Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2206(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0149/2017

Testi mressqa :

A8-0149/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.24

Testi adottati :

P8_TA(2017)0155

Testi adottati
PDF 484kWORD 67k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: Il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji tal-UE
P8_TA(2017)0155A8-0149/2017
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll (2016/2206(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2016)0674) u d-dokumenti ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh (SWD(2016)0338 u SWD(2016)0339),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi tal-Qorti tal-Awdituri(1) dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 12/2016 dwar "L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista' jintwera li huwa effettiv",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0149/2017),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni fiha, għal kull entità skont it-tifsira tal-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-osservazzjonijiet trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza skont l-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

B.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li nkomplu nsaħħu l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jenfasizza li l-aġenziji għandhom influwenza sinifikanti fuq il-politiki u t-teħid ta' deċiżjonijiet u fuq l-implimentazzjoni tal-programmi f'oqsma ta' importanza vitali għaċ-ċittadini Ewropej, bħalma huma s-saħħa, l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem u soċjali, il-migrazzjoni, ir-rifuġjati, l-innovazzjoni, is-superviżjoni finanzjarja, is-sikurezza u s-sigurtà; itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni; jinsisti fuq l-impatt pożittiv li l-aġenziji għandhom itejbu l-viżibilità tal-Unjoni fl-Istati Membri; itenni wkoll l-importanza li l-awtonomija tal-aġenziji, b'mod partikolari dik tal-aġenziji regolatorji u ta' dawk li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; ifakkar li r-raġuni ewlenija għat-twaqqif tal-aġenziji kienet għall-fini li jitwettqu valutazzjonijiet indipendenti ta' natura teknika jew xjentifika;

2.  Jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar ir-riżultati tal-awditi annwali tagħha tal-2015 tal-Aġenziji Ewropej u korpi oħra (is-"Sommarju tal-Qorti"), il-baġit 2015 tal-aġenziji ammonta għal madwar EUR 2,8 biljun, li jirrappreżenta żieda ta' 7,7 % meta mqabbel mal-2014 u madwar 2 % tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jindika li l-ikbar parti tal-baġit tal-aġenziji huwa ffinanzjat minn sussidji tal-Kummissjoni, filwaqt li l-bqija huwa introjtu minn tariffi jew minn sorsi oħra li jammonta għal kważi terz;

3.  Jinnota li l-aġenziji jimpjegaw 9 965 membru permanenti, temporanju, kuntrattwali jew issekondat li jirrappreżentaw żieda ta' 6,25 % meta mqabbla ma' dik tas-sena ta' qabel, b'hekk joħolqu l-ħtieġa li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi f'dan ir-rigward; jifhem madankollu li l-għadd ta' membri tal-persunal żdied l-aktar f'aġenziji li jittrattaw kwistjonijiet ta' migrazzjoni u għall-prevenzjoni ta' delitti serji u terroriżmu, li t-tnejn li huma ġġeddu u ssaħħu bħala prijoritajiet tal-Unjoni fl-2015;

4.  Jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti, kienet ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar l-affidabilità tal-kontijiet annwali tal-aġenziji kollha minbarra l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex); jinnota, barra minn hekk, li t-tranżazzjonijiet ta' bażi tal-kontijiet tal-aġenziji kienu legali u regolari għall-aġenziji kollha għajr għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) li għalih il-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata;

5.  Jirrikonoxxi li fl-2015 l-aġenziji pproċedew bl-eżekuzzjoni tal-programmi ta' ħidma tagħhom, kif kien previst; jinnota madankollu li d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju u tal-qafas finanzjarju pluriennali futur wara l-2020 jippreżentaw opportunità prezzjuża biex tittieħed ħarsa 'l quddiem u biex jiġu sfruttati dawn l-opportunitajiet biex jimplimentaw bidla pożittiva rigward il-ġestjoni tal-baġits tal-aġenziji, ir-riżultati u l-programmi ta' ħidma pluriennali tagħhom;

6.  Ifakkar li d-diskussjoni dwar l-abbozzi ta' programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli għandhom jgħinu biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jkunu bilanċjati, jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali u jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon li xi aġenziji diġà jikkooperaw skont il-gruppi tematiċi tagħhom, bħalma huma l-aġenziji tal-ġustizzja u l-intern(4) u l-awtoritajiet superviżorji Ewropej(5); jinkoraġġixxi aġenziji oħrajn li ma jkunux diġà bdew, biex jikkooperaw aktar ma' aġenziji oħra fi ħdan l-istess grupp tematiku kull meta jkun possibbli, mhux biss biex jistabbilixxu servizzi u sinerġiji komuni, iżda fl-oqsma ta' politika komuni tagħhom ukoll; jinkoraġġixxi lill-Qorti biex tikkunsidra li tippreżenta analiżi panoramika tal-oqsma ta' politika komuni tal-aġenziji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, meta jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar it-trasferiment tal-aġenziji bbażati fir-Renju Unit biex iqisu wkoll il-possibbiltajiet għal aktar kooperazzjoni ma' aġenziji oħra fl-istess grupp tematiku u jintroduċi servizzi komuni;

8.  Jemmen li fil-qafas tad-diskussjonijiet dwar l-approċċ il-ġdid għal baġit tal-Unjoni bbażat fuq ir-riżultati, kif ukoll fuq il-bażi kemm tal-progress miksub fit-titjib tal-kooperazzjoni tematika u kif ukoll l-eżerċizzju magħmul mill-aġenziji fir-rapport "Kif l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE jikkontribwixxu għall-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda tal-Kummissjoni Juncker?", l-istituzzjonijiet kollha involuti tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Qorti, għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni dan l-approċċ tematiku fil-proċedura ta' kwittanza annwali, wara il-proposta fl-Anness  ta din ir-riżoluzzjoni;

9.  Jinnota bi tħassib li l-aġenziji regolatorji tal-Unjoni responsabbli mill-valutazzjoni tar-riskju ta' prodotti regolati, b'mod partikolari l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi jew l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini m'għandhomx ir-riżorsi finanzjarji u ġuridiċi biex iwettqu l-missjoni tagħhom b'mod xieraq;

Approċċ komuni u l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni

10.  Ifakkar li f'Lulju 2012, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw approċċ komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati (l-"Approċċ Komuni"), ftehim politiku dwar il-ġestjoni futura u r-riforma tal-aġenziji; ifakkar barra minn hekk li l-Approċċ Komuni ġie implimentat permezz tal-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2012 (il-"Pjan Direzzjonali");

11.  Jinnota t-tieni rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Komuni (COM(2015)0179) u japprezza l-progress li sar f'ħafna oqsma favur ir-razzjonalizzazzjoni tal-funzjonament tagħhom; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-aġenziji u l-progress li għamlu fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali;

12.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet tal-Pjan Direzzjonali implimentati mill-aġenziji għinu biex itejbu r-responsabilità u t-trasparenza, li juri ulterjorment l-isforzi konsiderevoli meħuda mill-aġenziji biex jimplimentaw l-Approċċ Komuni, minkejja pressjoni f'termini ta' riżorsi, u juri li l-aġenziji huma responsabbli, trasparenti u jagħtu rendikont ta' għemilhom; jinnota, barra minn hekk, kif osserva n-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE ("in-Netwerk"), li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-Approċċ Komuni hija effettivament kompluta;

13.  Madankollu jinsab imħasseb li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, barra minn hekk, kellha b'mod ġenerali, impatt negattiv fuq l-effiċjenza tal-aġenziji, kif ukoll li f'ċerti oqsma l-implimentazzjoni rriżultat f'żieda sinifikanti fl-ispejjeż, kemm f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll finanzjarji; jinnota, barra minn hekk, li dawn l-ispejjeż miżjuda kienu esperjenzati matul l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, iżda ser tkompli wkoll fuq bażi regolari fil-futur;

14.  Jirrikonoxxi l-piż amministrattiv li l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali kkawżat lill-aġenziji, kif ukoll l-"esternalizzazzjoni" ta' diversi kompiti relatati mal-ġbir u l-konsolidament tad-data tal-aġenziji u l-input lin-Netwerk, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċedura tal-baġit u tal-kwittanza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtorità baġitarja sabiex jirrikonoxxu dawn l-isforzi, u biex jipprovdu riżorsi addizzjonali fil-pjan ta' stabbiliment tal-aġenziji, b'mod partikolari relatati mal-funzjonijiet tas-segretarjat permanenti tan-Netwerk;

15.  Jinnota li fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ġodda biex jittejbu l-proċeduri ta' rappurtar, il-mekkaniżmi ta' rappurtar preċedenti għandhom jintemmu sabiex tiġi evitata duplikazzjoni ta' kompiti u sistemi ta' rappurtar doppju ħalli tintlaħaq effiċjenza ikbar;

16.  Jemmen li l-aġenziji għandhom ikomplu jiżviluppaw, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Qorti, indikaturi komprensivi li jkejlu r-riżultati ġenerali u l-effiċjenza tal-attivitajiet tagħhom; jinnota li l-għan ġenerali għandu jkun numru bilanċjat ta' indikaturi li jsaħħu t-trasparenza u r-responsabilità tal-aġenziji u jappoġġjaw deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja dwar l-allokazzjoni tal-baġit u l-persunal;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

17.  Ifakkar li l-prinċipju tal-annwalità huwa wieħed mit-tliet prinċipji bażiċi tal-kontabilità, flimkien ma' dawk tal-unità u tal-bilanċ, li huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti, l-aktar kwistjoni frekwenti tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja li taffettwa 32 aġenzija, meta mqabbla ma' 28 fl-2014, tibqa' livell għoli ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati; barra minn hekk jinnota mill-Qorti li, wara l-limitu tagħha ddefinit internament għat-titoli differenti tal-baġit tal-aġenziji, hija baqgħet tirrapporta dwar dawn il-kwistjonijiet;

18.  Jinnota, madankollu, li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jinnota li l-ammonti riportati li jirriżultaw minn dawn il-programmi operattivi huma, f'ħafna każijiet, ippjanati minn qabel mill-aġenziji u jkunu kkomunikati lill-Qorti, li jiffaċilita d-distinzjoni espliċita bejn ir-riporti ppjanati u dawk mhux ippjanati;

19.  Jindika li l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) qablet, fil-prinċipju, dwar distinzjoni trasparenti bejn riporti "ippjanati" u "mhux ppjanati" li ġiet segwita mill-Eurofound għal ħafna snin; iħeġġeġ lin-Netwerk, l-aġenziji u lill-Qorti biex jeżaminaw jekk il-proċedura għad-distinzjoni bejn ir-riporti ppjanati u dawk mhux ippjanati u l-komunikazzjonijiet trasparenti tagħhom tistax tiġi stabbilita, sakemm il-kwistjoni tkun inkluża fir-Regolament Finanzjarju;

20.  Jenfasizza li l-livell ta' tħassir ta' riporti huwa indikattiv ta' kemm l-aġenziji antiċipaw korrettament il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, u li dan huwa indikatur aqwa ta' ppjanar baġitarju tajjeb milli huwa l-livell ta' riporti;

21.  Jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari ta' riporti "ppjanati u kkomunikati" sabiex jiġi ssemplifikat ir-rappurtar tal-Qorti dwar din il-kwistjoni, kif ukoll li tippermetti lill-awtorità ta' kwittanza biex wieħed jiddistingwi bejn ir-riporti li jindikaw ippjanar baġitarju skars u r-riporti bħala għodda għall-baġit li jappoġġjaw programmi ta' appoġġ pluriennali kif ukoll ippjanar tal-akkwist;

22.  Jitlob f'dan ir-rigward biex tiddaħħal id-definizzjoni ta' riporti "ppjanati u kkomunikati" flimkien ma' linji gwida neċessarji oħra fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju u r-Regolament Finanzjarju Qafas; jistieden lill-Kummissjoni, il-Qorti u n-Netwerk biex jiddiskutu u jipproponu soluzzjonijiet possibbli għal din il-kwistjoni, bl-għan li jissemplifikaw b'mod partikolari il-ġestjoni finanzjarja fl-oqsma tal-programmazzjoni pluriennali u tal-akkwist;

23.  Josserva li r-rapporti awditjati tal-implimentazzjoni baġitarja ta' ċerti aġenziji huma differenti mil-livell ta' dettall ipprovdut mill-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra, li juri li hemm ħtieġa għal linji gwida ċari dwar ir-rappurtar tal-baġit mill-aġenziji. jirrikonoxxi li l-aġenziji bir-rappurtar differenti esternalizzaw ir-rwol ta' uffiċjal tal-kontabilità lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, kif ukoll li l-livell ta' dettall differenti huwa bbażat fuq il-prattiki tar-rappurtar tal-Kummissjoni; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi linji gwida għal rappurtar tal-baġit tal-aġenziji għall-kontijiet tal-2016; jistieden lin-Netwerk u lill-Kummissjoni biex jirrapportaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi futuri rigward din il-kwistjoni;

24.  Jinnota li l-aġenziji ġeneralment aġġudikaw u ħallsu l-għotjiet b'mod konformi mar-regoli; jistieden lill-aġenziji jtejbu l-ġestjoni tal-għotja u jiffukaw fuq it-tkejjil tal-effettività tal-għotjiet li ngħataw;

25.  Iħeġġeġ lill-aġenziji kollha biex kull wieħed u waħda minnhom jifformulaw pjan komprensiv tal-kontinwità tal-attivitajiet li jindirizza r-riskji konnessi tal-ibbaġitjar u l-volatilità tal-attivitajiet li jistgħu jinħolqu bħala riżultat ta' avvenimenti jew ċirkostanzi serji u mhux mistennija;

26.  Jilqa' s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha Nru 12/2016 dwar l-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet;

Kooperazzjoni fost l-aġenziji u ma' istituzzjonijiet oħra – servizzi u sinerġiji komuni

27.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-kondiviżjoni tas-servizzi, li jippermettu applikazzjoni konsistenti tar-regoli u l-proċeduri ta' implimentazzjoni amministrattivi li jikkonċernaw ir-riżorsi umani u kwistjonijiet finanzjarji, kif ukoll titjib fl-effiċjenza potenzjali tas-servizzi ta' kondiviżjoni bejn l-aġenziji, b'mod partikolari meta wieħed iqis it-tnaqqis li l-baġit u l-persunal tal-aġenziji qed jiffaċċjaw;

28.  Jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għad għandhom is-sedi operattivi u amministrattivi doppji; iqis li hu essenzjali li s-sedi doppji li ma joffru l-ebda valur miżjud operattiv għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli;

29.  Jirrikonoxxi mill-osservazzjonijiet tan-Netwerk li bl-għan li jiġi garantit titjib fl-effiċjenza f'termini ta' riżorsi finanzjarji u umani, l-aġenziji ħadmu biex jevitaw id-duplikazzjoni u jagħmlu l-informazzjoni tajba, korretta u faċilment aċċessibbli; jinnota b'sodisfazzjon li dawn l-isforzi jirriżultaw f'katalgu ta' servizzi komuni online fejn l-aġenziji kollha fi ħdan in-Netwerk huma mistennija li jipparteċipaw fih, jew billi joffru u jipproponu servizzi ġodda jew billi jitolbu servizzi permezz ta' pjattaforma ċentralizzata, u fejn, minn Jannar 2017, 21 aġenzija joffru total ta' 184 servizz li jridu jiġu kondiviżi, inkluż l-iskambju ta' dokumentazzjoni u parteċipazzjoni fil-fora ta' esperti;

30.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd iffirmaw proġett pilota ta' "prova tal-kunċett" li jista' jservi biex jesploraw il-vijabilità tal-EUIPO biex jipprovdu servizzi tal-IT għal irkupru minn diżastri bi prezz baxx ħafna għal aġenziji oħra fi ħdan in-Netwerk; jaqbel li skema bħal din tista' ġġib mhux biss benefiċċji f'termini ta' servizzi tal-ICT aħjar u spejjeż operattivi iktar baxxi, iżda wkoll Netwerk aktar b'saħħtu u użu miżjud tal-ICT; jistieden lin-Netwerk biex jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi ulterjuri rigward dan il-proġett pilota;

31.  Josserva li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), f'isem 20 aġenzija, nediet sejħa għall-offerti konġunta bl-għan li jintgħażel fornitur tal-"Cloud Service Brokerage"; jinnota b'sodisfazzjon li l-kuntratt, aġġudikat f'Settembru 2016, jista', skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, jipprovdi ffrankar finanzjarju kumplessiv ta' EUR 2,5 miljun lill-aġenziji;

32.  Jirrikonoxxi li n-Netwerk bħalissa qed jiżviluppa għodda ġdida dwar l-akkwist konġunt, li hija inkluża fi ħdan żona ta' servizzi komuni fl-"Extranet tal-Aġenziji tal-UE"; jinnota b'sodisfazzjon li din l-għodda sservi u tappoġġja diversi aġenziji, biex b'hekk jinħoloq effett ta' lieva addizzjonali għall-kondiviżjoni ta' fornitur tas-servizz estern komuni, bi tfaddil fir-riżorsi sussegwenti u effett tal-volum;

33.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' ideat u prattiki fost l-aġenziji fil-qafas tan-netwerk għall-iżvilupp tal-prestazzjoni tal-aġenziji tal-Unjoni, li jikkontribwixxi għal governanza aktar bilanċjata u aktar koerenza bejniethom; jenfasizza li n-netwerk jeħtieġ jikkontribwixxi għal aktar effiċjenza u mhux joħloq spejjeż addizzjonali u aktar burokrazija;

34.  Jilqa' ż-żieda fis-sistematizzazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali, li toħloq aktar sinerġiji fil-mandati rispettivi tagħhom permezz tal-programm ta' ħidma annwali konġunt tagħhom, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' Qafas ta' Monitoraġġ komuni ta' Riga u bil-kollaborazzjoni tagħhom mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-finalizzazzjoni tal-ħidma fuq sitt linji gwida metodoloġiċi dwar l-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-adattament ta' għodod u metodi;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

35.  Ifakkar li l-paragrafu 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali(6) jitlob tnaqqis progressiv ta' 5 % tal-persunal fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha li jrid isir bejn l-2013 u l-2017; jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji diġà laħqu jew qabżu t-tnaqqis ta' 5 % abbażi tal-organigrammi rispettivi tagħhom għall-2012;

36.  Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni applikat imposta addizzjonali ta' 5 % tal-persunal għall-aġenziji sabiex toħloq ippuljar ta' riallokazzjoni minn fejn talloka postijiet għall-aġenziji b'kompiti ġodda fdati lilhom jew waqt fażi ta' tnedija; huwa partikolarment imħasseb li bi tnaqqis addizzjonali tal-persunal, it-twettiq tal-mandati u l-programmi ta' ħidma annwali tal-Aġenzija se jkunu dejjem aktar diffiċli, b'mod partikolari għall-aġenziji kklassifikati mill-Kummissjoni bħala "aġenziji b'veloċità kostanti"; jistieden lill-Kummissjoni u l-awtorità baġitarja biex jiżguraw li kwalunkwe miżura potenzjali ta' ffrankar ta' spejjeż ulterjuri ma xxekkilx il-kapaċità tal-aġenziji li jwettqu l-mandat tagħhom; jinnota li hemm ħafna każijiet fejn il-kapaċità tal-aġenziji biex iwettqu r-responsabilitajiet tagħhom tkun ġiet kompromessa, bħalma huma l-kapaċità tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex tiggarantixxi s-sikurezza tal-ikel, jew il-kapaċità tal-Eurofound biex twettaq kompiti ġodda relatati mal-migranti u r-rifuġjati;

37.  Jenfasizza li jkun tajjeb li l-bilanċ ġeografiku, speċifikament ir-relazzjoni bejn in-nazzjonalità tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, jibqa' element importanti tal-ġestjoni tar-riżorsi, b'mod partikolari fir-rigward tal-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni mill-2004 'l hawn, u jilqa' l-fatt li l-aġenziji tal-Unjoni laħqu kompożizzjoni aktar ibbilanċjata bejn l-uffiċjali mill-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni qabel l-2004 u dawk li ngħaqdu wara; iżda jindika li dawn l-Istati Membri għadhom sottorappreżentati fil-livell superjuri tal-amministrazzjoni u fil-karigi maniġerjali, fejn għadu mistenni li jkun hemm progress;

38.  Huwa konvint li l-persunal tal-aġenziji ffinanzjat minn ħlasijiet magħmula mill-industrija, u konsegwentement mhux iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, m'għandux, bħala prinċipju, ikun milqut minn tnaqqis addizzjonali tal-persunal 'il fuq minn 5 % kif mitlub mill-ftehim interistituzzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-awtorità baġitarja jittrattaw bħala każ separat l-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-baġit tal-Unjoni, u jressqu qafas speċifiku għall-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-industrija, li għandu jkun proporzjonat għas-servizzi mogħtija mill-aġenzija kkonċernata;

39.  Jinnota li permezz tal-implimentazzjoni ta' proġetti u programmi ffinanzjati mill-Unjoni, l-aġenziji għandhom rwol dirett fil-ħolqien tal-impjiegi madwar l-Unjoni; jinnota, barra minn hekk, li nħolqu impjiegi permezz tad-diversi programmi ta' finanzjament tal-Unjoni f'bosta modi differenti ħafna, inkluż l-użu ta' inċentivi, bħal bonusijiet, li jirriżultaw f'differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-impjiegi maħluqa mill-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa u komprensiva dwar l-impatt ta' fondi, programmi u proġetti ffinanzjati permezz tal-baġit tal-Unjoni fuq il-ħolqien dirett ta' impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika tali evalwazzjoni malajr kemm jista' jkun u biex tippreżentaha lill-Parlament;

40.  Jirrikonoxxi l-isforzi meħuda biex ikun hemm livelli ugwali taż-żewġ sessi fost il-persunal u l-membri tal-maniġment tal-aġenziji; iħeġġeġ lil dawk l-aġenziji li t-tagħrif dwar il-persunal tagħhom juri bilanċ fis-sessi insodisfaċenti sabiex jieħdu iktar passi biex jirrettifikaw dan l-iżbilanċ u sabiex jikkomunikaw ir-riżultati lill-awtorità ta' kwittanza mill-aktar fis possibbli;

Kunflitti ta' interess u trasparenza

41.  Jinnota li, skont in-Netwerk, l-aġenziji kollha diġà adottaw regoli ġeneriċi dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta bħala parti mil-linji gwida tal-etika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-persunal; jinnota bi tħassib, madankollu, li huma biss 65 % tal-aġenziji li adottaw aktar regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jirrikonoxxi l-osservazzjoni tan-Netwerk li, fil-każijiet fejn għad m'hemmx fis-seħħ regoli rilevanti, il-proċess għadu għaddej u għad irid jiġi adottat; jinnota li f'diversi każijiet, l-aġenziji qed jistennew li jingħataw gwida jew il-kontribut mill-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jiffinalizzaw ir-regoli tagħhom; jirrikonoxxi barra minn hekk li r-regoli għandhom jiġu ffinalizzati u implimentati fl-ewwel nofs tal-2017; jistieden lill-aġenziji li għadhom ma adottawx ir-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta biex jagħmlu dan mingħajr dewmien u permezz ta' dan isaħħu l-politiki interni tagħhom dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta sabiex irawmu kultura ta' trasparenza u responsabbiltà fuq il-post tax-xogħol, jinfurmaw u jħarrġu b'mod regolari lill-impjegati dwar dmirijiethom u drittijiethom, jiżguraw il-protezzjoni tal-informaturi minn ritaljazzjoni, isegwu s-sustanza tat-twissijiet tal-informaturi f'waqthom filwaqt li jżommu lill-informaturi u kull persuna involuta infurmata dwar il-progress tal-proċedura, u jistabbilixxu mezz għal rappurtar intern anonimu; jistieden lill-aġenziji jirrappurtaw lura annwalment lill-awtorità tal-kwittanza dwar numru ta' każijiet tal-informaturi u l-attivitajiet ta' segwitu tagħhom.; jistieden lill-aġenziji u bl-istess mod lill-Kummissjoni biex jipprovdu gwida u approvazzjoni xierqa fejn meħtieġ;

42.  Jinnota li minn 16-il aġenzija li jużaw gruppi ta' esperti, panels u kumitati xjentifiċi, 13 qiesu, fil-politiki tal-persunal tagħhom, it-tħassib imqajjem minn inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman OI/6/2014/NF dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-aġenziji li jifdal biex iqisu t-tħassib tal-Ombudsman mill-aktar fis possibbli;

43.  Jinnota li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord tat-tmexxija, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti interni ġew ippubblikati minn 84 % tal-aġenziji, meta mqabbla ma' 74 % fis-sena preċedenti; jinnota, barra minn hekk, li 60 % tal-aġenziji jiċċekkjaw il-korrettezza fattwali mogħtija tad-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-esperti, tal-bord tat-tmexxija u l-persunal mill-inqas darba fis-sena; jistieden lill-aġenziji kollha biex jadottaw linji gwida stretti għal politika koerenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u biex jimplimentaw dan bi qbil mal-Pjan Direzzjonali dwar is-segwitu għal Approċċ Komuni; jistieden lill-aġenziji li jifdal li għadhom ma introduċewx tali politika sabiex jivverifikaw regolarment id-dikjarazzjonijiet sabiex ikunu żgurati s-sorveljanza u l-iskrutinju pubbliku meħtieġa tal-maniġment;

44.  Jilqa' l-isforzi tal-aġenziji biex jiżdiedu kemm jista' jkun it-trasparenza bil-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' interess u CVs fuq il-websajt tagħhom; jinnota madankollu, li f'diversi każijiet, ftit minn dawn id-dokumenti huma neqsin; ifakkar madankollu li l-aġenziji m'għandhomx id-dispożizzjonijiet xierqa fir-regolamenti fundaturi tagħhom biex jagħmlu tali dokument dispożizzjoni obbligatorja; jistenna, għalhekk, li kwalunkwe reviżjoni tar-regolamenti fundaturi tal-aġenziji ikkonċernati se jistipulaw dikjarazzjoni obbligatorja ta' interess u CV minn kull membru tal-bord; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu vantaġġ mir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament Finanzjarju biex bl-istess mod tindirizza din il-kwistjoni kemm jista' jkun;

45.  Jistieden lill-aġenziji biex, f'dan ir-rigward, tieħu aktar passi lejn ġestjoni aktar trasparenti; jenfasizza li l-monitoraġġ intern kostanti u effiċjenti hija essenzjali għall-monitoraġġ u l-iskoperta ta' kunflitti ta' interess possibbli;

46.  Jinnota li l-aġenziji wrew impenn lejn il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-iskoraġġiment ta' frodi jew kwalunkwe irregolarità oħra u t-twettiq ta' azzjonijiet xierqa fl-eventwalità li din isseħħ; jinnota b'sodisfazzjon li n-Netwerk stabbilixxa grupp ta' ħidma kontra l-frodi tan-Netwerk Legali Inter-Aġenzjali, bl-għan li jitjiebu l-approċċi standardizzati u armonizzati għal strateġiji kontra l-frodi fost l-Aġenziji; jirrikonoxxi l-osservazzjonijiet tan-Netwerk li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji indikaw żieda fl-għarfien tal-prevenzjoni kontra l-frodi; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li sabiex jiġu ffaċilitati u kondiviżi l-aħjar prattiki, kelliema mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u/jew il-Qorti ġew mistiedna b'mod regolari għall-grupp ta' ħidma tan-Netwerk Legali Inter-Aġenzjali msemmi hawn fuq, biex jippreżentaw il-perspettiva istituzzjonali tagħhom kif ukoll biex jipprovdi appoġġ u jissensibilizzaw l-aġenziji dwar kwistjonijiet relatati ma' frodi;

47.  Jenfasizza li l-aġenziji kollha għandu jkollhom kontrolli u gwida fir-rigward tal-ispejjeż legali fir-rigward ta' proċedimenti ġudizzjarji li fihom kienet jew hija parti aġenzija; iħeġġeġ lill-aġenziji biex jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

48.  Jistieden lill-aġenziji biex jiżviluppaw linji gwida komuni għall-applikazzjoni ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti, speċjalment rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

49.  Iħeġġeġ lill-aġenziji biex ikomplu jsaħħu l-viżibilità tagħhom u biex ikomplu jiżviluppaw diversi mezzi ta' komunikazzjoni li jippreżentaw il-ħidma tagħhom u l-attivitajiet għall-pubbliku ġenerali;

50.  Jinnota li l-membri tal-bord ta' tmexxija u eżekuttivi ta’ bosta aġenziji ppubblikaw dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess minflok dikjarazzjoni ta' interess; jissottolinja l-fatt li mhijiex responsabilità tal-bord ta' tmexxija jew tal-eżekuttivi li jiddikjaraw li m'għandhom l-ebda kunflitt ta' interess; jenfasizza li dan fih innifsu jikkostitwixxi kunflitt ta' interess; jitlob li ssir verifika indipendenti tad-dikjarazzjonijiet ta' interess;

Komunikazzjoni u viżibilità

51.  Jinnota li l-aġenziji qed jippromwovu attivament il-ħidma tagħhom permezz ta' diversi mezzi, b'mod partikolari billi jaġġornaw regolarment is-siti web tagħhom biex jipprovdu informazzjoni u jippromwovu l-ħidma mwettqa; jinnota, barra minn hekk, li l-midja soċjali qed issir aktar u aktar għodda ta' komunikazzjoni standard għall-aġenziji; josserva li open-days, kampanji mmirati u filmati li jispjegaw ix-xogħol bażiku tal-aġenziji huma wħud mill-attivitajiet użati fl-edukazzjoni taċ-ċittadini u li jipprovduhom b'opportunitajiet biex jitgħallmu aktar dwar il-ħidma tal-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jirrikonoxxi li l-attivitajiet tar-relazzjonijiet tal-midja ġenerali jew speċjalizzati huma regolarment imkejla permezz ta' indikaturi differenti, kif ukoll li kull aġenzija għandha l-pjan ta' komunikazzjoni tagħha b'attivitajiet speċifiċi mfassla apposta għall-bżonnijiet tagħha;

Kummenti oħra

52.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu mill-proċeduri ta' kwittanza 2013 u 2014 li, skont il-ftehim tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-paragrafu 54 tal-Approċċ Komuni, l-aspetti kollha tal-awditjar estern esternalizzat "jibqgħu taħt ir-responsabilità sħiħa tal-Qorti, li tamministra l-proċeduri amministattivi u ta' akkwist kollha meħtieġa"; itenni, barra minn hekk, li l-approċċ il-ġdid ta' awditjar li jinvolvi l-awdituri tas-settur privat irriżulta f'żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji, kif ukoll li ż-żmien użat fuq l-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar ħoloq nefqa addizzjonali u b'hekk kien piż ulterjuri fuq ir-riżorsi li qed jonqsu tal-aġenziji; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kunflitti ta' interess possibbli f'każijiet fejn tali awdituri privati jew il-kumpaniji rispettivi tagħhom ukoll jieħdu xogħol ta' awditjar jew ta' konsulenza għal kumpaniji tas-settur privat b'interessi ekonomiċi ċari mal-aġenziji tal-Unjoni; jenfasizza li huwa importanti ħafna li tissolva din il-kwistjoni fil-kuntest tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament Finanzjarju u r-reviżjoni sussegwenti tar-Regolament Finanzjarju Qafas; jistieden lill-partijiet kollha involuti f'dawn ir-reviżjonijiet biex jipprovdu ċarezza dwar din il-kwistjoni bħala kwistjoni ta' urġenza sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv eċċessiv u biex jerġa' jkun hemm l-approċċ preferut ta' skema tal-awditjar pubblika;

53.  Jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti, il-votazzjoni tar-referendum taċ-ċittadini tar-Renju Unit (UK) li jħalli l-Unjoni, li seħħ fit-23 ta' Ġunju 2016 u wara d-data tal-karta tal-bilanċ, ġie osservat fil-paragrafu "Kwistjonijiet oħrajn" fir-rapporti annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li t-tnejn jinsabu f'Londra, flimkien ma' postijiet oħra tal-Unjoni fir-Renju Unit bħall-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Unjoni; jinnota li dan il-paragrafu jiċċara li l-kontijiet u n-noti relatati taż-żewġ aġenziji tħejjew bl-użu tal-informazzjoni li kienet disponibbli fid-data tal-iffirmar ta' dawn il-kontijiet, meta r-riżultat tal-votazzjoni taċ-ċittadini tar-Renju Unit kien għadu mhux magħruf u n-notifika formali li tattiva l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kienet għadha ma ġietx ippreżentata; jirreferi, għal osservazzjonijiet dwar l-implikazzjonijiet speċifiċi għall-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini dwar din il-kwistjoni, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(7) dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 u għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(8) dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2015 ;

54.  Jinnota l-pubblikazzjoni simultanja ta' proposti għar-reviżjoni tar-regolamenti rispettivi li jistabbilixxu t-tliet aġenziji tripartitiċi tal-Unjoni f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta' Lulju 2012; jenfasizza l-importanza li tinżamm u tittejjeb il-governanza tripartitika sħiħa attwali ta' dawn l-aġenziji, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi Ewropej u tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema Ewropej fil-governanza u fil-funzjonament tagħhom; ifakkar li ġie implimentat tnaqqis fil-persunal u jtenni t-tħassib tiegħu li aktar tnaqqis jista' jillimita l-kapaċità tal-aġenziji li jaqdu l-mandati tagħhom;

55.  Jinnota l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-idoneità li għaddejjin bħalissa fil-konfront tal-erba' aġenziji tal-Unjoni taħt il-mandat tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), li kellhom jibdew f'Diċembru 2016 u jitlestew f'Diċembru 2017(9); huwa tal-fehma li dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal deċiżjonijiet infurmati min-naħa tal-Parlament fir-rigward tal-effikaċja u l-impatt tal-kontributi tal-aġenziji; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu sfruttati s-sinerġiji fl-attivitajiet tal-erba' aġenziji li jikkoinċidu ma' xulxin, kif ukoll bejn l-aġenziji u l-Kummissjoni nfisha, u li jiġi evitat xogħol doppju.

56.  Jilqa' r-riżultat solidu u l-flessibilità tal-aġenziji kollha fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja; jilqa' l-flessibilità tagħhom biex jadattaw ruħhom għal prijoritajiet politiċi li qed jevolvu u biex jirreaġixxu għal avvenimenti mhux mistennija; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' indikaturi effettivi li jirriflettu l-impatt tal-ħidma tagħhom fuq is-sigurtà interna, il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali; jilqa' l-isforzi li saru minn diversi aġenziji biex itejbu l-ġestjoni baġitarja tagħhom billi jottimizzaw l-użu tal-baġits tagħhom u billi jimplimentaw proċess ta' ppjanar baġitarju aħjar;

57.  Jilqa' l-impenn tal-aġenziji kollha tal-ġustizzja u l-affarijiet interni biex jipperfezzjonaw ulterjorment il-proċeduri baġitarji, iżda jenfasizza, madankollu, li l-prijorità tagħhom għandha tkun li jtejbu l-effiċjenza operattiva fil-post u li jindirizzaw il-kwistjonijiet strutturali identifikati mill-Qorti u mis-Servizz tal-Awditjar Intern;

58.  Jirrikonoxxi li twaqqfu għadd kbir ta' aġenziji fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, iżda jtenni l-importanza tal-missjonijiet li jwettqu u l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini; jenfasizza li l-aġenziji kollha twaqqfu bħala rispons għal ħtiġijiet speċifiċi; jinsab konvint li l-aġenziji kollha f'dan il-qasam politiku jiżvolġu rwol distint u meħtieġ, li jipprovdi valur miżjud Ewropew;

59.  Jitlob li l-aġenziji kollha tal-ġustizzja u l-affarijiet interni jidentifikaw l-ostakli finanzjarji, l-ostakli relatati mar-riżorsi jew punti ta' konġestjoni oħra li jxekklu l-prestazzjoni operattiva tagħhom u li jitolbu li jsiru aġġustamenti f'waqthom.

o
o   o

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(4) L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) (1.7.2016 : l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (1.5.2017 : l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Unità tal-Unjoni Ewropea ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust)
(5) l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).
(6) Il-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
(7) Testi adottati ta’ dik id-data, P8_TA(2017)0163.
(8) Testi adottati ta’ dik id-data, P8_TA(2017)0172.
(9) http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/docs/2016_empl_020_evaluation_agencies_en.pdf


ANNESS 1: PROPOSTA GĦALL-IGGRUPPAR TA' AĠENZIJI GĦALL-KWITTANZA TAL-PE

KUMITATI PERMANENTI

AĠENZIJI TAL-UE

AFFARIJIET EKONOMIĊI U MONETARJI

EBA; EIOPA; ESMA

IMPJIEGI U AFFARIJIET SOĊJALI

CdT; EU-OSHA; Eurofound; Cedefop, ETF

AMBJENT, SAĦĦA PUBBLIKA U SIKUREZZA TAL-IKEL

EEA; EFSA; ECDC; ECHA; EMA

INDUSTRIJA, RIĊERKA U ENERĠIJA

EIT, ACER; BEREC; ENISA; EURATOM; GSA

TRASPORT U TURIŻMU

EASA; EMSA; ERA;

SAJD

EFCA

LIBERTAJIET ĊIVILI, ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

Eurojust, FRA, Frontex, EASO; EMCDDA; CEPOL, eu-LISA; Europol

DRITTIJIET TAN-NISA U UGWALJANZA BEJN IS-SESSI,

EIGE

Avviż legali