Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2594(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0381/2017

Testi mressqa :

B8-0381/2017

Dibattiti :

PV 31/05/2017 - 14
CRE 31/05/2017 - 14

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2017 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0242

Testi adottati
PDF 295kWORD 56k
Il-Ħamis, 1 ta' Ġunju 2017 - Brussell
Ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE
P8_TA(2017)0242B8-0381/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE (2017/2594(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 208, 210 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS), ippubblikata f'Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel", (COM(2012)0586) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tad-19 ta' Ġunju 2013 bl-isem "Pjan ta' azzjoni għar-reżiljenza fil-pajjiżi suxxettibbli għall-kriżijiet 2013-2020", (SWD(2013)0227),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli",

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni 1/CP.21 tal-Konferenza tal-Partijiet li tirrigwarda d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 adottat mit-Tielet Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, li saret bejn l-14 u t-18 ta' Marzu 2015 f'Sendai, fil-Ġappun,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar "Pjan ta' Azzjoni dwar il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030: Approċċ għad-diżastri bbażat fuq ir-riskji għall-politiki kollha tal-UE" (SWD(2016)0205),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-23 ta' Awwissu 2016 dwar l-Eżitu tas-Summit Umanitarju Dinji (A/71/353),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2016 bit-titolu "Lejn Ħajja b'Dinjità: minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti: l-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp", (COM(2016)0234),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel(1), tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja(2), u tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE (O-000033/2017 – B8-0313/2017),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), 1,6 biljun persuna jgħixu f'56 pajjiż identifikati bħala pajjiżi fraġli(4); billi s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità fil-biċċa l-kbira huma kkawżati mill-bniedem; billi s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità jżidu l-vulnerabbiltà tal-popolazzjonijiet minħabba diversi fatturi, fosthom il-kunflitt u n-nuqqas ta' sigurtà, in-nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ispostament furzat, il-faqar estrem, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, ix-xokkijiet ekonomiċi, il-governanza ħażina u l-istituzzjonijiet dgħajfa, il-korruzzjoni u l-impunità, u d-diżastri naturali aggravati mill-impatt tat-tibdil fil-klima; billi t-trawwim tar-reżiljenza huwa partikolarment importanti f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, li l-OECD tiddefinixxi fuq ħames dimensjonijiet differenti iżda marbuta ma' xulxin, li huma d-dimensjoni politika, ekonomika, ambjentali, tas-sigurtà u soċjetali;

B.  billi l-kunċett tar-reżiljenza ntuża fil-politiki tal-UE u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn għal għadd ta' snin u donnu li qed jitwessa'; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013 dwar ir-reżiljenza jiddefinixxuha bħala "l-kapaċità ta' individwu, unità domestika, komunità, pajjiż jew reġjun li jippreparaw, jifilħu u jadattaw għall-istress u għax-xokkijiet u li jirpiljaw malajr minnhom, mingħajr ma jiġu kompromessi l-prospettivi tal-iżvilupp fit-tul";

C.  billi l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) tidentifika r-reżiljenza tal-Istati u s-Soċjetajiet fil-Lvant u n-Nofsinhar tagħna bħala waħda mill-ħames prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE, u tiddefinixxi r-reżiljenza bħala l-kapaċità tal-istati u tas-soċjetajiet li jirriformaw, biex b'hekk ikunu jifilħu għall-kriżijiet interni u esterni u jirpiljaw minnhom; billi l-EUGS tafferma li soċjetà reżiljenti kkaratterizzata mid-demokrazija, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-iżvilupp sostenibbli tinsab fil-qalba ta' stat reżiljenti;

D.  billi l-EUGS tgħid ukoll li l-UE se tadotta approċċ integrat għall-politiki umanitarji, tal-iżvilupp, tal-migrazzjoni, tal-kummerċ, tal-investiment, tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tar-riċerka tagħha, u fost l-oħrajn se timpenja ruħha favur politiki mfassla apposta biex tappoġġa governanza inklużiva u responsabbli, tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, taħdem favur approċċi bi sjieda lokali bbażati fuq id-drittijiet għar-riforma fl-oqsma tal-ġustizzja, is-sigurtà u d-difiża, tappoġġa l-Istati fraġli, tiġġieled kontra l-faqar u l-inugwaljanza u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, tapprofondixxi r-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, tippromwovi l-politiki għar-riforma fis-setturi tal-enerġija u tal-ambjent u tappoġġa risposti sostenibbli għall-produzzjoni tal-ikel u l-użu tal-ilma;

E.  billi fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ approċċ multidimensjonali għar-reżiljenza, u billi dan jista' jitrawwem permezz ta' żieda, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-għajnuna għall-iżvilupp u, fejn ikun xieraq, l-għajnuna umanitarja, flimkien ma' politiki relatati mal-ambjent, b'enfasi ċara fuq it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u r-riskju ta' diżastri, bħala mezz kruċjali biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet umanitarji; billi l-politika barranija tal-UE għandha wkoll rwol ċentrali fil-promozzjoni tar-reżiljenza, b'mod partikolari billi tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu politiku filwaqt li trawwem sistemi ta' twissija bikrija u taħdem għall-prevenzjoni ta' xokkijiet ekonomiċi u soċjali bħalma huma l-ġuħ, iż-żieda fl-inugwaljanzi, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitti vjolenti, u għar-riżoluzzjoni fil-każ ta' kunflitti;

F.  billi l-UE jenħtieġ li tippromwovi approċċ integrat għall-azzjoni esterna tagħha, filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ il-kontribut tagħha favur l-iżvilupp sostenibbli u tirrikonoxxi l-mandat u l-objettivi ta' kull politika, kif rikonoxxut fit-Trattati; billi dan huwa partikolarment importanti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u fir-rigward tal-azzjoni umanitarja tal-UE, li ma tistax titqies bħala għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet u jeħtieġ tiġi ggwidata għalkollox mill-prinċipji tal-għajnuna umanitarja, kif rifless fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, u timmira lejn risposta koerenti, effikaċi u ta' kwalità; billi l-UE jenħtieġ li tkompli tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha ta' kunflitt;

G.  billi l-azzjoni umanitarja jenħtieġ li ssegwi ġabra ta' standards u prinċipji rikonoxxuti f'livell internazzjonali kif huma miġbura fil-"Kodiċi ta' Kondotta tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar Internazzjonali u tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi ta' Sokkors f'każ ta' Diżastri" u inkorporati b'mod wiesa' fil-"Karta Umanitarja";

H.  billi t-trawwim tar-reżiljenza jenħtieġ jinftiehem bħala sforz fit-tul inkorporat fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, li l-uniku mod li se jkun sostenibbli huwa jekk ikun reżistenti għax-xokkijiet, l-istress u l-bidla; billi, bħala parti mill-politika estera tal-UE u l-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-promozzjoni tar-reżiljenza jeħtieġ tkun speċifika għall-kuntest u tfittex li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrateġiji nazzjonali tar-reżiljenza tal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, li min-naħa tagħhom għandhom obbligu ta' rendikont lejn il-popolazzjonijiet tagħhom;

I.  billi l-komprensjoni tar-riskju, it-tisħiħ tal-governanza tar-riskju u l-investiment f'sistemi ta' twissija bikrija u ta' risposta bikrija, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Qafas ta' Sendai, huma essenzjali fil-kisba tar-reżiljenza u għaldaqstant essenzjali għat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

J.  billi fil-qalba tal-approċċ tal-UE għar-reżiljenza jenħtieġ li tibqa' ssir enfasi fuq in-nies, fosthom, kull fejn possibbli, permezz ta' ħidma mal-entitajiet u ta' bini tal-kapaċitajiet biex din l-enfasi tiġi appoġġata fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u billi jiġi rikonoxxut u sostnut ir-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali;

K.  billi kemm id-diżastri naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem jolqtu lin-nisa, lill-bniet, lis-subien u lill-irġiel b'mod differenti, b'tali mod li l-inugwaljanzi bbażati fuq il-ġeneru jaggravaw l-impatt tal-istress u x-xokkijiet u jimpedixxu l-iżvilupp sostenibbli;

L.  billi n-nisa u l-bniet huma dawk li jsofru l-aktar fil-kriżijiet u l-kunflitti; billi n-nisa u l-bniet huma esposti b'mod sproporzjonat għar-riskju, b'aktar telf tal-mezzi tal-għajxien, tas-sigurtà, u saħansitra tal-ħajjiet, waqt u wara d-diżastri; billi n-nisa u l-bniet iħabbtu wiċċhom ma' riskji aktar akuti minħabba l-ispostament u l-kollass tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi f'kuntesti relatati mal-kriżijiet, il-probabbiltà ta' stupru, sfruttament sesswali u mġiba riskjuża jżid ħafna l-probabbiltà ta' każijiet ta' tqala mhux mixtieqa, infezzjonijiet trażmessi sesswalment u kumplikazzjonijiet tas-saħħa riproduttiva;

M.  billi l-emanċipazzjoni tan-nisa hija kruċjali għat-trawwim tar-reżiljenza; billi biex il-programmi jkunu effikaċi, komprensivi u sostenibbli, jenħtiġilhom jibnu u jsaħħu r-reżiljenza u jridu jinvolvu lin-nisa, filwaqt li jindirizzaw kompetenzi u mekkaniżmi ta' sopravivenza speċifiċi;

N.  billi l-familja tirrappreżenta istituzzjoni ewlenija għat-twettiq ta' funzjonijiet essenzjali ta' produzzjoni, konsum, riproduzzjoni u akkumulazzjoni assoċjati mat-tisħiħ tal-pożizzjoni soċjali u ekonomika tal-individwi u tas-soċjetajiet; billi l-familji u l-membri tagħhom jibnu sistemi ta' appoġġ ta' ndukrar u l-imġiba reżiljenti tagħhom tista' tiġi riflessa fiż-żamma ta' żvilupp normali tal-ottimiżmu, l-intraprendenza u d-determinazzjoni minkejja d-diffikultajiet; billi dawn l-elementi pożittivi u r-riżorsi jippermettu lill-individwi jikkonfrontaw b'suċċess il-kriżijiet u l-isfidi;

O.  billi l-approċċ għar-reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ li jagħti attenzjoni speċjali lill-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi l-ifqar persuni, il-minoranzi, il-popolazzjonijiet spustati bil-forza, in-nisa, it-tfal, il-migranti, il-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani;

1.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-importanza li tiġi promossa r-reżiljenza fl-Istrateġija Globali tal-UE, billi din issir prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut pożittiv li ż-żieda fl-attenzjoni politika, diplomatika u ta' sigurtà lejn il-promozzjoni tar-reżiljenza jista' jkollha fil-pajjiżi sħab, iżda jenfasizza li r-reżiljenza ma tistax tillimita ruħha għal dawn id-dimensjonijiet;

2.  Itenni l-bżonn li l-Istati Membri tal-UE jirrispettaw l-impenji tagħhom fl-ambitu tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u jsaħħu r-reżiljenza permezz tal-proċessi ta' strateġija u ta' ppjanar tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja; jissottolinja l-importanza fir-rigward tal-qafas ta' analiżi tas-sistemi ta' reżiljenza tal-OECD li jgħin biex l-istrateġiji jissarrfu fi pjanijiet ta' programmazzjoni trasversali u multidimensjonali aktar effikaċi;

3.  Iqis li l-approċċ attwali tal-UE għar-reżiljenza, inklużi l-impenji biex ikunu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet u tal-vulnerabbiltà, kif stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013, jibqa' fundamentalment validu u jenħtieġ li jitkompla, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li l-lezzjonijiet misluta mill-implimentazzjoni ta' din il-politika jiġu riflessi fil-komunikazzjoni konġunta l-ġdida; jistaqsi b'liema mod il-komunikazzjoni se tqis l-elementi mill-evalwazzjonijiet, billi evalwazzjoni importanti hija biss ippjanata li ssir fl-2018; jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni 2013-2020 għar-Reżiljenza jenħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ;

4.  Jenfasizza n-natura multidimensjonali (umana, ekonomika, ambjentali, politika, tas-sigurtà u soċjetali) tar-reżiljenza, u jilqa' pożittivament il-fatt li dan il-kunċett qiegħed isir wieħed importanti fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fl-assistenza umanitarja; jenfasizza li l-mandat u l-objettivi distinti ta' kull politika jridu jiġu rispettati, filwaqt li tiġi promossa wkoll koerenza akbar bejn il-politiki fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fl-importanza li jkun garantit il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'kull azzjoni esterna tal-UE billi jiġi żgurat li l-politiki tal-UE ma jimminawx l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw intiżi li jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

5.  Jenfasizza b'mod partikolari l-pożizzjoni speċjali tal-assistenza umanitarja, peress li din għandha tkun immexxija biss mill-ħtiġijiet u implimentata bl-akbar rispett lejn il-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u fil-protokolli addizzjonali tagħhom; jenfasizza li r-rispett tal-prinċipji umanitarji huwa essenzjali biex jinkiseb aċċess għall-popolazzjonijiet fil-bżonn u għall-protezzjoni ta' atturi umanitarji;

6.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-għoti ta' għajnuna umanitarja mill-UE u mill-Istati Membri ma jenħtieġx ikun suġġett għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra rigward kura medika neċessarja, inkluż l-aċċess għal abort sikur għal nisa u bniet li jkunu sfaw vittmi ta' stupru f'kunflitti armati, iżda minflok jenħtieġikun konformi mad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-bini tar-reżiljenza fil-pajjiżi sħab jikkostitwixxi proċess fit-tul u li għalhekk għandu bżonn li jkun integrat fi programmi ta' żvilupp li jinkludu s-segmenti l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni u fl-impenji finanzjarji; jenfasizza li l-komunikazzjoni konġunta l-ġdida jenħtieġ li tirrikonoxxi dan u li tappoġġa l-promozzjoni tar-reżiljenza bħala element essenzjali tal-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi sħab, partikolarment fi Stati fraġli; josserva li dawn l-istrateġiji għandhom ikunu speċifiċi għall-kuntest u konformi mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, maqbula f'livell internazzjonali: is-sjieda tal-prijoritajiet ta' żvilupp min-naħa tal-pajjiżi sħab li jirċievu l-appoġġ (inkluż l-allinjament mal-istrateġiji nazzjonali ta' żvilupp), l-enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubijiet inklużivi u t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti ta' monitoraġġ u ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u tas-soċjetà ċivili;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra r-reżiljenza u n-natura multidimensjonali tagħha bħala element ċentrali fid-djalogu politiku tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.  Jenfasizza l-importanza kumplessiva li l-programmazzjoni konġunta tal-azzjonijiet tal-UE mmirati għar-reżiljenza fl-assistenza umanitarja u fl-għajnuna għall-iżvilupp għall-iżgurar ta' komplementarjetà massima u inqas frammentazzjoni tal-għajnuna, u biex ikun żgurat li interventi f'terminu qasir ikunu l-pedamenti għal dawk f'terminu medju u twil;

10.  Jisħaq fuq l-importanza li tingħata assistenza teknika lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u lill-Istati fraġli, b'mod partikolari fl-ambiti tal-ġestjoni sostenibbli tal-art, tal-konservazzjoni tal-ekosistemi u tal-provvista ta' ilma, billi dawn huma temi fundamentali għall-finijiet tal-ilħuq tal-benefiċċji kemm għall-ambjent kif ukoll għall-popolazzjonijiet li jiddependu minnu;

11.  Ifakkar li l-foqra huma dawk li x'aktarx għadhom iħossu l-konsegwenzi sinifikanti tad-diżastri f'termini ta' introjtu u ta' benesseri; jinsisti fuq il-fatt li l-objettiv primarju u ġenerali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE hu għaldaqstant il-qerda tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli biex ikun żgurat lil kulħadd id-dinjità u ħajja dinjituża;

12.  Jenfasizza l-importanza tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-bini tar-reżiljenza; jistieden lill-UE tiżgura li l-promozzjoni tagħha ta' reżiljenza fil-komunikazzjoni konġunta l-ġdida tiġi allinjata mal-impenji u mal-objettivi stabbiliti fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u li qegħdin jiġu implimentati permezz tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Sendai tal-Kummissjoni Ewropea intiż li jippromwovi approċċ informat tar-riskji ta' diżastri għall-politiki kollha tal-UE, u li jkun hemm biżżejjed riżorsi ddedikati għal din il-prijorità; jenfasizza li l-ġestjoni tar-riskju hija fundamentali biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli u jappella għall-iżvilupp ta' strateġiji inklużivi lokali u nazzjonali għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-iżvilupp ta' approċċ għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri li jinkludi lis-soċjetà kollha u l-kategoriji kollha ta' riskju, bil-għan li tonqos il-vulnerabbiltà u titjieb ir-reżiljenza; jappella biex jissaħħu r-rabtiet bejn it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-politiki u l-inizjattivi urbani;

13.  Jappella sabiex ir-reżiljenza tal-komunità u dik personali u l-konċentrazzjoni fuq gruppi vulnerabbli – inklużi l-ifqar fis-soċjetà, il-minoranzi, il-familji, in-nisa, it-tfal, il-migranti, il-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani – jibqgħu ċentrali għall-promozzjoni tar-reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza r-rwol ċentrali li jiżvolġu s-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali fil-bini tar-reżiljenza; jissottolinja wkoll l-importanza tal-ġbir u t-tixrid ta' data diżaggregrata biex tinftiehem u tkun indirizzata s-sitwazzjoni tal-gruppi vulnerabbli;

14.  Josserva li bini effikaċi tar-reżiljenza jrid jirrikonoxxi l-importanza tal-familji u jsostni l-kapaċità ta' assorbiment tagħhom tal-kriżijiet;

15.  Jappella għal programmazzjoni favur il-kwistjonijiet tal-ġeneru li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa u tittratta t-tħassib tan-nisa billi tiżviluppa r-reżiljenza tagħhom għad-diżastri u għat-tibdil fil-klima, u li tħares id-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet ta' proprjetà u s-sigurtà tad-dritt għaż-żamma ta' art, anki fir-rigward tal-ilma, il-foresti, l-alloġġi u beni oħrajn;

16.  Jappella għal sforzi ulterjuri biex jiżdied l-aċċess tan-nisa u tal-bniet għall-edukazzjoni tas-saħħa u tas-saħħa sesswali, għall-ippjanar tal-familja, għall-kuri li jsiru qabel ma jwelldu u għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, partikolarment biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' twettiq tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) nru 5, dwar is-saħħa materna, inkluż it-tnaqqis tal-mortalità tat-trabi u tat-tfal u l-evitar tan-numru ta' każijiet ta' twelid b'riskju għoli;

17.  Jissottolinja l-importanza tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi, bħall-ilma, is-sanità u l-iġjene, f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, kif ukoll għall-ippjanar tas-saħħa fit-tul tal-komunità;

18.  Jinnota l-isfida partikolari li jirrappreżenta l-ispostament furzat u mtawwal għal ħafna pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti u l-ġirien tagħhom; jissottolinja li l-protezzjoni tal-persuni spostati trid tkun garantita b'mod inkundizzjonat u li l-bini tar-reżiljenza u tal-awtosuffiċjenza tal-popolazzjonijiet milquta u tal-komunitajiet li jilqgħuhom hu ta' importanza enormi, kif spjegat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ħajja b'Dinjità"; ifakkar fl-importanza tal-awtosuffiċjenza għat-trawwim tad-dinjità u tar-reżiljenza;

19.  Jenfasizza l-bżonn li jkunu estiżi l-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati u l-Konvenzjoni ta' Kampala biex ikunu protetti u assistiti l-persuni spostati tad-dinja kollha, kif ukoll il-persuni milquta minn forom oħra ta' vjolenza, bħat-traffikar tal-bnedmin u l-vjolenza sessista, peress li jista' jkollhom biża' fondat li jkunu ppersegwitati u jkunu f'riskju li jġarrbu preġudizzju gravi;

20.  Jirrikonoxxi r-reżiljenza tal-Istat bħala dimensjoni importanti tar-reżiljenza u jenfasizza li r-reżiljenza u l-istabilità tal-pajjiżi tiġi direttament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, u l-obbligu ta' rendikont liċ-ċittadini tal-pajjiż, iżda, qabel kollox, mill-involviment taċ-ċittadini, fuq bażi individwali jew f'għaqdiet, fl-identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet possibbli – objettivi li, ilkoll kemm huma, iridu jiġu promossi u mħarsa fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li tingħata spinta lis-servizzi pubbliċi, bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ilma u s-sanità, bil-għan li r-reżiljenza tissaħħaħ;

21.  Jenfasizza li l-kunċett ta' reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ li jżomm ambitu ġeografiku dinji; jinnota li t-trawwim tar-reżiljenza jenħtieġ li jkun objettiv tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab u li ma jkunx limitat għal żoni ġeografiċi li jiffaċċjaw kriżijiet tas-sigurtà b'impatt immedjat fuq l-UE; jissottolinja l-fatt li l-promozzjoni tar-reżiljenza jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, tagħti prijorità u attenzjoni partikolari lill-pajjiżi l-inqas żviluppati, lill-Istati fraġli u lill-pajjiżi suġġetti għal kriżijiet rikorrenti u staġjonali, filwaqt li tindirizza l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet, primarjament permezz ta' sostenn favur l-attivitajiet ta' prevenzjoni u preparazzjoni;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' twissija bikrija u ta' kapaċitajiet ta' risposta bikrija bħala mekkaniżmu biex jippromwovi r-reżiljenza, u jistieden lill-UE żżid l-isforzi tagħha f'dan il-qasam, partikolarment billi tippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi differenti fuq il-post, b'mod partikolari fid-delegazzjonijiet tal-UE, u l-iżvilupp ta' analiżijiet konġunti f'kuntesti fraġli kif ukoll skambji fi ħdan reġjuni partikolarment esposti għal diżastri naturali li jħabbtu wiċċhom ma' riskji analogi, li tkun tippermetti fehim aħjar u rispons aktar koordinat bejn il-politiki u bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;

23.  Jitlob li jkun hemm riżorsi suffiċjenti ddedikati għall-promozzjoni tar-reżiljenza, u dan kif jixraq mal-post li din tokkupa bħala waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tal-UE; ikun jilqa' b'sodisfazzjon riflessjoni strateġika in vista tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss dwar il-mod kif l-UE tista' tuża b'mod aktar effiċjenti l-istrumenti ta' finanzjament esterni eżistenti u l-mekkaniżmi innovattivi, filwaqt li tkompli tallinjahom mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula f'livell internazzjonali, biex ir-reżiljenza tkun integrata sistematikament fl-istrateġiji u fil-programmi ta' żvilupp u assistenza; jenfasizza li l-azzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati minn strumenti differenti li jaħdmu b'mod komplementari u jenfasizza li r-riżorsi minn strumenti ta' kooperazzjoni tal-iżvilupp jeħtiġilhom iżommu t-tnaqqis tal-faqar bħala l-għan ċentrali tagħhom;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi msaħħa u żviluppata l-edukazzjoni fil-kuntest tad-diżastri u tal-kriżijiet u li jitjiebu t-tixrid, il-kumpilazzjoni u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni u għarfien li għandhom jgħinu biex tinbena r-reżiljenza tal-komunità u jippromwovu bidliet fl-imġiba u kultura ta' stat ta' preparazzjoni għad-diżastri;

25.  Jinkoraġġixxi ż-żieda fil-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat dwar it-tema tar-reżiljenza; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw"; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita ulterjorment l-involviment tas-settur privat billi toħloq inċentivi u l-ambjent adatt għall-entitajiet privati sabiex dawn jinvolvu ruħhom fil-bini tar-reżiljenza u jnaqqsu r-riskji fil-pajjiżi sħab;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 120.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0459.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0026.
(4) OECD (2016), ''States of Fragility 2016: Understanding violence'' (Stati ta' Fraġilità: Nifhmu l-vjolenza), pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi

Avviż legali - Politika tal-privatezza