Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2624(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0236/2017

Testi mressqa :

B8-0236/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2017 - 9.21

Testi adottati :

P8_TA(2017)0123

Testi adottati
PDF 376kWORD 58k
L-Erbgħa, 5 ta' April 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21
P8_TA(2017)0123B8-0236/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D049280 – 2017/2624(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (UE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D049280),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2) u 21(2) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-27 ta' Jannar 2017, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tas-27 ta' Marzu 2017, fejn ukoll ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-15 ta' Lulju 2016(3), li tinkludi opinjoni minoritarja, kif ukoll l-opinjonijiet preċedenti tal-EFSA dwar il-qamħirrum li fih events uniċi, Bt11 (li jesprimi l-proteini Cry1Ab u PAT), 59122 (li jesprimi l-proteini Cry34Ab1, Cry35Ab1 u PAT), MIR604 (li jesprimi l-proteini mCry3A u PMI), 1507 (li jipproduċi l-proteini Cry1F u PAT) and GA21 (li jesprimi l-proteini mEPSPS),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

L-applikazzjoni

A.  billi fl-1 ta' Lulju 2011 Syngenta ressqet applikazjzoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn jew prodotti minn qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Ġermanja bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 fi prodotti li jikkonsistu jew li fihom minn dan il-qamħirrun għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.  billi fil-21 ta' Frar 2014 Syngenta estendiet l-ambitu tal-applikazzjoni għas-sottokumbinazzjonijiet kollha tal-events uniċi ġenetikament modifikati li jikkonsistu f'qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, minbarra s-sottokumbinazzjoni 1507 × 59122, li diġà kienet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/432/UE(5);

C.  billi fil-31 ta' Marzu 2016 Syngenta aġġornat l-ambitu tal-applikazzjoni billi eskludiet l-erba' sottokumbinazzjonijiet li ġejjin, li kienu jaqgħu fl-ambitu ta' applikazzjoni oħra: il-qamħirrun Bt11 × GA21, il-qamħirrun MIR604 × GA21, il-qamħirrun Bt11 × MIR604, u Bt11 × MIR604 × GA21(6);

D.  billi m'hemm ebda data speċifika dwar kwalunkwe waħda mill-20 sottokumbinazzjoni li tressqu mill-applikant(7);

E.  billi l-użi previsti għall-kumbinazzjoni ta' ħames events flimkien huma l-kontroll tal-lepidopterani u l-koleotterani, organiżmi ta' ħsara għall-qamħirrun, u biex jipprovdu tolleranza għall-erbiċida li jkun fihom il-glufosinat tal-ammonju jew il-glifosat(8); billi l-użi previsti għad-diversi sottokumbinazzjonijiet huma simili, u jiddependu fuq il-kumbinazzjonijiet;

L-opinjoni tal-EFSA

F.  billi fis-26 ta' Awwissu 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat opinjoni favorevoli bi qbil mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-qamħirrun ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 u għas-sottokumbinazzjonijiet kollha koperti mill-ambitu tal-applikazzjoni; billi l-opinjoni tal-EFSA inkludiet opinjoni minoritarja;

G.  billi l-EFSA tirrikonoxxi li ebda data speċifika ma tressqet għall-20 sottokumbinazzjoni, li ħafna minnhom kienu għadhom lanqas biss ġew maħluqa, u li ebda informazzjoni xjentifika dwarhom ma setgħet tinstab fi tfittxija fil-letteratura, imma madankollu tikkonkludi li l-20 sottokumbinazzjoni kollha huma "mistennija li jkunu sikuri bħall-qamħirrun tal-kumbinazzjoni tal-ħames events flimkien";

H.  billi l-EFSA tqis li ma hu meħtieg ebda monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-events ġenetikament modifikati kkonċernati; billi l-EFSA sempliċement tiddikjara li r-rekwiżit ta' monitoraġġ għandu jkun ikkunsidrat fuq il-bażi ta' data provduta dwar l-espressjoni ta' proteina ġdida, jekk dawn is-sottokumbinazzjonijiet kellhom jinħolqu permezz ta' approċċi ta' għażliet immirati u importati fl-Unjoni;

Tħassib

I.  billi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur l-Istati Membri ressqu mijiet ta' kummenti kritiċi(9); billi dawk il-kummenti jirreferu għal, inter alia: informazzjoni u data nieqsa, għal studji imwettqa b'mod żbaljat jew nuqqas ta' studji, nuqqas ta' evidenza li teskludi ċerti rotot ta' esponiment, bażi ta' data insuffiċjenti, eż. fir-rigward tad-diġestibilità, nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-effetti kumbinati tad-diversi proteini tat-tossina BT fil-valutazzjoni tal-potenzjal tal-allerġeniċità u tat-tossiċità, nuqqasijiet fir-rigward tad-disinn esperimentali tal-qasam tal-provi u tal-analiżi statistika, rapporti neqsin dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ, nuqqas li jiġi muri li l-prodott ma għandux effetti ħżiena fuq l-ambjent, nuqqas ta' valutazzjoni ulterjuri ta' differenzi statistikament sinifikanti, eż. fil-kompożizzjoni nutrizzjonali, u n-nuqqas li jitwettqu testijiet immunoloġiċi fir-rigward tal-potenzjal allerġeniku potenzjalment aktar għoli;

J.  billi kienet espressa opinjoni minoritarja minn Jean-Michel Wal, Membru tal-Panel EFSA GMO(10), li tiddikjara: "l-ebda data speċifika dwar xi waħda minn dawk l-20 sottokumbinazzjoni ma ġiet provduta mill-applikant, li wkoll ma tax raġunament sodisfaċenti li jispjega r-raġunijiet li minħabba fihom dik id-data hi nieqsa u/jew għaliex hu jikkunsidra li mhijiex meħieġa għall-valutazzjoni tar-riskju. Din hi l-aktar raġuni importanti għall-espressjoni ta' din l-opinjoni minoritarja, li tqis li ma jistax ikun hemm żewġ tipi ta' valutazzjoni tar-riskju, waħda komprensiva bbażata fuq set komplet ta' data u oħra li għaliha ebda data speċifika mhi disponibbli u li hi bbażata fuq assunzjonijiet u kunsiderazzjonijiet indiretti dedotti mill-Panel mill-hekk imsejjaħ "approċċ tal-piż tal-evidenza" u estrapolazzjoni ta' data miksuba għal events uniċi, il-kumbinazzjoni tal-ħames events flimkien u ġabriet oħra li kienu mressqa u valutati f'applikazzjonijiet oħra. Minbarra din il-kwistjoni ta' prinċipju, fil-każ preżenti, dan jista' jwassal għal riskju mhux ikkontrollat għas-saħħa tal-bnedmin f'ċerti partijiet tal-popolazzjoni.";

K.  billi, b'mod aktar speċifiku, l-opinjoni minoritarja tesprimi dubji dwar it-tip ta' estrapolazzjoni li saret biex tivvaluta effetti potenzjali ħżiena li mhijiex definita b'mod preċiż: "Il-kriterji, il-proċedura u l-livell ta' kunfidenza li għandha tintalab għal din l-estrapolazzjoni mhumiex mogħtija u mhemmx valutazzjoni kritika tal-limiti tagħha. Ebda evalwazzjoni tal-inċertezza li tirriżulta ma twettqet, eż. bl-użu ta' analiżi probabilistika, kif rakkomandat mill-Abbozz ta' Gwida dwar l-Inċertezza fil-Valutazzjoni Xjentifika tal-EFSA (Reviżjoni għat-Testijiet Interni) tal-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA; Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jinvalidaw il-konklużjoni ġenerali.";

L.  billi l-opinjoni minoritarja tal-EFSA tirrimarka wkoll diversi nuqqasijiet u argumenti kontradittorji fir-rigward tal-applikazzjoni, eż. il-fatt li l-applikant minn naħa jalludi għall-fatt li s-sottokumbinazzjonijiet kollha ġew prodotti, u li l-livell ta' espressjoni tal-proteina kien analizzat(11), imma min-naħa l-oħra ma jipprovdi ebda data fuq l-ebda sottokumbinazjzoni;

M.  billi l-varjetajiet ta' qamħirrum ġenetikament modifikat SYN-BTØ11-1, DAS-59122-7 and DAS-Ø15Ø7-1 involut jesprimi proteina PAT li tagħti tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju; billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018(12);

N.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-ØØØ21-9, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina mEPSPS li tagħti tolleranza għall-erbiċidi glifosati; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa speċjalizzata fil-kanċer – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015(13);

Il-proċedura

O.  billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Jannar 2017 ma ta l-ebda opinjoni; billi huma biss 10 Stat Membru li jirrapreżentaw 38,43% biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni li vvutaw favur, filwaqt li 13-il Stat Membru vvutaw kontra, u erba' Stati Membri astjenew; billi l-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell fis-27 ta' Marzu 2017 għal darb'oħra ma tat l-ebda opinjoni;

P.  billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva ppreżentat fit-22 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentat fl-14 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-kumitat għal opinjoni tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjoni dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi din il-prattika, f'diversi ċirkostanzi, kienet iddeplorata mill-President tal-Kummissjoni Juncker bħala li mhijiex demokratika(14);

Q.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet irrifjutata mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015 peress li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM jaqsam il-fruntieri, u dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament mhux biss irrifjuta l-proposta leġiżlattiva, iżda talab ukoll lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq waħda ġdida;

R.  billi hu diġà l-każ li l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tirregola li: "Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni."(15);

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002(16), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Iqis, b'mod aktar speċifiku, li dan imur kontra l-prinċipji tal-liġi ġenerali dwar l-ikel, kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, biex ikunu approvati varjetajiet li għalihom ma kienet provduta ebda data dwar is-sikurezza, lanqas biss ma ġew ittestjati, jew li lanqas biss għadhom ma ġew maħluqa;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) EFSA GMO Panel (EFSA Panel on Genetically Modified Organisms), 2016. Opinjoni Xjentifika dwar l-applikazzjoni minn Syngenta (EFSA-GMO-DE-2011-99) għat-tqegħid fis-suq ta' qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 u għoxrin sottokumbinazzjoni oħra, li ma ġewx awtorizzati minn qabel indipendentement mill-oriġini tagħhom, għall-użu bħala ikel u għalf, importazzjoni u pproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003; EFSA Journal 2016;14(8):4567 [31 pp.]; doi:10.2903/j.efsa.2016.4567
(4)——————————— - ir-riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110),ir-riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (P8_TA(2015)0456),ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (P8_TA(2016)0040),ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (P8_TA(2016)0039),ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (P8_TA(2016)0038),ir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (P8_TA(2016)0271),ir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (P8_TA(2016)0272),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0388),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0389),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (P8_TA(2016)0386),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (P8_TA(2016)0390).
(5) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/432/UE tat-28 ta' Lulju 2010 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qamħirrum modifikat ġenetikament 1507x59122 (DAS-Ø15Ø7-1xDAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 4.8.2010, p. 11).
(6) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1685 tas-16 ta' Settembru 2016 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jew li huma magħmula jew prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u mill-qamħirrum ġenetikament modifikat bit-tgħaqqid ta' tnejn jew tlieta mill-eventi Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/892/UE, 2011/893/UE u 2011/894/UE (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 22).
(7) Kif konfermat mill-opinjoni tal-EFSA msemmija hawn fuq (EFSA Journal 2016;14(8):4567 [31 pp.]).
(8) il-qamħirrum SYN-BTØ11-1 jesprimi l-proteina Cry1Ab li tagħti protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidotterani u l-proteina PAT li tagħti t-tolleranza għall-erbiċidi tal-ammonju tal-glufosinat.Il-qamħirrum DAS-59122-7 jesprimi l-proteini Cry34Ab1 u Cry35Ab1 li jagħtu protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidotterani u l-proteina PAT li tagħti t-tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju.Il-qamħirrum SYN-IR6Ø4-5 jesprimi l-proteina Cry3 A modifikata li tagħti protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara koleotterani u l-proteina PMI li tintuża bħala markatur selezjonabbli.Il-qamħirrum DAS-Ø15Ø7-1 jesprimi l-proteina CRY1F li tagħti protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidotterani u tipproduċi l-proteina PAT, użata bħala markatur selezzjonabbli, li tagħti t-tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju.Il-qamħirrun MON-ØØØ21-9 jesprimi l-proteina mEPSPS li tikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi tal-glifosat.
(9) Ara r-Reġistru ta' Mistoqsijiet tal-EFSA, Anness G għal Mistoqsija Numru EFSA-Q-2011-00894, disponibbli online fuq: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionDocumentsLoader?question=EFSA-Q-2011-00894 (l-aħħar punt).
(10) Ara l-Appendiċi A tal-opinjoni tal-EFSA.
(11) L-applikazzjoni tiddikjara li "qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 u s-sottokumbinazzjonijiet kollha tiegħu indipendentement mill-oriġini tagħhom ġew prodotti minn taħlit ta' tnissil konvenzjonali (...) (punt ii)", u "l-analiżi tal-livell ta' espressjoni tal-proteina tikkonferma li t-taħlit tal-events uniċi tal-qamħirrun ġenetikament modifikat (...) ma jirriżulta fl-ebda interazzjoni bejniethom fil-qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 jew is-sottokumbinazzjonijiet ta' għadd minuri ta' dawn l-events indipendentement mill-oriġini tagħhom. (punt x)".
(12) http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.detail&language=MT&selectedID=1436
(13) IARC Monographs Volume 112: evaluation of five organophosphate insecticides and herbicides, 20 March 2015 (http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol112/mono112.pdf).
(14) Eż. fid-Dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, 15 ta' Lulju 2014) jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, 14 ta' Settembru 2016).
(15) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(16) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Avviż legali