Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2181(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0100/2017

Testi mressqa :

A8-0100/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.36

Testi adottati :

P8_TA(2017)0167

Testi adottati
PDF 440kWORD 54k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA)
P8_TA(2017)0167A8-0100/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0067/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0100/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 93.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 93.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mat-tweġiba tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0067/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0100/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 93.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 93.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0100/2017),

A.  billi, skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 9 217 000, ammont li ma jirrappreżenta ebda tibdil meta mqabbel mas-sena preċedenti; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

C.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tenfasizza l-importanza speċjali li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġittjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,59 %, rata li laqħet il-mira tal-Aġenzija u li tirrapreżenta żieda ta' 0,50 % meta mqabbla mal-2014; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 92,24 %, rata li tfisser li l-Aġenzija laħqet il-mira tagħha u li tirrapreżenta żieda ta' 3,81 % meta mqabbla mal-2014;

2.  Jilqa' l-implimentazzjoni ta' moduli e-Prior għal akkwist, ordnijiet u fatturazzjoni elettroniċi f'kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika (DĠ DIGIT) tal-Kummissjoni; jinnota li l-moduli implimentati kellhom jintużaw progressivament fl-2016, u dan kellu jwassal għal żieda fil-flussi ta' xogħol elettroniċi, u sussegwentement aktar effiċjenza, affidabbiltà tad-data u sekwenza tal-awditjar; jistieden lill-Aġenzija tgħaddi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-effiċjenzi miksuba wara l-implimentazzjoni tal-moduli;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija għamlet il-pagamenti kollha tagħha fil-limiti ta' żmien previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b'hekk ma tħallas ebda mgħax lill-fornituri għal pagamenti tard; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd medju ta' ġranet għal pagament fl-2015 kien ta' 20 jum;

4.  Jinnota li t-tnaqqis effikaċi fil-baġit impost fuq l-Aġenzija fixkel il-ħila tagħha biex tilħaq l-objettiv tagħha li torganizza l-koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta' kontroll u ta' spezzjoni tal-Istati Membri sabiex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi u uniformi tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd;

5.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tar-rwol tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata u fil-kisba tal-objettivi tagħha, partikolarment fid-dawl tal-obbligu ta' ħatt l-art u d-domandi f'termini ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd; jenfasizza li, għalhekk, ikun tajjeb li tiġi evalwata l-possibbiltà li l-approprjazzjonijiet għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija jiżdiedu fis-snin li ġejjin;

6.  Jiddispjaċih li t-tnaqqis fir-riżorsi u fil-kapaċità tal-Aġenzija jista' jkollu bħala konsegwenza d-dgħufija tal-kontrolli tas-sajd u żieda konkomitanti tas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, għad-detriment tas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tas-settur;

7.  Jinnota li l-politika l-ġdida tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u, b'mod partikolari, il-ħolqien tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, bħala parti minn titjib ġenerali fil-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, jimplikaw kompiti ġodda ta' spezzjoni u kooperazzjoni aħjar għall-Aġenzija, li se jeħtieġu aktar finanzjament u riżorsi umani u tekniċi;

Impenji u riporti

8.  Jilqa' l-fatt li l-livell ta' fondi riportati mill-2015 għall-2016 naqas minn 11 % għal 7 % meta mqabbel mal-2014; jinnota li r-rata ta' riporti għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien ta' 20 %, rata li tirrapreżenta tnaqqis ta' 5 % meta mqabbla mar-riżultati tal-2014; jinnota li r-rata ta' riporti għat-Titolu III (nefqa operattiva) kienet ta' 20 %, rata li tirrapreżenta tnaqqis ta' 10 % meta mqabbla mal-livell fl-2014; jinnota, barra minn hekk, li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

9.  Jinnota li l-Aġenzija naqqset ulterjorment ir-rata ta' impenji kkanċellati riportati mis-sena 2014 għal 3,45 %, u dan jirrappreżenta tnaqqis ta' 0,9 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

Trasferimenti

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont il-kontijiet finali tal-Aġenzija, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2015 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

11.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija indirizzat bosta ħtiġijiet bl-użu ta' kuntratti eżistenti, jew tagħha jew tal-Kummissjoni, sabiex tottimizza l-użu tar-riżorsi disponibbli; jirrikonoxxi li, kmieni fl-2016, ġie ffirmat Memorandum ta' Qbil dwar il-fatturazzjoni mill-ġdid tas-servizzi ta' akkwist ipprovduti minn DĠ DIGIT fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni; jinnota li l-Aġenzija ffukat fuq l-implimentazzjoni ta' sistema ta' amministrazzjoni elettronika kif ukoll fuq ir-razzjonalizzazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-proċessi ta' akkwist tagħha;

12.  Jiddeplora l-fatt li mhi qed tingħata l-ebda attenzjoni lill-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-Aġenzija, minkejja li jiżvolġu rwol kritiku fit-twettiq ta' kompiti addizzjonali mingħajr l-ebda żieda fl-għadd tagħhom;

13.  Iqis li l-Aġenzija tirrappreżenta valur estremament tajjeb għall-flus, minkejja li hu meħtieġ li r-riżorsi umani u finanzjarji tagħha jiżdiedu fis-snin li ġejjin;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

14.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija adottat politika komprensiva dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u strateġija kontra l-frodi; jieħu nota tal-fatt li minn total ta' 13-il azzjoni li kellhom ikunu implimentati sa tmiem l-2017, disgħa minnhom diġà ġew implimentati; jieħu nota tal-fatt li l-kontrolli tal-Aġenzija mmirati biex jimpedixxu u jidentifikaw il-frodi huma simili għal dawk li jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, bħall-prinċipju ta' "erba' għajnejn aħjar minn tnejn", kontrolli awtomatizzati fis-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi, kalkolu tas-salarji esternalizzat kif ukoll il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi jkunu ffirmati dejjem mill-membri tal-bord; jinnota b'sodisfazzjon mill-Aġenzija li, sa mit-twaqqif tagħha, ma seħħ ebda każ ta' frodi;

15.  Jinnota li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi u s-CVs tad-Direttur Eżekuttiv, tal-membri tal-Bord Amministrattiv u t-timijiet tal-maniġment superjuri kienu ppreżentati u ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jiddispjaċih, madankollu, li l-preċiżjoni fattwali tad-dikjarazzjonijiet ta' interess ma kenitx verifikata; jistieden lill-Aġenzija tintroduċi kontrolli regolari u aġġornamenti dwar l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi;

16.  Jinnota li l-Kummissjoni għadha ma weġbitx lill-Aġenzija rigward l-abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni dwar l-informaturi; jistieden lill-Aġenzija tgħaddi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli;

Kontrolli interni

17.  Jinnota li l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta sett ta' Standards ta' Kontroll Intern (ICS) maħsub biex jiżgura l-kisba tal-objettivi ta' politika u dawk operattivi; jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tal-ICS għandhom livell għoli ta' implimentazzjoni, fejn erba' oqsma għandhom livell medju u qasam wieħed għandu livell baxx ta' implimentazzjoni fis-sistema ta' kontroll intern;

18.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija għadha mhijiex kompletament konformi mal-ICS 10 (Kontinwità tan-Negozju), 11 (Ġestjoni tad-Dokumenti) u 12 (Informazzjoni u Komunikazzjoni); jinnota wkoll li l-Aġenzija indikat li dawk l-ICS għadhom mhumiex kompletament implimentati, prinċipalment minħabba restrizzjonijiet baġitarji; jistieden lill-Aġenzija timplimenta dawk l-ICS u tgħaddi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni;

Awditu intern

19.  Jinnota li, minbarra l-awditu dwar Elementi Kostitwenti ta' Assigurazzjoni, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ sitt rakkomandazzjonijiet klassifikati "Importanti", li kienu implimentati b'mod sħiħ mill-Aġenzija; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija m'għandha ebda rakkomandazzjoni miftuħa mill-IAS;

20.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija żviluppat u implimentat sistema ta' sorveljanza ċentralizzata tar-rakkomandazzjonijiet ta' awditjar kollha maħruġa mill-Qorti, l-IAS u l-Kapaċità ta' Kontroll Intern tagħha, bil-ħsieb li tikkonsolidahom u tissorveljahom, kif ukoll biex tagħti segwitu aħjar għall-pjanijiet ta' azzjoni korrispondenti; josserva li fi tmiem l-2015 kien għad baqa' biss erba' rakkomandazzjonijiet miftuħa, u l-ebda waħda minnhom ma kienet meqjusa bħala kritika jew importanti ħafna;

Prestazzjoni

21.  Jinnota li żewġ riskji kritiċi kienu ġew identifikati waqt eżerċizzju ta' valutazzjoni tar-riskju annwali tal-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija għandha tħejji Ppjanar strateġiku ta' Eżerċizzju Konġunt fil-każ li l-programm ta' l-Kontroll u Spezzjoni Speċifiku tal-Kummissjoni ma jkunx adottat fil-ħin, sabiex ma tkunx ipperikolata l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma Amministrattiva tal-Aġenzija u sabiex ikun evitat ir-riskju ta' approprjazzjonijiet tal-baġit mhux utilizzati; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta dwar il-pjanijiet tagħha biex tnaqqas dawk ir-riskji residwi għal livell aċċettabbli;

Kummenti oħra

22.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija bdiet proċess ta' kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġett pilota bit-titolu "Il-Ħolqien ta' Gwardja Kostali Ewropea"; jinnota li t-tagħlimiet miksuba mill-proġett pilota se jintużaw fl-implimentazzjoni ta' "pakkett dwar il-fruntieri" ġdid bl-għan li jiġi stabbilit il-kompitu għal tliet aġenziji marittimi sabiex jikkooperaw ħalli jappoġġjaw l-awtoritajiet nazzjonali fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta, billi jipprovdu servizzi, informazzjoni, tagħmir u taħriġ, kif ukoll billi jikkoordinaw operazzjonijiet b'diversi għanijiet;

23.  Ifakkar fl-importanza li jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija sabiex jiġu stabbiliti attivitajiet operattivi konġunti ma' aġenziji oħra tal-Unjoni fis-settur marittimu bl-għan li jiġu evitati d-diżastri fuq il-baħar u jiġu kkoordinati l-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta Ewropej;

24.  Jirrimarka li l-2016 kienet sena importanti għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida rigward l-obbligu ta' ħatt l-art, u li l-koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet tal-ispezzjonijiet tal-kontroll tas-sajd mal-Istati Membri timplika riżorsi umani u finanzjarji xierqa; jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet prattiċi involuti fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għas-sajd demersali, u jqis li l-monitoraġġ għandu jikkunsidra dawn id-diffikultajiet;

o
o   o

25.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali