Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2172(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0130/2017

Testi mressqa :

A8-0130/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.43

Testi adottati :

P8_TA(2017)0174

Testi adottati
PDF 436kWORD 53k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)
P8_TA(2017)0174A8-0130/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2172(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0058/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0130/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 133.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 133.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2172(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0058/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0130/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 133.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 133.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2172(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0130/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 54 611 883, li jirrappreżenta żieda ta' 4,21 % meta mqabbel mal-2014,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti") stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,23 %, li tfisser żieda ta' 4,45 % meta mqabbla mal-2014, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 96,52 %, li tfisser żieda ta' 2,75 %;

2.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija rristrutturat l-istruttura baġitarja tagħha fl-2014 b'effett mill-Baġit 2015 sabiex jingħata appoġġ aħjar għall-bżonnijiet kummerċjali tal-Aġenzija; josserva barra minn hekk li t-tieni fażi tar-ristrutturar se jkollha effett fuq il-baġit fl-2016; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-impatt prattiku u l-effiċjenzi miksuba bl-istruttura tal-baġit il-ġdida;

Impenji u riporti

3.  Jirrikonoxxi li, skont l-awditu annwali tal-Qorti, kif ukoll skont ir-rapport ta' kontijiet annwali tal-Aġenzija, ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni partikolari fir-rigward tal-livell ta' riporti fl-2015; josserva mill-ammont totali riportat mill-2014 għall-2015 (EUR 35 987 101), 46 % kienu kkunsmati, 50 % baqgħu bħala "ammont liberu" (ammont dovut, iżda mhux imħallas) u 4 % tat-total kien ikkanċellat; jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferiment

4.  Jieħu nota tal-fatt li fl-2015 l-Aġenzija wettqet total ta' 10 trasferimenti bejn titoli baġitarji; jirrikonoxxi l-fatt li dawn it-trasferimenti kienu taħt il-limitu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja murija fuq il-linja baġitarja li minnha jsir it-trasferiment fil-każ ta' trasferimenti minn titolu wieħed għall-ieħor; josserva li l-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2015 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

5.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija nediet 88 proċedura ta' akkwist, bi 13 minnhom li kienu proċeduri nnegozjati speċjali u l-75 l-oħra kienu jinkludu proċedura nnegozjata miftuħa u b'valur baxx;

6.  Jinnota mir-rapport ta' attività annwali tal-Aġenzija li fl-2015, l-Aġenzija kellha 207 kariga fl-organigramma tagħha; josserva li filwaqt li fil-Pjan ta' Stabbiliment tal-Aġenzija għall-2015, ġġew indikati 207 kariga statutorja, l-Aġenzija wettqet l-attivitajiet proposti fil-Programm ta' Ħidma 2015 b'202 karigi statutorji, peress li ħames karigi ġew iffriżati għal tnaqqis previst fl-2016;

7.  Jinnota r-riżultati tat-tieni eżerċizzju ta' valutazzjoni komparattiva dwar il-karigi tal-Aġenzija, b'21,67 % tal-impjiegi ddedikati għall-koordinazzjoni u l-appoġġ fil-livell amministrattiv, 71,29 % għall-kompiti operattivi u 7,05 % għall-kompiti ta' kontroll u dawk finanzjarji; jiddispjaċih dwar it-tnaqqis kontinwu fil-livell tal-persunal, filwaqt li fl-istess ħin il-kompiti mogħtija lill-Aġenzija qed jiżdiedu;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

8.  Josserva li l-Aġenzija ppubblikat "Id-Dikjarazzjonijiet ta' Impenn u Kunfidenzjalità" iffirmati mill-membri tal-bord amministrattiv tagħha, flimkien mas-CVs tagħhom, kif mitlub mill-awtorità ta' kwittanza fil-proċeduri ta' kwittanza preċedenti;

9.  Jikkonstata bi tħassib li d-dikjarazzjonjiet ta' interess tal-membri tal-bord amministrattiv tagħha mhumiex ippubblikati fuq is-sit web u l-Aġenzija ma pprovdiet l-ebda kontroll jew aġġornament tad-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord maniġerjali tagħha; iħeġġeġ lill-Aġenzija tirrimedja s-sitwazzjoni billi tippubblika tali dokumenti u tintroduċi verifiki, sabiex tiżgura s-sorveljanza u l-iskrutinju pubbliku meħtieġ tal-ġestjoni tagħha;

10.  Jikkonstata b'sodisfazzjon li l-bord amministrattiv tal-Aġenzija fl-2015 adotta strateġija għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi, li hija msejsa fuq il-metodoloġija u l-gwida għal strateġija kontra l-frodi mressqa mill-OLAF, kif ukoll fuq l-Istrateġija Kontra l-Frodi tad-DĠ Move tal-Kummissjoni;

11.  Jikkonstata bi tħassib li l-Aġenzija ma ħadet l-ebda inizjattiva speċifika sabiex iżżid it-trasparenza tagħha rigward il-kuntatti tagħha mal-partijiet interessati u mal-lobbisti; jistieden lill-Aġenzija tadotta politika proattiva ta' trasparenza fil-lobbying;

Awditu intern

12.  Jirrikonoxxi l-fatt li fl-2015, il-korpi ta' awditjar tal-Aġenzija ma ħarġu l-ebda rakkomandazzjoni jew osservazzjoni ta' awditu kritika li setgħet twassal għal riżerva fid-dikjarazzjoni annwali ta’ assigurazzjoni; jinnota b'sodisfazzjoni li r-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet kollha li ġejjin mill-awditi differenti mis-snin qabel l-2015, ingħalqu fil-31 ta' Diċembru 2015;

Kontroll intern

13.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija żviluppat u implimentat serje ta' miżuri interni biex tiżgura li l-attivitajiet tagħha jkunu soġġetti għal kontroll u pprovdiet assigurazzjoni raġonevoli għall-ġestjoni tal-kisbiet tal-objettivi tagħha; josserva li l-Aġenzija implimentat ġabra sħiħa ta' Standards ta' Kontroll Intern (ICS) li huma bbażati fuq standards ekwivalenti stabbiliti mill-Kummissjoni u minn rekwiżiti minimi li ġew adottati mill-bord amministrattiv tiegħu;

Prestazzjoni

14.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija kkooperat b'mod estensiv fuq livell operattiv, fil-qasam tal-monitoraġġ marittimu, is-sorveljanza u l-qsim tal-informazzjoni, ma' aġenziji tal-Unjoni u ma' korpi oħrajn (EFCA, Frontex, EU NAVFOR, MAOC-N), sabiex tikkapitalizza fuq l-għarfien espert attwali u s-servizzi f'modi ta' benefiċċju reċiproku; jikkonstata li minn Diċembru 2014, l-Aġenzija tospita l-Business Continuity Facility of the Fusion for Energy Joint Undertaking (F4E) f'Madrid; jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija kompliet tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) sabiex tkun tista' wkoll tuża ċ-ċentru ta' kontinwità kummerċjali tal-Aġenzija; jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija ħadmet mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) biex tiżviluppa kooperazzjoni u sinerġiji bejn iż-żewġ aġenziji bil-għan li żżid l-effiċjenza u l-kosteffikaċja minħabba l-prossimità ġeografika tal-aġenziji;

Kummenti oħra

15.  Jinnota bi tħassib li hemm żbilanċ sinifikanti bejn is-sessi ta' 20 % / 80 % fir-rigward tal-membri tal-bord amministrattiv u tal-membri sostituti; iħeġġeġ lill-Aġenzija tikkoreġi dan l-iżbilanċ u tikkomunika l-progress magħmul lill-Parlament mill-aktar fis possibbli;

16.  Jenfasizza l-kontribut tal-Aġenzija għas-sigurtà marittima, il-prevenzjoni ta' tniġġis mill-bastimenti kif ukoll mill-istallazzjonijiet lil hinn mill-kosta għall-isfruttament tal-gass u taż-żejt fl-Ewropa, u l-assistenza li tat lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni skont id-dritt internazzjonali u tal-Unjoni; jilqa' u jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni min-naħa tal-Aġenzija ma' Aġenziji Ewropej oħra fir-rigward tal-kriżi tar-rifuġjati u jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-Aġenzija tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi, inkluż meta tittratta attivitajiet ta' importanza kritika li jmorru lil hinn mill-mandat tagħha, jiġifieri l-kontribut għall-kriżi tar-rifuġjati f'termini ta' għarfien speċjalizzat, appoġġ operattiv u persunal tal-Aġenzija;

17.  Jenfasizza li l-għarfien speċjalizzat u l-kapaċitajiet interni tal-Aġenzija jagħtuha l-opportunità li tespandi l-azzjoni u l-għoti ta' servizz tagħha fuq skala aktar globali, u b'hekk tikkontribwixxi biex iżżid l-ambitu tal-oqfsa regolatorji u l-istandards tas-sikurezza u dawk ambjentali tal-Unjoni;

o
o   o

18.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali