Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 14 ta' Frar 2017 - Strasburgu
Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-UE u l-Gżejjer Cook ***
 Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-UE u l-Gżejjer Cook (Riżoluzzjoni)
 Kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni
 Ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE
 Lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet *
 Is-soġġettar tas-sustanza psikoattiva ġdida metil-2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll *
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail
 Reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp
 Rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE
 Promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-saħħa mentali u r-riċerka klinika
 Prijoritajiet għall-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa

Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-UE u l-Gżejjer Cook ***
PDF 250kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (07592/2016 – C8-0431/2016 – 2016/0077(NLE))
P8_TA(2017)0019A8-0010/2017

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07592/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (07594/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u (7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0431/2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Frar 2017(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp kif ukoll tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0010/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Gżejjer Cook.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0020.


Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-UE u l-Gżejjer Cook (Riżoluzzjoni)
PDF 282kWORD 53k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (07592/2016 – C8-0431/2016 – 2016/0077(NLE)2016/2230(INI))
P8_TA(2017)0020A8-0015/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07592/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43d, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0431/2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta’ Frar 2017(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni ex ante ta' Ġunju 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida strateġiċi mfassla mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook dwar l-iżvilupp tas-settur tas-sajd lokali, b'mod partikolari dawk li jinsabu fid-dokument "Cook Islands Offshore Fisheries Policy" ("Il-Politika tas-Sajd 'il barra mix-Xtut tal-Gżejjer Cook"),

–  wara li kkunsidra l-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-SDGs 1, 2, 9, 10 u 14,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa tat-tnax-il-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) għall-konservazzjoni fit-tul u għall-użu sostenibbli tal-istokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0015/2017),

A.  billi l-Kummissjoni nnegozjat "Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli" ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook (Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook), u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, mal-Gvern tal-Gżejjer Cook, li jkopru perjodu ta' tmien snin u ta' erba' snin rispettivament;

B.  billi dan huwa l-ewwel Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli EU-Gżejjer Cook, li jiggarantixxi preżenza Ewropea fl-ilmijiet tal-Paċifiku tal-Lvant wara li l-ftehim ma' Kiribati ma ġiex imġedded (u l-ftehimiet iffirmati iżda mhux implimentati mal-Mikroneżja u mal-Gżejjer Solomon);

C.  billi l-objettiv ġenerali tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli/il-Protokoll UE-Gżejjer Cook huwa li tikber il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Gżejjer Cook fil-qasam tas-sajd, fl-interess taż-żewġ partijiet, billi jinħoloq qafas ta' sħubija li se jippromwovi politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) tal-Gżejjer Cook;

D.  billi jenħtieġ li l-preżenza tagħna fir-reġjun isservi biex tippromwovi politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi, filwaqt li tiggarantixxi ġestjoni xierqa tar-riżorsi tat-tonn tal-Paċifiku;

E.  billi l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook huwa bbażat fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, li li jirrispetta l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-WCPFC fil-limiti tal-eċċess disponibbli;

F.  billi jeżistu problemi f'dak li għandu x'jaqsam ma' spezzjoni u kontroll, u billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jikkostitwixxi problema li hija diffiċli biex tingħeleb, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu n-natura mferrxa tat-territorju u tar-riżorsi;

G.  billi hemm diversi bastimenti mill-istati Membri tal-UE fir-reġjun tal-Paċifiku tal-Punent u tal-Paċifiku Ċentrali u billi l-ftehimiet tas-sajd l-oħra fir-reġjun skadew;

H.  billi ngħata impenn li ma jingħatawx lil flotot oħra mhux Ewropej kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk li jiddisponi għalihom dan il-Ftehim, u billi l-Ftehim fih il-klawżola ta' Cotonou dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt;

I.  billi, l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp aktar effikaċi u sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-gżejjer, kif ukoll dak tal-industriji u l-attivitajiet relatati, f'konformità mal-objettivi tal-politika nazzjonali tas-sajd tal-Gżejjer Cook, b'mod partikolari f'dawk li huma appoġġ għar-riċerka xjentifika u s-sajd artiġjanali, żieda fil-qabdiet imħatta l-art fil-portijiet lokali, l-intensifikar tal-kapaċità ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd u l-ġlieda kontra l-IUU, u f'konformità mal-qafas tal-SDG;

J.  billi l-kontribuzzjonijiet intiżi bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-politika tas-sajd tal-Gżejjer Cook, li jvarjaw bejn 47,6 % u 50 % tal-ammont totali li għandu jiġi trasferit, jammontaw għal kontribut kbir f'termini perċentwali;

K.  billi l-istokkijiet tat-tonn obeż ilhom jonqsu sa mill-2012, billi, bħala konsegwenza ta' dan, id-WCPFC daħħlet miżura ta’ ġestjoni li se terġa' tiġi nnegozjata fl-2017, u billi l-qabdiet bit-tartarun tal-borża naqsu b'26 % fl-2015 meta mqabbel ma' dak tal-2014; billi, barra minn hekk, fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook huma meqjusa bħala "santwarju tal-klieb il-baħar", alavolja ta' min jisħaq li din mhijiex speċi fil-mira għall-flotta Ewropea li tistad f'dawk l-ilmijiet taħt il-ftehim il-ġdid;

L.  billi l-qabdiet tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-UE kellhom it-tendenza li jkunu lokalizzati fl-ibħra aktar sħan fin-nofsinhar tal-Gżejjer Cook; filwaqt li wieħed jiftakar fir-rekwiżiti imposti mir-regolament tal-Gżejjer Cook dwar il-konservazzjoni tal-klieb il-baħar; billi l-valutazzjoni ex ante sabet li ma kien se jkun hemm l-ebda interess fil-ġejjieni biex il-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-UE jistadu fiż-ŻEE tal-Gżejjer Cook;

M.  billi l-Gżejjer Cook huma dipendenti ħafna mill-importazzjoni tal-ikel;

1.  Hu tal-fehma li jenħtieġ li l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook jippromwovi b'mod effikaċi s-sajd sostenibbli fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook permezz ta' appoġġ settorjali adegwat tal-UE, u li jenħtieġ li jsegwi żewġ għanijiet ugwalment importanti: (1) li jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook, abbażi tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u bir-rispett dovut għall-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tad-WCPFC fil-limiti tal-eċċess disponibbli, li l-kalkolu tiegħu jenħtieġ li jqis l-iżvilupp sħiħ tal-kapaċità tas-sajd tal-pajjiż; u (2) li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Gżejjer Cook bil-ħsieb li tinħoloq politika tas-sajd sostenibbli u jsir sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook, u li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd tal-Gżejjer Cook, permezz ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika filwaqt li jirrispetta l-għażliet sovrani tal-pajjiż fir-rigward dan l-iżvilupp;

2.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni ex ante ta' Ġunju 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, skont liema konklużjonijiet il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd/il-Protokolli preċedenti fir-reġjun (il-Kiribati, il-Gżejjer Solomon) ma taw l-ebda kontribut sinifikattiv għall-iżvilupp tas-setturi tas-sajd lokali, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda inizjattivi intraprenditorjali konġunti (b'investimenti komuni) u l-iżvilupp ta' kapaċità lokali fil-qasam tal-ipproċessar tal-ħut; huwa tal-fehma li jenħtieġ li Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook jikkontribwixxi sa fejn hu possibbli għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd lokali billi jiggarantixxi l-provvista ta' ħut meħtieġa għall-konsum domestiku u b'hekk jilħaq l-objettivi mħabbra għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet tal-UE dwar is-sajd u dawk tal-qafas tal-SDGs;

3.  Jiddispjaċih li pajjiżi oħra fir-reġjun ma laħqux ftehim ta' sħubija mal-UE u qed jiftħu ż-żoni tas-sajd tagħhom għal pajjiżi u reġjuni oħra fid-dinja li kultant jużaw prattiki tas-sajd li ma jeħdux kont tar-riżorsi disponibbli, minflok ma jagħżlu ftehim mal-UE li jippromwovi s-sajd sostenibbli u jipprovdi appoġġ settorjali;

4.  Jilqa' l-inklużjoni tal-obbligu li l-Gżejjer Cook jippubblikaw l-eżistenza ta' kwalunkwe ftehim li jawtorizza lil flotot barranin jistadu fl-ilmijiet tagħhom iżda jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' preċiżjoni fl-isforz ġenerali li sar, kif kien mitlub taħt ċerti ftehimiet oħra li daħlet għalihom l-UE;

5.  Jirrimarka li jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, u r-reviżjonijiet u/jew tiġdidiet possibbli, iqisu l-istrateġija stabbilita mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Gżejjer Cook u jkunu allinjati magħha, b'mod partikolari billi ssir dispożizzjoni għal:

   kontribut għall-bini tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ, ta' kontroll u ta' spezzjoni fir-rigward tar-riżorsi tas-sajd tal-Gżejjer Cook u l-attivitajiet tas-sajd li jkunu qed jitwettqu fl-ilmijiet ta' dak il-pajjiż, b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra s-sajd IUU;
   azzjoni biex jittejjeb l-għarfien xjentifiku disponibbli dwar l-istat tal-ekosistemi tal-baħar lokali u r-riżorsi tas-sajd lokali fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook;
   appoġġ speċifiku għall-iżvilupp tas-sajd artiġjanali lokali u tal-komunitajiet lokali li jiddependu minnu, billi jiżdied il-kontribut tiegħu għall-ekonomija lokali, jiġi megħjun itejjeb is-sikurezza abbord u l-introjti għas-sajjieda, u jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura lokali għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, sew jekk biex iforni lis-suq domestiku sew jekk għall-esportazzjoni;

6.  Iqis li l-appoġġ għall-iżvilupp settorjali huwa aspett importanti tal-kontribuzzjoni għas-sostenibilità ta' pajjiż sieħeb, peress li jgħin biex tissaħħaħ l-indipendenza operattiva tal-pajjiż, filwaqt li jirfed l-istrateġija ta' żvilupp tiegħu u jiggarantixxi s-sovranità tiegħu;

7.  Iqis li l-possibilitajiet ta' impjieg għall-baħħara lokali abbord il-bastimenti tal-UE taħt il-ftehimiet ta' sħubija ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali; itenni l-ħtieġa li l-prinċipji tal-ILO jiġu rispettati u li tiġi promossa l-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO waqt li fl-istess ħin jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tan-negozjar kollettiv għall-ħaddiema, u n-nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fl-attività professjonali; jindika, madankollu, li minħabba l-iskarsezza ta' baħħara tas-sengħa għall-bastimenti tat-tonn, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook ma talbux l-imbarkazzjoni fil-flotta tal-UE;

8.  Huwa tal-fehma li jenħtieġ li l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook u l-Protokoll rilevanti jippermettu li l-kooperazzjoni bilaterali dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali tiġi msaħħa u jagħtu lill-Gżejjer Cook il-mezzi biex jiffinanzjaw programmi ta' sorveljanza, u jemmen li l-miżuri għall-prevenzjoni tas-sajd IUU fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Gżejjer Cook għandhom jiġu msaħħa, inkluż billi l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza jittejbu permezz tal-użu ta' sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti abbażi ta' satellita, ġurnali ta' abbord, spetturi u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet minn organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd;

9.  Iqis li huwa mixtieq li jittejbu l-kwantità u l-eżattezza tad-data dwar il-qabdiet kollha (il-qabdiet fil-mira kif ukoll dawk aċċessorji) u, b'mod aktar ġenerali, dwar l-istat ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd bil-għan li l-impatt tal-Ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar u fuq il-komunitajiet tas-sajd ikun jista', bl-involviment tal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, jitkejlu b'eżattezza akbar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-funzjonament regolari u trasparenti tal-korpi responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, u tisħiħ tal-valutazzjonijiet xjentifiċi mid-WCPFC;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tikkunsidra li tapplika l-prinċipju ta' prekawzjoni għar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u tanalizzat l-użu ta' Rkaptu li Jżomm f'Wiċċ l-Ilma li Jiġma' l-Ħut fiż-żona u l-influwenza tiegħu fl-ekoloġija tat-tonn u tagħmel proposti għall-użu tiegħu abbażi tas-sejbiet tal-analiżi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament fi żmien xieraq dwar il-laqgħat li jmiss tal-Kumitat Konġunt u tgħaddi lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt kif previst fl-Artikolu 6 tal-Ftehim, il-programm settorjali pluriennali kif imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll u dak li jkun instab mill-evalwazzjonijiet annwali korrispondenti, biex tippermetti lir-rappreżentanti tal-Parlament jassistu għal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi, u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament infurmat minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċeduri marbuta mal-Protokoll u t-tiġdid possibbli tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-TUE u l-Artikolu 218(10) tat-TFUE;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Gżejjer Cook.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0019.


Kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni
PDF 272kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (2015/2319(INI))
P8_TA(2017)0021A8-0002/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (C(2016)3301),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kummissjoni – Qafas għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni: regoli orizzontali u r-reġistru pubbliku (C(2016)3300),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0002/2017),

A.  billi esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-funzjonament tal-qafas preċedenti għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni ta' Novembru 2010(3), li kien twaqqaf bl-għan li jintroduċi innovazzjonijiet operattivi sinifikanti sabiex isaħħu t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-ħidma interistituzzjonali;

B.  billi, b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Baġits tiegħu, fid-dawl tan-nuqqas ta' trasparenza u l-iżbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti, u minħabba l-ħtieġa li jiżgura li l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tikseb bilanċ ġust f'termini ta' għarfien espert u ta' opinjonijiet rappreżentati, adotta riżervi baġitarji fl-2011 u l-2014 u fformola talbiet li għadhom ma ġewx aċċettati għar-riforma tagħhom;

C.  billi studju riċenti kkummissjonat minnu identifika nuqqas ta' trasparenza mifrux kif ukoll żbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti(4);

D.  billi l-kompożizzjoni bilanċjata u t-trasparenza huma prekundizzjonijiet essenzjali biex l-għarfien espert jirrifletti b'mod adegwat il-ħtiġijiet għal azzjoni regolatorja u biex tittrawwem il-leġittimità ta' dan l-għarfien espert u ta' din l-azzjoni regolatorja f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej;

E.  billi l-Ombudsman Ewropew, fl-inkjesta strateġika(5) tagħha, ressqet rakkomandazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari b'enfasi fuq il-ħtieġa għal trasparenza akbar fi ħdan il-gruppi ta' esperti;

F.  billi qabel ma adottat id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha ma' rappreżentanti tal-Parlament u mal-Ombudsman Ewropew;

G.  billi l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dokument ta' ħidma tar-Rapporteur tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;

H.  billi, sfortunatament, minkejja dan, la d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, u lanqas id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jipprovdu soluzzjonijiet għat-tħassib kollu mqajjem mill-Parlament;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, iżda jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-bosta organizzazzjonijiet nongovernattivi li wrew l-interess tagħhom, il-Kummissjoni ma organizzatx konsultazzjoni pubblika sħiħa; itenni l-importanza li terġa' tingħata l-ħajja lit-tipi ta' involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali f'oqsma kruċjali bħalma huma t-trasparenza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet Ewropej;

2.  Jirrimarka li, permezz tal-adozzjoni tar-regoli orizzontali l-ġodda, ħafna mit-tħassib espress preċedentement mill-Parlament jidher li ġie solvut, partikolarment it-tħassib dwar il-ħtieġa għal sejħiet pubbliċi għall-applikazzjonijiet għall-għażla tal-membri ta' gruppi ta' esperti u fir-rigward tar-reviżjoni tar-Reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-ħolqien ta' sinerġija bejn dan ir-Reġistru, ir-Reġistru ta' Trasparenza tal-Kummissjoni u tal-Parlament, u dawk ir-regoli dwar il-ħtieġa li jiġu evitati kunflitti ta' interess, speċjalment rigward esperti li jinħatru f'kapaċità personali;

3.  Jinnota li t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet interistituzzjonali huma tal-akbar importanza, billi jgħinu biex jintlaħaq bilanċ xieraq mill-perspettiva tal-għarfien espert u tal-opinjonijiet rappreżentati fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti, sabiex itejbu l-operat tagħhom; jilqa', għaldaqstant, il-fatt li issa l-proċess ta' għażla qed isir pubblikament; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-esperjenza prattika u l-kwalifiki tal-esperti jeħtieġu jsiru evidenti; huwa tal-fehma li l-proċess tal-għażla kollu għandu jiggarantixxi livell għoli ta' trasparenza u għandu jiġi rregolat minn kriterji aktar ċari, aktar konċiżi u b'enfasi partikolari fuq l-esperjenza prattika tal-kandidati flimkien mal-kwalifiki akkademiċi tagħhom u fuq il-kunflitti ta' interess potenzjali li jista' jkollhom;

4.  Jilqa' l-fatt li diġà ġiet stabbilita rabta bejn il-gruppi ta' esperti tar-Reġistru tal-Kummissjoni u r-Reġistru tat-Trasparenza, biex b'hekk jiġi żgurat titjib fit-trasparenza;

5.  Jiddispjaċih li t-tentattiv biex titwettaq konsultazzjoni pubblika dwar l-istabbiliment tar-regoli l-ġodda ma rnexxiex; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod trasparenti u b'mod responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-UE;

6.  Ifakkar li nuqqas ta' trasparenza għandu effett negattiv fuq il-fiduċja li ċ-ċittadini tal-UE għandhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li r-riforma effikaċi tas-sistema tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, imsejsa fuq prinċipji ċari ta' trasparenza u kompożizzjoni bilanċjata, se ttejjeb id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data, li mbagħad tgħin biex iżżid il-fiduċja tan-nies fl-UE;

7.  Jenfasizza li r-regoli l-ġodda għandhom japplikaw b'mod strett u ugwali għal kull grupp ta' esperti tal-Kummissjoni, irrispettivament mit-titolu tagħhom (b'hekk huma inklużi gruppi speċjali, ta' livell għoli jew gruppi "straordinarji" oħra, u gruppi formali jew informali), li mhumiex esklussivament magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri jew immexxija mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta' Mejju 1998 dwar it-twaqqif ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'il quddiem id-djalogu bejn is-sħab soċjali fuq livell Ewropew; itenni li r-regoli l-ġodda jridu jiżguraw rappreżentazzjoni bilanċjata permezz tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha;

8.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħmel progress biex ikun hemm kompożizzjoni aktar bilanċjata tal-gruppi ta' esperti; jikkundanna l-fatt, madankollu, li għad ma ssirx distinzjoni espliċita bejn il-partijiet li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u dawk li jirrappreżentaw interessi mhux ekonomiċi, b'mod li jkun iggarantit l-ogħla livell ta' trasparenza u bilanċ; jenfasizza l-ħtieġa li, f'dan ir-rigward, fis-sejħa pubblika għal applikazzjoni, il-Kummissjoni tikkjarifika l-mod kif tiddefinixxi kompożizzjoni bilanċjata u liema huma l-interessi li hija tfittex li jkunu rappreżentati meta jiġu stabbiliti l-gruppi ta' esperti; jikkunsidra għalhekk li huwa importanti li jiġu involuti l-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali bil-għan li tingħata definizzjoni aktar bilanċjata ta' dik id-distinzjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta toħloq gruppi ta' esperti ġodda jew meta tbiddel il-kompożizzjoni ta' dawk li diġà jeżistu, tiddikjara b'mod ċar, f'sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, kif tiddefinixxi kompożizzjoni bilanċjata, liema huma l-interessi li hija tfittex li jiġu ppreżentati, u għalfejn, u saħansitra biex tiġġustifika kwalunkwe devjazzjoni possibbli mill-kompożizzjoni bilanċjata kif definit minn qabel, meta jkunu stabbiliti l-gruppi ta' esperti;

10.  Jirrimarka, f'dan il-kuntest u fir-rigward tal-paragrafi 34-45 tal-opinjoni tal-Ombudsman imsemmija hawn fuq, li, għalkemm il-Kummissjoni għadha ma ddefinietx formalment il-kunċett tagħha ta' "bilanċ", dan tal-aħħar m'għandux jinftiehem bħala r-riżultat ta' eżerċizzju aritmetiku, iżda pjuttost bħala r-riżultat tal-isforzi biex jiġi żgurat li l-membri ta' grupp ta' esperti, flimkien, ikollhom l-għarfien espert tekniku u l-varjetà ta' perspettivi meħtieġa biex iwettqu l-mandat tal-grupp ta' esperti kkonċernat; jikkunsidra li l-kunċett ta' bilanċ għandu, għalhekk, jinftiehem f'relazzjoni mal-mandat speċifiku ta' kull grupp ta' esperti individwali; jikkunsidra li l-kriterji li jiddeterminaw jekk grupp ta' esperti huwiex bilanċjat jew le għandhom jinkludu l-kompiti tal-grupp, l-għarfien espert tekniku meħtieġ, il-partijiet interessati li probabbli l-aktar li jkunu milquta mill-kwistjoni, l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' partijiet interessati, u proporzjon adegwat ta' interessi ekonomiċi u mhux ekonomiċi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tinvestiga jekk huwiex meħtieġ mekkaniżmu ġdid ta' lmenti, jekk id-definizzjoni ta' kompożizzjoni bilanċjata hix qed tiġi kkontestata minn partijiet interessati jew jekk l-arranġamenti attwali humiex adegwati; jitlob li l-Parlament ikun assoċjat f'dan il-mekkaniżmu ta' kontroll;

12.  Ifakkar li, fil-passat, mhux dejjem kien possibbli li l-Kummissjoni ssib biżżejjed esperti li jirrappreżentaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), lill-konsumaturi, lit-trade unions jew lil organizzazzjonijiet oħra ta' interess pubbliku ġenerali, u li ħafna drabi dan kien kawża tal-ispejjeż involuti, jew fit-teħid tal-liv jew, pereżempju fil-każ ta' SMEs, biex isibu mod kif jissostitwixxu l-ħin li jqattgħu fil-gruppi ta' esperti, minn hawn 'il quddiem imsejħa "spejjeż alternattivi";

13.  Jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tesplora modi biex tiffaċilita u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet jew gruppi soċjali li m'humiex rappreżentati biżżejjed fil-gruppi ta' esperti, billi tevalwa, inter alia, id-dispożizzjonijiet tagħha għal rimborż ta' spejjeż b'mod effiċjenti u ekwu, inklużi modi possibbli biex tkopri l-infiq għal kwalunkwe "spiża alternattiva" ta' dan it-tip, filwaqt li jkun rispettat kif xieraq il-prinċipju ta' proporzjonalità;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-iżvilupp ta' sistema ta' allowances li tappoġġa lill-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed sabiex jiksbu l-għarfien espert meħtieġ biex ikunu jistgħu jipparteċipaw/jieħdu sehem b'mod sħiħ u effikaċi fil-grupp ta' esperti;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha possibbli biex l-organizzazzjonijiet nongovernattivi Ewropej jiġu rappreżentati fil-gruppi ta' esperti minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet li jkunu l-membri tagħhom fil-livell nazzjonali, meta jingħatalhom mandat ċar mill-organizzazzjonijiet Ewropej;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li – anke jekk, minkejja arranġamenti speċifiċi, għadu mhux possibbli li jinstabu biżżejjed esperti li jirrappreżentaw l-interessi rilevanti kollha – il-grupp ta' esperti konċernat jieħu l-miżuri kollha xierqa, pereżempju permezz ta' proċeduri ta' votazzjoni ponderati, biex jiżgura li r-rapporti finali ta' dawn il-gruppi ta' esperti effettivament jirrappreżentaw l-interessi rilevanti kollha b'mod bilanċjat;

17.  Ifakkar li kemm il-Parlament kif ukoll l-Ombudsman Ewropew irrakkomandaw lill-Kummissjoni biex tippubblika l-aġendi, id-dokumenti ta' sfond, il-minuti tal-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti, sakemm maġġoranza kwalifikata tal-membri tagħhom tiddeċiedi li jkun hemm bżonn li laqgħa speċifika jew parti minn laqgħa jibqgħu sigrieti, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tippersisti f'sistema fejn il-laqgħat jibqgħu sigrieti sakemm ma jkunx hemm maġġoranza sempliċi tal-membri tal-gruppi ta' esperti li tiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi; iqis li huwa essenzjali li tiġi implimentata l-akbar trasparenza possibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi li l-laqgħat u l-minuti jsiru pubbliċi;

18.  Jenfasizza li l-utenti jeħtieġ jingħatalhom aċċess għal firxa ta' dokumenti (aġendi, dokumenti ta' referenza, diversi rapporti), bil-għan li jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti mill-partijiet interessati; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li s-sit web tar-Reġistru tal-gruppi ta' esperti – kemm minnu nnifsu jew permezz ta' hyperlinks għal siti web rilevanti oħrajn – għandu jkun wieħed mill-istrumenti jew mill-mekkaniżmi li jintużaw biex tinkiseb informazzjoni aġġornata b'mod kostanti dwar l-iżviluppi politiċi, u b'hekk jiġi garantit livell għoli ta' trasparenza;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tiżviluppa linji gwida speċifiċi – f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, inkluż il-Parlament – li jispjegaw kif hija tinterpreta d-dispożizzjoni li l-minuti tal-gruppi ta' esperti għandhom ikunu sinifikanti u kompluti, speċjalment meta dawn il-laqgħat ma jkunux pubbliċi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tipprovdi t-trasparenza massima possibbli, li tinkludi l-pubblikazzjoni tal-aġenda, tad-dokumenti ta' sfond, tar-rekords tal-votazzjoni u tal-minuti dettaljati, flimkien mal-opinjonijiet kuntrarji f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew;

20.  Ifakkar li, apparti l-esperti maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, anke l-membri minn universitajiet, istituti ta' riċerka, ditti legali, gruppi ta' riflessjoni u konsulenzi Ewropej u oħrajn jista' jkollhom kunflitti ta' interess, u jitlob lill-Kummissjoni tiċċara kif hija tevita l-kunflitti ta' interess għal dawn il-kategoriji speċifiċi ta' esperti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura – waqt li tibni fuq eżempji pożittivi eżistenti – implimentazzjoni sistematika ta' regoli orizzontali mtejba permezz ta' superviżjoni ċentrali tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli orizzontali, u biex dan ma tiddelegahx lil Direttorati Ġenerali individwali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika, b'mod partikolari, biżżejjed riżorsi għall-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mar-Reġistru, billi tiżviluppa metodi innovattivi u partikolarment effikaċi sabiex jinżamm aġġornat mingħajr ebda żball fattwali u/jew ommissjonijiet, u jippermetti l-esportazzjoni tad-data f'format li jinqara mill-magni;

23.  Jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li, sa tmiem l-2016, id-Direttorati Ġenerali kollha se jkollhom jimplimentaw il-qafas il-ġdid għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament rapport dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni sa mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, jiġifieri qabel l-1 ta' Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, bħala parti mid-djalogu strutturat mal-Parlament, fi żmien is-sitt xhur li ġejjin tista' diġà ssir l-ewwel preżentazzjoni orali tar-rapport;

24.  Jissottolinja barra minn hekk li l-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tabbozza atti delegati u ta' implimentazzjoni u fit-tfassil ta' linji gwida strateġiċi, jeħtiġilha tiżgura li d-dokumenti kollha, inklużi l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi, iridu jaslu għand il-Parlament u l-Kunsill fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(2) ĠU L 246, 14.9.2016, p. 27.
(3) C(2010)7649 tal-10 ta' Novembru 2010.
(4) Dipartiment Tematiku D Affarijiet Baġitarji, Kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-istatus tar-reġistru tal-gruppi ta' esperti, 2015.
(5) OI/6/2014/NF.


Ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE
PDF 290kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (2016/2055(INI))
P8_TA(2017)0022A8-0004/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 22(a) tal-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8,13 u 33 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipju nru 4 tar-Rakkomandazzjoni dwar it-Titjib tal-Kondotta Etika fis-Servizz Pubbliku tal-OECD,

–  wara li kkunsidra l-inkjesta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew tat-2 ta' Marzu 2015 u l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jadottaw ir-regoli meħtieġa dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD bit-titolu "Committing to effective whistle-blower protection" (Impenn għal protezzjoni effikaċi tal-informaturi),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Guja vs Il-Moldova tat-12 ta' Frar 2008, Rikors nru 14277/04,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0004/2017),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, il-Parlament jeħtieġ kemm jista' jkun informazzjoni dwar tali irregolaritajiet; billi f'każijiet li jikkonċernaw irregolaritajiet interni fl-istituzzjonijiet, il-Parlament għandu jkollu d-dritt għal aċċess sħiħ għal informazzjoni sabiex ikun jista' jwettaq il-proċedura ta' kwittanza b'għarfien sħiħ tal-fatti;

B.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament b'bażi eċċellenti biex tagħmel l-eżamijiet tagħha, iżda ma tistax tkopri hi stess in-nefqiet individwali;

C.  billi l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, bl-istess mod, jipprovdu lill-Parlament b'rapporti informattivi dwar l-infiq tagħhom, iżda wkoll jibbażaw fuq mekkaniżmi ta' rappurtar uffiċjali;

D.  billi l-bosta fondi tal-Unjoni huma soġġetti għal ġestjoni kondiviża mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, li tagħmilha diffiċli għall-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-irregolaritajiet li jikkonċernaw proġetti individwali;

E.  billi l-Parlament jirċievi regolarment informazzjoni minn ċittadini individwali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar irregolaritajiet li jikkonċernaw proġetti individwali ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni;

F.  billi l-informaturi għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni, il-kxif u l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-baġit tal-UE, kif ukoll fl-identifikazzjoni u l-pubbliċità ta' każijiet ta' korruzzjoni; billi hemm bżonn li tkun stabbilita u promossa kultura ta' fiduċja li trawwem il-ġid pubbliku Ewropew li, permezz tagħha, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-UE, kif ukoll il-pubbliku ġenerali, iħossuhom protetti tramite prattiki ta' ġestjoni tajba, u li jintwera li l-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġaw, jipproteġu u jinkoraġġixxu l-informaturi potenzjali ta' prattiki ħżiena;

G.  billi huwa essenzjali għal qafas ġuridiku orizzontali li għandu jiġi stabbilit bħala kwistjoni ta' urġenza, li, huwa u jistabbilixxi drittijiet u obbligi, jipproteġi l-informaturi fl-UE kollha, kif ukoll fl-Istituzzjonijiet tal-UE (il-protezzjoni ta' anonimat, tal-għoti ta' assistenza legali, psikoloġika u, fejn ikun meħtieġ, finanzjarja, l-aċċess għal diversi kanali ta' informazzjoni, skemi ta' rispons rapidu, eċċ.);

H.  billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, li tagħmilha obbligatorja li protezzjoni xierqa u effikaċi tiġi pprovduta lill-informaturi;

I.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta hija sors essenzjali ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-investigazzjoni ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku;

J.  billi l-informaturi għandhom rwol partikolarment importanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kxif u l-irrappurtar ta' korruzzjoni u frodi, minħabba li l-partijiet direttament involuti f'dawn il-prattiki kriminali se jippruvaw jaħbuhom b'mod attiv minn mekkaniżmi ta' rapportar uffiċjali;

K.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, ibbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza u tal-integrità, hija essenzjali; il-protezzjoni tal-informaturi għandha għalhekk tiġi garantita bil-liġi u msaħħa fl-UE kollha, iżda biss jekk l-iskop ta' tali azzjoni jkun li dak li jipproteġi l-interess pubbliku billi dak li jkun jaġixxi in bona fede f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

L.  billi l-awtoritajiet m'għandhomx jillimitaw jew inaqqsu l-kapaċità ta' informaturi u ta' ġurnalisti li jiddokumentaw u jiżvelaw il-prattiki illegali, kontra l-liġi jew ta' ħsara, meta l-iżvelar ta' din l-informazzjoni tkun in bona fede u l-interess pubbliku huwa prijorità;

M.  billi mill-1 ta' Jannar 2014, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE ġew obbligati li jintroduċu regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi li jkunu uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE, skont l-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-grupp ta' ħidma tal-Kumitat Preparatorju interistituzzjonali għall-Kwistjonijiet relatati mar-Regolamenti tal-Persunal, li jittratta l-protezzjoni tal-informaturi, għadu ma kkonkludiex il-ħidma tiegħu; billi parti mix-xogħol imwettaq minn dan il-grupp ta' ħidma għandu jkun biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tal-informaturi li jkunu sofrew konsegwenzi negattivi fl-istituzzjonijiet, sabiex jistabbilixxu l-aħjar prattiki bbażati fuq esperjenzi tal-passat; billi dawk ir-regoli interni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ta' ġestjoni u tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi kategoriji skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

N.  billi l-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-Istati Membri ma ġietx implimentata fl-Istati Membri kollha, u lanqas ġiet armonizzata, li jfisser li anki meta l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea huma kkonċernati, jista' jkun riskjuż għall-informaturi li jipprovdu informazzjoni dwar irregolaritajiet lill-Parlament; billi huwa preċiżament minħabba li n-nies jibżgħu minn x'jista' jiġrilhom minħabba n-nuqqas ta' protezzjoni, u għax jemmnu li l-ebda azzjoni mhi se tittieħed, li l-irregolaritajiet ma jiġux irrappurtati, u, bħala riżultat ta' dan, l-interessi finanzjarji tal-UE huma mminati;

O.  billi jeħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe tip ta' ritaljazzjoni kontra l-informaturi tiġi kkastigata b'mod xieraq;

P.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2013 li tistabbilixxi programm Ewropew effettiv u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-informaturi fis-setturi pubbliċi u privati, għall-protezzjoni ta' dawk li jidentifikaw ġestjoni ineffiċjenti u irregolaritajiet u jirrapportaw każijiet ta' korruzzjoni nazzjonali u transkonfinali relatati mal-interessi finanzjarji tal-UE; billi, barra minn hekk, huwa stieden lill-Istati Membri jistabbilixxu protezzjoni xierqa u effikaċi tal-informaturi;

Q.  billi l-leġiżlatur tal-UE diġà ppreveda l-protezzjoni tal-informaturi fi strumenti settorjali, inkluża d-Direttiva 2013/30/UE dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq, id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u r-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi;

R.  billi l-protezzjoni tal-informaturi fl-Unjoni saret saħansitra aktar urġenti, peress li d-Direttiva dwar is-sigriet kummerċjali tillimita d-drittijiet tal-informaturi u li jista', b'hekk, ikollha l-effett mhux intenzjonat li jiskoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jirrapportaw irregolaritajiet fil-kuntest tal-finanzjamenti tal-Unjoni li minnhom ibbenefikaw il-kumpaniji individwali;

S.  billi diġà twettqet ħidma importanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Kunsill tal-Ewropa, li żviluppaw rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-informaturi ta' prattiki ħżiena;

T.  billi skont l-OECD aktar minn terz tal-organizzazzjonijiet b'mekkaniżmu ta' rappurtar ma kellhomx politika bil-miktub dwar il-protezzjoni tal-informaturi mir-ritaljazzjoni, jew ma kinux jafu biha;

U.  billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħalma huma Transparency International, Whistleblowing International Network u oħrajn żviluppaw, bl-istess mod, prinċipji internazzjonali għal-leġiżlazzjoni tal-informaturi li għandhom iservu bħala sors ta' ispirazzjoni għal inizjattivi tal-UE f'dan ir-rigward;

V.  billi, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għandu kompetenza ċara f'dak li għandu x'jaqsam mal-investigazzjoni ta' lmenti ta' ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-UE, iżda m'għandu ebda rwol x'jaqdi fil-protezzjoni tal-informaturi fi ħdan l-Istati Membri;

W.  billi fl-aħħar verżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014, introduċew diversi dispożizzjonijiet dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

X.  billi l-protezzjoni tal-informaturi hija essenzjali għall-ġid pubbliku u għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tiġi promossa kultura ta' responsabbiltà pubblika u l-integrità fl-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll privati;

Y.  billi f'ħafna ġurisdizzjonijiet, u b'mod partikolari fis-settur privat, l-impjegati huma soġġetti għad-dmirijiet ta' kunfidenzjalità fir-rigward ta' ċerta informazzjoni, li jfisser li l-informaturi jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' azzjonijiet dixxiplinari għar-rappurtar barra l-organizzazzjoni tagħhom;

1.  Jiddeplora l-fatt li s'issa l-Kummissjoni naqset milli tressaq proposta leġiżlattiva mmirata lejn l-istabbiliment ta' livell minimu ta' protezzjoni Ewropew għall-informaturi;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi programm Ewropew effikaċi u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-informaturi li jinkludi mekkaniżmi għall-kumpaniji, għall-korpi pubbliċi u għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' lukru u, b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva qabel tmiem din is-sena dwar il-protezzjoni tal-informaturi bħala parti mill-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontrihom li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-għan li tiġi offruta protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji;

3.  Iqis li l-informaturi jiżvolġu rwol essenzjali biex jgħinu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE jevitaw u jindirizzaw każijiet ta' ksur tal-prinċipju ta' integrità u ta' abbuż ta' poter li jheddu jew jiksru s-saħħa pubblika u s-sikurezza, l-integrità finanzjarja, l-ekonomija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew l-istat tad-dritt fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, jew li jżidu l-qgħad, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni ġusta u jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-informaturi jikkontribwixxu ferm biex tiżdied il-kwalità demokratika tal-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll il-fiduċja fihom għax b'hekk l-istituzzjonijiet iridu jagħtu rendikont direttament liċ-ċittadini u jkunu aktar trasparenti;

4.  Jinnota li kemm l-informaturi kif ukoll il-korp jew l-istituzzjoni pubbliċi involuti għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali tad-drittijiet garantiti lilhom mill-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u minn dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali;

5.  Ifakkar li l-Istati Membri, bħala l-ewwel destinatarji tal-fondi tal-UE, għandhom l-obbligu li jeżaminaw il-legalità ta' kif jintefqu;

6.  Jinnota li kienu biss ftit l-Istati Membri li introduċew sistemi avvanzati biżżejjed ta' protezzjoni tal-informaturi; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx prinċipji sabiex jiġu protetti l-informaturi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw regoli effikaċi kontra l-korruzzjoni u, fl-istess ħin, jimplimentaw kif xieraq l-istandards u l-linji gwida Ewropej u internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informaturi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom;

8.  Jiddispjaċih li ħafna Stati Membri għad iridu jqiegħdu fis-seħħ regoli ddedikati għall-protezzjoni tal-informaturi, minkejja l-ħtieġa essenzjali ta' protezzjoni tal-informatur fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha, u minkejja l-fatt li l-protezzjoni tal-informaturi hi rakkomandata fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni;

9.  Jenfasizza li l-iżvelar ta' informazzjoni dwar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jfisser l-iżvelar jew ir-rappurtar ta' għemil ħażin, inklużi, iżda mhux limitat għal, korruzzjoni, frodi, kunflitti ta' interess, evażjoni u evitar tat-taxxa, ħasil tal-flus, infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata u atti maħsubin biex jgħattu xi waħda minn dawn;

10.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa kultura etika li tgħin biex tiżgura li l-informaturi ma jsofrux minn ritaljazzjoni jew jiffaċċjaw kunflitti interni;

11.  Itenni l-fatt li informatur huwa meħtieġ jagħti informazzjoni dwar irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, kif ukoll il-fatt li l-informaturi għandhom dejjem jikkooperaw billi jiskambjaw informazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti tal-UE;

12.  Itenni l-fatt li l-informaturi, meta mqabblin mal-persuni esterni, ħafna drabi jkollhom aċċess aħjar għal informazzjoni sensittiva, u b'hekk jista' jkun iktar probabbli li jesperjenzaw il-konsegwenzi negattivi fuq il-karriera professjonali tagħhom jew li s-sikurezza personali tagħhom tkun f'riskju, li hija protetta skont l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

13.  Jenfasizza li d-definizzjoni ta' żvelar ta' informazzjoni tinkludi l-protezzjoni ta' dawk li jikxfu informazzjoni biċ-ċertezza raġonevoli li l-informazzjoni kienet veritiera fiż-żmien li ġiet żvelata, inklużi dawk li jagħmlu żvelar mhux preċiż bi żball ġenwin;

14.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposta tagħha toffri l-istess protezzjoni lill-ġurnalisti investigattivi hekk kif toffri lill-informaturi;

15.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti tal-UE għall-ġbir ta' tagħrif, għall-konsulenza u għall-konsultazzjoni, b'uffiċċji fi Stati Membri li jkunu f'pożizzjoni li jirċievu rapporti ta' irregolaritajiet, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, b'kompetenzi adegwati u bi speċjalisti xierqa, sabiex jgħinu l-informaturi interni u dawk esterni jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw informazzjoni dwar il-possibbiltà ta' irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-pariri meħtieġa; fl-ewwel fażi, il-ħidma tkun primarjament ibbażata fuq verifika affidabbli tal-informazzjoni riċevuta;

16.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha, jintroduċu u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex iħarsu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe azzjoni diskriminatorja jew theddid;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew fl-2014 biex iniedi investigazzjoni fuq inizjattiva proprja, li tindirizza l-istituzzjonijiet tal-UE, fil-qasam tal-protezzjoni tal-informaturi, u japprezza r-riżultati pożittivi ħafna li kellha; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal-UE li għadhom m'għamlux dan, biex, mingħajr dewmien, japplikaw il-linji gwida li tfasslu wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni;

18.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu kas tat-tħassib serju tal-informaturi indifiżi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tipprovdi pjan ta' azzjoni komprensiv dwar din il-kwistjoni;

19.  Jitlob il-ħolqien ta' unità speċjali b'linja ta' rapportar fi ħdan il-Parlament, kif ukoll ta' faċilitajiet iddedikati (pereżempju hotlines, siti web, punti ta' kuntatt) biex jirċievu informazzjoni relatata mal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħand informaturi, li se tipprovdihom ukoll b'pariri u għajnuna biex jipproteġihom kontra kull possibbiltà ta' miżuri ta' tpattija, sa meta tiġi stabbilita istituzzjoni indipendenti tal-UE kif imsemmi fil-paragrafu 4;

20.  Jitlob li jitnieda sit web fejn jistgħu jitressqu lmenti; jenfasizza li s-sit web għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jaħżen id-data tagħhom b'mod anonimu;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi qafas ġuridiku ċar li jiggarantixxi li dawk li jikxfu attivitajiet illegali jew mhux etiċi jkunu protetti minn ritaljazzjoni jew prosekuzzjoni;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti għal protezzjoni sħiħa ta' dawk li jikxfu l-illegalitajiet u l-irregolaritajiet, u tipprovdi pjan komprensiv biex tiskoraġġixxi t-trasferiment ta' assi lejn pajjiżi barra l-UE li jservu bħala protetturi tal-anonimat għall-persuni korrotti;

23.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi żgurat li mekkaniżmi ta' rappurtar huma aċċessibbli u sikuri, u li l-affermazzjonijiet tal-informaturi jiġu investigati b'mod professjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, sakemm ikun fil-mandat tiegħu, u meta dan jiġi stabbilit, jistabbilixxu kanali ta' komunikazzjoni effiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati, u fl-istess ħin, jistabbilixxu proċeduri biex jirċievu u jipproteġu l-informaturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-irregolaritajiet li jirrigwardaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u biex jinħoloq protokoll ta' ħidma uniku għall-informaturi;

25.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kollha tal-UE jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat rikonoxximent u kunsiderazzjoni u rispett tal-informaturi fil-każijiet kollha li jolqtuhom jew li laqtuhom, u li ġew rikonoxxuti bħala tali, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u jindika li dan għandu japplika b'mod retroattiv; jistedinhom, barra minn hekk, jirrapportaw , pubblikament u b'mod sostanzjali, dwar id-deċiżjonijiet kkonċernati lill-istituzzjoni kollha kemm hi;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-Parlament bi kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand informaturi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jinkludu kapitolu dwar l-allerti tagħhom u fuq is-segwitu ta' dawn fir-rapporti ta' attività annwali; jitlob li tittieħed azzjoni mill-PE biex tiġi stabbilita l-preċiżjoni tal-informazzjoni sabiex jittieħdu miżuri xierqa;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni pubblika biex tislet l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar il-mekkaniżmi ta' rappurtar u dwar in-nuqqasijiet potenzjali tal-proċeduri fil-livell nazzjonali; ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jirrappreżentaw kontribut siewi għall-Kummissjoni fit-tħejjija tal-proposta futura tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

28.  Jistieden lill-korp indipendenti tal-UE, u sakemm dan jitwaqqaf, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jiktbu u jippubblikaw rapport annwali dwar l-evalwazzjoni ta' protezzjoni għall-informaturi fl-Unjoni Ewropea;

29.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Qorti tal-Awdituri tinkludi taqsima speċifika dwar ir-rwol tal-informaturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rapporti annwali tagħha;

30.  Jistieden lill-aġenziji tal-UE jipprovdu politika bil-miktub dwar il-protezzjoni ta' dawk li jirrapportaw minn ritaljazzjoni;

31.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament, il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data implimentaw regoli interni li jipproteġu lill-informaturi, f'konformità mal-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha jiżguraw li r-regoli interni rispettivi tagħhom dwar il-protezzjoni tal-informaturi li jkunu adottaw ikunu robusti u komprensivi;

32.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw data, parametri ta' riferiment u indikaturi dwar il-politiki tal-informaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

33.  Ifakkar li d-Direttiva tal-Kummissjoni 2015/2392 (UE) tistabbilixxi l-proċeduri għar-rappurtar, iż-żamma ta' rekords u miżuri ta' protezzjoni għall-informaturi; jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-informaturi jistgħu jirrapportaw ksur b'mod kunfidenzjali u li l-anonimat tagħhom jitħares kif suppost u bis-sħiħ, anke fl-ambjent diġitali, imma jiddispjaċih li dan hu wieħed mill-ftit atti leġiżlattivi settorjali li jinkludi dispożizzjonijiet għall-informaturi;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistudja l-aħjar prattiki dwar l-informaturi minn programmi li diġà huma fis-seħħ f'pajjiżi oħra fid-dinja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi skemi eżistenti jipprovdu premijiet finanzjarji għall-informaturi (bħal perċentwal tas-sanzjonijiet ordnati); iqis li għalkemm dan jeħtieġ li jiġi ġestit bir-reqqa biex jiġi evitat l-abbuż li jista' jkun hemm, tali premijiet jistgħu joffru introjtu importanti lil persuni li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba żvelar ta' informazzjoni;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jieqfu milli jikkriminalizzaw l-azzjonijiet tal-informaturi meta jiżvelaw informazzjoni dwar attivitajiet illegali jew irregolaritajiet li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.
(2) ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1.


Lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet *
PDF 257kWORD 51k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI fir-rigward tal-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet (15778/2016 – C8-0007/2017 – 2016/0823(CNS))
P8_TA(2017)0023A8-0035/2017

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (15778/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendata bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, skont liema l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C8-0007/2017),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(1)(a) tiegħu, skont liema l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C8-0007/2017),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni kklassifikata(2), b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet(3), kif emendati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/269/UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill Ewropew, mill-President tal-Kummissjoni u mill-Prim Ministru tad-Danimarka tal-15 ta’ Diċembru 2016, li enfasizzat il-ħtiġijiet operazzjonali, iżda wkoll in-natura eċċezzjonali u tranżitorja, tal-arranġament previst bejn l-Europol u d-Danimarka,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni msemmija hawn fuq, li enfasizzat li l-arranġament previst huwa kundizzjonali fuq is-sħubija kontinwa tad-Danimarka mal-Unjoni u maż-żona Schengen, l-obbligu tad-Danimarka li timplimenta b’mod sħiħ fid-dritt Daniż id-Direttiva (UE) 2016/680(4) dwar il-protezzjoni tad-data fi kwistjonijiet marbuta mal-pulizija sal-1 ta’ Mejju 2017 u l-approvazzjoni tad-Danimarka għall-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-kompetenza tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-eżitu r-referendum Daniż tat-3 ta’ Diċembru 2015 b’rabta mal-Protokoll Nru 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0035/2017),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex, fi ħdan id-dispożizzjonijiet tal-arranġament futur bejn l-Europol u d-Danimarka, jipprovdi data ta’ skadenza ta’ ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, sabiex tiġi żgurata n-natura tranżitorja tiegħu bil-ħsieb ta’ sħubija sħiħa jew tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Europol.

(1) ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.
(2) ĠU L 325, 11.12.2009, p. 6.
(3) ĠU L 325, 11.12.2009, p. 12.
(4) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Is-soġġettar tas-sustanza psikoattiva ġdida metil-2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll *
PDF 248kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar is-soġġettar tas-sustanza psikoattiva ġdida metil-2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll (12356/2016 – C8-0405/2016 – 2016/0262(NLE))
P8_TA(2017)0024A8-0024/2017

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (12356/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0405/2016),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0024/2017),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail
PDF 438kWORD 53k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail) (COM(2016)0742 – C8-0018/2017 – 2017/2014(BUD))
P8_TA(2017)0025A8-0036/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0742 – C8-0018/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0036/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi n-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi), prinċipalment fir-reġjuni fil-livell NUTS 2 ta' Drenthe (NL13) u ta' Overijssel (NL21) u billi hu mistenni li 800 mill-1 096 ħaddiem eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG se jieħdu sehem fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterju ta' intervent tal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jkun hemm tal-anqas 500 sensja matul perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'impriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit f'Diviżjoni ta' NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi kien hemm bidliet sinifikanti fl-atteġġament tal-konsumaturi, bħat-tnaqqis tal-bejgħ fil-kategorija ta' prezzijiet medji u l-popolarità dejjem tikber tax-xiri min fuq l-internet; billi anke l-iżvilupp ta' ħafna żoni kummerċjali ġodda f'ħafna bliet tan-Netherlands barra miċ-ċentri tal-bliet u l-fiduċja dejjem tonqos tal-konsumaturi(4) fl-ekonomija laqtu b'mod ħażin il-qagħda tas-settur tal-bejgħ bl-imnut konvenzjonali;

G.  billi n-Netherlands qed targumenta li s-settur finanzjarju tagħha, bħala attur fil-livell globali, huwa marbut mir-regoli internazzjonali, inklużi r-regoli għar-riżervi finanzjarji, u li, peress li qed ikollhom jirrispettaw l-istandards internazzjonali ġodda, il-banek għandhom inqas riżorsi milli kellhom qabel biex jiffinanzjaw lill-ekonomija;

H.  billi bejn l-1 ta' Awwissu 2015 u l-1 ta' Mejju 2016 ingħataw 1 096 sensja fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjuni ta' Drenthe u Overijssel, fin-Netherlands;

I.  billi, għalkemm is-servizzi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa jipprovdu 11 % tal-PDG tal-Unjoni u 15 % tal-impjiegi totali fl-Unjoni, is-settur xorta waħda għadu jbati mill-kriżi;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti, u li għalhekk in-Netherlands hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 818 750 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 031 250;

2.  Jinnota li n-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-12 ta' Lulju 2016, u li l-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fid-29 ta' Novembru 2016 u ġiet innotifikata lill-Parlament fit-23 ta' Jannar 2017;

3.  Jinnota li s-settur tan-negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi, kien is-suġġett ta' 6 applikazzjonijiet oħra għall-FEG, li kollha kienu bbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali(5);

4.  Jinnota li l-pożizzjoni finanzjarja dgħajfa tal-akbar department stores għamlithielhom impossibbli li jinvestu f'mudelli ta' ħwienet oħra sabiex jiksbu l-bidliet meħtieġa u jerġgħu jsiru kompetittivi;

5.  Jindika li, fin-Netherlands, is-suq tax-xogħol qed jirkupra bil-mod mill-kriżi u li l-effetti għadhom viżibbli f'ċerti setturi u li huwa biss dan l-aħħar li xi setturi, bħal dak tan-negozju bl-imnut, bdew ibatu tassew mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

6.  Jinnota l-ħafna sensji li ngħataw fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fin-Netherlands f'dawn l-aħħar xhur, bil-fallimenti tad-department stores ewlenin tas-settur li wasslu biex b'kollox ingħataw 27 052 sensja(6) fil-perjodu 2011-2015; jinnota b'dispjaċir li l-volum tal-prodotti mibjugħa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut segwa din ix-xejra, u niżel minn -2 % fl-2011 għal -4 % fl-2013, bix-xiri għadu 2,7 % taħt il-livell tal-2008(7);

7.  Jenfasizza li s-settur tal-bejgħ bl-imnut jirrappreżenta sehem konsiderevoli tal-impjiegi (17-19 %) fir-reġjuni fil-livell NUTS 2 ta' Drenthe u Overeijssel; jinnota li fallew 5 200 ħanut li jbigħu bl-imnut mill-bidu tal-kriżi, imma kien biss dan l-aħħar li bdew jintlaqtu l-akbar department stores; jiddispjaċih li dan wassal biex bejn Jannar 2015 u Marzu 2016 l-għadd tal-persuni li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad f'dawn ir-reġjuni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut żdied bi 3 461(8);

8.  Jiddispjaċih li l-aktar li qed jintlaqtu huma l-ħaddiema żgħażagħ: mill-benefiċjarji indirizzati, 67,1 % għandhom anqas minn 30 sena;

9.  Jisħaq fuq il-perjodu twil li l-benefiċjarji indirizzati jqattgħu mingħajr ma jaħdmu jew mingħajr ma jkunu f'edukazzjoni jew f'taħriġ, kif ukoll il-perjodu twil ta' iżjed minn sena bejn id-data meta ngħatat l-aħħar sensja (fl-1 ta' Mejju 2016) u ż-żmien meta l-Istat Membru applikant se jibda jirċievi l-għajnuna mill-FEG;

10.  Jirrikonoxxi l-fatt li n-Netherlands indikat li l-applikazzjoni, b'mod partikolari l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati, tfasslet f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, mas-sħab soċjali u ma' rappreżentanti tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u tar-reġjuni kkonċernati;

11.  Jinnota li l-applikazzjoni ma tinkludi l-ebda allowance jew inċentiv minn dawk msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG; jilqa' d-deċiżjoni li l-ispejjeż tal-assistenza teknika jiġu limitati għal 4 % tal-ispejjeż totali, b'mod li jibqa' 96 % biex jintużaw għall-pakkett ta' servizzi personalizzati;

12.  Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina metodi ġodda biex tnaqqas id-dewmien fl-għoti tal-appoġġ mill-FEG billi tnaqqas il-burokrazija marbuta mal-proċedura ta' applikazzjoni;

13.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jinkludu valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet, il-potenzjalitajiet u l-prospettivi ta' impjieg tal-parteċipanti; għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u ġestjoni tal-każijiet; "riżerva ta' mobilità" flessibbli b'impjiegi temporanji għal min ikun qed ifittex xogħol u għall-impjegaturi; għajnuna għar-rikollokament: taħriġ u taħriġ mill-ġdid inklużi taħriġ, trawwim u għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;

14.  Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, jenħtieġ li t-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, u li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

15.  Jinnota li l-awtoritajiet Netherlandiżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kull finanzjament doppju se jiġi evitat, li dawn se jkunu komplimentari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li r-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni li jirrigwardaw sensji kollettivi se jiġu rrispettati;

16.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

17.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/559.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) https://www.cbs.nl/nl-nl/nieuws/2016/11/consumentenvertrouwen-daalt-opnieuw
(5) EGF/2010/010 CZ/Unilever, COM(2011)0061; EGF/2010/016 ES/Aragón retail, COM(2010)0615; EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas, COM(2011)0580; EGF/2014/009_EL/Sprider stores, COM(2014)0620; EGF/2014/013_EL/Odyssefs Fokas, COM(2014)0702; EGF/2015/011_GR/Supermarket Larissa, COM(2016)0210.
(6)http://www.consultancy.nl/nieuws/11992/de-25-grootste-faillissementen-van-retailketens-en-winkels
(7)Fokus fuq il-konsum, Aġenzija Ekonomika ABN-AMRO, Mathijs Deguelle u Nico Klene. Żvilupp tal-volum tas-settur tal-bejgħ bl-imnut. 24 ta' Jannar 2014. Pronjożijiet għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, Aġenzija ABN-AMRO, Sonny Duijn, paragrafu 1. 22 ta' Jannar 2016.
(8) Ċifri mill-aġenzija UWV, April 2016.


Reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp
PDF 585kWORD 79k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (2016/2094(INI))
P8_TA(2017)0026A8-0020/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005(1),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Busan dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp(2) u l-Pożizzjoni Komuni tal-UE għat-tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) li saret f'Nairobi (mit-28 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2016)(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna ta' Diċembru 2011, li vara l- GPEDC,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 bit-titolu "Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 fi New York(4),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Dili tal-10 ta' April 2010, dwar il-bini tal-paċi u l-bini tal-istati, kif ukoll "Il-Patt il-Ġdid favur l-Involviment fi Stati Fraġli" varat fit-30 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi (COP 21) skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla" (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra s-Summit Umanitarju Dinji li sar bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016 f'Istanbul u l-Impenji għal Azzjoni tiegħu(7),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III) li saret mis-17 sal-20 ta' Ottubru 2016 f'Quito, l-Ekwador(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-OECD/UNDP bit-titolu "Making Development Cooperation More Effective" (Lejn Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Aktar Effikaċi)(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jiddikjara li "l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin", u li jiddefinixxi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar bħala l-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar l-għeruq tad-demokrazija u tal-iżvilupp sostenibbli: l-involviment tal-Ewropa mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha(11),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016(12),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), iffirmata u ratifikata mill-UE fl-2011, u l-Osservazzjonijiet Konklużivi tan-NU dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2005 dwar il-proposta għal Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea għall-Iżvilupp "Il-Kunsens Ewropew"(13), tal-5 ta' Lulju 2011 dwar żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE(14), tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp(15), tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(16), tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(17), tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(18), tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp(19), tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(20), tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(21) u tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(22),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020 (SWD(2015)0182) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 li japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi korrispondenti,

–  wara li kkunsidra l-qafas il-ġdid għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE (2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(23),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-erba' prinċipji fundamentali tiegħu ta' nondiskriminazzjoni (Artikolu 2), l-aħjar interessi tat-tfal (Artikolu 3), is-sopravivenza, l-iżvilupp u l-protezzjoni (Artikolu 6) u l-parteċipazzjoni (Artikolu 12),

–  wara li kkunsidra r-rapport li jmiss tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE (2015/2342(INI)), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2016 dwar iż-żieda fl-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(24),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0020/2017),

A.  billi reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp hija f'waqtha u neċessarja meta jiġi kkunsidrat il-qafas estern mibdul, inkluża l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Ftehim ta' Pariġi COP 21 dwar it-tibdil fil-klima, il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, sfidi globali ġodda jew li qed jiżdiedu bħat-tibdil fil-klima, il-kuntest tal-migrazzjoni, pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar diversifikati bi ħtiġijiet ta' żvilupp differenti u speċifiċi, donaturi emerġenti u atturi globali ġodda, spazju li qed jonqos għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u bidliet interni fl-UE, fosthom dawk li jirriżultaw mit-Trattat ta' Lisbona, mill-Aġenda għall-Bidla u mill-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà;

B.  billi l-Aġenda 2030 universali u l-SDGs interrelatati għandhom l-għan li jiksbu żvilupp sostenibbli fil-limiti tal-pjaneta, filwaqt li jibnu sħubijiet li jqiegħdu lin-nies fiċ-ċentru, jipprovdulhom riżorsi vitali bħall-ikel, l-ilma u s-sanità, il-kura tas-saħħa, l-enerġija, l-edukazzjoni u opportunitajiet ta' impjieg, u jippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd; billi l-azzjonijiet iridu jittieħdu skont il-prinċipji ta' sjieda tal-pajjiż, ta' sħubijiet ta' żvilupp inklużivi, ta' enfasi fuq ir-riżultati, ta' trasparenza u r-responsabbiltà; billi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet huwa prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli f'konformità mar-riżoluzzjoni 41/128 tan-NU, fejn id-dritt għall-iżvilupp huwa definit bħala dritt tal-bniedem inaljenabbli;

C.  billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jiddikjara li "l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin";

D.  billi t-tibdil fil-klima huwa fenomenu li jrid jiġi ttrattat b'mod urġenti, peress li jolqot ferm aktar lill-foqra u lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli;

E.  billi tliet kwarti tal-foqra fid-dinja jgħixu f'Pajjiżi b'Introjtu Medju (MICs); billi l-MICs mhumiex grupp omoġenju iżda għandhom ħtiġijiet u sfidi varjati ħafna, u għalhekk il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE trid tkun differenzjata biżżejjed;

F.  billi l-approċċ ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp previst fit-Trattati jesiġi li l-UE tqis l-objettivi dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp meta taġixxi f'oqsma politiċi oħra li x'aktarx li jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi oqsma ta' politika marbuta mill-qrib bħall-kummerċ, is-sigurtà, il-migrazzjoni, l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp għalhekk iridu jiġu fformulati u implimentati b'mod li jsaħħu lil xulxin;

G.  billi l-migrazzjoni saret kwistjoni dejjem aktar urġenti, b'aktar minn 65 miljun ruħ ikunu vittmi ta' spostament forzat madwar id-dinja; billi l-maġġoranza l-kbira tar-rifuġjati jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-fraġilità tal-istati, l-instabbiltà u l-gwerer, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-faqar estrem u n-nuqqas ta' prospetti huma fost il-kawżi ewlenin li jwasslu lin-nies jitilqu minn djarhom; billi miljuni ta' nies emigraw jew ħarbu lejn l-UE fis-snin riċenti;

H.  billi xi proposti riċenti mill-Kummissjoni għandhom it-tendenza li jqisu l-politika tal-iżvilupp mill-perspettiva l-ġdida tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, sabiex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet tal-UE li sikwit ikunu għall-perjodu qasir; billi m'għandu jkun hemm l-ebda kundizzjonalità bejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; billi fondi bħall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika u l-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE ġew stabbiliti bl-għan li jkun hemm reazzjoni għall-kriżijiet migratorji riċenti fl-UE; billi l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE jrid ikollha bħala l-objettiv primarju tagħha t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp;

I.  billi s-saħħa u l-edukazzjoni huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-investiment biex jiġi ggarantit aċċess universali f'dawn l-oqsma għalhekk jidher b'mod prominenti fl-Aġenda 2030 u fl-SDGs u għandu jkollu riżorsi adegwati sabiex ikollu effetti konsegwenzjali għal setturi oħra;

J.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma s-sinsla tal-ekonomiji madwar id-dinja, huma parti fundamentali mill-ekonomija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, flimkien mas-setturi pubbliċi li jaħdmu tajjeb, huma fattur ewlieni biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku, soċjali u kulturali; billi l-SMEs spiss jiffaċċjaw aċċess ristrett għall-kapital, b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

K.  billi llum aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija hija urbana, u billi huwa mbassar li dan il-proporzjon jilħaq żewġ terzi sal-2050, b'madwar 90 % tat-tkabbir urban iseħħ fl-Afrika u fl-Asja; billi din it-tendenza ssaħħaħ il-ħtieġa għal żvilupp urban sostenibbli; billi s-sigurtà urbana qed issir sfida dejjem akbar f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw;

L.  billi l-oċeani għandhom rwol vitali għall-bijodiversità, is-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, l-impjiegi u t-tkabbir, iżda billi r-riżorsi tal-baħar huma mhedda mit-tibdil fil-klima u minn sfruttament żejjed u ġestjoni insostenibbli;

M.  billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti qed ifaqqru l-ekosistemi u huma kontributuri importanti għat-tibdil fil-klima;

N.  billi l-politika tal-iżvilupp tal-UE tikkomplementa b'mod importanti l-politika tal-iżvilupp tal-Istati Membri li għandha tiffoka fuq oqsma ta' vantaġġ komparattiv u fuq modi li bihom ir-rwol dinji tal-UE bħala organizzazzjoni jista' jiżviluppa aktar l-objettivi tal-politika tal-iżvilupp tagħha;

O.  billi l-politika tal-iżvilupp hija aspett kruċjali tal-politika esterna tal-UE; billi l-Unjoni hija l-akbar donatur għall-iżvilupp fid-dinja u, flimkien mal-Istati Membri tagħha, tipprovdi aktar minn nofs l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp f'livell dinji;

P.  billi l-inugwaljanzi fil-ġid u fl-introjtu qed jikbru madwar id-dinja; billi din it-tendenza għandha r-riskju li timmina l-koeżjoni soċjali u li żżid id-diskriminazzjoni, l-instabbiltà politika u l-inkwiet politiku; billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi hija għalhekk kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tirrappreżenta strateġija vijabbli biex eventwalment tingħeleb id-dipendenza mill-għajnuna barranija;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp billi jipprovdi pożizzjoni konġunta u koerenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri dwar l-objettivi, il-valuri, il-prinċipji u l-aspetti ewlenin tal-politika tal-iżvilupp, anke fl-implimentazzjoni tagħha; jemmen li l-acquis tal-Kunsens, u b'mod partikolari l-approċċ olistiku tiegħu u l-objettiv primarju ċar tal-ġlieda kontra l-faqar, u eventwalment il-qerda tal-faqar, irid jiġi ssalvagwardjat fir-reviżjoni tiegħu; jemmen, barra minn hekk, li l-indirizzar tal-inugwaljanzi, kif rikonoxxut fl-SDGs, irid ikun mira wkoll; ifakkar li l-politiki tal-iżvilupp fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE għandhom isaħħu u jikkomplementaw lil xulxin;

2.  Iwissi kontra t-twessigħ tal-kriterji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bl-għan li jkopru spejjeż għajr dawk marbuta direttament mal-objettivi msemmija preċedentement; jenfasizza li kwalunkwe riforma tal-ODA irid ikollha l-għan li żżid l-impatt tal-iżvilupp;

3.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' strateġija Ewropea esterna ċara, li tirrikjedi l-koerenza politika, b'mod partikolari dwar il-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, il-kummerċ, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; itenni, madankollu, li l-objettivi tal-iżvilupp huma għanijiet fihom infushom; ifakkar fl-obbligu previst fit-Trattat minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE biex jittieħdu "in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw"; jissottolinja bil-qawwa li l-Parlament jista' jaċċetta biss kunċett qawwi ta' politika tal-iżvilupp imsejjes fl-obbligi tat-TFUE b'enfasi ewlenija fuq il-ġlieda kontra l-faqar; ifakkar fil-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-UE skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

4.  F'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, jiddeskrivi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ġej: ġlieda għad-DINJITÀ permezz tal-qerda tal-FAQAR;

L-objettivi, il-valuri u l-prinċipji tal-iżvilupp tal-UE

5.  Jitlob li l-SDGs, l-Aġenda 2030 u d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli jiġu inklużi fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE u li jitpoġġew fil-qalba tal-Kunsens, filwaqt li jirrikonoxxi l-interkonnessjonijiet importanti bejn l-għanijiet u l-miri tiegħu; jitlob li l-ġlieda kontra l-faqar, u eventwalment il-qerda tal-faqar, jibqgħu l-għan ġenerali u primarju tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-gruppi l-aktar emarġinati u bl-għan li ħadd ma jibqa' lura; jisħaq l-importanza li jiddefinixxi l-povertà skont id-definizzjoni tal-Kunsens u l-Aġenda għal Bidla u fi ħdan il-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona;

6.  Jenfasizza n-natura universali u trasformattiva tal-Aġenda 2030; jissottolinja, għalhekk, li pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw għandhom responsabbiltà kondiviża biex jintlaħqu l-SDGs, u li l-istrateġija tal-UE dwar l-SDGs trid tikkonsisti minn ġabra koerenti ta' politiki u impenji kemm interni kif ukoll esterni b'sett sħiħ ta' għodod tal-politika tal-iżvilupp;

7.  Jinsisti li l-politika tal-iżvilupp trid tirrifletti b'mod aktar konsistenti l-attenzjoni tal-Unjoni fuq l-istati fraġli, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-bniet vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u ta' prattiki dannużi u dawk f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, u jfakkar fl-impenn tal-UE li talloka tal-anqas 20 % tal-ODA tagħha għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem;

8.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet li jistgħu jsostnu lilhom infushom; jitlob lill-UE tistabbilixxi rabtiet bejn l-edukazzjoni ta' kwalità, it-taħriġ tekniku u vokazzjonali u l-kooperazzjoni mal-industrija bħala prekundizzjoni essenzjali għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-aċċess għal impjiegi kwalifikati; jemmen li l-indirizzar b'mod partikolari tal-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi huwa kruċjali kemm għall-iżvilupp kif ukoll għall-protezzjoni tat-tfal;

9.  Jenfasizza li fatturi sistemiċi, inklużi l-inugwaljanza bejn is-sessi, l-ostakli politiċi u l-iżbilanċi tal-poter, għandhom impatt fuq is-saħħa u li l-iżgurar ta' aċċess ekwu għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità pprovduti minn persunal tal-kura tas-saħħa mħarreġ, ikkwalifikat u kompetenti huwa kruċjali; jissottolinja li l-Kunsens il-ġdid għandu għalhekk jippromwovi l-investiment fi, u l-emanċipazzjoni ta', ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-ewwel linja, li għandhom rwol kruċjali biex jiġi garantit l-għoti ta' servizzi tal-kura tas-saħħa f'żoni remoti, foqra u li mhumiex moqdija sew, u f'żoni ta' kunflitt; jenfasizza li l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tas-saħħa ġodda biex jiġu indirizzati theddidiet ġodda għas-saħħa bħall-epidemiji u r-reżistenza għall-antimikrobiċi hija kruċjali għall-ilħuq tal-SDGs;

10.  Jitlob li jkun hemm impenn kontinwu qawwi tal-UE għall-governanza globali bbażata fuq ir-regoli kif ukoll il-promozzjoni tagħha, u b'mod partikolari l-Isħubija Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli;

11.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pajjiżi u bejniethom, id-diskriminazzjoni, b'mod partikolari abbażi tal-ġeneru, l-inġustizzja u l-kunflitt, il-promozzjoni tal-paċi, id-demokrazija parteċipattiva, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetajiet inklużivi u t-tkabbir sostenibbli u l-indirizzar tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-isfidi ta' mitigazzjoni jridu jkunu objettivi trasversali tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; jitlob li l-Aġenda 2030 tiġi implimentata kollha kemm hi u b'mod ikkoordinat u koerenti mal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, anke fir-rigward tal-ħtieġa urġenti li jitnaqqas id-distakk bejn dak li huwa meħtieġ biex jiġi limitat it-tisħin dinji u biex tiżdied il-ħidma fuq l-adattament u l-finanzjament għalih; ifakkar fl-impenn tal-UE li talloka 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020 (madwar EUR 180 biljun) għal sforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, anke permezz tal-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha;

12.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tista' tirriżulta mill-inklużjoni, il-fiduċja u l-innovazzjoni msejsa fuq ir-rispett mis-sħab kollha għall-użu ta' strateġiji nazzjonali u oqfsa tar-riżultati tal-pajjiżi;

13.  Jirrikonoxxi r-rwol speċjali tad-dimensjoni tal-governanza tajba tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-bilanċ bejn l-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali billi tappoġġja strateġiji nazzjonali komprensivi ta' żvilupp sostenibbli u billi tappoġġja l-mekkaniżmi u l-proċessi tajbin ta' governanza tajba, b'enfasi partikolari fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza ta' riformi ta' deċentralizzazzjoni amministrattiva u fiskali bħala mezz biex tiġi promossa l-governanza tajba fil-livell lokali skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà;

14.  Jitlob li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab "jigglokalizzaw" l-SDGs, f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili nazzjonali u lokali, sabiex dawn jissarrfu f'miri nazzjonali u sottonazzjonali kuntestwalment rilevanti integrati fl-istrateġiji, il-programmi u l-baġits ta' żvilupp nazzjonali; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lill-pajjiżi sħab tagħhom biex jinkludu l-ilħna tal-komunitajiet emarġinati fil-monitoraġġ tal-SDGs u jippromwovu mekkaniżmi konkreti biex dan ikun possibbli, f'konformità mal-aġenda "ħadd ma jibqa' lura";

15.  Jitlob li l-politika tal-iżvilupp tal-UE tkompli tagħti prijorità lill-appoġġ lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u lil dawk b'introjtu baxx (LDCs u LICs) kif ukoll lill-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet differenti u speċifiċi tal-pajjiżi b'introjtu medju (MICs), fejn jgħixu l-maġġoranza tal-fqar fid-dinja, skont l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' differenzjazzjoni; jappella għall-integrazzjoni ta' approċċ territorjali għall-iżvilupp sabiex tingħata s-setgħa lill-gvernijiet lokali u reġjonali u biex jiġu indirizzati aħjar l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi;

16.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' sjieda demokratika, li jagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ir-responsabbiltà primarja għall-iżvilupp tagħhom stess iżda li jippermetti wkoll li l-parlamenti nazzjonali u l-partiti politiċi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra jiżvolġu bis-sħiħ ir-rwoli rispettivi tagħhom flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u jipparteċipaw attivament fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li titjieb ir-responsabbiltà 'l fuq u 'l isfel bl-għan li jkun hemm rispons aħjar għall-ħtiġijiet lokali u li titrawwem is-sjieda demokratika taċ-ċittadini;

17.  Jitlob li l-UE tkompli u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-bini tal-kapaċità lokali u reġjonali u għal proċessi ta' deċentralizzazzjoni sabiex il-gvernijiet lokali u reġjonali jingħataw is-setgħa u jsiru aktar trasparenti u responsabbli sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet u t-talbiet taċ-ċittadini tagħhom;

18.  Jappella, f'konformità mal-prinċipju ta' sħubija, għal responsabbiltà kondiviża għall-azzjonijiet konġunti kollha, filwaqt li jiġi promoss l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu rwol imsaħħaħ għall-parlamenti nazzjonali, il-gvernijiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili fis-sorveljanza politika u baġitarja u l-iskrutinju demokratiku; jitlob li l-korruzzjoni u l-impunità jiġu miġġielda b'mod konġunt bil-mezzi kollha u fil-livelli kollha tal-politika;

19.  Jitlob li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-pajjiżi/ir-reġjuni sħab ikun aspett ċentrali ta' kull kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp u li tali djalogi jiffukaw fuq valuri komuni u kif dawn għandhom jiġu promossi; jitlob li jkun hemm aktar involviment parlamentari u tas-soċjetà ċivili fid-djalogi politiċi;

20.  Jissottolinja l-importanza ta' demokrazija pluralistika u inklużiva, u jitlob lill-UE biex tippromwovi kundizzjonijiet ekwi għall-partiti politiċi u soċjetà ċivili dinamika fl-azzjonijiet kollha tagħha, anke permezz tal-bini ta' kapaċità u permezz tad-djalogu mal-pajjiżi sħab biex jitħalla biżżejjed spazju għas-soċjetà ċivili b'mekkaniżmi xprunati miċ-ċittadini, ta' monitoraġġ parteċipattiv u ta' responsabbiltà fil-livell sottonazzjonali, nazzjonali u reġjonali u biex tiżgura l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) fid-disinn, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rieżami u r-responsabbiltà tal-politiki tal-iżvilupp; jitlob li l-UE tirrikonoxxi li l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tkun fattur kruċjali għas-suċċess fis-setturi tal-programmazzjoni kollha, sabiex tinkiseb governanza inklużiva;

21.  Jirrikonoxxi r-rwol tas-soċjetà ċivili biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku biex jiġu indirizzati l-SDGs fil-livell nazzjonali u globali permezz ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni globali taċ-ċittadini;

22.  Jitlob li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet ikunu mira kemm individwali kif ukoll trasversali fil-politika tal-iżvilupp tal-UE skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sesssi u l-Aġenda 2030, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar id-drittijiet indaqs tan-nisa u tal-irġiel fil-qafas tal-iżvilupp; jitlob li tittieħed azzjoni speċifika xprunata mill-politika biex jiġu indirizzati l-isfidi f'dan il-qasam; jitlob li jsiru aktar sforzi mill-UE sabiex jiġi promoss ir-rwol importanti tan-nisa u taż-żgħażagħ bħala aġenti tal-iżvilupp u l-bidla; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-ugwaljanza bejn is-sessi tinkludi l-bniet u s-subien u n-nisa u l-irġiel ta' kull età u li l-programmi għandhom jinkoraġġixxu l-koparteċipazzjoni ugwali u l-promozzjoni ta' drittijiet u servizzi, partikolarment fil-każ ta' aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa u dik riproduttiva, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu promossi, protetti u ssalvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem kollha; jenfasizza li d-difiża tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, kif ukoll is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u abbażi tal-ġeneru, inklużi l-prattiki dannużi kontra t-tfal, iż-żwieġ bikri u sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, huma essenzjali għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-aċċess universali għal informazzjoni u edukazzjoni għall-but ta' kulħadd, komprensivi u ta' kwalità għolja dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u dwar servizzi ta' ppjanar tal-familja; jappella għal aktar azzjonijiet sabiex jitħaffu l-isforzi biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa billi jiġu approfonditi s-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, tissaħħaħ il-kapaċità għal ibbaġitjar u ppjanar abbażi tal-ġeneru u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tan-nisa;

24.  Jappella għal strateġiji speċifiċi tal-UE dwar l-iżvilupp biex jindirizzaw, jipproteġu u jappoġġjaw aħjar il-gruppi vulnerabbli u emarġinati bħan-nisa u t-tfal, il-persuni LGBTI, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-produtturi żgħar, il-kooperattivi, il-minoranzi lingwistiċi u etniċi u l-popli indiġeni, sabiex joffrulhom l-istess opportunitajiet u drittijiet bħal kulħadd, skont il-prinċipju li ħadd ma jaqa' lura;

25.  Itenni l-impenn tal-UE li tinvesti fl-iżvilupp tat-tfal u taż-żgħażagħ billi ttejjeb ir-rappurtar dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp u riżorsi domestiċi ffukati fuq it-tfal, u li ssaħħaħ il-kapaċità taż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f'eżerċizzji ta' responsabbiltà;

26.  Jitlob li jingħata appoġġ lil pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti biex ikollhom aċċess għar-riżorsi u s-sħubijiet meħtieġa biex jinkisbu prijoritajiet tal-iżvilupp, u li jiġi promoss it-tagħlim bejn il-pari bejn dawn il-pajjiżi kif ukoll li jissaħħaħ l-impenn bejn is-sħab favur l-iżvilupp, il-bini tal-paċi, is-sigurtà u l-isforzi umanitarji;

27.  Jissottolinja l-importanza kontinwa tal-objettivi stabbiliti fil-kapitolu dwar l-iżvilupp tal-bniedem tal-Kunsens Ewropew attwali; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-objettivi jintrabtu mal-SDGs u li t-tisħiħ tas-sistema tal-kura tas-saħħa orizzontali (għajr l-appoġġ għall-programmi vertikali għal mard speċifiku) jitqiegħed fiċ-ċentru tal-programmazzjoni tal-iżvilupp tas-saħħa, li jsaħħaħ ukoll ir-reżiljenza fil-każ ta' kriżijiet tas-saħħa bħat-tifqigħa tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-2013-2014, kif ukoll li jiġi żgurat id-dritt fundamentali għall-kura tas-saħħa universali, kif previst fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u mill-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO); ifakkar li l-Artikolu 168 tat-TFUE jiddikjara li livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem irid ikun żgurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni; jappella, f'dan ir-rigward, għal innovazzjoni u żvilupp aktar koerenti tal-politika tal-mediċini li tiggarantixxi aċċess għall-mediċini għal kulħadd;

28.  Jissuġġerixxi, fid-dawl tat-tkabbir demografiku, b'mod partikolari fl-Afrika u fl-LDCs, u filwaqt li jitqies il-fatt li mill-21 pajjiż bl-ogħla rati ta' fertilità, 19 minnhom jinsabu fl-Afrika, li n-Niġerja hija l-pajjiż bl-aktar popolazzjoni li qiegħda tikber malajr fid-dinja, u li sal-2050 aktar minn nofs it-tkabbir tal-popolazzjoni globali huwa mistenni li jseħħ fl-Afrika u din hija problema għall-iżvilupp sostenibbli, li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tqiegħed aktar enfasi fuq programmi li jindirizzaw din il-kwistjoni;

29.  Jilqa' l-fatt li s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni saret qasam ta' prijorità għall-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid, u jilqa' l-inklużjoni ta' għan individwali għall-eliminazzjoni tal-ġuħ, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel u t-titjib tan-nutrizzjoni, u l-promozzjoni ta' agrikoltura sostenibbli; jirrikonoxxi li l-ġuħ u l-faqar mhumiex aċċidenti, iżda r-riżultat ta' inġustizzja u inugwaljanza soċjali u ekonomiċi fil-livelli kollha; itenni li l-Kunsens għandu jenfasizza l-appoġġ kontinwu tal-UE għal approċċi integrati u transsettorjali li jsaħħu l-kapaċità għal produzzjoni tal-ikel lokali diversifikata u għandu jinkludi interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni u sensittivi għan-nutrizzjoni li jindirizzaw espliċitament l-inugwaljanza bejn is-sessi;

30.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà fir-rigward tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-objettivi ODA/GNI ta' 0,7 %; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw skeda ta' żmien dwar kif dawn l-għanijiet u l-objettivi għandhom jintlaħqu gradwalment, b'rappurtar annwali lill-Parlament Ewropew;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċi multisettorjali u integrati biex tinbena r-reżiljenza b'mod effikaċi, li jimplika li ssir ħidma favur l-azzjoni umanitarja, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-protezzjoni soċjali, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, il-mitigazzjoni tal-kunflitti u azzjonijiet oħra ta' żvilupp; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu governanza inklużiva li tindirizza l-ixpruni tal-emarġinazzjoni u l-inugwaljanza abbażi tal-vulnerabbiltà; jirrikonoxxi li l-popolazzjonijiet vulnerabbli jridu jingħataw is-setgħa li jġestixxu r-riskju u li jkollhom aċċess għal proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq il-futur tagħhom;

32.  Jenfasizza r-rwol li tiżvolġi l-kultura fl-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku sostenibbli, u jinsisti li d-dimensjoni kulturali titqies bħala aspett fundamentali tal-politiki ta' solidarjetà, kooperazzjoni u għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; jappella għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-appoġġ għall-politiki kulturali u li jitqiesu ċ-ċirkustanzi lokali meta dan ikun jista' jgħin biex jintlaħaq l-objettiv tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

33.  Jirrimarka li huwa previst li l-popolazzjoni urbana tiżdied bi 2,5 biljun ruħ sal-2050, bi kważi 90 % taż-żieda tkun ikkonċentrata fl-Asja u fl-Afrika; jirrikonoxxi l-problemi li jirriżultaw mit-tkabbir enormi ta' megabliet u l-isfidi li dan il-fenomenu jġib miegħu għas-sostenibbiltà soċjetali u ambjentali; jappella għal żvilupp reġjonali bbilanċjat u jfakkar li attività ekonomika msaħħa fiż-żoni rurali u fil-bliet iżgħar tnaqqas il-pressjoni biex in-nies jemigraw lejn megaċentri urbani, biex b'hekk jittaffu l-problemi ta' urbanizzazzjoni u migrazzjoni inkontrollati;

Differenzjazzjoni

34.  Jissottolinja li, biex strateġija għall-iżvilupp tkun effikaċi, l-UE trid tippromwovi ridistribuzzjoni ġusta tal-ġid lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-baġits nazzjonali, jiġifieri kemm fil-pajjiżi kif ukoll bejniethom; jenfasizza li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp għandha l-ewwel u qabel kollox tiddifferenzja bejn is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet għall-iżvilupp tal-pajjiżi individwali, u mhux abbażi ta' indikaturi mikroekonomiċi waħedhom jew ta' kunsiderazzjonijiet politiċi;

35.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tiġi implimentata biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar importanti u biex jinkiseb l-akbar impatt possibbli kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġiji dwar l-iżvilupp mfassla apposta, iddisinjati lokalment u b'sjieda lokali, biex jitqiesu l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw pajjiżi individwali jew gruppi ta' pajjiżi bħall-SIDS, l-istati fraġli u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw imdawrin bl-art (LLDCs);

36.  Jitlob li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi għall-kooperazzjoni mal-MICs, sabiex jiġi kkonsolidat il-progress tagħhom u jiġu miġġielda l-inugwaljanza, l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni u l-faqar, speċjalment permezz tal-promozzjoni ta' sistemi tat-taxxa ġusti u progressivi, filwaqt li jissottolinja li l-MICs mhumiex grupp omoġenju u għalhekk kull wieħed minnhom għandu ħtiġijiet speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati permezz ta' politiki mfassla apposta; jissottolinja l-ħtieġa li l-għajnuna finanzjarja lill-MICs titwaqqaf responsabbilment u gradwalment u li ssir enfasi fuq forom oħra ta' kooperazzjoni, bħall-assistenza teknika, il-kondiviżjoni tal-għarfien espert u l-għarfien industrijali, is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi li jistgħu jappoġġjaw beni pubbliċi globali bħax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, Nofsinhar-Nofsinhar u triangolari; jenfasizza l-importanza ta' sorsi alternattivi ta' finanzjament, bħall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku, self mhux aġevolanti jew inqas aġevolanti, kooperazzjoni fi kwistjonijiet tekniċi, tat-tassazzjoni, f'dawk relatati mal-kummerċ u mar-riċerka, u sħubijiet pubbliċi-privati;

Effikaċja u finanzjament tal-iżvilupp

Effikaċja tal-iżvilupp

37.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu fuq quddiem fost l-atturi tal-iżvilupp u jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi, il-prijoritizzazzjoni tal-mekkaniżmi, l-għodod u l-istrumenti li jippermettu li aktar riżorsi jaslu għand il-benefiċjarji finali, jiġifieri s-sjieda tal-pajjiż tal-prijoritajiet tal-iżvilupp, l-allinjament ma' strateġiji u sistemi ta' żvilupp nazzjonali tal-pajjiżi sħab, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza, ir-responsabbiltà kondiviża u l-inklużività demokratika tal-partijiet ikkonċernati kollha; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-isforzi tal-UE biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp issir kemm jista' jkun effikaċi, bl-intenzjoni li jingħata kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri ambizzjużi stabbiliti fl-Aġenda 2030 u li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi pubbliċi u privati għall-iżvilupp; jitlob li ssir referenza ċara għall-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp fil-Kunsens għall-Iżvilupp il-ġdid tal-UE;

38.  Itenni l-importanza li jiżdiedu l-fehim u l-involviment attiv taċ-ċittadini Ewropej f'dibattiti ewlenin dwar l-iżvilupp u fit-tentattivi biex jinqered il-faqar globali u biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza, għal dan l-għan, li l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni mhux formali rigward l-iżvilupp, anke permezz tat-tkomplija u l-espansjoni tal-programm Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni għall-Iżvilupp (DEAR), iridu jibqgħu partijiet integrali tal-politiki tal-iżvilupp tal-UE u l-Istati Membri;

39.  Jemmen li s-simplifikazzjoni tal-finanzjament u tal-proċeduri burokratiċi tista' tgħin fit-titjib tal-effikaċja; jitlob li ssir riforma tal-UE biex titħaffef l-implimentazzjoni (kif diġà indirizzat fil-paragrafu 122 tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 2005), li tindirizza l-ħtieġa li jiġu riveduti l-proċeduri ta' għażla billi tingħata aktar attenzjoni lill-applikant: identità, kompetenzi, esperjenzi, prestazzjoni u affidabbiltà fil-qasam (mhux biss fuq rekwiżiti formali ta' eliġibbiltà);

40.  Itenni l-importanza tal-bini ta' kapaċità biex tittejjeb il-kapaċità taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet, il-gvernijiet u s-soċjetajiet biex jiżvolġu r-rwoli rispettivi tagħhom b'mod sħiħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' strateġiji dwar l-iżvilupp sostenibbli;

41.  Jilqa' l-progress li sar, iżda jitlob li jsiru sforzi ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw u jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni ta' programmazzjoni konġunta u l-implimentazzjoni konġunta sabiex jinġabru r-riżorsi, titjieb id-diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiż, jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, jiġu evitati t-trikkib u l-frammentazzjoni tal-għajnuna, jittejjeb il-profil tal-UE fil-livell lokali u jiġu promossi s-sjieda tal-pajjiż tal-istrateġiji dwar l-iżvilupp u l-allinjament mal-prijoritajiet tal-pajjiżi sħab; jenfasizza kemm huwa importanti li l-proċess ta' programmazzjoni konġunta jitwettaq minn partijiet ikkonċernati Ewropej u jinfetaħ għal donaturi oħra biss meta s-sitwazzjoni lokali tiġġustifika dan, iżda mingħajr ma jitnaqqas il-livell ta' sjieda Ewropea tal-proċess; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma' donaturi u organizzazzjonijiet oħra bħal donaturi emerġenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filantropi privati, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji tas-settur privat; jinnota bi tħassib li, sa nofs l-2015, ħames Stati Membri biss tal-UE kienu ppubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni ta' Busan; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni tagħhom u jirrappurtaw annwalment dwar l-isforzi tagħhom rigward l-effikaċja tal-iżvilupp;

42.  Ifakkar fit-talba tiegħu(25) għall-kodifikazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi u l-prattiki biex jiġu żgurati komplementarjetà aħjar u koordinament effikaċi tal-għajnuna għall-iżvilupp fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, waqt li jiġu pprovduti regoli ċari u inforzabbli għall-iżgurar ta' sjieda interna demokratika, armonizzazzjoni, allinjament mal-istrateġiji u s-sistemi tal-pajjiżi speċifiċi, prevedibbiltà tal-fondi, trasparenza u responsabbiltà reċiproka;

43.  Jissottolinja li l-effikaċja tal-iżvilupp għandha tkun wieħed mill-ixpruni ewlenin tal-politika tal-iżvilupp il-ġdida tal-UE; ifakkar li dan jiddependi mhux biss minn donaturi tal-għajnuna iżda anke mill-eżistenza ta' istituzzjonijiet effettivi u reattivi, politiki sodi, l-istat tad-dritt, governanza demokratika inklużiva u salvagwardji kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u flussi finanzjarji illeċiti f'livell internazzjonali;

44.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp, u b'mod partikolari l-kooperazzjoni deċentralizzata bejn il-gvernijiet lokali u reġjonali Ewropej u tal-pajjiżi sħab bħala mezz effikaċi għat-tisħiħ reċiproku tal-kapaċità, u l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell lokali;

Finanzjament għall-iżvilupp

45.  Itenni li l-ODA għandha tibqa' s-sinsla tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; ifakkar fl-impenn tal-UE li tintlaħaq il-mira tal-ODA ta' 0,7 % tal-ING sal-2030; jenfasizza l-importanza ta' pajjiżi oħra, dawk li qegħdin jiżviluppaw u dawk b'ekonomiji emerġenti, kif ukoll iż-żieda fl-għoti tal-ODA tagħhom; jissottolinja r-rwol importanti tal-ODA bħala katalizzatur għall-bidla u lieva għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi oħra; ifakkar fl-impenn tal-UE favur il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għall-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, favur l-għoti tas-sehem tagħha għall-ilħuq tal-mira tal-pajjiżi żviluppati li jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena u favur iż-żamma ta' rduppjar tal-fondi għall-bijodiversità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

46.  Jitlob li jkun hemm kriterji oġġettivi u trasparenti għall-allokazzjoni tar-riżorsi tal-għajnuna għall-iżvilupp fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll f'dak tal-UE; jitlob li dawn il-kriterji jkunu msejsa fuq il-ħtiġijiet, il-valutazzjonijiet tal-impatt u fuq il-prestazzjoni politika, soċjali u ekonomika, bl-għan li l-fondi jintużaw bl-aktar mod effikaċi; jenfasizza, madankollu, li tali allokazzjoni m'għandha qatt tkun soġġetta għall-prestazzjoni f'oqsma li mhumiex marbuta b'mod dirett mal-objettivi tal-iżvilupp; jenfasizza li l-prestazzjoni tajba lejn miri mifthiema b'mod reċiproku għandha tiġi mħeġġa u ppremjata; jenfasizza l-importanza ta' data diżaggregata fil-livell territorjali biex jiġi vvalutat aħjar l-impatt tal-ODA;

47.  Jirrikonoxxi li l-appoġġ baġitarju ġenerali jippromwovi s-sjieda nazzjonali, l-allinjament mal-istrateġiji dwar l-iżvilupp nazzjonali tal-pajjiżi sħab, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka, iżda jissottolinja li dan għandu jkun ikkunsidrat biss meta u fejn il-kundizzjonijiet ikunu tajbin u jkunu fis-seħħ sistemi ta' kontroll effikaċi; jirrimarka li l-appoġġ baġitarju huwa l-aħjar mezz biex jitrawwem djalogu politiku ġenwin li jwassal għal aktar emanċipazzjoni u sjieda;

48.  Jemmen li l-indirizzar tal-SDGs se jeħtieġ finanzjament u azzjoni għall-iżvilupp li jmorru lil hinn mill-ODA u l-politiki pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament domestiku u internazzjonali, kif ukoll dak privat u pubbliku, u l-ħtieġa ta' politiki li jorbtu azzjoni pubblika u privata favur l-iżvilupp u li jwasslu għal ambjent li jippromwovi t-tkabbir u t-tqassim ġust tiegħu permezz tal-baġits nazzjonali;

49.  Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw restrizzjonijiet kbar fiż-żieda tad-dħul mit-taxxi u huma partikolarment affettwati mill-evażjoni tat-taxxa korporattiva u l-flussi finanzjarji illeċiti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) f'dan il-qasam, jinvestigaw l-impatt konsegwenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-arranġamenti u l-liġijiet tat-taxxa tagħhom stess u jesprimu ruħhom favur rappreżentanza aħjar tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-fora internazzjonali mwaqqfa biex jiġu rriformati l-politiki tat-taxxa globali;

50.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-pajjiżi b'introjtu baxx u medju fil-ħolqien ta' sistemi tat-taxxa ġusti, progressivi, trasparenti u effiċjenti, kif ukoll mezzi oħra ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, sabiex jiżdiedu l-prevedibbiltà u l-istabbiltà ta' tali finanzjament u titnaqqas id-dipendenza mill-għajnuna; jitlob li jkun hemm appoġġ bħal dan f'oqsma bħall-amministrazzjoni tat-taxxa u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, is-sistemi ta' ridistribuzzjoni ġusti, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-ġlieda kontra l-ipprezzar ħażin tat-trasferimenti, l-evażjoni tat-taxxa u forom oħra ta' flussi finanzjarji illeċiti; jenfasizza l-importanza tad-deċentralizzazzjoni fiskali u l-ħtieġa ta' bini tal-kapaċità b'appoġġ għall-gvernijiet sottonazzjonali fit-tfassil ta' sistemi lokali tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa;

51.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu rappurtar obbligatorju pajjiż b'pajjiż dwar il-kumpaniji multinazzjonali, flimkien mal-pubblikazzjoni obbligatorja ta' data komprensiva u komparabbli dwar l-attivitajiet tal-kumpaniji sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-effett konsegwenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-politiki, l-arranġamenti u l-liġijiet tat-taxxa tagħhom stess, u jwettqu r-riformi meħtieġa biex jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej li jagħmlu l-profitti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw iħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa f'dawk il-pajjiżi;

52.  Jissottolinja l-ħtieġa tat-taħlit u s-sħubijiet pubbliċi-privati sabiex jiġi mobilizzat finanzjament lil hinn mill-ODA u biex jiġu segwiti b'mod effikaċi l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, iżda jissottolinja wkoll il-ħtieġa li dawn ikunu bbażati fuq kriterji trasparenti, biex jintwerew b'mod ċar l-addizzjonalità u l-impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tagħhom, sabiex ma jitnaqqarx l-aċċess universali għal servizzi pubbliċi essenzjali ta' kwalità, u l-ħtieġa li l-pagamenti kollha jkunu trasparenti; jissottolinja li l-proġetti ffinanzjati jridu jirrispettaw b'mod vinkolanti l-objettivi nazzjonali tal-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali miftiehma f'livell internazzjonali, il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-popolazzjonijiet lokali, kif ukoll il-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, li l-użu tradizzjonali tal-art, pereżempju mis-sidien ta' azjendi żgħar u r-raħħala, normalment mhuwiex dokumentat, iżda jeħtieġ li jiġi rispettat u protett; itenni li l-intrapriżi involuti fis-sħubijiet tal-iżvilupp għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), il-Prinċipji Gwida tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD matul l-operazzjonijiet tagħhom, u għandhom jippromwovu prattiki kummerċjali etiċi; jinnota li l-politiki u l-programmi għall-iżvilupp irendu dividend doppju meta l-effikaċja għall-iżvilupp tiġi ssodisfata; jappella lill-atturi kollha tal-iżvilupp biex jallinjaw bis-sħiħ l-azzjonijiet kollha tagħhom ma' dawn il-prinċipji;

53.  Jitlob lill-UE tippromwovi l-investimenti li jiġġeneraw impjiegi deċenti skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Aġenda 2030; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-valur tad-djalogu soċjali u l-ħtieġa ta' trasparenza u responsabbiltà tas-settur privat fil-każ ta' sħubijiet pubbliċi-privati u meta l-flus għall-iżvilupp jintużaw għall-finanzjament imħallat;

54.  Jenfasizza li l-fondi għall-iżvilupp użati għall-Pjan ta' Investiment Estern (PIE) propost, kif ukoll għall-fondi fiduċjarji eżistenti, iridu jikkonformaw mal-objettivi tal-iżvilupp kompatibbli mal-ODA u mal-SDGs il-ġodda; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu lill-Parlament jaqdi r-rwol tiegħu ta' sorveljanza meta l-fondi tal-UE għall-iżvilupp jintużaw barra mill-proċeduri normali tal-baġit tal-UE, b'mod partikolari billi jingħata l-istatus ta' osservatur fuq il-PIE, il-fond fiduċjajru u bordijiet strateġiċi oħra li jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi u l-proġetti;

55.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi, mikro, żgħar u medji, tal-kooperattivi, il-mudelli kummerċjali inklużivi u l-istituti tar-riċerka bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali, li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-SDGs; jitlob li jiġi promoss ambjent li jippermetti l-investiment, l-industrijalizzazzjoni, l-attività kummerċjali, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni sabiex jiġi stimolat u jitħaffef l-iżvilupp ekonomiku u uman domestiku, kif ukoll li jiġu promossi programmi ta' taħriġ u djalogi pubbliċi-privati regolari; jirrikonoxxi r-rwol tal-BEI skont il-PIE tal-UE u jenfasizza li l-inizjattivi tiegħu għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ u n-nisa, u għandhom – f'konformità mal-prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp – jikkontribwixxu għall-investiment f'setturi soċjalment importanti bħall-ilma, is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll fl-appoġġ tal-intraprenditorija u s-settur privat lokali; jitlob lill-BEI jiddedika aktar riżorsi għall-mikrofinanzjament b'perspettiva qawwija ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-BEI, barra minn hekk, biex jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzja investimenti fit-tul għall-benefiċċju tal-iżvilupp sostenibbli u jistieden lil banek tal-iżvilupp oħra jipproponu faċilità ta' mikrokreditu biex jissussidjaw self sostenibbli għall-farms tal-familja;

56.  Iqis li huwa indispensabbli li l-Kunsens il-ġdid jagħmel referenza għal impenn qawwi tal-UE li tqiegħed fis-seħħ qafas internazzjonali legalment vinkolanti biex iżomm lill-kumpaniji responsabbli għall-prattika ħażina tagħhom fil-pajjiżi fejn joperaw, minħabba li dawn għandhom impatt fuq l-oqsma kollha tas-soċjetà – mill-benefiċċji mix-xogħol tat-tfal għan-nuqqas ta' paga li tiggarantixxi l-għajxien, mit-tixrid taż-żejt għad-deforestazzjoni massiva, u mill-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-ħtif tal-art;

57.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu miżuri vinkolanti biex jiżguraw li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi li fihom il-valur jiġi estratt jew maħluq u biex jippromwovu rappurtar obbligatorju pajjiż b'pajjiż mis-settur privat, u b'hekk jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi; jitlob analiżi tar-riperkussjonijiet biex jiġu studjati prattiki possibbli ta' trasferiment tal-profitti;

58.  Jappella għal approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-bniedem għas-sostenibbiltà tad-dejn permezz ta' sett vinkolanti ta' standards biex jiġu definiti s-self u t-teħid ta' self responsabbli, l-awditi tad-dejn u mekkaniżmu ġust ta' ristrutturazzjoni tad-dejn, li għandu jivvaluta l-leġittimità u s-sostenibbiltà tal-piż tad-dejn tal-pajjiżi;

Koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

59.  Jappella għal dibattitu madwar l-UE dwar il-PCD sabiex tiġi ċċarata r-rabta bejn il-PCD u l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli (PCSD); jenfasizza l-importanza fundamentali tal-applikazzjoni tal-prinċipji PCD fil-politiki kollha tal-UE; jenfasizza li l-PCD għandha tkun element ewlieni tal-istrateġija tal-UE biex jintlaħqu l-SDGs; itenni l-ħtieġa ta' aktar sforzi mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki interni u esterni kollha li x'aktarx jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jinstabu mekkaniżmi effikaċi u biex jintużaw l-aħjar prattiki eżistenti fil-livell tal-Istati Membri biex tiġi implimentata u evalwata l-PCD, biex jiġi żgurat li l-PCD tiġi implimentata b'approċċ sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f'dan il-proċess;

60.  Jipproponi li għandha tiġi stabbilita sistema ta' arbitraġġ, taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni, biex isseħħ il-PCD, u li, f'każ ta' diverġenzi bejn id-diversi politiki tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni għandu jerfa' bis-sħiħ ir-responsabbiltà politika tiegħu għall-approċċ ġenerali u għandu jkollu l-kompitu li jiddeċiedi bejniethom abbażi tal-impenji tal-Unjoni fir-rigward tal-PCD; huwa tal-fehma li, ladarba l-problemi jkunu ġew identifikati, tista' tingħata kunsiderazzjoni lir-riforma tal-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet fis-servizzi tal-Kummissjoni u fil-qafas tal-kooperazzjoni interdipartimentali;

61.  Jappella għal djalogu msaħħaħ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-PCD mill-UE; jemmen li l-feedback mis-sħab tal-UE dwar il-progress tal-PCD jista' jkollu rwol fundamentali fil-kisba ta' evalwazzjoni eżatta tal-impatt tagħha;

62.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġu żviluppati proċessi ta' governanza li jippromwovu l-PCD fil-livell globali u biex l-UE tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-kunċett tal-PCD fix-xena internazzjonali;

Kummerċ u żvilupp

63.  Jissottolinja l-importanza ta' kummerċ regolat b'mod ġust u xieraq fil-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali, li jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u għall-ġlieda kontra l-faqar; jenfasizza li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun parti mill-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli u għandha tirrifletti l-objettivi tal-politika tal-iżvilupp tal-UE;

64.  Jissottolinja li l-preferenzi kummerċjali unilaterali għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhumiex pajjiżi l-inqas żviluppati għadhom jeżistu sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp; iqis ukoll li l-Kunsens il-ġdid għandu jkun fih referenza għall-impenn tal-UE favur il-promozzjoni ta' skemi ta' kummerċ ġust u etiku mal-produtturi żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

65.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-kontribut qawwi tal-kummerċ ġust għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU; jitlob lill-UE timplimenta u tiżviluppa aktar l-impenn tagħha li tappoġġja l-użu tal-iskemi ta' kummerċ ġust fl-UE u fil-pajjiżi sħab sabiex jiġu promossi l-konsum u x-xejriet ta' produzzjoni sostenibbli permezz tal-politiki kummerċjali tagħha;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tappoġġja aktar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini ta' kapaċità kummerċjali, fl-infrastruttura u fl-iżvilupp tas-settur privat domestiku, sabiex ikunu jistgħu jżidu l-valur tal-produzzjoni, kif ukoll jiddiversifikawha, u jżidu l-kummerċ tagħhom;

67.  Itenni li ambjent b'saħħtu, inkluża klima stabbli, huwa indispensabbli biex jinqered il-faqar; jappoġġja l-isforzi tal-UE fiż-żieda tat-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u fl-estrazzjoni u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, biex jiġu promossi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u biex jiġi evitat il-kummerċ illegali f'setturi bħall-minerali, l-injam u l-organiżmi selvaġġi; jemmen bis-sħiħ li jinħtieġu aktar sforzi globali sabiex jiġu żviluppati oqfsa regolatorji għall-ktajjen tal-provvista u responsabbiltà akbar tas-settur privat sabiex jiġu żgurati ġestjoni u kummerċ sostenibbli tar-riżorsi naturali u sabiex il-pajjiżi għonja fir-riżorsi u l-popolazzjonijiet tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-komunitajiet lokali u indiġeni jkunu jistgħu jibbenefikaw aktar minn tali kummerċ u mill-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità u l-ekosistemi; jilqa' l-progress li sar minn meta ġie stabbilit il-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, u jistieden lill-Kummissjoni tespandi tali oqfsa għal setturi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex issaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u inizjattivi ta' diliġenza dovuta li jikkomplementaw ir-regolament eżistenti tal-UE dwar l-injam, fl-ambitu tal-proposta għal regolament tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt, billi testendihom għal setturi oħra;

68.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad m'hemmx qafas regolatorju dwar il-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali, li jippermetti lil ċerti stati u kumpaniji jevitawhom b'impunità; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Programm Ambjentali tan-NU fuq trattat internazzjonali li jżomm il-korporazzjonijiet transnazzjonali responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur ta' standards ambjentali;

69.  Jafferma mill-ġdid l-importanza ta' azzjonijiet koordinati u aċċellerati biex jindirizzaw il-malnutrizzjoni sabiex titwettaq l-Aġenda 2030 u jintlaħaq l-SDG 2 dwar il-qerda tal-ġuħ;

70.  Ifakkar li l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u t-taffija tal-faqar, u jitlob lill-UE biex tikkontribwixxi għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u biex tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Sigurtà u żvilupp

71.  Itenni r-rabta diretta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, iżda jissottolinja l-ħtieġa li tiġi segwita strettament ir-riforma riċenti tal-ODA dwar l-użu ta' strumenti ta' żvilupp għall-politika tas-sigurtà bl-applikazzjoni ta' objettiv ċar ta' qerda tal-faqar u promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-objettiv ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi b'aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd għandu jissarraf f'azzjoni esterna tal-UE li, bl-appoġġ għall-partijiet ikkonċernati lokali kollha li jistgħu jgħinu biex dan iseħħ, jibni r-reżiljenza, jippromwovi s-sigurtà tal-bniedem, isaħħaħ l-istat tad-dritt, idaħħal mill-ġdid il-fiduċja u jittratta l-isfidi kumplessi rigward in-nuqqas ta' sigurtà, il-fraġilità u t-tranżizzjoni demokratika;

72.  Jemmen li jeħtieġ li jitrawmu sinerġiji bejn il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u l-istrumenti għall-iżvilupp sabiex jinstab il-bilanċ tajjeb bejn il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-riabilitazzjoni u l-iżvilupp ta' wara l-kunflitti; jenfasizza li għal dan l-għan, il-programmi u l-miżuri tal-politika esterna għandhom ikunu komprensivi, imfassla speċifikament għas-sitwazzjoni tal-pajjiżi u, meta jiġu ffinanzjati b'mezzi intiżi għall-politika tal-iżvilupp, jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-iżvilupp kif definiti skont l-ODA; jissottolinja li l-kompiti ewlenin tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jibqgħu dawk li tappoġġja l-pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex joħolqu stati stabbli u paċifiċi li jirrispettaw il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u li tfittex li tistabbilixxi ekonomiji tas-suq li jitħaddmu b'mod sostenibbli bl-għan li jġibu prosperità lin-nies u li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi kollha tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finazjament limitat ħafna tal-PSDK f'dan il-kuntest sabiex ikun jista' jintuża b'mod usa', inter alia, għall-benefiċċju tal-iżvilupp skont il-PCD;

Migrazzjoni u żvilupp

73.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u l-ispostament forzati, bħall-fraġilità tal-istati, il-kunflitti, in-nuqqas ta' sigurtà u l-emarġinazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess limitat għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni, u t-tibdil fil-klima; jidentifika l-għanijiet u l-objettivi li ġejjin bħala prekundizzjonijiet għal stati stabbli u reżiljenti li jkunu inqas suxxettibbli għal sitwazzjonijiet li jistgħu eventwalment jirriżultaw f'migrazzjoni forzata: il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-popli, il-bini tad-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, l-opportunitajiet ekonomiċi b'impjiegi deċenti u permezz ta' negozji ffukati fuq in-nies u spazju politiku għas-soċjetà ċivili; jitlob li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tiffoka fuq dawn l-għanijiet u l-objettivi sabiex titrawwem ir-reżiljenza, u jitlob għajnuna għall-iżvilupp marbuta mal-migrazzjoni f'każijiet ta' emerġenza sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni, jinżamm il-funzjonament tal-istati u biex il-persuni spostati jkunu jistgħu jgħixu b'dinjità;

74.  Ifakkar, kif enfasizzat mill-Aġenda 2030 tan-NU, il-kontribut pożittiv tal-migranti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi r-rimessi, li l-ispejjeż tat-trasferiment tagħhom għandhom jitnaqqsu aktar; jissottolinja li reazzjoni magħquda għal sfidi u kriżijiet relatati mal-migrazzjoni b'mod sinifikanti tirrikjedi approċċ aktar koordinat, sistematiku u strutturat, filwaqt li jitqabblu l-interessi tal-pajjiżi tal-oriġini u tad-destinazzjoni; jenfasizza li mod effikaċi biex għadd kbir ta' rifuġjati u ta' persuni li jfittxu l-asil jiġu megħjuna huwa billi jittejbu l-kundizzjonijiet u jiġu offruti kemm l-għajnuna umanitarja kif ukoll dik għall-iżvilupp; fl-istess ħin jopponi kull tentattiv biex l-għajnuna tintrabat mal-kontrolli fil-fruntieri, il-ġestjoni tal-flussi migratorji jew il-ftehimiet ta' riammissjoni;

75.  Jenfasizza li l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għall-migranti jirrikjedu soluzzjonijiet imfassla apposta għall-iżvilupp, li huma adattati għas-sitwazzjonijiet politiċi u soċjoekonomiċi rispettivi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li tali kooperazzjoni tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità għal kulħadd, il-governanza tajba, il-paċi u l-bini tad-demokrazija u li għandha tkun ibbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi u r-rispett għad-dritt internazzjonali;

76.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' skrutinju parlamentari mill-qrib u ta' monitoraġġ tal-ftehimiet marbuta mal-ġestjoni tal-migrazzjoni u ta' użu marbut mal-migrazzjoni ta' fondi għall-iżvilupp; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib u tal-istabbiliment ta' prattika tajba ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, b'mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà; ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar l-użu li qed jiżdied ta' fondi fiduċjarji, bħat-trasparenza limitata, in-nuqqas ta' konsultazzjoni u s-sjieda reġjonali;

77.  Jirrimarka, meta jitqiesu l-miżuri politiċi riċenti Ewropej biex jiġu miġġielda l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni forzata, li l-politika tal-iżvilupp Ewropea trid taqa' fi ħdan id-definizzjoni tal-OECD-DAC u trid tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza wkoll li l-għajnuna għall-iżvilupp m'għandhiex tiddependi fuq il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-migrazzjoni bħall-ġestjoni tal-fruntieri jew il-ftehimiet ta' riammissjoni;

Għajnuna umanitarja

78.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' rabtiet aktar mill-qrib bejn l-għajnuna umanitarju u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-finanzjament, jiġu evitati t-trikkib u l-ħolqien ta' sistemi paralleli, u jinħolqu kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli b'reżiljenza u għodod inkorporati għall-prevenzjoni u t-titjib fit-tħejjija tal-kriżijiet; jitlob lill-UE tonora l-impenn tagħha li, sal-2020, talloka mill-inqas 25 % tal-għajnuna umanitarja tagħha għall-atturi lokali u nazzjonali b'mod kemm jista' jkun dirett, kif miftiehem fil-Grand Bargain;

79.  Ifakkar il-prinċipji fundamentali tal-għajnuna umanitarja: l-umanità, in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità; jilqa' t-tenaċja tal-Kummissjoni biex il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ma jingħaqadx mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

80.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-għajnuna internazzjonali, il-koordinazzjoni u r-riżorsi għal rispons f'emerġenza, l-irkupru u l-kostruzzjoni mill-ġdid f'sitwazzjonijiet wara diżastru;

81.  Jilqa' l-impenn li jiġu appoġġjati kemm il-promozzjoni tat-teknoloġiji tal-ICT fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll li jinħolqu ambjenti favorevoli għall-ekonomija diġitali, billi tittejjeb il-konnettività libera, miftuħa u sigura; ifakkar li s-satelliti jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet kosteffikaċi biex jiġu konnessi l-assi u n-nies f'żoni remoti, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iqisu dan fil-ħidma tagħhom f'dan il-qasam;

Beni u sfidi pubbliċi globali

82.  Jemmen bis-sħiħ li l-preżenza globali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha tqegħidhom f'pożizzjoni partikolarment tajba biex ikomplu jaqdu rwol internazzjonali ewlieni fl-indirizzar tal-beni u l-isfidi pubbliċi globali (GPGC), li huma dejjem aktar taħt stress u qed jaffettwaw lill-foqra b'mod sproporzjonat; jitlob li l-beni u l-isfidi ambjentali globali jiġu integrati fil-Kunsens kollu, fosthom l-iżvilupp tal-bniedem, l-ambjent, inklużi t-tibdil fil-klima u l-aċċess għall-ilma, in-nuqqas ta' sigurtà u l-fraġilità tal-istati, il-migrazzjoni, is-servizzi tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli, is-sigurtà tal-ikel u l-qerda tal-malnutrizzjoni u tal-ġuħ;

83.  Ifakkar li l-farms fuq skala żgħira u dawk immexxija mill-familji, li huma l-iżjed mudell agrikolu komuni fid-dinja, għandhom rwol fundamentali fit-twettiq tal-SDGs: jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sigurtà tal-ikel, għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u t-telf tal-bijodiversità, u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li joħolqu l-impjiegi; jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi, minn naħa waħda, il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-bdiewa, inklużi l-kooperattivi, u min-naħa l-oħra, l-agrikoltura sostenibbli li tiffoka fuq il-prattiki agroekoloġiċi, produttività aħjar tal-farms tal-familji, id-drittijiet tar-raħħala u tal-użu tal-art u s-sistemi taż-żrieragħ informali bħala mezz kif jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel, il-forniment tas-swieq lokali u reġjonali, introjtu ġust u ħajja diċenti għall-bdiewa;

84.  Ifakkar li s-"settur privat" mhuwiex sett omoġenju ta' atturi; jenfasizza għalhekk li, f'dak li għandu x'jaqsam mas-settur privat, il-politika tal-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri għandha tinkludi strateġiji differenzjati biex jinvolvu d-diversi tipi ta' atturi tas-settur privat, inklużi l-atturi tas-settur privat immexxija mill-produtturi, l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, il-kooperattivi, l-intrapriżi soċjali u dawk fl-ekonomija solidali;

85.  Itenni li l-iżgurar tal-aċċess għal enerġija bi prezzijiet raġonevoli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd sal-2030 (SDG 7) huwa kruċjali sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ilma nadif, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u huwa essenzjali għall-appoġġ tal-ħolqien tan-negozju lokali u kull tip ta' attività ekonomika, kif ukoll xprun ewlieni tal-progress fil-qasam tal-iżvilupp;

86.  Jenfasizza li ż-żieda fil-produttività tal-azjendi agrikoli żgħar u l-kisba ta' agrikoltura u sistemi tal-ikel sostenibbli u reżiljenti għall-klima għandhom rwol fundamentali fit-twettiq tal-SDG 2, u l-kunċett ta' konsum u produzzjoni sostenibbli fl-SDG 12, li jmur lil hinn mill-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u jindirizza l-impatti ambjentali, soċjali u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-UE għalhekk għandha tiffoka fuq il-promozzjoni ta' produzzjoni tal-ikel sostenibbli u prattiki agrikoli reżiljenti li jżidu l-produttività u l-produzzjoni; jirrikonoxxi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa nisa fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel;

87.  Jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma sabiex jitjieb l-aċċess għall-ilma, is-sanità u l-iġjene bħala kwistjonijiet trasversali li jaffettwaw l-ilħuq ta' miri oħra fl-aġenda wara l-2015, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

88.  Jitlob lill-UE tippromwovi inizjattivi globali bl-għan li tindirizza l-isfidi marbuta ma' urbanizzazzjoni li qed tiżdied b'rata mgħaġġla u li toħloq bliet aktar inklużivi, reżiljenti u sostenibbli; jilqa', f'dan il-kuntest, l-adozzjoni riċenti tal-Aġenda Urbana Ġdida mill-Konferenza tan-NU dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III), li għandha l-għan li tesplora modi aħjar ta' ppjanar, tfassil, finanzjament, żvilupp, governanza u ġestjoni tal-bliet sabiex jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ, it-titjieb fis-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent;

89.  Jappella għal aktar sforzi tal-UE biex jiġu protetti l-oċeani u r-riżorsi tal-baħar; jilqa', f'dan il-kuntest, l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-governanza internazzjonali tal-oċeani sabiex tippromwovi ġestjoni aħjar u biex ittaffi l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ibħra u l-ekosistemi;

90.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati r-rabtiet mal-produttività mtejba tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli għat-tnaqqis fit-telf u l-ħela tal-ikel, il-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

Politika tal-iżvilupp tal-UE

91.  Itenni l-vantaġġi komparattivi offruti mill-azzjoni tal-UE għall-iżvilupp, inklużi l-preżenza globali tagħha, il-flessibbiltà offruta mill-firxa tagħha ta' strumenti u ta' metodi ta' għoti, ir-rwol tagħha fil-koerenza u l-koordinazzjoni tal-politika kif ukoll l-impenn tagħha lejhom, l-approċċ tagħha msejjes fuq id-drittijiet u d-demokrazija, l-iskala tagħha f'termini tal-provvediment ta' massa kritika fl-għotjiet u l-appoġġ konsistenti tagħha lis-soċjetà ċivili;

92.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-vantaġġi komparattivi tal-UE jissarrfu f'azzjoni ffukata fuq ċertu numru ta' oqsma ta' politika, inklużi, iżda mhux limitati għal, id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, il-beni u l-isfidi pubbliċi globali, il-kummerċ u l-integrazzjoni reġjonali, u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' sigurtà u l-migrazzjoni forzata; jissottolinja li tali konċentrazzjoni jeħtieġ li tiġi adattata għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta' pajjiżi u reġjuni individwali li qed jiżviluppaw skont il-prinċipji tas-sjieda u s-sħubija;

93.  Ifakkar fir-rwol dejjem jikber tal-isport fl-iżvilupp u l-paċi permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza u ta' kultura ta' rispett reċiproku, kif ukoll il-kontribut li l-isport jagħti lill-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ, l-individwi u l-komunitajiet, u kif ukoll lis-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

94.  Jissottolinja l-importanza ta' sistema kollettiva komprensiva, trasparenti u f'waqtha ta' responsabbiltà għall-monitoraġġ u r-rieżami tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-Kunsnes mill-UE u l-Istati Membri tagħha, jenfasizza li rappurtar annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji kollha favur il-politika tal-iżvilupp, fosthom dawk dwar l-effikaċja, il-PCD u l-impenji tal-ODA, għadu meħtieġ għar-responsabbiltà u s-sorveljanza parlamentari; jiddispjaċih dwar il-lakuni fir-rappurtar riċenti u mistennija; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsens;

o
o   o

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1)ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(2) http://www.oecd.org/dac/effectiveness/49650173.pdf
(3) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14684-2016-INIT/mt/pdf
(4) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(5) http://www.un.org/esa/ffd/wp-content/uploads/2015/08/AAAA_Outcome.pdf
(6) https://unfccc.int/resource/docs/2015/cop21/eng/l09r01.pdf
(7) https://www.worldhumanitariansummit.org/
(8) https://habitat3.org/the-new-urban-agenda/
(9) http://effectivecooperation.org/wp-content/uploads/2016/05/4314021e.pdf
(10) Konklużjonijiet tal-Kunsill, 15.5.2007.
(11) Konklużjonijiet tal-Kunsill, 19.5.2014.
(12) Dokument tal-Kunsill 10715/16.
(13) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 484.
(14) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 77.
(15) .ĠU C 468, 15.12.2016, p. 73.
(16) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(17) Testi adottati, P8_TA(2015)0196.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0265.
(19) Testi adottati, P8_TA(2016)0137.
(20) Testi adottati, P8_TA(2016)0224.
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0246.
(22) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(23) Testi adottati, P8_TA(2016)0299.
(24) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(25) Ir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013.


Rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE
PDF 575kWORD 78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2016/2100(INI))
P8_TA(2017)0027A8-0001/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2015 (COM(2016)0393) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ġustifikattiv fl-istess data (SWD(2016)0198),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 39, 42 u 101 sa 109 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-qafas universali għas-sistemi ta' Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) żviluppat mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO),

–  wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar ir-rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-2014 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali tal-2013 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 dwar il-ftuħ ta' investigazzjoni rigward il-kummerċ elettroniku f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (C(2015)3026),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat(7) (ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi(8),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tad-9 ta' Lulju 2014 bit-titolu ''Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE'' (COM(2014)0449),

–  wara li kkunsidra t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub E-000344/2016, E-002666/2016 u E-002112/2016 tal-membri tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni(9), b'mod partikolari l-paragrafi 6, 7 u 11 tagħha rigward ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tal-avjazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni inġusta b'mod aktar effikaċi, l-iżgurar tar-reċiproċità u l-eliminazzjoni ta' prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mogħtija mill-istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li joħolqu distorsjoni fis-suq, billi t-trasparenza finanzjarja fil-klawżola ta' kompetizzjoni ġusta tikkostitwixxi element fundamentali biex jiġu żgurati dawn il-kundizzjonijiet ekwi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007(10) (ir-Regolament dwar l-OKS Unika),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta' Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' akkordji ta' speċjalizzazzjoni(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kif ukoll tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0001/2017),

A.  billi politika tal-kompetizzjoni b'saħħitha u effikaċi minn dejjem kienet fil-qofol tas-suq intern, billi tħeġġeġ l-effiċjenza ekonomika u toħloq klima favorevoli għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku filwaqt li tbaxxi l-prezzijiet;

B.  billi l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija strument essenzjali għall-ġlieda kontra l-frammentazzjoni tas-suq intern u b'hekk toħloq u tippreserva kundizzjonijiet ekwi għan-negozji madwar l-UE;

C.  billi l-Unjoni Ewropea, taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni, għandha tippromwovi "kultura ta' kompetizzjoni" fl-UE u madwar id-dinja;

D.  billi l-politika tal-kompetizzjoni hija, fiha nfisha, għodda li tipproteġi d-demokrazija Ewropea, peress li timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter ekonomiku u finanzjarju fi ftit idejn, ħaġa li tista' ddgħajjef l-abilità tal-awtoritajiet politiċi Ewropej li jaġixxu b'mod indipendenti fil-konfront tal-gruppi industrijali u bankarji l-kbar;

E.  billi l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli tal-kompetizzjoni (inklużi r-regoli antitrust) f'konformità mal-ekonomija soċjali tas-suq għandha timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter ekonomiku u finanzjarju f'idejn ftit kumpaniji privati u tistimula wkoll lill-atturi billi tagħtihom inċentiv biex ikunu dinamiċi u innovattivi u biex jiddivrenzjaw ruħhom fis-swieq;

F.  billi politika tal-kompetizzjoni ġusta żżomm is-swieq effiċjenti u miftuħa, u dan iwassal għal prezzijiet aktar baxxi, atturi ġodda, prodotti u servizzi ta' kwalità ogħla, kif ukoll għażla akbar għall-konsumaturi, filwaqt li jitrawmu wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u kumpaniji aktar reżiljenti;

G.  billi l-politika tal-kompetizzjoni tista' u għandha tagħti kontribut sinifikanti fir-rigward ta' prijoritajiet politiċi ewlenin bħalma huma l-promozzjoni tal-innovazzjoni, impjiegi ta' kwalità, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, l-investiment, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, kif ukoll il-ħarsien tal-konsumaturi u ta' saħħet il-bniedem, filwaqt li ssaħħaħ is-suq uniku, b'enfasi partikolari fuq is-suq uniku diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija;

H.  billi politika tal-kompetizzjoni li tirnexxi ma tridx tkun orjentata esklużivament lejn it-tnaqqis fil-prezzijiet għall-konsumaturi, iżda għandha żżomm quddiem għajnejha wkoll il-kapaċità innovattiva u l-investimenti tal-industrija Ewropea u l-kundizzjonijiet kompetittivi speċifiċi għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

I.  billi l-politika tal-kompetizzjoni hija definita wkoll mill-valuri tal-ġustizzja soċjali, l-indipendenza politika, it-trasparenza u l-proċess ġust;

J.  billi l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija interdipendenti ma' politiki ewlenin oħra tal-UE, inklużi l-politiki industrijali, diġitali u tat-taxxa, li l-koordinazzjoni tagħhom hija intiża sabiex tiżgura l-konformità mal-prinċipji fundamentali minquxa fit-Trattati, b'mod partikolari t-trasparenza u l-lealtà;

K.  billi l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali qed jiswew lill-kontribwenti tal-UE biljuni ta' euro (xi stimi saħansitra jindikaw ċifra ta' triljun euro) kull sena fi dħul mitluf, u huma distorsivi fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq uniku bejn il-kumpaniji li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa u dawk li ma jagħmlux hekk;

L.  billi l-kooperazzjoni globali fl-infurzar fil-qasam tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fir-rimedji u l-eżiti tal-azzjonijiet ta' infurzar, u tgħin lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità tagħhom;

M.  billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jagħtu interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta' "attività ekonomika" skont jekk ikunux involuti r-regoli tas-suq intern jew ir-regoli tal-kompetizzjoni; billi din il-prattika mħawda tikkumplika l-kunċett diġà diffiċli ta' "attività ekonomika";

N.  billi ambjent regolatorju ċar, koerenti u effikaċi f'termini ta' adattament tal-politika tal-kompetizzjoni għall-ispeċifiċitajiet agrikoli jista' jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel billi jindirizza b'mod determinat l-iżbilanċi tal-poter bejn l-operaturi, iżid l-effiċjenza tas-suq u jiżgura ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku;

O.  billi l-forma u s-saħħa tal-perikli ekonomiċi u ż-żmien li fih iseħħu huma diffiċli li jiġu antiċipati u jeħtieġ li l-politika agrikola komuni (PAK) orjentata lejn is-suq tagħti appoġġ lill-bdiewa u aktar eżenzjonijiet limitati fiż-żmien għar-regoli tal-kompetizzjoni, fil-każ ta' żbilanċi serji fis-suq; billi matul il-kriżi tal-ħalib, il-Kummissjoni ddeċidiet li tattiva l-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika bħala l-aħħar għażla biex teżenta mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni l-ippjanar kollettiv tal-produzzjoni tal-ħalib minn raggruppamenti ta' produtturi rikonoxxuti;

P.  billi l-politika tal-kompetizzjoni waħedha mhijiex biżżejjed biex twaqqaf il-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel;

Q.  billi l-Artikolu 102 tat-TFUE jindika b'mod ċar li l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta' prattiki kummerċjali żleali fuq setturi oħra tal-katina alimentari tikkostitwixxi ksur ta' dan it-Trattat;

R.  billi t-Task Force dwar is-Swieq Agrikoli (AMTF) inħolqot bil-għan li tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel billi jiġu esplorati l-possibbiltajiet biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom, inklużi l-possibbiltajiet legali għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet kuntrattwali u l-organizzazzjoni ta' azzjonijiet kollettivi tal-bdiewa; billi l-konklużjonijiet tal-AMTF jeħtieġ jitqiesu, jekk applikabbli, fir-rigward tad-diskussjonijiet futuri u l-miżuri li għandhom jittieħdu;

1.  Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li juri li politika tal-kompetizzjoni tal-UE adegwata tista' tikkontribwixxi biex jerġa' jkun hemm livell suffiċjenti ta' investiment u innovazzjoni billi toħloq ambjent ta' kompetizzjoni ġusta; jilqa' l-attenzjoni li r-rapport jagħti lill-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni għall-eliminazzjoni tal-ostakli u l-miżuri distorsivi ta' għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tas-suq uniku; itenni wkoll li l-ġejjieni tal-Ewropa għandu jkun ibbażat fuq l-innovazzjoni, ekonomija soċjali tas-suq u użu effiċjenti tar-riżorsi, li joħloq standard ta' għajxien għoli għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

L-integrazzjoni tas-suq uniku

2.  Jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tiftaħ opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini u n-negozji u jfakkar li l-moviment liberu tal-kapital, is-servizzi, il-prodotti u l-persuni huma l-erba' libertajiet tas-suq uniku u li l-implimentazzjoni tagħhom hija kruċjali sabiex l-UE titressaq eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li, mingħajr politika tal-kompetizzjoni tal-UE effikaċi, is-suq intern ma jistax jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu; jilqa' l-użu mill-Kummissjoni tad-diversi strumenti għad-dispożizzjoni tagħha, fosthom il-kontroll tal-fużjonijiet, il-ġlieda kontra l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti u prattiki antikompetittivi, il-ġlieda kontra l-kartelli, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u inkjesti settorjali;

3.  Iqis li politika tal-kompetizzjoni effikaċi trid tqis il-kundizzjonijiet tas-suq speċifiċi li japplikaw għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), il-mikrointrapriżi u l-istartups, u jeħtieġ tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u tiggarantixxi tassazzjoni ġusta;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprijoritizzaw it-tisħiħ tas-Suq Uniku post-Brexit billi jiżguraw konformità sħiħa mal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-UE u billi tiżdied il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jinnota wkoll li l-Brexit jista' jaffettwa b'mod negattiv il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-riskju ta' duplikazzjoni ta' proċeduri li żżid l-ispejjeż amministrattivi u ddewwem il-proċessi investigattivi;

5.  Itenni li kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa hija essenzjali għall-integrità tas-suq intern tal-UE, u għalhekk il-parteċipanti kollha tas-suq għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa u t-taxxi għandhom jitħallsu fil-post fejn jiġi ġġenerat il-qligħ; jenfasizza li mindu ġew żvelati l-Lux Leaks, l-UE rrikonoxxiet li – sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku – teħtieġ politiki u regolamentazzjoni sempliċi u trasparenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-taxxa, u rrikonoxxiet ukoll li hemm bżonn tintemm darba għal dejjem il-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa (inklużi l-benefiċċji tat-taxxa mogħtija illegalment) min-naħa tal-Istati Membri, li toħloq periklu morali u tqiegħed piż tat-taxxa addizzjonali fuq il-kontribwenti onesti u timpedixxi l-iżvilupp tal-SMEs, anke meta parteċipanti ġodda u SMEs preżenti f'pajjiż wieħed biss ikunu penalizzati meta mqabbla mal-kumpaniji multinazzjonali, li jistgħu jittrasferixxu l-qligħ jew jimplimentaw forom oħra ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti disponibbli għalihom biss; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu investigati bir-reqqa l-każijiet kollha fejn ikun hemm suspett li l-għan huwa l-ottimizzazzjoni tat-taxxa min-naħa tal-kumpaniji multinazzjonali; jilqa', sadanittant, l-investigazzjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni dwar il-prattiki antikompetittivi, bħal benefiċċji selettivi fuq it-taxxa jew sistemi deċiżjonali ta' qligħ eċċessiv, u jilqa' wkoll l-eżiti reċenti tal-investigazzjonijiet li juru li ħelsien selettiv mit-taxxa jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija illegali skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha aċċess wiesa' għall-informazzjoni sabiex jingħata bidu għal aktar investigazzjonijiet dwar każijiet suspettużi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida ċari dwar għajnuna mill-Istat relatata mat-taxxa sabiex tkopri każijiet ta' kompetizzjoni inġusta u tagħmel użu sħiħ mill-poteri tagħha skont il-liġi tal-kompetizzjoni biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod effiċjenti l-prattiki tat-taxxa dannużi; isostni li hemm bżonn sforzi akbar, anke fir-rigward tal-prattiki tat-taxxa aggressivi; jenfasizza li l-informazzjoni dwar deċiżjonijiet dwar it-taxxa u l-arranġamenti tal-ipprezzar ta' trasferiment skambjata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri hija partikolarment deċiżiva; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri qed jiċħdu l-aċċess tad-DĠ Kompetizzjoni għal din l-informazzjoni; jirrakkomanda kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali, u jistieden ukoll lill-Istati Membri jippubblikaw informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa u jissuġġerixxi li, jekk ikun il-każ, din l-informazzjoni tiġi ppreżentata fl-għamla ta' klassifikazzjoni fuq bażi reġjonali; jemmen li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ddefinixxew metodoloġija ċara għall-kalkolu tal-valur u tal-vantaġġi kompetittivi mhux dovuti li jgawdu l-kumpaniji involuti f'deċiżjonijiet żbaljati jipprovdu bażi legali tajba għal aktar konverġenza;

6.  Jenfasizza li l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku għandha effetti distorsivi serji fuq il-kompetittività tas-suq Ewropew; itenni li l-akkwist pubbliku jikkostitwixxi waħda mill-aktar attivitajiet governattivi esposti għall-korruzzjoni; jenfasizza li, f'xi Stati Membri, l-akkwist iffinanzjat mill-UE jġorr riskji ogħla ta' korruzzjoni minn akkwist iffinanzjat b'mod nazzjonali; ifakkar li stediniet għal offerti mfassla apposta jintużaw ħafna biex jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-fondi tal-UE u tiġi stimulata r-responsabbiltà fl-akkwist pubbliku; iħeġġeġ il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bid-drittijiet meħtieġa sabiex jinvestiga aħjar l-allegati reati kontra l-fondi tal-UE;

7.  Jenfasizza li l-proċedimenti tal-għajnuna mill-Istat waħedhom ma jistgħux itemmu b'mod permanenti l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fl-Istati Membri; jirrakkomanda, għalhekk, il-ħolqien ta' bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK), li għandha tgħin biex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tingħata garanzija li l-ebda qligħ ma jitħalla joħroġ mill-UE mingħajr ma jiġi intaxxat, l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni rilevanti dwar deċiżjonijiet tat-taxxa, rieżami tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi evitata l-frodi, u obbligu fuq il-kumpaniji internazzjonali kbar biex jirrappurtaw pubblikament il-fatturat u l-qligħ tagħhom abbażi ta' "pajjiż b'pajjiż", u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu trasparenza akbar fil-prattiki tagħhom fil-qasam tat-taxxa kif ukoll rekwiżiti ta' rappurtar reċiproku; itenni l-ħtieġa li jiġu implimentati l-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa, ir-regoli dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE kif ukoll il-mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta;

8.  Jemmen li l-kompetizzjoni ġusta tista' tixxekkel bil-pjanifikazzjoni fiskali; jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tiġi aġġustata d-definizzjoni ta' "stabbiliment permanenti" sabiex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jevitaw artifiċjalment li jkollhom preżenza taxxabbli fl-Istati Membri li jkollhom attività ekonomika fihom; jenfasizza li din id-definizzjoni għandha tindirizza wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-settur diġitali, sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji involuti f'attivitajiet kompletament dematerjalizzati jitqiesu li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru jekk dawn iżommu preżenza diġitali sinifikanti fl-ekonomija ta' dak il-pajjiż;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li r-regoli tas-suq uniku jiġu infurzati fil-livell tal-Istati Membri wkoll u li l-ksur jiġi ttrattat sabiex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq uniku;

10.  Jappella għal titjib fil-one-stop shop abbażi tal-esperjenza attwali tal-mini one-stop shops għall-prodotti diġitali; jinnota li anke bil-mini one stop shop, in-negozji żgħar u mikro jistgħu jiffaċċjaw piż amministrattiv sinifikanti;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-suq uniku jissaħħaħ ulterjorment billi jitneħħew l-ixkiel u l-ostakli li fadal;

12.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, sabiex is-suq uniku tal-UE jaħdem tajjeb, huwa essenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jitħallew jintervjenu f'sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn żvantaġġi ġeografiċi li jfixklu l-abilità tas-suq li jiffjorixxi, kemm fid-dimensjoni ekonomika u kemm f'dik soċjali;

13.  Jinsisti fuq il-ħtieġa tal-ġlieda kontra d-dumping fiskali u soċjali, il-pjanifikazzjoni fiskali abbużiva u l-evażjoni tat-taxxa biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu kemm hu;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, tiżgura trasparenza sħiħa fil-flussi ta' flus bejn il-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji, u tivverifika li kull Stat Membru għandu regolatur nazzjonali b'saħħtu u indipendenti;

15.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu azzjoni rapida biex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK);

16.  Huwa tal-fehma li l-adozzjoni tal-euro min-naħa tal-Istati Membri li għadhom ma jagħmlux parti mill-munita unika ssaħħaħ il-kompetizzjoni ħielsa fis-suq intern;

Is-suq uniku diġitali

17.  Jilqa' l-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Suq Uniku Diġitali u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-politika tal-kompetizzjoni fit-tlestija tas-suq intern diġitali; jappoġġja wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tapplika b'mod sħiħ għas-suq uniku diġitali, peress li l-kompetizzjoni mhux biss tagħti aktar għażla lill-konsumaturi iżda tipprovdi wkoll kundizzjonijiet ekwi, u jiddispjaċih li n-nuqqas attwali ta' qafas diġitali Ewropew issottolinja l-fatt li l-interessi tal-fornituri kbar u żgħar ma rnexxilhomx jiġu rrikonċiljati; jenfasizza li l-mudelli tas-suq tradizzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni sikwit ma jkunux rilevanti biżżejjed għas-suq intern diġitali; jitlob li tingħata attenzjoni akbar fir-rigward tal-mudelli kummerċjali l-ġodda li jintużaw mill-kumpaniji diġitali; itenni li suq uniku diġitali unifikat jista' joħloq mijiet ta' eluf ta' impjiegi ġodda u jista' jikkontribwixxi EUR 415-il biljun fis-sena għall-ekonomija tal-UE;

18.  Jenfasizza li, sabiex l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tibqa' kredibbli, il-Kummissjoni għandha tlesti bir-reqqa l-investigazzjonijiet pendenti l-oħra kollha dwar il-kartelli mingħajr ma tippreġudika l-kwalità; jitlob li l-proċedimenti jitħaffu b'tali mod li r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu malajr kemm jista' jkun; jilqa', għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet supplimentari mibgħuta mill-Kummissjoni dwar is-servizz ta' tqabbil tax-xiri u d-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet dwar il-każ Android; jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina b'mod determinat it-tħassib kollu identifikat fl-investigazzjonijiet tagħha, inklużi oqsma oħra ta' tfittxija bi preġudizzju (lukandi, tfittxijiet lokali, titjiriet), sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq fis-suq diġitali; jitlob investigazzjoni dwar il-pjattaformi dominanti għall-prenotazzjoni tal-lukandi;

19.  Jilqa' l-investigazzjoni settorjali tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku, li r-riżultati preliminari tagħha identifikaw ċerti prattiki tan-negozju f'dan is-settur li jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni online; jilqa' wkoll l-impenn tal-Kummissjoni favur suq uniku diġitali Ewropew u l-proposta tagħha dwar l-imblukkar ġeografiku u forom oħra ta' diskriminazzjoni bbażati fuq in-nazzjonalità tal-klijenti u l-post ta' residenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi ambizzjużi biex telimina l-ostakli illeġittimi għall-kompetizzjoni online, sabiex jiġi żgurat xiri online bla xkiel għall-konsumaturi tal-UE meta jixtru mingħand bejjiegħa bbażati fi Stat Membru ieħor; iqis, għalhekk, li hemm bżonn azzjonijiet ambizzjużi u speċifiċi biex jitjieb l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi online, b'mod partikolari billi jintemmu l-prattiki ta' imblukkar ġeografiku mhux ġustifikati u d-diskriminazzjoni ta' prezzijiet inġusti bbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika jew in-nazzjonalità, li ta' spiss ikollhom l-effett li jibnu monopolji u li jwasslu lill-konsumaturi biex jagħżlu kontenut illegali; jappella għat-tikkettar elettroniku fil-livell tal-UE biex jiġu ggarantiti l-eżistenza u l-kwalità tas-servizzi jew il-prodotti offruti sabiex jiġi żgurat livell saħansitra ogħla ta' kompetizzjoni ġusta u anke jiżdied il-ħarsien tal-konsumatur;

20.  Iqis li t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-SMEs għandu jkollu rwol essenzjali fl-isforzi għall-promozzjoni ta' suq uniku diġitali unifikat u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt potenzjali ta' kull inizjattiva, partikolarment dawk li jimmiraw biex jippromwovu l-kummerċ elettroniku u biex jiġi ċċarat l-istatus ta' stabbiliment permanenti tas-settur diġitali, fuq il-kapaċità tal-SMEs li jibbenefikaw mis-suq uniku diġitali;

21.  Ifakkar li n-"newtralità tan-netwerk" hija ta' importanza fundamentali biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fost is-servizzi tal-internet u li l-kompetizzjoni tkun iggarantita b'mod sħiħ ("newtralità tan-netwerk" tfisser il-prinċipju li t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat b'mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, b'mod indipendenti minn min jibgħat, ir-riċevitur, it-tip, il-kontenut, it-tagħmir, is-servizz jew l-applikazzjoni tiegħu);

22.  Jenfasizza li l-preżenza dejjem akbar ta' negozji ġodda b'kapaċità diġitali, b'mod partikolari applikazzjonijiet tal-internet u tal-mobile, flimkien ma' operaturi eżistenti, fetħet kanali ġodda għall-konsumaturi biex isibu, iqabblu u jagħżlu prodotti u servizzi fis-suq uniku, u b'hekk tirriżulta f'konsumaturi emanċipati li jistgħu jagħmlu għażliet infurmati skont il-ħtiġijiet u l-għanijiet personali tagħhom;

23.  Jenfasizza li l-ekonomija kollaborattiva toffri lill-konsumaturi tal-UE għadd kbir ta' prodotti u servizzi innovattivi; jenfasizza li l-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva introduċew l-idea li jisfidaw lill-atturi dominanti diġà eżistenti sabiex jinħoloq ambjent aktar kompetittiv kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; itenni li minbarra t-tassazzjoni, il-qafas amministrattiv u s-sigurtà, il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll l-aspetti marbutin mal-kompetizzjoni u tneħħi l-ostakli għad-dħul fis-suq tan-negozji sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi; jenfasizza li din it-tip ta' ekonomija diġà ġiet stabbilita bosta snin ilu, u li għal raġunijiet ta' konsistenza legali kwalunkwe irregolarità għandha tiġi solvuta fil-livell tal-UE f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali u tal-konsumatur b'rabta mas-suq uniku diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq sett ta' miżuri, li huwa indispensabbli sabiex l-għadd kbir ta' forom u varjanti tal-ekonomija kollaborattiva jirċievu appoġġ fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri individwali, jiġu applikati, isiru kredibbli u jirbħu l-fiduċja, u huwa konxju li dan il-qafas regolatorju permessiv u ta' appoġġ mhux se jwassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tindirizza dan it-tħassib, b'mod li l-benefiċċji għas-soċjetà ta' dawn il-mudelli kummerċjali jkunu jistgħu jsiru tanġibbli fir-realtà fil-kuntest ta' oqfsa legali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami wiesa' tal-effikaċja tal-istrumenti eżistenti tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-era diġitali u, jekk ikun hemm bżonn, tiżviluppahom aktar;

25.  Jenfasizza li, partikolarment f'settur dinamiku bħall-ekonomija diġitali, huwa assolutament kruċjali li l-proċedimenti tal-kompetizzjoni jiġu konklużi b'ħeffa, b'tali mod li l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq ma jkunx jista' jwassal għal taqlib (shakeout) fis-suq;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-konverġenza dejjem akbar fis-swieq diġitali, billi tqabbel servizzi simili, bħall-applikazzjonijiet tal-messaġġi istantanji (IM), ma' servizzi ekwivalenti mogħtija mis-settur tat-telekomunikazzjoni ġenerali;

27.  Jilqa' l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' ċerti prattiki antikompetittivi minn għadd ta' kumpaniji, b'mod partikolari mill-ġganti tal-internet u t-telekomunikazzjoni u kumpaniji medjatiċi, studios ċinematografiċi u distributuri televiżivi oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri kollha kontra mġiba antikompetittiva li tikser ir-regoli antitrust tal-UE;

28.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru fil-każ li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat lil Apple, li tirrappreżenta pass ewlieni biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat permezz ta' benefiċċji fuq it-taxxa; jirrimarka, madankollu, li l-UE jeħtieġ ikollha leġiżlazzjoni aktar stretta rigward id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa, billi tipprevedi wkoll sistema effikaċi u proċedura ta' rkupru tad-dejn favur ir-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrettifika kwalunkwe ksur bil-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu kemm hu;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija regolatorja li tqis il-konverġenza teknoloġika u, b'mod partikolari, il-multiplikazzjoni tal-pjattaformi; ifakkar li, għal dan il-għan, ir-regolamenti settorjali ex ante għandhom jibbilanċjaw id-difiża tal-pluraliżmu, il-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni tal-awtonomija u l-libertà tal-għażla tal-konsumatur u l-promozzjoni ugwali ta' offerti kompetittivi fl-Ewropa u ta' offerti konverġenti għall-aqwa esponenti Ewropej fil-kompetizzjoni internazzjonali; jitlob li jiġu korretti l-inugwaljanzi fil-bilanċ tal-poter u li jittaffew sitwazzjonijiet ta' dipendenza bejn l-operaturi ekonomiċi bil-ħsieb li jkun hemm tqassim ġust tal-valur;

30.  Jilqa' l-attenzjoni akbar li qed tingħata lill-effetti tan-netwerk u lill-akkumulazzjoni u l-analiżi tad-data fl-identifikazzjoni tal-poter tas-suq fis-swieq diġitali; huwa tal-fehma li d-data għandha rwol ewlieni fl-ekonomija diġitali u għalhekk għandha titqies fil-valutazzjoni fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni;

31.  Iqis li l-kompetizzjoni fis-setturi tat-tiftix fuq l-internet u tat-telekomunikazzjoni hija essenzjali, mhux biss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks u fl-ekonomija diġitali, iżda anke għall-promozzjoni ta' prezzijiet aċċessibbli u għażla fis-servizzi għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipproteġi l-kompetizzjoni f'dawn is-setturi, anke fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ispettru u tas-servizzi tal-internet; jilqa', b'rabta ma' dan, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tħares b'mod favorevoli lejn l-għanijiet strateġiċi tal-pakkett tat-telekomunikazzjoni fl-applikazzjoni tal-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għan-netwerks tal-broadband; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf il-fużjoni tal-fornituri tas-servizzi tat-telefonija ċellulari O2 u Three fir-Renju Unit, għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej; itenni l-importanza tal-applikazzjoni tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u t-tisħiħ tal-konnettività fl-UE kollha;

32.  Iqis li t-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE mhuwiex biżżejjed u li t-telefonati intra-UE jeħtieġ ukoll jiġu regolati fuq l-istess livell bħat-telefonati lokali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għar-regolamentazzjoni tat-telefonati intra-UE;

33.  Jemmen li, minn perspettiva fit-tul, il-passi lejn it-tmiem tat-tariffi tar-roaming għall-konsumaturi fl-UE mhumiex biżżejjed jekk irridu li s-suq uniku jiġi approfondit aktar, u li għandhom jinħolqu inċentivi biex it-telefonati intra-UE jkunu fuq l-istess livell bħat-telefonati lokali, billi jiġu faċilitati investimenti f'netwerks kompletament Ewropej jew kondiviżi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni dettaljata mal-operaturi tan-netwerks u mal-partijiet interessati rilevanti dwar kif jistgħu jnaqqsu t-tariffi għat-telefonati intra-UE għal-livell tat-telefonati lokali bl-aktar mod effiċjenti, li fl-istess ħin jinkoraġġixxi l-investimenti u jiżgura l-innovazzjoni u l-kompetittività globali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-politika u l-istrumenti finanzjarji tagħha u tippromwovi l-iskambji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri sabiex jitrawwem l-investiment f'diversi setturi tradizzjonali u SMEs li għadhom lura fir-rivoluzzjoni industrijali diġitali;

35.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tħeġġeġ in-negozji kollha (bħal dawk b'sehem dominanti fis-suq u anke l-istartups) biex jinnovaw;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni turi l-istess determinazzjoni fit-twettiq u r-riżultati tal-inkjesta li għaddejja bħalissa kontra McDonald's;

L-għajnuna mill-Istat

37.  Jilqa' r-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u jissuġġerixxi li jintbagħat rapport annwali speċifiku lill-Parlament; ifakkar lill-Istati Membri li l-għan kien li l-miżuri ta' għajnuna jkunu mmirati aħjar lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u fit-tul, ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u koeżjoni soċjali, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-funzjonament liberu tal-ekonomija soċjali tas-suq; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom responsabbiltà akbar meta jagħtu għajnuna mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipprovdi bażi legali suffiċjenti fil-liġi tal-kompetizzjoni sabiex tingħata spinta lit-turiżmu bħala fattur ekonomiku importanti fl-UE, u li, għaldaqstant, il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet turistiċi pubbliċi għandhom jaqgħu taħt eżenzjoni GBER ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza kwalunkwe tranżazzjoni tal-aħħar minuta magħmula minn Stat Membru mingħajr kunsiderazzjoni għall-pressjoni politika applikata minn dan tal-aħħar; ifakkar ukoll lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li timpedixxi li ċerti gvernijiet jaġixxu in mala fede bħalma jagħmlu meta jonfqu l-fondi tal-UE b'mod ħażin;

38.  Jenfasizza li intervent statali jew reġjonali jikkostitwixxi waħda mill-għodod ta' politika kruċjali għas-sostenn tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali f'reġjuni u gżejjer iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni, iżda li għandhom jitqiesu wkoll l-esperjenzi tal-passat u li dawn l-interventi m'għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku; jenfasizza li l-konnettività tar-reġjuni insulari periferiċi hija essenzjali wkoll u jilqa' l-inklużjoni tal-għajnuna soċjali għat-trasport tar-residenti f'reġjuni remoti fil-GBER fejn qed tiġi rikonoxxuta l-problema tal-konnettività; jitlob lill-Kummissjoni biex, waqt ir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, tqis bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet tar-Reġjuni Ultraperiferiċi (ORs) kif stipulati fl-Artikolu 349 tat-TFUE, peress li l-konnettività hija fundamentali għall-SMEs lokali fl-ORs u anke l-inqas waħda li x'aktarx taffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern;

39.  Jilqa' l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat bħala parti mill-Inizjattiva dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat; jirrikonoxxi l-benefiċċji tar-regoli ssimplifikati li jipprovdu ċertezza kemm lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lill-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-istess ħin, tiskrutinizza aktar mill-qrib l-għajnuna mill-Istat ipprojbita, li għandha impatt negattiv kbir ħafna fuq is-Suq Uniku;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi – mill-aktar fis possibbli – dokument ta' gwida dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, fid-dawl ta' bidliet importanti fil-ġurisprudenza u l-prattika ta' infurzar, sabiex tiżgura ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi pjan direzzjonali għal inqas għajnuna mill-Istat imma għal waħda li tkun immirata aħjar, bil-għan li tiżdied il-possibbiltà li titnaqqas l-għajnuna mill-Istat billi jitbaxxew it-taxxi, u b'hekk jiġu stimulati negozji ġodda u kompetizzjoni ġusta minflok ma jiġu appoġġjati l-istrutturi qodma u l-operaturi stabbiliti;

42.  Jenfasizza li meta tintuża l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu promossi s-servizzi ta' interess ġenerali, huwa l-benefiċċju għall-konsumaturi u ċ-ċittadini li huwa kruċjali, u mhux il-benefiċċju għall-kumpaniji individwali jew l-entitajiet pubbliċi;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib ir-rinazzjonalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE u timpedixxi l-għajnuna illegali mill-Istat mogħtija fl-għamla ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ definizzjoni armonizzata ta' għajnuna mill-Istat f'organizzazzjonijiet tal-kompetizzjoni internazzjonali, bħan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;

45.  Jenfasizza li, sabiex ikun hemm Unjoni tal-Enerġija li tiffunzjona sew u jiġi evitat li ma jiġux rispettati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-fondi tal-UE, għandhom jiġu ssorveljati b'mod strett u investigati fil-fond il-każijiet kollha ta' għajnuna mill-Istat u ta' irregolaritajiet fl-akkwist pubbliku b'rabta mal-investimenti fl-enerġija u fl-ambjent, bħall-proġett kontroversjali biex jitkabbar l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Paks fl-Ungerija;

46.  Jenfasizza li – kif iddikjarat il-Kummissjoni għas-sitt darba fir-rapport annwali tagħha dwar il-kompetizzjoni – l-għajnuna temporanja mill-Istat fis-settur finanzjarju kienet meqjusa meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja globali, iżda li din trid titnaqqas malajr, jew titneħħa kompletament u tiġi eżaminata, mill-aktar fis possibbli ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) jiżguraw li l-leġiżlazzjoni kollha tal-ħarsien tal-konsumatur – bħall-MIFID jew l-IDD – tiġi applikata b'mod konsistenti fis-Suq Uniku kollu u jitlob lill-Kummissjoni u lill-ESMA jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda arbitraġġ regolatorju fl-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li torbot l-għajnuna mill-Istat lill-banek mal-kundizzjonalità ta' kreditu lill-SMEs;

47.  Ifakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-inkjesta attwali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' Assi u Krediti ta' Taxxa Differita (DTAs/DTCs) għall-benefiċċju tas-settur bankarju f'bosta Stati Membri; huwa tal-fehma li d-DTA/DTCs għandhom jiġu awtorizzati b'mod retroattiv skont id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat jekk ikunu marbuta ma' kundizzjonijiet espliċiti dwar il-miri ta' finanzjament għall-ekonomija reali;

48.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li ma ttieħdet ebda azzjoni mill-Kummissjoni biex tindirizza l-abbużi mwettqa fir-ristrutturar tal-banek privati, inklużi dawk li jaffettwaw depożitanti żgħar u sidien żgħar ta' strumenti finanzjarji bħal ishma preferuti, li f'ħafna każijiet kienu ġew kummerċjalizzati mingħajr konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-effetti mifruxa tal-bejgħ irregolari ta' prodotti finanzjarji li nkixef fir-ristrutturar tal-banek affettwati mill-kriżi ekonomika;

49.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina jekk is-settur bankarju bbenefikax sa mill-bidu tal-kriżi minn sussidji impliċiti u għajnuna mill-Istat permezz tal-forniment ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali;

50.  Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat żbalji fl-għajnuna mill-Istat f'madwar wieħed minn kull ħames proġetti li għamlet awditu tagħhom u li kienu ġew kofinanzjati permezz ta' programmi ta' koeżjoni u li kienu meqjusa li kellhom rilevanza għall-għajnuna mill-Istat matul il-perjodu 2010-2014(12); jinnota li terz minn dawn l-iżbalji ġew ivvalutati bħala li kellhom impatt finanzjarju u huma meqjusa li kkontribwew għal-livell ta' żball fil-politika ta' koeżjoni; iqis, għalhekk, li hemm lok għal progress fl-indirizzar tan-nonkonformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni; iqis li huwa partikolarment neċessarju li jitjieb l-għarfien tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex jiġu evitati żbalji magħmula in buona fede, kif ukoll titjieb ir-reġistrazzjoni tal-irregolaritajiet sabiex ikun hemm perspettiva aħjar tal-kwistjoni;

51.  Huwa tal-fehma li hemm bżonn għarfien aħjar fil-livell lokali u nazzjonali fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat; jilqa' d-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni li fihom ġie ċċarat liema miżuri ta' appoġġ pubbliku min-naħa tal-Istati Membi jistgħu jitwettqu mingħajr valutazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat; iqis li dawn id-deċiżjonijiet jipprovdu gwida utli għall-proġetti lokali u muniċipali, inaqqsu l-piż amministrattiv u fl-istess ħin iżidu ċ-ċertezza legali;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-kompetizzjoni b'rabta mad-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSD) sabiex l-istrumenti ta' stabbilizzazzjoni bikrija previsti mill-awtorità leġiżlattiva tal-UE jkunu, fil-fatt, jistgħu jintużaw;

53.  Jenfasizza l-importanza tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat ta' natura fiskali, li jipprovdu appoġġ meħtieġ għall-aġenda Ewropea u internazzjonali dwar it-taxxa, speċjalment fil-ġlieda kontra l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi akbar biex jiġu investigati deċiżjonijiet tat-taxxa li joħolqu tħassib mil-lat tal-għajnuna mill-Istat u twettaq dawn l-investigazzjonijiet b'mod sistematiku; jinnota l-fatt li l-Kummissjoni tqis li d-deċiżjonijiet tat-taxxa mhux trasparenti li ngħataw minn xi Stati Membri lil ċerti kumpaniji multinazzjonali jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat, peress li huma distorsivi fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq intern; jilqa' wkoll iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-interkonnessjonijiet bejn il-politiki dwar it-taxxa u l-prattiki amministrattivi fil-qasam tat-tassazzjoni, fuq naħa, u l-politika tal-kompetizzjoni, fuq in-naħa l-oħra; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika sommarju tad-deċiżjonijiet tat-taxxa ewlenin li ttieħdu fid-deċiżjonijiet preċedenti, abbażi ta' informazzjoni f'direttorju ċentrali sigur, li jkun jinkludi, tal-inqas, deskrizzjoni tal-kwistjonijiet indirizzati fid-deċiżjoni tat-taxxa u deskrizzjoni tal-kriterji użati biex jiġi determinat arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment u l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li x'aktarx jiġu affettwati;

Ir-regoli antitrust, il-proċedimenti rigward il-kartelli, u l-kontroll tal-fużjonijiet

55.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tħejji gwida dwar il-proċeduri u l-evalwazzjoni kontinwa tagħha fir-rigward tal-qafas legali tal-UE;

56.  Jenfasizza l-importanza li l-kartelli jitkissru, fl-interess taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissimplifika l-proċeduri amministrattivi f'dan ir-rigward sabiex tipprijoritizza l-proċedimenti;

57.  Huwa tal-fehma li l-fużjonijiet proposti bejn l-akbar kumpaniji mondjali fil-qasam tal-agrokimika u ż-żrieragħ jistgħu jwasslu għar-riskju ta' żieda fil-prezzijiet taż-żrieragħ u għal inqas għażla fil-varjetajiet adattati għall-kundizzjonijiet agroekoloġiċi; jenfasizza li jekk dawn il-fużjonijiet ikomplu, 61 % tas-suq taż-żrieragħ globali u 65 % tas-suq tal-pestiċidi globali jkun taħt il-kontroll ta' tliet kumpaniji biss;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha fil-livell globali sabiex tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi ma jkunux f'kunflitt mad-dispożizzjonijiet tal-UE għad-detriment tan-negozji Ewropej;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm ir-rekord b'saħħtu u effikaċi tagħha fir-rigward tal-infurzar fil-kuntest tal-kartelli fil-każijiet kollha fejn ikollha biżżejjed evidenza ta' ksur; jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni tippermetti lill-kompetituri jikkooperaw fl-innovazzjoni mingħajr ma dik il-kooperazzjoni tiġi abbużata għal skopijiet antikompetittivi; jieħu nota tal-ħames deċiżjonijiet tas-sena l-oħra b'rabta ma' total ta' madwdar EUR 365 mijun f'multi, kif dokumentat fid-dokument tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-2015;

60.  Jemmen li r-regoli eżistenti dwar il-multi fil-każ ta' ksur jistgħu jiġu ssupplimentati minn sanzjonijiet eħrex kontra l-atturi responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tikkomplementa l-multi lill-kartelli b'sanzjonijiet personali mmirati għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'dawn il-kumpaniji, kif ukoll penali individwali għall-impjegati li jkunu fil-fatt wasslu lill-kumpanija tagħhom biex twettaq ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni – il-Kummissjoni għandha, għalhekk, tkun kapaċi timponi miżuri bħal skwalifiki tad-diretturi jew sanzjonijiet pekunarji personali meta jkun hemm bżonn;

61.  Jemmen li l-użu ta' multi dejjem akbar bħala l-uniku strument tal-antitrust jista' ma jkunx drastiku biżżejjed; jenfasizza li politika ta' multi kbar m'għandhiex tintuża bħala mekkaniżmu alternattiv għall-finanzjament tal-baġit; jippreferi l-approċċ "tal-inċentiv u l-kastig", b'penali li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġu l-konformità;

62.  Jinnota li l-għadd ta' fużjonijiet notifikati żdied b'mod sinifikanti fl-2015; jitlob, għalhekk, li s-servizzi rilevanti jingħataw ir-riżorsi meħtieġa (permezz tar-riallokazzjoni interna tal-persunal) biex ikunu jistgħu jkomplu jindirizzaw b'mod effikaċi din is-sitwazzjoni;

63.  Jilqa' l-konsultazzjoni mnedija reċentement mill-Kummissjoni dwar ċerti aspetti proċedurali u legali tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, b'rabta mar-riforma ppjanata tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet, teżamina bir-reqqa jekk il-proċeduri ta' valutazzjoni attwali jikkunsidrawx biżżejjed iċ-ċirkustanzi fis-swieq diġitali u l-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq; iqis li, speċjalment fl-ekonomija diġitali, il-kriterji ta' valutazzjoni tal-fużjonijiet għandhom jiġu adattati;

64.  Jikkondividi t-tħassib dwar in-negozjati attwali dwar il-fużjoni bejn Bayer AG u Monsanto Company Inc.; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fużjoni ppjanata tista' toħloq oligopolju Ewropew u globali potenzjali jekk titħalla ssir; jenfasizza li din il-fużjoni tista' tirriżulta f'sitwazzjoni ta' monopolju fis-swieq taż-żrieragħ u tal-pestiċidi, li huma importanti għas-settur agrikolu; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq valutazzjoni tal-impatt ex ante ta' din il-fużjoni u jitlob idea ċara tal-kalendarju tal-Kummissjoni;

65.  Huwa tal-fehma li l-arranġamenti ta' kontroll tal-fużjonijiet tal-UE għandhom iqisu l-prezz tax-xiri bħala kriterju, peress li l-fużjonijiet fis-swieq diġitali għamluha ċara li l-limiti tal-fatturat mhumiex biżżejjed;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-ħolqien ta' qafas tal-UE għall-koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar il-kontroll tal-fużjonijiet;

67.  Jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104/UE dwar id-danni fi kwistjonijiet relatati mal-antitrust;; jirrimarka li din id-Direttiva għandha tiġi trasposta kif xieraq sas-27 ta' Diċembru 2016; jiddeplora l-fatt li s'issa l-progress fit-traspożizzjoni kien batut u li ħafna Stati Membri għadhom ma ressqux abbozzi ta' leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tfakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom;

Aspetti settorjali

68.  Jilqa' l-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem, u jaqbel mal-ħames dimensjonijiet politiċi interkonnessi tagħha; jenfasizza li d-deċiżjonijiet dwar it-taħlita enerġetika huma f'idejn l-Istati Membri;

69.  Jilqa' l-investigazzjonijiet differenti dwar l-antitrust, b'mod partikolari dawk fir-rigward ta' Gazprom u Bulgargaz, bil-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni tas-suq fl-Unjoni tal-Enerġija; jiddeplora, madankollu, il-prattika min-naħa ta' ċerti Stati Membri li jixtru l-gass permezz ta' kumpaniji offshore bħala eżempju tipiku ta' evitar tat-taxxa u att li jmur kontra l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni tal-Enerġija; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi evitat il-ħolqien ta' strutturi tas-suq li jistgħu jimpedixxu kompetizzjoni effikaċi fis-settur tal-enerġija;

70.  Jieħu nota tal-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni; jenfasizza, madankollu, l-impenji legalment vinkolanti li ħadu l-Istati Membri fil-konferenza dwar il-klima COP21, li ma jistgħux jintlaħqu mingħajr miżuri (statali) konkreti għall-promozzjoni u l-finanzjament tal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli;

71.  Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni Ewropea għandha potenzjal kbir biex tippromwovi standards ambjentali u soċjali ogħla; jinnota b'dispjaċir li l-Gvern Ungeriż qed ifixkel il-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija rinnovabbli billi jimponi taxxi għoljin u billi jimpedixxi l-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-użu tal-enerġiji rinnovabbli fl-Ewropa sabiex tilħaq l-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-istrateġija tat-tkabbir fuq għaxar snin "Ewropa 2020" tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-integrazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali, soċjali u tax-xogħol fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 267/2010 li jeżenta ċerti ftehimiet fis-settur tal-assigurazzjoni, peress li l-iskambju ta' informazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tar-riskju u l-kopertura tar-riskju konġunt iżid iċ-ċertezza legali u l-kompetittività fis-settur, u b'hekk jiffaċilita d-dħul fis-suq għal intrapriżi ġodda, iżid l-għażla għall-konsumaturi u jtejjeb il-kundizzjonijiet ekonomiċi;

73.  Jirrimarka l-ħtieġa li ssir distinzjoni fuq livell kunċettwali u mil-lat ta' politika bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-politika soċjali tal-Istat Membru rispettiv; jirrikonoxxi li huwa l-obbligu ta' kull gvern li jintervjeni sabiex jevita li ċ-ċittadini tiegħu jsofru l-faqar enerġetiku;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu t-taxxi fuq il-prodotti tal-enerġija u jieħdu miżuri effikaċi kontra l-faqar enerġetiku;

75.  Jirrimarka li l-grilja enerġetika hija infrastruttura bbażata fuq netwerk li teħtieġ trattament speċjali, biex tippermetti u tinkoraġġixxi l-konsum proprju;

76.  Jinnota li l-monopolji governattivi eżistenti, bħall-monopolji fuq il-logħob tal-azzard, jista' jwassal għal prattiki inġusti u antikompetittivi; jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li bl-għoti ta' liċenzji mingħajr sejħiet għall-konċessjonijiet, jew permezz ta' sejħiet dubjużi u mhux trasparenti, il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiffavorixxu ċerti kumpaniji fuq oħrajn, u b'hekk jistgħu joħoloqu ambjent antikompetittiv ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja strettament il-monopolji governattivi eżistenti u l-legalità tas-sejħiet għall-konċessjonijiet sabiex timpedixxi kwalunkwe distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidliet fir-Regolament (KE) Nru 261/2004 sabiex tiżgura l-istess protezzjoni għall-vjaġġaturi bl-ajru fuq titjiriet minn pajjiżi terzi, irrispettivament minn jekk it-trasportatur ikunx mill-UE jew le;

78.  Ifakkar li l-Artikolu 42 tat-TFUE jagħti status speċjali lis-settur agrikolu fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni, skont kif affermat matul l-aħħar riforma tal-PAK bl-għoti ta' sensiela ta' derogi u eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 tat-TFUE; iqis li l-kriżi attwali fis-settur tal-biedja qed tiggrava l-pożizzjoni diġà dgħajfa tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel;

79.  Iqis li l-attivitajiet kollettivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, bħall-ippjanar tal-produzzjoni u n-negozjar ta' bejgħ u, fejn xieraq, in-negozjar tat-termini ta' kuntratti, huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE, u għandhom għalhekk igawdu fil-prinċipju minn preżunzjoni ta' kompatibbiltà mal-Artikolu 101 tat-TFUE; jinnota li d-derogi attwali mhux qed jintużaw bl-aħjar mod u li n-nuqqas ta' ċarezza ta' dawn id-derogi, id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni u n-nuqqas ta' applikazzjoni uniformi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jagħtux biżżejjed ċertezza legali lill-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u b'hekk jimpeduhom milli jorganizzaw ruħhom u jxekklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, ittejjeb l-għodod disponibbli billi tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni tqis b'mod aħjar l-ispeċifiċitajiet tas-settur agrikolu u tikkjarifika b'mod xieraq il-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga ġenerali għall-agrikoltura, ir-regoli speċifiċi għas-setturi tal-ħalib, taż-żejt taż-żebbuġa, taċ-ċanga u l-vitella u tal-prodotti tar-raba' li jinħadem u l-eżenzjonijiet individwali skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled u tieħu azzjonijiet regolatorji vinkolanti fil-livell tal-UE kontra prattiki kummerċjali żleali fil-katina alimentari, li jxekklu l-bdiewa u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jindirizzaw it-tħassib imqajjem mil-impatt kumulattiv fin-naħa ta' fuq tal-katina tal-provvista tal-ikel, kif ukoll fuq il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi, tal-konċentrazzjoni rapida fil-livell nazzjonali fis-settur tad-distribuzzjoni u l-iżvilupp ta' alleanzi ta' distributuri kbar fil-livell internazzjonali u Ewropew; jinnota li dan l-iżvilupp strutturali jista' jwassal għall-volatilità tal-prezzijiet u għal tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, u jqajjem tħassib ta' possibbiltà ta' allinjamenti strateġiċi, tnaqqis fil-kompetizzjoni u marġnijiet ridotti għall-investiment fl-innovazzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel;

81.  Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi mingħajr ma tqis l-interessi tal-produtturi agrikoli; jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni trid tagħti l-istess importanza biex tiddefendi l-interessi tal-produtturi agrikoli kif tagħmel biex tiddefendi l-interessi tal-konsumatur, billi tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni u għall-aċċess għas-suq intern ikunu ġusti sabiex jitrawmu l-investiment, l-impjiegi, l-innovazzjoni, il-vijabbiltà tal-impriżi agrikoli u l-iżvilupp ibbilanċjat taż-żoni rurali fl-UE;

82.  Jinsisti li l-kunċett ta' "prezz ġust" m'għandux jitqies bħala l-inqas prezz possibbli għall-konsumatur, iżda minflok għandu jkun raġonevoli u jippermetti rimunerazzjoni ġusta ta' kull parti fil-katina tal-provvista tal-ikel;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill rekord tal-użu tal-eżenzjonijiet eżistenti mill-bdiewa fl-Istati Membri differenti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 225 tar-Regolament dwar l-OKS Unika u b'mod xieraq tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali derogi kif ukoll l-eżenzjonijiet individwali mir-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara b'mod partikolari jekk il-ftehimiet ta' sostenibbiltà li ġew konklużi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jissodisfaw l-eżiġenzi tas-soċjetà u li l-miżuri tagħhom imorru lil hinn mir-rekwiżiti statutorji jistgħux jiġu eżentati mil-liġi tal-kompetizzjoni jekk dawn jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni u jippromwovu l-innovazzjoni filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar estensiv fid-definizzjoni ta' "pożizzjoni dominanti" u tal-abbuż minn tali pożizzjoni minn impriża agrikola jew numru ta' tali impriżi marbuta bi ftehim orizzontali, filwaqt li jitqies il-grad ta' konċentrazzjoni u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mis-saħħa ta' negozjar tas-setturi tal-fatturi produttivi, tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut;

85.  Isostni li, f'suq agrikolu uniku, il-kunċett ta' "suq rilevanti" jeħtieġ jevolvi u jiġi mifhum primarjament fil-livell tal-Unjoni, qabel ma jitqiesu livelli iktar baxxi, sabiex ma jitpoġġiex fil-periklu l-objettiv tal-konċentrazzjoni tal-offerta agrikola billi jingħalaq b'mod restrittiv il-qasam tal-attività tal-impriżi agrikoli;

86.  Jemmen li l-bdiewa fis-setturi kollha tal-produzzjoni għandhom jiġu garantiti d-dritt għal negozjar kollettiv, inkluż id-dritt li jaqblu dwar il-prezzijiet minimi;

87.  Jemmen li l-bdiewa għandhom jinvolvu ruħhom b'mod sħiħ u jisfruttaw il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi l-kooperattivi tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-entitajiet interprofessjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil tali għodod kollettivi ta' għajnuna proprja jikbru fil-kompetenzi u l-effiċjenzi tagħhom billi jiġu ċċarati u ssimplifikati r-regoli applikabbli għalihom, bil-għan li jissaħħu l-kapaċità ta' negozjar tagħhom u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 39 tat-TFUE;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika jiġu attivati malajr f'perjodi ta' żbilanċi serji ħafna fis-suq u tkompli tivvaluta l-effiċjenza ta' din il-miżura meta tiġi applikata għas-suq tal-prodotti tal-ħalib bil-ħsieb li jiġu proposti adattamenti temporanji ulterjuri tal-liġi u l-proċedura tal-kompetizzjoni fi żminijiet ta' żbilanċi serji fis-suq;

89.  Jilqa', f'dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni reċenti tal-linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli speċifiċi; iqis, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni ġuridiku tagħhom huwa limitat wisq, u li l-kriterji li jridu jiġu mħarsa minn settur għal ieħor huma eteroġenei u stretti wisq biex jipprovdi ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali meħtieġa lill-bdiewa li jixtiequ jibbenefikaw minn dawn id-derogi;

90.  Jemmen li kategorizzazzjoni tas-suq rilevanti mhijiex għalkollox adatta għas-sitwazzjoni attwali tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u għalhekk jipproponi li s-suq taż-żejt taż-żebbuġa għall-konsumaturi jitqies bħala suq uniku, bil-ħsieb li tittejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 169 tar-Regolament dwar l-OKS Unika;

91.  Jemmen li, minħabba l-varjazzjonijiet fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, l-iżjed minħabba kundizzjonijiet klimatiċi, u sabiex jiġu garantiti l-objettivi tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandhom jitqiesu l-każijiet fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu mġiegħla jixtru mingħand produtturi taż-żejt taż-żebbuġa li mhumiex membri, filwaqt li tiġi garantita n-natura anċillari ta' din l-attività fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħhom stess;

92.  Jipproponi li l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 170 dwar il-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella jiġi estiż għas-settur tat-tismin tal-bhejjem tal-ifrat sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mtejba;

93.  Jilqa', fil-kuntest ta' tmiem il-kwoti fis-settur taz-zokkor, l-eżistenza kontinwa ta' qafas kuntrattwali(13) fost il-bdiewa tal-pitravi, l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-kumpaniji taz-zokkor, li jippermettilhom b'mod partikolari jinnegozjaw it-termini ta' kondiviżjoni tal-valur skont l-iżviluppi fis-suq taz-zokkor u s-swieq ta' materja prima oħra; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li din il-possibbiltà tingħata lill-operaturi kollha fis-settur sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar l-OKS Unika, biex b'hekk jiġi żgurat bilanċ ġust tad-drittijiet u l-obbligi bejn l-impriżi taz-zokkor u l-produtturi tal-pitravi zokkrija;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-influwenza eżerċitata mill-bejjiegħa bl-imnut fuq il-kumpaniji li jimmanifatturaw prodotti tad-ditta proprja tagħhom;

95.  Itenni l-pożizzjoni tal-Parlament(14) favur l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-PKŻ fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza li din il-leġiżlazzjoni għandha tiżgura li l-bdiewa u l-konsumaturi tal-UE jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ġusti tax-xiri u tal-bejgħ;

96.  Jemmen li l-implimentazzjoni sħiħa u sodisfaċenti tal-"Pakkett tal-Ħalib"(15) hija essenzjali sabiex jissaħħaħ is-settur tal-ħalib u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-estensjoni tal-"Pakkett tal-Ħalib" lil hinn minn nofs l-2020 u biex tistudja l-possibbiltà li testendi r-regoli għal setturi agrikoli oħra;

97.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-istudju tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni bit-titolu "Economic impact of modern retail on choice and innovation in the EU food sector" (L-impatt ekonomiku tal-bejgħ bl-imnut modern fuq l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur alimentari tal-UE), inkluża r-relazzjoni negattiva li jista' jkun hemm bejn l-innovazzjoni u l-penetrazzjoni fis-suq ta' prodotti taħt marki privati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament il-kontenut tad-diskussjonijiet li għaddejjin biex jiġi determinat jekk din ir-relazzjoni negattiva tnaqqasx l-innovazzjoni u l-varjetà ta' prodotti disponibbli għall-konsumaturi, u dwar xi jkunu l-konsegwenzi fit-tul għall-katina kollha tal-provvista tal-ikel u għas-sitwazzjoni tal-bdiewa;

98.  Itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat b'mod progressiv qafas tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex fil-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa jiġu inklużi l-indikaturi tas-sistemi ta' Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), inklużi l-indikaturi taħt l-intestaturi ta' Ipprezzar Ġust u Kuntratti Trasparenti (S.2.1.1) u d-Dritt tal-Fornituri (S2.2.1);

99.  Jenfasizza li t-tassazzjoni eċċessiva ta' kwalunkwe industrija tista' faċilment teqred il-kompetizzjoni u tmur kontra l-interessi tal-konsumaturi;

100.  Jitlob li jiġi żviluppat ulterjorment l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel biex titjieb l-identifikazzjoni tal-kriżijiet fis-settur agroalimentari permezz ta' data aħjar u aktar diżaggregata; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa jkunu involuti fid-definizzjoni u l-ġbir tad-data;

101.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ l-effett tad-distorsjonijiet tas-suq li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi fuq il-produtturi agrikoli fl-Ewropa, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja delikata tagħhom u r-rwol fundamentali tagħhom fis-soċjetà tagħna; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lil ftehimiet ma' dawk il-pajjiżi li għandhom ferm inqas regolamenti fl-agrikoltura u s-saħħa mill-UE;

102.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga n-natura u s-sustanza tad-distorsjonijiet fis-suq tal-bejgħ bl-imnut u tinkludi l-effett potenzjali tar-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista fil-konfront tal-bejjiegħa bl-imnut, peress li d-distorsjoni twassal għall-framentazzjoni tas-suq u l-potenzjal biex is-supermarkets il-kbar jiddominaw is-suq u joħolqu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fil-ktajjen tal-provvista; jenfasizza l-importanza li l-partijiet ikkonċernati kollha jiżvelaw l-informazzjoni rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tibda tinvestiga kwistjonijiet ta' żamma tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut;

103.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-trasport; jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 21/2014 tal-Qorti tal-Awdituri jsostni li, apparti l-każijiet speċifiċi tal-ajruporti reġjonali jew l-ajruporti f'inħawi remoti, il-konnettività fl-Ewropa għandha tkun ibbażata fuq is-sostenibbiltà ekonomika; jiddeplora l-fatt li l-investimenti fl-ajruporti mhux dejjem ipproduċew ir-riżultati antiċipati; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tidentifika l-proġetti ta' żvilupp tal-arjuporti li rnexxew u dawk li ma rnexxewx; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 868/2004 bil-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, tipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta b'mod aktar effikaċi, tiżgura r-reċiproċità u telimina l-prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga jekk ċerti prattiki – ibbażati fuq ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru ffirmati mill-Istati Membri ma' pajjiżi mhux tal-UE – humiex ta' detriment għall-kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi u l-ajruporti, u kontra l-interessi tal-konsumaturi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza wkoll il-prattiki antikompetittivi li jistgħu jxekklu l-ħila tal-konsumaturi Ewropej li jużaw varjetà ta' mezzi online, inklużi servizzi ta' tqabbil metasearch u aġenti tal-ivvjaġġar online;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru aktar rieda politika favur l-approfondiment u t-tisħiħ ulterjuri tas-suq uniku għat-trasport u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwi, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni miftuħa u ġusta bejn l-operaturi pubbliċi u privati fis-setturi tat-trasport, tal-posta u tat-turiżmu, filwaqt li jiġu rispettati politiki, miri u prinċipji oħra tal-UE, inkluża d-dimensjoni soċjali li hi importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tat-trasport;

105.  Jenfasizza l-importanza tal-konnettività u tal-infrastruttura tat-trasport għas-sopravivenza, l-iżvilupp ekonomiku u l-provvista ta' servizzi pubbliċi u privati f'żoni reġjonali u remoti;

106.  Jittama, għalhekk, li jitlesta n-netwerk globali TEN-T;

107.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi ggarantita protezzjoni aktar effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema tat-trasport mill-abbuż ma għandhiex tintuża bħala pretest biex tiġi limitata l-kompetizzjoni ħielsa bejn l-entitajiet minn Stati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà meta tfassal liġijiet li jħallu impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tas-suq uniku tat-trasport;

108.  Jinnota l-isfidi li jiffaċċjaw l-operaturi postali bħala riżultat tal-ħolqien tas-suq uniku diġitali; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-proġett ambizzjuż, b'mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ online, jiddependi fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq l-organizzazzjoni tas-suq tas-servizzi postali tal-konsenja tal-pakketti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni transfruntiera ġusti u ugwali għall-entitajiet privati u l-operaturi pubbliċi li jipprovdu servizzi kummerċjali;

109.  Jenfasizza li kwalunkwe politika tal-kompetizzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet soċjali tal-operaturi kollha fis-setturi kkonċernati;

110.  Jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni dwar it-trasport tal-UE sikwit ma tkunx implimentata sew u li l-prinċipji tat-trattat mhux qed ikunu rispettati mill-Istati Membri, b'mod partikolari fejn it-trasport huwa ġestit bħala monopolju mill-gvern ċentrali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, rispettivament, jimplimentaw kif xieraq u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, li hi ferm importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bil-għan li jinġiebu benefiċċji addizzjonali għall-kummerċ u l-industrija, il-konsumaturi, il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u l-ambjent;

111.  Jenfasizza l-importanza li jitneħħew l-ostakli fiżiċi, tekniċi u regolatorji bejn l-Istati Membri sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni fis-suq uniku u tiġi faċilitata l-mobilità transfruntiera u l-kooperazzjoni territorjali, b'hekk tiġi stimolata l-kompetizzjoni;

112.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-ostakli indiretti għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-disparità fir-regoli dwar it-tassazzjoni, is-sigurtà, id-disparità bejn il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ, id-drittijiet ta' approvazzjoni tat-tip u d-drittijiet tal-passiġġieri;

113.  Jilqa' l-progress li sar fit-teknoloġiji diġitali fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, li jippromwovu l-kompetizzjoni, joħolqu l-impjiegi, jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għal swieq akbar u jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumatur; jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp pożittiv tal-ekonomija kollaborattiva se jwasslu għal bidliet sinifikanti fl-ambjent operattiv tas-setturi, kif ukoll li hu meħtieġ qafas legali xieraq u ċar biex jinkisbu l-benefiċċji tal-proċess ta' diġitalizzazzjoni;

114.  Jenfasizza li l-entitajiet li joperaw abbażi ta' mudelli kummerċjali ġodda jinfluwenzaw is-suq tat-trasport u tat-turiżmu tal-UE b'mod pożittiv, partikolarment billi jagħmlu s-servizzi aktar aċċessibbli u jtejbu l-kwalità tagħhom;

115.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinnegozja ftehimiet esterni dwar l-avjazzjoni ma' diversi pajjiżi u reġjuni importanti fid-dinja; jemmen li dan mhux biss se jtejjeb l-aċċess għas-suq, iżda jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda ta' negozju għal settur tal-avjazzjoni Ewropew ta' importanza dinjija, joħloq impjiegi ta' kwalità għolja, iżomm standards għoljin ta' sikurezza, jikkunsidra d-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur u jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi; jenfasizza li l-Parlament għandu jiżvolġi rwol importanti f'dawn in-negozjati;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tinnegozja dawn il-ftehimiet esterni fil-qasam tal-avjazzjoni, tinkludi klawsola ta' kompetizzjoni ġusta bil-ħsieb li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd;

117.  Iqis li fir-rigward tas-servizzi portwarji, jeħtieġ li jinħoloq qafas regolatorju dejjem aktar miftuħ, kompetittiv u trasparenti għal portijiet pubbliċi fl-Ewropa, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ulterjuri ta' impjieg;

118.  Jemmen li żieda fil-kompetizzjoni li rriżultat mill-ftuħ gradwali tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE tista' tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi, iżda jikkundanna bil-qawwa l-fatt li ċerti miżuri applikati minn xi Stati Membri qegħdin idgħajfu l-integrità tas-suq uniku f'dan il-qasam; jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hi u tikkuntrasta dawn il-miżuri;

119.  Jittama li dan il-ftuħ tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma jkunx kawża oħra ta' dumping soċjali u jiddeplora wkoll il-fenomenu tal-"kumpaniji tal-isem";

120.  Jiddeplora barra minn hekk il-fatt li l-vannijiet iż-żgħar mhumiex indirizzati kif suppost fil-politika tal-UE minkejja l-fatt li huma qed jintużaw dejjem aktar biex tiġi evitata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi, is-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent;

121.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib it-tendenzi oligopolistiċi tad-dumping tal-prezzijiet b'mod partikolari fl-avjazzjoni u fis-setturi tax-xarabanks ta' distanzi/rotot twal u jinsisti fuq l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u ta' kundizzjonijiet ġusti, kompetittivi u intermodali;

122.  Jitlob konklużjoni rapida tan-negozjati dwar ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jemmen li dan jenħtieġ jiftaħ aktar servizzi ta' trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija għall-kompetizzjoni u jtejjeb l-effiċjenza tas-settur ferrovjarju, filwaqt li jiżgura l-kwalità u l-kontinwità tal-obbligi tas-servizz pubbliku;

123.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pilastru tekniku tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jemmen li dan se jsaħħaħ is-sikurezza ferrovjarja, filwaqt li fl-istess ħin ineħħi l-ostakli tekniċi għall-kompetizzjoni permezz tal-interoperabbiltà;

124.  Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu bħala mutur vitali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ proattiv biex tippromwovi l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew u toħloq ambjent favorevoli għat-tkabbir u l-iżvilupp tiegħu;

125.  Jenfasizza li s-servizzi postali u partikolarment il-konsenja ta' pakketti transfruntiera huma ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp tas-settur tal-kummerċ elettroniku fl-UE kollha; jilqa' l-inkjesta antitrust tal-Kummissjoni fis-settur tal-kummerċ elettroniku u jħeġġiġha tkompli tissorvelja l-iżvilupp tas-swieq postali u tal-pakketti;

126.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati proġetti tat-trasport sostenibbli, aċċessibbli u sikuri li jistgħu jgħinu biex itejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport Ewropea kollha;

127.  Jitlob l-użu ta' fondi tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u Orizzont 2020 biex tiġi żviluppata l-infrastruttura Ewropea tat-trasport u tiżdied il-kwantità u l-kwalità tas-servizzi;

128.  Jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw biżżejjed attenzjoni biex jitlestew il-proġetti infrastrutturali transfruntiera u biex jikkoordinaw il-pjanijiet ta' trasport l-iktar importanti tagħhom mal-Istati Membri ġirien;

129.  Iqis li huwa importanti li jintużaw b'mod sħiħ strumenti finanzjarji innovattivi bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li huma xierqa għall-finanzjament ta' proġetti tas-settur tat-trasport b'appoġġ għat-tkabbir u l-kompetittività; jenfasizza, madankollu, li r-riżorsi allokati għall-Fond ta' Garanzija tal-FEIS ma jistgħux jiffunzjonaw għad-detriment tas-CEF jew ta' Orizzont 2020, li huma strumenti vitali għall-iżvilupp ta' suq komuni fis-settur tat-trasport;

130.  Jenfasizza li suq tat-trasport ferrovjarju miftuħ kompletament jista' jwassal għal diversi benefiċċji għall-operaturi u l-passiġġieri mill-Istati Membri kollha; jinnota, madankollu, il-ħtieġa li jitqiesu l-gradi differenti ta' żvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri f'dak il-proċess; jenfasizza l-ħtieġa li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jinżammu l-livelli ta' investiment attwali biex tiġi bbilanċjata d-differenza fl-infrastruttura ferrovjarja;

131.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi ggarantita protezzjoni aktar effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema tat-trasport mill-abbuż ma għandhiex tintuża bħala pretest biex tiġi limitata l-kompetizzjoni ħielsa bejn l-entitajiet minn Stati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà meta tfassal liġijiet li jħallu impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tas-suq uniku tat-trasport;

132.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi metodi analitiċi għad-definizzjoni ta' swieq rilevanti ġodda b'rabta mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u b'mod partikolari mal-fenomenu tal-konverġenza tat-teknoloġiji u l-użu kummerċjali tad-data personali fuq skala kbira;

133.  Jistieden lill-Istati Membri biex, bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina fost id-ditti tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE, itemmu darba għal dejjem l-għoti ta' konċessjonijiet fuq toroq madwar iż-żoni urbani li jirriżultaw fil-ħlas ta' pedaġġi;

134.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-kazi allegati ta' frodi tal-VAT fl-industrija tal-majjal; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma fetħitx inkjesta dwar din il-kwistjoni, minkejja l-ilmenti li rċeviet mingħand l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa;

135.  Huwa tal-fehma li l-kontijiet kurrenti u ta' tfaddil ma għandhomx jiġġeneraw kummissjoni għall-utenti sakemm dawn ma jkunux marbuta ma' servizzi speċifiċi;

136.  Itenni t-tħassib tiegħu (kif espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(16)) dwar id-definizzjoni restrittiva ta' "akkomodazzjoni soċjali" mogħtija mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara din id-definizzjoni abbażi ta' skambju tal-aħjar prattika u esperjenza fost l-Istati Membri, filwaqt li tqis il-fatt li l-akkomodazzjoni soċjali hija kunċettwalizzata u ġestita b'modi differenti fi Stati Membri, reġjuni u komunitajiet lokali differenti;

137.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tirreaġixxi malajr u b'mod deċiżiv għat-tentattivi minn xi Stati Membri biex jillimitaw il-kompetizzjoni ħielsa fis-settur tat-trasport; jitlob li dawn il-prattiki jiġu aboliti u li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġi ggarantit aċċess ugwali għas-suq uniku bl-istess kundizzjonijiet għall-entitajiet li joperaw f'dak is-settur mill-Istati Membri kollha;

138.  Iqis li huwa importanti li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni fis-suq intra-Ewropew fis-servizzi finanzjarji, inkluża l-assigurazzjoni, li jinvolvi l-protezzjoni tal-possibbiltà ta' xiri transfruntier;

139.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippubblika l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet attwali fil-prattiki kompetittivi fis-setturi tal-provvista tal-ikel, tal-enerġija, tat-trasport u tal-midja;

140.  Jopponi l-obbligu li l-utenti jkunu bbażati fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni finanzjarja jew il-kumpanija tal-assigurazzjoni jkollha d-domiċilju tagħha għal finijiet ta' forniment tas-servizz, peress li dan mhuwiex kompatibbli mal-għan ta' suq intern fis-servizzi finanzjarji bl-imnut;

141.  Jitlob investigazzjoni immedjata dwar it-tħassib marbut mal-kompetizzjoni fl-industrija tat-tlielaq tal-karozzi tal-Formula Wieħed;

142.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-iżivlupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, tqis il-fatt li l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju jikkositwixxu l-maġġoranza assoluta tal-kumpaniji fl-UE: jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' regoli sempliċi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompetizzjoni għan-negozji ż-żgħar li jkunu jixtiequ joperaw online u fil-livell transfruntier fis-suq uniku;

143.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, bl-istess mod, l-istituzzjonijiet finanzjarji għadhom qed jikkanċellaw il-karti ta' pagament jekk id-detentur jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor u jitlob li għandha tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward, inkluż billi jiġu mwissija l-awtoritajiet nazzjonali;

144.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għall-mediċini billi jiġu miġġielda l-abbużi fl-industrija farmaċewtika; jinnota l-ħtieġa li jitħeġġeġ l-użu tal-mediċini ġeneriċi, meta jkunu disponibbli, fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri;

145.  Jenfasizza li l-aċċess għall-flus kontanti permezz tal-ATMs huwa servizz pubbliku essenzjali li għandu jiġi pprovdut mingħajr ebda prattika diskriminatorja, antikompetittiva jew inġusta u ma għandux, għalhekk, iġarrab spejjeż eċċessivi;

146.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-boycotts kollettivi inġusti, definiti bħala sitwazzjoni li fiha grupp ta' kompetituri jaqblu li jeskludu kompetitur attwali jew potenzjali, bħala forma ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni mmirata lejn suġġett partikolari;

147.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iskandli ta' "revolving door" li jinteressaw lill-awtoritajiet tal-UE, u b'mod partikolari l-każ tal-ex Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes, li mhux biss se tagħmel pressjoni favur Uber iżda kienet anke involuta fil-Bahamas Leaks;

Lejn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni aktar effikaċi fl-UE

148.  Jilqa' l-infurzar deċentralizzat tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fl-Ewropa, iżda jqis li l-effikaċja tal-ħarsien taċ-ċittadini u l-kumpaniji minn prattiki antikompetittivi m'għandhiex tiddependi biss fuq l-Istat Membru li huma residenti fih; huwa tal-fehma li r-regolament dwar il-proċedura tal-kartelli (ir-Regolament (UE) Nru 1/2003) ikkontribwixxa ħafna biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fis-suq intern kollu kemm hu; jenfasizza, madankollu, li għad hemm differenzi bejn is-sistemi nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari rigward l-indipendenza, l-iffissar ta' multi u l-programmi ta' klemenza; huwa tal-fehma li dispożizzjonijiet proċedurali effikaċi u uniformi huma essenzjali biex tiġi infurzata l-liġi tal-UE dwar il-kartelli u tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali għall-konsumaturi u n-negozji; jistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mill-kooperazzjoni Ewropea fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (ECN);

149.  Iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-UE jkollhom il-mezzi u l-istrumenti li jeħtieġu biex jinfurzaw b'mod effikaċi r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, inklużi l-għodod biex jidentifikaw, jindirizzaw u jissanzjonaw il-ksur u l-programmi ta' klemenza, li huwa fundamentali biex il-kumpaniji jiddikjaraw il-kartelli fl-Ewropa;

150.  Itenni li l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni hija ta' importanza kbira, u li dan jinkludi l-assigurazzjoni li jkollhom ir-riżorsi li jeħtieġu biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

151.  Jilqa', b'rabta ma' dan, il-proċedura ta' konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni, li x'aktarx twassal għal proposta leġiżlattiva dwar it-tisħiħ tal-għodod ta' infurzar u sanzjonar disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-hekk imsejħa ECN+; itenni li l-infurzar min-naħa ta' diversi awtoritajeit fl-istess każijiet jew f'każijiet relatati joħloq riskju ta' duplikazzjoni u azzjoni potenzjalment inkonsistenti li tnaqqas iċ-ċertezza legali u toħloq spejjeż bla bżonn għan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposta għal azzjoni proattiva tal-UE li tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jinfurzaw ir-regoli b'mod aktar effikaċi u jaġixxu b'mod koerenti u konverġenti, sabiex ikun jista' jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-sistema deċentralizzata tal-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE; jitlob li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-qafas tal-proċedura ta' kodeċiżjoni;

152.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni hija essenzjali f'dinja globalizzata; jappoġġja, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà ta' aktar ftehimiet tal-kompetizzjoni ma' pajjiżi terzi li jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, il-ftehimiet dwar il-kompetizzjoni diġà konklużi mal-Iżvizzera u l-Kanada jistgħu jservu bħala eżempju għal ftehimiet oħrajn ta' din ix-xorta; iqis ukoll li l-ftehimiet ta' kummerċ u investiment internazzjonali għandu jkollhom taqsima b'saħħitha dwar il-kompetizzjoni;

153.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, mingħajr ma tikkomprometti l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tivvaluta l-livelli differenti ta' sanzjonijiet nazzjonali għall-ksur fl-Istati Membri u tivvaluta l-possibbiltà u l-opportunità li ssir razzjonalizzazzjoni tad-differenzi;

154.  Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi kooperazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-UE;

155.  Jenfasizza li l-indipendenza tad-DĠ Kompetizzjoni hija tal-akbar importanza biex ikun jista' jilħaq b'suċċess l-għanijiet tiegħu; jitlob mill-ġdid separazzjoni stretta bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida u dawk li huma responsabbli biex japplikaw dawk il-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni tirrialloka riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti lid-DĠ Kompetizzjoni; jitlob li l-Kummissjoni jkollha biżżejjed iniġiniera b'ħiliet tekniċi meta tinvestiga kumpaniji b'teknoloġija avvanzata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja r-regoli etiċi għat-tim tal-ekonomista prinċipali tad-DĠ Kompetizzjoni mal-prattiki għall-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni;

It-tisħiħ demokratiku tal-politika tal-kompetizzjoni

156.  Jilqa' l-isforzi tas-Sa Vestager, il-Kummissarju attwali reponsabbli mill-kompetizzjoni, biex ikun hemm djalogu strutturat regolari mal-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tagħti rispons aktar komprensiv dwar it-talbiet speċifiċi magħmula mir-rapport annwali tal-Parlament dwar il-kompetizzjoni; jemmen li djalogu strutturat dedikat jista' jikkontribwixxi għal proċess ta' segwitu aktar dettaljat fir-rigward tar-rapporti annwali rispettivi dwar il-kompetizzjoni;

157.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni għal konsultazzjoni pubblika fl-applikazzjoni tal-kontroll tal-fużjonijiet u jistedinha tiddiskuti r-riżultati mal-Parlament;

158.  Jitlob estensjoni tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari biex jiġu introdotti skambji ta' fehmiet mal-kumitati parlamentari tal-Parlament Ewropew;

159.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkorpora l-linji gwida dwar l-iffissar ta' multi f'dispożizzjonijiet legali vinkolanti;

Id-dimensjoni internazzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni

160.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni hija impenjata favur skambju miftuħ u kostruttiv dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni fil-livell globali; jilqa' l-progress li sar fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni f'ċerti Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs), iżda jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidmna tagħha dwar l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat fin-negozjati dwar l-FTAs kollha;

161.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-kummerċ, is-servizzi u l-investiment għandha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati Membri u tas-sħab kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffinalizzaw malajr ħidmiethom b'rabta mal-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju, li huma meħtieġa biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-UE, u huwa tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali għandhom sistematikament jindirizzaw l-isfida ta' prattiki kummerċjali żleali minn pajjiżi terzi;

162.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mas-sħab kummerċjali bil-ħsieb li tiżgura li s-swieq tagħhom ikunu aktar miftuħa għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari rigward l-enerġija, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, l-akkwist pubbliku u s-servizzi, inklużi s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-eżerċizzju ta' professjonijiet regolati;

163.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet kummerċjali kollha u twettaq monitoraġġ effettiv biex taċċerta jekk dawk id-dispożizzjonijiet humiex implimentati b'mod adegwat mill-partijiet għal dak li jirrigwarda r-regoli kollha, inkluż l-għoti ta' għajnuna mill-istat, u l-operaturi ekonomiċi kollha, inklużi intrapriżi proprjetà tal-istat;

164.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu u jimplimentaw regoli tal-kompetizzjoni fil-prattika;

165.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi biex tiġi stabbilita bażi ta' data komprensiva u faċli biex tintuża li fiha dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni miġbura minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles, li tista' tkun immexxija mis-segretarjat tad-WTO;

166.  Jilqa' l-progress li sar waqt il-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Nairobi dwar it-tnaqqis tas-sussidju fuq l-esportazzjoni, li għandu l-għan li jiżgura kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet fis-swieq internazzjonali għall-prodotti agrikoli; jenfasizza f'dan il-kuntest is-sensittività tas-settur agrikolu u l-ħtieġa li jittieħdu miżuri ċari u effettivi, inkluż fil-qafas tal-ftehimiet tad-WTO, biex b'hekk il-produtturi Ewropej ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi fis-swieq internazzjonali;

167.  Itenni li l-aċċess ugwali għar-riżorsi naturali, inklużi sorsi tal-enerġija, għandu impatt fundamentali fuq kompetizzjoni ġusta u ugwali fis-suq globali u jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ftehimiet kummerċjali tinkludi dispożizzjonijiet li jtejbu l-aċċess għal dawn ir-riżorsi, inklużi dispożizzjonijiet dwar prattiki ta' intrapriżi proprjetà tal-istat li jmorru kontra l-kompetizzjoni u dwar in-nondiskriminazzjoni u t-tranżitu;

168.  Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni hija parti importanti tas-suq intern, kif previst fit-Trattat; itenni li hemm bżonn ta' suq uniku kompetittiv u li jiffunzjona sew biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli, lill-impjiegi u l-innovazzjoni fl-UE u li huwa fl-interess tal-konsumaturi, tal-istartups u tal-SMEs li jsiru sforzi biex titħares il-kompetizzjoni ġusta fl-UE kollha; jemmen li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea m'għandux jiddgħajjef minħabba l-użu tal-EU Pilot minflok proċeduri formali ta' ksur u jemmen li hu meħtieġ li tiġi mħarsa l-kompetizzjoni;

169.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex ma tikkonċentrax l-isforzi kollha tagħha sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta fuq każijiet ta' profil għoli kontra kumpaniji kbar magħrufa u prominenti; ifakkar lill-Kummissjoni li l-infurzar tal-kompetizzjoni ġusta hi wkoll importanti għall-SMEs;

170.  Jitlob it-tisħiħ tal-libertà tal-għażla għall-konsumaturi; iqis li d-dritt għall-portabbiltà tad-data li tinsab fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jirrappreżenta approċċ tajjeb biex jissaħħu kemm id-drittijiet tal-konsumatur kif ukoll il-kompetizzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat kif tista' tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn in-netwerks diġitali permezz ta' interfaces u standards miftuħa;

171.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina u tikkoreġi s-sitwazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut indipendenti, li d-dritt tal-kompetizzjoni jippermettilhom jaħdmu flimkien permezz tal-istabbilimenti tradizzjonali tagħhom, iżda li huma akkużati b'kompetizzjoni inġusta jekk jipprovdu offerti konġunti ta' kummerċ elettroniku;

172.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jiġu implimentati f'waqthom, b'referenza partikolari għat-tnedija tal-akkwist elettroniku u d-dispożizzjonijiet il-ġodda li jinkoraġġixxu t-tqassim ta' kuntratti f'lottijiet, għaliex dan huwa essenzjali sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni u jingħata appoġġ lill-SMEs fis-swieq tal-akkwist;

173.  Jistieden lill-Kummissjoni tevita li jinħolqu monopolji jew ktajjen tal-valur magħluqa permezz tal-istandardizzazzjoni; jemmen li għandu jiġi introdott proċess ta' appell biex jirrieżamina l-istandards meta hemm possibbiltà li dawn iġorru riskju ta' impatt fuq il-kompetittività;

174.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell ta' konċentrazzjoni f'xi setturi, bħas-settur tal-kimika, fid-dawl ta' dawn l-aħħar fużjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif hi tippermetti l-possibbiltà ta' dħul fis-suq, partikolarment minn startups; jitlob lill-Kummissjoni teżamina jekk is-saħħa ta' impriża fis-suq li hi riżultat ta' informazzjoni u data, u l-mod li bih tiġi trattata tali informazzjoni u data, kif ukoll l-għadd ta' utenti, għandhomx ikunu kkunsidrati fil-kriterji tat-test għall-kontroll tal-fużjoni; jitlob li jiġi meqjus jekk l-amalgamazzjoni ta' data u informazzjoni, partikolarment dwar il-konsumaturi, tistax twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;

175.  Iqis il-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjoni bħala kruċjali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks, kif ukoll għall-għażla tas-servizzi għall-konsumaturi; iqis l-espansjoni rapida tal-broadband bħala element ewlieni biex ikun kompletat is-suq uniku diġitali; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kummissjoni se tikkunsidra l-objettivi strateġiċi ta' konnettività, kif stabbiliti fil-Pakkett tat-Telekomunikazzjoni, meta jiġu applikati l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband;

176.  Jirreferi għall-aktar rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar in-nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni, li juri livell sinifikanti ta' nuqqas ta' konformità u jitlob biex jiġu implimentati għadd ta' rakkomandazzjonijiet; jesprimi tħassib dwar dawn ir-riżultati, minħabba li huma ta' ħsara għal suq intern li jiffunzjona sew, u għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Qorti u żżid l-isforzi tagħha biex tevita aktar żbalji;

177.  Jappoġġja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-infurzar kontra l-kartelli, bħal dak li seħħ reċentement fis-setturi tal-ikel bl-imnut u tad-diska riġida ottika, bil-ħsieb li jkunu garantiti prezzijiet ġusti għall-konsumaturi;

178.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina jekk hemmx xi diskrepanzi fil-bejgħ ta' prodotti fis-suq uniku, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-produtturi lokali, speċjalment l-SMEs;

179.  Jinnota li, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2014, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-alleanzi bejn id-distributuri ewlenin fl-Ewropa, u jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tiddiskuti l-impatt ta' tali alleanzi fuq il-produtturi u l-konsumaturi fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni;

o
o   o

180.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali u – fejn applikabbli – reġjonali, tal-kompetizzjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0310.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0292.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0346.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0004.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0051.
(6) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1.
(7) ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.
(8) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0394.
(10) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(11) ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43.
(12) Rapport Speċjali Nru 24/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: "Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni" – http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR16_24/SR_STATE_AIDS_MT.pdf
(13) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1166 tas-17 ta' Mejju 2016 li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-termini tax-xiri tal-pitravi fis-settur taz-zokkor mill-1 ta' Ottubru 2017 (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 17).
(14) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (P8_TA(2016)0250).
(15) Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38).
(16) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 40.


Promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-saħħa mentali u r-riċerka klinika
PDF 434kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika (2016/2096(INI))
P8_TA(2017)0028A8-0380/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 u l-Artikolu 168 tiegħu, li jistabbilixxi "livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem" fost l-objettivi tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari tal-Artikoli 21, 23 u 35 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw għall-implimentazzjoni ta' prattika korretta ta' klinika fit-twettiq ta' provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (‘id-Direttiva dwar il-Provi Kliniċi),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titlu 'It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni – Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali', (COM(2005)0484),

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-UE dwar is-saħħa u l-benesseri mentali,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv tas-Saħħa Mentali 2013-2020 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tad-WHO tas-Saħħa tan-Nisa, tat-Tfal u tal-Adoloxxenti 2016–2030,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Saħħa Mentali għall-Ewropa tal-2005, iffirmata mid-WHO, il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra li l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew tad-WHO għas-Saħħa Mentali, 2013-2020,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benesseri Mentali tal-2008,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kummissjoni dwar is-Saħħa u l-Benesseri Mentali (2013-2016),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, "The right to the highest attainable standard of health" (Id-Dritt għall-Ogħla Standard Possibbli tas-Saħħa), (Dok. NU E/C.12/2000/4) u l-Kumment Ġenerali Nru 20 dwar "Non-discrimination in economic, social and cultural rights" (In-nondiskriminazzjoni fid-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali) (Dok. NU E/C.12/GC/2009),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0380/2016),

A.  billi d-dritt għall-ogħla standard possibbli ta' saħħa fiżika u mentali huwa dritt fundamentali tal-bniedem u jinkludi obbligu ta' nondiskriminazzjoni; filwaqt li kulħadd għandu jkollu aċċess għall-kura tas-saħħa; billi l-aċċess għall-kura tas-saħħa mentali huwa kwistjoni ta' importanza kruċjali bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, titkattar l-inklużjoni soċjali u jiġi żgurat l-iżvilupp ekonomiku u kulturali fl-Unjoni;

B.  billi f'kuntest globali kkaratterizzat minn kriżi ekonomika attwali u żieda qawwija fil-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u n-nisa, l-inċidenza ta' problemi ta' saħħa mentali bħad-depressjoni, disturbi bipolari, l-iskiżofrenja, l-ansjetà u d-dimenzja qed tiżdied b'mod kostanti;

C.  billi d-WHO tiddefinixxi s-saħħa mentali bħala benesseri fiżiku, mentali u soċjali, u mhux biss in-nuqqas ta' mard jew ta' infermità; billi skont id-WHO, "disturbi mentali" tfisser firxa ta' disturbi mentali u ta' mġiba, bħalma hi d-depressjoni, disturb affettiv bipolari, l-iskiżofrenja, disturbi ta' ansjetà, id-demenzja u l-awtiżmu; billi d-WHO tiddefinixxi s-saħħa mentali bħala stat ta' benesseri emozzjonali u psikoloġiku li fih individwu jkun jista' juża l-kapaċitajiet konjittivi u emozzjonali tiegħu, jaħdem fis-soċjetà, jissodisfa d-domandi normali tal-ħajja ta' kuljum, jistabbilixxi relazzjonijiet sodisfaċenti u maturi ma' oħrajn, jagħti kontribut kostruttiv għall-bidla soċjali u jadatta għal kundizzjonijiet esterni u kunflitti interni;

D.  billi s-saħħa mentali trid titqies u tiġi indirizzata b'mod olistiku, billi jittieħed kont ta' fatturi soċjali, ekonomiċi, u ambjentali, u teħtieġ approċċ psikosoċjali mis-soċjetà kollha sabiex jintlaħaq l-ogħla livell possibbli ta' benesseri mentali għaċ-ċittadini kollha;

E.  billi strateġija olistika dwar is-saħħa u l-benesseri mentali trid tinkludi perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, filwaqt li jitqiesu diversi fatturi li jaffettwaw lil persuni ta' etajiet differenti; billi għandhom jitqiesu l-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta' tfajliet u nisa ikbar fl-età;

F.  billi s-saħħa fiżika u dik mentali huma interkonnessi, u t-tnejn huma ċentrali għall-benesseri ġenerali; billi huwa rikonoxxut li n-nuqqas ta' saħħa mentali saħħa mentali ħażina jista' jwassal għal kundizzjonijiet fiżiċi kroniċi u li dawk b'kundizzjonijiet fiżiċi kroniċi għandhom aktar ċans li jiżviluppaw kondizzjonijiet ta' saħħa mentali; billi minkejja rabtiet magħrufa bejn it-tnejn, ir-riċerka dwar is-saħħa fiżika ta' spiss hija prijorità fuq dik dwar is-saħħa mentali;

G.  billi s-saħħa mentali tan-nisa u l-bniet tiġi affettwata ħażin minn għadd ta' fatturi, inklużi l-istereotipi u d-diskriminazzjoni prevalenti tas-sessi, l-oġġettifikazzjoni, il-vjolenza u l-fastidju abbażi tal-ġeneru, l-ambjent tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, in-nuqqas jew kwalità fqira ta' edukazzjoni dwar is-saħħa mentali, u aċċess limitat għal kura tas-saħħa mentali;

H.  billi kważi 9 minn kull 10 persuni li jsofru minn problemi ta' saħħa mentali jgħidu li ġew affettwati minn stigma u diskriminazzjoni, u aktar minn 7 minn 10 jirrappurtaw li l-istigma u d-diskriminazzjoni jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja tagħhom;

I.  billi trid tingħata attenzjoni lil fatturi ġeografiċi tas-saħħa u l-benesseri mentali u lid-differenzi bejn l-ambjenti urbani u dawk rurali, fost oħrajn f'termini ta' demografija, aċċess għall-kura u l-provvista tas-servizz;

J.  billi t-tibdil ormonali matul il-perimenopawża, u ż-żmien wara l-menopawża, jista' jaffettwa s-saħħa emozzjonali tan-nisa u jwassal għal problemi ta' saħħa mentali, inkluża d-depressjoni u l-ansjetà; billi l-ipersensittività għal sintomi tista' xxekkel l-iskoperta f'waqtha u trattament xieraq;

K.  billi fatturi determinanti tas-saħħa u l-benesseri mentali jvarjaw bejn l-irġiel u n-nisa u bejn gruppi ta' età. billi fatturi li jinkludu l-inugwaljanza bejn is-sessi, id-differenzi fid-dħul, l-esponiment ikbar tan-nisa għall-faqar u wisq xogħol, id-diskriminazzjoni soċjoekonomika, il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-malnutrizzjoni u l-ġuħ tesponi lin-nisa għal aktar problemi ta' saħħa mentali; billi skont id-WHO, m'hemm l-ebda differenza sinifikanti bejn is-sessi fil-każ ta' disturbi mentali serji iżda n-nisa għandhom rati ogħla ta' depressjoni, ansjetà, stress, somatizzazzjoni u disturbi alimentari, filwaqt li l-irġiel għandhom rati ogħla ta' abbuż mid-droga u l-mard antisoċjali; billi d-depressjoni tirrappreżenta d-disturb newropsikjatriku l-aktar komuni u x'aktarx li taffettwa lin-nisa iktar milli lill-irġiel; billi hija wkoll l-aktar marda komuni fost in-nisa ta' bejn il-15 u l-44 sena;

L.  billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-benesseri mentali huma spiss injorati jew imrażżna, minħabba l-istigma, il-preġudizzju jew in-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni jew riżorsi; billi dan iwassal biex ħafna minn dawk li għandhom kundizzjonijiet tas-saħħa mentali ma jitolbux il-kura, u biex it-tobba jonqsu milli jagħmlu dijanjożi tal-marda tal-pazjent, jew xi drabi jagħmlu dijanjożi ħażina; billi d-dijanjożi ta' kondizzjonijiet ta' saħħa mentali hija ferm imqassma skont il-ġeneru, fejn in-nisa huma iktar suxxettibbli li jiġu dijanjostikati b'ċerti kundizzjonijiet mill-irġiel;

M.  billi b'mod partikolari n-nisa lesbjani u bisesswali, kif ukoll il-persuni transġeneru u intersesswali, jiffaċċjaw problemi ta' saħħa mentali speċifiċi kkawżati minn stress ta' minoranzi, definiti bħala livelli għoljin ta' stress u ansjetà minħabba preġudizzju, stigmatizzazzjoni u esperjenza ta' diskriminazzjoni, kif ukoll il-medikalizzazzjoni u l-patoloġizzazzjoni; billi l-persuni LGBTI jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' sfidi speċifiċi ta' saħħa u benesseri mentali li għandhom jitqiesu f'kull strateġija dwar is-saħħa mentali;

N.  billi l-forom ta' somatizzazzjoni l-aktar frekwenti fost in-nisa u aktarx li jinsabu fid-dijanjożi fin-nisa iktar milli fl-irġiel jinkludu l-fibromjalġija u l-għeja kronika, fejn is-sintomi ewlenin huma l-uġigħ u l-eżawriment, għalkemm in-nisa għandhom ħafna sintomi oħrajn li huma komuni għal mard ieħor;

O.  billi l-identitajiet transġeneru mhumiex patoloġiċi, imma sfortunatament għadhom jitqiesu bħala disturbi tas-saħħa mentali, u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jitolbu tali dijanjożi għall-aċċess għal rikonoxximent legali tal-ġeneru jew għal kura tas-saħħa marbuta mat-transġeneru, għalkemm ir-riċerka wriet li d-dijanjożi ta' "disturb tal-identità tal-ġeneru" hija sors ta' diffikultà sinifikanti għal persuni transġeneru;

P.  billi l-mard relatat mad-depressjoni jammonta għal 41,9 % tal-każijiet kollha ta' diżabilità li tirriżulta minn mard newropsikjatriku fost in-nisa, meta mqabbla ma' 29,3 % fost l-irġiel;

Q.  billi d-WHO kkalkulat li d-depressjoni taffettwa 350 miljun ruħ; billi sal-2020 din il-marda se tkun it-tieni l-akbar kawża ta' inkapaċità għax-xogħol;

R.  billi t-tfal fil-fażi qabel il-pubertà għadhom soġġetti għal prattiki dijanjostiċi żejda u li jagħmlu l-ħsara, filwaqt li kull tifel jew tifla għandhom ikunu jistgħu jesploraw b'mod sikur l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom;

S.  billi, minħabba diversi fatturi, prinċipalment dwar ir-rwoli tas-sessi differenti u l-inugwaljanzi bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni, id-depressjoni hija bejn wieħed u ieħor darbtejn aktar prevalenti fost in-nisa milli fost l-irġiel, u persuni transġeneru b'mod sinifikanti juru livelli għoljin ta' ħsibijiet u tentattivi ta' suwiċidju; billi l-istudji juru li r-rwoli tradizzjonali tas-sessi imposti jaffettwaw b'mod negattiv is-saħħa u l-benesseri mentali tan-nisa;

T.  billi ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lis-saħħa u l-benesseri mentali fis-sistemi edukattivi fl-Istati Membri, jew fuq il-post tax-xogħol, minħabba li s-saħħa mentali ta' spiss hija stigmatizzata ħafna jew tabù; billi l-edukazzjoni dwar is-saħħa mentali tiġġieled l-istigma dwar is-suġġett, u għandha tindirizza vulnerabbiltajiet speċifiċi għall-ġeneru, l-istereotipi tas-sessi u d-diskriminazzjoni li jiffaċċaw in-nisa u l-bniet;

U.  billi l-irġiel u s-subien jesperjenzaw kundizzjonijiet tas-saħħa mentali bbażati fuq il-ġeneru; billi fl-Ewropa, huwa 5 darbiet iktar possibbli li l-irġiel iwettqu suwiċidju minn nisa u s-suwiċidju huwa l-akbar kawża ta' mewt tal-irġiel ta' anqas minn 35 sena; billi hemm probabbiltà ta' 3 darbiet aktar li l-irġiel isiru dipendenti fuq ix-xorb min-nisa u huma iktar suxxettibbli għall-użu ta' (u l-mewt minn użu ta') drogi illegali; billi huwa inqas probabbli li l-irġiel ikollhom aċċess għal terapiji psikoloġiċi min-nisa; billi l-irġiel u s-subien jiffaċċaw l-istereotipi tas-sessi tal-maskulinità li jistgħu jinkoraġġixxu r-repressjoni tal-emozzjonijiet jew li jirrikorru għal rabja, u dawn għandhom impatt fuq is-saħħa mentali tal-irġiel, kif ukoll fuq il-fenomenu tal-vjolenza sessista;

V.  billi hemm madwar 58 000 suwiċidju fis-sena fl-UE u kwart ta' dawk li jwettqu suwiċidju huma nisa, u billi s-suwiċidju għadu kawża ewlenija ta' mewt;

W.  billi approċċ psikosoċjali mis-soċjetà kollha għas-saħħa mentali jeħtieġ koerenza politika għall-benesseri, il-koordinazzjoni tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, il-politiki ekonomiċi u soċjali bl-għan li jinkisbu l-ogħla livelli ġenerali ta' benesseri mentali;

X.  billi d-disturbi tal-alimentazzjoni bħall-anoressija u l-bulimja qed jiżdiedu fost l-adolexxenti u l-bniet postadolexxenti;

Y.  billi l-effetti fit-tul fuq is-saħħa fiżika u mentali ta' disturbi assoċjati mad-dieta bħall-anoressija u l-bulimja ġew dokumentati sew, kif ukoll id-dimensjoni tal-ġeneru tal-kawżi tagħhom;

Z.  billi fuq il-post tax-xogħol, in-nisa huma aktar esposti għal fastidju psikoloġiku u/jew sesswali, li jikkawża problemi psikofiżiċi fost dawk soġġetti għalih;

AA.  billi mudelli tal-kura soċjali li jindirizzaw il-mard mentali permezz tal-isport, l-arti, jew attivitajiet soċjali għandhom jiġu kkunsidrati fil-programmi dwar is-saħħa pubblika fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni;

AB.  billi l-persuni b'diżabilità jirriskjaw li jbatu minn kundizzjonijiet tas-saħħa mentali aggravati;

AC.  billi l-edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet hija kruċjali biex jingħelbu l-istereotipi tas-sessi, tiġi indirizzata l-vjolenza sessista, u jittejbu s-saħħa u l-benesseri mentali kemm għall-bniet u s-subien kif ukoll għan-nisa u l-irġiel;

AD.  billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali u l-mard huma waħda mill-kawżi prinċipali ta' inkapaċità, jaffettwaw b'mod negattiv is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ekonomija, is-suq tax-xogħol u s-sistemi soċjali tal-UE, li jikkawżaw spejjeż ekonomiċi fuq skala kbira u impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija tal-UE, filwaqt li jagħtu aktar impetu lill-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kura tas-saħħa mentali b'mod olistiku, komprensiv, u b'mod sensittiv għall-ġeneru; billi, skont studju li twettaq mill-Assoċjazzjoni Ewropea tad-Depressjoni (EDA), wieħed minn kull 10 ħaddiema fl-UE ħa l-leave mix-xogħol minħabba d-depressjoni, li kien jiswa madwar EUR 92 biljun għas-soċjetà, l-aktar minħabba telf fil-produttività;

AE.  billi lil hinn mill-karatteristiċi bijoloġiċi, is-saħħa mentali tan-nisa tiddependi minn fatturi bħall-edukazzjoni li ngħataw, sa fejn dawn ikunu internalizzaw valuri, normi u stereotipi soċjali u kulturali, il-mod li bih għexu u assimilaw l-esperjenzi tagħhom, l-attitudnijiet li għandhom għalihom infushom u għall-oħrajn, ir-rwoli li jkollhom, kif ukoll l-ostakoli u l-pressjonijiet li jiffaċċaw;

AF.  billi l-kunsiderazzojni tad-diversità tan-nisa u d-distinzjoni fiżjoloġika tagħhom mill-irġiel, filwaqt li dawn il-fatturi jiġu inkorporati f'politiki tas-saħħa orjentati lejn it-trattament kif ukoll lejn il-prevenzjoni li jkunu indirizzati lejn in-nisa, b'miżuri speċifiċi mmirati lejn gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, issaħħaħ l-effettività ta' dawk il-politiki;

AG.  billi għal diversi raġunijiet is-suġġetti ta' sess femminili kienu esklużi mir-riċerka tossikoloġika u bijomedika u minn provi kliniċi, u billi differenzi bejn is-sessi fir-riċerka jillimitaw kemm aħna nafu dwar id-differenza bejn is-saħħa tan-nisa u tal-irġiel; billi, bħala riżultat, ir-riċerka bijomedika kellha t-tendenza li tirrifletti b'mod predominanti perspettiva maskili, li tassumi, bi żball, li n-nisa u l-irġiel huma identiċi f'oqsma fejn jeżistu differenzi fiżjoloġiċi; billi hemm nuqqas ta' riċerka dwar il-ħtiġijiet speċifiċi ta' nisa intersesswali;

AH.  billi l-esklużjoni u s-sottorappreżentanza tan-nisa bħala suġġetti, u tal-ġeneru u s-sess bħala fatturi fir-riċerka bijomedika u provi kliniċi qiegħdu l-ħajja u s-saħħa tan-nisa f'riskju;

AI.  billi r-Regolament (UE) Nru 536/2014 dwar provi kliniċi ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem introduċa rekwiżiti biex jitqies il-ġeneru fil-provi, iżda hemm bżonn li l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tiġi evalwata; billi r-Regolament ma jispeċifikax xi kunsiderazzjonijiet rigward in-nisa għajr għal nisa tqal u li qed ireddgħu;

AJ.  billi strateġiji speċifiċi biex jimplimentaw il-linji gwida għall-istudju u l-evalwazzjoni tad-differenzi bejn is-sessi fl-evalwazzjoni klinika tad-drogi ma ġewx żviluppati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA), minkejja l-fatt li rrikonoxxiet li "ċerti fatturi li jinfluwenzaw l-effett ta' mediċina fil-popolazzjoni jistgħu jkunu importanti meta wieħed iqis id-differenzi fil-potenzjal fir-risposti bejn l-irġiel u n-nisa" u li "l-influwenzi speċifiċi għall-ġeneru jista' jkollhom ukoll rwol sinifikanti fl-effett tad-drogi"(1);

AK.  billi l-impatti ta' tali drogi jew mediċini bħala mezzi kontraċettivi, antidepressanti u kalmanti fuq is-saħħa fiżika u mentali tan-nisa għadhom mhux mifhuma sew, u jeħtieġu aktar riċerka bl-għan li jiġu eliminati effetti sekondarji ta' ħsara u titjib tal-għoti tal-kura;

AL.  billi d-dimensjonijiet tas-sess u tal-ġeneru tas-saħħa jimplikaw li n-nisa jiffaċċjaw għadd ta' riskji speċifiċi għas-saħħa matul ħajjithom;

AM.  billi hemm nuqqas ta' data komparabbli dwar kura tas-saħħa speċifika għall-persuni transġeneru disponibbli, aċċessibbli u ta' kwalità, u l-prodotti użati f'terapija ormonali sostituttivi ma jiġux ittestjati u liċenzjati sew;

AN.  billi l-imwiet marbuta mal-maternità huma meqjusa bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi tas-saħħa;

AO.  billi n-nuqqas ta' aċċess għal drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi servizzi ta' abort sikuri u legali, jipperikola l-ħajja u s-saħħa tan-nisa u l-bniet u l-persuni kollha b'kapaċità riproduttiva, iżid l-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità, u jwassal għal ċaħda ta' kura li ssalva l-ħajja u għal żieda fl-għadd ta' aborti klandestini;

AP.  billi fil-pajjiżi kollha fejn hemm data disponibbli, jeżistu differenzi sinifikanti fis-saħħa bejn il-gruppi soċjoekonomiċi u bejn in-nisa u l-irġiel, fis-sens li nies b'livelli baxxi ta' edukazzjoni, impjieg u/jew dħul għandhom tendenza li jkollhom rati ogħla ta' morbożità u mortalità b'mod sistematiku; billi dawn l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa llum il-ġurnata huma waħda mill-isfidi ewlenin fil-politiki tas-saħħa pubblika; billi l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi negattivi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq is-saħħa u l-benesseri mentali;

AQ.  billi edukazzjoni sesswali komprensiva, adattata għall-età, ibbażata fuq l-evidenza, xjentifikament preċiża u ħielsa minn kull ġudizzju, servizzi ta' ppjanar tal-familja ta' kwalità u aċċess għall-kontraċezzjoni jgħinu fil-prevenzjoni ta' tqaliet mhux intenzjonati u mhux mixtieqa, inaqqsu l-bżonn għall-abort, u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-HIV u l-STIs; billi t-tagħlim biex iż-żgħażagħ jieħdu responsabbiltà għas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom stess għandu effetti pożittivi fuq medda twila ta' żmien, li jdumu matul ħajjithom kollha u għandhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà;

AR.  billi tarbija waħda minn kull erbgħa fl-UE titwieled b'ċesarja u, statistikament, il-problemi tas-saħħa mistennija għall-ommijiet u t-tfal qed jiżdiedu;

AS.  billi diġà hemm nuqqasijiet ta' provvista perikolużi f'ċerti Stati Membri minħabba l-għeluq ta' sptarijiet tal-maternità u t-tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta' qwiebel u l-ostetriċi;

AT.  billi r-restrizzjonijiet u t-tnaqqis fil-baġit imposti mill-gvernijiet nazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-edukazzjoni wkoll jagħmlu l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tas-saħħa mentali aktar diffiċli u dan għandu impatt sproporzjonat fuq in-nisa, speċjalment l-ommijiet waħedhom u familji kbar;

AU.  billi l-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil ta' sess femminili jistgħu wkoll ibatu minn kundizzjonijiet mediċi serji ħafna bħala riżultat ta' nuqqas ta' trattament xieraq jew minħabba li jiffaċċaw problemi speċifiċi relatati mas-saħħa riproduttiva, bħal kumplikazzjonijiet fit-tqala u fit-twelid u trawma psikoloġika addizzjonali potenzjali bħal depressjoni qabel u wara t-twelid, kif ukoll ir-riskju ta' esponiment trawmatiku għal, jew il-konsegwenzi ta', vjolenza u abbuż (sesswali), u riskji speċifiċi għas-saħħa u l-benesseri mentali tagħhom; billi hemm diversi sfidi speċifiċi fil-provvista tal-kura tas-saħħa mentali għal dawn il-kategoriji, li l-kobor tagħhom ivarja skont għadd ta' fatturi, inkluż minn fejn ikunu ġejjin il-persuni u l-ammont ta' żmien li jqattgħu fil-pajjiż ospitanti;

AV.  billi n-nisa jbatu minn ċerti forom ta' kanċer tal-utru, tas-sider u l-kanċer ċervikali li jeżistu l-iktar fost jew huma esklussivi għan-nisa;

AW.  billi n-nisa milquta mill-kanċer li ġew operati u ngħataw trattamenti invażivi bħalma huma r-radjoterapija u l-kimoterapija b'mod ġenerali huma iktar suxxettibbli għad-dipressjoni;

AX.  billi għaxar Stati Membri tal-UE iffissaw il-mira tal-iskrinjar 100 % tal-popolazzjoni femminili għall-kanċer tas-sider, u filwaqt li tmienja għandhom mira ta' dan it-tip għall-iskrinjar tal-kanċer ċervikali;

AY.  billi l-mard bħall-osteoporożi, il-problemi muskoloskeletali u l-mard tas-sistema nervuża ċentrali bħalma huma l-marda ta' Alzheimer u/jew tad-dimenzja huma marbuta ma' bidliet ormonali li n-nisa jesperjenzaw fi żmien il-menopawża, jew qabel minħabba trattamenti ormonali; billi, għalkemm hu magħruf li n-nisa huma milquta minn dan il-mard bi frekwenza ogħla mill-irġiel, id-dimensjoni tal-ġeneru fir-riċerka dwar kwistjonijiet bħal dawn hija dgħajfa;

AZ.  billi l-endomitrijożi hija marda bla fejqan li taffettwa madwar waħda minn kull għaxar nisa u bniet (jiġifieri madwar 180 miljun mara madwar id-dinja u 15-il miljun fl-UE); billi ħafna drabi din il-marda twassal għall-infertilità u ta' spiss tikkawża livelli għoljin ta' wġigħ u problemi ta' saħħa mentali, biex b'hekk toħloq inkapaċità kbira għal diversi aspetti tax-xogħol u tal-ħajja personali u soċjali;

BA.  billi l-vjolenza fiżika u psikoloġika bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-vittma jikkostitwixxu ostaklu fundamentali għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u fuq it-tgawdija sħiħa min-nisa tal-libertajiet garantiti mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

BB.  billi n-nisa u l-bniet li huma vittmi ta' mutilazzjoni ġenitali femminili huma esposti għall-effetti serji fuq żmien qasir u fit-tul fuq is-saħħa fiżika, psikoloġika, sesswali u tas-saħħa riproduttiva;

BC.  billi l-persuni intersesswali suġġetti għall-mutilazzjoni ġenitali jesperjenzaw ukoll effetti fuq is-saħħa fiżika, psikoloġika, sesswali u riproduttiva;

BD.  billi l-persuni transġeneru għadhom esposti għal sterilizzazzjoni furzata fi proċeduri għar-rikonoxximent tal-ġeneru fi 13-il Stat Membru;

BE.  billi l-ġbir tad-data sistematiku u adegwat dwar il-vjolenza kontra n-nisa huwa kruċjali biex jiġi żgurat tfassil ta' politika effettiv fil-qasam, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll fil-livelli reġjonali u lokali, u biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

BF.  billi n-nisa vittmi ta' vjolenza sessista jbatu l-konsegwenzi, ħafna drabi għall-ħajja, fis-saħħa fiżika u mentali tagħhom; billi, skont ir-Rapport tad-WHO dwar il-Vjolenza u s-Saħħa(2), ir-riperkussjonijiet tal-vjolenza sessista fuq in-nisa jistgħu jieħdu diversi forom: l-effetti fiżiċi (tbenġil, ksur, uġigħ kroniku, diżabilità, tal-fibromjalġija, problemi diġestivi, eċċ.); l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba (l-abbuż mix-xorb u d-droga, id-depressjoni u l-ansjetà, disturbi tal-alimentazzjoni u tal-irqad, sentimenti ta' ħtija u mistħija, fobiji u attakki ta' paniku, stima personali baxxa, disturb ta' stress posttrawmatiku, disturbi psikosomatiċi, imġiba suwiċidali u awtodistruttiva, in-nuqqas ta' sigurtà f'relazzjonijiet aktar tard fil-ħajja, eċċ.); effetti riproduttivi u sesswali: disturbi ġinekoloġiċi, infertilità, kumplikazzjonijiet waqt it-tqala, korrimenti ta' tqala, disfunzjoni sesswali, mard trażmess sesswalment, tqala mhux mixtieqa, eċċ.); u effetti fatali (qtil, suwiċidju, mewt minn mard trażmess sesswalment, eċċ);

L-ugwaljanza bejn is-sessi fis-saħħa mentali

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-Azzjoni Konġunta tal-UE dwar is-saħħa u l-benesseri mentali bi strateġija ambizzjuża ġdida dwar is-saħħa mentali, il-promozzjoni ta' approċċ psikosoċjali olistiku mis-soċjetà kollha, li jinkludi aspett tal-ġeneru b'saħħtu u jiżgura l-koerenza tal-politika dwar is-saħħa mentali;

2.  Jinnota li fl-UE 27 % tal-popolazzjoni adulta, kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, ġarrbu mill-inqas episodju wieħed ta' mard mentali;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri u jallokaw riżorsi suffiċjenti biex jiżguraw aċċess għall-kura tas-saħħa u b'mod speċifiku għas-servizzi tas-saħħa mentali - inklużi rifuġju għan-nisa - għan-nisa kollha, independentement mill-istatus legali jew ta' diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, l-età jew ir-reliġjon tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw l-inugwaljanza fl-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa mentali;

4.  Jinnota li hemm bżonn ta' aktar riċerka dwar l-impatt fuq is-saħħa mentali ta' vjolenza sessista, inklużi l-vjolenza bil-fomm u dik psikoloġika, il-fastidju u l-intimidazzjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali sabiex jiżguraw li l-istrateġiji tas-saħħa mentali tagħhom jindirizzaw l-isfidi tas-saħħa mentali li jistgħu jiġu ffaċċati mill-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fid-dokument CM/Rec(2010)5 tal-Kunsill tal-Ewropa, u biex iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni lesbjani u bisesswali u transġeneru meta jiżviluppaw politiki, programmi u protokolli tas-saħħa;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-twaqqif ta' ċentri ta' appoġġ psikoloġiku għall-pazjenti bil-kanċer sabiex jipprovdulhom appoġġ psikoloġiku matul il-proċess ta' trattament u riabilitazzjoni;

7.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni serja li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa b'diżabilità, li spiss huma f'riskju ta' diffikultajiet li huma direttament relatati mhux biss mad-diżabilitajiet tagħhom, iżda wkoll ma' żieda fl-iżolament soċjali u fl-inattività involontarja; jistieden lill-Istati Membri biex sistematikament iżidu l-aċċessibbiltà ta' kura psikoloġika preventiva għan-nisa b'diżabilitajiet, u biex jipprovdu appoġġ psikoloġiku għal nisa li jieħdu ħsieb tfal b'diżabilità serja; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar is-saħħa u l-benesseri mentali tan-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu kampanji ta' informazzjoni u ta' prevenzjoni u inizjattivi oħra biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-problemi tas-saħħa mentali u biex tingħeleb l-istigma; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinvestu fl-edukazzjoni formali, informali u nonformali għas-saħħa u l-benesseri mentali għall-gruppi tal-età kollha, b'enfasi fuq il-kondizzjonijiet ta' saħħa mentali sensittivi għall-ġeneru bħad-depressjoni, l-ansjetà jew l-użu ta' drogi; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskejjel ikollhom oqfsa xierqa biex jidentifikaw u jgħinu lil dawk li jbatu minn problemi bis-saħħa mentali, inklużi l-aspetti tal-ġeneru, u biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà ta' servizzi tas-saħħa mentali; jinnota li 70 % tat-tfal u ż-żgħażagħ li jesperjenzaw xi problema tas-saħħa mentali ma ngħatawx intervent adegwat f'età bikrija biżżejjed;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex iżidu l-ġbir regolari ta' data dwar is-saħħa mentali fuq livell tal-UE u nazzjonali, u b'mod partikolari dwar il-prevalenza tad-depressjoni, u billi d-data miġbura tkun tal-anqas maqsuma skont is-sess, il-ġeneru, l-età u l-istatus soċjoekonomiku u tinkludi indikaturi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

10.  Jemmen li l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE dwar is-saħħa u l-benesseri mentali jenħtieġ li tinvolvi personalitajiet politiċi, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u soċjali, flimkien mas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iqis li huwa essenzjali li s-saħħa mentali ma tibqax tabù f'ċerti ambjenti soċjali;

11.  Jinsisti li r-rabta bejn kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, is-saħħa u l-benesseri mentali hi kruċjali għall-koerenza tal-politiki dwar is-saħħa mentali, peress li l-faqar u l-esklużjoni soċjali jwasslu għal aktar problemi ta' saħħa mentali; jinnota li l-femminizzazzjoni tal-faqar u l-politiki ta' awsterità li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa jqiegħdu f'riskju akbar il-benesseri mentali tan-nisa;

12.  Jenfasizza l-importanza ta' trattament u kura tas-saħħa mentali soċjali, bħal permezz tal-isport, il-mużika, l-arti u attivitajiet kulturali, bħala element importanti fl-għoti tas-servizzi tas-saħħa, u wieħed li jnaqqas l-ispejjeż ekonomiċi u umani li l-problemi tas-saħħa mentali jista' joħolqu għall-individwi u s-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu aktar fi programmi ta' kura tas-saħħa mentali soċjali, bħal riċetti tat-tabib soċjali;

13.  Jinnota bi tħassib li 13-il Stat Membru tal-UE biss huma magħrufa li għandhom strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u jimplimentaw strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u biex jieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-fatturi ta' riskju ta' suwiċidju, bħalma huma l-abbuż mix-xorb, id-drogi, l-esklużjoni soċjali, id-depressjoni, u l-istress; jappella wkoll għal stabbiliment ta' sistemi li jipprovdu appoġġ wara tentattivi ta' suwiċidju;

14.  Jirrikonoxxi l-impatt tal-midja, u b'mod partikolari tal-internet u l-midja soċjali, fuq is-saħħa u l-benesseri mentali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ nisa u bniet, u jinnota li jeħtieġ issir aktar riċerka dwar is-suġġett; jinnota li l-kulturi tal-midja li jenfasizzaw l-età u l-apparenza fiżika tan-nisa jista' jkolljom effetti negattivi fuq is-saħħa u l-benesseri mentali tan-nisa u l-bniet bħall-ansjetà, id-depressjoni, jew imġiba ossessiva; jenfasizza li għodod effettivi, inklużi miżuri legali, għandhom jiġu żviluppati sabiex jindirizzaw il-bullying, il-fastidju u l-oġġettifikazzjoni fuq l-internet; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija ambizzjuża dwar is-saħħa u l-benesseri mentali diġitali, u biex jiġu promossi l-partijiet interessati filwaqt li ssir ħidma magħhom sabiex jiġu żviluppati terapiji diġitali emerġenti; jirrikonoxxi li strateġija tal-midja dwar is-saħħa mentali għandha tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-industrija tal-pubblikazzjoni u tar-reklamar, li jridu jadottaw standards ta' etika sabiex tiġi evitata l-oġġettifikazzjoni tan-nisa u l-promozzjoni ta' stereotipi tas-sessi;

15.  Jirrimarka li xi nisa għandhom perċezzjoni mgħawġa ta' kif jidhru minħabba pressjoni mill-midja, ir-reklamar stereotipiku u pressjoni soċjali, u jiżviluupaw disturbi fl-alimentazzjoni u fl-imġiba, pereżempju l-anoressija, il-bulimja l-ortoressija, il-konsum frenetiku tal-ikel, jew il-bigoressija; jappoġġa approċċ sensittiv għall-ġeneru għal disturbi assoċjati mad-dieta u l-ħtieġa li dan jiġi integrat fi ħdan id-diskors dwar is-saħħa u b'informazzjoni indirizzata lill-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta' kuntatt għall-għajnuna u l-appoġġ psikoloġiku fl-iskejjel li jipprovdu appoġġ lill-istudenti, b'mod partikolari t-tfajliet, li huma iktar suxxettibbli li jiżviluppaw disturbi relatati mal-alimentazzjoni;

16.  Jilqa' l-fatt li, għall-ewwel darba, il-mexxejja dinjija qed jirrikonoxxu l-promozzjoni tas-saħħa u tal-benesseri mentali u l-prevenzjoni u t-trattament tal-abbuż mid-droga bħala prijoritajiet tas-saħħa fi ħdan l-aġenda tal-iżvilupp globali;

17.  Iqajjem tħassib serju dwar l-għoti tal-kura u faċilitajiet tas-saħħa mentali u faċilitajiet lir-rifuġjati nisa u bniet fl-Ewropa, b'mod partikolari dawk li jgħixu f'kundizzjonijiet temporanji fl-Istati Membri; jenfasizza li d-detenzjoni tar-rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil mingħajr ipproċessar effikaċi u effiċjenti tal-applikazzjonijiet għall-asil tagħhom, tikser id-dritt internazzjonali u għandha impatt negattiv fuq is-saħħa u l-benesseri mentali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu lin-nisa applikanti għal asil li jinsabu fid-detenzjoni u jenfasizza li dawn in-nisa għandhom jingħataw minnufih protezzjoni, inkluż il-ħelsien mid-detenzjoni, it-tħaffif tar-rilokazzjoni u l-promozzjoni tal-appoġġ u pariri; jistieden lill-Istati Membri biex iħollu l-politiki tas-saħħa mill-kontroll tal-immigrazzjoni billi jippermettu l-aċċess għal servizzi bażiċi tal-kura tas-saħħa u billi ma jimponux id-dmir lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa biex jirrapportaw migranti mingħajr dokumenti; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-linji gwida tad-diversi aġenziji dwar il-ħarsien u l-appoġġ għas-saħħa mentali u l-benesseri psikosoċjali tar-rifuġjati, ta' dawk li jfittxu l-asil u l-migranti fl-Ewropa, kif imħejjija mid-WHO/Ewropa, l-UNHCR u l-IOM;

18.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li n-nisa spiss ikollhom ġurnata ta' xogħol "two-in-one", jiġifieri, ġurnata xogħol fuq il-post tax-xogħol tagħhom u ġurnata waħda ta' xogħol mid-dar, billi l-irġiel ma jiddedikawx ruħhom biżżejjed għar-responsabbiltà tal-faċendi u t-trobbija tat-tfal, li jwassal biex ħafna nisa jbatu minn depressjoni, ansjetà u stress, flimkien ma' sens ta' ħtija li jonqsu milli jieħdu ħsieb il-familja b'mod adegwat, minħabba r-rwol tradizzjonalment assenjat lin-nisa;

19.  Jikkundanna stereotip sessista ġdid mifrux fejn jingħad li l-mara tal-lum għandha tirnexxi fl-istudji tagħha u fuq ix-xogħol, iżda għandha tissodisfa l-aspettattivi tradizzjonali billi tkun mara miżżewġa u domestika tajba u omm perfetta filwaqt li żżomm ruħha, tip ta' mġiba li jirriżulta biex bosta nisa jħossu l-istress u l-ansjetà;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jiżviluppaw politiki mfassla speċifikament sabiex jipprovdu servizzi tas-saħħa mentali għal gruppi ta' nisa vulnerabbli fil-komunitajiet emarġinati u dawk li jiffaċċaw diskriminazzjoni intersezzjonali, bħal nisa migranti u rifuġjati, nisa li jħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali, persuni intersesswali u transġeneru, nisa minn minoranzi etniċi, nisa b'diżabilitajiet, in-nisa ikbar fl-età, u n-nisa li jgħixu f'żoni rurali;

21.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja lejn is-saħħa mentali, fejn il-ħtiġijiet ta' kull grupp ta' età jiġu indirizzati b'mod koerenti u komprensiv, b'enfasi fuq tfajliet u nisa ikbar fl-etá, li bħala medja jirrapportaw rata aktar baxxa ta' sodisfazzjon tal-ħajja mill-irġiel tal-istess grupp ta' età;

22.  Jirrakkomanda li fil-każ ta' tqala, il-kura tas-saħħa mentali għandha tibda malajr kemm jista' jkun fl-ewwel trimestru, sabiex ikun possibbli li jiġu identifikati kondizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jirrikjedu s-sorveljanza, biex jiġu rikonoxxuti l-problemi soċjali li għalihom in-nisa jista' jkollhom bżonn l-għajnuna minn servizzi soċjali jew tas-saħħa mentali u biex in-nisa jkunu infurmati dwar kwistjonijiet relatati mat-tqala; jitlob li l-għoti ta' kura ostetriċja aktar komprensiva u lokali, li testendi għall-qwiebel u l-ostetriċi, tiġi garantita fl-Istati Membri kollha tal-UE, u jenfasizza l-importanza partikolari ta' din l-isfida għaż-żoni rurali; jenfasizza li kura tas-saħħa psikoloġika hija importanti daqs dik fiżika u jinnota li bejn 10 u 15 % tan-nisa fl-UE li li jkunu għadhom kif welldu jbatu minn depressjoni ta' wara t-twelid; jenfasizza l-importanza li n-nisa jkollhom aċċess għal kura medika u psikoloġika wara korrimenti fit-tqala u l-ħtieġa ta' approċċ sensittiv u personali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, jiżviluppaw u jipprovdu l-possibilità li l-psikożi u depressjoni ta' wara t-twelid jiġu skoperti kmieni u jiġu trattati;

23.  Jenfasizza li l-politiki soċjali u tal-impjiegi, b'mod partikolari fir-rigward tal-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, iridu jadottaw approċċ olistiku li jqis is-saħħa u l-benesseri mentali tan-nisa, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mat-trade unions, min iħaddem, il-professjonisti tas-saħħa u s-soċjetà ċivili sabiex jiġi żviluppat approċċ olistiku u sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneru lejn il-benesseri mentali fuq il-post tax-xogħol; jinnota l-importanza li jiġi pprovdut taħriġ tas-saħħa mentali lil dawk f'pożizzjonijiet maniġerjali kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku;

24.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-persuni li jindukraw oħrajn b'mod formali u informali, li huma fil-maġġoranza kbira nisa, fil-kura tas-saħħa mentali; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lir-rwol ta' dawk li jindukraw oħrajn b'mod formali u informali fis-saħħa mentali, u b'mod partikolari lir-rwol tan-nisa li jieħdu ħsieb it-tfal, kif ukoll l-azzjoni għall-ħarsien tas-saħħa u l-benesseri mentali tal-persuni stess li jindukraw oħrajn;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-isfidi tas-saħħa u l-benesseri mentali li jiffaċċaw l-irġiel u s-subien minħabba l-istereotipi tal-ġeneru li jwasslu għal probabbiltà akbar ta' abbuż mid-droga u s-suwiċidju milli huwa l-każ fin-nisa; jenfasizza li l-politiki dwar is-saħħa mentali tal-irġiel għandhom iqisu wkoll il-perspettivi tal-età u t-tul ta' ħajja, il-kundizzjoni soċjoekonomika, l-esklużjoni soċjali, u l-fatturi ġeografiċi;

L-ugwaljanza bejn is-sessi fi provi kliniċi

26.  Jenfasizza l-fatt li huma meħtieġa provi kliniċi ta' prodotti farmaċewtiċi kemm fuq l-irġiel kif ukoll fuq in-nisa u li dawn għandhom ikunu inklużivi, mhux diskriminatorji u jitwettqu f'kundizzjonijiet ta' ugwaljanza, inklużjoni u nonmarġinalizzazzjoni, kif ukoll jirriflettu raġonevolment il-popolazzjoni li tuża l-prodotti; jissuġġerixxi li l-provi kliniċi jqisu wkoll gruppi tal-popolazzjoni vulernabbli speċifiċi bħal pazjenti pedjatriċi u ġerjatriċi u persuni minn minoranzi etniċi; huwa tal-opinjoni li data diżaggregata skont il-ġeneru għandha tinġabar ukoll wara l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, sabiex jiġu rreġistrati l-effetti sekondarji differenti, flimkien mar-riċerka u d-data dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE mill-Istati Membri;

27.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li n-nuqqas ta' titjib fir-rappreżentanza tan-nisa fil-provi kliniċi u r-riżultati tar-riċerka bijomedika jpoġġu s-saħħa tan-nisa u ħajjithom f'riskju, u jenfasizza li l-metodoloġiji tal-provi kliniċi għandhom jitfasslu b'mod li jippermetti analiżi stratifikata skont l-età u l-ġeneru; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li d-differenzi bejn is-sessi jiġu inkorporati fil-proċeduri kliniċi fil-qasam tas-saħħa mentali;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' provi kliniċi sabiex il-metodoloġija tkun trasparenti u aċċessibbli;

29.  Ifakkar li l-mard infettiv (pereżempju l-HIV u l-malarja) u r-riżultat tat-tqala avvers (pereżempju t-twelid ta' trabi mejtin) huma l-ogħla f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju; jappella biex in-nisa tqal jiġu inklużi fil-provi kliniċi bħala mezz biex jitnaqqsu l-morbidità u l-mortalità tal-ommijiet u tat-trabi;

30.  Jitlob li t-tikketti fuq il-prodotti farmaċewtiċi jindikaw b'mod ċar jekk sarux il-provi fuq in-nisa, u jekk l-irġiel u n-nisa għandhomx jistennew effetti sekondarji differenti; jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu r-riċerka dwar l-effetti fuq perjodu twil ta' prodotti użati fit-terapija ormonali ta' sostituzzjoni;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinċentivizza proġetti fil-livell tal-UE ffukati fuq kif in-nisa jiġu trattati fir-riċerka klinika; iqis li dawn il-proġetti għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet tas-saħħa fil-livelli kollha u l-industrija farmaċewtika, permezz tal-iżvilupp ta' strateġiji speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-istudju u l-valutazzjoni tad-differenzi bejn is-sessi fi provi kliniċi;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jinkoraġġixxu lin-nisa jipparteċipaw fil-provi kliniċi;

33.  Iħeġġeġ lill-EMEA biex tfassal linji gwida separati għan-nisa bħala popolazzjoni speċjali fi provi kliniċi;

34.  Jistieden lill-Istati Membri, biex meta japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 536/2014 fi provi kliniċi ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, jużaw approċċ metodoloġiku għall-provi kliniċi li jiggarantixxi rappreżentanza adegwata ta' rġiel u nisa, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għat-trasparenza fir-rigward tal-kompożizzjoni tas-sessi tal-parteċipanti, u, meta tkun qed tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, jissorveljaw b'mod speċifiku l-livell ta' rappreżentanza tal-irġiel u n-nisa;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-EMEA u lill-partijiet interessati rilevanti sabiex jiżguraw li jiġu introdotti fatturi tas-sess u tal-ġeneru fl-istadji bikrija tar-riċerka u l-iżvilupp ta' mediċini, qabel l-istadju tal-provi kliniċi; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-fornituri tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa dwar is-suġġett;

36.  Jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni urġenti biex tikkoreġi d-differenzi bejn is-sessi fi provi kliniċi f'oqsma tas-saħħa fejn dawk id-differenzi huma partikolarment ta' ħsara, bħal fil-mediċini għall-marda ta' Alzheimer, il-kanċer, it-trattament ta' attakki ta' puplesija, il-kalmanti u l-mard kardjovaskulari;

37.  Jenfasizza li trid tittieħed azzjoni konġunta mir-riċerkaturi u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex jiġu eliminati l-effetti sekondarji ta' ħsara ta' mediċini li jaffettwaw lin-nisa b'mod speċifiku, bħal fil-każ ta' kalmanti, kontraċettivi u mediċini oħra, sabiex titjieb is-saħħa tan-nisa u l-kwalità tal-kura tas-saħħa;

38.  Jinnota bi tħassib li hemm diskriminazzjoni u inugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa u l-kura soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'hekk dan jaffettwa l-iżvilupp ta' trattamenti xierqa u mmirati; jirrimarka, b'mod partikolari, li l-pazjenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex rappreżentati biżżejjed fir-riċerka farmakoloġika; jinnota li l-popolazzjonijiet speċjali, inklużi tfal u nisa tqal, ġew traskurati fl-iżvilupp tal-mediċina kontra t-tuberkulożi; jenfasizza l-ħtieġa li, fi provi kliniċi fil-ġejjieni, jinġabru u jinħażnu kampjuni għall-istudju farmakoġenetiku bbażati fuq il-ġeneru; ifakkar li l-binja bijoloġika u fiżjoloġika differenti tan-nisa tirrikjedi informazzjoni adegwata dwar l-effett tal-mediċini fuq ġisimhom;

39.  Jinnota bi tħassib li ż-żieda fl-esternalizzazzjoni tal-ittestjar tal-mediċini lejn l-Afrika u lejn reġjuni sottożviluppati oħra għandha mnejn twassal għal ksur serju ta' etika u ta' prinċipji fundamentali tal-UE bħalma huma d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u l-kura tas-saħħa; jirrimarka li n-nuqqas ta' aċċess għal servizzi ta' kura tas-saħħa, bi prezz raġonevoli, assigurazzjoni tas-saħħa jew mediċini bi prezz raġonevoli, jħalli lill-persuni vulnerabbli, b'mod partikolari n-nisa, l-ebda għażla oħra ħlief li jipparteċipaw fi provi kliniċi sabiex jirċievu kura medika, u possibbilment mingħajr ma jkunu konxji tar-riskji involuti;

40.  Jinnota li huwa fatt li n-nisa jieħdu kwantitajiet akbar ta' sustanzi psikotropiċi mill-irġiel, iżda li hemm ftit wisq studji dwar id-differenzi bejn is-sessi rigward l-effett ta' dawn il-mediċini, li huma ordnati għal nisa u rġiel mingħajr distinzjoni u bl-istess doża; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-nisa jbatu aktar minn effetti negattivi ta' sustanzi psikotropiċi għaliex huma esklużi minn provi kliniċi u ma titqiesx, għalhekk, il-fiżjoloġija femminili; jinnota wkoll li n-nisa jippruvaw aktar spiss mill-irġiel li jsolvu l-problemi mentali tagħhom bl-għajnuna ta' psikoterapija;

Kummenti ġenerali

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri:

   (a) biex jippromwovu kura tas-saħħa billi jiżguraw aċċess faċli għas-servizzi u l-provvista adegwata ta' informazzjoni mfassla apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tal-irġiel u tan-nisa u l-iskambju tal-aħjar prattika fil-qasam tas-saħħa mentali u r-riċerka klinika;
   (b) biex iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-saħħa tan-nisa u tal-irġiel u biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fil-politiki, il-programmi u r-riċerka tas-saħħa tagħhom, mill-iżvilupp u t-tfassil tagħhom sal-valutazzjoni tal-impatt u l-ibbaġitjar tagħhom;
   (c) biex jiżguraw li l-istrateġiji ta' prevenzjoni jimmiraw b'mod speċifiku lejn in-nisa li huma f'riskju ta' diskriminazzjoni intersezzjonali bħan-nisa Rom, in-nisa b'diżabilità, nisa lesbjani u bisesswali, nisa migranti u rifuġjati nisa u nisa li jgħixu fil-faqar, kif ukoll il-persuni transġeneru u intersesswali;
   (d) biex jirrikonoxxu l-vjolenza sessista u l-vjolenza kontra n-nisa bħala kwistjoni ta' saħħa pubblika, kif iddikjarat fir-Riżoluzzjoni tad-WHO WHA49.25 tal-25 ta' Mejju 1996, li għandha impatt dirett fuq is-saħħa u l-benesseri mentali tan-nisa;
   (e) biex jiżguraw żvilupp rapidu ta' stħarriġ madwar l-UE dwar il-prevalenza tal-vjolenza sessista għall-implimentazzjoni fi ħdan is-Sistema Statistika Ewropea, kif ikkonfermat fil-programm ta' ħidma tal-Eurostat għall-2016, u biex jiġbru data diżaggregata b'mod regolari, b'mod partikolari dwar il-prevalenza tad-depressjoni, u billi din id-data tkun tal-anqas maqsuma skont is-sess, l-età u l-istatus soċjoekonomiku;
   (f) biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk tan-nisa li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa, u biex jaħdmu ħalli jkun żgurat li n-nisa jsemmgħu leħinhom fil-kwistjonijiet ta' politika tas-saħħa Ewropej u nazzjonali u li l-politiki tas-saħħa Ewropej u nazzjonali jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;
   (g) biex jinċentivizzaw programmi li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa rigward mard bħall-osteoporożi, problemi muskoloskeletali u mard tas-sistema nervuża ċentrali bħalma huma l-marda ta' Alzheimer u/jew id-dimenzja, inklużi dawk li jinfurmaw lin-nisa dwar metodi ta' prevenzjoni u biex joffru taħriġ għall-persunal mediku;
   (h) biex jagħtu aktar attenzjoni lill-ħtiġijiet speċjali ta' nisa dijanjostikati b'għeja kronika u l-fibromjalġija billi jingħataw servizzi tal-kura tas-saħħa adegwati u ta' kwalità għolja;
   (i) biex iżidu l-finanzjament għat-tkattir tar-riċerka dwar il-kawżi u t-trattament possibbli tal-endomitrijożi, kif ukoll it-tfassil ta' linji gwida kliniċi u l-ħolqien ta' ċentri ta' referenza; biex jippromwovu kampanji ta' informazzjoni, prevenzjoni u ta' sensibilizzazzjoni dwar l-endometrijożi, u biex jipprovdu mezzi għat-taħriġ ta' professjonisti tas-saħħa speċjalizzati u għal inizjattivi ta' riċerka;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki li jtejbu l-livell tas-saħħa medja tal-popolazzjoni permezz tal-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi tas-saħħa li jaffettwaw lill-gruppi soċjoekonomiċi żvantaġġati; jitlob, f'dan il-kuntest, għal impenn attiv f'firxa ta' setturi ta' politika, mhux biss fir-rigward tas-saħħa pubblika u s-sistemi tal-kura tas-saħħa, iżda wkoll l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ippjanar tal-bliet, dejjem bl-involviment tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

43.  Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jintegraw il-ġeneru fil-politika dwar is-saħħa mentali, u biex jiżviluppaw politiki u programmi li jindirizzaw kemm il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa għall-kura tas-saħħa mentali kif ukoll l-oriġini soċjali ta' tbatija psikoloġika; jinnota bi tħassib li, speċjalment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, l-esklużjoni tan-nisa mir-riċerka bijomedika ta' spiss tirriżulta minn nuqqas ta' informazzjoni u ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, ir-rwol tagħhom bħala ommijiet u dawk li jieħdu ħsiebhom u n-nuqqas ta' libertà fit-teħid ta' deċiżjonijiet fi djarhom; jemmen bil-qawwa li bilanċ aħjar bejn ir-rwoli u l-obbligi tal-ġeneru, is-sigurtà tal-introjtu, l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, miżuri aktar effikaċi għall-promozzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, partikolarment għall-ommijiet li jrabbu t-tfal waħedhom, l-iżvilupp ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar ikomplu joffru rimedju għall-inugwaljanzi bejn is-sessi fil-qasam tas-saħħa mentali;

44.  Iqis li d-drittijiet sesswali u riproduttivi jinkludu l-aċċess għal aborti legali u sikuri, kontraċezzjoni affidabbli, sikura u bi prezz raġonevoli u edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet;

45.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma limitati ħafna u/jew japplikaw biss skont ċerti kundizzjonijiet f'diversi Stati Membri tal-UE;

46.  Huwa tal-fehma li n-numru dejjem jikber ta' professjonisti mediċi li jirrifjutaw li jwettqu l-abort fl-Istati Membri jirrappreżenta theddida oħra għas-saħħa u d-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm mill-inqas numru minimu ta' professjonisti tas-saħħa li jwettqu l-abort fl-isptarijiet;

47.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprevjenu u jipprojbixxu l-isterilizzazzjoni forzata tan-nisa, kif ukoll iħarrku lil min iwettaqha, peress li l-fenomenu jolqot b'mod partikolari n-nisa b'diżabilità, persuni transġeneru u intersesswali, u n-nisa Rom;

48.  Jenfasizza l-fatt li l-proċeduri tal-iskrinjar fl-istadji bikrija tal-kanċer, flimkien ma' programmi ta' informazzjoni, huma meqjusa fost l-aktar miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-kanċer, u jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li n-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għal tali skrinjar;

49.  Jenfasizza li l-għoti ta' setgħa lin-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija kruċjali biex jitħaffef l-iżvilupp sostenibbli u biex b'hekk tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, inkluża dik li sseħħ fil-qasam tas-saħħa mentali u tar-riċerka klinika, u li dan mhux biss huwa dritt bażiku tal-bniedem, iżda għandu wkoll effett multiplikatur fl-oqsma l-oħra kollha tal-iżvilupp (Oġġettiv 5 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli);

50.  Iqis li l-Istati Membri għandhom obbligu li jiggarantixxu l-għoti ta' kura obstetrika lokali bħala servizz pubbliku u li jiżguraw li l-qwiebel ikunu disponibbli f'żoni rurali u reġjuni muntanjużi;

51.  Jistieden lill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-endometrijożi bħala marda inkapaċitanti, peress li dan jippermetti lin-nisa milquta jiġu ttrattati bla ħlas, anki fil-każ ta' trattamenti u/jew kirurġija għaljin, u jippermetti leave speċjali mix-xogħol għal raġunijiet ta' mard waqt l-aktar perjodi akuti, biex b'hekk tiġi evitata l-istigmatizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

52.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti sabiex jiżguraw aċċess sħiħ għall-kura tas-saħħa fiżika u mentali ta' kwalità għolja għar-rifuġjati, il-persuni li jfittxu asil u l-migranti vulnerabbli kollha, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, bħala kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem universali u, fuq terminu twil, biex jippreparaw b'mod adegwat is-sistemi nazzjonali tas-saħħa tagħhom meta jilqgħu lir-rifuġjati u lill-persuni li qed ifittxu asil; jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ sensittiv għad-differenza bejn is-sessi fis-saħħa mentali tal-immigrazzjoni, l-asil, u persunal ta' infurzar tal-liġi u l-uffiċjali li jaħdmu mar-rifuġjati, dawk li qed ifittxu l-ażil u għall-immigranti, speċjalment dawk li jaħdmu ma' nisa u bniet vulnerabbli; iqis li dawn il-miżuri tal-kura tas-saħħa neċessarji għandhom jinkludu dispożizzjonijiet bħall-akkomodazzjoni sikura u faċilitajiet sanitarji għan-nisa u t-tfal, il-konsulenza legali u l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi l-kontraċezzjoni, l-appoġġ għal vittmi ta' vjolenza sesswali, u l-abort sikur u legali;

53.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex iwaqqfu minnufih il-politiki attwali ta' awsterità u t-tnaqqis fl-infiq pubbliku li jaffettwaw lis-servizzi li huma kruċjali għall-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa għan-nisa u l-irġiel u l-bniet u s-subien kollha fl-UE, irrispettivament mill-oriġini jew l-istatus legali tagħhom;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess b'xejn għas-servizzi tas-saħħa għal nisa qiegħda, nisa f'żoni rurali u l-pensjonanti nisa bi dħul baxx li ma jistgħux iħallsu għal eżamijiet mediċi u l-kura;

55.  Jirrakkomanda li wara t-twelid ta' tarbija b'diżabilità jew tarbija b'mard ta' theddida għall-ħajja, in-nisa għandhom jingħataw appoġġ speċjali, inkluż aċċess b'xejn fit-tul għall-kura pedjatrika d-dar, kura pedjatrika palljattiva u appoġġ psikoloġiku speċjaizzat u faċilment aċċessibbli;

56.  Jenfasizza li l-kisba tad-dritt għas-saħħa għal kulħadd tiġi qabel il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tiddependi mill-investiment fir-riċerka dwar is-saħħa Ewropea, inklużi teknoloġiji tas-saħħa u l-mediċini għal mard relatat mal-faqar u li ġie traskurat (PRNDs);

57.  Jiddeplora t-tnaqqis fil-baġits tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri, u jinsab diżappuntat mill-fatt li l-baġits annwali għall-programmi maħsuba biex jipprevjenu l-vjolenza sessista u l-vjolenza kontra n-nisa fl-Istati Membri kollha huma ħafna inqas mill-ispiża attwali ta' tali vjolenza, sew jekk hix ta' natura ekonomika, soċjali jew morali; jappoġġa lill-Istati Membri fiż-żieda fin-nefqa fuq programmi ta' appoġġ bl-għan li tiġi prevenuta l-vjolenza kontra n-nisa u jiġu megħjuna u protetti b'mod effikaċi l-vittmi;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri fil-qasam relatat mas-saħħa tal-identifikazzjoni bikrija u l-appoġġ għal vittmi ta' vjolenza sessista, u biex japplikaw protokolli tas-saħħa f'każijiet ta' attakk, li għandhom jitressqu quddiem il-qrati xierqa bl-iskop li titħaffef il-proċedura legali; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu d-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni u l-assistenza soċjali integrata, biex tingħata permezz ta' servizzi ta' kura urġenti permanenti li jispeċjalizzaw f'servizzi professjonali multidixxiplinari;

59.  Jilqa' l-azzjonijiet tal-Kummissjoni favur ir-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jiddispjaċih li ħafna Stati Membri għadhom ma rratifikawhiex; iħeġġeġ lill-Kunsill jiżgura l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-aktar fis possibbli;

60.  Jenfasizza li l-prostituzzjoni hija wkoll kwistjoni ta' saħħa, peress li għandha impatt ta' detriment għas-saħħa tal-persuni fil-prostituzzjoni, li għandhom possibbiltà akbar li jbatu minn trawmi sesswali, fiżiċi u mentali, dipendenza mid-drogi u l-alkoħol, telf ta' rispett proprju, kif ukoll rata ta' mortalità akbar minn tal-popolazzjoni ġenerali; iżid jgħid u jenfasizza li bosta mix-xerrejja tas-sess jitolbu sess kummerċjali mingħajr protezzjoni, u dan iżid ir-riskji ta' impatt negattiv fuq is-saħħa, kemm għall-persuni fil-prostituzzjoni kif ukoll għax-xerrejja;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu, jipprojbixxu u jressqu fil-qrati każijiet ta' mutilazzjoni ġenitali tan-nisa u l-mutilazzjoni ġenitali li taffettwa lill-persuni intersesswali, u biex jipprovdu appoġġ għas-saħħa mentali, flimkien mal-kura fiżika, lill-vittmi u lil dawk l-individwi li x'aktarx ikunu fil-mira;

62.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-aktar gruppi vulnerabbli jew żvantaġġati, u biex iniedu programmi ta' intervent għalihom;

63.  Iqis li n-nuqqas ta' data diżaggregata skont is-sess, komprensiva, komparabbli, affidabbli u regolarment aġġornata jirriżulta f'diskriminazzjoni għas-saħħa tan-nisa;

64.  Ifakkar li l-kura tas-saħħa u l-politika tas-saħħa huma kompetenzi tal-Istati Membri u li r-rwol tal-Kummissjoni huwa kumplimentari għall-politiki nazzjonali;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) EMEA/CHMP/3916/2005 - ICH http://www.ema.europa.eu/docs/en_GB/document_library/Scientific_guideline/2010/01/WC500059887.pdf
(2) Krug, Dahlberg, Mercy, Zwi u Lozano, 2002.


Prijoritajiet għall-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa
PDF 361kWORD 54k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-61 Sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (2017/2001(INI))
P8_TA(2017)0029A8-0018/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Constance Le Grip, f'isem il-Grupp PPE, u Maria Arena, f'isem il-Grupp S&D, dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (B8-1365/2016),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Iżvilupp u dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015, u tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar aġenda trasformattiva għal wara l-2015,

–  wara li kkunsidra l-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) u t-tema prijoritarja tagħha "L-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa fid-dinja tax-xogħol li qed tinbidel",

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Beijing u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti tas-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5, +10, +15, +20 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0018/2017),

A.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-UE, minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wieħed mill-objettivi u l-kompiti tagħha, u billi l-UE hija ggwidata wkoll minn dan il-prinċipju fl-azzjoni esterna tagħha peress li ż-żewġ dimensjonijiet jenħtieġ li jiġu kkoordinati;

B.  billi d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex biss drittijiet fundamentali tal-bniedem, iżda huma prekundizzjonijiet għall-avvanz tal-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar u pedament meħtieġ għal dinja paċifika, prospera u sostenibbli;

C.  billi l-fastidju u l-vjolenza kontra n-nisa jinkludu firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi kwalunkwe wieħed minn dawn l-abbużi jista' jħalli ġrieħi psikoloġiċi profondi u jinvolvi ħsara jew sofferenza fiżika jew sesswali, theddid ta' tali atti u koerċizzjoni, ħsara għas-saħħa ġenerali tan-nisa u l-bniet, inkluża s-saħħa riproduttiva u sesswali tagħhom, u f'xi każijiet iwassal għall-mewt;

D.  billi fit-23 ta’ Jannar 2017 il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika Donald Trump reġa' daħħal l'hekk imsejħa regola "global gag", li tipprevjeni li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jirċievu kwalunkwe assistenza tas-saħħa globali tal-Istati Uniti jekk dawn jipprovdu servizzi ta' abort, jagħtu pariri dwarhom, jirreferu nisa għalihom jew jissuġġeruhom, anke jekk jagħmlu dan bil-fondi tagħhom stess, u mhux b'dawn tal-Istati Uniti, u anke jekk l-abort ikun legali fil-pajjiż tagħhom; billi issa se jiġu affettwati programmi li jindirizzaw l-HIV/AIDS, is-saħħa tal-ommijiet u tat-tfal, l-isforzi tar-rispons għaż-Żika u oqsma oħra ta' saħħa u mard; billi din ir-regola ser tibgħat lura snin ta’ gwadann li sar fl-avvanz tas-saħħa u l-benesseri tal-komunitajiet fid-dinja kollha, speċjalment fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, u tista' taqta' l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal miljuni ta’ nies fid-dinja;

E.  billi l-ħames Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG5) huwa l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet kollha madwar id-dinja; billi l-SDG5 huwa għan awtonomu, fis-sens li għandu jiġi integrat għalkollox fl-Aġenda 2030 u fit-twettiq tal-SDGs kollha; billi l-awtonomizzazzjoni tan-nisa tfisser li jingħatawlhom l-għodod meħtieġa biex isiru ekonomikament indipendenti, ikunu rappreżentati b'mod ugwali fil-livelli kollha tas-soċjetà, ikollhom rwol indaqs fl-isferi kollha tal-ħajja, u jakkwistaw aktar setgħa fil-ħajja pubblika u fil-kontroll tad-deċiżjonijiet kollha li jolqtu lil ħajjithom;

F.  billi n-nisa huma aġenti ekonomiċi importanti madwar id-dinja kollha u l-parteċipazzjoni ekonomika tan-nisa tista' tistimola l-ekonomija, toħloq l-impjiegi u tibni l-prosperità inklużiva; billi l-pajjiżi li jagħtu valur lin-nisa u jawtonomizzawhom biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet huma aktar stabbli, prosperi u siguri; billi l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi hija politika ekonomika intelliġenti u jiżgura li l-infiq pubbliku jservi l-avvanz tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

G.  billi l-kreattività u l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa mhumiex sfruttati biżżejjed bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi li jenħtieġ li jiġu żviluppati ulterjorment;

H.  billi 20 sena wara Beijing, minkejja provi sodi li l-awtonomizzazzjoni tan-nisa hija ċentrali għat-tnaqqis tal-faqar, għall-promozzjoni tal-iżvilupp u għall-indirizzar tal-isfidi l-aktar urġenti tad-dinja, il-gvernijiet tal-UE rrikonoxxew li l-ebda pajjiż ma kien kiseb b'mod sħiħ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet, li l-progress kien mexa bil-mod u mhux b'mod uniformi, li kien għad fadal lakuni u forom ta' diskriminazzjoni mill-akbar u li kienu tfaċċaw sfidi ġodda fl-implimentazzjoni tat-12-il qasam kritiku ta' tħassib tal-Pjattaforma ta' Azzjoni;

I.  billi l-UE taqdi rwol importanti fit-trawwim tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwar id-dinja kollha, permezz ta' mezzi politiċi u finanzjarji; billi l-UE għandu jkollha rwol ċentrali ta' gwardjan tal-lingwaġġ dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa li ntlaħaq qbil dwaru bejn in-NU u l-UE;

J.  billi n-nisa għadhom qed jipproduċu madwar 80 % tal-ikel fil-pajjiżi l-aktar foqra u bħalissa huma l-gwardjani ewlenin tal-bijodiversità u taż-żrieragħ tal-għelejjel;

K.  billi l-art mhijiex biss mezz ta' produzzjoni, iżda post ta' kultura u identità; billi l-aċċess għall-art huwa għalhekk komponent fundamentali tal-ħajja u dritt inaljenabbli għal nisa bdiewa u indiġeni;

1.  Jindirizza lill-Kunsill ir-rakkomandazzjoni li ġejja:

  

Kundizzjonijiet ġenerali għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet

   (a) Jikkonferma l-impenn tiegħu favur il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u favur il-firxa ta' azzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u għall-ugwaljanza bejn is-sessi li hemm deskritta fiha; jikkonferma l-impenn tiegħu favur l-approċċ fuq żewġ binarji għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tal-politika u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
   (b) Jinkoraġġixxi politiki li jinvestu f'aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja għan-nisa u l-bniet, inkluża l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali, u li jeliminaw id-differenzi bejn is-sessi f'dawn l-oqsma u fis-setturi kollha, partikolarment dawk li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel;
   (c) Jiġġieled kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-isfera pubblika u f'dik privata bħala ksur serju tal-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom li żżommhom milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; javvanza lejn ir-ratifika sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-partijiet kollha;
   (d) Iqis li n-NU, l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex isiru atturi aktar effiċjenti fuq livell globali, jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi interni tagħhom biex jeliminaw il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tas-sess; għaldaqstant itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproponi strateġija tal-UE kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża direttiva li tistabbilixxi standards minimi; f'dan il-kuntest, jistieden ukoll kemm lill-partijiet kollha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;
   (e) Ifassal politiki li jippromwovu u jappoġġjaw ix-xogħol deċenti u l-impjieg sħiħ għan-nisa kollha;
   (f) Jiżgura aċċess universali għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u għad-drittijiet riproduttivi kif miftiehem skont il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u d-dokumenti ta' eżitu tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom; jipprovdi edukazzjoni sesswali adattata skont l-età għal bniet u subien, tfajliet u ġuvintur sabiex titnaqqas it-tqala mhux mixtieqa u t-tixrid ta' mard trażmess sesswalment;
   (g) Jikkundanna bil-qawwa r-regola ‘global gag’ li tipprojbixxi li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jirċievu finanzjament għall-ippjanar tal-familja mill-Istati Uniti jekk dawn jipprovdu servizzi ta' abbort, jagħtu parir dwarhom, jirreferu nisa għalihom jew jissuġġeruhom; iqis li din ir-regola hija attakk dirett fuq il-gwadann li nkiseb favur id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u pass lura f'dan ir-rigward; jitlob, bħala kwistjoni ta’ urġenza, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkontrabattu l-impatt tar-regola gag billi jżidu b'mod sinifikanti l-finanzjament għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u jnedu fond internazzjonali li jiffinanzja l-aċċess għall-kontraċettivi u abort sikur u legali, bl-użu ta' finanzjament kemm nazzjonali kif ukoll għall-iżvilupp tal-UE, sabiex jimtela' n-nuqqas fil-finanzjament wara l-mossi tal-amministrazzjoni ta' Trump li jwaqqfu l-finanzjament lill-organizzazzjonijiet kollha barra mill-pajjiż li jipprovdu servizzi dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;
   (h) Jelimina d-differenza fil-pagi, fil-qligħ tul il-ħajja u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;
   (i) Itemm kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġijiet u fil-politiki fil-livelli kollha;
   (j) Jiġġieled kontra l-forom kollha ta' sterjotipi tal-ġeneri li jipperpetwaw l-inugwaljanza, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni, fl-isferi kollha tas-soċjetà;
   (k) Jappoġġja organizzazzjonijiet tan-nisa fil-livelli kollha fil-ħidma tagħhom; jinvolvihom bħala sħab fit-tfassil tal-politika u jiżgura finanzjament adegwat;
   (l) Japplika l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala għodda tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, f'kull nefqa pubblika;
  

It-tisħiħ tal-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa u t-tegħlib tal-ostakli fis-suq tax-xogħol

   (m) Jappella lill-partijiet kollha biex jirratifikaw u jimplimentaw is-CEDAW, b'attenzjoni speċjali għall-Artikoli 1, 4, 10, 11, 13, 14 u 15;
   (n) Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jadottaw politiki u liġijiet li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali;
   (o) Ikompli u jintensifika l-ħidma favur politiki li jappoġġjaw u jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa fil-kuntest ta' xogħol deċenti u t-tneħħija ta' kull xkiel u preġudizzju soċjali fl-istabbiliment u t-tmexxija ta' negozju, inkluż it-titjib tal-aċċess għal servizzi finanzjarji, kreditu, kapital ta' riskju u swieq b'kundizzjonijiet ugwali u jħeġġeġ l-aċċess għal informazzjoni, taħriġ u netwerks b'finijiet ta' negozju; f'dan il-kuntest, jirrikonoxxi u jippromwovi r-rwol tal-impriżi soċjali, tal-kooperattivi u l-mudelli ta' negozju alternattivi għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa;
   (p) Jirrikonoxxi li l-politiki makroekonomiċi, partikolarment dwar id-dixxiplina baġitarja u s-servizzi pubbliċi, għandhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa, u li dawn l-impatti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi jridu jitqiesu minn dawk li jfasslu l-politika;
   (q) Jippromwovi investiment ġdid fl-infrastruttura tal-kura soċjali, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u l-għoti pubbliku ta' servizzi ta' kura aċċessibbli, bi prezz li jintlaħaq u ta' kwalità tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, inklużi kura għat-tfal, għall-persuni dipendenti u għall-anzjani; jiżgura protezzjoni soda u drittijiet tal-ħaddiema għan-nisa tqal matul u wara t-tqala tagħhom;
   (r) Jappoġġja politiki li jiffavorixxu l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabilitajiet domestiċi u tal-kura bejn in-nisa u l-irġiel;
   (s) Jappoġġja l-istabbiliment ta' konvenzjoni tal-ILO li tipprovdi standard internazzjonali li jindirizza l-vjolenza abbażi tas-sess fuq il-post tax-xogħol;
   (t) Jimplimenta politiki li jindirizzaw il-fenomenu tal-vjolenza politika kontra n-nisa, inklużi l-vjolenza fiżika, l-intimidazzjoni u l-fastidju online;
   (u) Jieħu miżuri effettivi biex jiġi eliminat it-tħaddim tat-tfal, minħabba li miljuni ta' bniet jiġu sfruttati; jintroduċi mekkaniżmi ġodda fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE sabiex tiġi evitata l-importazzjoni ta' prodotti manifatturati permezz tat-tħaddim tat-tfal;
   (v) Jinkoraġġixxi lin-nisa u lill-bniet, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' appoġġ, biex jidħlu f'karrieri akkademiċi u ta' riċerka fl-oqsma xjentifiċi kollha, b'enfasi speċjali fuq it-teknoloġika u l-ekonomija diġitali;
   (w) Jiżgura l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;
  

L-iżgurar tas-sehem indaqs tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet

   (x) Iħares id-drittijiet ċivili u politiċi u jappoġġja l-iżgurar tal-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha, inklużi t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, politiki u programmi ekonomiċi, il-postijiet tax-xogħol, in-negozju jew fl-isfera akkademika;
   (y) Jinvolvi s-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi;
   (z) Isaħħaħ it-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt u jiżgura l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi, is-swieq u l-parteċipazzjoni politika u t-tmexxija f'pajjiżi li ħerġin minn konflitt, li kollha huma essenzjali għall-istabilità;
  

Kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-aktar nisa emarġinati

   (aa) Jiffaċilita s-sjieda tal-art u l-aċċess għall-kreditu għal nisa rurali u jippromwovi, jinkoraġġixxi u jappoġġja inizjattivi intraprenditorjali tan-nisa fiż-żoni rurali, sabiex in-nisa jkunu jistgħu isiru ekonomikament indipendenti u jipparteċipaw b'mod sħiħ u jibbenefikaw minn żvilupp sostenibbli u rurali; il-protezzjoni u l-promozzjoni ta' katini tal-provvista alimentari qosra, permezz ta' politiki attivi kemm fuq livell intern kif ukoll estern fl-UE;
   (ab) Jistabbilixxi regoli interni u regoli internazzjonali li jiggarantixxu limitu f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħtif ta' artijiet estensiv li jmur kontra l-interessi ta' sidien żgħar, speċjalment nisa;
   (ac) Jitlob l-involviment ta' organizzazzjonijiet tan-nisa rurali fit-tfassil tal-politika u l-appoġġ lokali, reġjonali, nazzjonali u globali ta' netwerks tan-nisa ta' skambju ta' esperjenza u prattika tajba, b'mod partikolari fejn il-ħajjiet tan-nisa jistgħu jiġu affettwati mid-deċiżjonijiet rilevanti;
   (ad) Jistieden lill-pajjiżi kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, inkluż l-Artikolu 6 tagħha intitolat "In-nisa b'diżabilità";
   (ae) Jenfasizza d-dritt tal-ħaddiema nisa migranti, u speċjalment il-ħaddiema domestiċi migranti u rifuġjati, għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni soċjali ugwali; jitlob ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 189 tal-ILO;
   (af) Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jimplimentaw politiki li jiggarantixxu d-drittijiet u t-trattament uman tar-rifuġjati nisa u bniet;
   (ag) Jiżgura li l-persekuzzjoni abbażi tas-sess tiġi meqjusa bħala bażi għal talba għal asil skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati;
   (ah) Jenfasizza l-ħtieġa tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa LGBTI;
   (ai) Jistieden lis-CSW, flimkien mal-Kumitat CEDAW, biex jistituzzjonalizzaw aproċċ intersezzjonali għall-analiżi tagħhom, u biex jippromwovu l-kunċett tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni multipla permezz ta' analiżi intersezzjonali fil-korpi kollha tan-NU;
   (aj) Ifittex li jwettaq politiki li jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' nisa li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;
   (ak) Jirrikonoxxi r-rwol tan-nisa bħala dawk li jagħtu l-kura b'mod formali u informali, u jimplimenta politiki li jtejbu l-kundizzjonijiet li fihom jipprovdu l-kura;
  

Kif dawn l-impenji jiġu tradotti f'infiq u kif isiru aktar viżibbli

   (al) Jimmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu d-drittijiet ekonomiċi tan-nisa u titnaqqas l-inugwaljanza bejn is-sessi, inkluż permezz tal-użu tal-istrumenti eżistenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri bħall-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi; juża bbaġitjar abbażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-infiq pubbliku biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u titneħħa kull inugwaljanzi bejn is-sessi;
   (am) Jiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-UE fil-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa;
   (an) Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għax-xogħol ta' UN Women, li huwa attur ċentrali fis-sistema tan-NU għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja u li jlaqqa' flimkien il-partijiet interessati kollha ħalli jiġġenera bidla tal-politiki u jikkoordina l-azzjonijiet; jistieden lill-istati membri tan-NU, kif ukoll lill-UE, biex iżidu l-finanzjament tagħhom għall-UN Women;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza