teknoloġiċi biex tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u diretta) li jridu jiġu ppubblikati fl-2017,

–   wara li kkunsidra l-ħidma dwar id-demokrazija elettronika mwettqa mill-Konferenza tal-Assemblej Reġjonali Leġiżlattivi Ewropej (CALRE) bl-użu tan-netwerk ta' kooperazzjoni IT4all tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0041/2017),

A.  billi l-kriżijiet u l-istaġnar reċenti fl-oqsma finanzjarji, ekonomiċi, politiċi u soċjali qed jaffettwaw bil-kbir lil Stati Membri individwali u lill-Unjoni inġenerali u fi żmien meta kollha kemm huma qed jiffaċċjaw sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u s-sigurtà; billi r-relazzjoni taċ-ċittadini mal-politika qiegħda dejjem aktar taħt pressjoni, peress li huma jevitaw il-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, u hemm riskju dejjem jikber ta' skuntentizza pubblika fil-politika; billi l-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-ħajja demokratika, flimkien ma' trasparenza u informazzjoni, huma essenzjali għall-funzjonament tad-demokrazija u għal-leġittimità u r-responsabilità ta' kull livell tal-istruttura ta' governanza f'diversi livelli tal-UE; billi hemm ħtieġa ċara li tissaħħaħ ir-rabta demokratika bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet politiċi;

B.  billi f'dawn l-aħħar deċenji s-soċjetà tagħna nbidlet b'mod estremament veloċi, u ċ-ċittadini jħossu l-ħtieġa li jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod aktar frekwenti u direttament dwar il-problemi li jiddefinixxu l-futur tas-soċjetà tagħna, u billi l-istituzzjonijiet politiċi u ta' tfassil ta' politika jenħtieġ għalhekk li jinvestu fl-innovazzjoni demokratika;

C.  billi l-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej ilha tonqos b'mod kostanti sa mill-1979, u fl-elezzjonijiet tal-2014 naqset għal 42,54 %;

D.  billi huwa importanti li terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; billi l-għodod tad-demokrazija elettronika jistgħu jgħinu biex jippromwovu ċittadinanza aktar attiva billi jtejbu l-parteċipazzjoni, it-trasparenza u r-responsabilità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u b'hekk jappoġġaw mekkaniżmi għas-sorveljanza demokratika u l-għarfien dwar l-UE bl-għan li ċ-ċittadini jingħataw vuċi aktar qawwija fil-ħajja politika;

E.  billi d-demokrazija għandha tevolvi u tadatta għall-bidliet u l-opportunitajiet assoċjati ma' teknoloġiji ġodda u għodod tal-ICT, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġid komuni li, meta implimentati kif jixraq u akkumpanjati b'livell adegwat ta' informazzjoni, jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent aktar trasparenti u parteċipattiv; billi, għal dan l-għan, kull persuna għandu jkollha l-opportunità li tkun imħarrġa fl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

F.   billi aktar progress b'rabta maċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data huwa essenzjali jekk irridu nagħmlu użu akbar mit-teknoloġiji ġodda fil-ħajja istituzzjonali u politika u b'hekk insaħħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

G.  billi mewġa ta' għodod ġodda ta' komunikazzjoni diġitali u pjattaformi miftuħa u kollaborattivi jistgħu jispiraw u jipprovdu soluzzjonijiet ġodda biex jitrawmu l-parteċipazzjoni u l-impenn politiku taċ-ċittadini, filwaqt li tonqos l-iskuntentizza fir-rigward tal-istituzzjonijiet politiċi, kif ukoll jgħinu biex iżidu l-livelli ta' fiduċja, trasparenza u responsabilità demokratika;

H.  billi fl-aktar indirizz reċenti tiegħu dwar “l-istat tal-Unjoni”, il-President Juncker ippreżenta pakkett ta' miżuri biex jiżdied l-użu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż il-WiFi4EU u l-introduzzjoni tal-5G fl-Ewropa;

I.  billi data tal-gvern miftuħa għandha l-potenzjal li tiġġenera tkabbir ekonomiku, iżżid l-effiċjenza tas-settur pubbliku u ttejjeb it-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali;

J.  billi aċċess taħt kundizzjonijiet ugwali għal netwerk newtrali huwa prerekwiżit biex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali;

K.  billi d-demokrazija elettronika tista' tiffaċilita l-iżvilupp ta' forom ta' involviment komplementari li jistgħu jikkontribwixxu biex inaqqsu ż-żieda tal-iskuntentizza pubblika fir-rigward tal-politika tradizzjonali; billi, barra minn hekk, hija tista' tgħin fil-promozzjoni, id-djalogu, il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-interess tal-pubbliku fl-Unjoni tagħna, fil-politika u l-politiki tagħha, u għalhekk tiffavorixxi appoġġ popolari għall-proġett Ewropew kif ukoll tnaqqas l-hekk imsejjaħ "defiċit demokratiku";

L.  billi forom ġodda ta' parteċipazzjoni fi spazju virtwali pubbliku ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr ir-rispett għad-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-parteċipazzjoni fi spazju pubbliku, li jinkludu, pereżempju, drittijiet proċedurali f'każ ta' malafama;

M.  billi, sabiex jiġi garantit ir-rwol tal-Internet bħala għodda demokratika valida u effettiva, huwa indispensabbli li tinqered il-qasma diġitali u li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'ħiliet adegwati ta' litteriżmu medjatiku u diġitali;

N.  billi t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fis-sistemi moderni hija fil-qalba tal-proċessi tal-gvern, iżda għadhom meħtieġa aktar sforzi sabiex jitjieb it-twassil ta' servizzi tal-gvern elettroniku;

O.  billi l-votazzjoni elettronika tista' tgħin lin-nies li jgħixu jew jaħdmu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f'pajjiż terz jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom; billi s-sigurtà u s-segretezza fl-ikkastjar u r-reġistrazzjoni tal-voti għandhom ikunu żgurati fi proċessi ta' votazzjoni elettronika, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-possibilità ta' attakki ċibernetiċi;

Potenzjal u sfidi

1.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tad-demokrazija elettronika, li hija definita bħala appoġġ u tisħiħ tad-demokrazija tradizzjonali permezz tal-ICT, u li tista' tikkompleta u ssaħħaħ il-proċess demokratiku permezz ta' żieda ta' elementi tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini b'diversi attivitajiet online li, fost l-oħrajn, jinkludu l-gvern elettroniku, il-governanza elettronika, id-deliberazzjoni elettronika, il-parteċipazzjoni elettronika u l-votazzjoni elettronika; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li permezz ta' għodod ġodda ta' informazzjoni u komunikazzjoni, dejjem aktar ċittadini jistgħu jiġu involuti fi proċessi demokratiċi;

2.  Jenfasizza li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2009)1 titlob lill-Istati Membri jiżguraw li d-demokrazija elettronika "tippromwovi, tiżgura u ssaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabilità, ir-rispons, l-involviment, id-deliberazzjoni, l-inklużività, l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, is-sussidjarjetà u l-koeżjoni soċjali"; jirrimarka li din ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri li jkunu jistgħu jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

3.  Jenfasizza li l-iskop tad-demokrazija elettronika huwa li tippromwovi kultura demokratika li tarrikkixxi u ssaħħaħ il-prattiki demokratiċi, billi tipprovdi mezzi addizzjonali biex jiżdiedu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, iżda mhux li tistabbilixxi sistema demokratika alternattiva għad-detriment tad-demokrazija rappreżentattiva; jirrimarka li d-demokrazija elettronika waħedha ma tiżgurax il-parteċipazzjoni politika u li, b'mod parallel għal demokrazija elettronika, għandu jiġi indirizzat ukoll ambjent mhux diġitali biex isegwi l-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini;

4.  Jirrimarka l-importanza tal-votazzjoni elettronika u tal-votazzjoni bl-internet mill-bogħod bħala sistemi li jwessgħu l-inklużjoni taċ-ċittadini u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni demokratika, speċjalment f'oqsma li huma ġeografikament u soċjalment aktar emarġinati, billi joffru bosta vantaġġi potenzjali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, il-persuni b'mobilità mnaqqsa, l-anzjani u l-persuni li jgħixu jew jaħdmu permanentement jew temporanjament fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f'pajjiż terz, dment li l-ogħla standards possibbli ta' protezzjoni tad-data jkunu garantiti; ifakkar li, meta jdaħħlu fis-seħħ il-votazzjoni remota bl-internet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trasparenza u l-affidabilità tal-għadd tal-voti u jirrispettaw il-prinċipji tal-ugwaljanza, is-segretezza tal-vot, aċċess għall-votazzjoni u suffraġju ħieles;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta' interazzjoni diġitali kollha jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta' ftuħ istituzzjonali, flimkien ma' għaqda ta' trasparenza f'ħin reali u parteċipazzjoni informata;

6.  Jenfasizza u jħeġġeġ l-użu tal-parteċipazzjoni elettronika bħala karatteristika ewlenija ta' demokrazija elettronika, li tinkludi tliet forom ta' interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet tal-UE fuq naħa, u ċ-ċittadini, fuq in-naħa l-oħra, jiġifieri: l-informazzjoni elettronika, il-konsultazzjoni elettronika u t-teħid elettroniku ta' deċiżjonijiet; jirrikonoxxi li ħafna każijiet ta' parteċipazzjoni elettronika nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jitqiesu bħala eżempji tajbin ta' kif l-ICT jistgħu jintużaw f'demokrazija parteċipattiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment dawn il-prattiki fil-livell nazzjonali u lokali;

7.  Jenfasizza li l-ICTs jikkontribwixxu lejn il-ħolqien ta' spazji għal parteċipazzjoni u diskussjoni li, min-naħa tagħhom, itejbu l-kwalità u l-leġittimità tas-sistemi demokratiċi tagħna;

8.   Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti ż-żgħażagħ fid-dibattitu politiku, u jinnota li l-użu tal-ICT fi proċeduri demokratiċi jista' jkun għodda effettiva għal dan l-għan;

9.  Ifakkar fl-ewwel eżempju ta' votazzjoni online Ewropea fl-Estonja fl-elezzjonijiet legalment vinkolanti tagħha fl-2005, iżda jsostni li jekk l-użu tal-votazzjoni elettronika isir possibbli fi Stati Membri oħra, se jkun meħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-parteċipazzjoni attwali tal-popolazzjoni kollha tistax tiġi ggarantita, u wkoll l-evalwazzjoni tal-benefiċċji u l-isfidi, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta' approċċi teknoloġiċi differenti jew diverġenti; jenfasizza li l-eżistenza ta' konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja u siguri, u infrastruttura tal-identità elettronika sigura huma prerekwiżiti importanti għas-suċċess tal-votazzjoni elettronika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati l-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda fil-proċessi tal-votazzjoni attwali fil-booths, u jqis li avvanzi sinifikanti jistgħu jseħħu permezz tal-qsim tal-aħjar prattiki u riċerka fil-livelli politiċi kollha;

10.   Jindika l-isfida li ġġib magħha r-reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini rigward l-użu ta' għodda fuq l-internet b'rabta mad-demokrazija; huwa tal-fehma li l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u l-garanzija tal-privatezza huma tal-akbar importanza għall-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini fix-xena politika diġitali emerġenti;

11.  Jenfasizza li l-proċessi demokratiċi jirrikjedu dibattitu estensiv f'kull livell tas-soċjetà tal-UE, kif ukoll skrutinju u riflessjoni, sabiex iwasslu għal deliberazzjoni ġusta, sħiħa u razzjonali; iwissi li hemm riskju ta' distorsjoni u manipulazzjoni tal-eżitu tad-deliberazzjonijiet dwar għodod ta' diskussjoni online; huwa tal-fehma li l-aħjar garanzija kontra dan ir-riskju hija t-trasparenza tal-atturi kollha li jinteraġixxu u l-provvista ta' tagħrif dwar kampanji li potenzjalment ikunu qed jiġu promossi, direttament jew indirettament, fuq pjattaformi ta' parteċipazzjoni diġitali;

12.   Jinnota li għal demokrazija li tiffunzjona, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi hija dimensjoni fundamentali; jenfasizza, għalhekk, li l-introduzzjoni ta' għodod tad-demokrazija elettronika jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn strateġiji tajba ta' komunikazzjoni u ta' edukazzjoni;

13.   Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata l-parteċipazzjoni elettronika fis-sistema politika sabiex tinkorpora l-kontributi taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi żgurat segwitu; jinnota li nuqqas ta' kapaċità ta' reazzjoni minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iwassal għal diżappunt u nuqqas ta' fiduċja;

14.   Jenfasizza li l-użu ta' għodod tal-ICT għandu jkun kumplementari ma' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi, bl-għan li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' ħiliet diġitali jew nuqqas ta' riżorsi u infrastrutturi;

Proposti dwar it-titjib tas-sistema demokratika permezz tal-ICT

15.   Iqis li l-parteċipazzjoni fi proċessi demokratiċi hija bbażata, l-ewwel nett, fuq aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-informazzjoni u l-għarfien;

16.   Jitlob, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jadottaw miżuri mmirati biex jillimitaw b'mod arbitrarju l-aċċess għall-internet u l-eżerċizzju ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem, bħalma huma miżuri ta' ċensura sproporzjonati jew il-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni leġittima ta' kritika u oppożizzjoni;

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu mezzi tekniċi u edukattivi biex jagħtu spinta lill-għoti tas-setgħa demokratika liċ-ċittadini u jtejbu l-kompetenzi tal-ICT, kif ukoll il-provvista tal-litteriżmu diġitali u aċċess diġitali sikur u ekwu għaċ-ċittadini kollha tal-UE sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali (inklużjoni elettronika), għall-benefiċċju aħħari tad-demokrazija; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw l-akkwist ta' ħiliet diġitali fil-kurrikuli tal-iskejjel u t-tagħlim tul il-ħajja, u jagħtu prijorità lil programmi ta' taħriġ diġitali għall-anzjani; jappoġġa l-iżvilupp ta' netwerks mal-universitajiet u l-istituzzjonijiet edukattivi biex jippromwovi r-riċerka dwar u l-implimentazzjoni ta' għodod ġodda ta' parteċipazzjoni; jistieden ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu programmi u politiki mmirati biex jiżviluppaw apprezzament kritiku u informat tal-użu tal-ICT;

18.   Jipproponi li jkompli jsir progress fl-evalwazzjoni tal-użu tat-teknoloġija ġdida biex tittejjeb id-demokrazija fl-amministrazzjonijiet tal-UE billi jiġu inkorporati, bħala indikaturi, miri li jkejlu l-kwalità tas-servizzi online;

19.  Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew, bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament fl-Unjoni Ewropea, jieħu rwol ta' tmexxija fit-tisħiħ tad-demokrazija elettronika; iqis li jkun utli, għal dan l-iskop, li jiġu żviluppati soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi li se jagħmluha possibbli għaċ-ċittadini li jikkomunikaw b'mod sinifikanti u jaqsmu t-tħassib tagħhom mar-rappreżentanti eletti tagħhom;

20.   Jinkoraġġixxi s-simplifikazzjoni tal-lingwaġġ u l-proċeduri istituzzjonali u l-organizzazzjoni tal-kontenut multimedjali biex jiġu spjegati l-elementi ewlenin tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, sabiex jiġu promossi l-fehim u l-parteċipazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jinxtered dan il-mezz ta' parteċipazzjoni elettronika permezz ta' għodod segmentati proattivi li jippermettu l-aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajls parlamentari;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jipprovdu infrastruttura diġitali affordabbli u b'veloċità għolja, b'mod partikolari f'reġjuni periferiċi u żoni rurali u ekonomikament anqas żviluppati, u jiżguraw li l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tkun garantita, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk iċ-ċittadini li huma l-aktar vulnerabbli u jipprovduhom b'kapaċitajiet sabiex ikun żgurat l-użu sikur u mingħajr periklu tat-teknoloġija; jirrakkomanda li l-libreriji, l-iskejjel u bini li fih huma pprovduti s-servizzi pubbliċi jkollhom riżorsi xierqa ta' infrastruttura tal-IT b'veloċità għolja u moderna li tkun ugwalment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari għall-aktar kategoriji vulnerabbli, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; jirrimarka l-ħtieġa li jiġu dedikati riżorsi finanzjarji u ta' taħriġ għal dawn l-għanijiet; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi riżorsi għal proġetti mmirati biex jittejbu l-infrastrutturi diġitali fil-qasam tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà;

22.  Jenfasizza li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli kollha kif ukoll fis-setturi tal-ICT; jinnota li n-nisa u l-bniet spiss jiffaċċjaw sterjotipi tal-ġeneri fir-rigward tat-teknoloġiji diġitali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi programmi mmirati li jippromwovu l-edukazzjoni fl-ICT u l-parteċipazzjoni elettronika għan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari dawk minn sfond vulnerabbli u marġinalizzat, bl-użu ta' tagħlim formali, informali u mhux formali;

23.  Jinnota li sabiex tiġi żgurata l-aċċessibilità ugwali taċ-ċittadini għall-għodod tad-demokrazija elettronika, it-traduzzjoni multilingwa hija importanti meta tkun se tinxtered l-informazzjoni u tinqara miċ-ċittadini kollha fil-pajjiżi li għandhom aktar minn lingwa uffiċjali waħda jew minn dawk li jkunu ġejjin minn sfondi etniċi differenti;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jippromwovu, jappoġġaw u jimplimentaw mekkaniżmi u strumenti li jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-interazzjoni tagħhom ma' gvernijiet u istituzzjonijiet tal-UE, bħal pjattaformi tal-crowdsourcing; jenfasizza li l-ICTs għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni indipendenti, it-trasparenza, il-kontabilità u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjoni; jappella f'dan ir-rigward biex l-għodod kollha tal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet maċ-ċittadini, u b'mod partikolari l-portal Europe Direct, jiġu mfassla aktar mill-qrib mal-isfidi tad-demokrazija elettronika; jimpenja ruħu biex jagħmel l-għodod kollha eżistenti ta' segwitu leġiżlattiv aktar aċċessibbli, li jinftehmu aħjar, edukattivi u interattivi, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-istess fuq is-sit tal-Internet tagħha stess;

25.  Jistieden lill-Istati Membri u l-UE jevalwaw mill-ġdid il-kontenut uffiċjali tagħhom fuq is-siti b'rabta mal-funzjonament tad-demokrazija, bl-għan li jipprovdu l-għodod edukattivi li jagħmluha aktar faċli għaż-żgħażagħ biex iżuru s-siti inkwistjoni u jifhmu l-kontenut tagħhom u li s-siti jsiru iktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

26.  Jinkoraġġixxi lill-amministrazzjonijiet jirriflettu l-impenn tagħhom għall-prinċipju ta' ftuħ istituzzjonali permezz ta' tibdil fil-proċessi tagħhom tad-disinn strateġiku u l-kultura korporattiva, il-baġits u bidla fl-organizzazzjoni li jkunu misjuqa minn mira għat-titjib tad-demokrazija permezz tal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda;

27.  Jitlob li tinħoloq pjattaforma online b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jiġu kkonsultati b'mod sistematiku qabel ma l-leġiżlatur Ewropew jieħu deċiżjonijiet, u b'hekk jiġu involuti b'mod aktar dirett fil-ħajja pubblika;

28.  Jemmen li huwa essenzjali li l-użu ta' dawn l-għodod ġodda jkun appoġġat minn kampanji li jippromwovu l-possibilitajiet li joffru u l-valuri ċiviċi ta' responsabilità konġunta u parteċipazzjoni;

29.  Jirrimarka dwar l-importanza tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala mezz ta' parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-ħajja politika tal-UE u l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fiha, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tqis mill-ġdid il-mod kif topera sabiex tkun tista' tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħha, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015; jiġbed l-attenzjoni, għaldaqstant, għall-importanza tas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tar-rekwiżiti burokratiċi relatati ma' dan, u ta' użu usa' tal-ICT, eż. permezz ta' pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet oħra kompatibbli ma' apparat mobbli, sabiex din l-għodda importanti ssir aktar faċli għall-utent u ppubbliċizzata b'mod wiesa'; jemmen li l-użu ta' teknoloġija ġdida jista' jtejjeb, b'mod partikolari, is-sistema tal-ġbir ta' firem online permezz tal-użu ta' servizzi ta' identifikazzjoni u ta' awtentikazzjoni (e-IDAS), li jippermetti lill-membri tal-pubbliku li b'mod aktar faċli jirċievu u jiskambjaw informazzjoni dwar Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej eżistenti jew potenzjali sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv f'diskussjonijiet u/jew jappoġġaw l-inizjattivi nnifishom;

30.  Jenfasizza li bosta proċessi tal-Kummissjoni, bħall-konsultazzjonijiet pubbliċi online, attivitajiet ta' parteċipazzjoni elettronika u valutazzjonijiet tal-impatt, jistgħu jibbenefikaw minn użu ikbar ta' teknoloġiji ġodda biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni pubblika, tiżdied ir-responsabilità f'dawn il-proċessi u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-UE u tissaħħaħ il-governanza Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta' konsultazzjoni pubblika jkunu iktar effettivi u aċċessibbli għal kemm jista' jkun nies, filwaqt li l-ostakoli tekniċi jinżammu f'livelli minimi;

31.   Jissottolinja l-ħtieġa għal aktar informazzjoni għaċ-ċittadini dwar pjattaformi diġitali eżistenti fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tespandi u tiżviluppa l-parteċipazzjoni elettronika fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li se tiġi mnedija fl-2017, u tippromwovi l-iżvilupp u l-finanzjament ta' strumenti ġodda marbuta maċ-ċittadinanza elettronika tal-Unjoni Ewropea; jirrakkomanda barra minn hekk li l-Kummissjoni tiffoka fuq soluzzjonijiet ta' sorsi miftuħa li jistgħu jiġu implimentati faċilment fis-suq uniku diġitali kollu; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni tintegra l-użu mill-ġdid ta' proġetti preċedenti bħal pereżempju l-pjattaforma D-CENT, il-proġett iffinanzjat mill-UE li jipprovdi għodod teknoloġiċi għal demokrazija parteċipattiva;

33.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' amministrazzjoni elettronika għandu jkun prijorità għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u jilqa' l-pjan ta' azzjoni ambizzjuż u komprensiv tal-Kummissjoni dwar il-gvern elettroniku, li għalih implimentazzjoni nazzjonali xierqa,u koordinazzjoni tal-fondi disponibbli tal-UE ser ikunu essenzjali, f'sinerġija mal-aġenziji u awtoritajiet diġitali nazzjonali; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex jinkoraġġixxu d-data miftuħa u l-użu ta' għodod tal-ICT abbażi ta' softwer b'sors miftuħ u bla ħlas kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri;

34.  Jitlob għal aktar kooperazzjoni fil-livell tal-UE u jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattiki għal proġetti ta' demokrazija elettronika bħala mezz biex nimxu lejn forma ta' demokrazija aktar parteċipattiva u deliberattiva, u li twieġeb għat-talbiet u l-interessi taċ-ċittadini u għandha l-għan li tinvolvihom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jirrimarka dwar il-ħtieġa li wieħed ikun jaf x'inhi l-attitudni taċ-ċittadini b'rabta mal-implimentazzjoni ta' votazzjoni mill-bogħod bl-internet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni jew konsultazzjoni indipendenti tal-opinjoni pubblika dwar votazzjoni online, b'analiżi tal-punti pożittivi u d-dgħjufijiet tagħha, bħala alternattiva addizzjonali biex iċ-ċittadini jivvutaw, li għandha tiġi kkunsidrata mill-Istati Membri sa tmiem l-2018;

35.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu mħarsa, bħala kwistjoni ta' prijorità, il-privatezza u d-data personali meta jintużaw l-għodod tad-demokrazija elettronika u biex jitrawwem ambjent tal-internet aktar sikur, b'mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni u s-sigurtà tad-data, inkluż "id-dritt li wieħed jintesa", u biex jipprovdu garanziji kontra s-softwer ta' sorveljanza u l-verifikabilità tas-sors; barra minn hekk, jappella għal aktar użu ta' servizzi diġitali bbażati fuq aġenti ewlenin bħall-identità diġitali sigura u kriptata, skont ir-Regolament EIDAS; Jippromwovi reġistri diġitali pubbliċi siguri u sikuri u l-validazzjoni ta' firem elettroniċi sabiex jipprevjeni interazzjonijiet multipli frawdolenti, f'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza fl-aħħar nett li l-kwistjonijiet ta' sigurtà m'għandhomx iservu ta' deterrent għall-inklużjoni ta' individwi u gruppi fi proċessi demokratiċi;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija permezz tat-teknoloġija li għandha tintuża f'ambjent sigur li hu sikur mill-użu ħażin ta' għodod teknoloġiċi (eż. spamming bots, profili anonimi u approprjazzjoni tal-identità), u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-ogħla standards legali;

37.   Ifakkar fir-rwol essenzjali tal-informaturi attwali — ġeneralment permezz tal-internet — fl-esponiment tal-korruzzjoni, il-frodi, il-ġestjoni ħażina u forom oħra ta' aġir illegali li jheddu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, l-integrità finanzjarja, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-istat tad-dritt, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni;

38.  Iħeġġeġ lir-rappreżentanti pubbliċi jipparteċipaw b'mod attiv maċ-ċittadini f'fora eżistenti u totalment indipendenti, u biex jużaw midja ġdida u pjattaformi tal-IT bl-għan li jistimulaw diskussjoni u skambju ta' opinjonijiet u proposti maċ-ċittadini (parlament elettroniku) u l-ħolqien ta' konnessjoni diretta magħhom; jistieden lill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew u l-partiti politiċi Ewropej biex iżidu l-opportunitajiet għal diskussjoni pubblika u l-parteċipazzjoni elettronika;

39.  Jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex ikomplu jsaħħu t-trasparenza fix-xogħol tagħhom, speċjalment f'kuntest politiku attwali diffiċli, u jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi biex jistudjaw il-possibilità tat-twaqqif ta' pjattaformi diġitali, inklużi l-għodod l-iżjed moderni tal-IT; iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti biex jużaw dawn l-għodod u jikkomunikaw u jimpenjaw ruħhom b'mod pożittiv ma' kostitwenti u mal-partijiet interessati fuq bażi effiċjenti bl-għan li jiġu infurmati dwar l-UE u l-attivitajiet parlamentari u biex ikun hemm deliberazzjoni u proċessi għat-tfassil tal-politika u jiżdied l-għarfien tad-demokrazija Ewropea;

40.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Parlament fil-qasam tal-parteċipazzjoni elettronika; jappoġġa sforzi kontinwi sabiex jissaħħu l-karattru rappreżentattiv, il-leġittimità u l-effikaċja tal-Parlament, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu usa' minn teknoloġiji ġodda sabiex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-limiti meħtieġa imposti mid-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali; jinnota l-ħtieġa għal proċess wiesa' ta' riflessjoni dwar kif jista' jittejjeb l-użu tal-ICT mill-Membri tiegħu, mhux biss għall-komunikazzjoni mal-pubbliku iżda wkoll rigward il-leġiżlazzjoni, petizzjonijiet, konsultazzjonijiet u aspetti oħra rilevanti għax-xogħol tagħhom ta' kuljum;

41.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod diġitali sabiex jiġu żviluppati modi ġodda sabiex jippromwovu d-demokrazija interna, inkluża t-trasparenza fil-ġestjoni tagħhom, il-finanzjament, u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u sabiex ikun hemm komunikazzjoni aħjar u parteċipazzjoni ta' membri u sostenituri tagħhom u s-soċjetà ċivili; barra minn hekk iħeġġiġhom ikunu ferm trasparenti u responsabbli lejn iċ-ċittadini; jissuġġerixxi għal dan l-għan li tiġi kkunsidrata l-possibilità ta' modifiki għall-Istatut tal-partiti politiċi Ewropej u li dawn ikopru u jippromovu l-prattiki ta' parteċipazzjoni diġitali;

42.  Jistieden lill-UE u l-istituzzjonijiet tagħha sabiex ikunu miftuħa għal aktar esperimentazzjoni b'metodi ġodda ta' parteċipazzjoni elettronika, bħall-crowdsourcing, fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, b'kont meħud tal-aħjar prattiki li diġà ġew żviluppati fi ħdan l-Istati Membri u, għal dan l-għan, biex iniedu proġetti pilota speċifiċi; itenni, fl-istess ħin, il-ħtieġa li dawk il-miżuri jiġu komplementati b'kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex jiġu spjegawti l-possibilitajiet ta' dawn l-għodod;

43.  Jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej iniedu proċess parteċipattiv sabiex jelaboraw Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Internet, filwaqt li tittieħed bħala referenza, fost testi oħra, id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Internet ippubblikata mill-Kamra tad-Deputati tal-Italja fit-28 ta' Lulju 2015, sabiex jiġu promossi u garantiti d-drittijiet kollha li jappartjenu għall-isfera diġitali, fosthom id-dritt ġenwin ta' aċċess għall-Internet u tan-newtralità tal-internet;

44.  Jinnota l-ammont enormi ta' informazzjoni eteroġena li tista' tinstab fuq l-internet illum, u jenfasizza li l-kapaċità taċ-ċittadini li jaħsbu b'mod kritiku għandha tissaħħaħ sabiex dawn ikunu jistgħu jagħrfu aħjar bejn sorsi affidabbli u mhux affidabbli ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jadattaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni bl-għan li jiġu indirizzati l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa, u jimplimentaw bis-sħiħ u jinforzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-diskors ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali u kostituzzjonali; jisħaq li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw azzjonijiet u politiki għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' ħsieb trasferibbli, kritiku u kreattiv u l-litteriżmu diġitali u medjatiku, kif ukoll l-inklużjoni u l-kurżità fost iċ-ċittadini tagħhom, speċjalment iż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċessi demokratiċi;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0382.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0288.

Avviż legali