Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2651(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0270/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.69
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0200

Testi adottati
PDF 269kWORD 53k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
P8_TA(2017)0200RC-B8-0270/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2017/2651(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3) u tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana, adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Mejju 2016 tal-Human Rights Watch lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), Luis Almagro Lemes, dwar il-Venezwela(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Marzu 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana li tieħu f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra t-twissijiet espressi fir-rapporti tal-OAS tat-30 ta' Mejju 2016 u tal-14 ta' Marzu 2017 dwar il-Venezwela u l-appell tas-Segretarju Ġenerali tagħha biex il-Kunsill Permanenti jitlaqqa' b'urġenza, skont l-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika, bil-għan li tiġi diskussa l-kriżi politika tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ), Federica Mogherini, dwar il-kriżi politika, ekonomika u umanitarja li qed issir dejjem aktar serja fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OAS, iffirmata minn 14 fost l-istati membri tagħha fit-13 ta' Marzu 2017, li tesiġi li l-Venezwela tiskeda elezzjonijiet malajr kemm jista' jkun, teħles lill-priġunieri politiċi u tirrikonoxxi s-separazzjoni tas-setgħat minquxa fil-kostituzzjoni tagħha, fost miżuri oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-3 ta' April 2017 dwar l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Marzu 2017 il-Qorti Suprema Venezwelana ħarġet deċiżjoni li tiddikjara bħala mhux kostituzzjonali l-leġiżlazzjoni kollha vvotata mill-Assemblea Nazzjonali; billi fid-29 ta' Marzu 2017 il-Qorti Suprema Venezwelana ħarġet deċiżjoni li tiddikjara li l-Assemblea Nazzjonali tinsab f'qagħda ta' disprezz tal-qorti u annullat l-azzjonijiet leġiżlattivi kollha tagħha, liema fatti wasslu sabiex il-Qorti Suprema tassumi l-funzjoni leġiżlattiva;

B.  billi d-deċiżjonijiet maħruġa mill-Qorti Suprema Venezwelana jiksru kemm is-separazzjoni tas-setgħat iggarantita mill-kostituzzjoni kif ukoll l-obbligu impost fuq l-imħallfin kollha li jirrispettaw u jiżguraw l-integrità tal-kostituzzjoni Venezwelana (l-Artikolu 334);

C.  billi d-deċiżjonijiet inħarġu mingħajr ebda bażi kostituzzjonali – kemm is-setgħat mogħtija lill-Assemblea Nazzjonali (l-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni) kif ukoll dawk li tgawdi l-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (l-Artikolu 336 tal-Kostituzzjoni);

D.  billi Luisa Ortega Díaz, il-prosekutur ġenerali tal-Istat maħtura mill-Gvern Venezwelan, ikkundannat id-deċiżjoni maħruġa mill-Qorti Suprema, billi tqis li din id-deċiżjoni tikser l-ordni kostituzzjonali; billi, bħala riżultat tar-reazzjonijiet internazzjonali u ta' diversi appelli, il-President Nicolás Maduro talab lill-Qorti Suprema biex tirrevedi d-deċiżjoni li neħħiet kompletament is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali, u billi fl-1 ta' April 2017 il-Qorti Suprema ħarġet deċiżjonijiet ġodda li jirrevokaw dik preċendenti;

E.  billi l-Qorti Suprema preċedentement iddikjarat li l-Assemblea Nazzjonali tinsab f'qagħda ta' disprezz tal-qorti u annullat l-azzjonijiet tagħha fl-1 ta' Awwissu 2016 u fil-5 ta' Settembru 2016, permezz tad-Deċiżjoni Nru 808;

F.  billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, il-Mesa de la Unidad Democrática, rebħet 112-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali unikamerali li hija magħmula minn 167 membru, jiġifieri maġġoranza ta' żewġ terzi, meta mqabbla mal-55 siġġu tal-PSUV (Partido Socialista Unido de Venezuela); billi l-Qorti Suprema imblukkat erba' rappreżentanti tal-Assemblea Nazzjonali (li tlieta minnhom huma membri tal-oppożizzjoni) milli jieħdu l-kariga, u b'hekk ċaħdet lill-oppożizzjoni mill-maġġoranza ta' żewġ terzi tagħha;

G.  billi l-aħħar arresti arbitrarji żiedu l-għadd ta' priġunieri politiċi għal aktar minn mija, inklużi mexxejja politiċi importanti bħalma huma Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos u Yon Goicoechea;

H.  billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Venezwelana u għal darbtejn kandidat presidenzjali Henrique Capriles ġie pprojbit milli jkollu kariga politika għal 15-il sena; billi din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-allegati akkużi ta' "irregolaritajiet amministrattivi" fir-rwol tiegħu bħala Gvernatur tal-Istat ta' Miranda;

I.  billi l-forzi tas-sigurtà Venezwelani, inklużi l-gwardja nazzjonali u l-pulizija nazzjonali kif ukoll gruppi armati irregolari, sa mill-bidu tal-protesti ripetutament użaw forza brutali kontra dimostranti paċifiċi, inklużi Membri tal-Kungress, li opponew id-deċiżjoni li biha ġew annullati l-kompetenzi tal-Assemblea Nazzjonali, u billi dan irriżulta fil-mewt ta' aktar minn 20 ruħ, filwaqt li għadd kbir ta' persuni sfaw midruba u saru għadd kbir ta' arresti;

J.  billi fit-3 ta' April 2017, 17 minn 21 pajjiż fil-Kunsill Permanenti tal-OAS iddikjaraw it-tħassib serju tagħhom dwar it-tibdil mhux kostituzzjonali tal-ordni demokratiku fil-Venezwela; billi xi pajjiżi fir-reġjun reċentement esprimew ir-rieda tagħhom li jiffaċilitaw proċess ta' medjazzjoni fil-Venezwela, u b'hekk joħolqu l-possibbiltà ta' soluzzjoni;

K.  billi l-gvern issospenda l-elezzjonijiet lokali u reġjonali skedati għal Diċembru 2016 u impedixxa referendum revokatorju milli jseħħ – dispożizzjoni kostituzzjonali li tippermetti li 20 % tal-elettorat jitlob it-tneħħija ta' President li ma jkunx popolari – minkejja li r-rekwiżiti kostituzzjonali kollha kienu ntlaħqu;

1.  Jikkundanna l-ksur mhux kostituzzjonali tal-ordni demokratiku li qed isir b'mod persistenti fil-Venezwela, wara d-deċiżjoni maħruġa mill-Qorti Suprema Venezwelana bil-ħsieb li tieħu f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, u n-nuqqas ta' separazzjoni tas-setgħat u ta' indipendenza tal-fergħat tal-gvern;

2.  Jopponi bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema tal-Venezwela li tisssopendi s-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali u jqis dan bħala azzjoni fundamentalment mhux demokratika li tikser b'mod dirett il-kostituzzjoni tal-Venezwela; iqis li, minkejja r-reviżjoni reċenti ta' xi elementi minn dawn id-deċiżjonijiet, huwa essenzjali li l-Gvern tal-Venezwela jiżgura li l-ordni demokratiku jerġa' jiġi stabbilit bis-sħiħ;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora serjament fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-qagħda soċjoekonomika fil-Venezwela, fi klima dejjem tikber ta' instabbiltà politika u soċjali;

4.  Jistieden lill-Gvern u lill-Qorti Suprema tal-Venezwela jirrispettaw il-kostituzzjoni, b'mod partikolari s-setgħat ikkonferiti lill-membri parlamentari kollha li huma debitament eletti;

5.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan biex jissalvagwarda s-separazzjoni u l-indipendenza tas-setgħat u biex jerġa' jistabbilixxi l-awtorità kostituzzjonali sħiħa tal-Assemblea Nazzjonali; ifakkar li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' interferenza bejn is-setgħat jiffurmaw prinċipju essenzjali ta' stati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;

6.  Jappella lill-Gvern Venezwelan jiżgura l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha; ifakkar li l-ħelsien tal-priġunieri politiċi ġie approvat mill-Assemblea Nazzjonali bis-saħħa tal-Liġi ta' Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, li ġiet sottoposta għal veto b'deċiżjoni tas-setgħa eżekuttiva; jisħaq fuq il-fatt li sakemm ikun hemm priġunieri politiċi ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni paċifika dejjiema għall-Venezwela fuq terminu twil;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela biex jikkonforma mal-kostituzzjoni u biex jippreżenta malajr kemm jista' jkun kalendarju elettorali li jkun jippermetti l-iżvolġiment ta' proċessi elettorali ħielsa u trasparenti, bħala l-uniku mod kif l-imblokk politiku attwali jista' jintemm; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-contraloría nazzjonali Venezwelana li tipprojbixxi lill-mexxej tal-oppożizzjoni Henrique Capriles milli jkollu kariga politika għal 15-il sena; jistieden lill-Gvern Venezwelan itemm il-prattika li biha jemarġina l-mexxejja tal-oppożizzjoni billi jċaħħadhom mid-drittijiet politiċi tagħhom;

8.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Permanenti tal-OAS fit-3 ta' April 2017 u jistieden lill-VP / RGħ tappoġġjaha, kif jilqa' wkoll ir-rieda espressa minn ħafna pajjiżi fir-reġjun li jiffaċilitaw proċess ta' medjazzjoni biex jintlaħaq ftehim nazzjonali; jistieden lill-VP / RGħ, barra minn hekk, biex tesplora b'mod attiv, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, miżuri oħra li jkunu jistgħu jippermettu lill-UE terġa' tistabbilixxi demokrazija sħiħa fil-Venezwela;

9.  Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni vjolenti eżerċitata mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani, kif ukoll minn gruppi armati irregolari, kontra l-protesti paċifiċi, li b'riżultat tagħha tilfu ħajjithom aktar minn 20 ruħ, filwaqt li għadd kbir ta' nies sfaw midruba u saru ħafna arresti; jistieden lill-Gvern Venezwelan jinvestiga l-imwiet kollha u jirrispetta u jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għal-libertà ta' għaqda paċifika; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu s-sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet għaċ-ċittadini kollha, partikolarment għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għall-ġurnalisti, għall-attivisti politiċi u għall-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti li jinsabu f'riskju akbar ta' attakki u ta' detenzjoni arbitrarja;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bħala kwistjoni ta' urġenza u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi tas-soċjetà li ntlaqtu l-agħar; jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-pajjiżi ġirien u lill-Istati Membri tal-UE, iqisu l-kriżi umanitarja li tista' tirriżulta mill-eżodu ta' għadd kbir ta' ċittadini Venezwelani;

11.  Itenni t-talba urġenti tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jsir djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
(2) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0269.
(5) https://www.hrw.org/news/2016/05/16/letter-human-rights-watch-secretary-general-almagro-about-venezuela

Avviż legali