Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2171(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0118/2017

Testi mressqa :

A8-0118/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.47

Testi adottati :

P8_TA(2017)0178

Testi adottati
PDF 437kWORD 69k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF)
P8_TA(2017)0178A8-0118/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0057/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0118/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttriċi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttriċi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 168.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 168.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0057/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0118/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttriċi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 168.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 168.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0118/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ("il-Fondazzjoni") għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 20 153 042, somma li tirrappreżenta tnaqqis ta' 0,02 % meta mqabbla mal-2014; billi l-baġit kollu tal-Fondazzjoni huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2014 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Segwitu għall-kwittanza 2014

1.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, kumment magħmul fir-rapport 2013 tal-Qorti dwar fondi li jammontaw għal EUR 7,5 miljun depożitati f'bank wieħed bi klassifikazzjoni tal-kreditu baxxa u li l-azzjoni korrettiva għalih kienet immarkata bħala "Għadha għaddejja" fir-rapport 2014 tal-Qorti għadu mmarkat bħala kumment li l-azzjoni korrettiva għalih "Għadha għaddejja"; jirrikonoxxi, madankollu, li l-fondi miżmuma f'dak il-bank tnaqqsu għal EUR 1,8 miljun fl-2015; jinnota, barra minn hekk, li, minħabba kwistjonijiet bankarji speċifiċi, il-Fondazzjoni hija obbligata żżomm bank Taljan;

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ittieħdet azzjoni korrettiva fir-rigward ta' kumment fir-rapport 2014 tal-Qorti u issa hija mmarkata bħala "Ikkompletata";

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,89 %, rata li tindika li l-impenji saru f'waqthom, u f'rata għolja ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' 96,04 %;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li r-riporti kumplessivi tal-Fondazzjoni fit-Titoli I u II naqsu għal 3,3 % meta mqabbla ma' 6,4 % fl-2014; jinnota li r-riporti kienu jammontaw għal EUR 180 398 (1,4 %) għat-Titolu I (nefqa għall-persunal); jinnota, barra minn hekk, li r-riporti kienu jammontaw għal EUR 316 442 (16,1 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva), somma li tfisser tnaqqis konsiderevoli ta' 20,1 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; jinnota li r-riporti għat-Titolu III (nefqa operattiva) żdiedu b'4 % għal 36,4 %, prinċipalment minħabba żieda fl-attivitajiet ippjanati fit-tieni nofs tal-2015 u l-effetti ta' trasferiment ta' fondi għat-Titolu III f'Diċembru 2015, li sar sabiex jiġi massimizzat l-appoġġ tal-Fondazzjoni għall-attivitajiet operattivi;

5.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Fondazzjoni u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

6.  Jinnota li l-Fondazzjoni għamlet disa' trasferimenti baġitarji fl-2015, wieħed aktar mill-2014, filwaqt li kompliet tosserva r-rakkomandazzjonijiet li rċeviet mill-Qorti; jirrikonoxxi li ż-żieda fl-ammont ta' approprjazzjonijiet ta' pagament trasferiti hija marbuta mar-ristrutturar tal-baġit imwettaq fl-2015, u kienet meħtieġa biex ikunu jistgħu jitħallsu l-attivatijiet tas-sena preċedenti, li għalihom il-linji baġitarji ma tkomplewx; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2015 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji tal-Fondazzjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

7.  Jinnota li l-Fondazzjoni ma ġabritx jew ma ppubblikatx id-dikjarazzjonijiet ta' kunflitti ta' interessi tal-membri kollha tal-Bord tat-Tmexxija tagħha; jinnota li m'hemm l-ebda mekkaniżmu li jobbliga lill-membri jipprovdu tali dikjarazzjonijiet; jinnota li saħansitra wħud mid-dikjarazzjonijiet u s-CVs disponibbli fuq is-sit web tal-Fondazzjoni huma aċċessibbli biss b'password; jappella biex il-Fondazzjoni tadotta linji gwida stretti għal politika koerenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija u tadotta u timplimenta politika ċara dwar il-kunflitti ta' interess, f'konformità mal-Pjan Direzzjonali dwar is-segwitu għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE; jappella biex il-Fondazzjoni tippubblika tali dokumenti kollha kemm huma, f'konformità ma' dawk il-linji gwida, u tħalli l-pubbliku jkollu l-ħarsa ġenerali neċessarja dwar il-maniġment superjuri tagħha; jilqa' l-fatt li d-dikjarazzjonijiet kollha ta' kunflitti ta' interess tal-persunal rilevanti tal-Fondazzjoni nġabru;

8.  Jinnota li, skont il-Fondazzjoni, preżentazzjoni ta' sensibilizzazzjoni dwar il-frodi u l-kunflitti ta' interess għall-persunal kollu kienet ippjanata għal tmiem l-2016; jinnota, barra minn hekk, li l-membri tal-bord ta' selezzjoni jiffirmaw dikjarazzjoni ta' kunflitti ta' interess mal-wasla tal-lista ta' applikanti; jirrikonoxxi li l-membri kollha ġodda tal-persunal jattendu preżentazzjoni dwar l-etika u l-integrità, inklużi l-kunflitti ta' interessi u l-frodi;

Awditu intern

9.  Jinnota li, skont il-pjan ta' awditjar, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ma wettaqx awditu matul l-2015; jinnota li, fi tmiem l-2015, il-Fondazzjoni kellha rakkomandazzjoni waħda miftuħa tal-awditjar rigward "il-ħatra formali ta' bords ta' selezzjoni fil-proċeduri ta' akkwist"; jirrikonoxxi li l-IAS baxxa r-rakkomandazzjoni minn "importanti ħafna" għal "importanti" f'Settembru 2015, u li r-rakkomandazzjoni se tingħalaq formalment permezz ta' ttestjar fuq il-post mill-IAS matul iż-żjara li jmiss tiegħu lill-Fondazzjoni;

10.  Jinnota li l-Fondazzjoni kkummissjonat tliet awditi ex post permezz tal-kuntratti qafas interistituzzjonali tal-Kummissjoni għall-awditjar; jinnota, barra minn hekk, li r-riżultati tal-awditi kienu ġeneralment pożittivi, għalkemm l-awditu dwar il-prestazzjoni u s-sistema u l-awditu dwar "prattiki tal-ETF fit-tħaddim tal-Qafas tagħha għall-Ġestjoni tal-Prestazzjoni u l-Pjan tagħha għall-Pjan ta' Titjib" identifikaw punti fejn hemm lok għal titjib; jirrikonoxxi l-fatt li l-Fondazzjoni implimentat minnufih azzjonijiet sabiex ittaffi l-problemi identifikati;

Kummenti oħra

11.  Jirrikonoxxi u jilqa' l-kontribut kontinwu tal-Fondazzjoni għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u għat-tisħiħ tal-kapital uman tal-pajjiżi sħab, inkluż l-appoġġ mogħti lid-djalogu dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni u lis-Sħubijiet għall-Mobbiltà mal-pajjiżi tal-viċinat; jinnota l-inventarju tal-Fondazzjoni dwar il-miżuri ta' appoġġ lill-migranti mill-perspettiva tal-impjieg u l-ħiliet (MISMES) kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-ħiliet u l-migrazzjoni; jilqa' l-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni u l-pajjiżi sħab sabiex janalizzaw il-fenomenu tan-"NEETs" (Żgħażagħ Barra mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ);

12.  Jinnota li r-riorganizzazzjoni interna tal-Fondazzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015 u jittama li l-organizzazzjoni interna mibdula se tgħin lill-Fondazzjoni tikseb riżultati aħjar;

13.  Ifaħħar ir-rata għolja ta' kisba ta' 96 % tal-Fondazzjoni fir-rigward tal-mira stabbilita fil-programm ta' ħidma tagħha;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-konformità sħiħa tal-Fondazzjoni mar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE tal-2004;

15.  Jinnota l-isforzi li saru mill-Fondazzjoni biex tiżgura s-sigurtà tal-assi tagħha u jittama li dan il-proċess se jitlesta fil-futur qrib;

o
o   o

16.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali