Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2022(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0156/2017

Testi mressqa :

A8-0156/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2017 - 9.12
CRE 05/04/2017 - 9.12

Testi adottati :

P8_TA(2017)0114

Testi adottati
PDF 485kWORD 59k
L-Erbgħa, 5 ta' April 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-estimi tad-dħul u tal-infiq għas-sena finanzjarja 2018 - Taqsima I - Il-Parlament Ewropew
P8_TA(2017)0114A8-0156/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2018 (2017/2022(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fit-3 ta' April 2017 skont l-Artikoli 25(7) u 96(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi mħejji mill-Kumitat tal-Baġits skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 96 u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0156/2017),

A.  billi din il-proċedura hija t-tielet proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u billi din hija l-ħames sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;

B.  billi l-baġit 2018, kif propost fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, qed jitħejja fil-kuntest ta' żieda fil-limitu massimu għall-intestatura V meta mqabbel ma' dak tal-2017, u dan jippermetti iżjed lok għal tkabbir u investiment, kif ukoll biex ikomplu jiġu implimentati politiki li jiksbu l-iffrankar ta' riżorsi u li jfittxu li jtejbu l-effiċjenza;

C.  billi ġew proposti seba' objettivi prijoritarji mis-Segretarju Ġenerali għall-baġit 2018, speċifikament: it-tnedija ta' kampanja ta' komunikazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2019, il-konsolidazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà meħuda, it-tkomplija tal-proġetti ta' bini pluriennali, l-investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri, it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex l-Irlandiż jiġi introdott bħala lingwa uffiċjali sħiħa, u l-analiżi tal-impatt possibbli ta' Brexit u l-inkoraġġiment ta' approċċ ekoloġiku għat-trasport;

D.  billi ġie propost baġit ta' EUR 1 971 883 373 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2018, li jirrappreżenta żieda kumplessiva ta' 3,26 % fuq il-baġit għall-2017 u 19,06 % tal-intestatura V tal-QFP 2014-2020;

E.  billi s-Segretarju Ġenerali ppropona investimenti straordinarji addizzjonali ta' EUR 47,6 miljun biex jissaħħu l-proġetti fil-qasam tas-sigurtà, isiru l-ħlasijiet taċ-ċnus għall-proġett tal-bini ADENAUER u titnieda kampanja ta' komunikazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2019;

F.  billi kważi 68 % tal-baġit huwa nefqa indiċizzata li tirrigwarda prinċipalment ir-remunerazzjonijiet u l-allowances għall-Membri u l-persunal, kif ukoll il-bini, u li tiġi aġġustata bi qbil mar-Regolamenti tal-Persunal, skont indiċizzazzjoni speċifika għas-settur jew ir-rata tal-inflazzjoni;

G.  billi r-rapport tal-Parlament intitolat "In-nisa fil-Parlament Ewropew", li nħareġ fit-8 ta' Marzu 2017 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, juri żbilanċ bejn il-ġeneri fil-karigi maniġerjali fil-Parlament , bi 83,3 % tal-pożizzjonijiet ta' Viċi Segretarju Ġenerali u Direttur Ġenerali fil-Parlament okkupati minn irġiel u 16,7 % minn nisa, 70,2 % tal-pożizzjonijiet ta' Diretturi fil-Parlament okkupati minn irġiel u 29,8 % minn nisa, u 65,9 % tal-pożizzjonijiet ta' Kap ta' Unità fil-Parlament okkupati minn irġiel u 34,1 % minn nisa;

H.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi obbligu fuq l-Unjoni biex tirrispetta d-diversità lingwistika u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa, b'mod li b'hekk tagħti d-dritt lil kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni juża kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni meta jikkorrispondi mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma obbligati jwieġbu bl-istess lingwa;

I.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016(8), il-Parlament diġà saħaq li jenħtieġ li l-baġit 2016 jiġi stabbilit fuq bażi realistika u jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;

J.  billi l-kredibilità tal-Parlament bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità tiegħu li jżomm imrażżan l-infiq tiegħu stess;

K.  billi l-kredibilità tal-Parlament tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità tiegħu li jiżviluppa d-demokrazija fil-livell tal-Unjoni;

Il-qafas ġenerali

1.  Jisħaq li huwa mistenni li sehem il-baġit tal-Parlament fl-2018 jinżamm taħt l-20 % tal-intestatura V; jinnota li l-livell tal-estimi għall-2018 jikkorrispondi għal 18,88 %, li huwa inqas minn dak li nkiseb fl-2017 (19,26 %) u l-iktar parti baxxa mill-intestatura V f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena;

2.  Jappella biex, skont il-paragrafu 15 tar-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017 u l-paragrafu 98 tar-riżoluzzjoni tiegħu msemmija iktar ‘il fuqtas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, li jirrikjedu li l-metodu biex il-baġit tal-Parlament jiġi stabbilit abbażi tal-bżonnijiet attwali u mhux abbażi ta' sistema ta' koeffiċjenti jintuża għall-ewwel darba matul il-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018, dawk it-talbiet jiġu sodisfatti;

3.  Jinnota li l-ammont riżervat għall-investimenti u n-nefqiet straordinarji fl-2018 huwa ta' EUR 47,6 miljun, fl-istess livell bħal dak tal-2017; jikkunsidra li jkun xieraq li l-kampanja ta' komunikazzjoni għall-2019 tiġi kkunsidrata bħala nefqa straordinarja;

4.  Josserva li 75 % tal-approprjazzjonijiet għall-kampanja ta' komunikazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2019 ġew inklużi fl-abbozz preliminari tal-estimi tal-2018 kif mitlub, peress li l-biċċa l-kbira tal-kuntratti se jiġu ffirmati fl-2018;

5.  Jenfasizza li l-ikbar parti mill-baġit tal-Parlament hija fissa b'riżultat ta' obbligi statutorji jew kuntrattwali u soġġetta għal indiċizzazzjoni annwali;

6.  Jappoġġa l-ftehim tat-28 ta' Marzu 2017 mal-Bureau rigward il-livell tal-estimi għall-2018; inaqqas il-livell tal-infiq b'EUR 18,4 miljun meta mqabbel mal-pożizzjoni inizjali tal-Bureau; jistabbilixxi livell kumplessiv ta' EUR 1 953 483 373 għall-estimi tiegħu għall-2018, li jikkorrispondi għal żieda ta' 2,3 % meta mqabbel mal-baġit 2017;

7.  Jissottolinja li l-funzjonijiet fundamentali tal-Parlament huma l-leġiżlazzjoni, ir-rappreżentanza taċ-ċittadin u l-iskrutinju tal-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra;

8.  Jirrileva r-rwol tal-Parlament fil-kostruzzjoni ta' għarfien politiku Ewropew u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni;

9.  Jisħaq li qed jiġi rikjest l-iffrankar ta' riżorsi fil-konfront tal-proposta tas-Segretarju Ġenerali u li qed jitħeġġeġ b'qawwa kull sforz li jsir fil-ħidma biex il-flejjes pubbliċi jintużaw b'mod aktar effiċjenti u trasparenti;

It-trasparenza u l-aċċessibilità

10.  Jilqa' r-reazzjoni għat-talba li saret mill-Kumitat għall-Baġits, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017(9), u li tenna fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017(10), fir-rigward ta' ppjanar baġitarju fuq żmien medju u fuq żmien twil li jkun jinkludi distinzjoni ċara bejn l-investimenti u l-infiq operattiv relatat mal-funzjonament tal-Parlament, kif ukoll l-obbligi statutorji tiegħu (inkluż fuq kirjiet u akkwisti);

11.  Jilqa' l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma rigward il-proċeduri biex jiġu stabbiliti l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament; jinnota li l-Parlament appella biex tingħata kunsiderazzjoni għal reviżjoni ulterjuri tar-Regoli ta' Proċedura fir-rigward tal-proċeduri baġitarji interni(11); jissottolinja l-bżonn li l-Membri tal-Bureau u tal-Kumitat għall-Baġits jirċievu l-informazzjoni rilevanti relatata mal-proċedura tal-estimi b'mod puntwali u komprensibbli u fil-livell ta' dettall meħtieġ, b'mod li jippermetti li l-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits jieħdu deċiżjonijiet filwaqt li jkollhom stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-baġit tal-Parlament;

12.  Itenni l-appell tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex iressaq proposta sabiex il-baġit jiġi ppreżentat lill-pubbliku ġenerali b'livell xieraq ta' dettall u b'manjiera li jkun komprensibbli u faċli biex jintuża fuq is-sit tal-Parlament fuq l-internet, b'mod li jippermetti li ċ-ċittadini kollha jiżviluppaw fehim aħjar tal-attivitajiet u l-prijoritajiet tal-Parlament u t-tendenzi korrispondenti ta' nfiq tiegħu;

13.  Jikkunsidra li l-gruppi ta' viżitaturi huma wieħed mill-istrumenti kruċjali biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini rigward l-attivitajiet tal-Parlament; jilqa' r-regoli riveduti għall-gruppi ta' viżitaturi u jikkunsidra li r-riskju ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi naqas minħabba l-implimentazzjoni tar-regoli ġodda u aktar stretti; jistieden fid-dawl ta' dan lill-Bureau biex, flimkien mal-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, jirrevedi l-approprjazzjonijiet għall-gruppi ta' viżitaturi tal-Membri, filwaqt li jqis ir-rati tal-inflazzjoni fis-snin reċenti li wasslu biex tali żjarat saru jiswew iktar; jikkunsidra li, għalkemm dawk l-ammonti mhumiex intenzjonati biex ikopru l-ispejjeż kollha mġarrba mill-gruppi ta' viżitaturi, imma huma kkunsidrati aktar bħala sussidju, il-fatt li l-proporzjon tal-ispejjeż koperti se jonqos jekk l-allowance ma jiġix aġġustat skont l-inflazzjoni, ma jistax jiġi injorat; jitlob lill-Bureau jqis li din id-diskrepanza taffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi ta' viżitaturi minn sfondi soċjoekonomiċi anqas għonja li l-mezzi finanzjarji proprji tagħhom ikunu ferm limitati;

Is-sigurtà u ċ-ċibersigurtà

14.  Jieħu nota tal-miżuri li qed jittieħdu bħalissa biex titqawwa s-sigurtà tal-Parlament, fir-rigward tal-bini, it-tagħmir u l-persunal, iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-komunikazzjoni; jitlob lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jissoktaw bil-Kunċett tas-Sigurtà Globali biex ikomplu jipprovdu titjib strutturali, operattiv u kulturali fil-qasam tas-sigurtà tal-Parlament; itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-prestazzjoni tas-servizzi informatiċi li jiġu pprovduti lill-Parlament billi jsir investiment fit-taħriġ tal-persunal, iżda anke billi l-kuntratturi jintgħażlu b'mod aħjar abbażi ta' evalwazzjoni aktar b'saħħitha tas-servizzi u l-kapaċitajiet informatiċi tagħhom;

15.  Jemmen li l-avvenimenti riċenti juru li l-probabilità ta' attakki ċibernetiċi żdiedet b'mod drammatiku, u t-teknoloġija wara tali attakki spiss tiżviluppa b'ritmu ferm aktar mgħaġġel mill-miżuri taċ-ċibersigurtà li jikkombattuhom; jikkunsidra li l-għodod informatiċi saru strumenti importanti għall-Membri u l-persunal biex iwettqu xogħolhom, iżda madankollu huma vulnerabbli għal attakki ta' dan it-tip; jilqa' għaldaqstant l-integrazzjoni taċ-ċibersigurtà fil-qafas ta' ġestjoni strateġika kumplessiv tal-Parlament, u jikkunsidra li dan se jippermetti lill-istituzzjoni tipproteġi aħjar l-assi u l-informazzjoni tagħha;

16.  Jiddispjaċih li, minkejja l-installazzjoni tas-sistema SECure EMail (SECEM) il-Parlament ma jistax jirċievi informazzjoni kklassifikata bħala ristretta u informazzjoni mhux ikklassifikata mill-istituzzjonijiet l-oħra; jiddeplora l-fatt li l-Parlament mhuwiex f'qagħda li jiżviluppa waħdu Sistema ta' Informazzjoni Klassifikata (CIS) għalih innifsu u jinnota li attwalment qed isiru negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħra rigward din il-kwistjoni; jistenna li dawn in-negozjati se jgħinu biex jiġu identifikati l-aħjar mezzi biex il-Parlament ikun jista' jirċievi informazzjoni kklassifikata bħala ristretta u informazzjoni mhux ikklassifikata; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits aktar informazzjoni rigward l-aħħar żviluppi ta' dawn in-negozjati, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2017;

17.  Jilqa' l-isforzi li qed isiru biex il-proċeduri jkomplu jiġu diġitalizzati u kompjuterizzati; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni ta' aktar possibilitajiet għall-użu tal-firma diġitali sigura fil-proċeduri amministrattivi sabiex jitnaqqas l-użu tal-karti u jiġi ffrankat il-ħin;

18.  Jilqa' l-fatt li ġie ffirmat Memorandum ta' Qbil bejn il-Gvern Belġjan u l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-istituzzjonijiet l-oħra bbażati fi Brussell, rigward il-verifiki tal-kontrolli tal-approvazzjoni tas-sigurtà għall-persunal tal-kuntratturi esterni kollha li jixtiequ jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jikkunsidra jekk huwiex rakkomandabbli li tiġi estiża l-applikazzjoni ta' dan il-Memorandum ta' Qbil għall-uffiċjali, l-assistenti parlamentari u t-trainees b'mod li jkunu jistgħu jsiru l-verifiki ta' sigurtà meħtieġa qabel jiġu rreklutati;

Il-politika immobiljari

19.  Ifakkar li l-aħħar strateġija immobiljari fuq żmien medju ġiet adottata mill-Bureau fl-2010; jistaqsi għaliex il-Bureau ma rnexxilux jippreżenta strateġija fuq żmien twil għall-bini tal-Parlament matul din il-leġiżlatura, minkejja r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lill-Viċi Presidenti jippreżentaw lill-Kumitat għall-Baġits l-istrateġija immobiljari l-ġdida fuq żmien medju mill-aktar fis possibbli, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2017;

20.  Itenni l-appell tiegħu għal proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 203 tar-Regolament Finanzjarju; jappella, f'dan ir-rigward, għal aktar informazzjoni dwar l-estensjoni tal-crèche fil-Bini WAYENBERG;

21.  Jappella għal aktar informazzjoni dwar il-proġett għar-rinnovament tal-Bini Paul Henri Spaak (PHS), speċifikament kwalunkwe opinjoni minn kuntratturi esterni indipendentirigward l-alternattivi possibbli għall-Bini PHS, li kellu tul ta' ħajja qasir ta' 25 sena; jappella biex is-Segretarju Ġenerali jippreżenta r-riżultati ta' tali studju lill-Kumitat għall-Baġits malajr kemm jista' jkun; jissottolinja l-fatt li l-bini eżistenti ma jissodisfax ir-rekwiżiti statiċi ta' bini pubbliku għal funzjonijiet parlamentari li jkollu livell ogħla ta' sigurtà u jkollu bżonn jiflaħ għax-xokkijiet esterni mingħajr ma jiġġarraf; jikkritika l-fatt li l-Bini PHS lanqas biss jissodisfa l-istandards minimi tar-rekwiżiti statiċi moderni, u jinnota li diġà kellhom jittieħdu diversi azzjonijiet biex tiġi garantita l-istabilità tiegħu; iħeġġeġ għalhekk lill-Bureau u lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex jaħdmu fuq soluzzjonijiet futuri għall-Bini PHS li jiggarantixxu ħajjiet il-persuni preżenti u kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin għalihom; jinnota l-livell ta' approprjazzjonijiet li s-Segretarju Ġenerali ppropona fl-2018 fir-rigward tal-istudji, il-proġetti preparatorji u x-xogħlijiet, u l-għoti ta' assistenza lit-tim għall-ġestjoni tal-proġett; jesprimi tħassib dwar il-konfużjoni possibbli fir-rigward tal-ammonti li għandhom jintefqu fuq l-istudji u r-rilokazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Bureau u lis-Segretarju Ġenerali jinformaw lill-Kumitat għall-Baġits dwar il-passi sussegwenti kollha u jipprovdu rendikont ċar tal-ispejjeż kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard minn Lulju 2017; ifakkar li, fi kwalunkwe każ, hemm bżonn tiġi implimentata arkitettura mill-aktar moderna li tuża l-enerġija b'mod effiċjenti; jappella biex issir valutazzjoni dwar kif ir-rinnovament se jkollu impatt fuq l-Unità tal-Viżitaturi u s-Seminars u fuq id-disponibilità tal-Kamra għall-plenarja, kif ukoll dik tas-swali u l-uffiċċji l-oħra;

22.  Jikkunsidra li s-sena 2018 hija waħda kruċjali għall-Bini Konrad Adenauer (KAD), peress li fiha se naraw tmiem il-ħidma fuq is-sit tal-Lvant u l-bidu tal-ħidma fuq is-sit tal-Punent; jinnota bi tħassib li l-baġit allokat biex ikopri l-ġestjoni ta' dan il-proġett fuq skala kbira kellu jiġi rivedut sabiex jissaħħu t-timijiet li jissorveljaw il-progress tax-xogħlijiet; jinnota l-prattika kontinwa li jintuża "t-trasferiment ta' tlaqqit" (ramassage) ta' tmiem is-sena bħala kontribuzzjoni għall-proġetti immobiljari attwali; jikkunsidra li, waqt li din tista' tkun soluzzjoni prammatika biex jitnaqqsu r-rati tal-imgħax li jkunu jridu jitħallsu, madankollu teżisti f'kunflitt mat-trasparenza tal-proġetti immobiljari fi ħdan il-baġit tal-Parlament u tista' saħansitra tagħti inċentiv biex jiġu bbaġitjati riżorsi żejda f'ċerti oqsma;

23.  Jistieden lill-Viċi Presidenti responsabbli u lis-Segretarju Ġenerali jippreżentaw rapport ta' progress u l-estimi għall-finalizzazzjoni tax-xogħlijiet fuq il-Bini KAD lill-Kumitat għall-Baġits;

L-EMAS

24.  Ifakkar li l-Parlament impenja ruħu li sal-2020, għal kull ingaġġ ekwivalenti għal wieħed full-time, inaqqas bi 30 % l-emissjonijiet ta' CO2 tiegħu meta mqabbla ma' dawk tal-2006;

25.  Iqis li huwa tal-akbar importanza, għalhekk, li l-Parlament jistabbilixxi objettivi ġodda, aktar impenjattivi u kwantitattivi għalih innifsu li huwa mistenni li jitkejlu regolarment mis-servizzi responsabbli;

26.  Ifakkar fl-impenn li ħa l-Parlament fil-kuntest tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija li se jintrabat, "mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-baġit u l-akkwist, li japplikaw l-istess rekwiżiti għall-binjiet li huma l-proprjetà tagħhom u li huma jokkupaw bħal dawk applikabbli għall-binjiet tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri skont l-Artikoli 5 u 6" ta' dik id-Direttiva, minħabba l-viżibilità għolja tal-bini u r-rwol ta' tmexxija li jmissu jiżvolġi fir-rigward tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini; jissottolinja l-urġenza li jkun konformi ma' din id-dikjarazzjoni, biss biss għall-kredibilità tiegħu stess fir-reviżjonijiet li għaddejjin bħalissa tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini u d-direttivi dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

27.  Jilqa' l-fatt li nħoloq Grupp ta' Ħidma dwar il-Mobilità li huwa mistenni jaħdem b'mod inklużiv u jkollu mandat ċar; jissottolinja li l-Parlament għandu jikkonforma mal-liġijiet applikabbli reġjonali kollha fuq il-postijiet tax-xogħol, inkluż f'dak il-qasam; jargumenta favur il-promozzjoni tal-użu tal-konnessjoni ferrovjarja diretta stabbilita bejn is-sit tal-Parlament fi Brussell u l-ajruport; jistieden lis-servizzi responsabbli jevalwaw mill-ġdid il-kompożizzjoni u d-daqs tal-flotta tal-vetturi tiegħu f'dan il-kuntest; jappella lill-Bureau biex jistabbilixxi mingħajr dewmien skema ta' inċentivi li jippromwovu l-użu tar-roti għat-traġitt bejn id-dar u l-post tax-xogħol; jinnota li tali skema ġiet diġà stabbilita f'istituzzjonijiet oħra, b'mod partikolari fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

Kampanja ta' komunikazzjoni għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019

28.  Jilqa' l-kampanja ta' komunikazzjoni bħala sforz li jservi ta' għajnuna biex jiġi spjegat l-iskop tal-Unjoni u tal-Parlament liċ-ċittadini; jissottolinja li din il-kampanja suppost se timmira li, fost affarijiet oħra, tispjega r-rwol tal-Unjoni Ewropea, is-setgħa tal-Parlament, il-funzjonijiet tiegħu, inkluża l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni, u l-impatt tiegħu fuq ħajjiet iċ-ċittadini;

29.  Jinnota li l-ħidma preparatorja għall-kampanja ta' komunikazzjoni qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019, diġà hija mistennija tibda din is-sena; jilqa' l-fatt li l-perjodu preelettorali fuq sentejn għall-kampanja ta' komunikazzjoni se jkun iqsar meta mqabbel mal-perjodu preelettorali fuq tliet snin għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014;

30.  Jinnota li huwa stmat li l-ammont totali tan-nefqa għall-kampanja ta' komunikazzjoni għall-elezzjonijiet tal-2019 se jkun ta' EUR 25 miljun fl-2018 u EUR 8,33 miljun fl-2019, b'ammont ikbar ta' impenji finanzjarji rikjest fl-2018; jirrileva l-importanza ta' tali kampanji ta' komunikazzjoni, b'mod speċjali meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni attwali fl-Unjoni;

31.  Jemmen li jkun tajjeb li d-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM) jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet mill-evalwazzjoni tal-kampanja elettorali Ewropea tal-2014(12), u jagħti prijorità lill-ġbir tad-data għall-proġetti ta' kampanji, għal kull unità, abbażi ta' indikaturi ewlenin predefiniti sabiex jitkejjel l-impatt tagħhom, filwaqt li jikkunsidra bir-reqqa r-raġunijiet li kienu l-għeruq tal-fatt li n-numru tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-2014 kien estremament baxx;

Il-kwistjonijiet relatati mal-Membri

32.  Jilqa' l-ħidma li qed iwettqu s-Segretarjat tal-Parlament, is-segretarjati tal-gruppi politiċi u l-uffiċċji tal-Membri bil-għan li l-Membri jingħataw aktar riżorsi biex jeżerċitaw il-mandati tagħhom; jinkoraġġixxi biex jitkompla l-iżvilupp ta' dawk is-servizzi li jsaħħu l-kapaċità tal-Membri li jwettqu skrutinju tal-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u li jirrappreżentaw liċ-ċittadini;

33.  Jirrikonoxxi l-konsulenza u r-riċerka li jiġu pprovduti lill-Membri u lill-kumitati permezz tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) u d-dipartimenti tematiċi; ifakkar li, meta l-EPRS inħoloq fl-2013, ġiet prevista evalwazzjoni f'nofs it-terminu tal-effikaċja tal-koperazzjoni bejn l-EPRS u d-dipartimenti tematiċi; ifakkar li ġiet adottata talba biex titwettaq tali evalwazzjoni u jiġu ppreżentati r-riżultati tagħha lill-Kumitat għall-Baġits sal-votazzjoni f'seduta plenarja fl-14 ta' April 2016(13); jitlob għal darba oħra lis-Segretarju Ġenerali jwettaq tali evalwazzjoni u jippreżenta r-riżultati tiegħu lill-Kumitat għall-Baġits qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2017; ifakkar li tali evalwazzjoni jenħtieġ li tinkludi proposti dwar kif jiġi żgurat li l-appoġġ mogħti mill-EPRS jiġi artikolat aħjar mal-iżviluppi fil-kumitati tematiċi rispettivi u ma jkollux elementi li jikkoinċidu mal-attivitajiet tagħhom u lanqas ma jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni bejn servizz u ieħor; barra minn hekk, jistenna li l-evalwazzjoni tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-kompetenzi esterni, l-istudji esterni u l-appoġġ estern għall-attivitajiet ta' riċerka tal-Parlament inkluż in-numru u l-ispejjeż ta' studji u kompetenzi mogħtija mis-servizzi interni tal-Parlament u l-fornituri esterni; jieħu nota tal-erba' proġetti speċifiċi li qed jiġu żviluppati fuq żmien medju fil-librerija tal-Parlament Ewropew, speċifikament il-librerija diġitali, riżorsi mtejba għar-riċerka, sorsi tal-liġi komparattiva u librerija miftuħa; jikkunsidra li dawk il-proġetti huma mezz biex jittejjeb l-appoġġ kemm lill-Membri kif ukoll lill-persunal, kif ukoll biex jiffaċilita l-aċċess għall-komunità ta' riċerkaturi esterni u għaċ-ċittadini; jinnota l-importanza ta' dawk il-proġetti u l-ħtieġa li jiġu integrati fil-ħidma leġiżlattiva li ssir mill-Membri u l-persunal;

34.  Ifakkar fid-deċiżjoni meħuda mill-Parlament bil-proċedura tal-baġit 2017 tal-PE, li tistabbilixxi l-ħolqien ta' servizz ta' interpretazzjoni fil-Lingwa Internazzjonali tas-Sinjali, għad-dibattiti plenarji kollha u jistieden lill-amministrazzjoni timplimenta din id-deċiżjoni mingħajr aktar dewmien;

35.  Jinnota li, skont ir-reviżjoni riċenti tagħhom, ir-Regoli ta' Proċedura(14) jillimitaw lill-Membri għal mhux aktar minn tliet spjegazzjonijiet orali tal-vot għal kull sessjoni parzjali, iżda jibqa' mħasseb dwar l-ispejjeż addizzjonali rikjesti għall-interpretazzjoni kif ukoll għat-traduzzjoni tat-traskrizzjonijiet tal-ispjegazzjonijiet li jiġġeneraw; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi rendikont dettaljat tal-ispejjeż relatati mal-ispjegazzjonijiet orali tal-vot; jindika d-disponibilità ta' alternattivi bħall-ispjegazzjonijiet bil-miktub tal-vot, kif ukoll abbundanza ta' faċilitajiet għall-komunikazzjoni lill-pubbliku fil-bini tal-Parlament għall-Membri biex jispjegaw il-pożizzjonijiet tal-vot tagħhom; jappella biex, bħala miżura interim, l-ispjegazzjonijiet orali tal-vot jitqiegħdu fi tmiem l-attivitajiet ta' kuljum fuq l-aġenda plenarja, wara d-diskorsi ta' minuta u punti oħra fuq l-aġenda;

36.  Ifakkar fl-obbligu li għandhom il-Membri li jinformaw lill-amministrazzjoni rigward kwalunkwe bidla fid-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom;

37.  Ma jaqbilx mal-ħtieġa li tinbidel l-għamara fl-uffiċċji tal-Membri u tal-assistenti tagħhom fi Brussell; jikkunsidra li l-maġġoranza ta' din l-għamara għadha f'kundizzjoni xierqa u li għalhekk m'hemm l-ebda raġuni għaliex għandha tinbidel; jikkunsidra li l-għamara jmissha tinbidel biss meta jkun hemm raġuni ġġustifikata;

38.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali biex, bi tħejjija għad-disa' leġiżlatura, jippreżenta lill-Bureau b'lista aktar preċiża tal-ispejjeż li jistgħu jitħallsu skont l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali (GEA); ifakkar fil-prinċipju tal-indipendenza tal-mandat; jissottolinja li huwa possibbli li l-Membri li jixtiequ jagħmlu dan jippubblikaw ir-rendikont ta' x'nefqu mill-GEA fuq is-siti personali tagħhom fuq l-internet; itenni l-appell għal aktar trasparenza fir-rigward tal-GEA, abbażi tal-każijiet tal-aħjar prattika mid-delegazzjonijiet nazzjonali fil-Parlament u l-Istati Membri; jemmen li l-Membri jmisshom ikunu jistgħu wkoll jipprovdu links fuq is-sit tal-Parlament fuq l-internet għall-postijiet fejn attwalment jippubblikaw ir-rendikont tal-infiq tagħhom; itenni li t-trasparenza mtejba tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali mhux suppost tirrikjedi membri addizzjonali tal-persunal fl-amministrazzjoni tal-Parlament;

39.  Jenfasizza li l-linja baġitarja attwali għall-assistenza parlamentari mhijiex adegwata u ma jmisshiex tiżdied oltre l-indiċizzazzjoni tas-salarji;

40.  Ifakkar fit-talba, li ġiet adottata mill-plenarja fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tal-Parlament għall-2017, għar-reviżjoni tar-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet relatati ma' vjaġġi bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament u mġarrba mill-assistenti parlamentari akkreditati (APAs) b'mod li jiġu allinjati mar-regoli applikabbli għall-kumplament tal-persunal, u jiddispjaċih li, sa issa, ma ttieħdet l-ebda azzjoni f'dan ir-rigward; jappella lill-Bureau biex jindirizza din il-kwistjoni mingħajr dewmien ulterjuri; jissottolinja sadanittant il-fatt li l-limiti massimi attwali għar-rimborżi tal-missjonijiet għall-assistenti parlamentari akkreditati (EUR 120/140/160) ilhom mill-2011 ma jiġu aġġustati u li d-diskrepanza bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-membri l-oħra tal-persunal żdiedet ulterjorment biex laħqet tal-anqas l-40 % b'segwitu għall-introduzzjoni tal-limiti massimi ġodda li ġew approvati mill-Kunsill fid-9 ta' Settembru 2016 u li sa issa ġew applikati biss għall-uffiċjali tal-persunal, mill-10 ta' Settembru 2016; jappella għalhekk lill-Bureau biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jirrimedja għal dik l-inugwaljanza;

41.  Jissottolinja li r-riżoluzzjoni ta' din id-diskrepanza fl-ispejjeż tal-missjonijiet ma tinvolvix żieda fil-linja baġitarja għall-assistenza parlamentari;

42.  Jappella biex ir-rimborż tal-ispejjeż tal-vjaġġi tal-Membri jsir b'mod trasparenti u xieraq, u jirrakkomanda li jingħataw inċentivi biex tintuża l-klassi ekonomika kemm fir-rigward tat-trasport bl-ajru, kif ukoll tat-trasport ferrovjarju;

43.  Jappella lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau biex jikkunsidraw mill-ġdid il-possibilità li l-assistenti parlamentari akkreditati, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'delegazzjonijiet u missjonijiet uffiċjali tal-Parlament, kif diġà mitlub minn diversi Membri; huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-Membri jiddeċiedu dwar jekk l-assistenti għandhomx jakkumpanjawhom f'delegazzjonijiet uffiċjali, bl-użu tal-pakkett tal-allowance għall-assistenza parlamentari tagħhom;

Il-kwistjonijiet relatati mal-persunal

44.  Jirrileva li, skont il-Punt 27 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 rigward tnaqqis progressiv ta' 5 % mill-persunal li japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha bejn l-2013 u l-2017, minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi li rriżultaw fil-Parlament fl-2014 u fl-2016, intlaħaq ftehim mal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(15), fejn huwa previst li l-miżuri għat-tnaqqis annwali tal-persunal fil-Parlament se jkomplu sal-2019;

45.  Jinnota li, filwaqt li l-gruppi politiċi ilhom mill-2014 eżentati minn dawn il-miżuri għat-tnaqqis annwali tal-persunal(16), il-ftehim ta' konċiljazzjoni dwar il-baġit 2017 wassal biex tnaqqsu l-karigi mill-organigramma tas-Segretarjat tal-Parlament minħabba l-fatt li l-Kunsill ma rrispettax il-ftehim bejn ġentlomi;

46.  Ifakkar li l-livell totali ta' persunal fil-gruppi politiċi huwa eżentat mill-objettiv li l-persunal jitnaqqas b'5 %, bi qbil mad-deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward tas-snin finanzjarji 2014, 2015, 2016 u 2017;

47.  Iqis li t-telf ta' 136 kariga mis-Segretarjat tal-Parlament fl-2016 jista' joħloq diffikultajiet għall-għoti tas-servizzi mill-amministrazzjoni tal-Parlament; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta' tnaqqis tal-persunal tas-sena l-oħra, u jevalwa l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet baġitarji fuq il-funzjonament tal-istituzzjoni;

48.  Jilqa', fid-dawl tal-miżuri għat-tnaqqis tal-persunal, il-proposta li 50 kariga permanenti fil-kategorija AST jinbidlu f'50 kariga permanenti fil-kategorija AD, li għandha impatt baġitarju negliġenti; jinnota, barra minn hekk, il-proposta biex tliet karigi temporanji fil-kategorija AST jinbidlu fi tliet karigi temporanji fil-kategorija AD fil-kabinett tal-President;

49.  Jappella lill-Bureau biex jiżgura li d-drittijiet soċjali u pensjonistiċi tal-APAs jiġu rispettati u li l-mezzi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk l-assistenti parlamentari akkreditati li jkunu ilhom impjegati minn Membri għall-aħħar żewġ leġiżlaturi parlamentari; jistieden lill-amministrazzjoni, f'dan ir-rigward, biex tressaq proposta li tqis id-deċiżjoni li ssir elezzjoni bikrija fl-2014, kif ukoll il-ħin mgħoddi fil-proċedura ta' reklutaġġ meta tkun qed tikkalkula l-perjodu ta' 10 snin ta' servizz stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal;

50.  Jistieden lill-Bureau jipproponi proċedura ta' tneħħija b'kunsens reċiproku bejn il-Membri u l-assistenti parlamentari akkreditati;

51.  Jemmen li, fi żmien meta r-riżorsi finanzjarji u ta' persunal disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni aktarx se jsiru dejjem aktar limitati, huwa importanti li l-istituzzjonijiet infushom ikunu kapaċi jirreklutaw u jżommu lill-persunal l-aktar kapaċi biex jindirizzaw l-isfidi kumplessi quddiemna b'mod li jkun konsistenti mal-prinċipji ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;

52.  Jikkunsidra li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni huma essenzjali għall-funzjonament tal-Istituzzjoni, u jirrikonoxxi l-kwalità u l-valur miżjud tas-servizzi li jipprovdu l-interpreti; itenni l-pożizzjoni li esprima l-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-14 ta' April 2016 li s-Segretarju Ġenerali huwa mistenni jagħmel proposti għal razzjonalizzazzjoni ulterjuri, bħal pereżempju estensjoni tal-użu tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni fuq talba, b'mod partikolari fir-rigward tal-Intergruppi tal-Parlament Ewropew, kif ukoll analiżi tat-titjib potenzjali fl-effiċjenza li jista' jinkiseb jekk jintużaw l-aktar teknoloġiji lingwistiċi riċenti, u valutazzjoni tal-impatt tal-qafas rivedut għall-interpreti li jkunu membri tal-persunal fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-produttività;

53.  Jilqa' l-fatt li tkomplew il-miżuri li ħa l-Parlament biex jintroduċi l-Irlandiż bħala lingwa uffiċjali sħiħa sal-1 ta' Jannar 2021; jinnota f'dan ir-rigward li l-ebda kariga addizzjonali mhija rikjesta fl-2018; jitlob madankollu lis-Segretarju Ġenerali jkompli jikkonsulta mal-Membri Irlandiżi bl-intenzjoni li jinkisbu l-effiċjenzji possibbli fl-użu tar-riżorsi mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet garantiti tal-Membri;

54.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jibni fuq il-ftehimiet ta' koperazzjoni li diġà jeżistu bejn il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bil-għan li jidentifika oqsma oħra fejn jistgħu jiġu kondiviżi l-funzjonijiet amministrattivi; jappella barra minn hekk, lis-Segretarju Ġenerali biex iwettaq studju dwar is-sinerġiji possibbli fil-funzjonijiet u s-servizzi amministrattivi li jistgħu jinkisbu wkoll bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

55.  Ifakkar li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jikkontribwixxu biex jissawwar l-għarfien politiku Ewropew u jiżdied il-fehim taċ-ċittadini tal-konnessjoni bejn il-proċessi politiċi fil-livelli nazzjonali u Ewropej;

56.  Jikkunsidra li l-kontroversji riċenti dwar il-finanzjament ta' ċerti partiti politiċi Ewropej u ta' ċerti fondazzjonijiet politiċi Ewropej kixfu d-dgħufijiet fis-sistemi eżistenti ta' ġestjoni u kontroll;

57.  Jemmen li d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 1141/2014(17) u (UE, Euratom) Nru 1142/2014(18) se jipprovdi mekkaniżmi ta' kontroll addizzjonali, bħar-rekwiżit li l-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jirreġistraw mal-Awtorità; jikkunsidra, madankollu, li għad hemm lok li dawn il-miżuri jittejbu; jinnota li l-partiti u l-fondazzjonijiet se jibdew japplikaw għall-finanzjament skont ir-regoli l-ġodda fis-sena baġitarja 2018;

58.  Jirrileva li ġie identifikat għadd ta' problemi fis-sistema attwali ta' kofinanzjament, fejn il-kontribuzzjonijiet u l-għotjiet mill-baġit tal-Parlament kemm għall-partiti u kemm għall-fondazzjonijiet ma jistgħux jaqbżu l-85 % tan-nefqa eliġibbli, u l-15 % li jifdal ikollhom jiġu koperti mir-riżorsi proprji; jinnota, pereżempju, li l-insuffiċjenzi fil-kontribuzzjonijiet tal-membri u d-donazzjonijiet spiss jiġu bbilanċjati b'kontribuzzjonijiet in natura;

Kwistjonijiet oħra

59.  Jinnota d-djalogu kontinwu bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jappella biex dan jissaħħaħ b'mod li jiġi żviluppat fehim aħjar tal-kontribut tal-Parlament Ewropew u tal-Unjoni fl-Istati Membri;

60.  Jinnota t-talba għal studji u opinjonijiet esterni bħala appoġġ għall-ħidma tal-kumitati u l-korpi politiċi l-oħra fl-analiżi tal-impatt possibbli ta' Brexit, inklużi l-konsegwenzi baġitarji għall-Parlament; jikkontesta l-ħtieġa tal-appell għal studji u opinjonijiet esterni minflok ma jsir rikors għall-abbundanza ta' servizzi ta' riċerka fi ħdan il-Parlament; jenfasizza li, sakemm in-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jiġu konklużi, ir-Renju Unit jibqa' membru sħiħ tal-Unjoni u d-drittijiet u l-obbligi kollha ta' sħubija jibqgħu fis-seħħ; jissottolinja għaldaqstant li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jirtira mill-Unjoni x'aktarx mhux se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Parlament għall-2018;

61.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2013 dwar is-siti tas-sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea(19), fejn ġie stmat li l-ispejjeż tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament huma bejn EUR 156 miljun u EUR 204 miljun u huma ekwivalenti għal 10 % tal-baġit tal-Parlament; jenfasizza li huwa stmat li l-impatt ambjentali tad-dispersjoni ġeografika huwa bejn il-11 000 u d-19 000 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2; jissottolinja l-perċezzjoni pubblika negattiva li tikkawża din id-dispersjoni, u għalhekk itenni l-pożizzjoni tiegħu li jagħmel appell għal pjan direzzjonali favur sede unika;

62.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija iktar ‘il fuq tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017; jitlob li tiġi implimentata kooperazzjoni mal-istazzjonijiet televiżivi, il-media soċjali u sħab oħra sabiex jiġi stabbilit ċentru medjatiku Ewropew għal skopijiet ta' taħriġ għall-ġurnalisti żgħażagħ;

63.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau biex inisslu kultura ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni fl-amministrazzjoni tal-Parlament kollha kemm hi, bi qbil mal-approċċ ta' ġestjoni razzjonalizzata sabiex jitqawwew l-effiċjenza u l-kwalità fil-ħidma interna tal-istituzzjoni;

o
o   o

64.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2018;

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0132.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0411.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0475.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0172.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0132.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0411.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0484.
(12) Deloitte, studju ta' Diċembru 2015.
(13) Ara l-paragrafu 22 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ April 2016 (P8_TA(2016)0132).
(14) Testi adottati tat-13 ta’ Diċembru 2016, P8_TA(2016)0484 - Artikolu 183(1).
(15) Testi adottati, P8_TA(2015)0407.
(16) Testi adottati, P7_TA(2013)0437; Testi adottati, P8_TA(2014)0036; Testi adottati, P8_TA(2015)0376; Testi adottati, P8_TA(2016)0411.
(17) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).
(18) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1142/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Ottubru 2014, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 28).
(19) Testi adottati, P7_TA(2013)0498.

Avviż legali