Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2702(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0384/2017

Testi mressqa :

B8-0384/2017

Dibattiti :

PV 31/05/2017 - 18
CRE 31/05/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2017 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0239

Testi adottati
PDF 257kWORD 49k
Il-Ħamis, 1 ta' Ġunju 2017 - Brussell
Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (Riżoluzzjoni)
P8_TA(2017)0239B8-0384/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (2017/2702(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018–2022 (14423/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0528/2016),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0177/2017), imressqa skont l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017 (10449/2012 – C7-0169/2012 – 2011/0431(APP))(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2017 dwar Qafas Multiannwali għall-2018-2022 għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex tiggarantixxi d-drittijiet proklamati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022, ippreżentat lill-Parlament għall-approvazzjoni, jinkludi tmien oqsma tematiċi: il-vittmi ta' kriminalità u l-aċċess għall-ġustizzja; l-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew abbażi tan-nazzjonalità; is-soċjetà tal-informazzjoni u, b'mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali; il-kooperazzjoni ġudizzjarja, ħlief fi kwistjonijiet kriminali; il-migrazzjoni, il-fruntieri, l-asil u l-integrazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti; ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata; id-drittijiet tat-tfal; u l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-Rom b'enfasi fuq l-anti-Żingariżmu;

C.  billi l-inklużjoni tal-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-Qafas Pluriennali ma tirriflettix biss il-bżonnijiet fuq il-post, iżda tippermetti wkoll lill-Aġenzija biex tipprovdi analiżi komprensiva fuq inizjattiva proprja f'oqsma li huma rilevanti b'mod ovvju għad-drittijiet fundamentali, speċjalment fid-dawl ta' żviluppi leġiżlattivi riċenti u li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE f'dan il-qasam;

D.  billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali saru parti mil-liġi tal-Unjoni u għaldaqstant huma koperti mill-ambitu tal-kompiti tal-Aġenzija, bħall-oqsma kollha li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007;

E.  billi, anki jekk il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ma humiex inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali, l-Aġenzija se tkun tista' tkompli twettaq il-kompiti tagħha f'dawn l-oqsma fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007;

F.  billi l-istabbiliment tal-Qafas Pluriennali tal-Aġenzija għall-2018-2022 huwa meħtieġ sabiex tkun żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet tagħha u billi n-nuqqas ta' Qafas Pluriennali ġdid stabbilit sal-bidu tal-2018 ser ifisser li l-Aġenzija tista' taħdem biss jekk ikun hemm talba speċifika minn istituzzjoni u mhux fuq inizjattiva tagħha stess;

1.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' qbil fil-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni tal-oqsma tematiċi proposti tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-Qafas Pluriennali l-ġdid;

2.  Itenni l-importanza tal-ħidma tal-Aġenzija u r-rwol ewlieni tagħha fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali madwar l-UE;

3.  Iqis li wieħed mill-aspetti fundamentali tal-ħidma tal-Aġenzija huwa li tkompli tipprovdi appoġġ relatat mar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, u b'hekk tesiġi li l-attivitajiet tal-Aġenzija ma jġarrbux interruzzjoni;

4.  Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u jinsisti fuq il-ħtieġa li jitjiebu l-proċeduri ta' ħidma għall-governanza u l-funzjonament tal-Aġenzija u biex jiġi ċċarat li l-kompetenzi tal-Aġenzija jinkludu wkoll kwistjonijiet ta' "dak li kien it-tielet pilastru" tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali;

5.  Jieħu nota tal-opinjonijiet diverġenti tal-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tat-twaqqif tal-Aġenzija, u jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jilħqu ftehim mill-aktar fis possibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, wara l-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija fl-2017, tippreżenta proposta għal emendi għar-Regolament (KE) Nru 168/2007 li hija tqis neċessarji sabiex itejbu l-proċeduri għall-governanza u l-funzjonament tal-Aġenzija u biex tallinja r-Regolament mat-Trattat ta' Lisbona, kif previst fl-Artikolu 31(2) ta' dak ir-Regolament;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

(1) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 262.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0485.

Avviż legali - Politika tal-privatezza