Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2193(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0105/2017

Testi mressqa :

A8-0105/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.48

Testi adottati :

P8_TA(2017)0179

Testi adottati
PDF 457kWORD 57k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: L-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)
P8_TA(2017)0179A8-0105/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2193(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0079/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0105/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 173.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 173.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2193(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0079/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0105/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 173.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 173.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2193(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0105/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 67 559 100, li jirrappreżenta żieda ta' 13,77 % meta mqabbel mas-sena 2014; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija ġej mill-baġit tal-Unjoni,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

C.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġittjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas ta' EUR 2 000 000 għal servizzi fil-qasam tal-akkwist, li jinkludi servizzi ta' taħriġ, ta' coaching, u ta' tagħlim, minn kuntrattur u li l-kuntratt qafas ma speċifikax li s-servizzi ta' akkwist kellhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist fir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li l-kuntratt qafas inkwistjoni ngħata permezz ta' proċedura miftuħa skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija; jirrikonoxxi barra minn hekk, li filwaqt li ma kien hemm ebda dispożizzjoni espliċita li biha l-kuntrattur kien marbut ma' dawk ir-regoli finanzjarji, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien fihom rekwiżit obbligatorju li kellu jiġi propost l-irħas prezz fis-suq, kif ukoll li l-Aġenzija kellha d-dritt li timponi rieżami tal-prezz jekk jinstab prezz irħas;

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija nediet sejħa għal espressjonijiet ta' interess u ta' preselezzjoni ta' kandidati għall-parteċipazzjoni fi proċedura negozjata b'valur stmat ta' EUR 20 000 000 mingħajr delega mill-uffiċjal awtorizzanti; jinnota li ma saret ebda preselezzjoni, fit-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1) u r-regoli ta' applikazzjoni tiegħu, seħħew qabel it-tnedija tal-proċedura negozjata; jinnota, barra minn hekk, li s-sejħa għal espressjoni ta' interess intużat bħala mezz ta' studju tas-suq u mhux bħala proċedura tal-offerti; jifhem li l-istudju tas-suq tnieda mill-aġent ta' inizjattiva operattiva, taħt is-sorveljanza tas-superjur ġerarkiku tiegħu, bl-applikazzjoni ta' approċċ f'żewġ fażijiet bl-għajnuna ta' konsulent estern fl-aspetti tekniċi li jikkonsisti fi stħarriġ dokumentarju u sejħa għal espressjonijiet ta' interess;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' sorveljanza tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,68 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet għolja u ammontat għal 99,4 %;

4.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija introduċiet mudell ta' awtonomija baġitarja fl-2016 kif previst; jieħu nota tal-fatt li l-mudell ta' awtonomija baġitarja fformalizza u ddistribwixxa r-responsabbiltà baġitarja għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ fost il-maniġers fl-Aġenzija, fil-livell ta' Kap ta' Unità jew aktar 'il fuq;

5.  Ifakkar li skont ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2), il-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen kif ukoll skont il-miżuri relatati mal-Eurodac (Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen) dawn għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-baġit tal-Aġenzija; jinnota li għadhom ma ġewx konklużi l-arranġamenti mal-Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen biex jiddefinixxu regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-vot u l-kontribut tagħhom għall-baġit tal-Aġenzija; jinnota bi tħassib li, fl-assenza ta' tali arranġamenti, il-Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen jikkontribwixxu għat-Titolu III (nefqa operattiva) tal-Baġit tal-Aġenzija skont dispożizzjoni fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni ffirmati mal-Unjoni, imma dawn ma jikkontribwixxux għall-attivitajiet taħt it-Titoli I u II (salarji u nefqa amministrattiva oħra) tal-baġit tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li ttieħdu l-azzjonijiet legali possibbli kollha sabiex jinkisbu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen għall-baġit tal-Aġenzija; ifakkar li n-negozjati mal-Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen dwar il-kontribuzzjonijiet baġitarji jitmexxew mill-Kummissjoni aktar milli mill-Aġenzija;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

6.  Jinnota li, minbarra l-awditu tagħha tal-proċeduri tal-Aġenzija fil-qasam tal-akkwist, il-Qorti kkonkludiet li fl-2015 l-Aġenzija għamlet ftehimiet kuntrattwali jew negozjati ma' kuntrattur uniku, mingħajr ma ddefiniet bi preċiżjoni s-servizzi mitluba; jinsab ferm imħasseb minħabba li l-ftehimiet iffirmati fl-2015 kellhom riskju għoli li jaġixxu kontra l-prinċipju ta' ekonomija u li jagħmlu ħsara lill-kosteffiċjenza ta' dawn l-akkwisti u huma aktar esposti għar-riskju ta' korruzzjoni; josserva li dawn il-ftehimiet jistgħu wkoll ikomplu jillimitaw il-kompetizzjoni u jżidu d-dipendenza fuq il-kuntrattur; jirrikonoxxi li, b'mod partikolari fir-rigward ta' sistemi taħt ġestjoni, il-fatturi mhux taħt il-kontroll tal-Aġenzija jillimitaw il-possibbiltà biex sistematikament jerġgħu jinfetħu l-proċeduri ta' kompetizzjoni; jinkoraġġixxi l-Aġenzija tikkonkludi ftehimiet ma' aktar minn fornitur wieħed jew tiddefinixxi s-servizzi meħtieġa b'mod aktar preċiż, kull fejn ikun possibbli; jistenna l-awditjar tal-Qorti tal-proċeduri ta' akkwist tal-Aġenzija għall-2016 u huwa fiduċjuż li l-Aġenzija tejbet il-proċeduri ta' akkwist osservati fl-2016;

7.  Jinnota li fl-2015 l-għadd totali tal-persunal tal-Aġenzija kien ta' 135 membru (117-il aġent temporanju, 12-il aġent kuntrattwali u 6 esperti nazzjonali sekondati); jinnota, barra minn hekk, li 33 % tal-persunal huma nisa u 67 % huma rġiel;

Impenji u riporti

8.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) riportati ammontaw għal EUR 9 000 000 (50 % tal-approprjazzjonijiet impenjati), meta mqabbel mal-EUR 15 000 000 (87 %) fl-2014; jinnota, barra minn hekk, li dawn ir-riporti kienu prinċipalment marbuta ma' kuntratt importanti għall-estensjoni tal-bini tal-Aġenzija fi Strasburgu u għas-servizzi pprovduti taħt kuntratti pluriennali; jirrikonoxxi li l-Aġenzija wettqet sforz konsiderevoli fl-ippjanar u l-koordinazzjoni biex tivverifika li l-argumenti kollha għall-vijabbiltà tar-riporti ta' approprijazzjonijiet mhux differenzjati kienu tabilħaqq ġustifikati;

9.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi ta' aġenzija,  li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u  li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

Kontrolli interni

10.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tal-Istandards ta' Kontroll Intern (ICS), li ppermettew progress sinifikanti lejn l-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti bażi fl-iskadenza relattivament qasira minn meta l-Aġenzija ngħatat awtonomija finanzjarja f'Mejju 2013; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-ICS għadha ma tikkorrispondix kompletament mar-rekwiżiti bażi, kif ukoll għall-fatt li erba' ICS għad iridu jiġu implimentati, sitta kienu meqjusa prattikament implimentati, u sitta implimentati b'mod sħiħ;

11.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ 14-il rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ICS li minnhom ħamsa kienu kklassifikati bħala "Importanti Ħafna" u disgħa bħala "Importanti"; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS ma identifika l-ebda kwistjoni kritika;

12.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija kisbet il-kopertura ta' assigurazzjoni meħtieġa għall-assi tanġibbli fissi, kif mitlub mill-awtorità ta' kwittanza u mill-Qorti fl-2014;

13.  Jiddispjaċih li żewġ każijiet ta' ksur tad-data ġew irrappurtati fl-2015 b'rabta mal-proċess amministrattiv intern tal-Aġenzija; jilqa' t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà tad-data fl-Aġenzija permezz ta' sessjonijiet addizzjonali ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ għall-persunal u bil-produzzjoni ta' proċeduri u politika dwar il-ksur tad-data, il-pjan ta' azzjoni u l-programm ta' ħidma;

Awditu intern

14.  Jinnota li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) wettqet awditu fuq l-effikaċja tas-sistema ta' kontroll intern fir-rigward tal-ġestjoni tal-kuntratti fl-Aġenzija; jieħu nota tal-fatt li l-IAC ma identifikat l-ebda kwistjoni kritika; jinnota, barra minn hekk, li l-IAC ħarġet ħames rakkomandazzjonijiet rigward id-definizzjoni u l-organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-kuntratti, kif ukoll rigward il-governanza tal-kuntratti;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

15.  Jinnota li l-Aġenzija mistennija tikkonkludi r-regoli interni tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta matul l-2017; jistieden lill-Aġenzija tadotta politika interna tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li trawwem kultura ta' trasparenza u responsabbiltà fuq il-post tax-xogħol, biex tinforma u tħarreġ lill-impjegati b'mod regolari dwar id-dmirijiet u d-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ dik il-politika, biex tiżgura l-protezzjoni tal-informaturi minn ritaljazzjoni, biex issegwi s-sustanza tat-twissijiet tal-informaturi mingħajr dewmien żejjed u biex tistabbilixxi mezz għal rappurtar intern anonimu; jistieden lill-Aġenzija tippubblika rapporti annwali dwar l-għadd ta' każijiet ta' informaturi u l-mod kif ġew segwiti u biex tgħaddi dawk r-rapporti annwali lill-awtorità ta' kwittanza; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza meta r-regoli tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jkunu ġew stabbiliti u implimentati;

16.  Jinnota bi tħassib li s-CVs tal-membri tal-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija u s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Gruppi Konsultattivi tagħha mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jiddispjaċih li l-Aġenzija ma għamlet ebda kontroll tal-korrettezza fattwali tad-dikjarazzjonijiet ta' interess u lanqas ma pprovdiet proċess biex dawn ikunu aġġornati; iħeġġeġ lill-Aġenzija tadotta linji gwida għal politika koerenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u biex tadotta u timplimenta politika ċara dwar il-kunflitti ta' interess, f’konformita’ mal-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għal Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u biex tippubblika dawk il-politiki sabiex tiżgura s-sorveljanza pubblika meħtieġa u l-iskrutinju tat-tmexxija tagħha;

17.  Jinnota li l-ewwel rapport annwali ta' sorveljanza dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija ħareġ f'April 2016 u li dan wera livell ta' implimentazzjoni qrib is-60 %. jinnota li r-rapport ta' sorveljanza li jmiss għandu joħroġ f'Marzu 2017; jappella lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati ta' dak ir-rapport; jinnota li l-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija adotta l-istrateġija ta' kontra l-frodi u pjan ta' azzjoni tal-Aġenzija f'Novembru 2015; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija għandha l-għan li tadotta r-regoli l-ġodda li jirriżultaw mill-pjan ta' azzjoni lejn tmiem l-2017, u li tibda timplimentahom immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom;

Komunikazzjoni u kooperazzjoni ma' aġenziji oħra

18.  Jinnota b'sodisfazzjon li 12-il attività ewlenija ta' sensibilizzazzjoni u ta' viżibbiltà twettqu mill-Aġenzija fl-2015; jinnota li dawn inkludew il-konferenza annwali, żewġ laqgħat ta' diskussjoni mal-industrija, iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Ewropa, l-attivitajiet għall-gwardjani tal-fruntieri waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Ewropa, tliet sessjonijiet ta' informazzjoni mal-partijiet interessati u l-multiplikaturi tal-informazzjoni, film dwar il-kooperazzjoni tal-Aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini, u kampanja ta' tagħrif dwar il-proġett pilota Fruntieri Intelliġenti, li wasslu għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' materjal ta' informazzjoni f'diversi verżjonijiet lingwistiċi, kif ukoll biex tissaħħaħ il-viżibbiltà u l-kopertura mill-midja;

Kummenti oħra

19.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija kkonkludiet in-negozjati u ffirmat il-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali ma' Franza għas-sit operattiv tagħha fi Strasburgu; jinnota li l-ftehim għad irid jiġi ratifikat mill-parlament Franċiż;

20.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija, fi tmiem l-2014, ikkonkludiet in-negozjati u ffirmat ftehim dwar il-kwartieri ġenerali mal-Estonja għas-sede tagħha f'Tallinn; jinnota li l-parlament Estonjan irratifika l-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija fit-18 ta' Frar 2015;

21.  Jieħu nota tal-fatt li, fid-dawl tar-riformi tas-sistema ta' Dublin u kif previst fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni inizjali tal-impatt possibbli tar-riforma fuq il-ġestjoni tas-sistema Eurodac; jirrikonoxxi li r-riżultati tal-valutazzjoni ngħataw lill-Kummissjoni u li ġew inkorporati fil-proposta għal riforma tas-sistema ta' Dublin;

22.  Jinnota bi tħassib l-iżbilanċ sinifikanti bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tikkoreġi dan l-iżbilanċ u tikkomunika r-riżultati lill-Parlament immedjatament;

23.  Jieħu nota tal-fatt li l-ispazju disponibbli għall-uffiċċji tal-Aġenzija hu kompletament okkupat, u dan konsegwentement imminimizza l-ispiża unitarja għal kull stazzjon tax-xogħol; jistenna, madankollu, li r-rekwiżiti legali għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-impjegati kollha jiġu kompletament rispettati;

24.  Jieħu nota tal-fatt li fl-2015 is-97 membru tal-persunal tal-Aġenzija pparteċipaw f'away days li ġew jiswew EUR 9 227 (EUR 95,13 għal kull persuna), kif ukoll il-fatt li 448 membru tal-persunal ipparteċipaw f'"avvenimenti oħra" li ġew jiswew EUR 29 807,65 (EUR 66,54 għal kull persuna);

25.  Jilqa' l-adozzjoni mill-bord ta' tmexxija, f'Marzu 2015, ta' ġabra ta' indikaturi tal-prestazzjoni għall-ħidma tal-Aġenzija; huwa tal-opinjoni li dawn l-indikaturi għandhom jirriflettu aħjar l-effetti u l-impatt tal-azzjonijiet tagħha fuq is-sigurtà, il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u d-drittijiet fundamentali; jinsab ħerqan li jara r-riżultati tal-implimentazzjoni ta' dawn l-indikaturi għas-sena 2016; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb il-viżibbiltà tal-ħidma tagħha permezz ta' pjattaformi fuq l-internet;

26.  Jilqa' l-isforzi biex is-sistemi tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni jinżammu allinjati mal-prijoritajiet politiċi li qed jevolvu u avvenimenti mhux previsti matul is-sena; jirrikonoxxi l-importanza dejjem ikbar tal-Aġenzija għall-funzjonament taż-żona Schengen; jitlob lill-Aġenzija tissorvelja mill-qrib ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha u, jekk ikun meħtieġ, tressaq talbiet fil-ħin u ġġustifikati għal aġġustamenti;

o
o   o

27.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji

(1) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).
(3) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali