Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2099(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0121/2017

Testi mressqa :

A8-0121/2017

Dibattiti :

PV 27/04/2017 - 3
CRE 27/04/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.67

Testi adottati :

P8_TA(2017)0198

Testi adottati
PDF 413kWORD 64k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Rapport Annwali dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment
P8_TA(2017)0198A8-0121/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (2016/2099(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività tal-2015 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju tal-2015 u r-Rapport Statistiku tal-2015 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni tal-Funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ta' Settembru 2016 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Korporattiv tal-Operat 2016-2018 ippubblikat fuq is-sit web tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sostenibbiltà tal-2015 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Mandat ta' Self Estern (ELM) 2014-2020 mogħti mill-Kummissjoni għal operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment barra l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 dwar "Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva" (COM(2016)0024),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll lintroduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 intitolata "Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra l-"Politika tal-BEI favur ġurisdizzjonijiet irregolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi" tal-15 ta' Diċembru 2010 u l-addendum għall-"Politika NCJ" tat-8 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra l-kunsens tiegħu tar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Unjoni Ewropea tal-4 ta' Ottubru 2016(3),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti fl-14 ta' Settembru 2016 waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu,

–  wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mill-Ombudsman Ewropew tal-BEI fit-22 ta' Frar 2016 u t-22 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0121/2017),

A.  billi l-BEI huwa meqjus bħala d-"driegħ finanzjarju tal-UE" u l-istituzzjoni ewlenija għas-sostenn tal-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, filwaqt li għandu wkoll rwol importanti barra l-UE permezz tal-attivitajiet ta' self estern tiegħu; billi l-BEI qed ikompli jsaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea u r-rwol tiegħu wera li huwa saħansitra aktar essenzjali sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2008;

B.  billi jenħtieġ tiġi żviluppata akkontabbiltà parlamentari komprensiva u xierqa tal-BEI;

C.  billi l-BEI żamm profitabbiltà soda fl-2015, b'bilanċ favorevoli annwali nett ta' EUR 2,8 biljun;

D.  billi l-BEI jrid iżomm pożizzjoni ta' kreditu b'saħħitha u jrid jibqa' selettiv fl-operazzjonijiet tiegħu, filwaqt li jitqiesu mhux biss il-volumi u r-redditi tal-investiment tiegħu iżda anke l-impatti soċjali u ekonomiċi f'setturi u reġjuni differenti u l-kontribuzzjonijiet tal-investimenti tiegħu għall-benessri soċjali usa';

E.  billi l-BEI jenħtieġ ikompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jespandi l-attivitajiet ta' self tiegħu b'mod effikaċi, speċjalment f'reġjuni b'livell baxx ta' kapaċità ta' investiment, filwaqt li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi li jiffaċċjaw l-applikanti;

F.  billi l-BEI, bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), jenħtieġ ikompli jfittex portafoll tal-assi ta' kwalità għolja u l-kisba ta' riżultati finanzjarji solidi b'benefiċċji ekonomiċi fuq terminu twil li jiġġeneraw impjiegi ta' kwalità bħala l-prijoritajiet ewlenin tiegħu;

G.  billi l-BEI jenħtieġ, permezz tal-istrumenti disponibbli kollha tiegħu, jgħin biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi reġjonali billi jagħti pariri dwar l-iżvilupp ta' proġetti privati ġodda u billi jiġu ffinanzjati proġetti ta' investiment sodi u prudenti mingħajr ma jinterferixxi ma' jew jissostitwixxi programmi li diġà jeżistu u li għandhom l-istess għan u dawk il-proġetti li għandhom dimensjoni b'saħħitha ta' governanza ambjentali, soċjali u korporattiva (ESG); billi, b'mod partikolari, il-BEI jenħtieġ ifassal modi addizzjonali biex isostni l-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżi li kellhom japplikaw programm ta' stabbilizzazzjoni;

H.  billi l-investimenti tal-BEI fi proġetti sodi jistgħu jgħinu biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jipprovdu liż-żgħażagħ bil-ħiliet meħtieġa u billi jipprovdu aċċess għal fondi marbuta wkoll mal-impjieg taż-żgħażagħ;

I.  billi trid tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-kriterji ESG u lit-tibdil fil-klima b'mod partikolari fil-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti kollha; billi l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija vitali għall-iżvilupp sħiħ u s-suċċess li jibqa' fit-tul tal-Unjoni;

J.  billi, b'aktar minn triljun euro investiti fis-settur tat-trasport bis-saħħa tal-appoġġ tal-BEI sa mit-twaqqif tiegħu fl-1958, dan huwa s-settur li fih il-BEI kien l-aktar attiv;

K.  billi t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport huwa sfida ewlenija, u jekk l-UE trid tilħaq il-miri tal-klima tagħha fit-tul hemm bżonn ta' tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet NOx, CO2 u emissjonijiet rilevanti oħrajn mit-trasport; billi l-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja huma problemi kbar fl-iżvilupp ta' kull tip ta' mobbiltà u fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

L.  billi fl-2015 il-BEI investa EUR 14-il biljun fi proġetti tat-trasport li se jibbenefikaw minnhom 338 miljun passiġġier kull sena u se jiġu ffrankati 65 miljun siegħa ta' vjaġġar kull sena;

Investiment fl-UE

1.  Jenfasizza li l-kriżi attwali dgħajfet b'mod sinifikanti t-tkabbir tal-ekonomija Ewropea u li wieħed mill-fatturi prinċipali huwa t-tnaqqis fl-investiment fl-UE; jenfasizza li t-tnaqqis fl-investiment pubbliku u privat laħaq livelli allarmanti fil-pajjiżi l-aktar affettwati mill-kriżi, kif evidenzjat mis-sejba tal-Eurostat li l-Formazzjoni Grossa tal-Kapital Fiss (GFCF) naqset b'65 % fil-Greċja u b'35 % fil-Portugall bejn l-2007 u l-2015; jesprimi tħassib dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi u r-rati tal-qgħad li għadhom għoljin f'xi Stati Membri;

2.  Jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE, aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi jiddependu, fost l-oħrajn, minn żieda fl-investiment, speċjalment fir-riċerka, l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà enerġetika, l-ekonomija ċirkolari, u b'appoġġ għal negozji ġodda u SMEs eżistenti;

3.  Jinnota l-ħtieġa urġenti li l-BEI jipparteċipa fit-tnaqqis tad-diskrepanza fl-investiment abbażi ta' kriterji ekonomiċi sodi; jistieden lill-BEI jiffoka l-isforzi tiegħu fuq investimenti aktar effikaċi u effiċjenti fl-enerġija, kif ukoll fuq li jattira u jippermetti investiment privat; jitlob lill-BEI jevita proġetti infrastrutturali fuq skala kbira li jista' jkollhom impatt ambjentali serju u li jonqsu milli juru l-valur miżjud reali għall-ekonomija u l-popolazzjoni lokali; jistieden lill-BEI jssaħħaħ l-assistenza teknika tiegħu sabiex jindirizza l-kapaċità baxxa tal-ġenerazzjoni ta' proġetti u jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati;

4.  Jinnota l-istabbiltà tas-self tal-BEI ffirmat fl-2015 (EUR 77,5 biljun, wara EUR 77 biljun fl-2014); jirrimarka li, filwaqt li ċ-ċifra hi konformi mal-mira mħabbra fil-Pjan Operattiv tal-BEI għall-2015-2017, il-kuntest attwali għandu jinkoraġġixxi lill-bank jadotta objettivi aktar ambizzjużi u jżid is-self iffirmat mill-BEI; ifakkar li l-BEI jenħtieġ ikollu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-istrument Orizzont 2020;

5.  Jikkunsidra li l-BEI, bħala "l-bank tal-UE" inkorporat u rregolat mit-Trattati u l-Protokoll anness rilevanti, jeħtieġlu juri li jistħoqqlu dan l-istatus partikolari, li jinvolvi drittijiet u responsabbiltajiet partikolari; josserva li l-bank jiżvolġi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta' għadd dejjem ikbar ta' strumenti finanzjarji li jiddependu fuq il-fondi baġitarji tal-UE;

6.  Jieħu nota tal-aħbar pożittiva li l-BEI kien kapaċi jonora l-impenn li ħa mal-azzjonisti tiegħu ta' mill-inqas 180 biljun f'investiment globali;

7.  Jirrimarka li żieda ġdida fil-kapital tal-BEI, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-kapaċità ta' finanzjament tal-bank għall-futur, jistħoqqilha titqies serjament, filwaqt li jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti u responsabbli tar-riżorsi;

8.  Huwa tal-fehma li żieda fl-attività ta' self tal-BEI tista' tinkiseb permezz ta' sinerġiji aħjar ma' fondi pubbliċi, li min-naħa tagħhom jagħtu spinta lill-investiment pubbliku u privat; jenfasizza li din iż-żieda jenħtieġ tkun akkumpanjata minn diversifikazzjoni korrispondenti tal-firxa tal-prodott tal-BEI, inkluż użu ikbar u prudenti mil-lat fiskali tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs), filwaqt li jinżammu l-benefiċċji pubbliċi u privati f'bilanċ, u bi strumenti oħra innovattivi biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali u s-suq; jenfasizza li tali azzjoni jenħtieġ tittieħed filwaqt li jirrikonoxxi wkoll li prodotti ġodda spiss jeħtieġu aktar għodod ta' governanza biex tiġi żgurata l-adegwatezza tagħhom u li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-allokazzjoni strateġika tal-finanzjament u l-promozzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE;

9.  Jinnota l-fatt li fl-2015 il-BEI pprovda EUR 1,35 biljun għall-investiment fi proġetti madwar il-Greċja; jinnota li l-BEI pprovda aktar minn EUR 12-il biljun għall-investiment fil-Greċja mill-bidu tal-kriżi fl-2008;

10.  Jilqa' l-fatt li l-BEI wieġeb għall-kriżi billi espanda l-attivitajiet tiegħu b'mod sinifikanti, inkluż fil-pajjiżi l-aktar milquta; jistieden lill-BEI jappoġġja aktar pajjiżi tal-UE bi programmi ta' aġġustament sabiex jikkontribwixxu għall-spinta lill-irkupru ekonomiku tagħhom u biex jiffavorixxu t-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija sostenibbli filwaqt li jiżgura li jibqgħu jaderixxu mal-kriterji tal-BEI għal investimenti sodi; jenfasizza li dan l-appoġġ għandu jingħata kemm fil-forma ta' appoġġ finanzjarju u għall-bini tal-kapaċità sabiex jgħin lill-proġetti jkunu lesti għall-investiment; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp reġjonali u jitlob li jkun hemm djalogu u kooperazzjoni msaħħa mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' sejħiet lill-BEI biex jikkatalizza u jiffaċilita t-tixrid tal-aħjar prattika fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari permezz tal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali rilevanti li jikkostitwixxu għodda maġġuri għal rispons ikkoordinat mill-UE għal-livell baxx ta' investiment;

12.  Jistenna li l-BEI jkompli jaħdem mal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet sistemiċi li jimpedixxu lil ċerti reġjuni jew pajjiżi milli jieħdu vantaġġ sħiħ tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI;

13.  Jinnota li l-BEI juża firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji, bħal self, garanziji, bonds tal-proġetti u PPPs, li jappoġġjaw l-investiment pubbliku u privat fil-qasam tat-trasport; jenfasizza li huwa importanti li jiġu kkoordinati tipi varji ta' finanzjament tal-UE sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE dwar it-trasport fl-UE kollha, filwaqt li jiġi kkunsidrat li mhux il-proġetti kollha huma xierqa għall-finanzjament mit-tipi PPP ta' strument;

14.  Jenfasizza li l-BEI għandu jagħti prijorità lil proġetti bbażati fuq l-innovazzjoni li joffru valur miżjud Ewropew ċar; jinnota li huwa importanti li jiġu ffinanzjati proġetti li jimmassimizzaw l-impatt f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi; jistieden lill-BEI jżid il-valutazzjoni tal-proġetti, b'attenzjoni partikolari għan-numru u l-kwalità tal-impjiegi diretti u indiretti maħluqa; jistieden lill-BEI jaġixxi b'mod konformi mas-suq b'tali mod li joħloq kundizzjonijiet ugwali għall-investituri l-oħra;

15.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforz tagħha biex tirrevedi r-Regolament Finanzjarju attwali; jappoġġja, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-regolament li jikkonċernaw l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi bħal bonds ta' proġetti, sakemm ma jinvolvux is-soċjalizzazzjoni tat-telf u l-privatizzazzjoni tal-qligħ;

16.  Jistieden lill-BEI jippreżenta valutazzjoni komprensiva tal-impatt potenzjali li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li toħroġ mill-UE jista' jkollha fuq il-qagħda finanzjarja u l-attivitajiet finanzjarji tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li l-BEI jqis id-deċiżjoni tar-Renju Unit li toħroġ mill-UE meta jkun dieħel f'impenji fit-tul; jistieden lill-BEI jżomm djalogu mal-Gvern tar-Renju Unit sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza tant meħtieġa għal proġetti bbażati fir-Renju Unit li attwalment qed jirċievu finanzjament mill-BEI jew li qegħdin fil-proċess li japplikaw; jistieden lill-BEI jinvestiga u jiddeskrivi d-diversi relazzjonijiet li l-BEI jista' jkollu mar-Renju Unit wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li toħroġ mill-UE;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Grupp BEI biex jaderixxi b'mod sħiħ mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrutturi aggressivi ta' evitar tat-taxxa u jenfasizza li, b'segwitu għas-salvagwardji tal-BEI stess, l-użu ta' fondi pubbliċi ġestiti mill-BEI skont il-mandat huwa wkoll soġġett għal kontroll mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, itemm il-kooperazzjoni mal-intermedjarji, il-pajjiżi u l-ġurisdizzjonijiet li huma fuq il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi; jinnota li l-proġetti kollha ffinanzjati mill-BEI, inklużi dawk iffinanzjati permezz tal-intermedjarji finanzjarji, huma ppubblikati fuq is-sit web tal-BEI; jissuġġerixxi li l-BEI jtejjeb il-kapaċitajiet ta' riċerka u ta' analiżi settorjali tiegħu;

18.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi għandhom jibqgħu prijorità importanti tal-BEI; jistieden lill-BEI japplika b'mod rapidu l-leġiżlazzjoni u l-istandards rilevanti tal-UE dwar l-evitar tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u kwistjonijiet relatati oħra, u li jitlob lill-klijenti tiegħu jikkonformaw ma' dawn ir-regoli kif xieraq; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' informazzjoni żvelata mill-BEI dwar is-sjieda benefiċjarja aħħarija, speċjalment meta l-finanzjament jiddependi fuq fondi tal-ekwità privata; iħeġġeġ lill-BEI jieħu miżuri proattivi u jwettaq aktar miżuri ta' diliġenza dovuta fejn jinstab li proġetti tal-BEI għandhom rabtiet ma' ġurisdizzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet fiskali;

19.  Jenfasizza li l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi hija mistennija sa tmiem l-2017; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, jirrieżamina u jsaħħaħ il-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u mhux kooperattivi (il-politika NCJ) kemm jista' jkun malajr ladarba l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi tkun stabbilita;

20.  Jistieden lill-BEI jkompli jtejjeb il-prattiki ta' trasparenza tiegħu fil-livelli kollha tal-istituzzjoni; iħeġġeġ lill-BEI jiżgura li kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji jinkludu data skont il-pajjiż; iħeġġeġ lill-BEI jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew u jappella għat-tisħiħ tal-indipendenza tal-mekkaniżmu għall-ilmenti tal-BEI;

21.  Jistieden lill-BEI jkompli jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu ma' intermedjarji finanzjarji sabiex ikunu jistgħu jinfurmaw lill-benefiċjarji dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-BEI għad-dispożizzjoni tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, il-mekkaniżmu li ġie stabbilit reċentement, li permezz tiegħu jeħtieġ li l-istituzzjonijiet mutwanti li jużaw il-fondi tal-BEI biex jiffinanzjaw proġett jibagħtu ittra lill-benefiċjarju li tistqarr b'mod espliċitu li qed isir użu minn finanzjament tal-BEI;

22.  Jemmen li t-trasparenza u l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar il-pjani u l-istrutturi ta' finanzjament huma essenzjali biex tiġi żgurata riżonanza għall-proġetti u aċċettazzjoni tal-proġetti miċ-ċittadini;

Appoġġ lill-SMEs

23.  Jappoġġja bil-qawwa l-enfasi li għamel il-BEI fuq il-finanzjament ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), fejn 37 % tas-self ġdid ingħata fl-2015 (EUR 28,4 biljun); jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-operazzjonijiet tal-BEI għenu biex jinħolqu u jinżammu 4,1 miljun impjieg fl-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja tal-Ewropa (+13 % meta mqabbel mal-2014); ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u jipprovdu 85 % tal-impjiegi ġodda kollha, u li l-appoġġ tagħhom irid jibqa' objettiv fundamentali tal-bank; jenfasizza li l-BEI huwa wieħed mill-istituzzjonijiet li jgħin biex titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament li jiffaċċjaw l-SMEs;

24.  Jilqa' r-rwol tal-BEI fl-iżvilupp tas-settur privat fil-livell lokali; jindika li l-appoġġ tal-BEI għall-mikrofinanzjament kellu suċċess partikolari, b'EUR 184 miljun f'mikrokrediti waħedhom isostnu 230 500 impjieg f'mikrointrapriżi, filwaqt li kważi EUR 3 biljun f'self lil SMEs u lil kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja rriżulta bħala ferm inqas effikaċi, u jsostni 531 880 impjieg biss; jindika li l-proporzjon ta' ingranaġġ tal-istrumenti ta' investiment mikrofinanzjarju kien konsiderevolment ogħla minn dak tal-fondi ta' ekwità privata; jindika li l-mikrokrediti għandhom perspettiva qawwija ta' ugwaljanza bejn is-sessi, u jiġġeneraw id-doppju tal-impjiegi għan-nisa milli jiġġeneraw għall-irġiel; jitlob lill-BEI jiddedika aktar riżorsi għall-mikrofinanzjament; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu dan is-suċċess permezz ta' żieda fil-proviżjonament baġitarju għall-mikrokrediti fil-mandat tal-UE għal self estern; jiddispjaċih li l-BEI ma appoġġja lill-ebda istituzzjoni mikrofinanzjarja barra r-reġjun AKP u jeżiġi li jingħata appoġġ mikrofinanzjarju simili lill-pajjiżi l-oħra kollha li qed jiżviluppaw fejn il-BEI huwa attiv;

25.  Jilqa' l-fatt li, f'dawn l-aħħar snin, il-BEI qiegħed aktar enfasi fuq l-appoġġ għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-finanzjament mill-BEI jista' jkun ippreġudikat favur intrapriżi ta' daqs ikbar billi jiffoka fuq l-għadd ta' impjiegi li jiġu sostnuti (li jinkludi l-impjiegi li kienu diġà jeżistu mingħajr ir-riskju ta' tkeċċijiet); jitlob li l-BEI jiffoka u jirrapporta mhux biss fuq l-impjiegi sostnuti, iżda anke fuq l-impjiegi li jinħolqu mill-attivitajiet ta' finanzjament tiegħu, u jimmira biex jikkonforma mal-istandards tal-ILO;

26.  Jistieden lill-BEI jirrikjedi li l-kumpaniji li jipparteċipaw fil-proġetti kofinanzjati mill-BEI josservaw il-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' pagi, impjiegi u okkupazzjoni; jappella lill-BEI biex, meta jkun qed jiddeċiedi dwar liema proġetti se jiffinanzja, iqis il-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva meħuda mill-kumpaniji kandidati;

27.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-proġetti tal-SMEs li jfittxu investimenti sostenibbli u fuq terminu twil u li jipprovdu impjiegi fil-qasam tal-innovazzjoni, l-R&D u l-effiċjenza enerġetika;

28.  Huwa tal-fehma li, meta wieħed iqis ir-rwol strateġiku ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-BEI jenħtieġ ifassal ukoll strateġija biex iżid il-finanzjament tiegħu f'pajjiżi b'ambjenti ekonomiċi u bankarji mhux favorevoli; jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lil intrapriżi żgħar kompetittivi u aġli li jeħtieġu finanzjament, mikrointrapriżi u mikrointraprendituri, li jammontaw għal 30 % tal-impjiegi tas-settur privat fl-UE u li huma aktar suxxettibbli għal xokkijiet ekonomiċi minn kumpaniji ikbar; jemmen li din l-istrateġija għandha tinkludi t-tisħiħ mill-ġdid tal-kapaċitajiet amministrattivi u ta' konsulenza bil-għan li jiġu pprovduti informazzjoni u appoġġ tekniku lill-SMEs biex jiżviluppaw u japplikaw għal finanzjament; jemmen li fil-qasam tal-aċċess għall-finanzjament, il-BEI jista' jenfasizza t-tnaqqis tad-diskrepanzi possibbli fil-finanzjament għal mikrointrapriżi permezz ta' strumenti u prodotti finanzjarji bħal garanziji u faċilitajiet ta' mikrofinanzjament;

29.  Jilqa' l-attività ta' finanzjament tal-BEI fil-qasam tal-infrastruttura u t-trasport, peress li dawn il-proġetti jżidu b'mod sinifikanti l-potenzjal tal-kummerċ u jista' jkollhom effett ta' lieva fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, speċjalment f'reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi;

30.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu joqgħod attent b'mod speċjali li jiżgura li n-netwerk ta' intermedjarji finanzjarji li żviluppa huwa affidabbli u f'pożizzjoni li jiffinanzja SMEs dinamiċi u kompetittivi b'mod effikaċi u skont il-politiki tal-UE; jistieden lill-BEI jikkoopera aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet pubbliċi reġjonali sabiex jottimizza l-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu programmi ta' investiment apposta favur proġetti fuq skala żgħira sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-SMEs;

31.  Jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament hu waħda mill-isfidi l-aktar urġenti għall-SMEs; jissottolinja l-ħtieġa ta' strateġija tal-BEI li tippermetti aċċess ulterjuri u mtejjeb għall-finanzjament għall-SMEs, inkluż permezz ta' programmi u inizjattivi ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, bħalma huma l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress u l-faċilitajiet il-ġodda għall-finanzjament tal-attivitajiet kummerċjali ta' SMEs Ewropej u tal-Amerka Latina/tal-Karibew; jissuġġerixxi t-twaqqif ta' rekwiżiti politiċi aktar proattivi għall-SMEs u l-mikrointrapriżi fir-rigward tal-banek intermedjarji li jiżburżaw il-fondi tal-BEI; jissuġġerixxi titjib ulterjuri fit-trasparenza fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tas-self intermedjat tal-BEI; jissottolinja li l-kontribuzzjoni tal-BEI għal programmi relatati mal-SMEs f'pajjiżi terzi li għandhom reġimi kummerċjali preferenzjali mal-UE għandha tkun immirata lejn l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-forniment globali, filwaqt li, speċifikament fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant, tali programmi tal-BEI għandhom ikunu orjentati lejn l-integrazzjoni tal-SMEs fil-ktajjen tal-valur Ewropej;

32.  Iħeġġeġ biex il-fondi tal-BEI jiġu diretti mhux biss lejn l-SMEs, iżda wkoll lejn l-iżvilupp għaqli tal-infrastruttura, peress li n-nuqqas tagħha f'ħafna pajjiżi sħab tista' taġixxi bħala impediment serju għat-tkabbir fil-kummerċ u għall-abbiltà tal-abitanti tagħhom biex jixtru u jbigħu oġġetti u servizzi fl-UE;

Il-FEIS

33.  Jilqa' l-bidu tal-FEIS, li l-leġiżlazzjoni li tirregolah daħlet fis-seħħ f'Lulju 2015; jissottolinja li s-suċċess tal-programm jiddependi fuq l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tiegħu;

34.  Jenfasizza b'mod partikolari l-fatt li fiż-żmien tal-abbozzar ta' din ir-riżoluzzjoni, u biċ-ċifri li għadhom qed jiżdiedu, l-investiment totali fl-approvazzjonijiet tal-FEIS jammonta għal EUR 168,8 biljun, li huwa ekwivalenti għal 54 % tal-valur tal-mira oriġinali (EUR 315 biljun); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sa issa, ġew approvati 450 tranżazzjoni fi 28 Stat Membru; jistieden lill-BEI jirsiti iżjed biex jiżgura l-addizzjonalità fl-għażla tal-proġetti taħt il-FEIS u jagħmel l-isforzi kollha biex itejjeb il-kopertura ġeografika tal-proġetti u l-kontribut tagħhom għal tkabbir sostenibbli u intelliġenti;

Innovazzjoni u kompetittività

35.  Jinnota ż-żieda qawwija f'self mill-BEI għal proġetti innovattivi, li kien ta' EUR 18,7 biljun fl-2015, meta mqabbel ma' inqas minn EUR 10 biljun fl-2008 iżda huwa tal-fehma li dan jenħtieġ li jiżdied; iħeġġeġ lill-BEI biex ikompli dan l-isforz u jiffoka fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-futur, bħalma huma t-trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ir-robotika, il-bijoekonomija, l-ekonomija diġitali u trattamenti mediċi ġodda għal ħajja aħjar; jemmen li enfasi fuq InnovFin u FinTech ser tattira proġetti b'valur miżjud fl-Istati Membri; jemmen li l-BEI jista' jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-innovazzjoni permezz ta' investimenti mmirati fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll għat-twaqqif ta' negozji ġodda u li qed jikbru, u b'mod partikolari f'reġjuni inqas żviluppati;

36.  Jistieden lill-BEI, fil-finanzjament tiegħu ta' proġetti tat-trasport, biex iqis u jfittex sinerġiji mat-turiżmu, bil-ħsieb li jippromwovi l-iżvilupp u l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu fl-UE;

37.  Jemmen li ekonomija innovattiva u effikaċi teħtieġ sistema u infrastruttura tat-trasport ta' kwalità għolja u avvanzata, u li dawn għandhom ikunu fost il-prijoritajiet, b'enfasi speċjali fuq ir-reġjun tal-Lvant tal-UE kif ukoll fuq soluzzjonijiet tal-infrastruttura multimodali innovattivi bħal mini multimodali qosra, pontijiet jew bastimenti għall-ġarr ta' passiġġieri f'żoni skarsament popolati;

38.  Jistieden lill-BEI jżid l-isforzi tiegħu fl-iżvilupp tal-assistenza teknika permezz taċ-ċentru konsultattiv tiegħu sabiex jippromwovi l-aħjar prattiki ta' ġestjoni;

Nittrattaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ

39.  Jenfasizza li l-BEI għandu jkompli l-programm tiegħu "Ħiliet u Impjiegi – Ninvestu għaż-Żgħażagħ" u jkompli jinvesti fl-edukazzjoni u fil-kapital uman sabiex iż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex ikollhom aċċess għal finanzjament marbut mal-impjieg taż-żgħażagħ fl-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;

40.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jsib modi kif itaffi l-kundizzjonalità għall-benefiċċju ta' impriżi f'reġjuni b'rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25 % sabiex isaħħaħ l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jappoġġja l-ħolqien ta' impriżi, mingħajr ma jippreġudika l-vijabbiltà tal-proġetti;

41.  Ifakkar li l-investimenti tal-BEI fi proġetti ta' investiment b'saħħithom jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, speċjalment fl-Istati Membri b'livelli għoljin ta' qgħad u b'rati baxxi ta' produttività; jistieden lill-BEI jiżviluppa aktar il-programm tiegħu ta' ppjanar strateġiku biex jindirizza l-livelli għoljin ta' qgħad; jilqa' l-fatt li l-appoġġ tal-BEI għal proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali żdied b'mod kontinwu f'dawn l-aħħar snin u jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ l-investimenti tiegħu fi proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI tiffoka fuq proġetti ta' kwalità għolja, u jissottolinja r-rwol importanti li għandu jiżvolġi l-BEI taħt il-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE biex jibni ekonomiji aktar reżiljenti li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-faqar; jisħaq fuq l-importanza tal-inizjattivi tal-BEI li jiffokaw b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ u n-nisa, li jikkontribwixxu għall-investiment fis-setturi ta' importanza soċjali bħall-ilma, is-saħħa u l-edukazzjoni u li jintensifikaw l-appoġġ għall-imprenditorjat u s-settur privat;

Azzjoni klimatika

43.  Jinnota li fl-2015 il-BEI, wara konsultazzjoni pubblika, ippubblika Strateġija dwar l-Azzjoni Klimatika formali mmirata biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi kemm fuq livell ta' Stat Membru kif ukoll fuq livell internazzjonali; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi implimentata l-Istrateġija dwar il-Klima tal-BEI adottata fl-2015 u jitlob rappurtar konkret dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni li hemm f'din l-istrateġija;

44.  Jistieden lill-BEI jżid l-involviment tiegħu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li kien marbut ma' 27 % tal-proġetti approvati fl-2015 u kien jirrappreżenta investiment totali ta' EUR 20,6 biljun – l-akbar ammont annwali li qatt ġie investit fit-tibdil fil-klima mill-BEI, filwaqt li l-klima u l-ambjent kienu l-fokus ta' kważi 50 % tal-proġetti approvati mill-BEI fl-2015, itenni l-importanza li nitbiegħdu mill-karburanti fossili u nimxu lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika skont l-impenn magħmul mill-Unjoni Ewropea f'Marzu 2015 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju b'mill-inqas 40 % sal-2030; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ finanzjarju għal sorsi indiġeni tal-enerġija biex tingħeleb id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija esterna u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista;

45.  Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jappoġġja soluzzjonijiet tat-trasport sostenibbli, sikuri, favur l-ambjent u innovattivi, u biex ikompli jħeġġeġ l-aċċessibbiltà għall-passiġġieri b'mobbiltà limitata; jenfasizza li hija l-prijorità tal-Unjoni li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal proġetti b'valur miżjud Ewropew, inklużi konnessjonijiet tat-trasport transkonfinali u, b'mod partikolari, konnessjonijiet bil-ferrovija reġjonali transkonfinali abbandunati jew żarmati; jenfasizza l-ħtieġa ta' politika ta' investiment Ewropew biex tagħti aktar attenzjoni lil kwistjonijiet orizzontali, b'mod partikolari fir-rigward ta' mezzi futuri ta' trasport u servizzi, li se jirrikjedu l-iżvilupp koerenti u simultanju ta' enerġija alternattiva u ta' networks tat-telekomunikazzjonijiet;

46.  Jenfasizza l-importanza tal-għanijiet stabbiliti minn COP 21 fir-rigward tat-trasport sabiex jingħeleb it-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-mezzi finanzjarji għandhom ikunu disponibbli biex iġibu bidla modali mit-trasport bit-triq għal dak bil-ferrovija u fuq l-ilma u t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni; jinsisti wkoll li għandha tingħata attenzjoni għall-investiment f'enerġija nadifa u servizzi moderni għat-trasport; jipproponi, għal dan l-għan, li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' għodod ta' finanzjament li huma speċjalizzati għal dan l-għan, bħalma huma l-Faċilità Ewropea għal Trasport Nadif (ECTF);

47.  Jenfasizza li l-investimenti għandhom ikunu bbażati fuq il-minimizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, inklużi dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima, u b'hekk jitnaqqsu l-isfidi għall-baġits pubbliċi tal-futur;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jappoġġjaw l-investiment fil-mobbiltà urbana sostenibbli, idealment abbażi ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli (SUMPs) flimkien ma' kriterji xierqa biex jitnaqqsu l-konġestjoni, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju u l-inċidenti fit-toroq;

49.  Jinnota li sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-kontribwenti għall-bini u l-manutenzjoni ta' infrastruttura, u fuq il-finanzi pubbliċi b'mod ġenerali, il-proġetti ta' infrastruttura tat-trasport tat-tip PPP għandhom ġeneralment ikunu bbażati fuq il-prinċipju li "l-utent iħallas";

50.  Jirrakkomanda li l-operazzjonijiet ta' self jiġu ffokati fuq proġetti tal-enerġija deċentralizzati u rinnovabbli, fuq skala iżgħar u mhux ikkollegati mal-grilja, li jinvolvu liċ-ċittadini u l-komunitajiet, u li l-prinċipju "l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel" jiġi integrat fil-politiki u l-operazzjonijiet kollha tal-BEI;

Mandat ta' self estern

51.  Ifakkar li l-politika esterna tal-BEI, u b'mod partikolari l-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, għandha tkunu konsistenti mal-għanijiet ta' azzjoni esterna tal-UE kif definiti fl-Artikolu 21 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali Ewropea;

52.  Jinsisti fuq il-koerenza u s-simplifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluża l-inizjattiva "Reżiljenza" tal-BEI, il-Pjan ta' Investiment Estern futur tal-UE u r-reviżjoni tal-mandat estern tal-BEI; jistenna, b'mod partikolari, li l-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali aġġornati jew kwalunkwe dokument ekwivalenti li jintuża biex jikkollega l-objettivi tal-UE mal-azzjoni esterna tal-BEI jkunu aktar dettaljati milli kienu s'issa;

53.  Jistenna li, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-mandat estern tiegħu, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja se jaqblu dwar livell ambizzjuż rigward l-allokazzjoni għar-reġjun tal-Viċinat tal-Lvant, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-limitu fil-Viċinat tal-Lvant se jintlaħaq f'nofs l-2017 u li l-BEI jista' ma jkunx kapaċi jkompli jislef fir-reġjun għall-perjodu kollu tal-ELM;

54.  Jenfasizza li l-attivitajiet tal-BEI jenħtieġ jikkontribwixxu għat-twettiq tal-Aġenda 2030 u, għal dan l-għan, jappella lill-BEI biex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jivvaluta l-proġetti skont l-impatt tagħhom fuq l-objettivi tal-Aġenda 2030, inklużi l-impatti fl-oqsma soċjali, tal-ġeneri, ambjentali u tal-klima; jilqa' l-ħidma attwali tal-BEI biex jiżviluppa strateġija dwar il-ġeneri, l-adozzjoni tal-Istrateġija dwar il-Klima taħt il-Mandat tal-BEI għal Self Estern f'Diċembru 2015 u l-impenn li jżid is-sehem tal-proġetti relatati mal-klima għal 35 % tal-investimenti tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sal-2020; jirrileva l-ħtieġa għal konsultazzjonijiet qawwija fil-livell tal-proġetti, anke permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' kunsens liberu, informat u bil-quddiem fir-rigward tal-komunitajiet indiġeni milquta fl-investimenti f'art u f'riżorsi naturali;

55.  Jilqa' l-operazzjonijiet tal-BEI fil-qasam tal-iżvilupp skont il-Ftehim ta' Cotonou, u l-Mandat għal Self Estern għall-2014-2020 li jipprovdi garanzija tal-UE li tkopri l-operazzjonijiet esterni tal-BEI sa massimu ta' EUR 30 biljun; jenfasizza l-konformità mal-obbligi stabbiliti fit-trattati tal-UE (inkluż mal-Artikolu 21 tat-TUE u mal-Artikolu 208 tat-TFUE), mal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, mal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Prinċipji għall-Effikaċja tal-Iżvilupp (inklużi l-addizzjonalità, is-sjieda min-naħa tal-pajjiżi benefiċjarji, allinjament mal-istrateġiji dwar l-iżvilupp tal-pajjiżi benefiċjarji u trasparenza fl-għażla tal-proġetti); jindika wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 16 tal-Qorti tal-Awdituri tal-2014 li talab lill-Kummissjoni tiżgura valutazzjoni dokumentata tal-valur miżjud li jirriżulta mill-għotjiet tal-UE f'termini ta' ksib tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp;

56.  Iħeġġeġ lill-BEI jtejjeb il-valutazzjoni ex ante u ex post tal-impatt tal-proġetti tagħha barra mill-UE, sabiex jiżgura li dawn jiġu implimentati b'suċċess, jiġġeneraw valur miżjud reali u jikkonformaw bis-sħiħ mal-objettiv ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv għall-komunitajiet lokali;

57.  Jilqa' ż-żieda fit-trasparenza u fir-responsabbiltà dovuta għall-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati tal-BEI; jitlob li kampjun aleatorju tal-kważi 400 proġett li għaddew mill-valutazzjoni skont il-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati fil-fażi ta' assessjar jerġa' jiġi vvalutat wara t-tlestija minn esperti indipendenti; jitlob li r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni ex post jiġu rrappurtati lill-PE;

58.  Ifakkar li, fir-rigward tal-intermedjarji finanzjarji l-oħra li juża l-BEI (b'mod partikolari l-banek kummerċjali, iżda anke l-istituzzjonijiet ta' mikrofinanzjament u l-kooperattivi), b'mod li tiġi żgurata trasparenza ta' livell għoli, ikun tajjeb li l-BEI jiżgura li s-self intermedjat jiġi soġġett għall-istess rekwiżiti ta' trasparenza bħat-tipi ta' self l-oħra;

59.  Jiddispjaċih li r-rapport tal-BEI dwar l-attivitajiet tiegħu barra mill-UE ma jgħid xejn rigward il-volum u n-numru ta' każijiet ta' self min-naħa tal-BEI li mhuwiex qed irendi riżultati; jitlob li l-BEI jipprovdi lill-Parlament b'ħarsa ġenerali annwali lejn il-pagamenti differiti u t-telf li ġġarrab fil-finanzjament tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli; jitlob li din l-informazzjoni tiġi strutturata skont it-tip ta' finanzjament u r-reġjun;

60.  Jappella għal dibattitu politiku li jinvolvi lill-Parlament dwar il-kooperazzjoni prevista bejn il-BEI u l-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB); jinnota bi tħassib li s'issa l-istrutturi ta' governanza tal-AIIB ma jipprevedux il-parteċipazzjoni xierqa tal-azzjonisti fid-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' proġetti, u li d-dokumentazzjoni dwar il-proġetti disponibbli għall-pubbliku ma fiha l-ebda dettall dwar it-twettiq tal-miżuri ambjentali u soċjali li l-AIIB tirrikjedi mill-mutwanti tagħha; jappella lill-BEI biex jistabbilixxi sinerġiji u possibbilment jakkomuna r-riżorsi ma' banek oħra ta' żvilupp reġjonali sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet tagħhom ma jkunux f'kompetizzjoni; iqis li huwa importanti li l-BEI jippromwovi trasparenza għolja u standards ta' prestazzjoni soċjali u ambjentali fil-kooperazzjoni tiegħu ma' banek oħra ta' żvilupp bħala kundizzjoni għal kwalunkwe involviment ta' kapital; jistieden lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji li jipparteċipaw fil-proġetti kofinanzjati mill-BEI jkunu obbligati jżommu mal-prinċipju ta' pagi ugwali u trasparenza tal-pagi u l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif stipulat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol; jirrimarka, barra minn hekk, li meta jiddeċiedi dwar liema proġetti se jiffinanzja, il-BEI għandu jqis il-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva meħuda minn kumpaniji kandidati;

61.  Japprova l-fatt li l-Kunsill Ewropew approva l-inizjattiva tal-BEI li jimmobilizza b'mod rapidu finanzjament addizzjonali fl-appoġġ tat-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Balkani tal-Punent; ifakkar li l-faċilità ta' assistenza teknika tal-BEI hija komplement essenzjali għall-finanzjament approvat, speċjalment fil-pajjiżi fqar; jistieden lill-BEI jqis il-kuntest lokali meta jinvesti f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-BEI jsaħħaħ it-trasparenza dwar is-sidien benefiċjarji u r-riċevituri aħħarija ta' finanzjament, speċjalment meta l-finanzjament inkwistjoni jiddependi fuq fondi ta' ekwità privata; jemmen li l-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha tkun aktar stretta;

62.  Jistieden lill-BEI jqis il-kuntest lokali meta jinvesti f'pajjiżi terzi; ifakkar li l-investiment f'pajjiżi terzi ma jistax ikun ibbażat biss fuq approċċ li jimmassimizza l-profitti iżda jenħtieġ ikollu l-objettiv li jiġġenera tkabbir ekonomiku fit-tul, sostenibbli u mmexxi mis-settur privat, u jnaqqas il-faqar permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fl-aċċess għar-riżorsi produttivi; jemmen li l-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha tkun aktar stretta f'dan ir-rigward;

63.  Jinnota li l-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI għall-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Balkani tal-Punent għandha titqies bħala waħda li tikkomplementa l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni biex jinħoloq Pjan ta' Investiment Estern;

64.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal żieda fil-viżibbiltà tal-involviment min-naħa tal-bank fil-finanzjament proġettwali lil diversi partijiet interessati fil-proġetti, b'mod partikolari barra l-Unjoni Ewropea, peress li din hija kruċjali sabiex iċ-ċittadini lokali jkunu konxji tad-dritt tagħhom li jappellaw u jressqu lmenti quddiem l-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti u l-Ombudsman Ewropew;

65.  Jappella lill-BEI biex jiffoka l-attenzjoni tiegħu mill-qrib fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk li qed ibatu minħabba kunflitti u faqar estrem, u jħeġġeġ lill-BEI jkompli jippromwovi b'mod attiv it-tkabbir sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella lill-BEI biex jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzja l-investimenti fuq żmien twil li huma utli għall-iżvilupp ekonomiku; jilqa' l-fatt li l-għotjiet tal-UE qed jitħalltu dejjem aktar mas-self min-naħa tal-BEI b'mod li jinkisbu riżultati aħjar mill-proġetti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

66.  Jieħu nota tar-riżultati tar-rieżami ta' nofs it-terminu li l-Kummissjoni għamlet għall-mandat ta' self estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); jenfasizza li l-BEI qiegħed jopera taħt mandat ta' żvilupp u jeħtieġ li jkun iggwidat mill-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti finanzjati mill-BEI jkunu konformi mal-linji politiċi tal-UE u li jirrispettaw l-interessi Ewropej, u jenfasizza l-ħtieġa li l-BEI jaħdem f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU fil-kapaċità tiegħu bħala l-fergħa finanzjarja tal-UE;

67.  Jieħu nota tal-fatt pożittiv li f'ċerti reġjuni l-volumi ta' fondi allokati f'nofs it-terminu jirrappreżentaw persentaġġ għoli tal-limitu massimu reġjonali; iqis dan il-fatt bħala indikazzjoni li mmirar iżjed preċiż fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni, sabiex titjieb ir-reazzjoni għall-objettivi tal-politika esterna, pereżempju b'reazzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni, huwa kemm possibbli, kif ukoll mixtieq;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas għar-rapportar annwali tal-BEI dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra l-UE fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni; jappoġġja l-konklużjoni tar-rieżami ta' nofs it-terminu li l-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali tal-BEI għandhom, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEAE, jiġu aġġornati biex jirriflettu aħjar l-allinjament tal-BEI mal-prijoritajiet tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża dan l-aġġornament biex tistabbilixxi l-bażijiet tar-rapportar tal-BEI dwar il-konformità mal-Artikolu 21 tat-TUE; iqis li l-ammont addizzjonali fakultattiv għall-BEI għandu jiġi rilaxxat biss jekk ma jkunx sar progress fir-rigward ta' dan ir-rapportar;

69.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni akbar lill-impatt li l-operazzjonijiet tiegħu jkollhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol u jkompli jiżviluppa l-politika tiegħu dwar l-istandards soċjali f'politika tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam bankarju; jissuġġerixxi, għal dan l-għan, l-inklużjoni ta' parametri ta' riferiment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti tiegħu;

Il-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni fl-UE

70.  Jitlob lill-BEI jkompli l-azzjoni tiegħu biex jindirizza l-flussi tal-migranti u tar-rifuġjati permezz tal-finanzjament ta' proġetti ta' emerġenza f'pajjiżi ta' destinazzjoni u ta' tranżitu, u fejn ikun possibbli, jieħu impenji fit-tul għal proġetti li għandhom l-għan li joħolqu l-impjiegi u jagħtu spinta lit-tkabbir fil-pajjiżi ta' oriġini;

71.  Jitlob lill-BEI jkompli s-self tiegħu għal proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali sabiex ilaħħaq mal-għadd kbir ta' rifuġjati fl-Istati Membri tal-UE, speċjalment fil-Greċja u fl-Italja;

72.  Jinsisti dwar il-ħtieġa għall-BEI li jiżgura livell ogħla ta' trasparenza u responsabbiltà; jissottolinja l-fatt li l-BEI jippreżenta tliet tipi differenti ta' rapporti dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament Ewropew kull sena u li l-President u l-persunal tal-BEI jattendu regolarment seduti ta' smigħ fuq talba tal-Parlament Ewropew u tal-kumitati varji tiegħu; iqis li għad hemm lok għal titjib, madankollu, fir-rigward taż-żieda tas-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-BEI; jilqa’, f'dan ir-rigward, l-iffirmar tal-ftehim interistituzzjonali bejn il-BEI u l-Parlament dwar l-iskambju tal-informazzjoni, inkluża l-possibbiltà li l-Membri jindirizzaw il-mistoqsijiet bil-miktub lill-President tal-BEI;

73.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-BEI biex jindirizza l-fenomenu tal-migrazzjoni furzata u biex jieħu azzjoni f'dawk il-pajjiżi li huma partikolarment milquta mill-kriżi tal-migrazzjoni, inklużi t-tisħiħ tal-azzjoni umanitarja u l-għoti ta' appoġġ għat-tkabbir ekonomiku, il-bini tal-infrastruttura u l-ħolqien tal-impjiegi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva ta' Reżiljenza u ta' Rispons għall-Kriżjiet tal-BEI, li għandha l-għan li żżid il-volum tal-għajnuna għall-pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Balkani b'EUR 6 biljun; jitlob li din l-inizjattiva twassal għal addizzjonalità reali fir-rigward tal-attivitajiet attwali tal-BEI fir-reġjun;

74.  Jistieden lill-BEI jimplimenta b'mod rapidu l-pakkett "Migrazzjoni għall-pajjiżi AKP", u jinsisti li l-proġetti ffinanzjati jridu jiffokaw bħala prijorità fuq il-prevenzjoni ta' migrazzjoni furzata fir-reġjun sub-Saħarjan;

75.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqaf Pjan ta' Investiment Estern Ewropew (PIEE) li għandu l-għan li jittratta l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni, billi jikkontribwixxi għall-ksib tal-SDGs; jistenna bil-ħerqa, f'dan ir-rigward, li jara lill-BEI jaqdi rwol sinifikanti, b'mod partikolari billi jipprovdi finanzjament addizzjonali lil benefiċjarji fis-settur privat;

76.  Jistieden lill-BEI jimplimenta kriterji stretti dwar il-kunflitt ta' interess, il-frodi u l-korruzzjoni sabiex jitħares l-interess pubbliku;

77.  Jistieden lill-BEI jtejjeb il-parteċipazzjoni tal-gvernijiet nazzjonali u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; iħeġġeġ lill-BEI jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u jsaħħaħ l-involviment tal-uffiċċji nazzjonali tal-BEI;

o
o   o

78.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0200.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0363.

Avviż legali - Politika tal-privatezza