Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2283(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0114/2017

Testi mressqa :

A8-0114/2017

Dibattiti :

PV 16/05/2017 - 15
CRE 16/05/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 17/05/2017 - 10.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0210

Testi adottati
PDF 337kWORD 55k
L-Erbgħa, 17 ta' Mejju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
P8_TA(2017)0210A8-0114/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (2015/2283(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u l-verżjoni l-aktar reċenti, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi maqbula fit-22 ta' Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f'każ ta' qbil fl-ewwel qari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-Rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport annwali 2014 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2015)0315),

–  wara li kkunsidra r-Rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sussidjarjetà 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti biennali tal-COSAC dwar l-Iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari tad-19 ta' Ġunju 2014, tal-14 ta' Novembru 2014, tas-6 ta' Mejju 2015 u tal-4 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0114/2017),

A.  billi fl-2014 il-Kummissjoni rċeviet 21 opinjoni motivata li kienu jindirizzaw 15-il proposta leġiżlattiva; billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa kien ta' 506, inklużi s-sottomissjonijiet magħmula fil-qafas tad-djalogu politiku;

B.  billi fl-2014 tliet Kmamar nazzjonali (il-Folketing Daniża, it-Tweede Kamer Netherlandiża u l-House of Lords tar-Renju Unit) ressqu rapporti bi proposti dettaljati dwar kif jista' jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

C.  billi, fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fil-5 ta' Frar 2014, iż-żewġ istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jtejbu l-leġittimità tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi, fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' miżuri ta' regolamentazzjoni aħjar b'Linji Gwida ġodda integrati ta' Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża gwida għall-valutazzjoni ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi ġodda;

E.  billi fl-2014 l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Parlament Ewropew ipproduċiet 31 valutazzjoni inizjali, żewġ valutazzjonijiet dettaljati, u tliet valutazzjonijiet tal-impatt sostituti jew komplementari għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, u valutazzjoni tal-impatt fuq l-emendi;

F.  billi s-setgħat delegati fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jingħataw fejn ikun hemm ħtieġa ta' flessibbiltà u effiċjenza, u fejn dawn ma jistgħux jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi l-adozzjoni tar-regoli essenzjali għas-suġġett previst hija riżervata għal-leġiżlaturi;

G.  billi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest ta' evalwazzjonijiet retrospettivi, li jivvalutaw jekk l-azzjonijiet tal-UE humiex fil-verità qed jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' effiċjenza, effikaċja, koerenza, rilevanza u valur miżjud tal-UE;

1.  Jilqa' l-kunsiderazzjoni kontinwata tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, li skont it-Trattati, huma fost il-prinċipji ta' gwida għall-Unjoni Ewropea meta tagħżel li taġixxi u li għandhom jitqiesu bħala partijiet integrali tal-proċess tat-teħid ta' deċżjonijiet tal-UE; ifakkar li, fir-rigward ta' kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida, it-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni teżamina jekk l-UE tkunx intitolata tieħu azzjoni u jekk din l-azzjoni tkunx ġustifikata għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, u li kull inizjattiva tkun akkumpanjata minn nota spjegattiva li tistabbilixxi, inter alia, kif l-inizjattiva tikkonforma ma' dawn il-prinċipji;

2.  Jenfasizza li l-kontrolli tas-sussidjarjetà mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri huma fost l-aktar għodod importanti biex jitnaqqas l-hekk imsejjaħ "defiċit demokratiku" u għall-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali; jirrimarka li l-parlamenti nazzjonali jista' jkollhom rwol sinifikanti x'jaqdu sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell li jkun l-aktar effikaċi, u qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin; jenfasizza li l-adozzjoni ta' atti legali tirrikjedi l-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, li jħaddan il-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li huma politikament responsabbli quddiem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, u li dan huwa mod ieħor li permezz tiegħu l-principju tas-sussidjarjetà jiġi rrispettat bis-sħiħ;

3.  Josserva t-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali fl-2014; jirrimarka, madankollu, li tali tnaqqis jista' jkun riżultat tal-għadd dejjem jonqos ta' proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-2014, l-ebda proposta tal-Kummissjoni ma kienet soġġetta għal proċeduri ta' "karta safra" jew ta' "karta oranġjo" skont il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; ifakkar li l-proċedura tal-"karta safra" ntużat darbtejn fil-passat (darba fl-2012 u darba fl-2013), li juri li s-sistema taħdem;

4.  Jinnota li 15-il kamra biss ħarġu opinjonijiet motivati fl-2014 u li dan jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 50 % fil-livell ta' parteċipazzjoni fost il-41 Kamra kollha meta mqabbel mal-2013;

5.  Jilqa' l-fatt li fl-2014 l-istituzzjonijiet kollha tal-UE kellhom rwol attiv biex jiżguraw kontroll tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li d-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali ssaħħaħ, inkluż permezz ta' diversi żjarat mill-Kummissarji fil-parlamenti nazzjonali;

6.  Jinnota, madankollu, li l-maġġoranza tal-opinjonijiet mill-parlamenti nazzjonali jiġu sottomessi biss minn ftit Kmamar nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kmamar nazzjonali l-oħra jinvolvu ruħhom aktar fid-dibattitu Ewropew;

7.  Jinnota li xi parlamenti nazzjonali enfasizzaw li, f'uħud mill-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità hija insuffiċjenti jew ineżistenti; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb in-noti spjegattivi tagħha billi tipprovdi dejjem stampa dettaljata, komprensiva u b'analiżi sostanzjata bil-fatti tal-proposti tagħha fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'tali mod li tgħin lill-parlamenti nazzjonali jwettqu eżami aktar effikaċi ta' dawk il-proposti;

8.  Jinnota li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ("IAB") qies li aktar minn 32 % tal-valutazzjonijiet tal-impatt ("IAs") rieżaminati minnu fl-2014 kienu jinkludu analiżi mhux sodisfaċenti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew ta' dak tal-proporzjonalità, jew tat-tnejn li huma; josserva li din ir-rata hija simili għar-rati ta' snin preċedenti, u jikkunsidra, għalhekk, li jaf ikun meħtieġ titjib;

9.  Jinnota, b'konnessjoni ma' dan, l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv, u jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa', f'dan ir-rigward, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015 bl-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi aħjar l-interessi taċ-ċittadini. Il-pakkett jindirizza, fost l-oħrajn, it-tħassib imqajjem mill-IAB rigward is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa' l-fatt li l-pakkett jinkludi spjegazzjoni aktar bir-reqqa mill-Kummissjoni dwar kif il-proposti leġiżlattivi jissodisfaw l-obbligi legali ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, inkluż fl-analiżijiet tal-impatt tagħha; jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar irid jintuża biex tinħoloq leġiżlazzjoni Ewropea robusta fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom progress reali u valur miżjud jista' jinkiseb bl-aħjar mod fil-livell Ewropew;

10.  Ifakkar l-importanza tar-rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħejjija mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tressaq rapporti annwali iktar dettaljati dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li jkunu jinkludu analiżi aktar bir-reqqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità;

11.  Jilqa' r-rapporti minn għadd ta' parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari l-Folketing Daniż, it-Tweede Kamer Olandiż u l-House of Lords tar-Renju Unit, bħala kontribut siewi għad-dibattitu dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u jieħu nota tal-proposti inklużi f'dawk ir-rapporti; jinnota li fihom ideat dwar kif jista' jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, u li jissuġġerixxu li l-opinjonijiet motivati għandhom jirrigwardaw ukoll il-konformità tal-proposti mal-prinċipju tal-proporzjonalità; jemmen, madankollu li l-prattiċità ta' dawn il-proposti tirrikjedi evalwazzjoni bir-reqqa u reviżjoni tat-Trattati u tal-protokolli rilevanti, peress li l-proposti mhumiex riflessi fit-Trattati eżistenti; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali oħrajn biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rwol li għandu jkollhom il-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fid-dibattitu Ewropew u jħeġġiġhom biex jikkooperaw saħansitra aktar mill-qrib ma' xulxin u mal-Parlament Ewropew;

12.  Jissuġġerixxi li, f'rieżami possibbli tat-Trattati u tal-Protokolli tagħhom, tista' ssir riflessjoni dwar jekk l-opinjonijiet motivati għandhomx ikunu limitati għal eżami tar-raġunijiet ta' sussidjarjetà jew jekk għandhomx jinkludu wkoll valutazzjonijiet tal-proporzjonalità, dwar x'ikun l-għadd xieraq ta' reazzjonijiet mill-parlament nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura ta' "karta safra" jew "karta oranġjo", u dwar x'għandu jkun l-effett f'każijiet fejn jintlaħaq il-limitu għal dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

13.  Jinnota li diversi parlamenti nazzjonali esprimew, fi ħdan il-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni (COSAC), l-interess tagħhom li jipproponu l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' "karta ħadra" bħala strument għat-titjib tad-djalogu politiku; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' dan il-mekkaniżmu ta' "karta ħadra", li joffri lill-parlamenti nazzjonali l-opportunità li jissuġġerixxu inizjattiva leġiżlattiva lill-Kummissjoni għall-eżami tagħha, għandha tiġi kkunsidrata; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-għadd ta' parlamenti nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura bħal din, u l-estent tal-impatt tagħha; jenfasizza li l-introduzzjoni possibbli ta' mekkaniżmu bħal dan m'għandhiex iddgħajjef l-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

14.  Jieħu nota tat-talba li saret min-naħa ta' xi parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li fihom jistgħu joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2; jemmen li, f'dan ir-rigward, il-kwistjoni tal-perjodu xieraq li l-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom biex joħorġu opinjoni motivata tista' tiġi kkunsidrata, jekk jitolbu dan għal raġunijiet ta' limitazzjonijiet ta' żmien abbażi ta' raġunijiet oġġettivi ġustifikati, bħal pereżempju diżastri naturali u perjodi ta' vaganzi, li għandhom jinqablu bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni; iqis li dan jista' jintlaħaq permezz ta' impenn politiku maqbul bejn l-istituzzjonijiet u l-parlamenti nazzjonali fl-ewwel istanza, mingħajr ma jinħoloq dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza li tali perjodu jeħtieġ li jkun ir-riżultat tal-ilħuq ta' bilanċ ġust bejn id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jqajmu oġġezzjonijiet għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u l-effiċjenza li biha l-Unjoni jeħtieġ li twieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini tagħha; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-parlamenti nazzjonali għandhom l-opportunità li jintervjenu u li jikkunsidraw il-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà qabel ma l-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva tagħha meta tippreżenta Green Papers, White Papers jew il-Programm ta' Ħidma annwali tagħha; jemmen li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE żviluppa b'mod sinifikanti, inkluż permezz tal-konnessjoni tagħhom ma' parlamenti nazzjonali oħra fuq bażi regolari;

15.  Iqis li jekk l-Istati Membri jaqblu li jestendu l-perjodu mogħti lill-parlamenti nazzjonali biex joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, dan għandu jiġi inkluż f'reviżjoni futura tat-Trattat; tali perjodu ta' estensjoni jista' mbagħad jiġi determinat ukoll f'leġiżlazzjoni sekondarja;

16.  Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jesprimu tħassib dwar is-sussidjarjetà fi kwalunkwe mument taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni jew fil-qafas tad-djalogu politiku permezz ta' opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni;

17.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew jinteraġixxu ma' xulxin b'mod aktar effikaċi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kuntatti informali bejn il-MPE u l-membri tal-parlamenti nazzjonali dwar oqsma ta' politika speċifiċi;

18.  Jemmenli huwa importanti li nappoġġajw lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali permezz ta' għodod li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, bħal pereżempju l-ħolqien ta' pjattaforma tal-IT li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li, speċjalment minħabba li l-volum ta' opinjonijiet motivati li waslu mill-parlamenti nazzjonali fl-2014 baqa' ma nbidilx fi proporzjoni mal-għadd ta' proposti tal-Kummissjoni, għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, għalkemm il-kompetenzi ta' kull istituzzjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ;

19.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' kooperazzjoni interparlamentari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE; jenfasizza l-importanza li jsir użu aħjar mill-għodod interparlamentari disponibbli għall-parlamenti nazzjonali, bħall-COSAC, il-laqgħat interparlamentari organizzati mill-Parlament Ewropew u l-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

20.  Jemmen li huwa importanti li l-parlamenti nazzjonali jiġu ssensibilizzati rigward ir-rwol speċifiku tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi promoss aktar l-użu tal-pjattaforma għal Skambju Interparlamentari tal-UE (IPEX), li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li l-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu sors ta' informazzjoni, iżda li fil-biċċa l-kbira tagħhom jibqgħu ma jintużawx minn membri tal-parlamenti nazzjonali;

21.  Jirrakkomanda li jsir użu aktar min-netwerk ta' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u jittejjeb it-tħaddim tal-IPEX;

22.  Iqis li l-opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2 għandhom jiġu kkunsidrati debitament mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-arranġamenti xierqa;

23.  Ifakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità minqux fl-Artikolu 5 tat-TUE jirrikjedi li l-"kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati"; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju tal-proporzjonalità "jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq";

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, b'mod sistematiku, valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għal kull proposta leġiżlattiva, li għandhom jinkludu analiżi xierqa tal-għażliet leġiżlattivi differenti għad-dispożizzjoni tagħha u spjegazzjoni sostanzjali tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi mistennija tal-alternattiva magħżula, u tal-effetti potenzjali tagħha fuq il-kompetittività u l-SMEs; jemmen li dawn il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għandhom jgħinu lill-Kummissjoni telimina alternattivi b'impatt sproporzjonat jew li jkunu ta' piż bla bżonn fuq l-individwi, l-intrapriżi, u b'mod partikolari l-SMEs, is-soċjetà ċivili, l-impjegati u l-entitajiet oħra kkonċernati, u għandhom jippermettu eżami aħjar tal-proposti għal raġunijiet ta' proporzjonalità; iqis li jista' jitqies jekk l-ambitu tal-opinjonijiet motivati għandux jitwessa' biex jinkludi r-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, bl-għajnuna tal-parlamenti nazzjonali, il-possibbiltà li tistabbilixxi linji gwida mhux vinkolanti li jgħinu lill-parlamenti nazzjonali fil-kompitu tagħhom li jivvalutaw il-konformità tal-proposti leġiżlattivi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

26.  Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Presidenti tal-Kamra tad-Deputati Taljana, tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, tal-Bundestag Ġermaniż, u tal-Kamra tad-Deputati Lussemburgiża, li enfasizzaw "li aktar, u mhux inqas, huwa meħtieġ mill-Ewropa biex twieġeb għall-isfidi li niffaċċjaw, kemm internament kif ukoll esternament";

27.  Itenni li diġà jistgħu jiġu introdotti diversi inizjattivi biex itejbu l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali u jagħmluha aktar effiċjenti, u b'mod partikolari:

   jipproponi li l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali li jintbagħtu skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-TUE u mat-TFUE jingħaddu lill-koleġiżlaturi, mingħajr dewmien;
   jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista' tħejji linji gwida għal opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ta' sussidjarjetà, bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali u mingħajr ma timmina d-diskrezzjoni tagħhom;
   iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jaqsmu r-rimarki tagħhom dwar il-valutazzjonijiet imfassla mill-Kummissjoni;

28.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jagħtu konsiderazzjoni xierqa għall-valutazzjonijiet tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità li jagħmel il-Kumitat tar-Reġjuni, meta dan tal-aħħar joħroġ opinjonijiet dwar proposti leġislattivi;

29.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tkun komprensibbli u ċara, tippermetti lill-partijiet jifhmu faċilment id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, tinkludi rekwiżiti xierqa ta' rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni, tevita spejjeż sproporzjonati, u tkun tista' tiġi implimentata b'mod prattiku;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0103.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0061.
(3) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 117.
(4) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 87.

Avviż legali