Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2184(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0107/2017

Testi mressqa :

A8-0107/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.53

Testi adottati :

P8_TA(2017)0184

Testi adottati
PDF 448kWORD 57k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)
P8_TA(2017)0184A8-0107/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2184(DEC))

Il-Parlament Ewropew

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0070/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0107/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 198.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 198.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2184(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0070/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0107/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 198.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 198.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2184(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0107/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija ("l-Uffiċċju") għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 94 926 894, li jirrappreżenta żieda ta' 12,55 % meta mqabbel mal-baġit għall-2014, billi ż-żieda kienet dovuta għal kompiti ġodda jew addizzjonali li jespandu l-mandat tiegħu,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, il-Parlment jisħaq fuq l-importanza speċjali li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Segwitu għall-kwittanza 2014

1.  Jinnota li n-nota dwar l-effikaċja tal-proċeduri ta' akkwist li saret fir-rapport tal-Qorti tal-2013 ġiet immarkata bħala "Ikkompletata" fir-rapport tal-Qorti tal-2015;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,80 %, li turi li l-impenji saru f'waqthom; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89 %, li tfisser żieda ta' 4 % meta mqabbla mal-2014;

Impenji u riporti

3.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kienu ta' EUR 42 000 000 (41 %) meta mqabbla ma' EUR 1 900 000 (27 %) fl-2014; jinnota li dawn ir-riporti fil-biċċa l-kbira kellhom x'jaqsmu ma' xogħlijiet ta' bini li għalihom ma kinux waslu fatturi jew li kienu għadhom għaddejjin sal-aħħar tal-2015; jirrikonoxxi li l-Uffiċċju se jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura implimentazzjoni baġitarja effiċjenti u konformi, speċjalment fir-rigward ta' riporti fir-rigward tan-nefqa amministrattiva; jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operazzattivi tal-aġenziji li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

4.  Jinnota li, fi tmiem l-2015, l-għadd totali ta' membri tal-persunal impjegat mill-Uffiċċju kien ta' 627, li jikkonsisti f'483 membru tal-persunal fit-tabella tal-persunal, 140 aġent kuntrattwali u 4 membri tal-persunal lokali; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd ta' membri tal-persunal mhux tal-Uffiċċju (l-esperti nazzjonali sekondati, l-uffiċjali ta' kollegament u l-persunal tal-uffiċċji ta' kollegament, it-trainees, u l-kuntratturi) kien ta' 386; jinnota li fl-2015 l-Uffiċċju impjega 86 membru tal-persunal ġdid (45 aġent temporanju u 41 aġent kuntrattwali), u li 62 membru tal-persunal telqu mill-organizzazzjoni (49 aġent temporanju u 13-il aġent kuntrattwali);

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

5.  Jinnota li s- CVs u d-dikjarazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' kunflitti ta' interess tad-direttur u tal-viċi diretturi tal-Uffiċċju kienu ppubblikati fis-sit web tiegħu minn Settembru 2015 'il quddiem; jinnota bi tħassib li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-bord ta' tmexxija tal-Uffiċċju ma ġewx ippubblikati fis-sit web tiegħu; jinnota li r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1) (ir-Regolament il-ġdid tal-Europol) huwa mistenni li jibda japplika mill-1 ta' Mejju 2017; jinnota li ladarba jibda japplika r-Regolament il-ġdid tal-Europol, il-bord ta' tmexxija tal-Uffiċċju se jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, inkluż b'rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom; jitlob li l-Uffiċċju jippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-bord ta' tmexxija tal-Uffiċċju fis-sit web tiegħu u jagħti lill-pubbliku kwalunkwe informazzjoni ġenerali meħtieġa dwar il-maniġment superjuri tiegħu, u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tar-regoli tiegħu dwar il-kunflitti ta' interess;

6.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju japplika qafas regolatorju strett fir-rigward tal-verifika tal-korrettezza fattwali tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi magħmula mill-esperti, mill-membri tal-bord ta' tmexxija u mill-membri tal-persunal, f'konformità man-natura partikolari u r-rwol tal-Uffiċċju, u li jikkoopera mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) meta jkun meħtieġ;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon li, sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess, tiġi attivata riċerka "open source" skont il-każ fl-oqsma ewlenin rilevanti (reklutaġġ, akkwist u membri tal-persunal li jitilqu mill-organizzazzjoni) u li, għall-kompetizzjonijiet taħt il-kuntratti qafas eżistenti tal-ICT (konsulenza) u għall-proċeduri negozjati skont l-Artikolu 134 tar-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju(2), id-dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess tal-membri tal-persunal involuti jiġu sistematikament iċċekkjati rigward rabtiet possibbli mal-kumpaniji involuti fil-kompetizzjonijiet, u verifiki addizzjonali jitwettqu skont il-każ;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju daħħal fis-seħħ arranġamenti addizzjonali rigward l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fi tmiem l-2016;

9.  Josserva li l-Uffiċċju bħalissa japplika l-istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi; jinnota li r-rekwiżit legali tal-Uffiċċju li jistabbilixxi l-istrateġija tiegħu stess kontra l-frodi se jkollu effett ladarba jibda japplika r-Regolament il-ġdid tal-Europol f'Mejju 2017; jinnota wkoll li l-Uffiċċju biħsiebu jippreżenta abbozz ta' strateġija lill-bord ta' tmexxija tiegħu sabiex jiżgura li din l-istrateġija tiġi adottata qabel jidħol fis-seħħ ir-Regolament il-ġdid tal-Europol; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi relatati mal-istrateġija tiegħu kontra l-frodi;

Kontrolli interni

10.  Jinnota li matul l-2015 l-attivitajiet ta' ġestjoni tar-riskji fl-Uffiċċju ffukaw fuq l-indirizzar kemm tar-riskji interni kif ukoll fuq l-oqsma ta' titjib identifikati mill-Qorti, mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS), mill-Uffiċċju tal-Awditjar Intern u mill-Ombudsman; jinnota, barra minn hekk, li l-attivitajiet ta' ġestjoni tar-riskji inkludew ukoll il-monitoraġġ tar-riskji li jaffettwaw l-objettivi ċentrali tal-operat stabbiliti għall-Programm ta' Ħidma għall-2015; jinnota li, sa tmiem l-2015, ir-reġistru tar-riskji korporattiv tal-Uffiċċju kien fih 12-il riskju korporattiv b'19-il azzjoni ta' mitigazzjoni korrispondenti, li minnhom 84 % ġew implimentati jew indirizzati fl-2015;

Awditu intern

11.  Jinnota li 75 % tar-rakkomandazzjonijiet kollha pendenti mill-awditjar tal-Qorti, l-IAS, l-Awtorità ta' Kontroll Komuni tal-Europol, l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni, u l-Uffiċċju tal-Awditjar Intern, li ġew issottolineati bħala ta' importanza kritika jew importanti ħafna, ġew indirizzati fl-2015; jitlob lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet pendenti jew ir-raġunijiet għaliex ikun iddeċieda li ma jindirizzahomx;

12.  Jinnota li, fl-2015, l-IAS wettaq awditu dwar il-ġestjoni tal-partijiet interessati; jinnota, barra minn hekk, li dan ħareġ erba' rakkomandazzjonijiet, li minnhom l-ebda waħda ma ġiet issottolineata bħala ta' importanza kritika jew importanti ħafna;

Kummenti oħra

13.  Josserva li l-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands, fejn hemm il-kwartieri ġenerali tal-Uffiċċju, ivvalutaw it-theddida attwali bħala waħda sostanzjali (livell 4 minn 5); jinnota li l-Uffiċċju jinsab f'kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands bil-ħsieb li jivvaluta kontinwament l-implikazzjonijiet relatati għall-Uffiċċju, inklużi l-miżuri ta' sigurtà tas-sitwazzjoni kif ukoll l-aġġustament ta' arranġamenti għall-kontinwità tal-operat;

14.  Jinnota li l-kapaċitajiet jevolvu tal-Uffiċċju, b'mod partikolari ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità u, mill-2016 'il hawn, iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, għollew il-profil tiegħu rigward it-theddidiet ċibernetiċi; jinnota, barra minn hekk, li l-Uffiċċju għandu implimentata sistema għall-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni, li tiġi adattata fuq bażi kontinwa, f'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti u mal-eżempji tal-aħjar prattika mill-industrija;

15.  Jinnota li fl-2016 l-Uffiċċju aġġorna l-istruttura tan-netwerk tal-ICT tiegħu bil-ħsieb li jsaħħaħ il-protezzjoni tad-data relatata mal-attivitajiet ewlenin tiegħu u s-sistemi relatati, inklużi l-kapaċitajiet ta' skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri u ma' partijiet terzi; jinnota li, barra minn hekk, bħala parti minn dawk il-miżuri, in-netwerk li jospita s-sistemi u d-data relatata mal-attivitajiet ewlenin tiegħu ġie kklassifikat fil-livell CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-qafas legali l-ġdid tal-Uffiċċju, li se jsir applikabbli f'Mejju 2017, jipprevedi miżuri addizzjonali f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' informazzjoni speċifika lill-Parlament dwar il-ħidma tal-Uffiċċju, inklużi kwistjonijiet operazzjonali sensittivi;

17.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju għandu arranġamenti u ftehimiet estensivi dwar il-kondiviżjoni ta' servizzi u ta' kapaċitajiet, inklużi proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti mal-Istat Ospitanti tiegħu, diversi ftehimiet operazzjonali u strateġiċi ma' aġenziji oħra varji, ftehim ta' għotja mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, u kooperazzjoni mill-qrib mal-Frontex dwar l-approċċ tal-hotspots;

18.  Jinnota li l-Uffiċċju għandu 16-il karozza tas-servizz, inkluża vettura speċjalizzata għall-attività operazzjonali tiegħu li ġiet tiswa EUR 73 000 (EUR 37 000 għax-xogħol ta' manutenzjoni, EUR 16 000 għall-assigurazzjoni/permessi u EUR 20 000 għall-fjuwil);

19.  Jinnota bi tħassib il-fatt li l-Uffiċċju juża l-bażi tad-data privata kontroversjali WorldCheck, li spiss tikkollega lil individwi u organizzazzjonijiet mat-terroriżmu abbażi ta' riżorsi pubbliċi biss, mingħajr ebda investigazzjoni xierqa, trasparenza jew mezz effikaċi ta' rimedju; jistieden lill-Uffiċċju jispjega lill-Kumitat tal-Parlament għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern il-mod kif juża din il-bażi tad-data privata fil-ħidma teigħu, sabiex jivvaluta r-rilevanza tal-użu ta' fondi pubbliċi għall-akkwist ta' liċenzji għal WorldCheck;

20.  Jilqa' l-fatt li l-Uffiċċju b'mod effikaċi u effiċjenti qed jipprovdi l-prodotti u s-servizzi mistennija mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u s-sħab ta' kooperazzjoni; jirrikonoxxi li 'l fuq minn 732 000 messaġġ operazzjonali ġew ipproċessati permezz tal-Applikazzjoni ta' Netwerk għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (SIENA) u li kważi 40 000 każ konness inbdew, li s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Europol (EIS) ipproċessat 'il fuq minn 633 000 riċerka, u li l-Uffiċċju appoġġja 812-il operazzjoni, ipproduċa aktar minn 4 000 rapport operazzjonali u kkoordina 98 azzjoni konġunta;

21.  Jenfasizza l-fatt li, bi tweġiba għall-attakki terroristiċi u l-kriżi tal-migrazzjoni u fid-dawl tal-Aġenda tal-Kummissjoni fil-qasam tas-Sigurtà u l-Migrazzjoni, il-mandat u l-persunal tal-Uffiċċju ssaħħu u l-baġit tagħha kiber; jilqa' s-suċċess tal-isforzi tal-Uffiċċju fit-twaqqif tal-Unità tal-UE ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet, iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti (EMSC) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC); iħeġġeġ lill-Uffiċċju jiffoka fuq l-iżvilupp ta' dawn it-tliet strumenti l-ġodda;

22.  Iħeġġeġ lill-Uffiċċju jissemplifika l-proċessi rigward il-Fajls ta' Ħidma Analitika u l-istabbiliment tas-Sistema ta' Analiżi ġdida tal-Europol, kif ukoll jiddedika r-riżorsi meħtieġa biex jiżgura livell għoli ta' sigurtà tad-data, privatezza u protezzjoni tad-data;

23.  Iħeġġeġ lill-Uffiċċju jkompli jtejjeb il-qsim tal-informazzjoni fost is-sħab tiegħu, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-forzi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u mal-Eurojust għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza, inkluż il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop; jistieden lill-Uffiċċju jagħti aktar attenzjoni lill-preżentazzjoni ta' ħidmietu permezz ta' pjattaformi fuq l-internet;

o
o   o

24.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(2) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad- 29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(3) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali