Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2222(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0066/2017

Testi mressqa :

A8-0066/2017

Dibattiti :

PV 03/04/2017 - 19
CRE 03/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 04/04/2017 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0098

Testi adottati
PDF 512kWORD 70k
It-Tlieta, 4 ta' April 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali
P8_TA(2017)0098A8-0066/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali (2016/2222(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni (2013-063)(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità" (COM(2008)0645),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam tas-7 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' prodotti agrikoli bażiċi agrikoli ma' pajjiżi Ewropej) favur katina tal-provvista taż-żejt tal-palm kompletament sostenibbli sal-2020 u favur it-tmiem tad-deforestazzjoni illegali sal-2020,

–  wara li kkunsidra l-wegħda ta' appoġġ mill-gvernijiet għall-iskema biex l-industrija taż-żejt tal-palm issir 100 % sostenibbli sal-2020, li saret mill-ħames Stati Membri u firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam: id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit u n-Netherlands,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għal mobbiltà b'livell baxx ta' karbonju ta' Lulju 2016 u l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2016 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (COM(2016)0767),

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat u ffinanzjat mill-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 intitolat "The land use change impact of biofuels consumed in the EU: Quantification of area and greenhouse gas impacts" (L-impatt tal-bidla fl-użu tal-art tal-bijofjuwils kkunsmati fl-UE: Kwantifikazzjoni tal-erja u tal-impatti tal-gassijiet serra),

–  wara li kkunsidra r-rapport intitolat "Globiom: the basis for biofuel policy post-2020" (Globiom: il-bażi għal politika dwar il-bijokarburanti post-2020),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 18/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Is-sistema tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti sostenibbli",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li ġie adottat fid-29 ta' Ottubru 2010 f'Nagoya, il-Ġappun u li daħal fis-seħħ fit-12 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, u r-rieżami ta' nofs it-terminu relatat(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità(3),

–  wara li kkunsidra l-Kungress Dinji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) il-Kungress Dinji għall-Konservazzjoni li sar f'Hawaii fl-2016 u l-Mozzjoni 066 tiegħu dwar il-mitigazzjoni tal-impatti tal-espansjoni taż-żejt tal-palm u l-operazzjonijiet dwar il-bijodiversità,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0066/2017),

A.  billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi u jenħtieġ li jkollha rwol kruċjali fil-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-oqsma li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-twassil ta' protezzjoni ambjentali u żvilupp sostenibbli;

B.  billi l-UE kienet strumentali fl-istabbiliment tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li huma marbuta mill-qrib mal-kwistjoni taż-żejt tal-palm (SDGs 2, 3, 6, 14, 16, 17 u, b'mod partikolari, 12, 13 u 15);

C.  billi, skont l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-UE impenjata tippromwovi l-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, twaqqaf id-deforestazzjoni, tirrestawra l-foresti degradati u żżid b'mod sostenibbli l-afforestazzjoni u l-forestazzjoni mill-ġdid globalment sal-2020; billi skont l-Aġenda 2030, l-UE impenjata wkoll tiżgura mudelli ta' konsum u produzzjoni sostenibbli, tinkoraġġixxi lill-kumpaniji jadottaw prattiki sostenibbli u jintegraw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fiċ-ċiklu ta' rapportar tagħhom u tippromwovi prattiki ta' akkwist pubbliku sostenibbli, b'konformità mal-politiki nazzjonali u l-prijoritajiet globali sal-2020;

D.  billi hemm ħafna fatturi ewlenin tad-deforestazzjoni globali, inkluża l-produzzjoni ta' prodotti bażiċi agrikoli bħas-sojja, iċ-ċanga, il-qamħirrum u ż-żejt tal-palm;

E.  billi kważi nofs (49 %) id-deforestazzjoni tropikali reċenti kollha hija r-riżultat tal-ikklerjar illegali ta' art minħabba agrikoltura kummerċjali u din il-qerda hija mmexxija mid-domanda barranija għall-prodotti bażiċi agrikoli inklużi ż-żejt tal-palm, iċ-ċanga, is-sojja, u l-prodotti tal-injam; billi l-konverżjoni illegali tal-foresti tropikali għall-finijiet tal-agrikoltura kummerċjali hija stmata li tipproduċi 1,47 gigatunnellati ta' karbonju kull sena – ekwivalenti għal 25 % tal-emissjonijiet annwali tal-UE bbażati fuq il-karburanti fossili(4);

F.  billi n-nirien forestali tal-2015 fl-Indoneżja u f'Borneo kienu l-agħar fost dawk osservati matul kważi żewġ deċennji u seħħew b'riżultat tat-tibdil fil-klima globali, it-tibdil fl-użu tal-art u d-deforestazzjoni; billi l-kundizzjonijiet estremament xotti fir-reġjun inkwistjoni x'aktarx isiru avvenimenti aktar komuni fil-futur, sakemm ma titteħidx azzjoni miftiehma biex jiġu evitati n-nirien;

G.  billi n-nirien forestali fl-Indoneżja u f'Borneo esponew 69 miljun persuna għal tniġġis tal-arja mhux tajjeb għas-saħħa u huma responsabbli għal eluf ta' mwiet prematuri;

H.  billi n-nirien fl-Indoneżja tipikament ikunu r-riżultat ta' kklerjar ta' art għal pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u użi agrikoli oħra; billi 52 % tan-nirien fl-Indoneżja fl-2015 seħħew f'torbieri b'livell għoli ta' karbonju, u minħabba f'hekk l-Indoneżja saret wieħed mill-akbar kontributuri għat-tisħin globali fid-Dinja(5);

I.  billi n-nuqqas ta' mapep preċiżi ta' konċessjonijiet taż-żejt tal-palm u ta' reġistri pubbliċi tal-artijiet f'ħafna pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm jagħmilha diffiċli biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà għan-nirien tal-foresti;

J.  billi fid-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti, l-UE qablet li tgħin biex jintlaħaq l-għan tas-settur privat li tiġi eliminata d-deforestazzjoni mill-produzzjoni ta' prodotti bażiċi agrikoli bħaż-żejt tal-palm, is-sojja, il-karta u l-prodotti taċ-ċanga sa mhux aktar tard mill-2020 filwaqt li tirrikonoxxi li xi kumpaniji għandhom saħansitra miri aktar ambizzjużi;

K.  billi fl-2008, l-UE impenjat ruħha li tnaqqas id-deforestazzjoni b'mill-inqas 50 % sal-2020 u li twaqqaf it-telf tal-kopertura globali tal-foresti sal-2030;

L.  billi l-ekosistemi tropikali prezzjużi, li jkopru biss 7 % tal-wiċċ tad-Dinja, jinsabu taħt pressjoni li dejjem qiegħda tiżdied minħabba d-deforestazzjoni; billi l-istabbiliment ta' pjantaġġuni taż-żejt tal-palm qed iwassal għal nirien tal-foresta kbar ħafna, it-tnixxif tax-xmajjar, l-erożjoni tal-ħamrija, l-ixxottar tat-torbieri, it-tniġġis tal-passaġġi fuq l-ilma u t-telf ġenerali ta' bijodiversità, u dan imbagħad iwassal għat-telf ta' bosta servizzi tal-ekosistema u qed ikollu impatt kbir fuq il-klima, il-konservazzjoni ta' riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-ambjent globali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri;

M.  billi l-konsum taż-żejt tal-palm u tal-oġġetti pproċessati derivati tiegħu għandu rwol ewlieni fl-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni globali;

N.  billi d-domanda għaż-żjut veġetali b'mod ġenerali mistennija tiżdied(6), filwaqt li d-domanda għaż-żejt tal-palm, skont l-istimi, se tirdoppja sal-2050(7); billi, sa mis-sebgħinijiet, 90 % tat-tkabbir fil-produzzjoni taż-żejt tal-palm kien ikkonċentrat fl-Indoneżja u fil-Malasja; billi, barra minn hekk, il-kultivazzjoni tal-palm taż-żejt ukoll qed jiżdied f'pajjiżi Asjatiċi oħrajn, kif ukoll fl-Afrika u fl-Amerka Latina, fejn b'mod kostanti qed jiġu stabbiliti pjantaġġuni ġodda filwaqt li dawk eżistenti qed jiġu estiżi, sitwazzjoni li se twassal għal ħsara ulterjuri tal-ambjent; jinnota, madankollu, li s-sostituzzjoni taż-żejt tal-palm bi żjut veġetali oħra toħloq il-bżonn ta' aktar art għall-kultivazzjoni;

O.  billi l-użu qawwi taż-żejt tal-palm primarjament huwa dovut għall-ispejjeż baxxi marbuta miegħu, u dan huwa possibbli grazzi għaż-żieda fin-numru ta' pjantaġġuni tal-palm taż-żejt f'żoni deforestati; billi, barra minn hekk, l-użu taż-żejt tal-palm fl-industrija alimentari huwa konformi ma' mudell ta' produzzjoni u konsum tal-massa mhux sostenibbli, li jmur kontra l-użu u l-promozzjoni ta' ingredjenti u prodotti organiċi, ta' kwalità għolja u b'żero kilometri;

P.  billi ż-żejt tal-palm qed jintuża dejjem aktar bħala bijokarburant u fl-ikel ipproċessat, u issa hemm madwar 50 % tal-prodotti ppakkettati li fihom żejt tal-palm;

Q.  billi xi kumpaniji fil-kummerċ taż-żejt tal-palm qed jonqsu milli juru mingħajr ebda dubju li ż-żejt tal-palm fil-katina tal-provvista tagħhom mhux marbut mad-deforestazzjoni, l-ixxottar tat-torbieri jew it-tniġġis ambjentali, u qed jonqsu wkoll milli juru li ġie prodott b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u standards soċjali adegwati;

R.  billi, skont is-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP), il-Kummissjoni meħtieġa tivvaluta l-impatt ambjentali, f'kuntest globali, tal-konsum tal-Unjoni ta' prodotti bażiċi alimentari u mhux alimentari u, jekk xieraq, tiżviluppa proposti ta' politika biex tindirizza s-sejbiet ta' tali valutazzjonijiet, u tqis l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni tal-Unjoni dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

S.  billi l-Kummissjoni qed tippjana studji dwar id-deforestazzjoni u ż-żejt tal-palm;

T.  billi t-total tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-tibdil fl-użu tal-art relatat maż-żejt tal-palm mhuwiex magħruf; billi meħtieġ li jitjiebu l-valutazzjonijiet xjentifiċi f'dan ir-rigward;

U.  billi ma hemm l-ebda data disponibbli affidabbli fil-pajjiżi produtturi dwar iż-żoni tal-art mogħtija għall-kultivazzjoni tal-palm taż-żejt, kemm jekk b'awtorizzazzjoni kif ukoll jekk le; billi dan l-ostaklu, mill-bidu nett, idgħajjef il-miżuri meħuda għaċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà taż-żejt tal-palm;

V.  billi fl-2014, is-settur tal-enerġija kien responsabbli għal 60 % tal-importazzjonijiet tal-UE taż-żejt tal-palm, b'46 % taż-żejt tal-palm importat użat bħala karburant għat-trasport (żieda ta' sitt darbiet apparagun tal-2010) u 15 % għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana;

W.  billi huwa stmat li sal-2020 l-ammont ta' art li se tiġi kkonvertita globalment għall-produzzjoni taż-żejt tal-palm għall-bijodiżil se jkun miljun ettaru (1 Mha), li minnu 0,57 Mha se jiġi kkonvertit minn foresti primarji tax-Xlokk tal-Asja(8);

X.  billi t-tibdil fl-użu tal-art totali kkawżat mill-mandat tal-bijofjuwil tal-UE 2020 huwa 8,8 Mha, li minnhom 2,1 Mha ta' art huma kkonvertiti fl-Asja tax-Xlokk taħt pressjoni mill-espansjoni tal-pjantaġġuni tal-palm taż-żejt, li nofsha sseħħ a skapitu tal-foresti tropikali u t-torbieri;

Y.  billi d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali qed teqred il-ħabitats naturali ta' aktar min-nofs l-ispeċijiet tal-annimali tad-dinja u aktar minn żewġ terzi tal-ispeċijiet tal-pjanti tagħha u qed tipperikola s-sopravivenza tagħhom; billi l-foresti pluvjali jospitaw uħud mill-ispeċijiet l-aktar rari u ta' sikwit endemiċi tad-dinja, li huma inklużi fuq il-lista l-ħamra tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) fil-kategorija ta' speċijiet f'periklu kritiku meqjusa li kienu għaddejjin minn tnaqqis osservat, stmat, inferit jew suspettat tad-daqs tal-popolazzjoni ta' iktar minn 80 % matul l-aħħar 10 snin jew tliet ġenerazzjonijiet; billi l-konsumaturi tal-UE jenħtieġ li jkunu infurmati aħjar dwar l-isforzi mwettqa biex jitħarsu dawk l-ispeċijiet ta' annimali u pjanti;

Z.  billi investigazzjonijiet multipli żvelaw abbużi mifruxa tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem waqt l-istabbiliment u l-operat tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm f'ħafna pajjiżi, inklużi evizzjonijiet furzati, vjolenza bl-armi, tħaddim tat-tfal, jasar tad-dejn jew diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet indiġeni;

AA.  billi hemm rapporti(9) inkwetanti ħafna li parti sostanzjali tal-produzzjoni globali taż-żejt tal-palm tinsab fi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u standards soċjali adegwati, li t-tħaddim tat-tfal qed jiġi sfruttat b'mod frekwenti, u li hemm ħafna kunflitti dwar l-art bejn il-komunitajiet lokali u dawk indiġeni u d-detenturi tal-konċessjonijiet taż-żejt tal-palm;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Ifakkar li l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti huma objettivi fundamentali tal-SDGs;

2.  Ifakkar li l-foresti huma essenzjali għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

3.  Jinnota l-kumplessità tal-fatturi motriċi tad-deforestazzjoni globali, bħall-ikklerjar tal-art għall-bhejjem jew l-uċuħ tar-raba', b'mod partikolari għall-produzzjoni ta' għalf tas-sojja għall-bhejjem tal-UE, kif ukoll iż-żejt tal-palm, l-espansjoni urbana, il-qtugħ tas-siġar u attivitajiet agrikoli intensivi oħra;

4.  Jinnota li 73 % tad-deforestazzjoni globali tirriżulta mill-ikklerjar ta' art għal prodotti bażiċi agrikoli, b'40 % tad-deforestazzjoni globali kkawżata minn konverżjoni għal pjantaġġuni monokulturali taż-żejt tal-palm fuq skala kbira(10);

5.  Jinnota li l-isfruttament taż-żejt tal-palm mhuwiex il-kawża unika tad-deforestazzjoni, billi l-espansjoni ta' attivitajiet tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-pressjonijiet demografiċi wkoll huma responsabbli għal din il-problema;

6.  Josserva li żjut oħra bbażati fuq il-pjanti prodotti mill-fażola tas-sojja, miż-żerriegħa tal-lift u minn uċuħ tar-raba' oħra, għandhom impronta ambjentali ferm ikbar u jirrikjedu użu tal-art ferm aktar estensiv miż-żejt tal-palm; jinnota li wċuh taż-żejt oħra tipikament jinvolvu użu aktar intensiv ta' pestiċidi u fertilizzanti;

7.  Josserva bi tħassib li l-ġirja globali għall-art hija mbuttata mid-domanda dejjem ikbar għall-bijokarburanti u l-materja prima, u mill-ispekulazzjoni fuq l-artijiet u fuq il-prodotti bażiċi agrikoli;

8.  Ifakkar li l-UE hija wieħed mill-importaturi prinċipali ta' prodotti li jirriżultaw mid-deforestazzjoni, b'impatti devastanti fuq il-bijodiversità;

9.  Jinnota li ftit inqas minn kwart (skont il-valur) tal-prodotti bażiċi agrikoli kollha fil-kummerċ internazzjonali miksuba mid-deforestazzjoni illegali huma destinati lejn l-UE, inklużi 27 % tas-sojja kollha, 18 % ta' żejt tal-palm kollu, 15 % laħam taċ-ċanga kollha u 31 % tal-ġild kollu(11);

10.  Jenfasizza li sabiex id-deforestazzjoni marbuta mal-konsum tal-prodotti bażiċi agrikoli tiġi miġġielda b'mod effettiv, l-azzjoni tal-UE jenħtieġ li tqis mhux biss il-produzzjoni taż-żejt tal-palm, iżda anki tali prodotti agrikoli importati kollha;

11.  Ifakkar li l-Malasja u l-Indoneżja, b'sehem tal-produzzjoni dinjija stmat bejn 85-90 %, huma l-produtturi prinċipali taż-żejt tal-palm u jilqa' favorevolment iż-żieda fil-livelli tal-foresta primarja Malasjana mill-1990, iżda għadu mħasseb bil-livelli attwali ta' deforestazzjoni fl-Indoneżja, b'rata ta' telf kumplessiv ta' -0,5 % kull ħames snin;

12.  Ifakkar li l-Indoneżja dan l-aħħar saret it-tielet l-ikbar inkwinant ta' CO2 fid-dinja u qed tbati minn nuqqas dejjem akbar ta' bijodiversità, b'bosta speċi ta' fawna selvaġġa fil-periklu li jinsabu fix-xifer tal-estinzjoni;

13.  Ifakkar li ż-żejt tal-palm jammonta għal madwar 40 % tal-kummerċ globali taż-żjut veġetali u li l-UE hija t-tieni l-akbar importatur dinji, b'madwar 7 miljun tunnellata fis-sena;

14.  Jinsab allarmat bil-fatt li madwar nofs iż-żona kklerjati b'mod illegali tal-foresti tintuża għall-produzzjoni ta' żejt tal-palm għas-suq tal-UE;

15.  Jinnota li ż-żejt tal-palm jintuża bħala ingredjent u/jew sostitut mill-industrija agroalimentari minħabba l-produttività u l-proprjetajiet kimiċi tiegħu, pereżempju l-faċilità tal-ħżin tiegħu, il-punt ta' tidwib tiegħu u l-prezz iktar baxx tiegħu bħala materja prima;

16.  Jinnota wkoll li l-espellent tal-qalba tal-palm qed jintuża fl-UE għall-għalf tal-annimali, speċjalment għat-tismin tal-baqar tal-ħalib u ċ-ċanga;

17.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-istandards soċjali, tas-saħħa u ambjentali huma aktar stretti fl-UE;

18.  Huwa konxju bis-sħiħ dwar kemm hi kumplessa l-kwistjoni taż-żejt tal-palm u jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata soluzzjoni globali bbażata fuq responsabbiltà kollettiva ta' bosta atturi; jirrakkomanda bil-qawwa dan il-prinċipju għal dawk kollha involuti fil-katina tal-provvista tiegħu, inklużi: l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-gvernijiet tal-pajjiżi produtturi, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, in-negozji nazzjonali u multinazzjonali involuti fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni u fl-ipproċessar taż-żejt tal-palm, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs; jinsab konvint, barra minn hekk, li dawn l-atturi kollha bilfors irid ikollhom rwol billi jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jirriżolvu l-ħafna problemi serji marbuta mal-konsum u l-produzzjoni mhux sostenibbli taż-żejt tal-palm;

19.  Jenfasizza r-responsabbiltà globali kondiviża fil-kisba ta' produzzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm, filwaqt li jenfasizza r-rwol importanti tal-industrija alimentari fl-akkwist ta' alternattivi bi produzzjoni sostenibbli;

20.  Jinnota li numru ta' produtturi u kummerċjanti tal-prodotti bażiċi, bejjiegħa bl-imnut u intermedjarji oħra fil-katina ta' provvista, fosthom kumpaniji Ewropej, impenjaw ruħhom favur produzzjoni u kummerċ ta' prodotti bażiċi b'deforestazzjoni żero, konverżjoni żero ta' torbieri b'livell għoli ta' karbonju, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, trasparenza, traċċabbiltà, verifika minn parti terza u prattiki ta' ġestjoni responsabbli;

21.  Jirrikonoxxi li l-konservazzjoni tal-foresta pluvjali u l-bijodiversità globali huma ta' importanza kbira għall-futur tad-dinja u tal-umanità, imma jenfasizza li l-isforzi tal-preservazzjoni jenħtieġ li jiġu kkombinati mal-istrumenti ta' politika għall-iżvilupp rurali sabiex jiġi evitat il-faqar u tingħata spinta lill-impjiegi fil-komunitajiet tal-biedja żgħar fiż-żoni kkonċernati;

22.  Iqis li l-isforzi biex tintemm id-deforestazzjoni jridu jinkludu l-bini tal-kapaċitajiet lokali, l-għajnuna teknoloġika, l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-komunitajiet u appoġġ li jgħin lill-bdiewa ż-żgħar jagħmlu l-aktar użu effettiv mill-uċuh tar-raba' eżistenti tagħhom mingħajr ma jirrikorru għal konverżjoni ulterjuri tal-foresti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-potenzjal qawwi tal-prattiki agroekoloġiċi li jimmassimizzaw il-funzjonijiet tal-ekosistemi permezz ta' taħlita ta' tekniki ta' permakultura, agroforestrija u tħawwil b'diversità kbira, mingħajr ma jsir rikors għal dipendenza fuq l-input jew monokulturi;

23.  Jinnota li l-kultivazzjoni taż-żejt tal-palm tista' tagħti kontribut pożittiv għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi u toffri opportunitajiet ekonomiċi vijabbli għall-bdiewa, bil-kundizzjoni li tali kultivazzjoni titwettaq b'mod responsabbli u sostenibbli u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet stretti għal kultivazzjoni sostenibbli;

24.  Jinnota l-eżistenza ta' diversi tipi ta' skemi ta' ċertifikazzjoni volontarji, li jinkludu l-RSPO, l-ISPO u l-MSPO, u jilqa' r-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-kultivazzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm; jinnota, madankollu, li l-kriterji ta' sostenibbiltà ta' dawn l-istandards huma s-suġġett ta' kritika speċjalment fir-rigward tal-integrità ekoloġika u soċjali; jenfasizza madankollu li l-eżistenza ta' skemi differenti hija ta' konfużjoni għall-konsumaturi u li l-objettiv aħħari għandu jkun l-iżvilupp ta' skema ta' ċertifikazzjoni unika, li ttejjeb il-viżibilità taż-żejt tal-palm sostenibbli għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tali skema ta' ċertifikazzjoni se tiggarantixxi li ż-żejt tal-palm prodott b'mod sostenibbli biss jidħol fis-suq tal-UE;

25.  Jinnota li s-sħab tagħna mhux tal-UE wkoll jeħtieġ li jsiru aktar konxji tar-rwol tagħhom fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà u d-deforestazzjoni, inkluż fil-prattiki tal-akkwist tagħhom;

Rakkomandazzjonijiet

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-impenji internazzjonali tal-UE, inter alia, dawk magħmula fil-qafas tal-COP 21, il-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti (UNFF)(12), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (UNCBD)(13), id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli li titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020(14);

27.  Jinnota l-potenzjal ta' inizjattivi bħalma hi d-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti(15) li jkollhom l-għan li jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-settur privat li tiġi eliminata d-deforestazzjoni li tirriżulta mill-produzzjoni ta' prodotti bażiċi agrikoli bħall-palm, is-sojja, il-karti u ċ-ċanga sal-2020; jinnota li xi kumpaniji għandhom miri aktar ambizzjużi, iżda filwaqt li 60 % tal-kumpaniji li jinnegozjaw fiż-żejt tal-palm impenjaw ruħhom għal tali inizjattivi, s'issa 2 % biss kapaċi jittraċċaw iż-żejt tal-palm li jikkummerċjaw għas-sors tiegħu(16);

28.  Jinnota l-isforzi u l-progress imwettqa mis-settur tal-manifattura alimentari favur l-akkwist ta' CSPO (żejt tal-palm iċċertifikat sostenibbli); jistieden lis-setturi kollha tal-industrija li jużaw iż-żejt tal-palm iżidu l-isforzi tagħhom favur l-akkwist ta' CSPO;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan, juru l-impenn tagħhom li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn nazzjonali mal-UE kollha favur l-akkwist ta' żejt tal-palm iċċertifikat sostenibbli 100 % sal-2020 billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Prodotti Bażiċi Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej), u li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn tak-industrija billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "In Support of a Fully Sustainable Palm Oil Supply Chain by 2020" (Appoġġ Favur Katina tal-Provvista Kompletament Sostenibbli għaż-Żejt tal-Palm sal-2020);

30.  Jitlob li l-kumpaniji li jikkultivaw iż-żejt tal-palm jirrispettaw il-Ftehim ta' Bangkok dwar Approċċ Unifikat għall-Implimentazzjoni tal-Impenji ta' Deforestazzjoni Żero u jużaw l-approċċ ta' Ħażna Kbira ta' Karbonju, li jgħin biex jiġu stabbiliti żoni xierqa għal pjantaġġuni taż-żejt tal-palm, bħal artijiet degradati b'valur żgħir għall-ħżin tal-karbonju jew naturali;

31.  Jitlob li l-UE żżomm l-impenji tagħha, tħaffef in-negozjati li għaddejjin dwar Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji FLEGT u tiżgura li l-ftehimiet finali jkopru l-konverżjoni tal-injam meħud mill-iżvilupp tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt internazzjonali u mal-impenji li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli, u jwasslu għal miżuri adegwati għall-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni; jinnota li approċċ simili jista' jittieħed ukoll bil-għan li jiġu żgurati ktajjen ta' provvista responsabbli taż-żejt tal-palm; jissuġġerixxi li l-politiki tal-UE għas-settur taż-żejt tal-palm jimxu fuq il-prinċipji FLEGT li jkun hemm djalogu ma' partijiet interessati multipli u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' governanza b'għeruq fil-fond fil-pajjiżi produtturi, kif ukoll politiki ta' appoġġ dwar l-importazzjoni tal-UE; jinnota li dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal kontrolli mtejba fuq l-industrija tal-palm f'pajjiżi ta' destinazzjoni;

32.  Jinnota li element importanti jinvolvi l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li jipproduċu permezz ta' skambju ta' informazzjoni dwar żviluppi u prattiki kummerċjali sostenibbli u ekonomikament vijabbli; jappoġġja lill-pajjiżi li jipproduċu fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw prattiki sostenibbli li jistgħu jgħinu biex itejbu l-ħajja u l-ekonomija ta' dawk il-pajjiżi;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar it-trasparenza u l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-kumpaniji li jużaw iż-żejt tal-palm u, flimkien mal-Istati Membri, taħdem ma' pajjiżi terzi sabiex dawn jiżviluppaw u jimplimentaw liġijiet nazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet konswetudinarji dwar art tal-komunità li jiżguraw li l-foresti, il-popli tal-foresti u l-għajxien tagħhom ikunu protetti;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-bżonn li tistabbilixxi mekkaniżmi biex tiġi ttrattata l-konverżjoni tal-foresti għall-agrikoltura kummerċjali fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT u fil-proċess tawtonomizza ulterjorment l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunitajiet indiġeni u l-bdiewa/sidien tal-art;

35.  Jitlob li l-UE toħloq, bħala element supplimentari tal-ftehimiet ta' sħubija volontarji, leġiżlazzjoni ta' segwitu dwar dawn il-ftehimiet fir-rigward taż-żejt tal-palm fuq il-mudell tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam li jinkludi kemm kumpaniji kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji; jinnota li l-UE rregolat il-ktajjen ta' provvista tal-injam, tal-ħut u tal-minerali ta' kunflitt, imma sa issa għadha ma rregolat l-ebda katina ta' provvista ta' prodotti bażiċi agrikoli ta' riskju għall-foresti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-Regolament dwar l-Injam, bl-għan li tiġi vverifikata aħjar l-effettività tiegħu u jaċċertaw jekk dan jistax jintuża bħala mudell għal att leġislattiv ġdid tal-UE mfassal biex jipprevjeni l-bejgħ ta' żejt tal-palm mhux sostenibbli fl-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessanti rilevanti kollha kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, tniedi kampanji ta' informazzjoni u tipprovdi informazzjoni komprensiva lill-konsumaturi dwar il-konsegwenzi ambjentali, soċjali u politiċi pożittivi tal-produzzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li informazzjoni li tikkonferma li prodott huwa sostenibbli tkun ipprovduta lill-konsumaturi permezz ta' sinjal rikonoxxibbli immedjatament għall-prodotti kollha li fihom iż-żejt tal-palm, u jirrakkomanda bil-qawwa li dan is-sinjal ikun inkluż fuq il-prodott jew fuq l-ippakkjar, jew ikun aċċessibbli faċilment permezz ta' karatteristiċi teknoloġiċi;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' konsumaturi sinifikanti oħra taż-żejt tal-palm, bħaċ-Ċina, l-Indja u l-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm, sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni tagħhom u tesplora soluzzjonijiet komuni għall-problema tad-deforestazzjoni tropikali u d-degradazzjoni tal-foresti;

38.  Jistenna bil-ħerqa l-istudji tal-Kummissjoni dwar id-deforestazzjoni u ż-żejt tal-palm, li mistennija jiġu ppreżentati kemm jista' jkun malajr wara t-tlestija tagħhom;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data komprensiva dwar l-użu u l-konsum taż-żejt tal-palm fl-Ewropa u l-importazzjoni tiegħu fl-UE;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ta' riċerka tagħha biex tiġbor informazzjoni dwar l-impatti tal-konsum u tal-investimenti Ewropej fuq il-proċess ta' deforestazzjoni, il-problemi soċjali, l-ispeċijiet fil-periklu u t-tniġġis ambjentali f'pajjiżi terzi, u tappella lis-sħab kummerċjali barra mill-UE biex jagħmlu l-istess;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa teknoloġiji u tippreżenta pjan ta' azzjoni konkret, inklużi kampanji ta' informazzjoni, sabiex jitnaqqas l-impatt tal-konsum u tal-investimenti Ewropej fuq id-deforestazzjoni f'pajjiżi terzi;

42.  Jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, iżda jinnota b'dispjaċir li RISPO, ISPO, MPSO, u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni rikonoxxuti, ewlenin l-oħra kollha ma jipprojbixxux b'mod effettiv lill-membri tagħhom milli jikkonvertu l-foresti tropikali jew it-torbieri fi pjantaġġuni tal-palm; iqis, għalhekk, li dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin qed jonqsu milli jillimitaw b'mod effettiv l-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-istabbiliment u t-tħaddim tal-pjantaġġuni, u b'konsegwenza ta' dan ma setgħux jevitaw nirien kbar fil-foresta u fit-torbieri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jitwettqu monitoraġġ u awditjar indipendenti ta' dawk l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, sabiex tiggarantixxi li ż-żejt tal-palm li jitqiegħed fis-suq tal-UE jissodisfa l-istandards meħtieġa kollha u jkun sostenibbli; jinnota li l-kwistjoni tas-sostenibbiltà fis-settur taż-żejt tal-palm ma tistax tiġi indirizzata b'politiki u miżuri volontarji biss, iżda l-kumpaniji taż-żejt tal-palm jenħtieġ li jkunu soġġetti wkoll għal regoli vinkolanti u skema ta' ċertifikazzjoni obbligatorja;

43.  Jitlob li l-UE tintroduċi kriterji minimi ta' sostenibbiltà għaż-żejt tal-palm u l-prodotti li fihom iż-żejt tal-palm li jidħlu fis-suq tal-UE, sabiex jiġi żgurat li ż-żejt tal-palm fl-UE:

   ma jkunx wassal għal degradazzjoni ta' ekosistema, bħad-deforestazzjoni ta' foresti primarji u sekondarji u l-qerda jew id-degradazzjoni ta' torbieri jew ħabitats ta' valur ekoloġiku oħrajn, kemm direttament kif ukoll indirettament, u ma jkunx ikkawża telf fil-bijodiversità, b'mod partikolari, tal-ispeċijiet ta' annimali u pjanti fil-periklu kollha,
   ma jkunx wassal għal tibdil fil-prattiki tal-ġestjoni tal-art b'impatti ambjentali negattivi,
   ma jkunx ħoloq problemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali u kunflitti, inklużi l-problemi partikolari ta' tħaddim tat-tfal, xogħol furzat, ħtif tal-art, jew evizzjoni ta' komunitajiet lokali jew indiġeni,
   jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet soċjali u tal-bniedem fundamentali, u huwa f'konformità sħiħa ma' standards soċjali u tax-xogħol adegwati mfassla biex jiggarantixxu s-sikurezza u l-benesseri tal-ħaddiema,
   jippermetti li l-kultivaturi taż-żejt tal-palm fuq skala żgħira jiġu inklużi fis-sistema ta' ċertifikazzjoni u jiżgura li dawn jirċievu s-sehem ġust tagħhom tal-profitti,
   huwa kkultivat fuq pjantaġġuni ġestiti bl-użu ta' tekniki agroekoloġiċi moderni sabiex tiġi promossa l-konverżjoni għal prattiki agrikoli sostenibbli biex jiġu minimizzati l-eżiti soċjali u ambjentali negattivi;

44.  Jinnota li standards b'saħħithom għall-produzzjoni responsabbli taż-żejt tal-palm, inklużi dawk żviluppati mill-Palm Oil Innovation Group (Grupp ta' Innovazzjoni taż-Żejt tal-Palm) (POIG), diġà jeżistu imma għadhom iridu jiġu adottati b'mod wiesa' minn kumpaniji u sistemi ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' RSPO Next;

45.  Jinnota l-importanza li l-atturi kollha fil-katina tal-provvista jkunu kapaċi jiddistingwu bejn żejt tal-palm, inklużi r-residwi u l-prodotti sekondarji tiegħu, b'oriġini sostenibbli u dak b'oriġini mhux sostenibbli; jinnota l-importanza tat-traċċabbiltà tal-prodotti bażiċi u tat-trasparenza fl-istadji kollha tal-katina ta' provvista;

46.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas regolatorju vinkolanti biex tiggarantixxi li l-ktajjen tal-provvista kollha tal-importaturi tal-prodotti bażiċi agrikoli jkunu traċċabbli sal-oriġini tal-materja prima;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid it-traċċabbiltà taż-żejt tal-palm importat fl-UE u, sakemm tiġi applikata skema ta' ċertifikazzjoni unika, tikkunsidra l-applikazzjoni ta' skemi ta' dazju doganali differenti li jirriflettu b'mod aktar preċiż l-ispejjeż reali assoċjati mal-piż ambjentali; jitlob lill-Kummissjoni tqis ukoll l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta' ostakli tariffarji u nontariffarji mhux diskriminatorji abbażi tal-impronta tal-karbonju taż-żejt tal-palm; jitlob li l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" jiġi applikat b'mod sħiħ fir-rigward tad-deforestazzjoni;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefenixxi b'mod ċar sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità, filwaqt li żżomm ir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tibda riforma tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata (SA) fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) li tippermetti distinzjoni bejn iż-żejt tal-palm ċertifikat sostenibbli u ż-żejt tal-palm mhux sostenibbli u d-derivattivi tagħhom;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, mingħajr dewmien, impenji vinkolanti fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha bl-għan li tiġi evitata d-deforestazzjoni, inkluża, b'mod partikolari, garanzija kontra d-deforestazzjoni fil-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi produtturi, u bl-għan li jiġu pprovduti miżuri qawwija u infurzabbli biex jindirizzaw il-prattiki mhux sostenibbli ta' forestrija fil-pajjiżi produturi;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' għodod li jiffaċilitaw l-integrazzjoni aħjar ta' kwistjonijiet ta' konservazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jinnota li approċċ bħal dan jgħin biex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' żvilupp ma jwasslux għal problemi ambjentali mhux intenzjonati, iżda minflok jaħdmu f'sinerġija mal-attivitajiet ta' konservazzjoni;

52.  Josserva li reġimi tar-reġistri tal-artijiet dgħajfa fil-pajjiżi li produtturi jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-kontroll tal-espansjoni tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm, u jillimitaw l-opportunitajiet tad-detenturi ż-żgħar li jaċċessaw il-kreditu li għandhom bżonn biex itejbu r-rekord tas-sostenibbiltà tal-pjantaġġuni tagħhom; jinnota li t-tisħiħ tal-governanza u tal-istituzzjonijiet tal-forestrija fil-livell lokali u f'dak nazzjonali huwa prekundizzjoni għal politika ambjentali effettiva; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika u finanzjarja lill-pajjiżi produtturi sabiex isaħħu r-reġimi tar-reġistri tal-artijiet tagħhom u jtejbu s-sostenibbiltà ambjentali tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm; jiġbed l-attenzjoni li l-immappjar f'pajjiżi produtturi, inkluż dak imwettaq permezz tat-teknoloġiji ġeospazjali u tas-satellita, huwa l-uniku mod biex jimmonitorjaw iż-żejt tal-palm u biex jistabbilixxu strateġiji mmirati għall-afforestazzjoni, il-forestazzjoni mill-ġdid u l-ħolqien ta' kurituri ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi produtturi biex idaħħlu fis-seħħ skemi ta' prevenzjoni tan-nirien;

53.  Jappoġġja l-moratorju reċenti fuq it-torbiera mill-Gvern Indoneżjan, li jenħtieġ li jipprevjeni l-estensjoni tal-pjantaġġuni fuq torbiera afforestati; jappoġġja l-istabbiliment ta' Aġenzija għar-Restawr tat-Torbieri għall-finijiet tar-restawr ta' 2 miljun ettaru ta' torbiera milquta min-nirien;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw il-ħtieġa, bħala parti mid-djalogu ma' dawk il-pajjiżi, li jiġi impost iffriżar fuq iż-żona tal-kultivazzjoni tal-palm taż-żejt, inkluż bl-introduzzjoni ta' moratorju fuq konċessjonijiet ġodda, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-foresta pluvjali li fadal;

55.  Huwa allarmat bil-fatt li l-ftehimiet dwar l-akkwist tal-art jiksru l-prinċipju tal-kunsens liberu minn qabel u informat tal-komunitajiet lokali, kif stabbilit fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu li l-investituri bbażati fl-UE jirrispettaw totalment l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-investimenti responsabbli fl-agrikoltura, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO)-OECD għall-Ktajjen tal-Provvista Agrikola Responsabbli, il-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Drittijiet għaż-Żamma tal-Art, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali; jissottolinja l-bżonn li jittieħdu miżuri li jiggarantixxu l-aċċess għar-rimedji għall-vittmi tal-abbużi tal-kumpaniji;

56.  Jistieden għalhekk lill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi sors jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-art ta' dawk li jgħixu fil-foresti, u jsaħħu l-impenji ambjentali, soċjali u tas-saħħa, b'kont meħud tal-linji gwida volontarji tal-FAO dwar il-pussess tal-art(17);

57.  Iħeġġeġ lill-UE ssostni lill-mikroimpriżi, lill-impriżi ż-żgħar u lill-impriżi familjari rurali lokali u tippromwovi r-reġistrazzjoni lokali legali tal-proprjetà jew tal-pussess tal-art;

58.  Jissottolinja r-rati baxxi ta' deforestazzjoni tal-artijiet indiġeni b'sistemi tradizzjonali siguri tad-dritt għaż-żamma tal-art u ġestjoni tar-riżorsi, b'potenzjal għoli li jnaqqsu b'mod effikaċi l-emissjonijiet mil-lat tal-ispejjeż u li jiżguraw servizzi ekosistemiċi globali; jappella biex il-fondi internazzjonali fl-oqsam tal-klima u l-iżvilupp jinżutaw biex jissalvagwardjaw l-artijiet indiġeni u tal-komuniatijiet u biex isostnu l-popolazzjonijiet u l-komunitajiet indiġeni li jinvestu fil-protezzjoni ta' artijiethom;

59.  Ifakkar li n-nisa fqar li jgħixu fiż-żoni rurali jiddependu b'mod partikolari mir-riżorsi forestali għas-sussistenza tagħhom; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi integrata d-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki forestali u fl-istituzzjonijiet nazzjonali, b'tali mod li jkunu promossi pereżempju l-aċċess indaqs tan-nisa għas-sjieda tal-art u ta' riżorsi oħra;

60.  Ifakkar lill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità"(COM(2008)0645), li tenfasizza approċċ olistiku rigward id-deforestazzjoni tropikali, u tikkunsidra l-kawżi kollha tad-deforestazzjoni, inkluża l-produzzjoni taż-żejt tal-palm; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-objettiv tagħha fin-negozjati tal-COP21 għal waqfa tat-telf globali tal-kopertura tal-foresti mhux aktar tard mill-2030 u għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni tropikali grossa mill-inqas b'50 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli attwali;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti li jkun jinkludi miżuri regolatorji konkreti sabiex ikun żgurat li l-ebda katina tal-provvista u tranżazzjoni finanzjarji marbuta mal-UE ma jirriżultaw f'deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti, b'konformità mas-7 EAP, kif ukoll pjan ta' azzjoni tal-UE dwar iż-żejt tal-palm; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni unifikata waħda ta' "deforestazzjoni żero";

62.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu definizzjoni ta' foresta li tiġbor fiha d-diversità bijoloġika, soċjali u kulturali, b'tali mod li timpedixxi l-ħtif tal-art u l-qerda tal-foresti tropikali li jirriżultaw minn sistema fardgħalla mifruxa ta' żejt tal-palm, peress li dan jipperikola l-impenji tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-bżonn li tingħata prijorità lill-speċijiet indiġeni, sabiex b'hekk jitħarsu l-ekosistemi, il-ħabitats u l-komunitajiet lokali;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-kondotta responsabbli tan-negozju;

64.  Jinsisti li l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-iżvilupp għandhom jiggarantixxu li l-politiki ta' salvagwardja soċjali u ambjentali tagħhom ikunu vinkolanti u totalment konformi mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob aktar trasparenza fil-finanzjament tal-istituzzjonijiet finanzjarji privati u tal-organi finanzjarji pubbliċi;

65.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti obbligatorji li jiffavorixxu ż-żejt tal-palm sostenibbli fil-proċeduri kollha nazzjonali ta' akkwist pubbliku;

66.  Josserva bi tħassib li l-agrikoltura kummerċjali għadha xprun notevoli ta' deforestazzjoni u li madwar nofs id-deforestazzjoni tropikali kollha mill-2000 ġiet ikkawżata mill-konverżjoni illegali tal-foresti f'artijiet għall-agrikoltura kummerċjali li tista' tinvolvi wkoll riskju ta' kunflitt; jappella għal titjib fil-koordinament tal-politiki tal-foresti, tal-agrikoltura kummerċjali, tal-użu tal-art u tal-iżvilupp rurali bl-iskop li jinkisbu l-SDGs u l-impenji fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-bżonn ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp anki f'dan il-qasam, inkluż fil-politika tal-enerġija rinnovabbli tal-UE;

67.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi marbutin mal-proċessi ta' konċentrazzjoni tal-artijiet u mat-tibdil tal-użu tal-art li jirriżultaw meta jinħolqu sistemi fardgħalla, bħall-pjantaġġuni tal-palm taż-żejt;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja riċerka ulterjuri dwar l-effetti tat-tibdil fl-użu tal-art, inklużi d-deforestazzjoni u l-produzzjoni tal-bijoenerġija, fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju lill-pajjiżi l-oħra billi fil-leġiżlazzjoni tal-UE ddaħħal regoli tal-kontabbiltà għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-artijiet mistagħdra ġestiti u għat-tibdil tal-użu tal-artijiet mistagħdra;

70.  Jinnota l-effetti ta' sistemi fardgħalla kbar taż-żejt tal-palm, li jżidu l-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara, it-tniġġis tal-ilma minn sustanzi agrokimiċi u l-erożjoni tal-ħamrija, u jħallu impatt fuq l-assorbiment tal-karbonju u l-ekoloġija tar-reġjun kollu, li jxekklu l-migrazzjoni ta' speċijiet tal-annimali;

71.  Jinnota li l-aktar riċerka reċenti tagħti prova li l-polikultivazzjoni tal-agroforestrija applikata għall-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm tista' toffri benefiċċji kkombinati f'termini ta' bijodiversità, produttività u eżiti soċjali pożittivi;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza u ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u politiki oħra tal-UE, u tiżgura li dawn jitwettqu b'mod konsistenti ma' programmi mmirati lejn il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal REDD; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riforma tal-PAK ma twassalx, direttament jew indirettament, għal deforestazzjoni ulterjuri u tappoġġja l-għan li tintemm id-deforestazzjoni globali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-problemi ambjentali relatati mad-deforestazzjoni kkawżati miż-żejt tal-palm jiġu indirizzati wkoll fid-dawl tal-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità sal-2020, li jenħtieġ li tkun parti integrali mill-azzjoni esterna tal-Unjoni f'dan il-qasam;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ lill-organizzazzjonijiet li jiffukaw prinċipalment fuq il-konservazzjoni in situ iżda wkoll ex situ tal-ispeċijiet kollha ta' annimali affettwati mit-telf ta' ħabitat minħabba d-deforestazzjoni relatata maż-żejt tal-palm;

74.  Jitlob riċerka ulterjuri fil-livell tal-UE dwar l-għalf tal-annimali sostenibbli sabiex jiġu żviluppati alternattivi għall-prodotti tal-palm taż-żejt għall-agrikoltura Ewropea;

75.  Jinnota li 70 % tal-bijokarburanti kkunsmati fl-UE huma mkabbra/prodotti fl-UE u, mill-bijokarburanti importati fl-UE, 23 % huma żejt tal-palm, prinċipalment mill-Indoneżja, u 6 % oħra huma sojja(18);

76.  Jinnota l-effetti indiretti tad-domanda tal-bijokarburanti tal-UE assoċjati mal-qerda tal-foresti tropikali;

77.  Jinnota li ladarba jitqies it-Tibdil Indirett fl-Użu tal-Art (ILUC), il-bijokarburanti derivati mill-uċuh jistgħu f'xi każijiet anke jirriżultaw f'żieda netta fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, eż. il-ħruq ta' ħabitats bi stokkijiet b'karbonju għoli bħat-torbieri u l-foresti tropikali; huwa mħasseb li l-impatt tal-ILUC mhuwiex kopert mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' skemi volontarji;

78.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu, bħala parti mir-riforma tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, proċeduri ta' verifika speċifiċi rigward il-kunflitti minħabba d-dritt għaż-żamma tal-art, ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal, il-kundizzjonijiet ta' xogħol inadegwati għall-bdiewa u r-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza fis-sistema volontarja tagħha; jitlob ukoll lill-UE tqis l-impatt tal-ILUC u tinkludi rekwiżiti fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali fir-riforma tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

79.  Jitlob li fil-politika tal-bijokarburanti tal-UE jiġu inklużi kriterji ta' sostenibbiltà effettivi li jipproteġu l-art b'valur għoli ta' bijodiversità, il-ħażniet għolja ta' karbonju u t-torbieri, u li jinkludu kriterji soċjali;

80.  Jirrikonoxxi li l-aħħar rapport(19) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li janalizza l-iskemi ta' ċertifikazzjoni attwali għall-bijofjuwils, sab li dawn l-iskemi jonqoshom aspetti importanti dwar is-sostenibbiltà, bħal nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-effetti indiretti tad-domanda, u dwar il-verifika, u ma jistgħux jiggarantixxu li l-bijokarburanti ċċertifikati mhumiex qed jikkawżaw deforestazzjoni u effetti soċjoekonomiċi negattivi relatati; huwa konxju mit-tħassib dwar it-trasparenza fl-evalwazzjoni tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza tal-iskemi ta' sostenibbiltà, inkluż billi tfassal lista xierqa tal-aspetti li jenħtieġ li jiġu skrutinizzati, bħal rapporti annwali u l-possibbiltà li jintalbu awditi, li jridu jitwettqu minn partijiet terzi indipendenti; jitlob li l-Kummissjoni jkollha setgħat imsaħħa għall-verifika u l-monitoraġġ tal-iskemi, tar-rapporti u tal-attivitajiet;

81.  Jitlob li r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Qorti jiġu implimentati, kif maqbul mill-Kummissjoni;

82.  Jinnota bi tħassib li 46 % taż-żejt tal-palm totali importat mill-UE jintuża għall-produzzjoni ta' bijokarburanti u li dan jinvolvi l-użu ta' madwar miljun ettaru ta' ħamrija tropikali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex telimina gradwalment l-użu ta' żjut veġetali li jixprunaw id-deforestazzjoni, inkluż iż-żejt tal-palm, bħala komponent tal-bijokarburanti, preferibbilment sal-2020;

83.  Jinnota li l-projbizzjoni jew it-tneħħija gradwali tal-użu taż-żejt tal-palm biss tista' twassal biex żjut veġetali tropikali ta' sostituzzjoni jintużaw għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, u li, f'kull probabbiltà, jitkabbru fl-istess reġjuni ekoloġikament sensittivi bħaż-żejt tal-palm u jista' jkollhom impatt ħafna ikbar fuq il-bijodiversità, fuq l-użu tal-art u fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet serra miż-żejt tal-palm innifsu; jirrakkomanda s-sejbien u l-promozzjoni ta' alternattivi aktar sostenibbli għall-użu tal-bijokarburanti, bħaż-żjut Ewropej prodotti b'mod domestiku bħall-kolza u ż-żerriegħa tal-ġirasol;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod simultanju l-iżvilupp ulterjuri ta' bijokarburanti tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju tat-tibdil indirett fl-użu tal-art fl-Unjoni u biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn bijokarburanti avvanzati fihom skont id-Direttiva (UE) 2015/1513 u b'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Unjoni ta' ekonomija ċirkolari, effiċjenza fir-riżorsi u mobilità b'emissjonijiet baxxi;

o
o   o

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf
(2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM(2011)0244).
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0034.
(4) Sors: Forest Trends: Consumer Goods and Deforestation: An Analysis of the Extent and Nature of Illegality in Forest Conversion for Agriculture and Timber Plantations (Xejriet tal-Foresti: Prodotti għall-Konsumatur u d-Deforestazzjoni: Analiżi tal-Livell u n-Natura tal-Illegalità fil-Konverżjoni tal-Foresti għall-Agrikoltura u l-Pjantaġġuni tal-Injam) (http://www.forest-trends.org/documents/files/doc_4718.pdf).
(5) Sors: World Resources Institute (Istitut Dinji tar-Riżorsi) (http://www.wri.org/blog/2015/10/indonesia%E2%80%99s-fire-outbreaks-producing-more-daily-emissions-entire-us-economy).
(6) http://www.fao.org/docrep/016/ap106e/ap106e.pdf (FAO, World Agriculture Towards 2030/2050 ­ The 2012 Revision).
(7) http://wwf.panda.org/what_we_do/footprint/agriculture/palm_oil/ (WWF).
(8) Sors: Rapport Globiom. (https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/Final%20Report_GLOBIOM_publication.pdf ).
(9) Pereżempju: Amnesty International - The Great Palm Oil Scandal (L-iskandlu kbir taż-żejt tal-palm)(https://www.amnesty.org/en/documents/asa21/5243/2016/en/ ) u Rainforest Action Network - The Human Cost of Conflict Palm Oil (Ir-riperkussjonijiet umani tal-ż-żejt tal-palm ta' kunflitt)(https://d3n8a8pro7vhmx.cloudfront.net/rainforestactionnetwork/pages/15889/attachments/original/1467043668/The_Human_Cost_of_Conflict_Palm_Oil_RAN.pdf?1467043668).
(10) The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation (L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni (http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf)(p.56).
(11) Sors: FERN: Stolen Goods: The EU's complicity in illegal tropical deforestation (Oġġetti Misruqa: Il-kompliċità tal-UE fid-deforestazzjoni tropikali illegali) (http://www.fern.org/sites/fern.org/files/Stolen%20Goods_EN_0.pdf).
(12) Il-konklużjonijiet tal-Forum tan-NU dwar il-Foresti.
(13) Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bijodiversità, il-miri ta' Aichi: https://www.cbd.int/sp/targets/
(14) Sustainable Development Goals, Art. 15.2, Target of halting deforestation (Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, Artikolu 15.2, Il-mira li titwaqqaf id-deforestazzjoni) https://sustainabledevelopment.un.org/sdg15
(15) Summit tan-NU dwar il-klima, 2014.
(16) http://forestdeclaration.org/wp-content/uploads/2015/09/2016-NYDF-Goal-2-Assessment-Report.pdf
(17) Il-Linji Gwida Volontarji tal-FAO tan-NU dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali, Ruma 2012, http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf
(18) EUROSTAT – Il-provvista, it-trasformazzjoni u l-konsum tal-enerġiji rinnovabbli; data annwali (nrg_107a), l-istudju Globiom "The land use change impact of biofuels consumed in the EU", 2015, u http://www.fediol.be/
(19) Sors: Qorti Ewropea tal-Awdituri: Ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti: dgħufijiet fir-rikonoxximent u s-superviżjoni tas-sistema (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/NewsItem.aspx?nid=7171).

Avviż legali