Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2204(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0058/2017

Testi mressqa :

A8-0058/2017

Dibattiti :

PV 03/04/2017 - 23
CRE 03/04/2017 - 23

Votazzjonijiet :

PV 04/04/2017 - 7.4
CRE 04/04/2017 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0099

Testi adottati
PDF 398kWORD 60k
It-Tlieta, 4 ta' April 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
In-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali
P8_TA(2017)0099A8-0058/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali (2016/2204(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li ġiet adottata fl-1979,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2008 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u ż-żoni rurali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa(9),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet maħruġa fis-17 ta' Ottubru 2016 mill-Kumitat tan-NU dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija fuq il-produzzjoni tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel fid-dinja, b'mod partikolari dawk rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0058/2017),

Il-multifunzjonalità tar-rwoli tan-nisa fiż-żoni rurali

A.  billi ċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi u l-kundizzjonijiet ta' għajxien inbidlu b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar deċennji, u billi hemm differenzi kbar f'dan ir-rigward bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom;

B.  billi n-nisa jagħtu kontributi sinifikanti lill-ekonomija rurali, u billi l-miżuri ta' diversifikazzjoni u l-kunċett ta' multifunzjonalità, bħala bażi essenzjali għal strateġiji ta' żvilupp sostenibbli, għalkemm għadhom mhux sfruttati b'mod sħiħ fl-oqsma kollha, fetħu opportunitajiet ġodda għan-nisa, bl-għajnuna tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta' kunċetti ġodda li jagħmlu possibbli influss ta' dinamiżmu ġdid fil-qasam tal-biedja;

C.  billi n-nisa huma ħafna drabi dawk li jippromwovu l-iżvilupp ta' attivitajiet addizzjonali fuq jew barra mill-azjenda agrikola lil hinn mill-ambitu tal-produzzjoni agrikola, biex b'hekk ikunu jistgħu jagħtu valur miżjud reali lill-attivitajiet f'żoni rurali;

D.  billi n-nisa li jgħixu fiż-żoni rurali mhumiex grupp omoġenju, peress li s-sitwazzjoni, l-impjiegi, il-kontribuzzjonijiet għas-soċjetà u finalment il-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom ivarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom;

E.  billi n-nisa huma involuti b'mod attiv f'attivitajiet agrikoli, l-intraprenditorija u t-turiżmu, u għandhom rwol importanti fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali fiż-żoni rurali, li jistgħu jikkontribwixxu għall-bini u/jew it-tisħiħ tal-identità reġjonali;

F.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u l-promozzjoni tagħha hija waħda mill-għanijiet prinċipali tagħha; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur bażiku tal-UE rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-UE assumiet il-kompitu speċifiku li tintegrah fl-attivitajiet kollha tagħha; billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija għodda importanti għall-integrazzjoni ta' dan il-prinċipju fil-politiki, miżuri u azzjonijiet tal-UE bl-għan li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni sabiex jiżdied l-involviment attiv tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-attivitajiet ekonomiċi u soċjali; billi din l-għodda hija applikabbli wkoll għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE, inkluż il-FAEŻR;

G.  billi l-biedja tal-familja hija l-aktar mudell tal-biedja komuni operazzjonali tal-UE-28 b'76,5 % tal-ħidma titwettaq mis-sid jew mill-membri tal-familja tiegħu jew tagħha(11) u għaldaqstant jenħtieġ li tiġi appoġġjata u protetta; billi l-biedja tal-familja tippromwovi s-solidarjetà fost il-ġenerazzjonijiet u r-responsabilità soċjali u ambjentali, u b'hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali;

H.  billi, fil-kuntest tal-urbanizzazzjoni li qed tikber, huwa essenzjali li tinżamm popolazzjoni attiva, dinamika u għanja fiż-żoni rurali, b'attenzjoni partikolari għal żoni b'limitazzjonijiet naturali, peress li l-konservazzjoni tal-ambjent u l-pajsaġġ jiddependu fuqha;

I.  billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni flimkien mat-tnaqqis tal-attività tal-biedja u tat-tnaqqis ekonomiku fiż-żoni rurali tal-UE jirrappreżentaw uħud mill-kawżi prinċipali tad-depopolazzjoni u tal-abbandun taż-żoni rurali min-nisa, li għandhom impatt negattiv mhux biss fuq is-suq tax-xogħol iżda wkoll biex tittejjeb l-infrastruttura soċjali; billi din is-sitwazzjoni tista' tintemm biss jekk l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet Ewropej jieħdu l-passi kollha possibbli sabiex jiġi żgurat rikonoxximent akbar tax-xogħol u tad-drittijiet tagħhom u jagħtu liż-żoni rurali s-servizzi meħtieġa li jagħmlu possibbli l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

J.  billi t-turiżmu rurali, li jinkludi l-provvista ta' prodotti u servizzi fil-kampanja permezz ta' intrapriżi tal-familja u intrapriżi kooperattivi, huwa negozju b'riskju baxx, jiġġenera l-impjiegi, jippermetti li l-ħajja personali u familjari tiġi kkombinata max-xogħol u jħeġġeġ lill-popolazzjoni rurali tibqa' fil-kampanja;

K.  billi l-kriżi ekonomika laqtet lill-Unjoni Ewropea u kellha impatt serju fuq ħafna żoni u reġjuni rurali; billi l-konsegwenzi tal-kriżi għadhom viżibbli u ż-żgħażagħ minn żoni rurali qed jiffaċċjaw livelli gravi ta' qgħad, faqar u depopolazzjoni, li jolqtu lin-nisa b'mod partikolari; billi n-nisa jġarrbu direttament l-impatt tal-kriżi fil-ġestjoni tal-azjendi agrikoli tagħhom u djarhom;

L.  billi sitwazzjoni bħal din tippreżenta sfida serja għall-Politika Agrikola Komuni (PAK), u għandha tiżgura l-iżvilupp taż-żoni rurali filwaqt li ssaħħaħ il-potenzjal tagħhom;

M.  billi huwa meħtieġ li jinżamm settur tal-biedja sostenibbli u vibranti bħala l-bażi ekonomika, ambjentali u soċjali fundamentali taż-żoni rurali, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp rurali, għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli, għall-bijodiversità u għall-ħolqien tal-impjiegi;

N.  billi l-istatus ta' azjendi agrikoli żgħar u azjendi agrikoli mmexxija mill-familji bħala l-produtturi primarji tal-ikel jista' biss jitjieb u l-attivitajiet tal-biedja u tal-bhejjem tagħhom jistgħu jinżammu permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u riżorsi u miżuri finanzjarji adegwati fil-livell tal-UE; billi bejn l-2005 u l-2010 inqerdu 2,4 miljun azjenda agrikola fl-UE, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu azjendi agrikoli żgħar jew immexxija minn familji, u b'hekk żdied il-qgħad fiż-żoni rurali;

O.  billi l-promozzjoni ta' miżuri ta' diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-ktajjen tal-provvista qosra, kif ukoll il-promozzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs), jistgħu jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-settur, li qed tiffaċċja l-isfidi ta' prattiki inġusti ta' kummerċ u swieq li qegħdin isiru dejjem aktar volatili;

P.  billi huwa importanti li tiġi appoġġjata u promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-katina tal-valur agroalimentari, peress li r-rwol tagħhom huwa kkonċentrat l-aktar fuq il-produzzjoni u l-ipproċessar;

Q.  billi l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, l-opportunità li jivvalidaw il-ħiliet miksuba f'ambjenti mhux formali u l-opportunità li jitħarrġu mill-ġdid u jiksbu ħiliet li jistgħu jintużaw fis-suq tax-xogħol li qed jiżviluppa b'mod dinamiku huma prerekwiżiti kruċjali biex jiżdied l-impjieg tan-nisa f'żoni rurali;

R.  billi kooperattivi, soċjetajiet mutwi, intrapriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi għandhom potenzjal enormi biex jistimulaw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u tissaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fiż-żoni rurali u fis-settur agrikolu;

S.  billi l-inklużjoni tan-nisa u l-bniet fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), kif ukoll l-intraprenditorija hija meħtieġa sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi f'setturi tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel, kif ukoll it-turiżmu u industriji oħra f'żoni rurali;

L-isfidi għan-nisa fiż-żoni rurali

T.  billi n-nisa jirrappreżentaw ftit inqas minn 50 % tal-popolazzjoni totali fl-età tax-xogħol fiż-żoni rurali tal-UE, iżda madwar 45 % biss tal-popolazzjoni ekonomikament attiva; billi ħafna minnhom qatt ma rreġistraw bħala qiegħda jew ġew inklużi fl-istatistiċi dwar il-qgħad u ma jeżistux ċifri ċari dwar l-involviment tan-nisa fil-biedja bħala sidien jew impjegati;

U.  billi, fiż-żoni predominantement rurali tal-UE, 61 % biss tan-nisa ta' bejn l-20 u l-64 sena kienu impjegati fl-2009(12); billi, f'ħafna Stati Membri, in-nisa f'żoni rurali għandhom aċċess limitat għall-impjiegi u l-possibilitajiet tagħhom li jaħdmu fil-biedja huma relattivament baxxi, iżda dawn xorta għad għandhom rwol importanti fl-iżvilupp rurali u fin-nisġa soċjali taż-żoni rurali, billi jiprovdu introjtu għall-unitajiet domestiċi jew għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien;

V.  billi fl-2014 in-nisa kienu responsabbli għal madwar 35 % tal-ħin totali tax-xogħol fl-agrikoltura, wettqu 53,8 % tax-xogħol part-time u 30,8 % tax-xogħol full-time, u b'hekk għamlu kontribuzzjoni sinifikanti għall-produzzjoni agrikola; billi x-xogħol magħmul mill-konjuġi u l-membri tal-familja femminili oħra fl-azjendi agrikoli spiss huwa indispensabbli u jikkostitwixxi xejn anqas minn "xogħol inviżibbli" minħabba n-nuqqas ta' status professjonali li jippermetti r-rikonoxximent tiegħu u li jippermetti li n-nisa kkonċernati jirreġistraw mas-servizzi tas-sigurtà soċjali, li kieku jevita t-telf possibbli ta' intitolamenti bħall-liv tal-mard u l-liv tal-maternità, u jiżgura l-indipendenza finanzjarja tagħhom;

W.  billi f'xi Stati Membri, bħal Franza, tipi ta' status legali differenti jeżistu għan-nisa miżżewġin li jaħdmu b'mod regolari fl-azjenda agrikola (koimpjegat, impjegat jew maniġer ta' azjenda agrikola), u b'dan isir possibbli li protezzjoni soċjali xierqa tiġi estiża għalihom biex jiġu assigurati kontra l-eventwalitajiet negattivi tagħhom fuq il-ħajja personali u tax-xogħol tagħhom;

X.  billi medja ta' biss 30 % tal-azjendi agrikoli fl-UE huma ġestiti minn nisa; billi hemm għadd sinifikanti ta' ħaddiema nisa fl-agrikoltura, u billi ħafna nisa huma klassifikati bħala l-konjuġi tas-sid, li jikkorrispondu għal 80,1 % tat-total ta' konjuġi fl-2007(13);

Y.  billi l-proprjetarju tal-azjenda agrikola huwa l-persuna li tissemma' fid-dokumenti tal-bank u għal skopijiet ta' sussidji u drittijiet akkumulati, u l-persuna li tirrappreżenta l-azjenda agrikola fi ħdan assoċjazzjonijiet u gruppi; billi li ma tkunx il-proprjetarju tal-azjenda agrikola ifisser li ma jkollokx id-drittijiet relatati ma' dan l-istatus ta' sjieda (drittijiet għal pagamenti uniċi, primjums għall-baqar li jreddgħu, id-drittijiet għat-tħawwil tad-dwieli, introjtu eċċ.) u dan ipoġġi lill-bdiewa nisa f'sitwazzjoni vulnerabbli u ta' żvantaġġ;

Z.  billi, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn skemi ta' għajnuna favur ħaddiema nisa fl-agrikoltura, jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti bħala proprjetarji jew koproprjetarji; billi s-sjieda jew sjieda konġunta tal-azjendi agrikoli min-nisa jenħtieġ li tiġi promossa mill-Unjoni Ewropea, u dan ikollu effetti pożittivi fuq is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, l-intitolamenti soċjali u l-indipendenza ekonomika, u b'hekk tiġi żgurata viżibilità akbar tagħhom (u rikonoxximent tal-kontribut tagħhom lill-ekonomija u l-introjti) f'żoni rurali u aċċess akbar għall-art;

AA.  billi n-nisa f'żoni rurali għandhom isiru iktar viżibbli fl-istatistiċi Ewropej, nazzjonali u reġjonali sabiex jirriflettu s-sitwazzjoni tagħhom u r-rwol li jaqdu;

AB.  billi żieda fl-aċċess għal żgħażagħ u nisa għall-art ittejjeb it-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja u trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri soċjali;

AC.  billi l-għoti ta' servizzi pubbliċi u privati ta' kwalità u bi prezzijiet raġonevoli, inkluża kura għat-tfal, għall-anzjani u għal persuni dipendenti oħra, inklużi l-persuni b'diżabilità, huwa importanti għall-abitanti kollha taż-żoni rurali; billi dawn is-servizzi huma partikolarment importanti biex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment għan-nisa, peress li dawn kienu involuti aktar fil-kura tal-membri żgħar, dipendenti u anzjani tal-familja;

AD.  billi n-nisa għandhom rwol multifunzjonali fiż-żoni rurali u, għalhekk, dawn is-servizzi jippermettulhom li jaħdmu u jiżviluppaw ulterjorment il-karrieri tagħhom filwaqt li jiżguraw tqassim ġust tar-responsabbiltajiet tal-familja u ta' indokrar;

AE.  billi l-bażi għat-titjib tal-kwalità tal-għajxien fiż-żoni rurali hija d-disponibilità ta' infrastruttura bħal konnessjonijiet tat-trasport, aċċess għall-internet b'veloċità għolja u broadband, inkluż servizzi mobbli tad-data u l-provvista tal-enerġija, kif ukoll il-kwalità tas-servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

AF.  billi l-kopertura tal-broadband rurali għadha taħt il-livell ta' kopertura nazzjonali madwar l-UE-28; billi, fl-2015, 98,4 % tal-familji li jgħixu fiż-żoni rurali kienu koperti minn tal-anqas waħda mit-teknoloġiji broadband, iżda 27,8 % biss kellhom aċċess għal servizzi tal-ġenerazzjoni li jmiss; billi l-infrastruttura diġitali, li għadha mhux żviluppata b'mod sħiħ fiż-żoni rurali kollha tal-UE, tista' tkun ta' għajnuna kbira fl-aċċess għall-informazzjoni u l-opportunitajiet edukattivi, fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajba bejn in-nisa f'żoni rurali, u tista' tirrappreżenta element ewlieni ta' appoġġ meħtieġ sabiex tinżamm il-popolazzjoni femminili ta' dawk iż-żoni;

AG.  billi l-edukazzjoni hija għodda fundamentali għat-trawwim tal-valur tal-ugwaljanza, li jenħtieġ li tiġi promossa fl-oqsma kollha, mhux biss fl-iskejjel, iżda wkoll fit-taħriġ vokazzjonali, u speċjalment f'taħriġ li jiffoka fuq is-settur primarju;

AH.  billi t-titjib tal-kundizzjonijiet ġenerali f'żoni rurali se jirriżulta fil-ksib ta' status imtejjeb għan-nisa f'dawk iż-żoni;

AI.  billi l-kontribut sinifikanti li jagħtu n-nisa għall-iżvilupp lokali u rurali ma huwiex rifless biżżejjed fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet korrispondenti, meta jitqies il-fatt li n-nisa fl-inħawi rurali ta' spiss huma sottorappreżentati fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet bħall-kooperattivi agrikoli, it-trade unions u l-gvernijiet muniċipali; billi ż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa f'tali korpi hija importanti ħafna;

AJ.  billi n-nisa f'żoni rurali jsofru wkoll minn diskrepanzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa, li qed jikbru f'uħud mill-Istati Membri; billi l-istabbiliment ta' statistika aġġornata fuq is-sitwazzjoni tal-impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom, għalhekk jistħoqqlu aktar attenzjoni;

AK.  billi sottoprogrammi tematiċi dwar "In-Nisa f'żoni rurali" ma ġewx stabbiliti s'issa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-użu tal-istrumenti disponibbli skont programmi ta' żvilupp rurali sal-2014 sfortunatament kienet baxxa; billi minn 6,1 miljun parteċipant f'miżuri ta' taħriġ, 28 % biss kienu nisa; billi 19 % tal-benefiċjarji ta' investiment fiżiku f'azjendi agrikoli għall-modernizzazzjoni u 33 % tal-benefiċjarji tal-miżuri ta' diversifikazzjoni biss kienu nisa; billi fir-rigward ta' impjiegi maħluqa b'riżultat tal-miżuri tal-assi 3 (id-diversifikazzjoni tal-ekonomija fiż-żoni rurali), 38 % tal-benefiċjarji biss kienu nisa;

1.  Jenfasizza r-rwol attiv li għandhom in-nisa fiż-żoni rurali u jirrikonoxxi l-kontribut tan-nisa fl-ekonomija f'tali oqsma bħalma huma intraprendituri, kapijiet tan-negozju tal-familja u promoturi tal-iżvilupp sostenibbli; huwa tal-fehma li, f'termini soċjali, ekonomiċi u ambjentali, l-intraprenditorija femminili hija pilastru prinċipali ta' żvilupp sostenibbli għaż-żoni rurali, u għalhekk jenħtieġ li tiġi promossa, mħeġġa u appoġġjata fi ħdan l-istrateġiji għall-iżvilupp rurali, u, b'mod partikolari, permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tas-sjieda femminili, tan-netwerks tal-intraprendituri, u l-aċċess għall-investiment u l-kreditu, il-promozzjoni tar-rappreżentanza tagħhom fil-korpi maniġerjali, u permezz tal-ħolqien tal-opportunitajiet meħtieġa għall-appoġġ ta' nisa żgħażagħ, li jaħdmu għal rashom, li jaħdmu fuq bażi part-time, u li ta' sikwit jitħallsu ftit;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex jappoġġjaw ir-rikonċiljazzjoni ta' suċċess bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja, l-istimulazzjoni ta' opportunitajiet ġodda ta' impjieg u kwalità tal-ħajja aħjar fiż-żoni rurali, kif ukoll jħeġġu lil nisa jimplimentaw b'mod attiv il-proġetti tagħhom;

3.  Jilqa' l-appoġġ għan-nisa f'żoni rurali fil-forma ta' inizjattivi li jiffukaw fuq l-apprezzament tal-komunità jew netwerking; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol fundamentali tan-nisa bħala membri ta' azjendi agrikoli żgħar jew tal-azjendi agrikoli tal-familja, li jikkostitwixxu ċ-ċellola soċjoekonomika prinċipali taż-żoni rurali li tieħu ħsieb il-produzzjoni tal-ikel, il-preservazzjoni tal-għarfien u l-ħiliet tradizzjonali, l-identitajiet reġjonali, l-identità nazzjonali u kulturali u l-protezzjoni tal-ambjent; huwa tal-fehma li l-bdiewa nisa għandhom rwol sinifikanti x'jaqdu biex jiżguraw li l-azjendi agrikoli żgħar u l-azjendi agrikoli tal-familja jibqgħu jeżistu bi prospetti għall-futur;

4.  Huwa tal-fehma li, meta wieħed jikkunsidra r-rwoli, l-impjiegi u s-sitwazzjonijiet differenti tan-nisa f'żoni rurali, it-titjib tal-prospetti tal-impjiegi jirrikjedu assistenza u appoġġ imfasslin għall-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, jinkoraġġixxu, jiffaċilitaw u jippromwovu l-aċċess għas-suq tax-xogħol għan-nisa fiż-żoni rurali bħala prijorità fil-ġejjieni tiegħu għall-politiki tal-iżvilupp rurali, u biex jifformulaw miri relatati ma' impjieg imħallas u dejjiemi f'dan il-kuntest; jistieden ukoll lill-Istati Membri jinkludu fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom strateġiji li jiffukaw speċifikament fuq il-kontribut tan-nisa biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

6.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol f'żoni rurali tinkludi firxa wiesa' ta' impjiegi li tmur lil hinn mill-agrikoltura konvenzjonali, u jenfasizza f'dan ir-rigward li n-nisa fiż-żoni rurali jistgħu jkunu aġenti tal-bidla fil-mixja lejn agrikoltura sostenibbli u ekoloġikament soda u jista' jkollhom rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar immirat u jqajmu kuxjenza dwar il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress, ħalli jintużaw miżuri speċifiċi għall-FAEŻR favur l-impjieg tan-nisa, biex jippromwovu u jsaħħu diversi tipi ta' arranġamenti tax-xogħol għan-nisa, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi fiż-żoni rurali, biex jingħataw diversi tipi ta' inċentivi biex jappoġġjaw is-sostenibilità u l-iżvilupp ta' negozji ġodda u SMEs, u li jintroduċu inizjattivi sabiex joħolqu u jżommu impjiegi agrikoli eżistenti u jagħmluhom aktar attraenti għan-nisa żgħażagħ;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissorveljaw is-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali fuq bażi regolari u jagħmlu l-akbar użu possibbli tal-istrumenti speċifiċi u l-miżuri eżistenti fil-PAK, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa bħala benefiċjarji, u b'hekk tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom;

9.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżomm u ttejjeb sottoprogrammi tematiċi dwar "In-Nisa f'żoni rurali" matul riforma tal-PAK fil-futur, u tibbaża dawn il-programmi, fost affarijiet oħra, fuq il-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ dirett u l-promozzjoni ta' prodotti fil-livell lokali jew reġjonali, billi dawn jista' jkollhom rwol fil-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjiegi għan-nisa f'żoni rurali;

10.  Jirrimarka li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi inkorporata fil-programmi, l-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha tal-UE, u għaldaqstant jitlob l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan il-PAK u l-politika ta' koeżjoni rurali; jipproponi azzjonijiet immirati ġodda bl-għan li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa fiż-żoni rurali permezz tal-FAEŻR;

11.  Jittama li fehim aħjar tas-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali se tippermetti l-iżvilupp ta' Karta Ewropea għal Nisa Bdiewa fit-terminu medju, id-definizzjoni ta' dan il-kunċett, li jidentifika l-forom diretti u indiretti ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fiż-żoni rurali, u l-miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva biex jiġu eliminati;

12.  Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl ta' kundizzjonalitajiet fir-rigward tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, bħala obbligu u objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, u ta' nondiskriminazzjoni, joħolqu sinerġiji akbar filwaqt li jużaw l-istrumenti disponibbli skont il-FAEŻR, Leader+, Orizzont 2020 u l-Fond Soċjali Ewropew għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet ta' għajxien u tax-xogħol aħjar fiż-żoni rurali, biex jiġu segwiti politiki mfassla speċifikament immirati lejn l-inklużjoni soċjali u ekonomika u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, speċjalment għal gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, u biex titqajjem kuxjenza dwar il-possibilitajiet kollha offruti lilhom fiż-żoni rurali taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti;

13.  Jenfasizza l-importanza li jitfasslu miżuri speċifiċi biex jippromwovu t-taħriġ u l-impjiegi u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-aktar gruppi vulnerabbli ta' nisa bi bżonnijiet speċifiċi, bħal nisa b'diżabilità, nisa migranti, inklużi migranti staġjonali, rifuġjati u minoranzi, vittmi ta' vjolenza sessista, nisa bi ftit jew xejn taħriġ u ommijiet waħedhom, eċċ.;

14.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li jiżvolġu n-nisa b'mod ġenerali fir-rigward ta' ħidma taż-żamma tal-kotba tal-azjendi agrikoli tal-familja, u, f'dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' appoġġ fil-forma ta' pariri meta azjenda agrikola tkun qed tbati finanzjarjament;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tmexxija tal-azjendi agrikoli tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ, filwaqt li jippromwovu u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal sjieda jew sjieda konġunta ta' azjenda agrikola;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu miżuri ta' informazzjoni u assistenza teknika u skambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta' status professjonali għall-konjuġi li jassistu fil-biedja, biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet individwali, inkluż, b'mod partikolari, il-liv tal-maternità, l-assigurazzjoni soċjali kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, l-aċċess għat-taħriġ u d-dritt għall-pensjoni;

17.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jiffaċilitaw id-dispożizzjonijiet tal-PAK għal distribuzzjoni bilanċjata ta' għajnuna, li jiżguraw li jkun hemm appoġġ għal azjendi agrikoli żgħar;

18.  Jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet f'żoni rurali permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ maħsuba biex iħeġġu l-preżenza tagħhom f'oqsma u setturi li fihom huma sottorappreżentati, u permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-involviment attiv tan-nisa f'kooperattivi, kemm bħala sħab kif ukoll f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u fid-diversi korpi ta' ġestjoni u rappreżentanza biex titrawwem il-parteċipazzjoni ndaqs u t-tisħiħ tal-pożizzjoni u rappreżentanza akbar tan-nisa fl-iżvilupp rurali fi gruppi ta' ħidma u kumitati ta' monitoraġġ u fit-tipi kollha ta' organizzazzjonijiet agrikoli, assoċjazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi, b'tali mod li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jirrifletti l-opinjonijiet kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, u biex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fi gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta' sħubiji lokali taħt il-programm Leader;

20.  Jitlob appoġġ mill-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-bdiewa, li għandhom rwol importanti fl-inkoraġġiment u l-instigazzjoni ta' programmi ta' żvilupp ġdid u ta' diversifikazzjoni;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ l-atti leġiżlattivi eżistenti dwar it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel, inklużi s-sigurtà soċjali u l-liv tal-maternità u tal-ġenituri; iħeġġiġhom itejbu l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, u jiżguraw kopertura ta' sigurtà soċjali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa li jaħdmu f'żoni rurali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja t-traspożizzjoni ta' atti leġiżlattivi eżistenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw in-nisa li jgħixu u jaħdmu fiż-żoni rurali;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri effettivi li jridu jittieħdu fil-livell Ewropew u dak nazzjonali biex jitnaqqsu d-differenzi eżistenti fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali rispettivi, biex jikkunsidraw in-natura multidimensjonali tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi waqt li jfasslu miżuri ta' politika speċifiċi fi ħdan l-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp rurali, peress li diversi fatturi, inkluża d-diskrepanza fl-impjiegi u fil-pagi, l-interruzzjoni tal-karrieri, ix-xogħol part-time, ix-xogħol informali tal-konjuġi li jassistu, it-tfassil tas-sistemi tal-pensjonijiet u l-kontribuzzjonijiet aktar baxxi, jistgħu jwasslu għal diskrepanza akbar fil-pensjonijiet;

24.  Iħeġġeġ ulterjorment lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-għoti ta' pensjoni deċenti, inkluża l-pensjoni minima nazzjonali maħsuba, b'mod partikolari, biex tgħin lin-nisa f'żoni rurali jżommu l-indipendenza ekonomika tagħhom meta dawn jilħqu l-età ta' rtirar;

25.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nisa f'żoni rurali jridu jqisu wkoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tan-nisa impjegati bħala ħaddiema agrikoli staġjonali, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li jingħataw protezzjoni soċjali, assigurazzjoni tas-saħħa u kura tas-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi assenjat il-valur massimu lill-ħidma li ssir minn dawn in-nisa;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet, fil-monitoraġġ tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-impjieg, miżuri biex jiġi evitat ix-xogħol mhux iddikjarat, u konformità mal-istandards tal-benesseri u tas-sikurezza, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-ħaddiema nisa kollha kemm huma, inklużi ħaddiema migranti, staġjonali u rifuġjati;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jiżviluppaw bażijiet ta' data ta' informazzjoni u netwerks fil-livell tal-Istati Membri sabiex jirreġistraw u jqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa f'żoni rurali u l-kontribut tagħhom lis-soċjetà;

28.  Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrieżaminaw il-pjanijiet ta' statistika tagħhom biex jinkludu mekkaniżmi li jkejlu l-kontribut ġenerali tan-nisa għall-introjtu rurali u l-ekonomija rurali, jiddiżaggregaw, fejn ikun possibbli, l-indikaturi skont il-ġeneru, u biex isir l-aħjar użu tad-data disponibbli dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa f'żoni rurali u l-involviment tagħhom f'attivitajiet li qed jitwettqu, sabiex ifasslu aħjar il-miżuri ta' politika;

29.  Jitlob li jkun hemm monitoraġġ regolari tal-PAK, tal-indikaturi ta' ġbir u ta' evalwazzjoni tad-data sabiex jiġu identifikati r-rwoli tan-nisa fl-agrikoltura u l-involviment tagħhom f'xogħol "inviżibbli";

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lit-tħejjija ta' statistiki aġġornati dwar is-sjieda tal-art fost in-nisa;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex jipprovdu mhux biss materjal ta' informazzjoni adegwat rigward il-possibilitajiet ta' appoġġ immirat b'mod speċifiku lejn il-bdiewa nisa u n-nisa f'żoni rurali, iżda wkoll aċċess sħiħ għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-agrikoltura u s-setturi relatati kollha, inkluż it-taħriġ postlawrja u korsijiet speċjalizzati għall-intraprendituri u l-produtturi agrikoli, biex jipprovdu lin-nisa b'ħiliet fl-iżvilupp tan-negozju, l-għarfien u l-aċċess għall-finanzjament u għall-mikrofinanzjament bil-ħsieb li jinbdew u jiġu kkonsolidati l-attivitajiet tan-negozju, kif ukoll tippermettilhom jipparteċipaw f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-produzzjoni rurali u jagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom fil-biedja u fiż-żoni rurali, anki fi ħdan it-turiżmu rurali marbut mal-fergħat tal-biedja kummerċjali;

32.  Jitlob li jkun hemm l-għoti ta' firxa wiesgħa ta' pariri professjonali u għad-diversifikazzjoni tan-negozju u biex tittieħed azzjoni biex tissaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, jiġu promossi l-kooperattivi, is-soċjetajiet mutwi, l-intrapriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi u biex jittejbu l-attitudni u l-ħiliet intraprenditorjali tagħhom;

33.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet tal-Kummissjoni tirrappreżenta opportunità biex l-Istati Membri jidentifikaw u jiċċertifikaw aħjar il-ħiliet miksuba barra mill-edukazzjoni formali u t-taħriġ vokazzjonali sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u r-riskju tal-faqar;

34.  Jitlob li l-involviment ta' nisa bi kwalifiki ta' livell ogħla fl-agrikoltura, fit-trobbija tal-bhejjem u fil-forestrija jitħeġġeġ u jiġi ffaċilitat permezz ta' programmi ta' taħriġ biex jiżviluppaw attivitajiet marbuta mal-għoti ta' servizzi ta' konsulenza għall-azjendi agrikoli u innovazzjoni;

35.  Jirrakkomanda l-inklużjoni progressiva ta' moduli tal-ugwaljanza f'taħriġ agrikolu speċjalizzat u fl-iżvilupp ta' materjali tat-tagħlim, kif ukoll il-promozzjoni ta' kampanji pubbliċi għall-ugwaljanza fiż-żoni rurali u li ssir enfasi fuq l-importanza tal-ugwaljanza fl-iskejjel rurali;

36.  Jenfasizza l-importanza tal-għoti ta' pariri u appoġġ lin-nisa biex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet ta' biedja u jwettqu funzjonijiet oħra innovattivi fiż-żoni rurali;

37.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tan-nisa rurali, inkluż l-inkoraġġiment tal-attività ta' netwerks, hubs, banek ta' data u assoċjazzjonijiet bħala żvilupp soċjali, ekonomiku u kulturali ewlieni, peress li jistabbilixxu netwerks u kanali għall-informazzjoni, it-taħriġ u l-ħolqien tal-impjiegi, ifittxu li jżidu l-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki fil-livelli kollha u jippromwovu kuxjenza akbar dwar is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa f'żoni rurali; jinkoraġġixxi proġetti, assoċjazzjonijiet, kooperattivi u organizzazzjonijiet ta' negozju li jirrappreżentaw in-nisa;

38.  Jistieden lill-atturi reġjonali li jibbenefikaw minn finanzjament mit-tieni pilastru, biex jimplimentaw programmi ta' sensibilizzazzjoni maħsuba biex jenfasizzaw in-newtralità bejn is-sessi fix-xogħlijiet kollha u tingħeleb id-distribuzzjoni tradizzjonali persistenti tar-rwoli fil-biedja;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess ekwitabbli għall-art, jiżguraw is-sjieda u d-drittijiet tal-wirt u jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu għan-nisa, sabiex jinkoraġġuhom jistabbilixxu ruħhom f'żoni rurali u jaqdu l-parti tagħhom fis-settur agrikolu; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art fil-livell tal-UE;

40.  Jilqa' mudelli ġodda ta' kreditu agrikolu li saru possibbli fil-kuntest ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, u jirrakkomanda li l-Istati Membri japplikawhom bl-aktar mod wiesa' possibbli;

41.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jipprovdu faċilitajiet ta' kwalità għolja u bi prezzijiet raġonevoli tas-servizzi pubbliċi u privati għall-ħajja ta' kuljum fiż-żoni rurali, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kura; jinnota li dan jeħtieġ l-inklużjoni ta' infrastrutturi għall-kura tat-tfal, servizzi tal-kura tas-saħħa, faċilitajiet edukattivi, djar ta' kura għall-anzjani u persuni dipendenti, servizzi ta' sostituzzjoni f'każ ta' mard u ta' maternità u servizzi kulturali fiż-żoni rurali;

42.  Jenfasizza l-importanza li jingħataw opportunitajiet ġodda ta' impjieg bi ħlas, speċjalment għan-nisa, sabiex jiġu ppreservati l-komunitajiet rurali, filwaqt li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu użu mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni biex jespandu u jtejbu l-infrastruttura tat-trasport u biex jipprovdu provvista tal-enerġija sigura u infrastruttura affidabbli tal-broadband b'veloċità għolja u servizzi f'żoni rurali; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp diġitali f'żoni rurali u l-iżvilupp ta' approċċ olistiku (ir-"raħal diġitali");

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-estensjoni tal-Aġenda Diġitali tagħha għaż-żoni rurali, peress li l-iżvilupp diġitali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, jiffaċilita l-proċeduri għal min irid jibda jaħdem għal rasu, isaħħaħ il-kompetittività u l-iżvilupp tat-turiżmu u joħloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

45.  Jinkoraġġixxi l-awtoritajiet lokali u nazzjonali u istituzzjonijiet oħra sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ta' ħaddiema migranti u staġjonali u l-familji tagħhom, speċjalment tan-nisa u b'mod partikolari l-persuni vulnerabbli, u biex irawmu l-integrazzjoni tagħhom fil-komunità lokali;

46.  Jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi fl-aċċess għall-kura tat-tfal bejn iż-żoni urbani u rurali, kif ukoll id-differenzi reġjonali fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta' Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' indokrar tat-tfal;

47.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u jinnota li l-assistenza lill-vittmi għandha rwol kruċjali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jibagħtu messaġġ qawwi ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa, u biex jimplimentaw politiki u joffru servizzi mfassla għall-kundizzjonijiet eżistenti f'żoni rurali sabiex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u b'hekk jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għall-għajnuna;

48.  Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jiżguraw li l-vittmi ta' vjolenza kontra n-nisa li jgħixu f'żoni rurali u remoti ma jiġux imċaħħda minn aċċess ugwali għall-assistenza, u jtenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul kemm jista' jkun malajr;

49.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Direttiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa;

50.  Jenfasizza li ż-żoni rurali fl-Istati Membri għandhom rwol ekonomiku u ta' sigurtà kruċjali fis-soċjetà moderna tagħna, li fiha aktar minn 12-il miljun bidwi jipprovdu ammont biżżejjed ta' ikel tajjeb għas-saħħa u sikur għal nofs biljun konsumatur madwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza kbira li dawn il-komunitajiet jinżammu vibranti permezz tal-inkoraġġiment tan-nisa u l-familji biex jibqgħu fihom;

51.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu PAK b'saħħitha u finanzjata b'mod adegwat li taqdi lill-bdiewa u lill-konsumaturi Ewropej, tippromwovi l-iżvilupp rurali, ittaffi l-effetti tat-tibdil fil-klima u tipproteġi u ttejjeb l-ambjent naturali, filwaqt li tiggarantixxi l-provvista ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja u l-ħolqien ta' aktar impjiegi;

52.  Jinnota li ż-żoni rurali ta' spiss jinkludu wirt naturali u kulturali, li għandu jiġi protett u żviluppat, flimkien mat-turiżmu sostenibbli u l-edukazzjoni ambjentali;

53.  Jenfasizza l-importanza tal-multifunzjonalità bħala kunċett, li jinvolvi organizzazzjonijiet oħra ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali f'żoni rurali li jakkumpanjaw il-produzzjoni agrikola li tiġġenera l-impjiegi għan-nisa b'mod partikolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jippromwovu miżuri biex jiddiversifikaw l-attivitajiet, bħal bejgħ dirett ta' prodotti, servizzi soċjali, servizzi ta' kura u l-agrituriżmu; iqis, fid-dawl tal-interess dejjem ikbar f'dan it-tip ta' turiżmu, li jenħtieġ li jiġi ffurmat netwerk ta' negozji f'dan il-qasam u li għandhom jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki;

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.
(2) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(3) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(6) ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 23.
(7) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 13.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0264.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0290.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0427.
(11) Skont l-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli tal-Eurostat.
(12) Il-Kummissjoni Ewropea (2011), "Agriculture and Rural Development. EU Agricultural Economic Briefs. Rural Areas and the Europe 2020 Strategy – Employment", Brief Nru 5 – Novembru 2011.
(13) Kummissjoni Ewropea (2012), "Agricultural Economic Briefs. Women in EU agriculture and rural areas: hard work, low profile", Brief Nru 7 – Ġunju 2012.

Avviż legali