Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2166(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0085/2017

Testi mressqa :

A8-0085/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.35

Testi adottati :

P8_TA(2017)0166

Testi adottati
PDF 437kWORD 55k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
P8_TA(2017)0166A8-0085/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2166(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0052/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0085/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 87.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 87.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2166(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0052/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0085/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 87.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 87.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2166(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 12/2016 tal-Qorti tal-Awdituri dwar "L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista' jintwera li huwa effettiv",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0085/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 49 156 474, li jirrappreżenta żieda ta' 6,50 % meta mqabbel mal-2014, billi 74 % tal-baġit tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,36 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87,5 %;

Impenji u riporti

2.  Jinnota li r-riporti mill-2015 għall-2016 kienu ta' EUR 4 944 739, li jirrappreżenta ċifra simili meta mqabbel mas-sena ta' qabel; jinnota li 57 % tal-ammont riportat fit-Titolu III (nefqa operattiva) jirrappreżenta l-pagament finali tal-kontribuzzjoni għall-2015 liċ-Ċentri Tematiċi Ewropej li kellu jitħallas wara l-preżentazzjoni tar-raba' progress trimestrali fl-2016; jinnota li r-riporti jistgħu sikwit ikunu ġustifikati, parzjalment jew għal kollox, min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, ma jindikawx neċessarjament dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati min qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

3.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija naqqset l-għadd ta' membri tal-persunal tagħha b'5 %, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja(1); jinnota li l-Kummissjoni kklassifikat l-Aġenzija bħala "aġenzija li qabdet it-triq", u dan jimplika li hu mistenni tnaqqis addizzjonali ta' 5 %; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija implimentat is-sensji mingħajr ma ppreġudikat il-kapaċità tagħha li twettaq il-partijiet prinċipali tal-programm ta' ħidma pluriennali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe miżura ta' ffrankar ta' spejjeż ulterjuri li tista' tittieħed ma xxekkilx il-kapaċità tal-Aġenzija li twettaq il-mandat tagħha;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

4.  Jinnota li f'Novembru 2014 il-bord tal-ġestjoni tal-Aġenzija adotta l-istrateġija tagħha kontra l-frodi, bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni xierqa fi kwistjonijiet ta' kunflitt ta' interess u li jiġu żviluppati attivitajiet bħala parti mill-ġlieda kontra l-frodi, speċjalment permezz tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota li, bi qbil mal-"Metodoloġija u gwida għal strateġiji kontra l-frodi għall-aġenziji deċentralizzati tal-UE" tal-OLAF, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tar-riskju ta' frodi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha bbażata fuq il-probabbiltà ta' frodi u l-impatt li dan jista' jkollu;

5.  Jinnota li l-Aġenzija ħolqot reġistru ta' dokumenti u għamlitu aċċessibbli għall-pubbliku permezz tas-sit web tagħha; josserva li l-politika tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, adottata fl-2014, ġiet eżaminata mill-ġdid fl-2016 u żdiditilha informazzjoni addizzjonali dwar id-dikjarazzjonijiet ta' interess u l-obbligi tal-membri tal-persunal li jitilqu mill-Aġenzija;

6.  Jinnota bi tħassib li l-membri tal-bord tal-ġestjoni tal-Aġenzija mhumiex obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom, u għalhekk ftit biss huma disponibbli fis-sit web tagħha; jistieden lill-Aġenzija tieħu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex tirranġa s-sitwazzjoni u tiżgura s-sorveljanza u l-iskrutinju meħtieġa fir-rigward tal-maniġment tagħha; jinnota li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tad-diriġenti tal-Aġenzija huma ppubblikati fis-sit;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon li f'Diċembru 2016 il-bord tal-ġestjoni tal-Aġenzija adotta linji gwida interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

8.  Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ma wettqet l-ebda inizjattiva speċifika sabiex toħloq jew iżżid it-trasparenza rigward il-kuntatti tagħha mal-lobbisti;

9.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politika li tittratta l-kunflitti ta' interess, pari passu mal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin diġà, u tinkludi l-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju waqt il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

Awditi interni

10.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu fuq il-ġestjoni tad-data/tal-informazzjoni, inkluż komponent tal-IT, li ġie ffinalizzat fl-2015; jinnota b'sodisfazzjon li, skont il-konklużjonijiet tal-IAS, is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti mill-Aġenzija biex jappoġġjaw il-ġestjoni tad-data/tal-informazzjoni huma effikaċi fiċ-ċirkustanzi attwali; jinnota, barra minn hekk, li, sabiex tiffaċċja l-isfidi li ġejjin, bħalma huma ż-żieda kbira mistennija fil-volum ta' data u informazzjoni li jeħtieġ tkun kapaċi tlaħħaq miegħu, l-Aġenzija għandha tiżviluppa aktar il-ġestjoni tad-data/tal-informazzjoni;

Kontrolli interni

11.  Jirrikonoxxi l-fatt li, f'konformità mar-rekwiżiti l-ġodda tal-2014, il-pjanijiet tal-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) għall-2015 u l-2016 ġew approvati mill-bord tal-ġestjoni tal-Aġenzija; jinnota li l-pjanijiet jinkludu inkarigi ta' awditjar, kompiti konsultattivi u kuntatt ma' awdituri oħrajn bħala t-tliet oqsma ta' kontribut ewlenin;

12.  Jinnota li l-IAC stabbiliet valutazzjoni tar-riskju biex jintgħażlu benefiċjarji għal verifiki fuq il-post, li rriżulta fil-verifika ta' pagamenti għal tliet għotjiet differenti sabiex tiġi żgurata l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati; josserva li, abbażi tal-politika l-ġdida, approvata f'Ottubru 2015, saru aktar verifiki fuq il-post fl-2016;

Komunikazzjoni

13.  Jinnota li fl-2015 l-Aġenzija wettqet reviżjoni importanti tal-portafoll ta' prodotti tagħha bil-għan li timmodernizzah u tadattah għall-mod kif l-udjenza tagħha tikkonsma l-informazzjoni; jinnota wkoll li l-Aġenzija investiet f'titjib fid-disinn, il-viżwalizzazzjoni tad-data u l-infografika u aġġornat l-identità korporattiva tagħha għal dak l-iskop, u għamlet ukoll aktar sforzi fejn tidħol il-midja soċjali u r-relazzjonijiet mal-mezzi tax-xandir;

14.  Jissottolinja li l-Aġenzija għandha tkompli tippromwovi d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini u tinkorporah bħala parti mill-prijoritajiet u l-attivitajiet li jridu jiġu implimentati;

Kummenti oħra

15.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-proċeduri ta' akkwist li ġew awditjati wrew li l-Aġenzija ffirmat kuntratti qafas ma' kuntrattur wieħed li ntużaw għal diversi servizzi fl-ambitu ta' kuntratti speċifiċi bi prezzijiet fissi; jinnota bi tħassib li, b'konsegwenza tat-talba għal offerta bi prezz fiss minn kuntrattur wieħed fl-ambitu ta' dawn il-kuntratti, il-kompetizzjoni dwar il-prezz ġiet newtralizzata u d-dipendenza fuq il-kuntrattur żdiedet;

16.  Jinnota li l-livell ta' kompetizzjoni tas-suq tal-produzzjoni u l-analiżi tal-immaġni satellitari huwa relattivament limitat minħabba l-għadd żgħir ta' fornituri tas-servizz li joperaw fis-setturi relatati u l-istabbiltà u l-konsistenza tal-prezzijiet applikati; jinnota, barra minn hekk, li n-natura teknika u l-kumplessità tas-servizzi pprovduti jeħtieġu taħlita ta' tipi differenti ta' kompetenzi li l-fornituri tas-servizz li joperaw f'dak is-suq jistgħu jipprovdu biss meta jgħaqqdu l-forzi f'konsorzju; jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija għamlet għażla konxja li tagħti kuntratt qafas lil operatur ekonomiku wieħed li kienet tirriżulta minn valutazzjoni ta' fatturi tanġibbli mis-suq relatat;

17.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija qed tagħmel ħilitha biex issib bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-livelli inferjuri tal-maniġment iżda jinnota bi tħassib żbilanċ sostanzjali fir-rappreżentanza tas-sessi fil-livelli superjuri tal-maniġment tagħha; iħeġġeġ lill-Aġenzija tikkoreġi dan l-iżbilanċ u tikkomunika r-riżultati lill-Parlament mill-aktar fis possibbli;

18.  Ifakkar li, sa mit-twaqqif tagħha, l-Aġenzija, flimkien man-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (EIONET), kienet sors ta' informazzjoni għal dawk involuti fl-iżvilupp, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima, kif ukoll il-politiki dwar l-iżvilupp, u kienet ukoll sors ta' informazzjoni għall-pubbliku ġenerali;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-ħames rapport annwali tal-Aġenzija dwar l-Istat tal-Ambjent (SOER 2015);

20.  Jieħu nota tal-iżvilupp tas-sistemi ta' informazzjoni u tal-proċessi tal-immaniġġjar tal-flussi tad-data tal-Aġenzija biex jingħata appoġġ lill-pajjiżi u l-kumpaniji permezz tar-rappurtar u t-titjib fil-kwalità tad-data, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema emendata tar-rappurtar fil-qafas tar-Regolament dwar il-Gassijiet Fluworurati (F-Gas), u fir-rigward tar-rappurtar dwar l-impjanti kbar tal-kombustjoni (LCPs), li fl-2015 għaddew mill-Kummissjoni għal għand l-Aġenzija;

21.  Ifakkar fl-importanza tal-evalwazzjoni li għaddejja bħalissa dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-netwerk EIONET tagħha – li mistennija titlesta fi tmiem l-2017 – sabiex jiġi vvalutat aħjar kemm l-Aġenzija laħqet l-objettivi tagħha u kemm implimentat il-kompiti stabbiliti fil-mandat u fil-programm ta' ħidma pluriennali tagħha;

22.  Jirrakkomanda li l-Aġenzija tiżviluppa indikaturi tal-impatt, u jemmen li dawn l-indikaturi tal-impatt ikunu għodda essenzjali biex titkejjel l-effikaċja tal-Aġenzija;

o
o   o

23.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
(2) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali