Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2656(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0295/2017

Testi mressqa :

B8-0295/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/05/2017 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0216

Testi adottati
PDF 281kWORD 54k
L-Erbgħa, 17 ta' Mejju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Ungerija
P8_TA(2017)0216B8-0295/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2017/2656(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 12, 13, 14, 16, 18 u 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-kawżi Szabó u Vissy v l-Ungerija, Karácsony et v l-Ungerija, Magyar Keresztény Mennonita Egyház et v l-Ungerija, Baka v l-Ungerija, u Ilias u Ahmed v l-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati numerużi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, li huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titlu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru(1) u tal-10 ta' Ġunju 2015(2) dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija(3), tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti fl-Ungerija(4) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja(5),

–  wara li kkunsidra s-smigħ li sar fis-27 ta' Frar 2017 mill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tas-26 ta' April 2017dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Att CLXVIII tal-2007 dwar il-promulgazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, adottat mill-Assemblea Nazzjonali Ungeriża fis-17 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2162 (2017) tas-27 ta' April 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titlu "Alarming developments in Hungary: draft NGO law restricting civil society and possible closure of the European Central University" (Żviluppi allarmanti fl-Ungerija: abbozz ta' liġi dwar l-NGOs li tirrestrinġi s-soċjeta ċivili u l-għeluq possibbli tal-Università tal-Ewropa Ċentrali),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 2017 dwar il-liġi l-ġdida tal-Ungerija li tippermetti d-detenzjoni awtomatika ta' persuni li jfittxu l-asil, u l-ittra tiegħu lill-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija tas-27 ta' April 2017 b'appell għal rifjut tal-liġi dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija rigward l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, kif ukoll proċeduri ta' ksur pendenti u futuri kontra l-Ungerija,

–  wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni Nazzjonali Ungeriża "Inwaqqfu lil Brussell",

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju Avramopoulos fl-Ungerija fit-28 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern lill-Viċi President Timmermans li titlob opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-att li jemenda ċerti atti relatati mat-tisħiħ tal-proċedura mwettqa fiż-żona tal-fruntiera mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil, ukoll fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'dan l-att,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri (l-Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mid-dritt primarju tal-UE li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni ta' natura politika jew ta' kwalunkwe tip ieħor, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi l-Ungerija ilha Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004, u billi, skont stħarriġiet tal-opinjoni, maġġoranza kbira ta' ċittadini Ungeriżi huma favur is-sħubija tal-pajjiż fl-UE;

D.  billi l-Karta tipprovdi li l-arti u r-riċerka xjentifika għandhom ikunu mingħajr xkiel u li l-libertà akkademika għandha tiġi rrispettata; billi tiggarantixxi wkoll il-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti tal-edukazzjoni bir-rispett debitu għall-prinċipji demokratiċi;

E.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta, u billi soċjetà ċivili vibranti għandha rwol essenzjali biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku kif ukoll ir-responsabbiltà tal-gvernijiet rigward l-obbligi legali tagħhom, inklużi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

F.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit bir-rispett debitu għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 rigward l-istatus tar-rifuġjati, u f'konformità mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

G.  billi 91,54 % tal-applikazzjonijiet għall-asil li saru fl-2016 ma ntlaqgħux; billi, mill-2015 'l hawn, liġijiet u proċeduri ġodda fl-Ungerija fil-qasam tal-asil ġiegħlu lill-persuni kollha li jfittxu l-asil jidħlu fl-Ungerija minn żona ta' transitu fit-territorju Ungeriż li tippermetti aċċess lil għadd limitat ta' persuni kuljum, eż. lil 10 persuni bħalissa; billi l-NGOs irrappurtaw darba wara l-oħra li l-migranti fuq il-fruntieri tal-Ungerija qed jiġu mġiegħla sommarjament imorru lura fis-Serbja, f'xi każijiet bi trattament krudili u vjolenti, mingħajr ma jiġu kkunsidrati t-talbiet tagħhom għall-protezzjoni; billi l-Gvern Ungeriż naqas milli jissodifa l-obbligi tiegħu rigward ir-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil skont id-dritt tal-UE;

H.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjara li "minħabba bidliet radikali li saru fil-liġi u fil-prattika rigward l-asil f'dawn l-aħħar xhur ġewwa l-Ungerija, il-persuni li jfittxu l-asil li jiġu rritornati fih jinsabu f'riskju konsiderevoli li jġarrbu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem" bi rbit mal-osservazzjonijiet bil-miktub li ssottometta fis-17 ta' Diċembru 2016 lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward żewġ ilmenti kontra l-Awstrija dwar it-trasferiment ta' applikanti mill-Awstrija għall-Ungerija taħt ir-Regolament Dublin III;

I.  billi 11-il rifuġjat, magħrufa bħala "l-11 ta' Röszke", li kienu preżenti fis-16 ta' Settembru 2016, l-għada ta' meta l-Ungerija għalqet il-fruntiera tagħha mas-Serbja, ġew akkużati li wettqu att ta' terrur u ngħataw sentenza ta' ħabs, fosthom Ahmed H., Sirjan residenti f'Ċipru li ngħata kundanna ta' 10 snin ħabs fi proċess inġust f'Novembru 2016, biss fuq il-bażi li uża megafon biex itaffi t-tensjonijiet u li waddab tliet oġġetti lejn il-pulizija tal-fruntiera;

J.  billi mindu adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015, tqajmu preokkupazzjonijiet dwar għadd ta' kwistjonijiet, jiġifieri l-użu ta' fondi pubbliċi, attakki kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta' persuni li jfittxu l-asil, is-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja u l-għeluq tal-gazzetta Népszabadság, tad-drittijiet tar-Rom, inkluż l-iżgumbrament tar-Rom f'Miskolc u s-segregazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni, id-drittijiet ta' persuni LGBTI, id-drittijiet tan-nisa, is-sistema ġudizzjarja, inkluża l-possibbiltà li ġudikant jagħti sentenza ta' għomor il-ħabs mingħajr libertà kundizzjonata, l-iżgumbrament furzat tal-NGOs Ungeriżi l-Parlament tar-Rom u l-Organizzazzjoni Indipendenti taż-Żingari Phralipe mill-kwartieri ġenerali tagħhom, u r-riskju tli jingħalqu l-Arkivji Lukács;

K.  billi l-kontenut u l-lingwaġġ tal-konsultazzjoni nazzjonali "Inwaqqfu lil Brussell" – konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu u l-kampanji ta' reklamar mill-gvern li marru magħha – huma qarrieqa u ppreġudikati bil-kbir;

L.  billi, fil-kawża Szabó u Vissy v l-Ungerija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar is-sorveljanza sigrieta kontra t-terroriżmu li ddaħħlet fl-2011 kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tal-korrispondenza; billi fil-kawża Ilias u Ahmed v l-Ungerija, il-Qorti sabet li kien seħħ ksur tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, tad-dritt għal rimedju effettiv rigward il-kundizzjonijiet fiż-żona ta' transitu ta' Röszke u tad-dritt għal protezzjoni minn trattament inuman u degradanti fir-rigward tal-espulsjoni tal-applikanti lejn is-Serbja; billi fil-kawża Baka v l-Ungerija, il-Qorti ddeċidiet li l-Ungerija kienet kisret id-dritt għal proċess ġust u l-liberta ta' espressjoni ta' András Baka, l-eks President tal-Qorti Suprema tal-Ungerija;

M.  billi l-aktar żviluppi reċenti fl-Ungerija, jiġifieri l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil, l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, li jikkostitwixxi theddida diretta għall-Università tal-Ewropa Ċentrali u li qajjem diżapprovazzjoni kbira fost il-pubbliku, u l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza ta' Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/1467 tal-Parlament Ungeriż) taw lok għal preokkupazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.  Ifakkar li l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE jridu jiġu rrispettati mill-Istati Membri kollha tal-UE;

2.  Jiddispjaċih li l-iżviluppi fl-Ungerija wasslu għal deterjorament serju tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali f'dawn l-aħħar snin, fost oħrajn il-libertà ta' espressjoni, il-libertà akkademika, id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, restrizzjonijiet u ostruzzjonijiet għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dritt għal trattament ugwali, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom, il-Lhud u l-persuni LGBTI, id-drittijiet soċjali, il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali, l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra, kif ukoll bosta allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interess, li, meqjusa lkoll flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jemmen li l-Ungerija tikkostitwixxi prova għall-UE, li jeħtiġilha turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddidiet u għall-vjolazzjonijiet tal-valuri bażiċi tagħha stess min-naħa ta' Stat Membru; jinnota bi tħassib li żviluppi f'xi Stati Membri oħra juru sinjali inkwetanti ta' mminar simili tal-istat tad-dritt bħal fl-Ungerija;

3.  Jistieden lill-Gvern Ungeriż jidħol fi djalogu mal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-edukazzjoni u r-riċerka akkademika, is-segregazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni, u l-protezzjoni tan-nisa tqal fix-xogħol; itenni li ż-żewġ naħat għandhom jimpenjaw ruħhom f'tali djalogu b'mod imparzjali, kooperattiv u msejjes fuq l-evidenza; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bil-valutazzjonijiet tagħha;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar dikjarazzjonijiet u inizjattivi mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kontinwazzjoni tal-kampanja ta' konsultazzjoni "Inwaqqfu lil Brussell" u l-miżuri investigattivi li għandhom fil-mira impjegati barranin tal-Università Ewropea Ċentrali, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-partit fil-gvern li jopponu kwalunkwe bidla leġiżlattiva li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali; jiddispjaċih li dawn is-sinjali ma jurux impenn ċar mill-awtoritajiet Ungeriżi biex jiżguraw bis-sħiħ li l-azzjonijiet tagħhom ikunu konformi mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-użu ta' fondi tal-UE mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari fl-oqsma tal-asil u l-migrazzjoni, tal-komunikazzjoni pubblika, tal-edukazzjoni, tal-inklużjoni soċjali u tal-iżvilupp ekonomiku, sabiex tiżgura li kwalunkwe proġett kofinanzjat ikun konformi bis-sħiħ mad-dritt tal-UE, sew dak primarju u sew dak sekondarju;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Ungerija, fil-frattemp, jirrevoka l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil kif ukoll l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, u jirtira l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/14967 tal-Parlament Ungeriż);

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż biex minnufih jissospendi l-iskadenzi kollha fl-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, biex jibda djalogu immedjat mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti b'tali mod li jiggarantixxi l-operazzjonijiet futuri tal-Università Ċentrali Ewropea li toħroġ lawrji akkreditati fl-Istati Uniti, u biex jagħmel impenn pubbliku sabiex l-università tista' tibqa' f'Budapest bħala istituzzjoni libera;

8.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talba tal-Parlament li tattiva l-qafas tal-UE għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, hekk kif saret fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, bil-għan li tipprevjeni, permezz ta' djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, li theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt tkompli titqawwa; huwa tal-fehma li l-approċċ kurrenti tal-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq aspetti marġinali u tekniċi tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jinjora x-xejriet, il-mudelli u l-effett ikkombinat tal-miżuri fuq l-istat tad-dritt u fuq id-drittijiet fundamentali; jemmen li l-proċeduri ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal bidliet reali u milli jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod usa';

9.  Jemmen li s-sitwazzjoni kurrenti fl-Ungerija tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u tiġġustifika t-tnedija tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, għalhekk, biex jagħti bidu għall-proċeduri u jfassal rapport speċifiku bil-ħsieb li ssir votazzjoni plenarja fuq proposta motivata li titlob lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, skont l-Atikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

11.  Itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' monitoraġġ u ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwardja l-valuri fundamentali tal-UE ta' demokrazija, drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif dan tal-aħħar ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6) (il-Patt DRF), u wkoll sabiex jevita l-istandards doppji;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0461.
(2) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 46.
(3) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 52.
(4) ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 27.
(5) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

Avviż legali