Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2646(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0245/2017

Dibattiti :

PV 06/04/2017 - 4.1
CRE 06/04/2017 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2017 - 7.1
CRE 06/04/2017 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0125

Testi adottati
PDF 271kWORD 53k
Il-Ħamis, 6 ta' April 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Russja, l-arrest ta' Alexei Navalny u dimostranti oħra
P8_TA(2017)0125RC-B8-0245/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2017 dwar ir-Russja, l-arrest ta' Alexei Navalny u dimostranti oħra (2017/2646(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012(1), dik tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), dik tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(3), ir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(4), dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny(5), dik tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja(6), u dik tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja(7),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Russa, b'mod partikolari l-Artikolu 29 tagħha li jħares il-libertà tal-kelma u l-Artikolu 31 li jinkludi d-dritt għal għaqda paċifika, u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra s-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" li bdiet fl-2010 f'Rostov-na-Donu u l-impenn meħud mit-tmexxija Russa favur l-istat tad-dritt bħala bażi fundamentali għall-modernizzazzjoni tar-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jgħidu li ħadd m'għandu jkun sottomess għal tortura jew għal trattament krudili, inuman jew degradanti, u li l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(8),

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport perjodiku tal-Federazzjoni Russa eżaminat mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 136 u t-3 137 laqgħa tiegħu, li saru fis-16 u s-17 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fis-26 ta' Marzu 2017, bejn 33 000 u 93 000 ruħ ħadu sehem fi protesti, kortej u dimostrazzjonijiet kontra l-korruzzjoni f'aktar minn 80 belt madwar ir-Russja; billi aktar minn 2 000 dimostrant ġew arrestati mill-pulizija f'diversi bliet Russi, fosthom madwar 1 000 minnhom f'Moska; billi l-politiku tal-oppożizzjoni Alexei Navalny ġie arrestat u mmultat USD 350 talli organizza protesti pprojbiti u ngħata sentenza ta' 15-il jum ħabs; billi dawn il-protesti huma meqjusa bħala l-akbar li qatt saru mid-dimostrazzjonijiet kontra l-Kremlin fl-2011 u l-2012;

B.  billi l-verdett tal-Qorti Leninsky f'Kirov (8 ta' Frar 2017) kontra l-politiku tal-oppożizzjoni Russu Alexei Navalny fuq akkużi ta' tentattivi ta' miżapproprjazzjoni serva biex isikket leħen politiku indipendenti ieħor fil-Federazzjoni Russa; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li Navalny ġie mċaħħad mid-dritt għal proċess ġust fil-proċedimenti li nfetħu kontrih fl-2013 dwar l-istess akkużi;

C.  billi l-Gvern Russu fetaħ investigazzjoni kriminali kontra persuni mhux identifikati li għamlu stedina permezz tal-internet għal dimostrazzjoni f'Moska fit-2 ta' April 2017 biex tintalab ir-riżenja tal-Prim Ministru Russu Dmitry Medvedev, it-tmiem tal-operazzjonijiet militari Russi fl-Ukrajna u fis-Sirja, il-ħelsien ta' Navalny u l-ħlas ta' kumpens lill-attivisti arrestati waqt protesta f'Moska fis-26 ta' Marzu 2017; billi, fit-2 ta' April 2017, tal-inqas 31 persuna ġew arrestati waqt protesti tal-oppożizzjoni f'Moska u wara nżammu l-ħabs talli "kisru l-ordni pubbliku";

D.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti ntrabet li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament offriet għajnuna u għarfien espert addizzjonali biex tgħin lir-Russja timmodernizza u ssegwi l-ordni kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

E.  billi hemm tħassib dwar l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tal-istat tad-dritt u tal-prinċipji demokratiċi rikonoxxuti b'mod universali; billi l-Federazzjoni Russa rratifikat 11 mit-18-il trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi d-dritt kriminali tal-Federazzjoni Russa ġie emendat u ġie introdott l-Artikolu 212.1 il-ġdid, li jgħid li persuna tista' tiġi akkużata bi ksur tal-liġi dwar il-laqgħat pubbliċi, minkejja l-fatt li din l-emenda tillimita l-libertà tal-kelma u ta' għaqda;

G.  billi, skont iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", l-għadd ta' priġunieri politiċi fil-pajjiż żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, b'total ta' 102 persuni fl-2016;

1.  Jikkundanna l-operazzjonijiet tal-pulizija fil-Federazzjoni Russa, maħsuba biex jimpedixxu u jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra l-korruzzjoni, u li matulhom ġew arrestati mijiet ta' ċittadini, fosthom Alexei Navalny, li l-organizzazzjoni tiegħu tat bidu għad-dimostrazzjonijiet;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu minnufih lil Alexei Navalny u lid-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti u l-attivisti arrestati fil-protesti kontra l-korruzzjoni li saru f'Moska u f'għadd ta' bliet Russi fis-26 ta' Marzu u fit-2 ta' April 2017, u jwaqqgħu l-akkużi kontrihom; jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet Russi huma responsabbli għas-sikurezza u l-benessri tal-persuni arrestati;

3.  Jenfasizza l-fatt li s-sentenzi imposti huma motivati politikament, u jħeġġeġ lill-ġudikatura Russa turi l-indipendenza tagħha minn kwalunkwe ndħil politiku; jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti, l-avversarji politiċi u l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxu l-libertà tal-midja u l-libertà ta' għaqda;

4.  Jinnota l-parteċipazzjoni qawwija fil-protesti kontra l-korruzzjoni mifruxa mal-Federazzjoni Russa kollha nhar il-Ħadd, 26 ta' Marzu 2017, b'mod partikolari l-mobilizzazzjoni taż-żgħażagħ li ħarġu jipprotestaw kontra l-korruzzjoni u t-tmexxija dejjem aktar awtoritarja fir-Russja; tilqa' dan l-impenn bħala sinjal promettenti ta' interess pubbliku akbar fi kwistjonijiet pubbliċi u politiċi;

5.  Jesprimi tħassib serju li l-arrest ta' Alexei Navalny huwa prova ta' każ fejn l-awtoritajiet Russi użaw il-liġi dwar il-laqgħat pubbliċi biex jibagħtu dimostranti paċifiċi l-ħabs malajr u sussegwentement jikkommettu abbuż sistematiku;

6.  Jikkundanna l-isforzi kontinwi maħsuba biex isikktu lil Alexei Navalny, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-organizzazzjoni tiegħu biex titqajjem kuxjenza u tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fost ir-rappreżentanti politiċi u l-persuni f'kariga pubblika; iħares bi tħassib kbir lejn id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Frar 2017, li effettivament teskludi lil Alexei Navalny mix-xena politika, tillimita ulterjorment il-pluraliżmu politiku fir-Russja u tqajjem dubji serji dwar l-imparzjalità tal-proċessi demokratiċi fir-Russja;

7.  Ifakkar li l-libertà ta' għaqda paċifika huwa dritt, mhux privileġġ, u li dan id-dritt, flimkien mad-drittijiet għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, għandu rwol deċiżiv fil-ħolqien u l-eżistenza ta' sistema verament demokratika; jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali li ħadu, inkluż fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), jiddefendu l-libertajiet bażiċi ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, li jikkostitwixxu drittijiet fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni Russa, u jeħilsu minnufih lid-dimostranti paċifiċi li ġew arrestati;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu kwalunkwe att ta' intimidazzjoni, anke fil-livell ġudizzjarju, fil-konfront tal-avversarji politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, u jiżguraw, f'kull ċirkustanza, li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr ebda ndħil;

9.  Huwa tal-fehma li bosta proċessi u proċedimenti ġudizzjarji kontra membri tal-oppożizzjoni u NGOs matul dawn l-aħħar snin iqajmu dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi Russi jwettqu dmirijiethom b'mod imparzjali u indipendenti, mingħajr indħil politiku;

10.  Jenfasizza li l-libertà ta' għaqda fil-Federazzjoni Russa hi ggarantita mill-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li r-Russja hi firmatarja tagħha, u għalhekk l-awtoritajiet Russi huma obbligati jirrispettawha; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-kelma u l-liberta ta' għaqda;

11.  Ifakkar fl-importanza li r-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minquxa fil-KEDB u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

12.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa temenda l-leġiżlazzjoni li tikkriminalizza u tillimita bla bżonn il-libertà ta' għaqda; jikkundanna l-fatt li, permezz ta' leġiżlazzjoni ġdida f'Diċembru 2015, il-Federazzjoni Russa tat ukoll lill-Qorti Kostituzzjonali tagħha s-setgħa li tirrevoka s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.  Jinnota l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-konfront ta' politiċi prominenti Russi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sistematika kontra kwalunkwe attentat ta' ħasil ta' flus jew assi illegali fl-UE; jagħti wkoll istruzzjonijiet lill-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar il-Panama Papers biex joqgħod partikolarment attent għal kwalunkwe traċċa ta' flussi suspettużi ta' flus Russi li jistgħu jgħaddu minn banek ibbażati fl-UE;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżviluppaw politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni fir-Russja;

15.  Jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżguraw li meta jerġgħu jibdew il-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja jitqajmu l-każijiet tal-persuni kollha pproċessati għal raġunijiet politiċi, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ; jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-VP/RGħ, ikomplu jsegwu każijiet bħal dawn mill-qrib, ikomplu jqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji ta' fehmiet mal-awtoritajiet Russi;

16.  Jikkundanna l-attakk terroristiku f'San Pietruburgu, u jitlob lill-President tiegħu jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà profondi tiegħu mal-vittmi, il-familji tagħhom u l-poplu Russu;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.
(2) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 150.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0253.
(4) ĠU C 274, 27.7.2016, p. 21.
(5) ĠU C 300, 18.8.2016, p. 2.
(6) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 126.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0446.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0087.

Avviż legali