Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2098(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0161/2017

Testi mressqa :

A8-0161/2017

Dibattiti :

PV 27/04/2017 - 3
CRE 27/04/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0138

Testi adottati
PDF 423kWORD 68k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Rapport Annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2015
P8_TA(2017)0138A8-0161/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2015 (2016/2098(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2015 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju 2015 u r-Rapport Statistiku 2015 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2015 dwar is-Sostenibbiltà, ir-Rapport 2015 dwar Valutazzjoni fuq 3 Pilastri għall-Operazzjonijiet tal-BEI fi ħdan l-UE u r-Rapport 2015 dwar ir-Riżultati barra l-UE tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kumitat tal-Verifika għas-sena 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2015 dwar l-Attivitajiet Kontra l-Frodi tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-BEI fl-2015 u r-Rapport tal-2015 dwar il-Governanza Korporattiva,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2015 tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI 2014-2016, 2015-2017, 2016-2018 u l-Pjan Korporattiv tal-Operat tal-FEI 2014-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI u l-Protokoll Nru 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012(1), dik tat-30 ta' April 2015 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment – Rapport Annwali 2013(2), u dik tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013(4) u d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 670/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2012, li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 - 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija(6) (b'rabta mal-fażi pilota għall-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti Ewropa 2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ''Pjan ta' Investiment għall-Ewropa'' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2015)0361 final),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid, Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597, SWD(2016)0297) u SWD(2016)0298),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI tal-funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-proposta għal regolament biex jiżdied u jiġi estiż il-FEIS,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 19/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: "Implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013",

–  wara li kkunsidra l-verifika ad hoc ta' Ernst & Young tat-8 ta' Novembru 2016 tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1017 ("ir-Regolament dwar il-FEIS"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku ta' Settembru 2016 bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew lill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-22 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0161/2017),

A.  billi l-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' strumenti ta' investiment iddedikati bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;

B.  billi l-BEI, bħala l-akbar mutwanti pubbliku fid-dinja, jopera fis-swieq kapitali internazzjonali, filwaqt li joffri termini kompetittivi lill-klijenti u kundizzjonijiet favorevoli biex jiġu appoġġjati l-politiki u l-proġetti tal-UE;

C.  billi l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jenħtieġ li jkollhom rwol ewlieni billi jikkomplementaw l-interventi tal-BEI bħala l-veikolu speċjalizzat tal-UE għall-kapital ta' riskju u garanziji mmirati primarjament lejn l-appoġġ tal-SMEs u l-integrazzjoni Ewropea u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u reġjonali;

D.  billi hemm tliet rapporti differenti maħruġa fil-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-BEI: rapport dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-BEI (imħejji mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Baġits), rapport dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI (imħejji mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit), u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FEIS (imħejji mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Baġits);

E.  billi d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-BEI inklużi fil-kuntratti ffirmati bejn il-Grupp tal-BEI u l-kontropartijiet tiegħu fihom salvagwardji kontra r-riskji tal-frodi, inklużi l-frodi fiskali u l-ħasil tal-flus, u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; billi l-BEI għandu jesiġi li l-kontropartijiet tiegħu jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli kollha; billi jenħtieġ li l-BEI jimponi dispożizzjonijiet kuntrattwali addizzjonali li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ta' trasparenza u integrità abbażi tar-riżultati tad-diliġenza dovuta;

F.  billi l-BEI jaġixxi bħala l-fergħa implimentattiva tal-istrateġija u l-inizjattivi ewlenin tal-UE 2020 billi jiżgura l-użu ta' investiment pubbliku fis-sostituzzjoni jew il-korrezzjoni ta' diskrepanzi fis-suq finanzjarju u billi jiskatta motivaturi ġodda għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol fl-UE;

G.  billi l-effett katalitiku tal-ġbir ta' fondi tal-BEI jikkostitwixxi element ewlieni biex jiġi definit il-valur miżjud tal-UE u jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa' attur ewlieni madwar id-dinja bl-attributi kollha ta' ekonomija ta' klassi mondjali f'termini ta' kompetittività, innovazzjoni, infrastruttura u attrattiva;

H.  billi l-investimenti tal-BEI jikkostitwixxu pakkett ta' stimolu ekonomiku biex l-UE ssir mgħammra aħjar biex tibqa' post ta' opportunitajiet u tissodisfa l-isfidi ta' kompetizzjoni ekonomika globalizzata;

I.  billi l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa huwa parti minn strateġija usa' mmirata lejn it-treġġigħ lura tax-xejra negattiva osservata fl-investiment pubbliku u privat permezz tal-mobilizzazzjoni ta' likwidità finanzjarja ġdida u privata li trid tiġi injettata fl-ekonomija reali bil-għan li jitrawmu investimenti strateġiċi u sostenibbli fit-tul fl-Unjoni kollha;

J.  billi bħalissa hemm għadd dejjem akbar ta' strumenti finanzjarji mfassla u promossi mill-BEI – minn PPPs għat-titolizzazzjoni; billi strumenti bħal dawn jirriskjaw li jiġġeneraw is-soċjalizzazzjoni tat-telf u l-privatizzazzjoni tal-profitti;

K.  billi l-finanzjament ta' operazzjonijiet mill-BEI barra mill-UE jappoġġja primarjament l-objettivi ta' politika esterna tal-UE, filwaqt li jespandi l-viżibbiltà u l-valuri tal-Unjoni u jikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà ta' pajjiżi terzi;

L.  billi jenħtieġ li tiġi ffokata attenzjoni kontinwa fuq l-iżvilupp tal-aħjar prattiki relatati mal-politika tal-prestazzjoni u l-ġestjoni tal-BEI, kif ukoll il-governanza tajba u t-trasparenza;

M.  billi l-BEI jenħtieġ li jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A bħala assi fundamentali tal-mudell ta' negozju tiegħu u portafoll ta' assi solidi u ta' kwalità għolja bi proġetti ta' investiment sod fl-implimentazzjoni tal-FEIS;

N.  billi l-BEI għadu ma wettaqx il-miżuri kollha meħtieġa bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali tal-BEI fis-snin preċedenti;

It-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-politika ta' investiment tal-BEI

1.  Jinnota li EUR 77,5 biljun tal-operazzjonijiet ġew iffirmati fl-2015 (meta mqabbla ma' EUR 77 biljun fl-2014), li minnhom EUR 69,7 biljun marru għall-Istati Membri tal-UE u EUR 7,8 biljun marru barra mill-UE;

2.  Jilqa' r-rapporti annwali tal-BEI għall-2015 u l-kisbiet tiegħu ppreżentati fih, u l-isforzi miksuba għal preżentazzjoni aħjar u għar-rapportar tal-kontribuzzjoni (jew l-addizzjonalità) u r-riżultati tal-BEI;

3.  Ifakkar it-talba tal-Parlament li jippreżenta rapport annwali aktar komprensiv u armonizzat għal ħarsa ġenerali u evalwazzjoni kwalitattivi aħjar tal-attivitajiet globali u l-prijoritajiet ta' self tal-BEI; jinsisti li l-BEI jkompli jirfina u jipprovdi informazzjoni dwar l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali konkret u miksub, kif ukoll il-valur miżjud, tal-operazzjonijiet tiegħu fl-Istati Membri u barra mill-UE;

4.  Jenfasizza li l-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-BEI jridu jkunu parti minn u konsistenti b'mod stabbli mal-istrateġija ġenerali u l-oqsma politiċi ta' prijorità tal-UE kif definiti fl-istrateġija Ewropa 2020, il-Faċilità għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, filwaqt li jiġu applikati l-kriterji tal-effiċjenza ekonomika, soċjali, finanzjarja u ambjentali fl-għażla tal-proġetti, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-politika tal-UE;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ppreżentati riżultati konkreti u konċiżi dwar kif l-investimenti esterni tal-BEI kkontribwew għall-kisba tal-prijoritajiet tal-UE u l-iżvilupp tal-bini tal-kapaċità fir-reġjuni;

6.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-BEI jkompli l-isforzi tiegħu biex jegħleb il-lakuni settorjali, fl-investiment u fis-suq u jinvesti fi proġetti u operazzjonijiet li jkollhom valur miżjud reali biex tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar fl-UE, ambjent ta' investiment aktar b'saħħtu, aktar impjiegi u r-ritorn ta' tkabbir sostenibbli fl-UE kollha;

7.  Ifakkar li l-appoġġ tal-irkupru ekonomiku, it-tkabbir sostenibbli u koeżjoni aktar b'saħħitha jikkostitwixxi objettiv prevalenti u li l-BEI jenħtieġ li jantiċipa aħjar l-isfidi strutturali, b'mod partikolari dawk relatati mar-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa u l-ekonomija diġitali u bbażata fuq l-għarfien, sabiex jiġu ġġenerati opportunitajiet ekonomiċi ġodda, l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari u użu aħjar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli f'konformità mal-għanijiet tal-politiki dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija; jenfasizza li l-proċess ta' reindustrijalizzazzjoni għandu jsir filwaqt li titqies il-ħtieġa li jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja, minn naħa waħda, u d-diversi sitwazzjonijiet li jikkaratterizzaw l-ekonomija Ewropea, min-naħa l-oħra, iżda dejjem bl-attenzjoni dovuta għall-ambjent u s-saħħa tal-ħaddiema u l-membri tal-pubbliku;

8.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jagħti attenzjoni sistematikament għall-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali fuq perjodu medju u fit-tul meta jiddefinixxi l-azzjonijiet ta' investiment u d-deċiżjonijiet ta' finanzjament tiegħu, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' aspetti transfruntieri; iqis li hemm bżonn li l-BEI jinvesti fi proġetti sostenibbli ta' importanza sistemika fit-tul – kemm fuq skala kbira u kemm fuq skala żgħira – li joħolqu valur miżjud fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

9.  Jenfasizza li s-saħħa ta' proġetti ffinanzjati għandha, minnha nfisha, tiġi evalwata mhux biss f'termini ta' rilevanza ekonomika iżda anke b'enfasi daqstant qawwija fuq is-sostenibilità ambjentali u soċjali, kif ukoll fuq l-importanza politika, transfruntiera u reġjonali ta' dawn il-proġetti; ifakkar li l-prijoritizzazzjoni fl-attivitajiet ta' self tal-BEI fuq proġetti b'riżultati tanġibbli ċari u sostenibbli u b'impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi trid tibqa' tikkostitwixxi l-prinċipju ta' gwida ewlieni;

10.  Jirrikonoxxi li l-BEI huwa attur ewlieni meħtieġ biex jingħata nifs ġdid lill-ekonomija tal-UE, tingħata spinta lill-impjiegi, jiżdiedu ċ-ċifri tat-tkabbir fl-Istati Membri u jiżdiedu kemm jista' jkun l-effikaċja u l-valur għall-flus tar-riżorsi finanzjarji disponibbli, bl-użu ta' strumenti rotanti, jiġifieri permezz ta' effett multiplikatur ta' fondi ta' garanzija u mobilizzazzjoni;

11.  Jemmen li hemm bżonn tiġi żgurata strateġija ta' finanzjament tal-UE reżiljenti, sostenibbli u stabbli biex jitħaffef l-irkupru ekonomiku, tingħata spinta lill-impjiegi u tingħata għajnuna lil ċerti setturi ekonomiċi u reġjuni ġeografiċi inqas żviluppati biex ilaħħqu ma' dan ir-ritmu; ifakkar fil-ħtieġa li ssir enfasi fuq investiment produttiv li jagħmel differenza, speċjalment fuq medda twila ta' żmien, u li jkun hemm tisħiħ fis-settur primarju, ir-riċerka, l-infrastruttura u l-impjiegi; jemmen li l-proġetti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-merti tagħhom, il-potenzjal tagħhom li jiġġeneraw valur miżjud għall-UE kollha kemm hi, u addizzjonalità reali, possibbilment bi profil ta' riskju ogħla;

12.  Itenni, f'dan ir-rigward, li għandha tiġi ppubblikata aktar informazzjoni dwar in-natura preċiża tal-proġetti individwali ffinanzjati direttament jew indirettament permezz tal-attivitajiet ta' self tal-BEI, u, b'mod partikolari, dwar il-valur miżjud u l-impatt ekonomiku li jkun mistenni jkollhom fuq kull Stat Membru;

13.  Itenni t-tħassib tal-Parlament dwar id-definizzjoni ta' strateġija bilanċjata b'distribuzzjoni ġeografika dinamika, ġusta u trasparenti tal-proġetti u l-investimenti fost l-Istati Membri, filwaqt li tiqies l-enfasi speċjali fuq il-pajjiżi u r-reġjuni inqas żviluppati; josserva li 73 % tas-self totali tal-BEI għall-2015 (EUR 51 biljun) huwa kkonċentrat f'sitt Stati Membri, li juri li mhux l-Istati Membri jew ir-reġjuni kollha huma kapaċi jibbenefikaw bl-istess mod minn opportunitajiet ta' investiment;

14.  Jappoġġja l-inizjattivi tal-BEI biex jipprovdi assistenza teknika konġunta fuq il-post lill-awtoritajiet maniġerjali u l-intermedjarji finanzjarji, inkluż taħriġ immirat fil-pjattaforma fi-compass;

15.  Jistieden lill-BEI jtejjeb il-politika ta' komunikazzjoni tiegħu mal-partijiet ikkonċernati potenzjali u l-investituri privati dwar is-sorsi u l-istrumenti ta' finanzjament disponibbli, u maċ-ċittadini dwar ir-riżultati miksuba;

16.  Jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni jintensifikaw it-tixrid tal-possibbiltajiet ta' finanzjament li joffru, kif ukoll l-appoġġ u l-konsulenza tagħhom, biex jiżdied l-iffinanzjar ta' proġetti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs, u biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għal finanzjament mill-BEI u t-taħlit ta' għotjiet ma' self u strumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja t-tfassil ta' programmi ta' taħriġ għal benefiċjarji potenzjali billi tagħti lill-awtoritajiet ta' ġestjoni rwol aktar sostanzjali fl-għoti ta' informazzjoni, gwida u konsulenza għall-benefiċjarji finali;

17.  Iqis li huwa fundamentali li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A tiegħu sabiex jippreserva l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aqwa kundizzjonijiet ta' self u jgħaddi dawn il-benefiċċji fl-istrateġija tal-investiment u fil-kundizzjonijiet ta' self li joffri; jitlob lill-BEI jiżviluppa l-kultura ta' riskju tiegħu sabiex itejjeb l-effikaċja tiegħu u l-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn l-interventi tiegħu u d-diversi politiki tal-UE;

18.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-fatt li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tagħha dwar "L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013" żvelaw li l-ispejjeż u l-imposti għall-fondi ġestiti mill-BEI/FEI li jimplimentaw strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża huma ġeneralment ogħla, u jinkoraġġixxi lill-QEA twettaq awditu simili għall-perjodu attwali;

Il-monitoraġġ tal-impatt tal-BEI fl-implimentazzjoni ta' oqsma ta' politika pubblika ewlenin

19.  Jinnota r-rapport dwar ir-riżultati u l-impatt tal-operazzjonijiet tal-BEI fl-UE fl-2015 abbażi tal-metodoloġija ta' valutazzjoni fuq tliet pilastri bil-għan li jiġu vvalutati r-riżultati mistennija, jsir monitoraġġ tar-riżultati attwali u jitkejjel l-impatt tal-erba' għanijiet ta' politika pubblika (PPGs) ewlenin, jiġifieri l-innovazzjoni u l-ħiliet (22,7 % tal-firem tal-BEI fl-2015, li jammonta għal EUR 15,8 biljun), il-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (28,5 % ta' firem, jew EUR 19.8 biljun), l-infrastruttura (24,5 %, jew EUR 17.1 biljun) u l-ambjent (24,3 %, jew EUR 16,9 biljun); jinnota li, għall-fini ta' spjegazzjoni tar-riżultati mistennija, hemm inklużi għażla ta' outputs u riżultati tal-operazzjonijiet ġodda ffirmati, iżda li m'hemmx informazzjoni inkluża f'dan ir-rapport dwar ir-riżultati attwali li qed isir monitoraġġ tagħhom, u lanqas fuq l-impatt miksub;

20.  Jiddispjaċih li fir-Rapport Annwali 2015 m'hemm l-ebda informazzjoni pprovduta dwar l-operazzjonijiet tal-BEI fl-UE f'dak li għandux x'jaqsam mar-riżultati mistennija u miksuba mill-operazzjonijiet tal-Bank fir-rigward taż-żewġ objettivi ta' politika trasversali tiegħu, jiġifieri l-azzjoni klimatika u l-koeżjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li fl-2015 il-BEI ma laħaqx il-livell previst ta' 30 % investimenti għall-koeżjoni (25,2 % milħuqa ġewwa l-UE) u li l-implimentazzjoni prevista għall-2016 (27 %) hija wkoll taħt il-mira ta' 30 %; jistieden bil-qawwa lill-BEI jerġa' jintroduċi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bħala għan ta' politika pubblika primarju u jagħti bidu għal rapportar espliċitu dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

21.  Jiddispjaċih ukoll li l-aġġornament tal-metodoloġija bi tliet pilastri biex tiġi allinjata mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-FEIS ma wassalx għall-armonizzazzjoni tar-rapportar tal-BEI għall-operazzjonijiet ġewwa l-UE mar-rapportar ta' operazzjonijiet barra l-UE u għall-inklużjoni ta' informazzjoni analitika u komprensiva dwar ir-riżultati konkreti miksuba fl-UE; jitlob li tiġi ddivulgata aktar informazzjoni fil-livell tal-proġetti billi jingħata aċċess pubbliku għall-iskedi tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-proġetti b'rabta mal-valutazzjoni tat-3 pilastri (3PA) u l-qafas għall-kejl tar-riżultati (REM);

22.  Jenfasizza li strateġija ambizzjuża ta' investiment trid tiġi abbinata ma' strumenti ta' monitoraġġ u ta' rapportar ċari li jiggarantixxu l-ġestjoni tal-prestazzjoni;

23.  Jistieden lill-BEI jenfasizza kontinwament l-iskrutinju tal-prestazzjoni tiegħu permezz ta' valutazzjonijiet tal-prestazzjoni u impatt ippruvat; iħeġġeġ lill-BEI jkompli jiddefinixxi l-indikaturi ta' monitoraġġ tiegħu, b'mod aktar speċifiku l-indikaturi tal-addizzjonalità, sabiex l-impatt jiġi vvalutat kemm jista' jkun malajr fil-fażi tal-ġenerazzjoni tal-proġetti u l-Bord jingħata informazzjoni suffiċjenti dwar l-impatt mistenni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontribut għall-politiki tal-UE;

24.  Jirrikonoxxi l-kumplessità tal-monitoraġġ ta' portafoll li qed jikber u tat-tħejjija ta' diversi proġetti, u sussegwentement tal-ġestjoni kumplessiva tal-indikaturi; iħeġġeġ lill-BEI jagħmel sforzi akbar sabiex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq;

25.  Iħeġġeġ lill-BEI jkun aktar proattiv fil-konfront tal-Istati Membri sabiex jipprovdi servizzi għall-bini tal-kapaċitajiet u servizzi ta' konsulenza direttament lill-benefiċjarji għat-tħejjija ta' proġetti ta' investiment fuq skala kbira permezz ta' kooperazzjoni aħjar ma' awtoritajiet nazzjonali jew deċentralizzati rilevanti jew banek promozzjonali nazzjonali;

L-iskemi ta' finanzjament għall-SMEs

26.  Ifakkar li l-BEI għandu responsabbiltajiet madwar id-dinja kollha biex jiżgura l-attrattiva tal-UE fix-xena dinjija bil-promozzjoni ta' klima li twassal għall-investiment għan-negozji u l-intrapriżi;

27.  Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali li l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jaqdu biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE u tal-Istati Membri individwali; jappoġġja l-isforzi tal-BEI biex jintensifika l-appoġġ tiegħu għal kull tip ta' SME (kapital inizjali, negozji ġodda, mikrointrapriżi u intrapriżi ta' daqs medju, raggruppamenti tan-negozji), b'enfasi fuq mudelli kummerċjali ġodda b'opportunitajiet ta' impjieg b'potenzjali għoli għaż-żgħażagħ; jistieden lill-BEI, f'dan il-kuntest, jagħmel l-isforzi meħtieġa biex jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta' Inizjattiva tal-SMEs;

28.  Jinnota li l-appoġġ tal-BEI għall-SMEs kien jammonta għal madwar 36,6 % tal-finanzjament tiegħu fl-2015, li skatta effett ta' lieva ta' EUR 39,7 biljun għall-finanzjament tal-SMEs u appoġġja 5 miljun impjieg;

29.  Jilqa' l-isforzi tal-Fond Ewropew tal-Investiment biex iħaddem l-Inizjattiva tal-SMEs attwalment f'sitt pajjiżi (Spanja, l-Italja, il-Bulgarija, il-Finlandja, ir-Rumanija u Malta), li huma mistennija jibbenefikaw minn madwar EUR 8,5 biljun f'self ġdid lill-SMEs b'termini favorevoli; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw l-Inizjattiva tal-SMEs fuq skala usa', filwaqt li jżommu f'moħħhom il-kapaċità tagħha li tnaqqas ir-riskju għall-intermedjarji finanzjarji; japprezza, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li ttawwal l-Inizjattiva tal-SMEs sal-2020; jenfasizza, madankollu, li l-Inizjattiva tal-SMEs għandu jkollha rwol akbar, peress li l-finanzjament tal-SMEs huwa kruċjali għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, speċjalment fil-perjodu ta' wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja; jistieden lill-BEI jissorvelja u jsaħħaħ l-użu tal-istrument ta' titolizzazzjoni; jitlob, barra minn hekk, titjib fil-politika ta' komunikazzjoni tal-BEI u l-kundizzjonijiet amministrattivi tal-Inizjattiva tal-SMEs; jistieden lill-Fond Ewropew tal-Investiment jippubblika rapport li jagħti dettalji tas-suċċessi u n-nuqqasijiet tal-programm;

30.  Jilqa' t-tnedija ta' strumenti ġodda, maqbula bejn il-BEI u l-Kummissjoni, bħall-istrument ta' Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE), l-Inizjattiva tal-SMEs u l-istrumenti finanzjarji tal-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), li huma mistennija jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; jinnota l-attivitajiet tal-FEI, b'mod partikolari l-istrumenti finanzjarji COSME (Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs) u Innovfin, li bbenefikaw mill-FEIS fl-2015 billi rduppjaw l-ammont ta' self li jiggarantixxi;

31.  Jistieden lill-BEI jżid il-profil tar-riskju tal-intervent tiegħu, b'mod speċjali meta jappoġġja l-SMEs li qed jieħdu riskji jew jevolvu f'reġjuni ekonomikament żvantaġġati jew reġjuni nieqsa mill-istabbiltà; jemmen ukoll li s-settur tal-SMEs u l-aċċess tiegħu għall-finanzjament jikkostitwixxu objettiv rikorrenti u fit-tul li jrid jiġi segwit u msaħħaħ ulterjorment;

L-innovazzjoni

32.  Jappoġġja kull inċentiv għall-innovazzjoni mmotivata mis-suq, l-iżvilupp soċjali u l-ħarsien ambjentali, u b'hekk jinżamm tkabbir sostenibbli u użu għaqli tar-riżorsi; jappoġġja inċentivi li jgħinu lill-UE fl-ambizzjoni tagħha li ssir ekonomija ċirkolari, diġtali u bbażata fuq l-għarfien u jippreservaw il-kompetittività tal-UE;

33.  Jinnota li l-BEI diġà jiffinanzja investimenti fl-R&Ż minn kumpaniji tas-sigurtà fl-UE fejn jintużaw teknoloġiji ċivili u b'użu doppju; huwa tal-fehma li, fir-rigward tat-teknoloġiji b'użu doppju, il-BEI għandu jappoġġja primarjament dawk l-investimenti li huma motivati mill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom f'applikazzjonijiet ċivili – eżempji ta' proġetti tal-BEI ta' dan it-tip diġà jinkludu investimenti R&Ż fl-inġenji tal-ajru u provvisti tal-ispazju, sistemi tar-radar, iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà cloud, il-mikroelettronika u l-vaċċini;

34.  Jinnota li s-self għal proġetti innovattivi fl-2015 tela' għal livell rekord ta' EUR 18,7 biljun u jilqa' l-enfasi akbar li qed issir mill-BEI fuq l-investiment fl-innovazzjoni;

35.  Jinnota li, permezz tat-tkomplija tal-appoġġ tiegħu għal teknoloġiji ċivili u b'użu doppju, il-BEI jista' jżid l-appoġġ tiegħu għas-settur tas-sigurtà tal-UE fi ħdan il-qafas legali stabbilit tiegħu; dan jinkludi operazzjonijiet li jibbenefikaw mill-FEIS;

L-infrastruttura

36.  Jistieden lill-BEI jkompli jappoġġja l-aġenda tal-infrastruttura bbażata fuq proġetti ta' interess komuni effiċjenti fis-setturi tat-trasport u tal-enerġija b'riżorsi proprji u permezz tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tad-dejn fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, filwaqt li jqis il-kompatibbiltà tagħhom mal-objettivi tal-politika ambjentali u klimatika u l-iżvilupp reġjonali; jistieden lill-BEI jiżviluppa strumenti finanzjarji ġodda għall-bini tal-infrastruttura u jaħdem fil-qafas tat-termini ta' strateġiji makroreġjonali;

37.  Jilqa' l-livell ta' finanzjament tal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali (EUR 17 634 biljun) u riġenerazzjoni rurali u urbana (EUR 5 467 biljun), u jirrakkomanda li dan jinżamm; iqis dan il-finanzjament bħala fattur essenzjali li jikkomplementa l-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE); jenfasizza l-importanza li jinżamm djalogu regolari mal-awtoritajiet maniġerjali biex jinħolqu sinerġiji u komplementarjetà bejn iż-żewġ strumenti;

38.  Jistieden lill-BEI, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali flimkien mal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs) isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jinħolqu aktar sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-istrumenti ta' finanzjament u s-self tal-BEI, kif ukoll sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jiġu ssimplifikati l-proċeduri, tiżdied il-kapaċità amministrattiva, tingħata spinta lill-iżvilupp u l-koeżjoni territorjali u jittejjeb il-fehim tal-Fondi SIE u l-finanzjament mill-BEI; iqis li ftit informazzjoni hija disponibbli rigward l-attivitajiet ta' finanzjament imħallat tal-BEI fi proġetti u programmi tal-politika ta' koeżjoni; jitlob lill-BEI jonora r-rwol tiegħu bħala istituzzjoni pubblika u jsegwi l-ogħla ambizzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà, it-trasparenza u l-viżibbiltà sabiex tiġi evitata l-ambigwità; jistieden lill-BEI jiżviluppa politika ta' komunikazzjoni rigward l-attivitajiet tiegħu, inklużi l-attivitajiet konsultattivi tiegħu, sabiex il-forom kollha ta' gvern u l-benefiċjarji kollha jkun jista' jkollhom aċċess għall-programmi tiegħu;

39.  Jissottolinja li l-użu akbar ta' strumenti finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni jirrikjedi involviment akbar tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju tal-attivitajiet tal-BEI anke biex jippermetti valutazzjoni aħjar tal-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi tar-rwol tal-BEI;

40.  Jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-allokazzjoni tagħhom tal-Fondi SIE u l-addizzjonalità, u b'hekk dan jikkomplementa s-self u l-istrumenti finanzjarji tal-BEI; jitlob, barra minn hekk, aktar taħlit u taħlit aħjar tal-għotjiet ma' finanzjament mill-BEI biex jiġi sfruttat aħjar l-effett ta' lieva tal-Fondi SIE; jitlob li l-BEI jmexxi dan il-proċess peress li għandu l-għarfien espert u responsabbiltà lejn l-azzjonisti li jgħinuh jikseb redditu fuq l-investimenti tiegħu;

41.  Jistieden lill-BEI jżid il-finanzjament tiegħu għall-koeżjoni ekonomika u soċjali kif ukoll l-objettivi urbani, filwaqt li jkompli jappoġġja setturi tradizzjonali u innovattivi fl-UE; jitlob, barra minn hekk, l-żvilupp ta' strumenti finanzjarji speċjali li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni u strateġiji makroreġjonali, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

L-investiment fl-ambjent u l-klima

42.  Iħeġġeġ lill-BEI jiffoka l-azzjoni klimatika tiegħu fuq is-sostenibbiltà tal-proġetti transettorjali fil-kuntest tal-miri COP21 u jappoġġja l-espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fir-riżorsi; jinnota li l-finanzjament għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli laħaq EUR 3,4 biljun;

43.  Jistieden lill-BEI jivvaluta mill-ġdid l-attenzjoni li jiddedika speċifikament għal proġetti ta' infrastruttura tal-gass, speċjalment peress li d-domanda għall-gass fl-Ewropa qed tonqos filwaqt li qed jitwieldu pjanijiet ġodda fuq skala kbira ġodda biex jinbnew pipelines u terminals tal-LNG; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-investimenti tal-BEI fl-infrastruttura tal-gass jistgħu jwasslu għal investimenti f'assi mitlufa;

44.  Iqis li hemm bżonn jitkompla l-iżvilupp ta' suq għal proġetti ekoloġiċi u sostenibbli, prinċipalment bil-promozzjoni tal-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari permezz ta' suq ta' bonds ekoloġiċi;

Il-kontribut tal-BEI għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet globali

45.  Jinnota ż-żieda fil-mandat estern minn EUR 10 għal 27 biljun, b'ammont fakultattiv addizzjonali ta' EUR 3 biljun; ifakkar il-ħtieġa li tinżamm b'mod kostanti l-koerenza ta' dan il-mandat mal-objettivi tal-politika esterna tal-UE, partikolarment fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet ċivili fil-pajjiżi li jirċievu finanzjament; itenni t-talba tal-Parlament lill-QEA biex tħejji rapport speċjali dwar l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-interventi ta' self estern tal-BEI u l-prestazzjoni tagħhom;

46.  Jilqa' l-kapaċità ta' adattament rapidu tal-BEI għall-isfidi internazzjonali; jitlob lill-BEI jkompli bl-appoġġ tiegħu għall-politiki esterni tal-UE u r-rispons ta' emerġenza relatat mal-isfida globali tal-migrazzjoni billi jinkludi l-aspett tal-iżvilupp u jippromwovi r-reżiljenza ekonomika;

Il-monitoraġġ tal-valur miżjud u l-addizzjonalità tal-FEIS

47.  Jinnota li l-għan tal-FEIS huwa li jimmobilizza, permezz tal-BEI, total ta' EUR 315 biljun f'investiment addizzjonali u proġetti ġodda fl-ekonomija reali sal-2018; josserva li ġew approvati 97 proġett ta' infrastruttura u innovazzjoni u 192 ftehim ta' finanzjament tal-SMEs, li jirrappreżentaw investiment mistenni totali ta' EUR 115,7 biljun;

48.  Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-FEIS bidlet b'mod rapidu l-mudell tal-profil u kummerċjali tal-BEI f'termini ta' proċessi u monitoraġġ ta' firem u kuntratti;

49.  Jinnota li sabiex isir użu sħiħ mill-kapaċità li jinġarru riskji addizzjonali, il-Grupp tal-BEI qed jiżviluppa diversi prodotti ġodda li jippermettu teħid tar-riskju ogħla (eż. dejn subordinat, tip ta' ekwità, kondiviżjoni tar-riskju mal-banek), u eżamina mill-ġdid il-politika tar-riskju tal-kreditu u l-eliġibbiltajiet tiegħu biex ikun hemm aktar flessibbiltà; jinnota li l-BEI qed iżid l-appoġġ tiegħu għal kumpaniji innovattivi jew għal proġetti ta' infrastruttura, bħal fil-każ tal-appoġġ tal-FEIS; jinnota li l-BEI jista' jappoġġja għadd akbar minn dawn il-proġetti riskjużi mingħajr ma jikkomprometti l-prinċipji ta' ġestjoni tajba;

50.  Ifakkar li l-objettiv tal-FEIS huwa li jidentifika profili ta' proġetti distinti, verament innovattivi u aktar riskjużi b'kontropartijiet ġodda mis-settur privat meta mqabbla ma' strumenti ta' finanzjament eżistenti tal-BEI, filwaqt li jinkiseb valur miżjud Ewropew transfruntier fl-implimentazzjoni tal-proġetti magħżula u kontribut reali għall-objettivi ta' politika komuni eżistenti tal-UE;

51.  Jirrikonoxxi li l-FEIS huwa strument ibbażat fuq is-suq; ifakkar, madankollu, li l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw kapaċità adegwata biex jużawh;

52.  Jinnota li, għall-benefiċċju tal-objettivi ta' koeżjoni u sostenibbiltà, fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-FEIS għandha tiġi kkunsidrata l-aktar firxa ġeografika wiesgħa possibbli; jitlob lill-BEI jikkoreġi l-iżbilanċi ġeografiċi attwali u l-konċentrazzjoni settorjali tal-portafoll tal-FEIS, b'mod partikolari fil-qafas tat-tieqa għall-infrastruttura u l-innovazzjoni (IIW) u t-tieqa għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEW), billi jsaħħaħ l-attivitajiet ta' konsulenza tiegħu għall-iżvilupp ta' proġetti fl-Istati Membri u l-assistenza teknika permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH), billi jikkunsidra l-estensjoni tal-għadd ta' setturi eliġibbli għal finanzjament mill-FEIS jew billi jiġu adattati aħjar it-tip u d-daqs tal-proġetti għall-bżonnijiet tas-suq fl-Istati Membri;

53.  Jistieden lill-BEI jikkunsidra b'attenzjoni, fil-proċess tal-għażla, l-addizzjonalità reali u dinamiċi ġodda fuq l-iskala tal-effett multiplikatur, li jista' jvarja fost il-proġetti, b'mod partikolari f'oqsma fejn il-BEI jew il-FEI ma kinux diġà involuti, f'każijiet ta' falliment tas-suq jew f'sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali;

54.  Jinnota li l-effett ta' lieva jvarja fost il-proġetti primarjament minħabba l-iskala, il-kumplessità u l-korrelazzjoni tagħhom bejn sfidi settorjali importanti u aspettattivi tal-benefiċjarji finali f'kuntest ta' skarsezza ta' fondi pubbliċi; huwa tal-opinjoni li l-preżunzjoni ta' effett ta' lieva medju ta' x15 jista' jitkejjel biss fi tmiem ċ-ċiklu tal-investiment filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet tas-setturi; iqis ukoll li l-effikaċja tal-interventi mhijiex ivvalutata biss fuq il-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji iżda anke fuq riżultati li jistgħu jitkejlu;

55.  Jitlob lill-BEI jikkunsidra b'mod partikolari l-prinċipju tal-addizzjonalità u jipprovdi informazzjoni ta' ġestjoni kwalitattiva rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi ddikjarati mill-FEIS, li turi l-addizzjonalità u l-impatt effettivi tagħhom meta mqabbla ma' parametri referenzjarji, iżda anke fid-dawl tal-estensjoni tal-FEIS lil hinn mill-2017;

56.  Iqis li għall-mobilizzazzjoni tal-kapital tas-settur privat huwa importanti li l-BEI jeħles lill-investituri minn xi wħud mir-riskji mġarrba minn proġetti potenzjali; jistieden ukoll lill-BEI jsaħħaħ kemm l-attrattiva u kemm il-viżibbiltà tal-FEIS fil-linji gwida ta' investiment u proġetti li jridu jiġu ffinanzjati billi jkompli jiżviluppa politika aktar effikaċi għas-sensibilizzazzjoni fost l-investituri privati potenzjali;

57.  Jinnota li l-FEIS (permezz tal-SMEW) huwa għodda importanti għall-provvista tal-finanzjament supplimentari lill-SMEs, jiġifieri sa EUR 75 biljun tal-investiment totali katalizzat mill-FEIS fuq perjodu ta' tliet snin, flimkien mal-kapaċitajiet ta' self tal-BEI u l-FEI;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma ta' garanzija Ewropea permanenti fil-qafas tal-FEIS biex tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, u biex ittejjeb l-iżvilupp ta' garanziji u tal-prodotti ta' self ibbażati fuq garanziji Ewropej;

59.  Jistieden lill-BEI jieħu l-opportunità ppreżentata mill-FEIS biex iżid il-finanzjament għal proġetti ta' enerġija rinnovabbli deċentralizzati mhux kollegati mal-grilja u fuq skala iżgħar li jinvolvu liċ-ċittadini u l-komunitajiet li jkollhom diffikultajiet biex jiksbu finanzjament minn sorsi oħra;

60.  Jinnota wkoll iż-żieda fl-attivitajiet speċjali tal-BEI f'termini ta' volum li rriżultat mill-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-FEIS, u li tirrifletti evoluzzjoni tal-kultura ta' riskju u l-politika ta' self prudenti tal-BEI;

61.  Jinsisti, għal finijiet ta' responsabbiltà, fuq l-iżvilupp ta' investimenti mmexxija mir-riżultati li jridu jiġu vvalutati b'mod regolari permezz tat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi mill-Kumitat tal-Investiment, bil-għan li jiġu identifikati proġetti mmirati sew f'termini tal-kontribut tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi u tingħata stampa oġġettiva f'termini ta' addizzjonalità, valur miżjud u konsistenza mal-politiki tal-Unjoni jew operazzjonijiet klassiċi oħra tal-BEI; jistieden lill-BEI jiddivulga informazzjoni dwar kif marru l-proġetti li ngħataw il-garanzija tal-FEIS meta mqabbla mat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi tal-FEIS;

62.  Jinnota li, fil-futur, il-BEI jibqa' miftuħ biex jiddiskuti mas-servizzi tal-Parlament dwar arranġamenti ulterjuri li jistgħu jiġu previsti biex ikun hemm approċċ aktar strutturat u anqas frammentat għad-djalogu bejn il-Parlament u l-BEI; fil-preżent, il-BEI u l-Parlament qed jaħdmu flimkien lejn konklużjoni rapida tal-ftehim formali dwar il-FEIS, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-iskambju tal-informazzjoni kollha skont dan il-ftehim – inkluż ir-Rapport Annwali dwar il-FEIS lill-Kunsill u l-Parlament;

L-approfondiment tat-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-integrità u l-kontroll intern tal-BEI bħala kundizzjoni essenzjali għal governanza korporattiva aħjar

63.  Jemmen li r-rwol ekonomiku msaħħaħ tal-BEI, iż-żieda fil-kapaċità tal-investiment tiegħu u l-użu tal-baġit tal-UE biex jiġu ggarantiti l-operazzjonijiet tal-BEI jridu jiġu akkumpanjati minn titjib fit-trasparenza u responsabbiltà approfondita sabiex jiġi żgurat skrutinju pubbliku ġenwin tal-attivitajiet, l-għażla tal-proġetti u l-prijoritajiet ta' finanzjament tiegħu;

64.  Jistieden lill-BEI jaġġorna b'mod regolari l-immappjar tar-riskju tal-attivitajiet tiegħu u jadatta l-kultura tar-riskju tiegħu fir-rigward tal-mudell kummerċjali riċenti tiegħu u ż-żieda fil-volum tal-portafoll tiegħu b'rabta mal-implimentazzjoni tal-istrumenti l-ġodda mal-FEIS, diversi faċiltajiet, pjattaformi ta' investiment u strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju; jistieden ukoll lill-BEI, f'dan il-kuntest, jinkludi dimensjonijiet mhux finanzjarji – bħal valur miżjud soċjali u/jew ambjentali – fl-immappjar tar-riskju tiegħu; jilqa', f'dan il-kuntest, l-implimentazzjoni tal-qafas tal-attitudni lejn ir-riskji prudenzjali tal-BEI sabiex jissaħħu l-monitoraġġ tar-riskji u s-sorveljanza tal-oriġini, is-sjieda u l-ġestjoni tar-riskji; ifakkar il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas ta' kontroll uniku u omoġenju;

65.  Jilqa' l-kwalità għolja tal-portafoll tas-self tal-BEI, b'livell ta' self indebolit li jirrappreżenta 0,3 % tal-portafoll tas-self totali tal-BEI, li jikkonferma l-politiki ta' ġestjoni tar-riskju konsistentement prudenti tal-BEI u jżomm l-affidabbiltà kreditizja qawwija tiegħu fis-swieq finanzjarji internazzjonali;

66.  Jilqa' l-fatt li l-politika ta' trasparenza tal-BEI hija bbażata fuq preżunzjoni ta' divulgazzjoni u li kulħadd jista' jikseb aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni tal-BEI; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni ta' dokumenti mhux kunfidenzjali fis-sit web tal-BEI, bħall-Pjanijiet Korporattivi tal-Operat għas-snin preċedenti, ftehimiet interistituzzjonali u memoranda, u jistieden lill-BEI ma jiqafx hemm iżda jkompli jfittex modi kif jagħmel titjib u jgħolli l-istandards;

67.  Jilqa' r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' trasparenza tal-Grupp tal-BEI għall-2015 u r-rieżami li ġej tal-politika tal-BEI dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

68.  Ifakkar li t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE ma twassalx biss għat-tisħiħ tar-responsabbiltà korporattiva globali u l-kredibbiltà tal-BEI, b'ħarsa ġenerali ċara lejn it-tip ta' intermedjarji finanzjarji u benefiċjarji finali, iżda tikkontribwixxi wkoll lejn it-tisħiħ tal-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-proġetti ffinanzjati flimkien ma' approċċ ta' tolleranza żero għall-frodi u l-korruzzjoni fil-portafoll tas-self tiegħu; jistieden lill-BEI jallinja ruħu mas-sistema l-ġdida ta' twissija bikrija u esklużjoni ppjanata mill-Kummissjoni;

69.  Jinnota bi tħassib li l-BEI, minkejja li jiffinanzja tliet darbiet aktar mill-Bank Dinji, interdixxa tliet entitajiet biss, filwaqt li l-Bank Dinji interdixxa 820; jistieden lill-BEI jingħaqad man-netwerk ta' banek pubbliċi oħra li għandhom x'jaqsmu ma' interdizzjonijiet, netwerk li jinkludi l-Bank Dinji u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rettifikata;

70.  Itenni t-talba tiegħu li tiżdied it-trasparenza tal-interventi tal-BEI meta jopera mal-intermedjarji finanzjarji u l-benefiċjarji sabiex jiġu evitati kontropartijiet b'rekords negattivi, kontropartijiet interdetti u kontropartijiet li jista' jkollhom rabtiet ma' NCJs, ma' attivitajiet offshore jew mal-kriminalità organizzata; iqis li l-użu ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji u l-pussess ta' informazzjoni aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tal-kumpanija, inklużi fondi fiduċjarji, fondazzjonijiet u rifuġji fiskali, huma l-aħjar prattiki li jridu jiġu segwiti b'mod permanenti; jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet kuntrattwali tiegħu billi jintegra klawsola jew referenza għall-governanza tajba sabiex itaffi r-riskji għall-integrità u r-reputazzjoni;

71.  Jissuġġerixxi li l-BEI għandu jsegwi l-eżempju mogħti mill-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (IFC) tal-grupp tal-Bank Dinji u jibda jiddivulga informazzjoni dwar is-subproġetti b'riskju għoli li jiffinanzja permezz ta' banek kummerċjali (l-intermedjarji/il-veikoli finanzjarji prinċipali użati mill-BEI għall-finanzjament tal-SMEs);

72.  Jilqa' l-laqgħat regolari mas-soċjetà ċivili u l-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-iżvilupp tal-politiki tal-BEI;

73.  Jitlob li jiġi żgurat livell dejjem ogħla ta' trasparenza fil-politika tad-divulgazzjoni tal-BEI fir-rigward tal-korpi ta' governanza tiegħu, b'mod partikolari permezz tad-divulgazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI u l-FEI jew il-Kumitat tal-Investiment tal-FEIS fir-rigward ta' proġetti ta' interess pubbliku li jibbenefikaw mill-garanzija tal-baġit tal-UE u li għandhom impatt fuq it-territorji u ċ-ċittadini tal-UE; iqis id-divulgazzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi bħala prattika tajba għal kwalunkwe operazzjoni u għall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjali fil-livell tal-proġetti jew is-subproġetti;

74.  Itenni t-talba tiegħu biex l-informazzjoni dwar is-sistema tal-kuntratti u s-sottokuntratti tiġi ppubblikata u tkun aċċessibbli faċilment, u biex il-Parlament jingħata aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni finanzjarja assoċjata fil-każijiet kollha;

75.  Jilqa' l-approċċ proattiv meħud mill-Ombudsman Ewropew biex jeżerċita skrutinju pubbliku fuq il-BEI; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqasijiet identifikati fil-mekkaniżmi eżistenti tal-BEI għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess li jista' jkun hemm fil-korpi li jmexxuh; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u jirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu mill-aktar fis possibbli sabiex ikun hemm prevenzjoni aħjar tal-kunflitti ta' interess fil-korpi li jmexxuh u ta' kwistjonijiet ta' revolving doors;

76.  Iqis li l-Viċi Presidenti tal-BEI m'għandhomx jibqgħu jkunu inkarigati minn proġetti fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, minħabba l-potenzjal ċar ta' kunflitti ta' interess u l-fatt li minoranza ta' Stati Membri biss għandhom il-Viċi President tagħhom;

77.  Jilqa' r-rieżami tar-regoli tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti (Uffiċċju CM), u t-tiġdid tal-Memorandum ta' Qbil bejn l-Ombudsman Ewropew u l-EIB; jitlob kjarifika mingħand il-BEI dwar id-dewmien għat-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-politiki u l-proċeduri tal-mekkaniżmu tal-ilmenti tiegħu; jinnota li proċess ta' reviżjoni bħal dan joffri opportunità biex ikomplu jitjiebu l-indipendenza u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu tal-ilmenti, bil-ħsieb li jiġi stabbilit ukoll mekkaniżmu għal fluss sistematiku ta' informazzjoni direttament bejn l-Uffiċċju CM u d-diretturi; jenfasizza li l-maniġment tal-BEI għandu jirrapporta kull sena lill-Ombudsman u l-Parlament dwar kif ir-rakkomandazzjonijiet tal-mekkaniżmi tal-ilmenti tiegħu jkunu ġew riflessi fil-politiki u l-prattiki tal-bank; jenfasizza, barra minn hekk, li l-kap tal-Uffiċċju CM għandu jippreżenta r-rapport tal-attività u l-valutazzjoni tiegħu ta' kif il-bank qiegħed jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju CM lill-Parlament Ewropew darba fis-sena;

78.  Jitlob lill-BEI jagħmel l-almu tiegħu fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, l-attivitajiet irregolari u l-ħasil tal-flus permezz tal-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u li ma jikkooperawx (NCJ) u l-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML-CFT);

79.  Jistieden lill-BEI jżomm ukoll kooperazzjoni regolari ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn permezz tal-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-riżultati tad-diliġenza dovuta korporattiva jew fiskali tiegħu jew ir-rieżami fil-qafas tal-prinċipju "kun af il-klijent tiegħek", u jirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-pubbliku dwar kif jimplimenta l-politika tiegħu dwar l-NCJ;

80.  Iqis li s-superviżjoni prudenzjali esterna tal-BEI ħaqqha kunsiderazzjoni bir-reqqa, kif iddikjarat mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu;

81.  Jinnota l-konklużjoni tal-Ftehim Tripartitiku aġġornat bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'Settembru 2016 u jistieden lill-QEA twettaq verifiki ta' prestazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI f'setturi differenti meta jkunu relatati mal-użu tar-riżorsi baġitarji tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda tippreżenta, annwalment, sa Ġunju ta' kull sena mill-2018 'il quddiem, rapport dwar l-implimentazzjoni sa mill-bidu tal-QFP attwali u dwar is-sitwazzjoni attwali, inklużi r-riżultati miksuba, tal-istrumenti finanzjarji kollha ġestiti u implimentati mill-Grupp tal-BEI, li joperaw b'riżorsi mill-baġit tal-UE, biex tużah fil-proċedura ta' kwittanza;

83.  Jistieden lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jinkludi informazzjoni dwar każijiet relatati mal-BEI fir-rapport annwali tiegħu;

Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament

84.  Jitlob lill-BEI jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b'mod speċjali fir-rigward tal-impatt tal-attivitajiet tiegħu b'rabta mas-self;

85.  Jistieden lill-BEI jirrevedi l-politika tiegħu dwar il-prevenzjoni u d-dissważjoni ta' mġiba pprojbita fl-attivitajiet tal-BEI, li għandha tistabbilixxi l-ħtieġa li l-BEI tieqaf tiffinanzja u/jew tapprova aktar żborżamenti tas-self għall-proġetti li jkunu taħt investigazzjoni nazzjonali jew min-naħa tal-OLAF fir-rigward ta' korruzzjoni u frodi;

o
o   o

86.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0201.
(2) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 77.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0200.
(4) ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1.
(5) ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1.
(6) ĠU L 204, 31.7.2012, p. 1.
(7) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

Avviż legali