Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2271(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0183/2017

Testi mressqa :

A8-0183/2017

Dibattiti :

PV 31/05/2017 - 20
CRE 31/05/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2017 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0240

Testi adottati
PDF 427kWORD 65k
Il-Ħamis, 1 ta' Ġunju 2017 - Brussell Verżjoni finali
Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
P8_TA(2017)0240A8-0183/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea (2016/2271(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 173 (Titolu XVII) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrigwarda l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 11 u 16 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Quantum technologies" (SWD(2016)0107),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Advancing the Internet of Things in Europe" (SWD(2016)0110),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġital"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 bit-titolu" Politika Industrijali għall-Era Globalizzata"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni – Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali" (COM(2010)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni" (COM(2010)0546),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2007 bit-titolu "Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu – Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet" (COM(2007)0374),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100) u l-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li ġejjin,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-11 ta' Settembru 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627),

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-26 ta' Marzu 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (COM(2013)0147),

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-7 ta' Frar 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin" (COM(2010)0608),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (COM(2017)0009),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "Il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija"(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 bit-titolu "Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti(11),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2016, bit-titolu "L-industrija 4.0 u t-trasformazzjoni diġitali: It-triq 'il quddiem",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0183/2017),

A.  billi għandhom jiġu segwiti sforzi enerġetiċi b'politiki, azzjonijiet u inċentivi konkreti biex tiġi industrijalizzata mill-ġdid l-UE u l-Istati Membri tagħha, bl-għan li jingħaqqdu l-kompetittività u s-sostenibbiltà, il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità u l-inklużività; ifakkar fil-mira tal-UE li 20 % tal-PDG tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq l-industrija sal-2020, li trid neċessarjament tqis it-trasformazzjoni strutturali tas-settur industrijali li tirriżulta mit-tfixkil diġitali u l-emerġenza ta' mudelli ta' negozju ġodda;

B.  billi l-industrija Ewropea tirrappreżenta l-bażi tal-ekonomija u l-ġid Ewropej, u qed tiffaċċja sfidi kbar li jirriżultaw minn proċess mgħaġġel ta' globalizzazzjoni u xejriet ta' innovazzjoni;

C.  billi d-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali tgħin fiż-żieda tar-reżiljenza, l-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi, is-sostenibbiltà tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna, u b'hekk tittrasforma l-mudelli ta' negozju, il-manifattura, il-prodotti, il-proċessi u l-ħolqien tal-valur u jkollha impatt fundamentali fuq il-bilanċ bejn l-opportunitajiet u l-isfidi għall-industriji u l-ħaddiema Ewropej;

D.  billi l-Ewropa, fid-dawl tal-wirt industrijali tagħha, in-netwerk ta' setturi industrijali u ktajjen ta' valur tagħha, is-setgħat innovattivi tagħha, l-investiment pubbliku strateġiku fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), id-disponibbiltà tal-investiment privat, l-amministrazzjoni effiċjenti, il-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u l-integrazzjoni tagħha tal-iżvilupp industrijali mal-isfidi soċjetali, u l-fatt li għandha aktar minn 30 inizjattiva nazzjonali u reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, għandha bażi soda li permezz tagħha tista' ssir mexxej fit-trasformazzjoni diġitali; billi hemm opportunità li tissaħħaħ l-industrija tal-UE jekk jirnexxielna nibnu katini tal-valur integrati bis-sħiħ għal prodotti industrijali u pakketti ta' prodotti u servizzi msaħħa diġitalment;

E.  billi l-5G se jittrasforma b'mod fundamentali l-ekonomiji tagħna, billi jqiegħed id-diġitalizzazzjoni fiċ-ċentru tal-iżvilupp industrijali u tas-servizzi soċjali;

F.  billi sabiex strateġija industrijali Ewropea tirnexxi, huwa essenzjali li jinħoloq suq uniku diġitali li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi b'mod li jkun soċjalment responsabbli;

G.  billi strateġija teknoloġikament newtrali mfassla tajjeb għad-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali, li qed torbot dejjem aktar lill-persuni, lill-magni kif ukoll lis-servizzi bejn il-fruntieri fi ħdan il-katina ta' valur dinjija kollha kemm hi, hija pass importanti għaż-żieda tar-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-ekonomija tagħna u għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

H.  billi d-diġitalizzazzjoni għandha tuża l-potenzjal li żżid l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-enerġija u l-kapital, u b'hekk tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari aktar integrata, intensità materjali aktar baxxa u simbjożi industrijali akbar;

I.  billi d-diġitalizzazzjoni tista' tagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu għall-benefiċċju tal-vjaġġaturi u l-mobilità tagħhom, billi tippermetti, fost l-oħrajn, aċċess faċli għal informazzjoni f'ħin reali u għal varjetà wiesgħa ta' servizzi;

J.  billi t-teknoloġiji tal-lingwi żviluppati sew jistgħu jgħinu lill-industrija tegħleb l-ostakli tal-lingwi li huma ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali;

K.  billi d-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet ġodda fis-settur tat-trasport għal manifatturi, operaturi, investituri, ħaddiema u passiġġieri, u hija prekundizzjoni sabiex l-industrija tat-trasport tibqa' kemm kompetittiva kif ukoll operazzjonali u żżid l-effiċjenza tagħha, u biex is-servizzi tat-trasport isiru aktar sostenibbli u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom;

L.  billi d-diġitalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri, sikurezza akbar tal-prodott, u individwalizzazzjoni u deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni;

M.  billi teżisti disparità kbira bejn is-sessi fir-rigward tal-impjieg u t-taħriġ fis-settur tal-ICT, b'implikazzjonijiet negattivi qawwija għall-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol;

N.  billi d-diġitalizzazzjoni u l-individwalizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni se jwasslu għal tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u se jkollhom firxa ta' effetti soċjali; billi kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u deċenti u standards għoljin ta' sikurezza tal-prodotti jridu jibqgħu interess komuni;

O.  billi hemm bosta studji li jenfasizzaw li d-diġitalizzazzjoni fil-manifattura industrijali se ġġib magħha tibdil fid-domanda tas-suq tax-xogħol u fl-impjiegi fl-Ewropa; billi dan jista' jkollu impatt fuq ir-regoli eżistenti li jirregolaw id-drittijiet u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema; billi huwa ċar li hemm bżonn li dan it-tibdil jiġi indirizzat billi l-ħaddiema jiġu mħarrġa fil-ħiliet ġodda tal-ICT u billi jiżdiedu l-ħiliet diġitali tas-soċjetà kollha;

L-iżvilupp ta' Strateġija ta' Diġitalizzazzjoni Industrijali integrata (SDI) għall-UE

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;

2.  Jemmen bil-qawwa li SDI hija ta' importanza kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi ekonomiċi u soċjetali l-aktar urġenti tal-Ewropa, billi:

   (a) issaħħaħ id-dinamika ekonomika, il-koeżjoni soċjali u territorjali u r-reżiljenza fil-konfront tat-trasformazzjonijiet u t-tfixkil teknoloġiċi, permezz tal-modernizzazzjoni u l-interkonnessjoni tal-industriji u tal-katini tal-valur ekonomiku tal-Ewropa, u permezz ta' żieda fl-investimenti pubbliċi u privati fl-ekonomija reali u billi tagħti opportunitajiet ta' investiment fil-kuntest tal-modernizzazzjoni sostenibbli;
   (b) trawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ta' opportunitajiet ta' rilokalizzazzjoni, ittejjeb l-istandards tax-xogħol u l-attraenza tal-impjiegi fis-settur industrijali, tikkontribwixxi għall-għoti ta' aktar opportunitajiet u informazzjoni lill-konsumaturi, issegwi trasformazzjoni li tkun soċjalment ġusta u suq tax-xogħol aktar inklużiv b'mudelli ta' impjiegi u skemi tal-ħin tax-xogħol aktar diversi, u kundizzjonijiet u integrazzjoni aħjar tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja;
   (c) tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u tnaqqas l-intensità materjali tal-industrija tal-manifattura permezz ta' ekonomija ċirkolari Ewropea msaħħa, filwaqt li tfakkar li dan huwa kritiku għal kundizzjonijiet materjali ta' settur tat-teknoloġija avvanzata Ewropej, kif ukoll il-produzzjoni industrijali diġitizzati u l-prodotti tagħha;
   (d) issaħħaħ il-koeżjoni Ewropea permezz ta' politika Ewropea ta' investiment affidabbli u ambizzjuża (billi tagħti attenzjoni partikolari lit-tnedija ta' infrastruttura diġitali tal-ogħla livell) bl-użu ta' strumenti ta' finanzjament Ewropej differenti, fosthom il-FEIS, il-fondi reġjonali, l-Orizzont 2020 u oħrajn, kif ukoll tiżgura politika Ewropea industrijali koordinata u teknoloġikament newtrali bbażata fuq kompetizzjoni ġusta bejn atturi differenti, innovazzjoni u modernizzazzjoni sostenibbli, u innovazzjoni teknoloġika, soċjali u tal-mudell ta' negozju li ssaħħaħ is-suq uniku diġitali u l-integrazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-industrija Ewropea kollha;
   (e) tappoġġja l-għanijiet tal-politika dwar il-klima tal-Ewropa billi żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi kif ukoll ċ-ċirkolarità tal-produzzjoni industrijali, tnaqqas l-emissjonijiet, u tagħmel is-sostenibbiltà tal-industrija kompatibbli mal-kompetittività;
   (f) issaħħaħ l-innovazzjoni ekonomika, politika u soċjali permezz tal-prinċipji tal-ftuħ u l-aċċessibbiltà tad-data u tal-informazzjoni pubblika u privata, filwaqt li dejjem tipproteġi d-data sensittiva fl-iskambji bejn in-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi u tippermetti integrazzjoni aħjar ta' setturi ekonomiċi ta' kull tip u kwalunkwe qasam politiku, inklużi l-industriji kreattivi u kulturali;
   (g) ittejjeb l-għajxien taċ-ċittadini f'żoni urbani u mhux urbani u l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità tagħhom li jieħdu vantaġġ minnhom;
   (h) tistimula l-innovazzjoni teknoloġika u soċjali fir-riċerka tal-UE permezz ta' politika dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali b'fokus u viżjoni ċari;
   (i) ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u tnaqqas l-konsum tal-enerġija permezz ta' produzzjoni industrijali diġitalizzata, aktar flessibbli u effiċjenti li ser tippermetti ġestjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija;
   (j) tissieħeb ma' makroreġjuni oħra fid-dinja fl-iżvilupp ta' swieq diġitali miftuħa, innovattivi u ġusti;
   (k) tkun konxja tal-bżonn ta' politika fiskali Ewropea aktar ġusta u aktar effikaċi, filwaqt li tikkjarifika mistoqsijiet bħal bażi tat-taxxa f'era ta' swieq diġitali globalment konnessi u produzzjoni diġitalizzata;
   (l) tattira l-investimenti, ir-riċerkaturi u l-esperti ewlenin fid-dinja, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività Ewropea;
   (m) tappoġġja mudelli ta' negozju ġodda u negozji ġodda innovattivi xprunati mid-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku;

3.  Jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent ta' negozju kompetittiv li jiffaċilita l-investiment privat, qafas regolatorju li jippermetti li jiġu evitati ostakli burokratiċi, akkumulazzjoni ta' infrastruttura diġitali Ewropej tal-ogħla livell, u struttura tal-UE ta' koordinazzjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija li tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' inizjattivi nazzjonali, reġjonali, u fil-livell tal-Unjoni pjattaformi dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kisba tal-mira ta' 20 % għas-sehem tal-industrija tal-PDG sal-2020; jenfasizza li, sabiex l-UE titħalla teżerċita tmexxija industrijali dinjija, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija teħtieġ li tkun marbuta ma' strateġija industrijali tal-UE usa'; jissottolinja l-importanza li tiġi avvanzata d-diġitalizzazzjoni, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi li għadhom lura u fost dawk il-persuni li huma milquta mid-distakk diġitali; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta għal Roundtable ta' livell għoli u l-Forum Ewropew tal-Partijiet Ikkonċernati; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti, u jistenna li, minbarra l-mexxejja tal-industrija u s-sħab soċjali, l-akkademja, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni, dawk li jfasslu l-politika, l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali u s-soċjetà ċivili, ser jiġu wkoll mistiedna biex ikollhom rwol attiv;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma importanti tagħha li teżamina x-xejriet tal-manifattura u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll ix-xejriet f'dixxiplini mhux tekniċi (bħal, pereżempju, il-liġi, il-politika, l-amministrazzjoni, il-komunikazzjonijiet, eċċ), tanalizza l-iżvilupp pertinenti f'reġjuni oħra, tidentifika teknoloġiji ewlenin ġodda, u tistinka biex tiżgura li tinżamm it-tmexxija Ewropea f'dawn l-oqsma u li xejriet ġodda jiġu integrati fil-politiki u fl-azzjonijiet b'kunsiderazzjoni tal-kunċetti ta' sigurtà fid-disinn u l-privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku, u teżamina jekk dan ix-xogħol jistax isir permezz ta' netwerk ta' tbassir industrijali speċifiku, inklużi organizzazzjonijiet nazzjonali ta' riċerka u teknoloġija (RTOs);

5.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180), iżda jiddispjaċih li, billi l-enfasi tagħha fuq is-settur tat-trasport huwa limitat għal sewqan konness u awtomatizzat, hija ma tindirizzax biżżejjed l-isfidi kollha eżistenti; ifakkar li, għalkemm il-vetturi konnessi u awtomatizzati jirrappreżentaw waħda mill-aktar trasformazzjonijiet diġitali eċċitanti tal-ġejjieni fis-settur, hemm potenzjal għad-diġitalizzazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, kemm fil-proċessi operazzjonali u amministrattivi, u tul il-katina tal-valur mill-manifatturi sal-passiġġieri u l-merkanzija, kif ukoll għal koordinazzjoni mat-teknoloġiji l-ġodda kollha użati f'dan is-settur, bħal pereżempju sistemi ta' navigazzjoni globali bis-satellita Ewropea (EGNOS u Galileo), li r-riżultati tagħhom jistgħu jkunu mistennija fil-futur viċin; jitlob lill-Kummissjoni tiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi servizzi relatati mat-trasport u t-turiżmu;

6.  Jirrimarka li l-proċess ta' diġitalizzazzjoni ma kienx ta' benefiċċju b'mod uniformi fis-settur tat-trasport kollu, u li dan ħoloq frammentazzjoni detrimentali fi ħdan is-suq intern kemm bejn mezzi differenti ta' trasport kif ukoll fi ħdan l-istess mezz; jissottolinja li hemm differenzi sinifikanti u dejjem akbar bejn l-Istati Membri fil-kompetittività u d-diġitalizzazzjoni tat-trasport, riflessi wkoll bejn ir-reġjuni, il-kumpaniji u l-SMEs; jemmen li l-iżvilupp ta' SDI koordinata għall-UE jista' jgħin biex jingħelbu tali frammentazzjoni u inugwaljanzi u jiġi attirat l-investiment fi proġetti diġitali; jenfasizza li l-objettiv m'għandux ikun sempliċement dokument tal-politika ieħor iżda strateġija reali li tirrifletti x-xejriet u l-potenzjal tas-suq, li l-implimentazzjoni tagħha tiġi evalwata kontinwament;

7.  Iqis li SDI se tikkontribwixxi biex jissolvew xi wħud mill-aktar sfidi urġenti fis-setturi tat-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tappoġġja d-diġitalizzazzjoni sabiex:

   (a) ittejjeb il-livell globali ta' sikurezza u kwalità u prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport;
   (b) ittejjeb l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għal kulħadd, inklużi l-anzjani u l-persuni b'mobilità mnaqqsa jew b'diżabilità, u tiżviluppa l-għarfien ta' soluzzjonijiet ta' mobilità alternattivi li jipprovdu lill-passiġġieri aktar għażla, prodotti aktar faċli għall-utent u personalizzati u aktar informazzjoni, madwar l-UE kif ukoll f'żoni urbani u f'reġjuni anqas żviluppati;
   (c) tnaqqas l-ispejjeż tat-trasport, bħall-ispejjeż ta' manutenzjoni, u ttejjeb l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport (eż. platooning, sistemi ta' trasport intelliġenti u kooperattivi (C-ITS), is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u s-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS));
   (d) ittejjeb il-kompetittività billi trawwem il-ħolqien ta' atturi ġodda, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex tikkontesta l-monopolju eżistenti;
   (e) tiffaċilita l-infurzar xieraq u armonizzat tal-leġiżlazzjoni tal-UE, permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku, sistemi ta' trasport intelliġenti, takografi diġitali, sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq, eċċ, u toħloq oqfsa regolatorji adattati għal sitwazzjonijiet reali li għad jistgħu jinħolqu bl-applikazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati;
   (f) tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għal operaturi ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tat-trasport u negozji ġodda, bħal pereżempju fis-settur tat-trasport u l-loġistika, billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi, tipprovdi l-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u tottimizza l-iskedi u l-flussi tat-traffiku;
   (g) tkompli tissalvagwardja d-drittijiet tal-passiġġieri, inkluża l-protezzjoni tad-data, anke fi vjaġġi multimodali;
   (h) tnaqqas il-problemi relatati ma' informazzjoni assimetrika fis-suq tat-trasport;
   (i) trawwem l-attraenza u l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu, li jippermetti li jiġi ġġenerat madwar 10 % tal-PDG Ewropew, u tal-industriji kreattivi f'żoni urbani, rurali u ultraperiferiċi, pereżempju permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-mobilità u servizzi turistiċi, anke lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa;

8.  Jirrimarka li konnettività mingħajr waqfien u bi prestazzjoni għolja hija prekundizzjoni għal konnessjonijiet veloċi, sikuri u affidabbli għal kull mod ta' trasport u għal aktar diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni kbira tal-kopertura diġitali fi ħdan l-UE; iqis li investimenti fil-broadband u l-allokazzjoni ġusta tal-ispettru huma kruċjali għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni transsettorjali, pereżempju bejn l-elettronika, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu dan it-tip ta' konnettività għal rotot u ċentri ewlenin tat-trasport mhux aktar tard mill-2025 u jagħtu bidu għal kopertura sħiħa madwar l-UE kollha;

Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal diġitalizzazzjoni industrijali ta' suċċess: infrastruttura, investiment, innovazzjoni u ħiliet

9.  Jenfasizza li SDI toffri l-opportunità li jiġu avvanzati l-innovazzjoni, l-effiċjenza u t-teknoloġiji sostenibbli li jżidu l-kompetittività u jimmodernizzaw il-bażi industrijali tal-UE, kif ukoll li jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni industrijali integrata trid tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet ta' abilitazzjoni b'saħħithom li jvarjaw minn infrastruttura diġitali tal-ogħla kalibru u valida għall-futur, R&Ż u ambjent li jappoġġja l-investiment, għal qafas leġiżlattiv xieraq u aġġornat li jistimola l-innovazzjoni, suq uniku diġitali approfondit, livelli għoljin ta' ħiliet u intraprenditorija, u djalogu soċjali msaħħaħ;

10.  Jenfasizza l-bżonn li jsir avvanz fl-investiment pubbliku u privat fil-konnettività b'veloċità għolja, pereżempju permezz tal-5G, il-fibra ottika, in-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni bis-satellita, sabiex tiġi żgurata sinsla infrastrutturali diġitali robusta fiż-żoni urbani u industrijali; jenfasizza l-importanza ta' armonizzazzjoni fl-allokazzjoni tal-ispettru, maħsuba biex iżżid id-domanda għall-konnettività u ssaħħaħ il-prevedibbiltà tal-ambjent tal-investiment fin-netwerk; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita tmexxija fil-katini tal-valur industrijali diġitali u fit-teknoloġiji ewlenin, bħall-5G, it-teknoloġiji tal-kwantum, l-informatika ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, l-analitika tal-big data, l-Internet tal-Oġġetti (IoT), ir-robotika u l-awtomatizzazzjoni (inkluż is-Sewqan Awtomatizzat Ħafna) u d-Distributed Ledger Technology; f'dan ir-rigward, jappoġġja d-dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni tagħha;

11.  Jirrikonoxxi l-opportunitajiet u l-isfidi relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija; jinnota l-effetti pożittivi li għandha d-diġitalizzazzjoni tal-industrija billi żżid l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli li jistgħu joħolqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tiddiversifika l-għażliet permezz tat-telexogħol mobbli, u tippermetti lil persuni minn żoni rurali u iżolati jidħlu fis-suq tax-xogħol (sakemm ikunu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa), biex b'hekk trawwem it-tkabbir ekonomiku; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li x-xejra mmexxija mid-diġitalizzazzjoni lejn flessibbiltà akbar tista' tkabbar il-periklu ta' impjieg instabbli u prekarju; jenfasizza li forom ġodda ta' xogħol ma jridux jintużaw biex dak li jkun idur mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol eżistenti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumatur; jirrimarka li l-industriji u l-intrapriżi tradizzjonali fl-ekonomija tal-pjattaformi jrid ikollhom kundizzjonijiet indaqs;

12.  Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' ekonomiji kollaborattivi u on-demand, tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għat-tibdil tal-imġiba tal-passiġġieri u l-konsumaturi rigward il-mobilità u t-turiżmu, kif ukoll għall-ħtieġa għal adattament tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport, il-mobilità u t-turiżmu, b'enfasi partikolari fuq l-imġiba u l-għażliet tal-utenti ta' dawn is-servizzi, u tillibera aktar il-potenzjal ta' din l-bidla fis-soċjetà;

13.  Jinnota li d-diġitalizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber fid-distribuzzjoni ta' biljetti tal-ivvjaġġar tfisser li aktar informazzjoni hija faċilment disponibbli għall-konsumaturi fuq l-internet, iżda dejjem b'mod li jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel l-offerti; jikkunsidra għaldaqstant li huwa neċessarju li jissaħħu s-salvagwardji tat-trasparenza u n-newtralità fid-distribuzzjoni, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni permezz tal-internet, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, ibbażati fuq informazzjoni affidabbli rigward mhux biss il-prezz iżda parametri oħra wkoll, inklużi l-kwalità tas-servizz u offerti anċillari; jemmen li tali trasparenza ser tippromwovi l-kompetizzjoni kif ukoll se tappoġġja l-iżvilupp tat-trasport multimodali;

14.  Jemmen li d-diġitalizzazzjoni għandha tipprovdi lill-konsumaturi aktar għażla, prodotti aktar favorevoli għall-utenti u personalizzati u aktar informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-kwalità tal-prodotti jew is-servizzi;

15.  Jindika li l-impatt tal-ostakli tal-lingwi fuq l-industrija u d-diġitalizzazzjoni tagħha ma ġiex meqjus b'mod adegwat jew evalwat f'dokumenti dwar is-suq diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwi li, flimkien mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, inaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq Ewropew;

16.   Jenfasizza li appoġġ speċjali għal multilingwiżmu "analogu" fl-Ewropa huwa ta' benefiċċju kemm f'termini ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea kif ukoll ta' tagħlim ta' ħiliet diġitali komprensivi; jenfasizza, għalhekk, li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-riċerka bażika dwar softwer ta' traduzzjoni u ta' tagħlim statistiku, intelliġenti u permezz tal-magni;

17.  Jissottolinja li jeħtieġ li r-reġjuni jiffukaw fuq il-punti ta' saħħa produttivi tagħhom u jrawmu l-iżvilupp tagħhom permezz ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, Katini Intelliġenti u raggruppamenti; Jemmen li r-raggruppamenti u s-sinerġiji bejn l-SMEs, l-atturi industrijali u soċjali, is-settur tal-artiġjanat, in-negozji ġodda, l-akkademja, iċ-ċentri ta' riċerka, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, is-settur tal-industrija kreattiva, il-partijiet ikkonċernati mill-qasam finanzjarju u minn oqsma oħra, jistgħu jkunu mudelli ta' suċċess fl-iżvilupp tal-manifattura u l-innovazzjoni diġitali; iħeġġeġ ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni strutturali fl-UE; jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' aċċellerazzjoni u ta' kapital ta' riskju biex jgħinu t-tkabbir tan-negozji ġodda; jinnota l-importanza li tintuża d-diġitalizzazzjoni fl-avvanz tal-innovazzjonijiet fil-qasam tal-mudell ta' negozju, bħal sistemi ta' "pay-per-output" u l-personalizzazzjoni fuq skala kbira;

18.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-problemi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs f'ċirkustanzi fejn il-qligħ relattiv minn sforzi ta' diġitalizzazzjoni, f'termini ta' enerġija, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u effiċjenza tal-produzzjoni, ikun l-ogħla; huwa favur it-tisħiħ tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-ilħuq tagħhom permezz ta' programmi ta' diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp ta' ċentri ta' xjenzi applikati b'enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni, u l-kofinanzjament għar-R&Ż interni tal-SMEs; iqis li għandha tingħata attenzjoni lis-sjieda tad-data u l-aċċess tad-data, u lill-iżvilupp ta' programm Ewropew għall-apprendistat diġitali;

19.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti għall-Modernizzazzjoni Industrijali u b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni inkluża fil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija, biex jinħoloq netwerk ta' Ċentri ta' Kompetenza (CC) u ta' Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali (DIH) biex jissaħħu d-diġitalizzazzjoni industrijali u l-innovazzjoni diġitali għall-SMEs; jinnota li s-settur tal-artiġjanat m'għandux jiġi injorat f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tmexxi 'l quddiem l-istabbiliment tad-DIH u taċ-ċentri ta' kompetenza diġitali f'reġjuni Ewropej anqas diġitalizzati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar finanzjament għal DIH permezz ta' diversi riżorsi Ewropej (l-Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali, eċċ.), biex tappoġġja l-isforzi u l-istrateġiji tal-Istati Membri mmirati lejn l-iżvilupp ta' netwerk tad-DIH nazzjonali, u biex tikkunsidra li tesperimenta b'approċċ "sandbox" fejn esperimenti transettorjali f'ambjent ikkontrollat ma jiġux imblukkati minn regolamentazzjoni permanenti; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni transnazzjonali fost id-DIH tagħhom; jemmen li d-DIH innominati għandhom jispeċjalizzaw fl-innovazzjonijiet diġitali industrijali li jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi soċjetali tal-Ewropa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-finanzjament tal-Orizzont 2020 għad-DIH jista' jiġi kkombinat ma' finanzjament minn dak il-programm għall-isfidi soċjetali; jinnota l-għażla tal-vawċers tal-innovazzjoni fl-ICT għall-SMEs rigward l-aċċess għal konsulenza, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-ħila esperta tad-DIH;

20.  Jinnota r-rwol importanti tal-bliet u tal-gvernijiet lokali fl-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda u fil-forniment ta' infrastruttura diġitali u appoġġ għall-SMEs u għal atturi industrijali oħrajn, kif ukoll l-opportunitajiet enormi li l-innovazzjoni industrijali diġitali toffri lil bliet, pereżempju permezz ta' manifattura lokali bi skart żero, integrazzjoni aktar mill-qrib bejn il-produzzjoni industrijali u l-loġistika u t-trasport lokali u urbani, fuq il-produzzjoni tal-enerġija, il-konsum, il-manifattura u l-istampar 3D; iqis li l-bliet għandhom ukoll ikunu jistgħu jaċċessaw id-DIH; jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar prattiki lokali, nazzjonali u internazzjonali u trawwem l-iskambju tagħhom; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' Indiċi Ewropew għall-Bliet Diġitali u inizjattivi li jippromwovu l-interoperabbiltà tad-data u tas-sistemi fost il-bliet Ewropej; jinnota li l-inizjattiva tal-Bliet Intelliġenti għandha rwol f'dan il-kuntest; jenfasizza l-esperjenza pożittiva ta' fora konsultattivi reġjonali;

21.  Jenfasizza r-rwol li l-akkwist pubbliku u r-rekwiżiti legali għar-reġistrazzjoni tan-negozji u r-rapportar dwar l-attività kummerċjali jew żvelar jista' jkollhom fl-avvanz ta' innovazzjonijiet diġitali industrijali ġodda; jitlob lill-Kummissjoni tqis kif l-akkwist pubbliku jista' jintuża bħala mekkaniżmu li jiġbed l-innovazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi kontroll diġitali tal-Programm REFIT tagħha, sabiex tiżgura li r-regolamenti jkunu aġġornati għall-kuntest diġitali, u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet pubbliċi dwar l-użu ta' kriterji tal-innovazzjoni fl-offerti pubbliċi; jirrakkomanda l-aċċellerazzjoni tal-adattament tal-ambjent legali u teknoloġiku, bħat-tranżizzjoni IPv6, għall-ħtiġijiet għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u għat-tnedija tal-Internet tal-Oġġetti;

22.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żblukkat biżżejjed finanzjament pubbliku u privat għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, b'użu aħjar tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); jemmen li dan irid jissaħħaħ b'mod sinifikanti u l-investimenti pubbliċi fl-infrastruttura diġitali għandhom jiżdiedu; jenfasizza ċ-ċentralità tal-finanzjament mill-pjattaformi privati u kollaborattivi, jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi Roundtable ta' Finanzjament għad-Diġitalizzazzjoni Industrijali, li ser teżamina l-kwistjoni u toħroġ bi proposti innovattivi ta' finanzjament; jiddispjaċih li r-riżorsi allokati għall-politiki diġitali fil-baġit tal-UE huma skarsi wisq biex ikollhom impatt reali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-ekonomija Ewropea tingħata spinta permezz ta' investimenti produttivi: iqis li d-disponibbiltà ta' strumenti finanzjarji Ewropej eżistenti, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Orizzont 2020 għandhom jiżguraw li dan l-objettiv jintlaħaq; jemmen li l-kombinament ta' dawn il-fondi għandu jkun koerenti mar-riżorsi nazzjonali u r-Regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istat; jirrikonoxxi r-rwol li għandhom is-sħubiji pubbliċi-privati u l-impriżi konġunti;

23.  Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jappoġġjaw diġitalizzazzjoni industrijali effiċjenti, jipprovdu inċentivi fiskali għan-negozji u għall-intrapriżi li jwettqu sistemi tal-produzzjoni diġitali u intelliġenti;

L-iżgurar tat-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija u s-sigurtà fid-diġitalizzazzjoni industrijali: fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet (M&A), ċibersigurtà, flussi tad-data, standardizzazzjoni

24.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jissaħħu r-R&D; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi ta' R&Ż interni kif ukoll esterni u trawwem netwerks ta' innovazzjoni u kooperazzjoni bejn negozji ġodda, parteċipanti korporattivi stabbiliti, SMEs, universitajiet, eċċ. f'ekosistema diġitali; jitlob lill-Kummissjoni teżamina kif jista' jiġi massimizzat it-trasferiment lejn is-suq ta' riżultati ta' riċerka tal-Orizzont 2020 u kif dawn jistgħu jiġu sfruttati minn kumpaniji Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-proporzjon tal-proġetti ta' riċerka tal-Orizzont 2020 li jiġġeneraw privattivi u IPRs u biex tirrapporta dwar dan;

25.  Jenfasizza l-importanza tas-salvagwardja tat-teknoloġiji u tal-għarfien Ewropej sensittivi li jiffurmaw il-bażi tas-saħħa industrijali tal-futur u tar-reżiljenza ekonomika; jenfasizza r-riskji potenzjali fir-rigward tal-istat strateġiku u tal-investiment dirett barrani (IDB) immexxi mill-politika industrijali, b'mod partikolari minn intrapriżi tal-istat permezz tal-M&A; jenfasizza l-fatt, rigward l-IDB, li xi investituri esterni kienu dejjem aktar interessati li jakkwistaw teknoloġiji sensittivi Ewropej permezz ta' M&A; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tanalizza l-esperjenza tas-CFIUS (Committee on Foreign Investment in the United States); jissottolinja li l-aċċess ugwali għas-suq għall-investiment għandu jkun infurzat permezz tal-istabbiliment ta' regoli globali;

26.  Jenfasizza li l-iżviluppi fir-rigward tal-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u l-applikazzjoni ta' intelliġenza artifiċjali fil-produzzjoni, kif ukoll l-integrazzjoni profonda tal-komponenti tekniċi ta' oriġini differenti qed iqajmu mistoqsijiet ġodda fir-rigward tar-responsabbiltà għall-prodotti u l-faċilitajiet tal-produzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun ir-regoli dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà għal sistemi li jaġixxu b'mod awtonomu, inklużi l-kundizzjonijiet għall-ittestjar;

27.  Jirrikonoxxi li l-aċċessibbiltà u l-konnettività għandhom ukoll effetti potenzjali fuq il-vulnerabbiltà fir-rigward tal-attakki ċibernetiċi, is-sabotaġġ, il-manipulazzjoni tad-data jew l-ispjunaġġ industrijali, u jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta' approċċ komuni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà; jirrikonoxxi l-bżonn li jiżdied l-għarfien dwar it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà; iqis li r-reżiljenza ċibernetika hija responsabbiltà kruċjali għall-mexxejja tan-negozji u għal dawk li jfasslu l-politika industrijali u dwar is-sigurtà fuq livell nazzjonali u Ewropew; jemmen li l-produtturi huma responsabbli għall-iżgurar tal-istandards tas-sikurezza u taċ-ċibersigurtà bħala parametri ewlenin ta' disinn fl-innovazzjonijiet diġitali kollha skont it-teknoloġija tal-ogħla livell disponibbli u l-prinċipji ta' "sigurtà fid-disinn" u "sigurtà awtomatika", iżda li taħt ċerti kundizzjonijiet u kriterji jista' jkun hemm devjazzjoni minn din ir-responsabbiltà tal-produttur; jinnota li r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-IoT u għall-istandards tas-sigurtà tal-IT, pereżempju fuq il-bażi tal-arkitettura ta' referenza RAMI4.0 u ICS, ikunu jsaħħu r-reżiljenza ċibernetika Ewropea; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom rwol speċjali f'dan il-kuntest u m'għandhomx jitwarrbu; jitlob lill-Kummissjoni teżamina mudelli differenti għall-avvanz taċ-ċibersigurtà għall-IoT; jitlob lill-istituzzjonijiet pubbliċi, madankollu, biex jagħmlu r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà obbligatorji għall-akkwist pubbliku fir-rigward tat-tagħmir tal-IT u tal-prodotti tal-IoT; iqis li l-kontrolli taċ-ċibersigurtà u l-pariri offruti lill-SMEs dwar il-prodotti industrijali diġitalizzati tagħhom huma ta' importanza kbira; jemmen li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri tal-UE tista' tiffaċilita r-reżiljenza ċibernetika Ewropea f'dak ir-rigward;

28.  Jemmen li għandu jkun hemm kriterji komuni għal infrastruttura kritika u s-sigurtà diġitali tagħha, u li d-Direttiva tal-UE dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS) hija l-ewwel pass lejn il-kisba ta' livell komuni għoli ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti għal traspożizzjoni konsistenti u f'waqtha tagħha mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol li għandhom il-korpi regolatorji msemmija fid-Direttiva NIS biex jistabbilixxu l-fiduċja f'teknoloġiji futuri; jinnota li mekkaniżmi ta' monitoraġġ għat-theddida ċibernetika u l-"horizon scanning" għandhom jiġu rikonoxxuti bħala importanti għas-sigurtà tal-industriji diġitali tal-UE, b'enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tal-SMEs u tal-konsumaturi;

29.  Jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lil mistoqsijiet dwar il-ġbir u l-aċċess għal data u informazzjoni industrijali jew relatati mal-produzzjoni; jissottolinja li f'dan ir-rigward għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-prinċipji tas-sovranità tad-data, tal-aċċess miftuħ u standardizzat u tad-disponibbiltà tad-data, fuq it-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-produttività, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda, l-abbiltà tal-verifika tas-sigurtà filwaqt li tkun permessa l-kompetizzjoni ġusta; jenfasizza li forom ġodda ta' regolamentazzjoni dwar s-sjieda tad-data u l-aċċess għad-data jridu jiġu indirizzati bir-reqqa u jistgħu jiġu introdotti biss wara li ssir konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jemmen li kemm l-innovazzjoni kif ukoll it-tħassib dwar il-privatezza tal-ħaddiema u l-konsumaturi għandhom jiġu protetti u salvagwardjati skont ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżvelar u l-aċċess għall-informazzjoni għall-interess pubbliku u għal finijiet xjentifiċi għandhom jiġu promossi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal ekonomija tad-data f'dan ir-rigward sabiex jiġi promoss suq tad-data Ewropew komuni; iqis li, fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar ir-reġim tad-data, għandhom jiġu ssottolinjati żewġ aspetti essenzjali bl-għan li jitrawwem l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għall-identifikazzjoni affidabbli u l-iskambju tad-data, jiġifieri, minn naħa, regoli kuntrattwali predefiniti u, min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta' verifika dwar prattiki żleali f'relazzjonijiet kuntrattwali B2B;

30.  Jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing, flimkien mal-proposta leġiżlattiva favur il-fluss liberu tad-data, li għandhom l-għan li jneħħu r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar il-lokalizzazzjoni tad-data, għandhom il-potenzjal li jinċentivaw ulterjorment il-proċess ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, b'mod speċjali l-SMEs u n-negozji ġodda u li jevitaw il-frammentazzjoni fis-suq uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-adozzjoni u l-implimentazzjoni koerenti tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing sabiex il-fluss u l-użu tad-data jkunu ġusti, rapidi, affidabbli u mingħajr xkiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn li ħadet fil-komunikazzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-fluss liberu tad-data fi ħdan l-UE, sabiex jitneħħew jew jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni mhux ġustifikati fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamentazzjoni nazzjonali;

31.  Jemmen bis-sħiħ li, speċjalment fis-settur tat-trasport, id-data miftuħa, il-"big data" u d-data analitika jibqgħu elementi essenzjali biex naħsdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali u t-trawwim tal-innovazzjoni; jiddispjaċih li l-inizjattivi li jiffaċilitaw il-fluss ta' data għadhom frammentati; jenfasizza li hija meħtieġa aktar ċertezza tad-dritt, speċjalment rigward is-sjieda u r-responsabbiltà, fuq bażi ta' rispett sħiħ tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

32.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija għall-iskop tal-irkupru ta' data settorjali u ta' governanza minn awtoritajiet pubbliċi u semipubbliċi u l-parteċipanti tas-suq;

33.  Jissottolinja r-rwol tal-integrazzjoni tal-ftuħ tal-arkitettura bħala prinċipju ta' disinn tal-komponenti diġitali;

34.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġi protett l-għarfien espert tekniku rigward l-iskambju u l-interkonnessjoni ta' komponenti industrijali diġitali, filwaqt li fl-istess ħin tiġi permessa u żviluppata aktar l-interoperabbiltà u l-konnettività minn tarf għal ieħor;

35.  Jenfasizza li t-tmexxija Ewropea fid-diġitalizzazzjoni industrijali tirrikjedi strateġija ta' standardizzazzjoni b'saħħitha, li għandha tiġi kkoordinata mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, inkluża l-interoperabbiltà fil-qasam diġitali; jenfasizza l-istruttura importanti u unika tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bl-approċċ inklużiv u bbażat fuq il-kunsens tagħhom li jintegra l-partijiet ikkonċernati soċjetali u, b'mod partikolari, l-SMEs, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards miftuħa, u jilqa' l-intenzjoni tagħha li tiggarantixxi aċċess għal privattivi standard essenzjali, u l-liċenzjar effiċjenti tagħhom, skont il-kundizzjonijiet FRAND (ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji) u jirrikonoxxi li dan huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u r-R&Ż fl-UE; jemmen li l-ekonomija ċirkolari tista' tkun xprun ewlieni għal standardizzazzjoni koerenti tal-flussi tal-komunikazzjoni tul il-katini tal-valur industrijali; jitlob li jkun hemm approċċ ikkoordinat fl-UE kollha permezz ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (CEN, CENELEC u ETSI) fir-rigward tal-fora u l-konsorzji internazzjonali; jemmen li huwa mixtieq li l-għan ikunu standards globali u universali, imma jissottolinja wkoll ir-rieda li nipproċedu bi standards Ewropej fil-każ li l-kooperazzjoni internazzjonali fil-fora tal-istandardizzazzjoni tkun miexja b'mod mhux kostruttiv; iqis li l-interoperabbiltà hija neċessarja b'mod partikolari fil-qasam tal-IOT biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jtejjeb l-opportunitajiet għall-konsumaturi, li m'għandhomx ikunu intrappolati ma' ftit fornituri speċifiċi biss;

36.  Jenfasizza li l-ostakli kummerċjali fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni jfixklu l-attività internazzjonali tal-industrija Ewropea u jagħmlu ħsara lill-kompetittività Ewropea; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali ġusti bejn l-UE u pajjiżi terzi jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għal regoli internazzjonali komuni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-flussi tad-data, l-użu tad-data u l-istandardizzazzjoni;

Id-dimensjoni soċjali: ħiliet, edukazzjoni u innovazzjoni soċjali

37.  Jemmen li għandhom jitwettqu sforzi kbar fir-rigward tal-edukazzjoni, it-tassazzjoni u s-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex l-effetti trasformattivi jiġu integrati fil-mudelli soċjali u ekonomiċi Ewropew tagħna; jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija qed ikollha impatt soċjetali kbir li jvarja minn impjiegi, kundizzjonijiet tax-xogħol, drittijiet tal-ħaddiema għall-edukazzjoni u ħiliet, saħħa elettronika, ambjent u żvilupp sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li titqies is-sigurtà fi ħdan din il-bidla; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tindirizza b'mod adegwat l-effetti soċjali tad-diġitalizzazzjoni industrijali u, kif xieraq, tipproponi aktar miżuri biex jingħalaq id-distakk diġitali u tippromwovi soċjetà diġitali inklużiva filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea;

38.  Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddefiniet il-kunċett ta' "ħaddiem" abbażi ta' relazzjoni tax-xogħol karatterizzata minn ċerti kriterji bħas-subordinazzjoni, ir-remunerazzjoni u n-natura tax-xogħol(12); jappella għal ċertezza tad-dritt dwar x'jikkostitwixxi "impjieg" fis-suq tax-xogħol diġitali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet soċjali u tax-xogħol; jistqarr li l-ħaddiema kollha fl-ekonomija tal-pjattaformi jew huma impjegati jew jaħdmu għal rashom, abbażi tal-preminenza tal-fatti, u għandhom jiġu klassifikati skont dan, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;

39.  Jenfasizza li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali f'soċjetà diġitali; jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja distakk diġitali f'dan ir-rigward; jappella għall-implimentazzjoni ta' garanzija tal-ħiliet, wara konsultazzjoni u bil-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali, u jistieden lill-Istati Membri jsibu modi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini ta' taħriġ(mill-ġdid), taħriġ professjonali u tagħlim tul il-ħajja sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn ekonomija intelliġenti; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar tal-promozzjoni u tar-rikonoxximent ta' ħiliet diġitali u x-xejra ġdida lejn "ħiliet varji miksuba"; jemmen li l-impjegaturi għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew għal dan it-taħriġ u sabiex jippromwovu sett ta' għodod diġitali għat-titjib tal-ħiliet f'kollaborazzjoni mal-industrija u s-sħab soċjali; jilqa' l-iżvilupp ta' materjal ta' tagħlim u kurrikuli speċifiċi għas-setturi; jitlob lill-KE teżamina għażliet għall-istabbiliment ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għal programmi ta' edukazzjoni kontinwa għall-ħiliet diġitali;

40.  Jissottolinja li l-ħiliet diġitali jridu jiġu integrati fil-kurrikuli edukattivi nazzjonali; jinnota li eżempji ta' inizjattivi appoġġjati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), bħax-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà u l-Isfida Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, għandhom jiġu żviluppati aktar fit-twettiq ta' dan l-għan; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ speċjalizzat għall-għalliema għall-ħiliet diġitali u li l-ħiliet diġitali għandhom jiġu mgħallma lit-tfal kollha; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-iskejjel kollha jkunu mgħammra bil-Wi-fi u b'materjal tal-IT aġġornat; jinnota li l-ikkowdjar ukoll għandu rwol importanti; jitlob skambju tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri sabiex jitgħallmu minn prattiki stabbiliti bħall-programm Fit4Coding, inizjattivi tal-akkademja diġitali, programmi ta' tagħlim elettroniku, jew skejjel tal-ikkowdjar bħal Webforce3; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni tal-ittestjar tal-ħiliet diġitali fl-istudji tal-IGCU/Pisa biex tippermetti l-kompetizzjoni u l-paragun bejn l-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ifasslu programmi ta' studju interdixxiplinari li għandhom l-għan li jintegraw bosta kompetenzi, bħall-IT mal-ġestjoni tan-negozju jew l-inġinerija u x-xjenzi tad-data; jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi bil-miri dwar il-ħiliet diġitali, kif ġew mistiedna jagħmlu mill-Kummissjoni; jenfasizza r-rwol importanti li s-sħab soċjali u partijiet kkonċernati oħra jista' jkollhom fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji; jinnota li sa issa huma biss nofs l-Istati Membri tal-UE li ħolqu koalizzjonijiet nazzjonali għal impjiegi diġitali; jenfasizza li linja baġitarja speċifika li tappoġġja l-attivitajiet tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali tkun qed issaħħaħ it-tixrid ta' informazzjoni u aktar attivitajiet;

41.  Jenfasizza l-importanza li jsir investiment fid-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u s-settur tal-artiġjanat; jenfasizza li jeħtieġ ukoll li l-ħiliet diġitali jiġu kkombinati ma' ħiliet tal-inġinerija u l-promozzjoni tal-edukazzjoni fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (suġġetti STEM) kif ukoll il-promozzjoni ta' ħiliet personali bħall-komunikazzjoni, il-koordinazzjoni ta' tim, u l-ħsieb transsettorjali;

42.  Jitlob li l-perspettiva tas-sessi tiġi inkorporata fl-inizjattivi diġitali kollha, biex jiġi żgurat li t-trasformazzjoni diġitali li għaddejja wkoll issir mutur għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-disparità bejn is-sessi severa fis-settur tal-ICT, peress li dan huwa essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa;

43.  Jinnota l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali u ta' servizzi pubbliċi oħra, kif ukoll tal-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u ta' persuni b'mobbiltà limitata fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tat-telexogħol f'dan ir-rigward;

44.  Jirrimarka li, kif muri permezz tal-inizjattiva Ewropea, id-diġitalizzazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej tirrappreżenta opportunità sinifikanti biex jittejbu l-aċċessibbiltà, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tagħhom u li l-innovazzjoni diġitali tista' tipprovdi impetu għal rivoluzzjoni fil-mod li oġġetti kulturali jiġu esibiti u kif isir aċċess għalihom; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi b'mod partikolari l-użu ta' teknoloġiji 3D għall-ġbir tad-data u r-rikostruzzjoni ta' beni u wirt kulturali meqruda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit finanzjament għad-diġitalizzazzjoni, il-konservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-wirt kulturali Ewropew;

45.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-siti storiċi u kulturali ta' spiss mhumiex aċċessibbli għal dawk b'diżabilità u jenfasizza l-opportunitajiet li pjattaforma kulturali diġitali aktar b'saħħitha toffri għat-titjib fl-impenn u biex l-esperjenzi kulturali, is-siti u l-artefatti madwar l-Ewropa jsiru aktar aċċessibbli irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

46.  Iħeġġeġ ir-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' assistenza u l-iżvilupp tagħhom, li jistgħu jintużaw u jsiru prodotti industrijali ġodda għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità;

47.  Jiffavorixxi l-istabbiliment ta' skambju regolari tal-aħjar prattiki, rieżami tal-progress biannwali u rakkomandazzjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.
(3) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(4) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 41.
(5) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.
(6) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 19.
(7) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 120.
(8) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p.22.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0486.
(10) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.
(11) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.
(12) Ara l-QtĠ-UE C-596/12, paragrafu 17, u QtĠ-UE C-232/09, paragrafu 39.

Avviż legali