Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2648(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0252/2017

Dibattiti :

PV 06/04/2017 - 4.3
CRE 06/04/2017 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2017 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0127

Testi adottati
PDF 268kWORD 52k
Il-Ħamis, 6 ta' April 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Bangladesh, inklużi ż-żwiġijiet tat-tfal
P8_TA(2017)0127RC-B8-0252/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2017 dwar il-Bangladesh, inklużi ż-żwiġijiet tat-tfal (2017/2648(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(2),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' għeluq tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Bangladesh tat-22 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-2 ta' Lulju 2015 dwar it-tisħiħ tal-isforzi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ furzat,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill fis-6 ta’ Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni (BPFA) li ħarġu mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u li l-Bangladesh huwa firmatarju tagħhom, u l-evalwazzjonijiet perjodiċi dwar il-progress tal-implimentazzjoni tagħhom fil-Bangladesh fis-snin 2000, 2005, 2009 u 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp tal-2001,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal tal-11 ta' Marzu 2017 u l-Att dwar il-Prevenzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal tal-15 ta' Settembru 2014 tal-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Bangladesh għall-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal 2015–2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bangladesh ilhom stabbiliti, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp; billi r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi huma l-bażi tal-politiki domestiċi u internazzjonali tal-partijiet, u jridu jkunu parti essenzjali tal-azzjoni esterna tal-UE;

B.  billi, f'dawn l-aħħar xhur, NGOs u l-midja indipendenti rrapportaw sensiela ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-għajbien furzat ta' persuni, sikkatura fuq is-soċjetà ċivili, attakki kontra attivisti politiċi u tortura;

C.  billi, skont data reċenti tan-NU, il-Bangladesh għad għandu waħda mill-ogħla rati ta' żwieġ tat-tfal, u l-ogħla rata fl-Asja; billi 52 % tal-bniet u tfajliet fil-Bangladesh jiżżewġu qabel jagħlqu 18-il sena ,u 18 % qabel jagħlqu 15-il sena;

D.  billi n-NU jirrikonoxxu ż-żwieġ tat-tfal bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem li fih it-tfal ma jkollhomx l-għażla jew il-kapaċità li jagħtu l-kunsens sħiħ tagħhom u spiss ikunu soġġetti għal riskji psikoloġiċi u fiżiċi;

E.  billi l-Bangladesh huwa wieħed mit-12-il pajjiż fil-mira tal-Programm Globali tal-UNFPA-UNICEF għall-Aċċelerazzjoni tal-Azzjoni għat-Tmiem taż-Żwieġ tat-Tfal, li hu appoġġjat mill-UE;

F.  billi l-Bangladesh huwa membru tal-Inizjattiva tan-Nofsinhar tal-Asja għat-Tmiem tal-Vjolenza Kontra t-Tfal, li adottat pjan ta' azzjoni reġjonali biex ittemm iż-żwieġ tat-tfal;

G.  billi l-gvern tal-Bangladesh wiegħed, waqt is-Summit tal-Bniet ta' Lulju 2014, li sal-2021 inaqqas b'terz l-għadd ta' bniet u tfajliet li jiżżewġu bejn l-etajiet ta' 15 u 18-il sena u jelimina ż-żwieġ li jinvolvi tfal taħt il-15-il sena, u li sal-2041 itemm iż-żwieġ tat-tfal taħt l-età ta' 18-il sena;

H.  billi, fl-2015, il-Bangladesh ġie kklassifikat fil-119-il post minn 159 pajjiż mistħarrġa għall-Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi fi ħdan il-Programm ta' Żvilupp tan-NU;

I.  billi, fis-27 ta' Frar 2017, il-Gvern għadda l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal, li – filwaqt li l-età minima għaż-żwieġ iżommha ta' 18-il sena għan-nisa u ta' 21 sena għall-irġiel – jintroduċi eċċezzjonijiet għal "każijiet speċjali" jew "fl-aħjar interessi" tal-adoloxxenti bil-permess tal-qrati, filwaqt li jonqos milli jiddefinixxi tali kriterji jew jistabbilixxi età minima għal dawn iż-żwiġijiet; billi l-kunsens tat-tfal mhuwiex rekwiżit; billi l-liġi daħlet fis-seħħ wara l-approvazzjoni mill-President fil-11 ta' Marzu 2017;

J.  billi din il-liġi tista' twassal għal eskalazzjoni tal-abbużi mid-dota, fastidju sesswali, stupri u attakki bl-użu tal-aċidu u l-leġittimizzazzjoni tal-istupru statutorju; billi tista' wkoll tħalli lill-ġenituri jġiegħlu lil uliedhom bniet jiżżewġu lil min ikun stuprahom;

K.  billi l-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE favur protezzjoni u promozzjoni komprensiva tad-drittijiet tat-tfal fil-politika esterna tagħha tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jafferma mill-ġdid il-kundanna tiegħu għal kull każ ta' żwieġ furzat, ta' żwieġ tat-tfal u ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet madwar id-dinja;

2.  Jinnota l-progress l-Bangladesh kien għamel fl-isforzi tiegħu biex inaqqas il-livelli ta' żwieġ tat-tfal;

3.  Jilqa' l-fatt li, fl-aħħar ftit snin, il-Bangladesh adotta diversi miżuri leġiżlattivi u istituzzjonali bil-għan li jipproteġi lit-tfal; huwa mħasseb, madankollu, dwar l-implimentazzjoni insuffiċjenti jew ineżistenti ta' dawn il-miżuri;

4.  Huwa ddispjaċut ħafna għall-adozzjoni tal-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal tal-2017 u għal-lakuni li jinsabu f'dik il-leġiżlazzjoni, li tipprovdi awtorizzazzjoni legali għaż-żwieġ tat-tfal; Jiddispjaċih, barra minn hekk, għan-nuqqas ta' kriterji legali fl-Att, li jqajjem ir-riskju ta' abbuż wiesa';

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jemenda l-Att sabiex isewwi l-lakuni u jipprojbixxi kull żwieġ li jinvolvi t-tfal;

6.  Jinsisti li, sa meta titneħħa kull lakuna mill-Att, il-Gvern tal-Bangladesh jeħtieġlu jadotta kriterji ċari li fuqhom il-qrati, flimkien ma' professjonisti tas-saħħa u tal-kura soċjali, u b'intervista mat-tifla jew tfajla kkonċernata mingħajr il-preżenza ta' membri tal-familja, iridu jibbażaw kwalunkwe deċiżjoni li tawtorizza żwieġ taħt l-età;

7.  Jinnota bi tħassib li l-Att li ġie adottat reċentement huwa pass lura għall-Bangladesh fl-isforzi tiegħu biex jelimina ż-żwieġ tat-tfal; ifakkar li dan l-illaxkar tal-liġi jimminia l-miri tal-istess Gvern tal-Bangladesh għat-tnaqqis taż-żwiġijiet tat-tfal;

8.  Jagħraf l-impatt li ż-żwieġ tat-tfal jista' jkollu, inklużi r-restrizzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni, l-iżolament, il-faqar, id-dipendenza ekonomika u s-servitù, b'mod partikolari għall-bniet u t-tfajliet fiż-żoni rurali, u jinnota bi tħassib it-tkattir tar-riskji ta' stupru, ta' vjolenza fiżika u ta' tqala furzata fiż-żwiġijiet tat-tfal;

9.  Jinnota bi tħassib li ż-żwieġ tat-tfal ħafna drabi jkun marbut ma' tqala taħt l-età u mhux mixtieqa; ifakkar, f'dan ir-rigward, f'kemm huwa importanti li n-nisa u l-bniet jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet rispettivi, għal assistenza u għal trattament mediku sikur, inkluż l-abort sikur u legali;;

10.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jissokta jiżviluppa l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal 2015–2021, u jistiednu jispjega kif biħsiebu jilħaq l-objettivi tagħhom u jelimina kull żwieġ tat-tfal;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jikkomettu ruħhom b'mod effikaċi biex iwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li ġew adottati dan l-aħħar fil-livell internazzjonali, speċjalment biex inaqqsu l-inugwaljanzi u jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa;

12.  Iqis li ż-żwieġ tat-tfal jista' jiġi indirizzat b'mod effikaċi permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tal-bniedem u permezz ta' politiki soċjali pubbliċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh, għalhekk, biex b'mod sistematiku jinvolvu lill-komunitajiet u lis-soċjetà ċivili, inklużi NGOs u organizzazzjonijiet tat-tfal, bil-għan li jindirizzaw il-kawżi prinċipali taż-żwieġ tat-tfal fil-Bangladesh, u jqajmu l-kuxjenza fl-iskejjel;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh, f'dan ir-rigward, biex jiemendaw l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji) tal-2014, sabiex jiżguraw li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma tkunx soġġetta għal kontroll arbitrarju min-naħa tal-gvern, u li d-deċiżjonijiet kollha meħuda skont dak l-Att ikunu soġġetti għal proċess ta' rieżami indipendenti;

14.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jikkundannaw l-atti orribbli li għadhom jitwettqu kontra l-libertà ta' espressjoni, u jħeġġiġhom jieħdu azzjoni biex itemmu minnufih kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra ġurnalisti, bloggers u s-soċjetà ċivili; ikompli jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh iwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar każi ta' qtil extraġudizzjarju, ta' għajbien furzat u ta' użu eċċessiv tal-forza, u jħeġġiġhom iressqu lill-persuni responsabbli quddiem il-ġustizzja skont standards internazzjonali;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-UE fil-Bangladesh iqajmu dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet tal-Bangladesh, u li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jqajjem il-kwistjoni tal-Att fil-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni Konġunta UE-Bangaldesh;

16.  Jitlob li l-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Bangladesh jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.

(1) ĠU C 234, 28.6.2016, p. 10.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0089.

Avviż legali