Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2602(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0234/2017

Testi mressqa :

B8-0234/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2017)0101

Testi adottati
PDF 265kWORD 52k
L-Erbgħa, 5 ta' April 2017 - Strasburgu
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: Dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni
P8_TA(2017)0101B8-0234/2017

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (C(2017)01473 – 2017/2602(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)01473) ("ir-regolament delegat rivedut"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-presentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet għas-sodisfar tar-rekwiżiti biex jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (C(2016)03999 – 2016/2816(DEA))(1),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2017, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat rivedut,

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-28 ta' Marzu 2017 mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)(2), u b'mod partikolari l-Artikoli 8(5), 10(2), 13(5) u 31 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/2340 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda d-data ta' applikazzjoni tiegħu(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea, EBA) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(4), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, EIOPA), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE(5), u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, ESMA) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(6),

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-Presidenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) bid-data 22 ta' Diċembru 2016, wara t-talba tal-Kummissjoni b'ittra tal-10 ta' Novembru 2016 dwar l-intenzjoni tagħha li temenda l-abbozz ta' Standards Tekniċi Regolatorji (RTS) ippreżentat b'mod konġunt mill-EBA, l-ESMA u l-EIOPA skont l-Artikoli 8(5), 10(2) u 13(5) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fl-4 ta' April 2017,

A.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016, il-Parlament oġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 u stieden lill-Kummissjoni tressaq regolament delegat rivedut, li indirizza t-tħassib li esprima l-Parlament dwar it-trattament mhux ċar tal-PRIIPs b'diversi għażliet, dwar ir-rappreżentanza insuffiċjenti tal-fatt li l-investituri konsumaturi jistgħu wkoll jitilfu l-flus f'xenarji negattivi fir-rigward ta' ċerti prodotti u dwar in-nuqqas ta' gwida dettaljata rigward l-użu ta' "allert ta' komprensjoni";

B.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016, il-Parlament fakkar li l-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u t-tim ta' negozjar tal-Parlament kienu bagħtu ittra lill-Kummissjoni, fit-30 ta' Ġunju 2016, u talbuha tivvaluta jekk l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 għandhiex tiġi posposta;

C.  billi d-dispożizzjonijiet tar-regolament delegat rivedut huma konsistenti mal-objettivi tal-Parlament espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 u waqt id-djalogu informali sussegwenti bħala parti mill-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tar-regolament delegat rivedut;

D.  billi r-Regolament delegat rivedut jikkjarifika li dawk li joħolqu PRIIPs b'diversi għażliet li jinkludu għażliet ta' investiment sottostanti li jkunu Impriżi għall-Investiment Kollettiv fit-Titoli Trasferibbli (UCITS) jew fondi mhux UCITS imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 mhumiex se jkunu meħtieġa li jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba taħt il-PRIIPs u se jkunu awtorizzati li minflok jużaw dokumenti lill-investitur bl-informazzjoni ewlenija tal-UCITS bħala mezz xieraq ta' forniment lill-investitur konsumatur b'informazzjoni prekuntrattwali aktar dettaljata;

E.  billi, filwaqt li l-kalkoli sottostanti għat-tliet xenarji ta' prestazzjoni inklużi preċedentement xorta għadhom ibbażati fuq data storika, fir-Regolament delegat rivedut ġie inkluż xenarju addizzjonali tal-prestazzjoni; billi dan ix-"xenarju ta' stress" hu maħsub li jesponi l-impatti sfavorevoli sinifikanti tal-prodotti li mhumiex koperti fix-"xenarju sfavorevoli" eżistenti;

F.  billi l-użu tal-allert ta' komprensjoni ġie ċċarat bl-inklużjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu ta' dawk il-PRIIPs li huma kkunsidrati bħala "prodotti kumplessi" fl-ambitu tad-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva (UE) 2016/97 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

G.  billi t-taqsima proposta "X'inhu dan il-prodott" tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija ġiet mibdula u t-taqsima dwar "X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja" tinkludi preżentazzjoni tal-ispejjeż amministrattivi fir-rigward tal-elementi bijometriċi ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

H.  billi r-Regolament (UE) 2016/2340 iddeferixxa d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 bi 12-il xahar għall-1 ta' Jannar 2018;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat rivedut;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0347.
(2) ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.
(3) ĠU L 354, 23.12.2016, p. 35.
(4) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.
(5) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.
(6) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

Avviż legali - Politika tal-privatezza