Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2117(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0071/2017

Testi mressqa :

A8-0071/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.68

Testi adottati :

P8_TA(2017)0199

Testi adottati
PDF 289kWORD 57k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Minjieri
P8_TA(2017)0199A8-0071/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Minjieri (2006/21/KE) (2015/2117(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (1) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/335/KE tal-20 ta' April 2009 dwar il-linji gwida tekniċi għall-istabbiliment tal-garanzija finanzjarja(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/337/KE tal-20 ta' April 2009 dwar id-definizzjoni tal-kriterji għall-klassifikazzjoni ta' faċilitajiet tal-iskart skont l-Anness III għad-Direttiva 2006/21/KE(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/360/KE tat-30 ta' April 2009 li tikkompleta r-rekwiżiti tekniċi għall-karatterizzazzjoni tal-iskart(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/358/KE tad-29 ta' April 2009 dwar l-armonizzazzjoni, it-trażmissjoni regolari tat-tagħrif u l-kwestjonarju msemmija fl-Artikoli 22(1)(a) u 18 tad-Direttiva 2006/21/KE(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/359/KE tat-30 ta' April 2009 għall-kompletezza tad-definizzjoni tal-iskart inert fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 22(1)(f) tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/21/KE (COM(2016)0553),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(7),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar id-"Direttiva dwar l-Iskart mill-Minjieri" ta' Jannar 2017 imwettaq mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, inkluż l-istudju tal-Anness 1 tiegħu "Exploring the alternatives to technologies involving high environmental and health risks related to the improper management of the waste from extractive industries: Challenges, risks and opportunities for the extractive industries arising in the context of the "circular economy" concept" ("Nesploraw l-alternattivi għat-teknoloġiji li jinvolvu riskji ambjentali u għas-saħħa għoljin relatati mal-immaniġġar mhux xieraq tal-iskart minn industriji estrattivi: L-isfidi, ir-riskji u l-opportunitajiet għall-industriji estrattivi li jirriżultaw fil-kuntest tal-kunċett tal-ekonomija ċirkolari")(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar projbizzjoni ġenerali tal-użu ta' teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur fl-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tagħlimiet meħuda mid-diżastru tat-tajn aħmar, ħames snin wara l-inċident fl-Ungerija(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' fattibbiltà tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kunċett ta' faċilità għall-kondiviżjoni tar-riskji ta' diżastri industrijali fl-UE kollha(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0071/2017),

A.  billi wara żewġ aċċidenti ewlenin li kienu jinvolvu t-tixrid ta' skart ta' estrazzjoni perikoluż, id-Direttiva dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni ġiet adottata bil-għan li jiġu evitati u mnaqqsa kemm jista' jkun kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent u kwalunkwe riskju għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-immaniġġar ta' skart ta' estrazzjoni;

B.  billi l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri skadiet fl-1 ta' Mejju 2008, u kważi l-Istati Membri kollha kienu għadhom lura fit-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

C.  billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur għan-"nuqqas ta' konformità" kontra 18-il Stat Membru għan-nuqqas tagħhom li jittrasponu d-Direttiva b'mod korrett u komplet; billi, barra minn hekk, erba' każijiet kienu għadhom għaddejjin fl-aħħar ta' Novembru 2016;

D.  billi ħdax-il sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni għadha ma adottatx il-linji gwida dwar l-ispezzjonijiet kif meħtieġ mill-Artikolu 22(1)(c) tad-Direttiva; billi l-ħtieġa ta' linji gwida robusti mill-Kummissjoni hija enfasizzata b'mod ċar min-nuqqas ta' definizzjoni u d-dettalji ta' kif għandha titwettaq spezzjoni, u mill-interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri tar-rekwiżiti tad-Direttiva;

E.  billi għaxar Stati Membri rrapportaw li ma għandhom l-ebda faċilità tal-Kategorija A fi ħdan il-fruntieri nazzjonali tagħhom;

F.  billi l-limitazzjonijiet tas-sistema ta' rapportar attwali fuq tliet snin, evidenzjati bid-disparitajiet bejn l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u l-misinterpretazzjoni probabbli ta' wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, wasslu biex il-kwalità mhux sodisfaċenti tad-data disponibbli ma ppermettietx li l-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-prattika tiġi deskritta u vvalutata;

G.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/335/KE hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tad-Direttiva, li jirrikjedi li l-garanzija finanzjarja tkun ibbażata fuq il-presunzjoni li r-rijabilitazzjoni titwettaq minn parti terza;

H.  billi m'hemmx bażi ta' dejta dwar il-faċilitajiet tal-iskart ta' estrazzjoni fil-livell tal-UE;

I.  billi l-iskart li joriġina mill-industriji tal-barrieri u tal-minjieri jammonta għal proporzjon kbir ħafna mill-volum totali ta' skart prodott fl-Unjoni Ewropea (madwar 30 % fl-2012), li parti minnu huwa skart perikoluż;

J.  billi l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjoni ta' materja prima minn pajjiżi terzi filwaqt li għadd sinifikanti ta' riżorsi naturali qed jaffaċċjaw tnaqqis rapidu; billi l-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent u s-saħħa f'dawk il-pajjiżi terzi ta' sikwit tkun inqas stretta milli fl-UE;

K.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614) ma pprevediet l-ebda rieżami leġiżlattiv tad-Direttiva;

L.  billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari toffri benefiċċji ambjentali intrinsiċi importanti u hija ta' importanza ewlenija għall-kompetittività fit-tul tal-UE;

1.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Istati Membri (UE-27)(12) esperjenzaw ċerti problemi fit-traspożizzjoni f'termini ta' żmien jew kwalità, jew it-tnejn, u li l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva ma tistax tkun mistennija fil-prattika għalissa fl-Istati Membri kollha, minħabba l-eżistenza ta' proċeduri ta' ksur għan-"nuqqas ta' konformità" li għaddejjin bħalissa;

2.  Jistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni jiżguraw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti u kompleti tad-Direttiva kemm jista' jkun malajr; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi gwida suffiċjenti lill-Istati Membri biex tiġi żgurata traspożizzjoni korretta u kompleta;

3.  Jenfasizza l-fatt li n-nuqqas ta' linji gwida dwar l-ispezzjonijiet, kif previst mill-Artikolu 22(1)(c) tad-Direttiva, mhux biss ifixkel l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tad-Direttiva fil-prattika, imma jirriżulta wkoll f'differenzi fl-ispejjeż ta' konformità u ta' infurzar għall-operaturi u għall-awtoritajiet minn Stat Membru wieħed għal ieħor;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tadotta linji gwida speċifiċi għas-settur, kif ukoll definizzjoni, dwar l-ispezzjonijiet fl-industriji tal-iskart ta' estrazzjoni kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017;

5.  Jisteden lill-Kummissjoni tiżgura l-possibilità ta' spezzjonijiet mhux skedati fuq il-post mill-awtoritajiet kompetenti relevanti tal-Istati Membri;

6.  Iqis li s-sistema ta' rapportar attwali skont l-Artikolu 18(1) mhix adegwata għall-iskop maħsuba għalih u hija ineffettiva fis-sens li ma tippermettix id-deskrizzjoni u l-valutazzjoni sħiħa rigward l-implimentazzjoni, filwaqt li toħloq piż mhux meħtieġ fuq l-Istati Membri u fuq is-servizzi tal-Kummissjoni u għalhekk tnaqqas ukoll l-effiċjenza;

7.  Jenfasizza f'dan ir-rigward in-nuqqasijiet fid-disinn tal-għodda għall-ġbir tad-data (il-kwestjonarju(13)), li jippermettu interpretazzjonijiet ambigwi u b'hekk iwasslu għar-rapportar ta' miżuri adottati fil-livell nazzjonali aktar milli kif jitpoġġew fil-prattika, b'mod speċjali fir-rigward tar-rapportar dwar il-faċilitajiet tal-iskart ta' estrazzjoni;

8.  Jenfasizza li ċerti ċifri pprovduti mill-Istati Membri rigward l-għadd ta' faċilitajiet fuq it-territorju tagħhom identifikati bħala soġġetti għad-Direttiva ma jidhrux li huma plawżibbli, minħabba li f'ċerti każijiet huma relattivament ftit meta mqabbla mad-data dwar il-ġenerazzjoni totali ta' skart ta' estrazzjoni fil-livell nazzjonali li ġejja minn sorsi ta' informazzjoni oħrajn;

9.  Jitlob riforma tal-mekkaniżmu ta' rapportar attwali (inkluż il-kwestjonarju) bħala prijorità, qabel l-iskadenzi li ġejjin għat-tielet perjodu ta' rapportar (2014-2017), sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni tad-Direttiva fil-prattika abbażi tat-tielet perjodu ta' rapportar u minn hemm 'il quddiem; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinkludi fil-mekkaniżmu ta' rapportar domanda li tiġi pprovduta d-data tal-impatt ambjentali rilevanti kollha;

10.  Jisuġġerixxi li l-kwestjonarju taħt l-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/358/KE jeħtieġ jittejjeb billi l-Istati Membri jkunu obbligati jirrapportaw data eżawrjenti, aġġornata u affidabbli dwar il-faċilitajiet tal-iskart ta' estrazzjoni li jinsabu fit-territorju tagħhom; jipproponi li l-approċċ ta' riforma magħżul għandu jagħti lok biex tiġi stabbilita bażi ta' data Ewropea tal-faċilitajiet tal-iskart ta' estrazzjoni li tkun tista' tiġi aġġornata faċilment, peress li tkun strumentali biex tingħata stampa sħiħa tal-implimentazzjoni fil-prattika tad-Direttiva u tiġi deskritta, mmonitorjata u vvalutata fil-livell tal-UE; jinnota li approċċi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal pereżempju l-użu ta' rapport nazzjonali kkompletat eżemplari skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva bħala mudell li jrid jiġi segwit, u li dan it-titjib m'għadux jippermetti iktar interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri dwar id-data li għandha tiġi pprovduta;

11.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ppubblikat rapport ta' implimentazzjoni wieħed biss li jkopri kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni perjodu ta' rapportar (2008-2011 u 2011-2014), minflok wieħed kull tliet snin kif mitlub skont l-Artiklolu 18(1) tad-Direttiva, biex b'hekk il-pubbliku tħalla għal ħafna snin mingħajr informazzjoni dwar (in-nuqqas ta') l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u fil-fatt kien hemm dewmien biex tittieħed azzjoni ulterjuri biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa ta' din id-Direttiva li, għandu jitfakkar, tittratta attività ekonomika b'implikazzjonijiet ambjentali, fuq is-saħħa u soċjali sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta b'mod strett l-intervalli ta' tliet snin għar-rapportar;

12.  Jirrikonoxxi li l-maġġoranza tal-Istati Membri adottaw il-miżuri meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt, madankollu, li d-differenzi bejn l-interpretazzjonijiet tal-Istati Membri juru li huwa meħtieġ aktar sforz biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jifhmu u japplikaw il-kunċetti bażiċi tad-Direttiva b'mod simili, biex b'hekk jiżguraw kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE;

13.  Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li toħroġ gwida ġenerali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva, li jippermettu titjib kemm fil-konformità mad-Direttiva kif ukoll fl-infurzar tagħha, inkluż iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' faċilità tal-iskart mill-minjieri mill-permess għar-riabilitazzjoni sal-monitoraġġ ta' wara l-għeluq; jiġbed l-attenzjoni dwar il-varjazzjonijiet kbar fl-interpretazzjoni u n-nuqqas ta' ftehim fir-rigward tad-dispożizzjonjiet bażiċi tad-Direttiva (pereżempju, jekk l-Istati Membri għandhomx faċilitajiet koperti bid-Direttiva jew le);

14.  Huwa mħasseb b'mod speċjali dwar l-inkompletezza tal-proċess rigward il-klassifikazzjoni dovuta u l-permess ta' faċilitajiet tal-Kategorija A, li jinvolvu riskji ogħla, u jwissi li l-pjanijiet ta' emerġenza esterni huma neqsin għal madwar 25 % tal-faċilitajiet tal-Kategorija A li jinsabu fit-territorju tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiffinalizzaw il-klassifikazzjoni adegwata tal-faċilitajiet fit-territorji tagħhom u jadottaw il-pjanijiet ta' emerġenza esterni neqsin sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017;

15.  Huwa mħasseb minħabba li, abbażi tar-rapporti ppreżentati skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva, jidher li hemm għadd sinifikanti ta' Stati Membri tal-UE li ma identifikawx b'mod korrett il-faċilitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' faċilitajiet li jenħtieġ li jiġu kklassifikati bħala li jaqgħu taħt il-Kategorija A;

16.  Jenfasizza l-importanza li tinkiseb informazzjoni dwar il-kundizzjoni tar-residwi tal-għadajjar tar-residwi tal-minjieri attwali; jistieden lill-Istati Membri jtejbu s-sikurezza tad-digi, sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent speċjalment fil-faċilitajiet tal-Kategorija A;

17.  Jenfasizza l-importanza li l-komunitajiet lokali kkonċernati jkunu involuti diġà fil-fażi tal-ippjanar ta' proġetti tal-immaniġġar tal-iskart ta' estrazzjoni bl-użu ta' sustanzi perikolużi, u li jiġu garantiti t-trasparenza u l-involviment reali taċ-ċittadini fil-proċedura kollha tal-awtorizzazzjoni u fl-aġġornament tal-permessi maħruġa jew tal-kundizzjonijiet tal-permessi; itenni l-importanza tal-Konvenzjonijiet ta' Espoo u Aarhus f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi bażi ta' data ta' prattiki tajba sabiex il-komunitajiet lokali jkunu involuti aħjar;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri aktar effikaċi għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa taċ-ċittadini peress li ċerti Stati Membri wrew li ma kinux kapaċi jipprevjenu t-tniġġis tal-ħamrija u tal-ilma min-naħa ta' ċerti operaturi;

19.  Jieħu nota tal-piż amministrattiv żejjed fuq l-awtoritajiet u l-operaturi fir-rigward tal-immaniġġar tal-iskart inert u l-ħamrija mhux imniġġsa, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevitaw id-duplikazzjoni tal-proċessi ta' awtorizzazzjoni, billi jqisu l-karatteristiċi tas-settur u l-implikazzjonijiet fuq is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga kif l-Artikolu 14 tad-Direttiva u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/335/KE ġew implimentati fl-Istati Membri u jekk l-istrumenti ta' sigurtà finanzjarja stabbiliti humiex suffiċjenti u adegwati għall-iskop maħsuba għalih;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tal-5 ta' Mejju 2010 dwar projbizzjoni sħiħa fuq l-estrazzjoni mill-minjieri bl-użu taċ-ċjanur fl-UE, b'mod speċjali fid-dawl tal-istatus ta' implimentazzjoni dgħajjef li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-faċilitajiet tal-Kategorija A, u jtenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi projbizzjoni sħiħa fuq l-użu ta' teknoloġiji tal-estrazzjoni mill-minjieri bl-użu taċ-ċjanur fl-Unjoni Ewropea kemm jista' jkun malajr, speċjalment fid-dawl tad-disponibilità ta' alternattivi mhux tossiċi bħal pereżempju ċ-ċiklodestrina(14); jitlob lill-Istati Membri jiżguraw immedjatament l-aqwa mmaniġġar possibbli tal-għadajjar tar-residwi tal-minjieri biċ-ċjanur;

22.  Iħeġġeġ lin-negozji u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jikkunsidraw teknoloġiji avvanzati disponibbli matul il-proċess li fih jagħtu permess lill-faċilitajiet tal-iskart ta' estrazzjoni, b'mod speċjali fir-rigward tad-disinn ta' digi tar-residwi filwaqt li jżommu f'moħħhom l-ogħla standards ambjentali; jistieden lill-Istati Membri jiġbru u janalizzaw id-data pprovduta għall-proċedura ta' permess, u jqabbluha mal-impatti ambjentali reali ta' faċilità tal-iskart mill-minjieri u fejn ikun meħtieġ, jagħmlu l-korrezzjonijiet neċessarji għar-rekwiżiti tal-permessi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament suffiċjenti għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-immaniġġar tal-faċilitajiet tal-iskart mill-minjieri sabiex titjieb is-sikurezza ta' dawk il-faċilitajiet;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-opportunità tar-rieżami li għaddej bħalissa tad-Dokument ta' Referenza dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli (BREF) fil-kuntest tal-kunċett tal-"ekonomija ċirkolari", biex tagħti prijorità lil standards ambjentali ogħla u aktar effiċjenza fir-riżorsi meta tiddefinixxi l-aħjar prattiki li jridu jiġu inklużi fil-pjanijiet tal-immaniġġar tal-iskart tal-minjieri;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-irkupru ta' materja prima mill-iskart tal-minjieri kif definit fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari;

26.  Jiddispjaċih fir-rigward tax-xejra fl-estrazzjoni mill-minjieri li qed iddur għal riżorsi ta' grad aktar baxx u aktar fondi fl-Ewropa, li tirriżulta fl-estrazzjoni ta' aktar materjal sabiex jiġi prodott il-metall fil-mira; jitlob lill-Istati Membri jużaw l-iskart tal-blat bl-aħjar mod possibbli sabiex jissostitwixxi, fejn ikun possibbli, materjal ta' blat verġni; huwa mħasseb ħafna dwar l-effiċjenza tal-proċess tal-ipproċessar kimiku, għaliex proporzjon bejn il-minerali u l-blat ospitanti aktar baxx ifisser li aktar residwi, u għalhekk aktar skart tal-minjieri, se jiġi prodott għal kull tunnellata ta' metall fil-mira;

27.  Jenfasizza li, fid-dawl tat-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija ċirkolari, huwa ta' importanza ewlenija li jitnaqqas l-użu tar-riżorsi u jitrawmu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-twaqqif ta' miri għal dan l-għan, abbażi ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja;

28.  Jenfasizza li l-estrazzjoni "komprensiva" tista' ssir il-prinċipju ewlieni, filwaqt li jitqiesu, madankollu, ir-restrizzjonijiet tekniċi u tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż indiretti potenzjali, bħall-marka tal-karbonju; jissuġġerixxi li l-iskart mill-estrazzjoni mill-minjieri u mill-maċinazzjoni jiġi analizzat u segregat għar-rimi sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru tiegħu aktar tard;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jinvestu iżjed fir-riċerka u l-iżvilupp b'rabta ma' proċessi alternattivi vijabbli biex l-UE jkollha forniment ta' materja prima u materja prima sekondarja u biex jiġi evitat l-iskart mill-attivitajiet ta' estrazzjoni;

30.  Jenfasizza li l-wirt storiku ta' faċilitajiet tal-iskart tal-minjieri abbandunati jista', fuq terminu medju jew qasir, potenzjalment jippreżenta theddida serja għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni turi trasparenza sħiħa meta tikkjarifika d-derogi kollha mid-Direttiva mogħtija lill-Istati Membri u l-lakuni li għad fadal b'rabta mas-siti storiċi tal-iskart u r-rimedju tagħhom; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex joħorġu bi pjan ta' azzjoni dwar ir-riabilitazzjoni sħiħa ta' dawn is-siti, billi jqisu eżempji tal-aħjar prattiki u l-vantaġġi possibbli tal-kunċett tal-"ekonomija ċirkolari" jekk jiġu applikati għall-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni, u inklużi arranġamenti għall-monitoraġġ matul il-fażijiet ta' wara l-għeluq ta' dawn is-siti;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
(2) ĠU L 101, 21.4.2009, p. 25.
(3) ĠU L 102, 22.4.2009, p. 7.
(4) ĠU L 110, 1.5.2009, p. 48.
(5) ĠU L 110, 1.5.2009, p. 39.
(6) ĠU L 110, 1.5.2009, p. 46.
(7) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(8) Numru PE: 593.788.
(9) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 74.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0349.
(11) Study to explore the feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents (Studju li jesplora l-fattibbiltà tal-ħolqien ta' fond li jkopri r-responsabbiltà ambjentali u t-telf imġarrab minħabba aċċidenti industrijali), Rapport Finali, Kummissjoni Ewropea, DĠ ENV, 17 ta' April 2013.
(12) Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 3 tan-nota spjegattiva fir-rapport A8-0071/2017.
(13) Anness III għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/358/KE.
(14) Liu et al. (2013) "Selective isolation of gold facilitated by second-sphere coordination with α-cyclodextrin" (Iżolament selettiv tad-deheb iffaċilitat permez tal-koordinazzjoni tat-tieni sfera mal-α-ċiklodestrina), Nature Communications.

Avviż legali