Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2304(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0201/2017

Testi mressqa :

A8-0201/2017

Dibattiti :

PV 12/06/2017 - 15
CRE 12/06/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2017 - 5.1
CRE 13/06/2017 - 5.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0245

Testi adottati
PDF 397kWORD 60k
It-Tlieta, 13 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-vizibbiltà fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
P8_TA(2017)0245A8-0201/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2016/2304(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175 u 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: valutazzjoni tar-rapport taħt l-Artikolu 16(3) tas-CPR(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE – l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem,(4)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014–2020(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2016 dwar ir-riżultati u l-elementi ġodda tal-politika ta' koeżjoni u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "L-iżgurar tal-viżibilità tal-politika ta' koeżjoni: Regoli ta' informazzjoni u komunikazzjoni 2014-2020"(8),

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Flash 423 ta' Settembru 2015 ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem "Citizens' awareness and perceptions of EU: Regional Policy" (Is-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE: Il-politika reġjonali)(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport Van den Brande ta' Ottubru 2014 bl-isem "Multilevel Governance and Partnership" (Governanza u sħubija f'diversi livelli), imħejji fuq talba tal-Kummissarju għall-Politika Reġjonali u Urbana Johannes Hahn(10),

–  wara li kkunsidra pjan ta' komunikazzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għas-sena 2016 bl-isem "Connecting regions and cities for a stronger Europe" (Nikkollegaw ir-reġjuni u l-bliet għal Ewropa aktar b'saħħitha)(11),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2016 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bl-isem "Implementation of the partnership principle and multi-level governance in the 2014-2020 SIE Funds" (L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija u l-governanza f'diversi livelli tal-Fondi SIE 2014-2020)(12),

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tas-Segretarjat tal-Interreg Europe bl-isem "Designing a project communication strategy" (It-tfassil ta' strateġija ta' komunikazzjoni tal-proġett)(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport imħejji fl-evalwazzjoni ex-post u t-tbassir tal-benefiċċji lill-pajjiżi tal-UE-15 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad, ikkummissjonat mill-Ministeru Pollakk għall-Iżvilupp Ekonomiku u bl-isem "How do EU-15 Member States benefit from the Cohesion Policy in the V4?" (L-Istati Membri tal-UE-15 kif jibbenefikaw mill-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad?)(14),

–  wara li kkunsidra l-manwal tal-2017 tan-Netwerk Ewropew kontra l-Faqar (EAPN) bl-isem "Giving a voice to citizens: Building stakeholder engagement for effective decision-making – Guidelines for Decision-Makers at EU and national levels" (Nagħtu vuċi liċ-ċittadini: Il-bini tal-impenn min-naħa tal-partijiet ikkonċernati għal teħid ta' deċiżjonijiet effettiv – Linji Gwida għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali)(15),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' Novembru 2014 bl-isem "Communicating Europe to its Citizens: State of Affairs and Prospects" (Nikkomunikaw l-Ewropa liċ-ċittadini tagħha: Is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti),

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' April 2016 bl-isem "Research for REGI Committee: Mid-term review of the MFF and Cohesion Policy" (Riċerka għall-Kumitat REGI: Rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP u l-Politika ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2016 dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007–2013 (SWD(2016)0318),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l- Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0201/2017),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni kkontribwiet b'mod sinifikanti biex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi u biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE;

B.  billi l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-UE għandu impatt pożittiv kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-ħajja taċ-ċittadini, iżda r-riżultati mhux dejjem ġew ikkomunikati sew u l-għarfien dwar l-effetti pożittivi tiegħu għadhom pjuttost baxxi; billi l-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni tal-UE jmur lil hinn mill-impatt ekonomiku, soċjali u territorjali pożittiv li ntwera, peress li dan jimplika wkoll l-impenn tal-Istati Membri u r-reġjuni favur it-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea;

C.  billi l-għarfien dwar il-programmi lokali ffinanzjati mill-UE fost l-utenti finali u s-soċjetà ċivili huwa kruċjali, irrispettivament mil-livelli ta' finanzjament f'reġjun speċifiku;

D.  billi l-prinċipju ta' sħubija u l-mudell ta' governanza f'diversi livelli, li huma bbażati fuq koordinazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili, jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv biex jiġu kkomunikati aħjar l-objettivi u r-riżultati politiċi tal-UE;

E.  billi huwa essenzjali li jkun hemm djalogu permanenti u l-involviment tas-soċjetà ċivili sabiex il-politiki pubbliċi jingħataw responsabilizzazzjoni u leġittimità, filwaqt li jinħoloq sens ta' responsabilità konġunta u trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

F.  billi ż-żieda tal-viżibilità tal-Fondi SIE tista' tikkontribwixxi biex jitjiebu l-perċezzjonijiet dwar l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u biex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u l-interess fil-proġett Ewropew;

G.  billi linja ta' komunikazzjoni koerenti hija essenzjali, mhux biss minn fuq għal isfel fir-rigward tar-riżultati konkreti tal-Fondi SIE, iżda wkoll minn isfel għal fuq sabiex il-promoturi tal-proġetti jkunu konxji mill-opportunitajiet ta' finanzjament, bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess ta' implimentazzjoni;

H.  billi jenħtieġ li l-metodoloġiji għall-provvediment ta' informazzjoni u għad-diversifikazzjoni tal-mezzi ta' komunikazzjoni jiżdiedu u jitjiebu;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni hija waħda mill-vetturi ewlenin tat-tkabbir, permezz tal-ħames Fondi SIE tagħha, tiżgura l-investiment fir-reġjuni kollha tal-UE u tgħin biex jitnaqqsu d-differenzi, biex jiġu appoġġjati l-kompetittività u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

2.  Jinnota bi tħassib li l-għarfien u l-perċezzjonijiet pubbliċi dwar l-effettività tal-politika reġjonali tal-UE naqsu matul is-snin; jirreferi għall-istħarriġ 423 tal-Eurobarometer ta' Settembru 2015 li fih ftit aktar minn terz (34 %) tal-Ewropej stqarru li kienu semgħu dwar il-proġetti kofinanzjati tal-UE li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żona fejn jgħixu; jinnota li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu semmew l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura soċjali u l-politika ambjentali bħala oqsma importanti; iqis li, mhux biss il-kwantità, iżda prinċipalment il-kwalità tal-proġetti ffinanzjati mill-Fondi SIE u l-valur miżjud tagħhom f'termini ta' riżultati tanġibbli huma prerekwiżiti għal komunikazzjoni pożittiva; jenfasizza, għalhekk, li l-valutazzjoni, l-għażla, l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni tal-proġetti jridu jiffukaw fuq il-kisba tar-riżultati mistennija, sabiex jiġi evitat infiq ineffettiv li jista' jwassal għal pubbliċità negattiva għall-politika ta' koeżjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri ta' komunikazzjoni jridu jintgħażlu b'kunsiderazzjoni speċjali għall-kontenut u l-ambitu tagħhom, filwaqt li jtenni li l-aħjar forma ta' reklamar huwa li jintwerew l-importanza u l-utilità tal-proġetti implimentati;

3.  Jinnota li jenħtieġ li l-iżgurar tal-viżibilità tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni jibqa' responsabilità kondiviża tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, bil-għan li jitfasslu strateġiji effettivi Ewropej ta' komunikazzjoni mfassla biex tiġi żgurata l-viżibilità tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni; jinnota, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti b'mod partikolari, permezz tal-komunikazzjoni istituzzjonali kif ukoll tal-benefiċjarji, billi dawn jikkostitwixxu l-interfaċċja l-aktar effettiva ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini billi jipprovdu informazzjoni in situ u jressqu l-Ewropa aktar viċin tagħhom; ifakkar, barra minn hekk, li dawn l-awtoritajiet għandhom l-aħjar għarfien tar-realtajiet u l-ħtiġijiet lokali u reġjonali, u li t-titjib tal-viżibilità jirrikjedi aktar sforzi biex ikun hemm informazzjoni u trasparenza aħjar fil-livell lokali;

4.  Jissottolinja li l-għoti ta' viżibilità lil politika jinvolvi proċess doppju ta' komunikazzjoni u interazzjoni mas-sħab; jenfasizza, barra minn hekk, li fil-kuntest ta' sfidi kumplessi, u sabiex tkun żgurata l-leġittimità u jiġu provduti soluzzjonijiet effettivi għat-terminu twil, hemm bżonn li l-awtoritajiet pubbliċi jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fin-negozjati kollha u fil-fażijiet ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi operattivi, skont il-prinċipju ta' sħubija; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u s-sħab u jtenni r-rwol li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista' jkollu f'dan ir-rigward;

5.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-progress irregolari rreġistrat fl-Istati Membri kollha lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi f'termini ta' mobilizzazzjoni u involviment usa' tas-sħab reġjonali u lokali, inklużi s-sħab ekonomiċi u soċjali u l-korpi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili; ifakkar fl-importanza tad-djalogu soċjali f'dan ir-rigward;

L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati

6.  Jiġbed l-attenzjoni lejn iż-żieda fl-Ewroxettiċiżmu u fil-propaganda populista kontra l-Ewropa, li tgħawweġ l-informazzjoni dwar il-politiki tal-Unjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill janalizzaw u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tagħhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati strateġiji ta' komunikazzjoni aktar effettivi, li jiżguraw lingwaġġ faċli għaċ-ċittadini u jimmiraw lejn l-għeluq tad-distakk bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, inklużi dawk qiegħda u dawk fir-riskju tal-esklużjoni soċjali, permezz ta' varjetà ta' pjattaformi tal-media fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali li jkunu kapaċi jwasslu messaġġ preċiż u koerenti liċ-ċittadini dwar il-valur miżjud tal-proġett Ewropew għall-kwalità tal-ħajja u għall-prosperità tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill janalizzaw, kemm għall-qafas kurrenti u għar-riforma tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020, l-impatt fuq il-perċezzjoni dwar il-politiki tal-UE tal-miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tar-rabta mas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali permezz ta' programmi ffinanzjati mill-Fondi SIE;

8.  Jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet tal-qafas legali biex jiżgura li l-politika ta' koeżjoni jkollha viżibilità adegwata; jenfasizza li, b'riżultat ta' dan, il-komunikazzjoni dwar il-kisbiet tanġibbli tagħha mhux dejjem kienet prijorità għall-partijiet ikkonċernati differenti; iqis li jenħtieġ li l-attivitajiet rakkomandati ta' komunikazzjoni dwar il-kisbiet tanġibbli jiġu aġġornati b'mod kostanti; jinnota, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-assistenza teknika mill-Fondi SIE ma tinkludix pakkett finanzjarju ddedikat għall-komunikazzjoni, la fil-livell tal-Unjoni u lanqas f'dak tal-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, ir-responsabilità tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u tal-benefiċjarji biex jimmonitorjaw regolarment il-konformità tal-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 115 fl-Anness XII tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni;

9.  Itenni li huwa imperattiv li jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regoli li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u l-ħtieġa li tinżamm ġestjoni finanzjarja soda u trasparenti u li tiġi miġġielda l-frodi filwaqt li dan xorta waħda jiġi kkomunikat b'mod xieraq lill-pubbliku; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-ħtieġa li ssir distinzjoni ċara bejn irregolaritajiet u frodi, sabiex ma jinħoloqx nuqqas ta' fiduċja pubblika fl-awtoritajiet ta' ġestjoni u fl-amministrazzjonijiet lokali; jinsisti, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġi ssimplifikat u li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, mingħajr ma dan jaffettwa l-kontrolli u l-awditi meħtieġa;

10.  Jenfasizza li huwa essenzjali li tiżdied l-approprjazzjoni tal-politika fil-post, kemm lokalment kif ukoll reġjonalment, sabiex ikunu żgurati twassil u komunikazzjoni effiċjenti tar-riżultati; japprezza li l-prinċipju ta' sħubija jżid valur lill-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi Ewropej, kif ikkonfermat minn studju riċenti tal-Kummissjoni; jirrimarka, madankollu, li l-mobilizzazzjoni tas-sħab tibqa' pjuttost diffiċli f'xi każijiet minħabba li l-prinċipju ta' sħubija qed jiġi implimentat b'mod formali iżda mhux qed iħalli lok għal parteċipazzjoni reali fil-proċess ta' governanza; ifakkar li hemm bżonn li jiġu investiti aktar sforzi u riżorsi fl-involviment tas-sħubija u fl-iskambju ta' esperjenzi permezz ta' pjattaformi għal djalogu mas-sħab, bil-għan, barra minn hekk, li dawn isiru multiplikaturi tal-opportunitajiet u tas-suċċessi tal-finanzjament mill-UE;

11.  Ifakkar, barra minn hekk, li n-natura strateġika għat-terminu twil tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni tfisser li xi kultant ir-riżultati ma jkunux immedjati, sitwazzjoni li hija ta' detriment għall-viżibilità tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni, speċjalment f'paragun ma' strumenti oħra tal-Unjoni, bħall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); iħeġġeġ, għalhekk, li jenħtieġ li l-attivitajiet ta' komunikazzjoni, meta jkun xieraq, jibqgħu għal erba' snin oħra wara l-għeluq tal-proġett; jenfasizza li r-riżultati ta' ċerti investimenti (speċjalment dawk fil-kapital uman) huma anqas viżibbli u aktar diffiċli biex jiġu kkwantifikati mill-investimenti "fiżiċi" u jitlob li ssir evalwazzjoni aktar dettaljata u differenzjata tal-impatt għat-terminu twil tal-politika ta' koeżjoni fuq il-ħajja taċ-ċittadini; iqis, barra minn hekk, li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-evalwazzjoni ex-post u għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi SIE għall-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, bħala l-istrateġija ta' żvilupp Ewropea għat-terminu twil;

12.  Jinnota r-rwol importanti tal-media biex tinforma liċ-ċittadini dwar diversi politiki tal-UE u dwar l-affarijiet tal-UE b'mod ġenerali; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-kopertura tal-media pjuttost limitata tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati kampanji ta' informazzjoni u strateġiji ta' komunikazzjoni li jkollhom il-media fil-mira, li jkunu adattati għall-isfidi informattivi kurrenti u li jagħtu informazzjoni b'mod aċċessibbli u f'forma attraenti; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi sfruttata l-influwenza dejjem akbar tal-media soċjali, il-vantaġġi offruti mill-avvanzi diġitali u t-taħlita tat-tipi differenti ta' mogħdijiet ta' komunikazzjoni disponibbli, sabiex dawn jintużaw aħjar meta jiġu promossi l-opportunitajiet ipprovduti u l-kisbiet miksuba permezz tal-Fondi SIE;

It-titjib tal-komunikazzjoni u l-impenn tas-sħab matul it-tieni nofs tal-perjodu 2014-2020

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-koordinazzjoni u l-aċċessibilità tal-mezzi eżistenti ta' komunikazzjoni u tal-istrumenti fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li jiġu indirizzati suġġetti li għandhom impatt fuq l-aġenda tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu pprovduti linji gwida li jistabbilixxu tekniki u metodi biex jiġi kkomunikat b'mod effettiv kif il-politika ta' koeżjoni tagħti riżultati tanġibbli għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet ta' ġestjoni u lill-benefiċjarji jikkomunikaw ir-riżultati, il-benefiċċji u l-impatt għat-terminu twil tal-politika b'mod attiv u sistematiku, filwaqt li jqisu l-istadji differenti tal-iżvilupp tal-proġetti;

14.  Jirrimarka li, minħabba l-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni trażmessa permezz tal-media tradizzjonali u moderna, m'għadux biżżejjed li sempliċiment jintwera l-logo tal-Kummissjoni fuq il-pannelli ta' deskrizzjoni tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal mezzi aktar effettivi ta' identifikazzjoni;

15.  Jilqa' l-attivitajiet ta' komunikazzjoni speċifiċi kurrenti, bħall-kampanja "L-Ewropa fir-Reġjun Tiegħi", l-applikazzjoni web tal-Kummissjoni "Baġit tal-UE biex Jinkisbu Riżultati", il-kooperazzjoni ma' CIRCOM Reġjonali(16), il-Programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini u l-opportunitajiet ipprovduti mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li għadu kif ġie stabbilit; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol ewlieni taċ-Ċentri ta' Informazzjoni ta' Europe Direct biex ikun hemm komunikazzjoni deċentralizzata, bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni fuq il-post, kemm lokalment kif ukoll reġjonalment; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-isforzi jiġu kkonċentrati fuq it-twassil tal-messaġġ lill-istudenti u lill-ġurnalisti bħala vetturi potenzjali tal-komunikazzjoni, u fuq l-iżgurar ta' bilanċ ġeografiku fil-kampanji ta' komunikazzjoni;

16.  Jenfasizza l-bżonn li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni jiġu aġġustati; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-valur miżjud tal-provvediment ta' pakkett finanzjarju speċifiku għall-komunikazzjoni fl-assistenza teknika, kif ukoll taż-żieda, meta jkun xieraq, tal-għadd ta' rekwiżiti vinkolanti ta' pubbliċità u informazzjoni għall-proġetti tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara fl-2017 dwar kif l-assistenza teknika tista' tintuża għall-komunikazzjoni fil-perijodu ta' finanzjament kurrenti, bil-ħsieb li tiġi żgurata ċertezza legali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għal benefiċjarji oħra; itenni, barra minn hekk, li l-istandards ordinarji tal-komunikazzjoni u r-reklamar, filwaqt li huma maħsuba tajjeb fil-każ tal-investimenti strutturali u teknoloġiċi, mhumiex daqshekk effettivi għall-investimenti intanġibbli fil-kapital uman;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità akbar lill-komunikazzjoni fil-ġerarkija tal-prijoritajiet tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, speċjalment fil-kuntest tax-xogħol tal-persunal ta' ġestjoni mhux direttament responsabbli għall-komunikazzjoni, u sabiex il-komunikazzjoni tiġi inkorporata fil-proċedura normali tal-Fondi SIE; jitlob li jkun hemm aktar professjonaliżmu fil-qasam tal-komunikazzjoni, speċjalment billi wieħed jopera b'mod lokali u jevita l-użu tal-lingwaġġ tal-UE;

18.  Jilqa' l-evalwazzjoni ex-post tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013, imwettqa mill-Kummissjoni, li jipprovdu sorsi eċċellenti biex jiġu kkomunikati r-riżultati miksuba u l-impatt li kien hemm; jieħu att tal-inizjattiva tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad dwar l-aspetti esterni tal-politika ta' koeżjoni fl-UE-15(17) u jistieden lill-Kummissjoni tfassal studju usa' oġġettiv fil-livell tal-UE-28; iħeġġeġ iktar lill-Kummissjoni tiddifferenzja l-istrateġiji ta' komunikazzjoni tagħha lejn l-Istati Membri li huma kontributuri netti minn dawk lejn l-Istati Membri li huma benefiċjarji netti, u tenfasizza l-benefiċċji speċifiċi li l-politika ta' koeżjoni toffri f'termini ta' tkabbir tal-ekonomija reali, billi trawwem l-intraprenditorija u l-innovazzjoni, toħloq it-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni kollha tal-UE u ttejjeb l-infrastruttura tal-komunità u dik ekonomika, kemm permezz tal-investimenti diretti kif ukoll permezz tal-esportazzjonijiet diretti u indiretti (fatturi esterni);

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jidentifikaw modi biex jiffaċilitaw u jistandardizzaw l-aċċess għall-informazzjoni, jippromwovu skambju ta' għarfien u ta' prattiki tajbin dwar l-istrateġiji ta' komunikazzjoni sabiex jikkapitalizzaw aħjar mill-esperjenza eżistenti u jżidu t-trasparenza u l-viżibilità tal-opportunitajiet ta' finanzjament;

20.  Jilqa' l-introduzzjoni tal-koeżjoni elettronika fil-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti , li għandha l-għan li tissemplifika u tallinja l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE; jenfasizza l-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-aċċess għall-informazzjoni, il-monitoraġġ ta' żvilupp tal-programm u l-ħolqien ta' rabtiet utli fost il-partijiet ikkonċernati;

21.  Iqis li hemm bżonn ta' komunikazzjoni mtejba permezz ta' kanali ġodda tal-media, li se teħtieġ strateġija diġitali għal pjattaformi tal-media diġitali u soċjali mfassla biex tinforma liċ-ċittadini u tagħtihom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom dwar il-ħtiġijiet tagħhom, billi tiffoka fuq l-ilħuq tal-utenti finali permezz ta' settijiet differenti ta' għodod bħala mezzi interattivi online, tiżviluppa kontenut u applikazzjonijiet ibbażati fuq apparati mobbli aktar aċċessibbli, kif ukoll tiżgura li l-informazzjoni titfassal għal gruppi ta' etajiet differenti u tkun disponibbli b'lingwi differenti, meta jkun xieraq; jistieden lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jipprovdu lid-DĠs rilevanti b'informazzjoni aġġornata dwar id-data, il-kisbiet u l-investimenti finanzjarji, bil-għan li jintwerew data u ċarts li jistgħu jinqraw faċilment fil-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Fondi SIE, għall-benefiċċju tal-ġurnalisti; jitlob t-tnedija ta' inizjattivi reġjonali ta' premju għall-aħjar proġetti, ispirati minn RegioStars;

22.  Jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet kurrenti ta' komunikazzjoni jiġu mtejba u jipproponi l-istabbiliment ta' forzi ta' ħidma dwar il-komunikazzjoni reġjonali li jinvolvu atturi f'diversi livelli;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar is-sħubija u r-rwol tal-prinċipju ta' sħubija fit-tisħiħ tal-impenn kollettiv u l-approprjazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; jitlob li r-rabta bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-benefiċjarji potenzjali, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini tissaħħaħ permezz ta' djalogu miftuħ, u biex il-kompożizzjoni tal-parteċipanti tas-sħubijiet tinbidel matul l-implimentazzjoni, meta dan ikun neċessarju, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-aħjar taħlita ta' sħab li jirrappreżentaw l-interessi tal-komunità f'kull stadju tal-proċess;

24.  Jilqa' l-mudell innovattiv ta' kooperazzjoni f'diversi livelli u b'diversi partijiet ikkonċernati propost mill-Aġenda Urbana tal-UE u jirrakkomanda li dan jiġi replikat, meta jkun possibbli, fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni komunikattiva tal-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali, inkluż fil-livell tal-istrateġiji makroreġjonali li jkunu għaddejjin, li jenħtieġ li jkunu aktar viżibbli għaċ-ċittadini tal-UE, permezz tat-tixrid ta' prattiki tajbin u ta' stejjer ta' suċċess u opportunitajiet ta' investiment;

It-trawwim tal-komunikazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni wara l-2020

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-attraenza tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-UE permezz ta' aktar simplifikazzjoni u tal-limitazzjoni ta' regolamentazzjoni żejda, u biex jikkunsidraw li jnaqqsu l-kumplessità u, meta jkun xieraq, in-numru ta' regolamenti u linji gwida, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni reċenti mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi SIE;

27.  B'kunsiderazzjoni ta' kif il-politika ta' koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi għal identifikazzjoni pożittiva mal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea, jistieden lill-Kummissjoni tqis qasam ta' komunikazzjoni obbligatorja fil-formoli ta' applikazzjoni għal proġett, bħala parti minn użu miżjud tal-assistenza teknika permezz ta' envelopp imwarrab għall-komunikazzjoni, fil-livell tal-programm, filwaqt li toqgħod attenta kontra żieda fl-għadd ta' restrizzjonijiet u tiżgura l-flessibilità meħtieġa; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet ta' ġestjoni u dawk lokali u reġjonali jtejbu l-kwalità tal-komunikazzjoni tagħhom fuq ir-riżultati finali tal-proġetti;

28.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied id-djalogu tal-Unjoni maċ-ċittadini, li jinħasbu mill-ġdid il-kanali u l-istrateġiji ta' komunikazzjoni u, fid-dawl tal-opportunitajiet offruti min-netwerks soċjali u mit-teknoloġiji diġitali l-ġodda, li l-messaġġi jiġu adattati għall-kuntesti lokali u reġjonali; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol potenzjali tal-partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili bħala vetturi għall-komunikazzjoni; itenni, madankollu, li l-kontenut edukattiv huwa daqstant importanti daqs l-istrateġiji tal-media u l-promozzjoni permezz ta' pjattaformi differenti;

29.  Jenfasizza, fil-kuntest tal-komunikazzjoni u l-viżibilità, il-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni tal-politika wara l-2020, inkluż fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża u s-sistemi ta' awditi, sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn politika orjentata lejn ir-riżultati, għadd xieraq ta' verifiki u kontrolli, u proċeduri simplifikati;

30.  Jitlob li l-prinċipju ta' sħubija jissaħħaħ aktar fil-qafas tal-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni wara l-2020; huwa konvint li l-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, fil-proċess ta' negozjar u ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi operattivi, jista' jikkontribwixxi biex jissaħħu l-approprjazzjoni u t-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-politika u jista' jinvolvi wkoll implimentazzjoni tal-politika aħjar fir-rigward tal-baġit tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' mudelli eżistenti ta' governanza parteċipattiva, li jlaqqgħu flimkien is-sħab soċjali rilevanti kollha u jinvolvu l-partijiet ikkonċernati fi proċess parteċipatorju ta' baġitjar sabiex jiġu determinati r-riżorsi allokati għall-kofinanzjament nazzjonali, reġjonali u lokali, meta jkun xieraq, bil-għan li jiżdiedu l-fiduċja reċiproka u l-impenn taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet ta' nfiq pubbliku; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li jitwettqu valutazzjonijiet parteċipatorji tar-riżultati li jinvolvu lill-benefiċjarji u lill-partijiet ikkonċernati differenti, sabiex jinġabru data rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni attiva u lill-viżibilità fir-rigward ta' azzjoni futura;

31.  Jinsisti, barra minn hekk, li tiżdied il-kooperazzjoni urbana-rurali sabiex jiġu żviluppati sħubijiet territorjali bejn il-bliet u ż-żoni rurali permezz tal-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tas-sinerġiji bejn il-fondi tal-UE u l-bini fuq l-għarfien espert taż-żoni urbani u l-kapaċità akbar tagħhom li jimmaniġġjaw il-fondi;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex fil-pjanijiet ta' azzjoni ta' komunikazzjoni rispettivi tagħhom jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost id-Direttorati Ġenerali, il-ministeri u l-komunikaturi differenti f'livelli differenti, u fuq l-istabbiliment ta' ħarsa ġenerali lejn l-udjenzi fil-mira, bil-għan li jiżviluppaw u jwasslu messaġġi mfassla għal gruppi fil-mira speċifiċi sabiex jilħqu liċ-ċittadini fuq il-post b'mod aktar dirett u jinformawhom aħjar;

33.  Jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' bidla kulturali, fis-sens li l-komunikazzjoni hija r-responsabilità tal-atturi kollha involuti, u li l-benefiċjarji stess qed isiru komunikaturi prinċipali;

34.  Jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol u l-pożizzjoni tan- netwerks li jeżistu diġà ta' komunikazzjoni u informazzjoni u jużaw il-pjattaforma ta' komunikazzjoni elettronika interattiva tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, sabiex jiġbru d-data rilevanti kollha dwar proġetti tal-Fond SIE, u b'hekk jippermettu lill-utenti finali jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-proċess ta' implimentazzjoni u r-riżultati miksuba, lil hinn minn deskrizzjoni qasir tal-proġett u n-nefqa mġarrba; huwa tal-fehma li tali pjattaforma se tiffaċilita wkoll l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-komunikazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni;

o
o   o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 74, 14.03.2014, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0055.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0211.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0419.
(7) http://www.consilium.europa.eu/press-releases-pdf/2016/11/47244650399_en.pdf.
(8) http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/brochures/2014/ensuring-the-visibility-of-cohesion-policy-information-and-communication-rules-2014-2020.
(9) http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/67400.
(10) http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/informing/dialog/2014/5_vandenbrande_report.pdf.
(11) http://cor.europa.eu/en/about/Documents/CoR-communication-plan-2016.pdf.
(12) http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/policy/how/studies_integration/impl_partner_report_en.pdf.
(13)  http://www.interregeurope.eu/fileadmin/user_upload/events/Rotterdam/pdf/Designing_communication_strategy.pdf.
(14) https://www.strukturalni-fondy.cz/getmedia/fdc8a04e-590d-47ac-9213-760d4ac76f75/V4_EU15_manazerske-shrnuti.pdf?ext=.pdf.
(15) http://www.eapn.eu/images/stories/docs/EAPN-position-papers-and-reports/2014-eapn-handbook-Give-a-voice-to-citizens-Guidelines-for-Stakeholder-Engagement.pdf.
(16) Assoċjazzjoni Professjonali tas-Servizzi ta' Televiżjoni Pubblika Reġjonali fl-Ewropa.
(17) Rapport imħejji bħala parti mill-evalwazzjoni ex-post u t-tbassir tal-benefiċċji lill-pajjiżi tal-UE-15 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad, ikkummissjonat mill-Ministeru Pollakk għall-Iżvilupp Ekonomiku u bl-isem "How do EU-15 Member States benefit from the Cohesion Policy in the V4?" (L-Istati Membri tal-UE-15 kif jibbenefikaw mill-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' V4?),

Avviż legali