Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2243(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0176/2017

Testi mressqa :

A8-0176/2017

Dibattiti :

PV 16/05/2017 - 16
CRE 16/05/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 17/05/2017 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0211

Testi adottati
PDF 414kWORD 67k
L-Erbgħa, 17 ta' Mejju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju
P8_TA(2017)0211A8-0176/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju (2016/2243(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u ż-żieda tad-diversità tal-finanzjament tal-SMEs f'Unjoni tas-Swieq Kapitali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "L-Unjoni tas-Swieq Kapitali – Naċċelleraw ir-Riforma" (COM(2016)0601),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2016 dwar il-finanzjament kollettiv fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE (SWD(2016)0154),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "Il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-data" (COM(2017)0009),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar l-użu tal-Big Data mill-istituzzjonijiet finanzjarji (JC 2016 86),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tas-26 ta' Frar 2015 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self (EBA/Op/2015/03),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-4 ta' Mejju 2016 dwar użi innovattivi tad-data dwar il-konsumatur mill-istituzzjonijiet finanzjarji (EBA/DP/2016/01),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment (ESMA/2014/1378),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-7 ta' Jannar 2017 dwar id-distributed ledger technology applikata għas-swieq tat-titoli,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-7 ta' Settembru 2016 dwar ir-riskji u l-vulnerabilitajiet tas-sistema finanzjarja tal-UE,

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Bankarja Ewropea bbażata fuq id-data fit-tielet trimestru tal-2016,

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ħames Rapport tal-EIOPA dwar it-Tendenzi tal-Konsumatur tas-16 ta' Diċembru 2016 (EIOPA-BoS-16-239),

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tar-raba' trimestru tal-2016,

–  wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 172 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' April 2016 bit-titolu: Distributed ledger technologies in securities post-trading: Revolution or evolution?" (Teknoloġiji tar-reġistru distribwit fil-fażi ta' wara n-negozjar fit-titoli: Revoluzzjoni jew evoluzzjoni?),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kumitat dwar il-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-Suq ta' Frar 2017 bit-titolu "Distributed ledger technology in payment, clearing and settlement: An analytical framework" (Teknoloġija tar-reġistru distribwit fil-pagamenti, l-ikklirjar u s-saldu: Qafas analitiku),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0176/2017),

A.  billi l-FinTech għandha tinftiehem bħala attività finanzjarja magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, li taffettwa s-settur finanzjarju kollu fil-komponenti kollha tiegħu, mis-settur bankarju għal dak tal-assigurazzjoni, il-fondi tal-pensjonijiet, il-konsulenza dwar l-investiment, is-servizzi ta' pagament u l-infrastrutturi tas-suq;

B.  billi s-servizzi finanzjarji minn dejjem kienu bbażati fuq it-teknoloġija u evolvew b'mod allinjat mal-innovazzjoni teknoloġika;

C.  billi kwalunkwe attur jista' jkollu funzjoni ta' FinTech, irrispettivament mit-tip ta' entità ġuridika li jkun; billi l-katina tal-valur fis-servizzi finanzjarji tinkludi dejjem aktar lil atturi alternattivi bħal negozji ġodda jew tech giants; billi, għaldaqstant, dan it-terminu jinkludi firxa wiesgħa ta' kumpaniji u ta' servizzi li jvarjaw ħafna minn xulxin, li jirrappreżentaw sfidi differenti u li t-trattament regolatorju tagħhom irid ivarja;

D.  billi firxa wiesgħa ta' żviluppi fil-qasam tal-FinTech hija msejsa fuq teknoloġiji ġodda, bħall-applikazzjonijiet tad-distributed ledger technology (DLT), il-pagamenti innovattivi, ir-robo-advice, il-Big Data, l-użu tal-cloud computing, soluzzjonijiet innovattivi fl-onboarding/identifikazzjoni tal-konsumaturi, pjattaformi tal-finanzjament kollettiv u ħafna aktar;

E.  billi l-investiment fl-applikazzjoni tal-FinTech jirrappreżenta biljuni ta' euro u qed ikompli jiżdied kull sena;

F.  billi l-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji qed jiżviluppaw b'passi differenti filwaqt li l-iskala u l-impatt tal-iżvilupp tagħhom jiqbgħu inċerti, iżda għandhom il-potenzjal li jittrasformaw is-settur finanzjarju b'mod sostanzjali ħafna; billi ċerti applikazzjonijiet tal-FinTech jistgħu xi darba jsiru ta' importanza sistemika;

G.  billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-kompetittività tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija Ewropea, inkluż il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jsaħħu l-istabbiltà finanzjarja u jżommu l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur;

H.  billi l-FinTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli, bħal servizzi finanzjarji aktar veloċi, orħos, aktar imfassla apposta, aktar inklużivi, reżiljenti u trasparenti u aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji, u tista' tiftaħ bosta opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-intraprendituri Ewropej; billi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, l-esperjenza tal-konsumaturi hija l-forza li tixpruna lill-atturi tas-suq; billi l-progress u l-innovazzjoni fis-settur finanzjarji m'għandhomx jeskludu l-flus bħala mezz ta' pagament;

I.  billi l-iżvilupp ta' servizzi finanzjarji ġodda u d-diġitalizzazzjoni ta' servizzi eżistenti se jbiddlu d-dinamiċi tas-suq għas-settur tas-servizzi finanzjarji, billi jintroduċu forom ġodda ta' kompetizzjoni, innovazzjoni, sħubiji u esternalizzazzjoni minn atturi u bejniethom;

J.  billi l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, in-newtralizzazzjoni tar-renti ekonomiċi fejn dawn jeżistu u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għas-servizzi finanzjarji fl-UE huma prerekwiżiti għat-tisħiħ tal-FinTech fl-Ewropa u għat-twassil tal-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha;

K.  billi r-riċerka ekonomika wriet li l-kosteffiċjenza tas-sistema finanzjarja tista' twassal għal prezzijiet tal-konsumaturi aktar baxxi għal prodotti u servizzi finanzjarji għall-konsumaturi; billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għan dan it-tnaqqis fil-prezzijiet;

L.  billi soluzzjonijiet fil-qasam tal-FinTech jistgħu jżidu l-aċċess għall-kapital, b'mod partikolari għall-SMEs, permezz ta' servizzi finanzjarji transfruntieri, self alternattiv u kanali ta' investiment bħall-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari, u b'hekk isaħħu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU);

M.  billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-flussi finanzjarji transfruntieri u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali fl-Ewropa u b'hekk iħeġġu n-negozju transfruntier u jippermettu l-ikkompletar tas-CMU;

N.  billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech, b'mod partikolari fil-qasam tas-soluzzjonijiet ta' pagamenti domestiċi u transfruntieri, jistgħu wkoll jappoġġjaw l-iżvilupp kontinwu ta' suq uniku fl-oġġetti u fis-servizzi u jiffaċilitaw il-kisba "tal-objettivi 5x5" tal-G20 u tal-G8 tat-tnaqqis tal-ispejjeż tar-rimessi;

O.  billi l-FinTech tista' sservi bħala għodda effikaċi għall-inklużjoni finanzjarja, billi tiftaħ servizzi finanzjarji mfassla apposta għal dawk li ma setgħux jaċċessawhom qabel, u b'hekk tagħmel it-tkabbir aktar inklużiv; billi l-indirizzar tal-problemi tal-edukazzjoni finanzjarja u l-ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini Ewropej huwa neċessarju għall-FinTech biex tiġġenera inklużjoni finanzjarja reali;

P.  billi l-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni għandhom jadattaw għall-innovazzjoni u jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn l-inċentivi għal protezzjoni innovattiva tal-konsumaturi u l-investituri u l-istabbiltà finanzjarja; billi l-FinTech tirrikjedi attitudni aktar ibbilanċjata bejn "ir-regolamentazzjoni tal-istituzzjoni" u "r-regolamentazzjoni tal-attività"; billi l-interazzjoni kumplessa bejn il-FinTech u r-regolamentazzjoni attwali tista' twassal għal assimetriji, peress li l-kumpaniji u l-fornituri ta' servizzi huma rregolati b'mod differenti anki meta jwettqu sostanzjalment l-istess attivitajiet u peress li xi attivitajiet mhumiex koperti sew mid-definizzjoni u/jew il-kamp ta' applikazzjoni fir-regolamentazzjoni attwali; billi l-qafas attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri għas-servizzi finanzjarji ma jindirizzax l-innovazzjonijiet kollha tal-FinTech b'mod adegwat;

Q.  billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) bdew jidentifikaw ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġiji finanzjarji innovattivi; billi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qed jissorveljaw dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u ħarġu b'approċċi differenti; billi sal-lum, l-iżvilupp ta' ekosistema tal-FinTech fl-Ewropa kien imxekkel minn regolamentazzjoni diverġenti bejn Stati Membri differenti u minn nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn is-swieq; iqis li azzjoni deċiżiva tal-UE bl-għan li jitrawwem approċċ komuni għall-FinTech hija importanti fl-iżvilupp ta' ekosistema b'saħħitha tal-FinTech fl-Ewropa;

R.  billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju fis-sistema finanzjarja b'deċentralizzazzjoni u b'dekonċentrazzjoni tar-riskji, b'ikklirjar u b'saldu aktar veloċi tal-pagamenti fi flus u ta' negozji ta' titoli, u mmaniġġjar tal-kollateral aħjar u ottimizzazzjoni tal-kapital;

S.  billi huwa mistenni li l-FinTech ikollha wħud mill-aktar impatti sinifikanti tagħha fuq il-katina tal-valur ta' wara n-negozjar, li tinkludi servizzi bħall-ikklirjar, is-saldu, il-kustodja tal-assi u r-rapportar regolatorju, meta teknoloġiji bħad-DLT jista' jkollhom il-potenzjal li jsawru mill-ġdid is-settur sħiħ; billi, fi ħdan din il-katina tal-valur, ċerti intermedjarji bħal kustodji, kontropartijiet ċentrali (CCPs) u depożitorji ċentrali tat-titoli jistgħu, fit-tul, isiru obsoleti filwaqt li xi funzjonijiet oħrajn se jibqa' jkollhom jitwettqu minn entitajiet regolati u indipendenti;

T.  billi r-RegTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli għall-istituzzjonijiet u s-superviżuri finanzjarji billi tippermetti li teknoloġiji ġodda jintużaw biex jiġu indirizzati rekwiżiti regolatorji u ta' konformità b'mod aktar trasparenti u effiċjenti u f'ħin reali;

U.  billi l-InsurTech tirreferi għal assisgurazzjoni magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju permezz tal-konsulenza awtomatizzata, il-valutazzjoni tar-riskju u l-Big Data, iżda anke permezz tal-assigurazzjoni kontra riskji ġodda bħall-attakki ċibernetiċi;

V.  billi jinħtieġ b'mod urġenti aċċess akbar għall-finanzjament għall-kumpaniji li jaħdmu fuq prodotti u servizzi tal-FinTech, u għas-sħab kummerċjali innovattivi li jfornuhom bil-materjal teknoloġiku meħtieġ sabiex jipprovdu dawn il-prodotti u s-servizzi, biex tingħata spinta lill-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa, b'mod partikolari biex in-negozji ġodda jespandu; billi, f'dan il-kuntest, id-disponibbiltà tal-kapital ta' investiment bħala sors ta' finanzjament u l-preżenza ta' settur tat-teknoloġija b'saħħtu huma fatturi ewlenin għat-trawwim ta' ekosistema tal-FinTech dinamika fl-Ewropa;

W.  billi l-attakki ċibernetiċi huma theddida li qed tikber għall-infrastruttura diġitali kollha, u għaldaqstant anke għall-infrastruttura finanzjarja; billi s-settur finanzjarju huwa tliet darbiet aktar espost għar-riskju ta' attakki minn kwalunkwe settur ieħor; billi s-sikurezza, l-affidabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi tiegħu huma prerekwiżiti għall-garanzija tal-fiduċja pubblika fis-settur; billi l-konsumaturi bl-imnut huma wkoll vulnerabbli ħafna għal attakki simili jew għal serq ta' identità;

X.  billi t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu huwa parti integrali tas-servizzi tal-FinTech; billi l-Internet tal-Oġġetti (IoT) huwa speċjalment vulnerabbli għaċ-ċiberattakki u, għalhekk, jirrappreżenta sfida partikolari għaċ-ċibersigurtà; billi sistema konnessa hija sikura biss daqs kemm ikun sikur l-aktar element dgħajjef tagħha;

Y.  billi, hekk kif il-FinTech tiżviluppa, il-konsumaturi u l-investituri jridu jkunu kapaċi jkomplu jiddependu fuq standards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri, tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet għall-privatezza u tar-responsabbiltà legali min-naħa tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji;

Z.  billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-FinTech, huwa importanti li jinħolqu qafas regolatorju koerenti u favorevoli u ambjent kompetittiv li jistgħu jippermettu lill-FinTech tiżviluppa u tagħmel użu minn diversi għodod innovattivi għal kriptaġġ sikur u identifikazzjoni u awtentikazzjoni online b'interfaċċa sempliċi;

AA.  billi l-awtomatizzazzjoni fis-settur finanzjarju, bħal f'setturi oħra, tista' tfixkel tendenzi eżistenti ta' impjieg; billi t-titjib u l-iżvilupp tat-taħriġ u tat-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet se jkollhom bżonn jitqiegħdu fil-qalba ta' kull strateġija Ewropea għall-FinTech;

AB.  billi, minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din timponi sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust;

Definizzjoni ta' qafas tal-UE għall-FinTech

1.  Jilqa' l-iżviluppi l-ġodda fil-qasam tal-FinTech, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech komprensiv fil-qafas tal-istrateġiji tagħha tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u tas-Suq Uniku Diġitali (DSM), li jista' jikkontribwixxi b'mod ġenerali għall-kisba ta' sistema finanzjarja Ewropea effiċjenti u kompetittiva, aktar profonda u aktar integrata u stabbli u sostenibbli, jipprovdi benefiċċji fit-tul għall-ekonomija reali u jindirizza l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u taċ-ċertezza regolatorja;

2.  Jilqa' l-ħolqien riċenti tat-Task Force tal-FinTech, li għandu r-rwol li jivvaluta l-innovazzjoni f'dan il-qasam u, fl-istess ħin, jiżviluppa strateġiji biex jintlaħqu l-isfidi potenzjali kkawżati mill-FinTech, kif ukoll it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-FinTech mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament fil-ħidma tat-Task Force tal-FinTech; iqis dawn l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni bħala pass fundamentali lejn l-iżvilupp mill-Kummissjoni ta' strateġija komprensiva għall-FinTech u għat-tnaqqis tal-inċertezza regolatorja għall-FinTech;

3.  Iqis li l-FinTech tista' tgħin sabiex l-inizjattivi tas-CMU jiksbu suċċess, pereżempju billi jiġu diversifikati l-opzjonijiet ta' finanzjament fl-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta l-benefiċċji tal-FinTech fit-tmexxija 'l quddiem tas-CMU;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta approċċ proporzjonat, transettorjali u olistiku għall-ħidma tagħha fuq il-FinTech, billi tislet tagħlimiet minn dak li jsir f'ġurisdizzjonijiet oħra u tadatta għad-diversità tal-atturi u l-mudelli ta' negozju li jsir użu minnhom; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi bħala l-ewwel innovatur fejn ikun neċessarju sabiex toħloq ambjent aktar favorevoli għall-hubs u d-ditti tal-FinTech Ewropej biex jespandu;

5.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għandha tiġi riveduti meta jkun neċessarju u għandha tkun favorevoli biżżejjed għall-innovazzjoni, b'tali mod li jkunu jistgħu jinkisbu u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi; jirrakkomanda b'mod partikolari li, skont "il-Prinċipju ta' Innovazzjoni", l-effetti potenzjali tal-leġiżlazzjoni dwar l-innovazzjoni jiġu vvalutati kif xieraq bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, sabiex dawn l-iżviluppi jipprovdu bis-sħiħ "benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti";

6.  Jenfasizza li, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju fl-Istati Membri kollha u l-istatuses legali, il-leġiżlazzjoni u s-superviżjoni fil-qasam tal-FinTech għandhom ikunu bbażati fuq dawn il-prinċipji li ġejjin:

   (a) L-istess servizzi u l-istess riskji: għandhom japplikaw l-istess regoli, irrispettivament mit-tip ta' entità legali kkonċernata jew il-post tagħha fl-Unjoni;
   (b) Newtralità teknoloġika;
   (c) Approċċ ibbażat fuq ir-riskju, b'kunsiderazzjoni tal-proporzjonalità tal-azzjonijiet leġiżlattivi u superviżorji għar-riskji u l-materjalità tar-riskji;

7.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet kompetenti jippermettu u jħeġġu sperimentazzjoni kkontrollata b'teknoloġiji ġodda, kemm għal parteċipanti ġodda kif ukoll għal parteċipanti fis-suq eżistenti; jinnota li tali ambjent ikkontrollat għal sperimentazzjoni jista' jieħu l-forma ta' regulatory sandbox għas-servizzi tal-FinTech b'benefiċċji potenzjali għas-soċjetà, li jgħaqqad flimkien firxa wiesgħa ta' parteċipanti fis-suq u li diġà kiseb suċċess f'diversi Stati Membri; jissottolinja li impenn proattiv u progressiv mill-awtoritajiet, fi djalogu mal-parteċipanti fis-suq u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha l-oħra, huwa neċessarju u jista' jgħin lis-superviżuri u lir-regolaturi biex jiżviluppaw għarfien espert teknoloġiku; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw l-iżvilupp ta' għodod għall-ittestjar tal-istress finanzjarji u/jew operazzjonali għall-applikazzjonijiet tal-FinTech fejn jistgħu jikkawżaw riskji sistemiċi, li jkun komplimentari għall-ħidma tal-BERS;

8.  Jenfasizza li xi banek ċentrali diġà qed jesperimentaw b'munita diġitali tal-bank ċentrali (CBDC) kif ukoll b'teknoloġiji ġodda oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti fl-Ewropa jivvalutaw l-impatt tar-riskji u l-benefiċċji potenzjali ta' verżjoni bbażata fuq reġistru distribwit ta' CBDC u r-rekwiżiti relatati neċessarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u t-trasparenza; iħeġġiġhom jesperimentaw ukoll, sabiex iżommu l-pass mal-iżviluppi fis-suq;

9.  Jenfasizza l-importanza li r-regolaturi u s-superviżuri jiżviluppaw biżżejjed għarfien espert tekniku biex jiskrutinizzaw b'mod adegwat is-servizzi tal-FinTech dejjem aktar kumplessi; jissottolinja li, permezz ta' dan l-iskrutinju fuq bażi kontinwa, ir-regolaturi se ikunu jistgħu jsibu u jantiċipaw riskji speċifiċi ta' teknoloġiji differenti u jieħdu passi immedjatament u b'aġenda ċara meta dan isir meħtieġ;

10.  Jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' punt uniku ta' servizz għall-fornituri u l-utenti tas-servizzi Fintech fi ħdan l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitkissru dekompartimentalizzazzjonijiet superviżorji bejn is-setturi, u jirrakkomanda kooperazzjoni mill-qrib mis-superviżuri tas-settur finanzjarju ma' korpi nazzjonali u Ewropej rilevanti oħra li jkollhom l-għarfien espert teknoloġiku meħtieġ;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikoraġġixxu u jappoġġjaw aktar proġetti ta' riċerka relatati mal-FinTech;

12.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa; jitlob aċċess iffaċilitat għal finanzjament għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji innovattivi u għall-intrapriżi innovattivi li jfornuhom bil-materjal meħtieġ sabiex jipprovdu dawn is-servizzi;

13.  Jenfasizza li l-kumpaniji tal-FinTech jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-iżvilupp ta' intermedjazzjoni finanzjarja, iżda joħolqu wkoll xi riskji ġodda relatati mal-istabbiltà finanzjarja; jinnota li l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jirċievu ammont kbir ta' informazzjoni permezz tal-karti bilanċjali ta' istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti b'rabta mal-implimentazzjoni ta' ħafna oqfsa regolatorji bħar-rekwiżiti kapitali, il-proporzjon ta' ingranaġġ, il-proporzjon ta' likwidità u oħrajn, filwaqt li, fil-każ ta' entitajiet mhux bankarji li jisilfu bħall-finanzjament kollettiv u Bejn il-Pari (P2P), huwa diffiċli li tinkiseb biżżejjed informazzjoni mill-karti bilanċjali tagħhom dwar l-attivitajiet li jwettqu bħala intermedjarji finanzjarji; għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jikkunsidraw kif jistgħu jiksbu l-informazzjoni superviżorja xierqa għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u, fejn hemm bżonn, sabiex jimponu restrizzjonijiet regolatorji fuq il-karti bilanċjali tagħhom sabiex jiksbu u jżommu l-istabbiltà finanzjarja;

14.  Jenfasizza li r-RegTech għandha l-potenzjal li ttejjeb il-proċessi ta' konformità, b'mod partikolari l-kwalità u l-puntwalità tal-informazzjoni superviżorja, billi tagħmilhom anqas ikkumplikati u aktar kosteffiċjenti; jistieden lill-awtoritajiet jiċċaraw il-kundizzjonijiet legali li taħthom hija permessa l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' konformità minn entità taħt superviżjoni lil partijiet terzi, waqt li jiżguraw li l-arranġamenti superviżorji xierqa fuq il-partijiet terzi jkunu fis-seħħ u li r-responsabbiltà legali għal konformità tibqa' f'idejn l-entità taħt superviżjoni; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti, b'mod partikolari l-Kummissjoni bħala parti mill-ħidma tagħha relatata mal-Forum Ewropew ta' Wara n-Negozjar, biex jadottaw approċċ proattiv biex jippruvaw jifhmu l-ostakli biex jintużaw soluzzjonijiet ġodda tal-FinTech u tar-RegTech fl-oqsma tal-proċessi ta' qabel u wara n-negozjar li huma koperti mid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID), ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), u r-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) u, fejn ma jeżisti l-ebda ostaklu, li jiċċaraw id-dritt ta' atturi li jużaw soluzzjonijiet bħal dawn bl-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dawk il-biċċiet ta' leġiżlazzjoni;

15.  Jinnota li servizzi finanzjarji innovattivi għandhom ikunu disponibbli fl-UE kollha u għalhekk m'għandhomx jiġu mxekkla għalxejn mill-provvista transfruntiera fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jissorveljaw u jevitaw trikkib tar-regolamentazzjoni, ostakli ġodda għad-dħul fis-suq u ostakli nazzjonali għal dawk is-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni l-ostakli bejn l-Istati Membri minħabba l-inkonsistenzi bejn ir-reġimi nazzjonali u tippromwovi l-aħjar prattiki fl-approċċi regolatorji tal-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-ASE biex, meta jkun applikabbli, japplikaw reġimi ta' passaportar għal fornituri ta' servizzi finanzjarji ġodda offruti fl-Unjoni kollha; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fl-indirizzar ta' kif l-UE tista' tgħin sabiex ittejjeb l-għażla, it-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej, u jenfasizza li jenħtieġ li dan l-għan ikun komplimentari għall-objettiv ta' tisħiħ tal-effiċjenza tas-sistema finanzjarja;

16.  Jilqa' l-fatt li madwar l-UE feġġ sett vibranti ta' komunitajiet tal-FinTech; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet relatati ta' governanza ekonomika tal-UE sabiex jaħdmu mill-qrib mal-hubs tal-FinTech, iżidu l-intraprenditorija intelliġenti ta' dawn il-komunitajiet u tal-impenji tagħhom, billi jħeġġu u jiffinanzjaw l-innovazzjoni u jilqgħuhom bħala sors ta' vantaġġ kompetittiv futur tal-UE fis-settur finanzjarju;

17.  Jinnota li n-negozji ġodda tal-FinTech huma partikolarment vulnerabbli għal entitajiet li jabbużaw mill-privattivi, li huma entitajiet li jixtru l-privattivi bl-intenzjoni li jħaddmuhom kontra negozji li diġà jkunu qed jużaw id-drittijiet tat-teknoloġija permezz ta' theddidiet ta' kawżi għal ksur tal-privattivi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza din is-sitwazzjoni u tissuġġerixxi miżuri għall-ġlieda kontra dawk li jabbużaw mill-privattivi fil-qasam tal-FinTech;

18.  Jenfasizza r-rwol potenzjali tal-FinTech għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, u b'hekk jikkontribwixxi għal żieda fl-effiċjenza tagħhom, pereżempju fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni tal-frodi fiskali;

19.  Jenfasizza li minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din tirrappreżenta sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-adegwatezza tal-qafas regolatorju għall-kompetizzjoni għall-indirizzar tal-isfidi tal-ekonomija diġitali b'mod ġenerali u tal-FinTech b'mod partikolari;

20.  Jenfasizza li hemm skop għal titjib ulterjuri fil-mezzi li jistgħu jintużaw għall-pagamenti transfruntieri; jappoġġja l-iżvilupp ta' tali mezzi ta' pagamenti fl-Ewropa, u jiddispjaċih dwar il-livell għoli ta' frammentazzjoni tas-suq bankarju online fl-UE u n-nuqqas ta' skema madwar l-UE kollha, ta' karti tal-kreditu jew tad-debitu bi sjieda Ewropea; jemmen li dan huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-CMU, u huwa parti kruċjali tas-Suq Uniku Diġitali, li jrawwem il-kummerċ elettroniku Ewropew u l-kompetizzjoni transfruntiera fis-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-passi li jmiss lejn il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' tali sistema; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tali sistema tikkoeżisti u, meta jkun xieraq, tkun interoperattiva ma' soluzzjonijiet ta' pagamenti innovattivi oħra fl-interessi tal-kompetizzjoni;

21.  Jenfasizza li l-konsumaturi huma l-ixprun li wassal għaż-żieda tal-FinTech; jissottolinja li l-għan ta' kwalunkwe tibdil leġiżlattiv futur jenħtieġ li jkun li jappoġġja lill-konsumaturi f'din it-trasformazzjoni;

Data

22.  Ifakkar li l-ġbir u l-analiżi tad-data għandhom rwol ċentrali għall-FinTech, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta' applikazzjoni konsistenti u teknoloġikament newtrali tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-data, inklużi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), id-Direttiva Riveduta dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSD2), ir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi ta' awtentikazzjoni (eIDAS), ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD4) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS); jenfasizza li, sabiex tingħata spinta lill-finanzjament innovattiv fl-Ewropa, jenħtieġ fluss liberu ta' data fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bl-għan li tiżgura li jintużaw elementi ta' data oġġettivi u rilevanti biss fil-kuntest tal-forniment ta' servizzi finanzjarji; jilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "l-ekonomija tad-data" (COM(2017)0009), li għandha tipprovdi evidenza u tistabbilixxi jekk jeżistux jew le ostakli għall-flus liberu tad-data fl-Unjoni kollha;

23.  Jenfasizza l-bżonn ta' regoli ċari dwar is-sjieda, l-aċċess u t-trasferiment tad-data; jixħet dawl fuq il-fatt li ammonti dejjem ikbar ta' data qed jiġu ġġenerati minn magni jew minn proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħat-tagħlim tal-magni; jenfasizza li l-GDPR jipprovdi qafas legali ċar dwar id-data personali iżda li hemm bżonn ta' aktar ċertezza tad-dritt rigward kategoriji oħrajn ta' data; f'dan ir-rigward, jemmen li għandha ssir distinzjoni ċara bejn data mhux ipproċessata u data li tirriżulta minn ipproċessar ulterjuri;

24.  Jenfasizza li l-ibbankjar miftuħ u l-kondiviżjoni tad-data jikkontribwixxu għall-iżgurar li l-mudelli ta' negozju FinTech kollha jistgħu jevolvu flimkien, għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-kisbiet riċenti tal-PSD2 dwar bidu ta' pagamenti u aċċess għal data dwar kontijiet;

25.  Jixħet dawl fuq il-fatt li l-benefiċċji li jista' jkollu l-cloud computing għall-konsumaturi u għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji, f'termini tal-kosteffiċjenza, tal-inqas żmien għat-tqegħid fis-suq u ta' użu aħjar tar-riżorsi tal-ICT; jinnota li m'hemmx regoli jew linji gwida Ewropej ċari u komprensivi għall-esternalizzazzjoni tad-data għall-cloud fir-rigward tas-settur finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' tali linji gwida u għal approċċ komuni għall-użu ta' cloud computing f'awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs); jenfasizza li regoli jew linji gwida bħal dawn huma neċessarji sabiex iwasslu aġilità u veloċità għall-adozzjoni tal-cloud; jissottolinja li standards għoljin ta' sigurtà tad-data u ta' protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ikunu parti minn dawn il-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jistudjaw il-possibbiltajiet differenti f'dan ir-rigward, bħal kuntratti approvati minn qabel bejn il-fornituri ta' servizzi tal-cloud u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

26.  Josserva n-neċessità ta' ħolqien ta' aktar għarfien fost il-konsumaturi rigward il-valur tad-data personali tagħhom; jinnota li l-konsumaturi jistgħu jidħlu f'kuntratti biex jikkondividu kontenut diġitali bi skambju ta' pagament ta' tariffa; jissottolinja li dan jista' jwassal għal benefiċċji ekonomiċi iżda jista' jintuża b'mod diskriminatorju wkoll; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà ta' strateġija Ewropea għall-kondiviżjoni tad-data bl-għan li jkollha l-objettiv li tqiegħed lill-konsumaturi fil-kontroll tad-data tagħhom; jemmen li approċċ ċar iffokat fuq il-konsumaturi se jżid il-fiduċja fis-servizzi bbażati fuq il-cloud u jistimola servizzi innovattivi ġodda offruti minn atturi diversi fil-katina tal-valur finanzjarju, eż. bl-użu ta' interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) jew bl-iffaċilitar ta' aċċess dirett għad-data għal servizzi tal-pagamenti elettroniċi; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-potenzjal futur tas-Sistemi ta' Informazzjoni Personali Maniġerjali (PIMS) bħala għodod tekniċi sabiex il-konsumaturi jimmaniġġjaw id-data personali tagħhom;

27.  Ifakkar, fil-kuntest taż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR li jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb spjegazzjoni ta' deċiżjoni meħuda bl-ipproċessar awtomatizzat u li jikkontesta din id-deċiżjoni(4); jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li data żbaljata tkun tista' tinbidel u li tintuża biss data rilevanti u li tista' tiġi verifikata. jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha isaħħu l-isforzi bl-għan li jiggarantixxu l-infurzar ta' dawn id-drittijiet; huwa tal-fehma li l-kunsens mogħti għall-użu ta' data personali jrid ikun dinamiku u li suġġetti tad-data jridu jkunu jistgħu jbiddlu u jadattaw il-kunsens tagħhom;

28.  Jinnota li ż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji tista' twassal għal benefiċċji għall-konsumaturi, bħall-iżvilupp ta' offerti aktar imfassla apposta, issegmentati u orħos ibbażati fuq allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskju u l-kapital; jinnota, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-ipprezzar dinamiku u l-potenzjal tiegħu li jwassal għall-effett oppost, li jista' jkun ta' ħsara għall-komparabbiltà tal-offerti u l-kompetizzjoni effettiva u għar-raggruppament u l-mutwalizzazzjoni tar-riskji, pereżemju fis-settur tal-assigurazzjoni;

29.  Jirrikonoxxi l-kombinament li qed jiżdied ta' data u algoritmi personali sabiex jiġu pprovduti servizzi bħar-robo-advice; jenfasizza l-potenzjal ta' effiċjenza tar-robo-advice u l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-inklużività finanzjarja; jenfasizza li, potenzjalment, żbalji jew preġudizzji fl-algoritmi jew fid-data sottostanti jistgħu jikkawżaw riskju sistemiku u dannu lill-konsumaturi, pereżempju permezz ta' esklużjoni li qed tiżdied; jitlob lill-Kummissjoni u lill-ASE jimmonitorjaw dawn ir-riskji sabiex jiġi żgurat li l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja tkun tista' toħloq realment konsulenza aħjar, trasparenti, aċċessibbli u kosteffiċjenti, u biex jindirizzaw iż-żieda fid-diffikultà tal-ittraċċar ta' responsabbiltà għal danni kkawżati minn dawn ir-riskji fil-qafas ta' responsabbiltà legali attwali għall-użu tad-data; jissottolinja li għar-robo-advice għandhom japplikaw l-istess dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħall-konsulenza wiċċ imb wiċċ;

Is-sigurtà ċibernetika u r-riskji tal-ICT

30.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sigurtà minn punt għall-ieħor fil-katina tal-valur kollha tas-servizzi finanzjarji; jirrimarka dwar ir-riskji kbar u diversi mill-attakki ċibernetiċi kontra l-infrastruttura tas-swieq finanzjarji, l-Internet tal-Oġġetti, il-muniti u d-data tagħna; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel iċ-ċibersigurtà l-ewwel prijorità fil-Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech, u jistieden lill-ASE u lill-BĊE fir-rwol tas-superviżjoni bankarja tiegħu sabiex jagħmluha element ewlieni tal-programmi regolatorji u superviżorji tagħhom;

31.  Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jirrieżaminaw regolarment l-istandards operattivi li jkopru r-riskji tal-ICT tal-istituzzjonijiet finanzjarji; jitlob, barra minn hekk, minħabba l-livelli differenti ta' protezzjoni fl-istrateġiji taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri, li jitfasslu linji gwida tal-ASE dwar is-superviżjoni ta' dawn ir-riskji; jenfasizza l-importanza tal-għarfien espert teknoloġiku fl-ASE biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom; iħeġġeġ aktar riċerka f'dan il-qasam;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn is-superviżuri, kif ukoll ir-regolaturi u l-gvernijiet fil-livelli rispettivi tagħhom, bejn ir-riċerkaturi u l-parteċipanti fis-suq u bejn il-parteċipanti fis-suq innifshom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parteċipanti fis-suq u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex jesploraw il-potenzjal tat-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bħala għodod kontra ċ-ċiberattakki; jissuġġerixxi li jiġu esplorati l-benefiċċji potenzjali ta' punt uniku ta' kuntatt għall-parteċipanti fis-suq f'dan ir-rigward kif ukoll li jiġi kkunsidrat approċċ aktar koordinat fl-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fid-dawl tal-karattru dejjem aktar transfruntier tagħhom;

33.  Jissottolinja li r-regolament dwar il-forniment tal-infrastruttura tas-servizzi finanzjarji jrid jipprevedi strutturi xierqa ta' inċentivi għall-fornituri sabiex jinvestu b'mod adegwat fiċ-ċibersigurtà;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni f'waqtha tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS); jilqa' s-sħubija pubblika-privata ġdida dwar iċ-ċibersigurtà mnedija reċentement mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-industrija; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sensiela ta' inizjattivi ġodda u konkreti biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-intrapriżi FinTech f'dan is-settur, b'mod speċjali tal-SMEs u tan-negozji ġodda, kontra l-attakki ċibernetiċi;

35.  Jinnota li l-fiduċja pubblika fit-teknoloġiji kkonċernati hija vitali għat-tkabbir futur tal-FinTech, u jindika l-ħtieġa ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni aħjar dwar l-impatt pożittiv tal-FinTech fuq l-attivitajiet ta' kuljum, iżda wkoll rigward ir-riskji għas-sikurezza tan-netwerk u l-informazzjoni għaċ-ċittadini u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;

36.  Jilqa' l-isforzi kontinwi fil-qasam tal-istandardizzazzjoni li jagħmlu t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu aktar sikur; madankollu, jissottolinja li s-sikurezza trid tiġi offruta lil hinn minn livell minimu ta' standardizzazzjoni, speċjalment għaliex il-prekawzjonijiet standardizzati uniformi għas-sigurtà jżidu r-riskju ta' ksur mifrux tas-sigurtà minħabba effett domino possibbli; iħeġġeġ bil-qawwa lill-kumpaniji jiżviluppaw risponsi proprji eteroġeni għas-sigurtà tal-apparati u tal-operazzjonijiet tagħhom;

Blockchains

37.  Jissottolinja l-potenzjal tal-applikazzjonijiet blockchain għat-trasferiment tal-flus u tat-titoli, kif ukoll għall-faċilitazzjoni ta' "kuntratti intelliġenti" li jiftħu firxa wiesgħa ta' possibbiltajiet għaż-żewġ naħat tal-kuntratti finanzjarji, b'mod partikolari l-arranġamenti ta' finanzjament tal-kummerċ u self kummerċjali, li għandhom il-possibbiltà li jissimplifikaw relazzjonijiet kuntrattwali kummerċjali u finanzjarji kumplessi fuq livelli minn negozju għal negozju (B2B) u min-negozju għall-konsumatur (B2C); jenfasizza li pjattaformi blockchain huma wkoll adatti għas-simplifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kumplessi B2B u B2C;

38.  Ifakkar fil-benefiċċji u r-riskji ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi; jistieden lill-Kummissjoni torganizza darba fis-sena konferenza għad-diversi partijiet ikkonċernati dwar dan is-suġġett; huwa preokkupat biż-żieda fl-użu ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi għal attivitajiet kriminali, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dawn is-sitwazzjonijiet, inkluż ir-rwol f'dan il-proċess, u tindirizzahom f'rapport;

Interoperabbiltà

39.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' APIs, bħala komplement għal għodod oħra li jistgħu jintużaw mill-konsumatur fl-għoti ta' aċċess lil atturi ġodda għall-infrastruttura finanzjarja; jirrakkomanda l-ħolqien ta' sett ta' APIs standardizzati li jistgħu jintużaw mill-fornituri, pereżempju fil-qasam tal-ibbankjar miftuħ, b'mod parallel mal-possibbiltà li t-tali fornituri jfasslu s-softwer tagħhom stess;

40.  Iqis li l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-FinTech, fi ħdan l-Ewropa u permezz tal-impenn ma' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi u ma' setturi ekonomiċi oħra, hija kundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp futur tas-settur tal-FinTech Ewropew u l-materjalizzazzjoni sħiħa tal-opportunitajiet li tista' tiġġenera; iħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-formati tad-data fejn ikun possibbli, bħal fil-każ tal-PSD2 għall-iffaċilitar ta' din;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-ħidma tal-Istati Membri u l-parteċipanti fis-suq biex tiżgura l-interoperabbiltà bejn l-iskemi nazzjonali differenti ta' identifikazzjoni elettronika; jenfasizza li l-użu ta' dawn l-iskemi għandu jkunu miftuħ għas-settur privat; Jemmen li mezzi ta' identifikazzjoni remota li mhumiex stabbiliti fir-regolament eIDAS għandhom ikunu aċċettabbli wkoll, dment li jkunu ta' livell ta' sigurtà ekwivalenti għal-livell ta' garanzija sostanzjali tal-eIDAS, u li, b'hekk, ikunu kemm sikuri kif ukoll interoperabbli;

42.  Jenfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà ta' soluzzjonijiet ta' pagamenti tradizzjonali u ġodda sabiex jinkiseb suq tal-pagamenti Ewropew integrat u innovattiv;

43.  Jitlob lill-ASE jidentifikaw f'liema każijiet l-awtentikazzjoni mmirata jew ibbażata fuq ir-riskju tista' tkun alternattiva għal awtentikazzjoni b'saħħitha; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tinvestiga jekk il-proċessi ta' awtentikazzjoni b'saħħitha jistgħux jiġu eżegwiti wkoll minn entitajiet oħrajn apparti l-banek;

44.  Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jiżviluppaw standards u liċenzji teknoloġikament newtrali għal tekniki ta' "kun af il-klijent tiegħek" u ta' identifikazzjoni remota, pereżempju abbażi ta' kriterji bijometriċi, li jirrispettaw il-privatezza tal-utenti;

L-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika, fit-tfassil tal-pjan ta' azzjoni tal-FinTech, lill-ħtiġijiet tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut u r-riskji li jistgħu jkunu vulnerabbli għalihom, fid-dawl tal-espansjoni li dejjem qed tiżdied tal-FinTech fis-servizzi għall-klijenti mhux professjonali, pereżempju fil-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari; jenfasizza li l-istess standards tal-protezzjoni tal-konsumaturi għas-servizzi tal-FinTech japplikaw ukoll għal servizzi finanzjarji oħra, irrispettivament mill-kanal ta' distribuzzjoni jew il-post tal-konsumatur;

46.  Jistieden lill-ASE ikomplu u jaċċeleraw il-ħidma li għaddejja tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-analiżi tal-benefiċċji u r-riskji potenzjali tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u tal-inklużjoni finanzjarja;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kemm il-FinTech tista' tgħin sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b'konsulenza finanzjarja ta' kwalità aħjar u jekk il-qafas regolatorju frammentat tal-UE li jittratta l-konsulenza huwiex biżżejjed sabiex jakkomodahom;

48.  Jikkunsidra li għad hemm inċertezza regolatorja konsiderevoli dwar l-InsurTech, u jenfasizza li din teħtieġ li tiġi indirizzata sabiex jiġu żgurati sigurtà, privatezza, kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja; jenfasizza li ċertezza tad-dritt aħjar se tgħin sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ta' kumpaniji tal-InsurTech li mhumiex irregolati sew ma jisfawx vittma ta' telf jew ta' bejgħ skorrett u se tgħin kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi jużaw aħjar is-soluzzjonijiet tal-InsurTech;

49.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-istabbiltà finanzjarja tissaħħaħ matul l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tal-FinTech; iħeġġeġ l-eżaminazzjoni ta' teknoloġija b'sors miftuħ u evalwata bejn il-pari bħala mezz għall-kisba ta' dan l-għan; jistieden lill-ASE jissieħbu mal-atturi mis-settur privat fl-iżvilupp u fl-evalwazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li għandhom il-potenzjal li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u jżidu l-protezzjoni tal-konsumatur, pereżempju billi jimmitigaw il-preġudizzju jew billi jżidu l-għarfien fost il-konsumaturi dwar it-theddidiet ċibernetiċi;

50.  Jinnota li d-diversità u l-kompetizzjoni fost il-parteċipanti fis-suq huma fatturi kritiċi li jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja; jistieden lir-regolaturi u lis-superviżuri jissorveljaw l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fi ħdan is-segmenti rilevanti kollha tas-settur finanzjarju, u jfasslu u jużaw għodod għall-prevenzjoni jew għar-rimedju ta' mġiba antikompetittiva jew ta' tfixkil tal-kompetizzjoni;

Edukazzjoni finanzjarja u ħiliet tal-IT

51.  Jenfasizza li kemm il-kompetenza finanzjarja kif ukoll il-kompetenza diġitali huma fatturi kruċjali għall-użu effiċjenti tal-FinTech u għal livelli aktar baxxi ta' riskju fl-ambjent tal-FinTech;

52.  Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja xierqa tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut hija neċessarja sabiex il-FinTech issir għodda reali għall-inklużjoni finanzjarja u sabiex tippermetti lil dawk il-konsumaturi u l-investituri li dejjem qed ikunu aktar esposti għal prodotti u servizzi ta' investiment finanzjarju personalizzati immedjatament aċċessibbli li jieħdu deċiżjonijiet finanjarji tajbin b'mod awtonomu dwar dawk l-offerti u li jifhmu r-riskji kollha li ġejjin mill-użu ta' dawn it-teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jżidu l-appoġġ tagħhom għall-inizjattivi li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja; jenfasizza li t-taħriġ vokazzjonali u l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u tal-investituri għandhom ikunu faċilment aċċessibbli;

53.  Ifakkar fil-previżjoni tal-Kummissjoni li sal-2020 l-Ewropa jista' jkun li tkun qed taffaċċja nuqqas ta' 825 000 professjonist fil-qasam tal-ICT; jemmen li hemm bżonn ta' aktar speċjalisti tal-informatika, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jħejju għat-tibdil fis-suq tax-xogħol li jista' jseħħ ferm aktar malajr minn dak li nistennew illum;

54.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali fi ħdan is-settur finanzjarju, fi ħdan il-korpi regolatorji u fi ħdan is-soċjetà kollha kemm hi, inkluż it-taħriġ vokazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-aħjar prattiki fil-kuntest tal-Koalizzjoni tagħha għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0228.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0358.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0434.
(4) Ara l-premessa 71 tal-GDPR.

Avviż legali