Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2147(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0209/2017

Testi mressqa :

A8-0209/2017

Dibattiti :

PV 12/06/2017 - 14
CRE 12/06/2017 - 14

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2017 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0253

Testi adottati
PDF 429kWORD 65k
It-Tlieta, 13 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020
P8_TA(2017)0253A8-0209/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 fid-dawl tal-evalwazzjoni interim tiegħu u tal-proposta għad-9 Programm Qafas (2016/2147(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi Programm Speċifiku li jimplimenta l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1292/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 294/2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT): il-kontribuzzjoni tal-EIT għal Ewropa iktar innovattiva(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014, 558/2014, 559/2014, 560/2014 u 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014(7) u r-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014(8) u 721/2014(9) tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxu l-Impriżi Konġunti ffinanzjati taħt Orizzont 2020,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet (UE) Nru 553/2014/UE, 554/2014/UE, 555/2014/UE u 556/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014(10) li jistabbilixxu l-P2Ps tal-Artikolu 185 li huma ffinanzjati taħt Orizzont 2020,

–  wara li kkunsidra d-Dokumenti ta' Analiżi tat-3 ta' Frar 2017 tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE(11),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar Orizzont 2020 tal-2014 u tal-2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: iż-żmien għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress" (COM(2017)0035),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża" (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Implimentazzjoni tal-istrateġija għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni" (COM(2016)0657),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea - Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Dwar it-Tweġiba għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Evalwazzjoni Ex Post tas-Seba' Programm Qafas" (COM(2016)0005),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2014" (COM(2015)0401),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tal-2014 u tal-2015 dwar "Integration of Social Sciences and the Humanities in Horizon 2020: participants, budgets and disciplines" (L-Integrazzjoni tax-Xjenzi Soċjali u Umanistiċi f'Orizzont 2020: parteċipanti, baġits u dixxiplini),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Better regulations for innovation-driven investment at EU level" (Regolamenti aħjar għal investiment immexxi mill-innovazzjoni fil-livell tal-UE) (SWD(2015)0298),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Żona Ewropea ta' Riċerka: Rapport ta' Progress 2014" (COM(2014)0575),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi tat-tkabbir imġedded" (COM(2014)0339),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Second Situation Report on Education and Training in the Nuclear Energy Field in the European Union" (it-Tieni Rapport tas-Sitwazzjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fil-Qasam tal-Enerġija Nukleari fl-Unjoni Ewropea) (SWD(2014)0299),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "FET Flagships: A novel partnering approach to address grand scientific challenges and to boost innovation in Europe" (Teknoloġiji Emerġenti u Futuri Emblematiċi: Approċċ ġdid ta' sħubija biex jiġu indirizzati sfidi xjentifiċi kbar u biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-Ewropa) (SWD(2014)0283),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "It-Tieni Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti clean sky, ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu u inizjattiva dwar mediċini innovattivi" (COM(2014)0252),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rwol u l-effett tal-ITK u l-PPPs fl-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 għal bidla industrijali sostenibbli (CCMI/142)(12),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)(16),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1) (e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0209/2017),

A.  billi Orizzont 2020 huwa l-akbar programm ta' R&I tal-UE li huwa ġestit ċentralment, u l-akbar programm ta' R&I fid-dinja ffinanzjat pubblikament;

B.  billi, fin-negozjar ta' Orizzont 2020 u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, il-Parlament talab EUR 100 biljun minflok EUR 77 biljun miftiehma inizjalment; billi l-baġit jidher li huwa limitat ħafna jekk Orizzont 2020 għandu jeżamina bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu ta' eċċellenza u jirrispondi b'mod adegwat għall-isfidi soċjetali li s-soċjetà Ewropea qed tiffaċċja fil-preżent;

C.  billi r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-Programmi ta' Riċerka u Innovazzjoni tal-UE u l-evalwazzjoni interim ippjanata għat-tielet trimestru tal-2017 għandha tqiegħed is-sisien għall-istruttura u l-kontenut tad-9PQ, li dwaru ser tiġi ppubblikata proposta fl-ewwel nofs tal-2018;

D.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet fattur determinanti fit-tfassil ta' Orizzont 2020; billi l-isfidi emerġenti, il-paradigmi politiċi u soċjoekonomiċi l-ġodda u t-tendenzi globali kontinwati x'aktarx se jsawru l-PQ li jmiss;

E.  billi l-PQ irid ikun imsejjes fuq valuri Ewropej, indipendenza xjentifika, approċċ miftuħ, diversità, standards etiċi Ewropej ta' livell għoli, koeżjoni soċjali u aċċess ugwali taċ-ċittadini għas-soluzzjonijiet u għar-risposti li jipprovdi;

F.  billi l-investimenti fir-R&Ż huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali Ewropew u l-kompetittività globali; u billi l-importanza ta' xjenza eċċellenti għat-trawwim tal-innovazzjoni u vantaġġi kompetittivi fit-tul jenħtieġ li tiġi riflessa fil-finanzjament tad-9PQ;

Struttura, filosofija u implimentazzjoni ta' Orizzont 2020

1.  Jikkunsidra li, wara aktar minn tliet snin mit-tnedija ta' Orizzont 2020, wasal iż-żmien għall-Parlament biex jiżviluppa l-pożizzjoni tiegħu dwar l-evalwazzjoni interim tiegħu u viżjoni għad-9PQ futur;

2.  Ifakkar li l-objettiv tal-Orizzont 2020 huwa li jikkontribwixxi għall-bini ta' soċjetà u ekonomija bbażati fuq l-għarfien u l-innovazzjoni u li jsaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika u fl-aħħar mill-aħħar il-kompetittività tal-Ewropa billi jagħmel lieva fuq fondi addizzjonali nazzjonali, kemm pubbliċi kif ukoll privati, għar-R&Ż u billi jgħin biex jintlaħaq l-objettiv ta' 3 % tal-PDG għar-R&Ż sal-2020; jesprimi dispjaċir li l-UE investiet biss 2,03 % tal-PDG fir-R&Ż fl-2015, hekk kif iċ-ċifri individwali għad-diversi pajjiżi jvarjaw minn 0,46 % sa 3,26 %(17), filwaqt li l-kompetituri globali ewlenin qed jaqbżu lill-UE fin-nefqa tar-R&Ż;

3.  Ifakkar li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tiffaċċja kompetizzjoni diretta mir-reġjuni tar-riċerka bl-aqwa prestazzjoni fid-dinja u li, għalhekk, it-tisħiħ taż-ŻER huwa dmir kollettiv Ewropew; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri rilevanti biex jikkontribwixxu b'mod adegwat biex jintlaħaq l-objettiv ta' 3 % tal-PDG tal-UE għar-R&Ż; jinnota li żieda globali għal 3 % tkun iġġib ukoll ammont ieħor ta' aktar minn EUR 100 biljun fis-sena għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

4.  Jisħaq li l-evalwazzjoni tas-7PQ u l-monitoraġġ ta' Orizzont 2020 juru li l-PQ tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni huwa suċċess u joffri valur miżjud ċar għall-UE(18); jirrikonoxxi li għad hemm possibilitajiet biex il-PQ u l-programmi futuri jitjiebu;

5.  Jikkunsidra li r-raġunijiet għas-suċċess tiegħu huma l-qafas multidixxiplinari u kollaborattiv u r-rekwiżiti ta' eċċellenza u impatt;

6.  Jifhem li l-għan tal-PQ huwa li jinċentiva l-parteċipazzjoni tal-industrija sabiex iżid l-infiq fuq ir-R&Ż mill-industrija(19); jinnota li l-parteċipazzjoni tal-industrija, inklużi l-SMEs, hija ferm ogħla milli kienet fis-7PQ; ifakkar, madankollu, li, bħala medja, l-industrija ma żiditx b'mod suffiċjenti s-sehem tal-infiq għar-R&Ż kif kien intlaħaq qbil fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Barċellona(20); jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud Ewropew kif ukoll ir-rilevanza għall-pubbliku tal-finanzjament favur l-istrumenti mmexxija mill-industrija bħal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK)(21), u l-koerenza, l-approċċ miftuħ u t-trasparenza tal-inizjattivi konġunti kollha(22);

7.  Jinnota li l-baġit, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm huma mifruxa fuq aktar minn 20 korp differenti tal-UE; jistaqsi jekk dan jirriżultax fi sforzi eċċessivi ta' koordinament, kumplessità u duplikazzjoni fl-amministrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni ta' dan;

8.  Jinnota li l-Pilastri 2 u 3 huma prinċipalment iffukati fuq Livelli ta' Tħejjija Teknoloġika (Technology Readiness Levels - TRLs) ogħla, u dan jaf jillimita l-assorbiment futur ta' innovazzjonijiet li jħarbtu s-suq li għadhom fil-fażi ta' ppjanar ta' proġetti ta' riċerka b'TRLs aktar baxxi; jappella għal bilanċ attent tat-TRLs sabiex tkun promossa l-katina ta' valur kollha hemm hi; jikkunsidra li t-TRLs jistgħu jeskludu forom mhux teknoloġiċi tal-innovazzjoni ġġenerata minn riċerka fundamentali jew applikata, b'mod partikolari mix-xjenzi soċjali u umanistiċi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni toffri taħlita bbilanċjata ta' proġetti żgħar, ta' daqs medju u kbar; josserva li l-baġit medju għall-proġetti żdied fl-ambitu ta' Orizzont 2020 u li l-proġetti akbar huma aktar onerużi fir-rigward tat-tħejjija tal-proposta u tal-ġestjoni tal-proġett, fatt li jiffavorixxi lill-parteċipanti b'aktar esperjenza fil-qasam tal-PQ, joħloq ostakli għall-parteċipanti ġodda u jikkonċentra l-finanzjament f'idejn għadd limitat ta' istituzzjonijiet;

Baġit

10.  Jisħaq li r-rata ta' suċċess attwali ta' anqas minn 14 %(23), li hija baxxa b'mod allarmanti u tirrappreżenta tendenza negattiva meta mqabbla mas-7PQ; jenfasizza li n-numru eċċessiv ta' applikazzjonijiet jagħmilha impossibbli li l-finanzjament jkun disponibbli għal numru kbir ta' proġetti ta' kwalità għolja ħafna u jiddispjaċih li t-tnaqqis impost mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) aggravaw il-problema; jistieden lill-Kummissjoni tevita li tagħmel tnaqqis ulterjuri lill-baġit ta' Orizzont 2020;

11.  Jenfasizza l-pressjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw il-Programmi Qafas tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jesprimi dispjaċir minħabba l-effett negattiv li kellha l-kriżi tal-pagamenti fil-baġit tal-UE fuq l-implimentazzjoni tal-programm matul l-ewwel snin tal-QFP attwali; jinnota, fost l-oħrajn, dewmien artifiċjali li jammonta għal EUR 1 biljun f'sejħiet fl-2014 u t-tnaqqis sinifikanti fil-livell ta' prefinanzjament għall-programmi l-ġodda; jenfasizza f'dan il-kuntest li, f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-QFP, ġiet implimentata konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ta' riżorsi fl-2014-2015 għal Orizzont 2020; jissottolinja li din il-konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ġiet assorbita bis-sħiħ mill-programm, u li dan juri l-prestazzjoni qawwija tiegħu u l-kapaċità li jassorbi anke iżjed; jenfasizza li din il-konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ma tibdilx il-pakkett finanzjarju ġenerali tal-programmi, u li dan iwassal rispettivament għal inqas approprjazzjonijiet għat-tieni nofs tal-QFP; jistieden liż-żewġ fergħat tal-Awtorità tal-Baġit u lill-Kummissjoni jiżguraw livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fis-snin li ġejjin, u biex jagħmlu kull sforz biex tiġi evitata kriżi ġdida tal-pagamenti lejn l-aħħar snin tal-QFP attwali;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li Orizzont 2020 jeħtieġlu jkun primarjament ibbażat fuq l-għotjiet u orjentat lejn il-finanzjament ta' riċerka fundamentali u kollaborattiva b'mod partikolari; jinsisti li r-riċerka tista' tkun investiment riskjuż ferm għall-investituri u li huwa neċessarju li r-riċerka tkun iffinanzjata permezz ta' għotjiet; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li, fi kwalunkwe każ, l-istituzzjonijiet pubbliċi ħafna drabi lanqas biss ikunu f'pożizzjoni legali li jaċċettaw self; jesprimi dispjaċir dwar it-tendenza, f'xi każijiet, ta' ċaqliq mill-għotjiet lejn l-użu ta' self; jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jenħtieġ li jkunu disponibbli għal TRLs għoljin, li jkunu qrib l-attivitajiet tas-suq bħala parti mill-istrumenti finanzjarji InnovFin, u barra mill-PQ (eż. BEI, skemi tal-FEI);

13.  Jissottolinja l-fatt li bosta Stati Membri mhumiex qegħdin jirrispettaw l-impenji nazzjonali tagħhom ta' investiment fir-R&Ż; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-objettiv ta' 3 % tal-PDG jintlaħaq u jittama li dan l-objettiv ikun jista' jiżdied għal-livell tal-akbar kompetituri globali tal-UE mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jidderieġu l-istrateġiji nazzjonali biex jilħqu tali objettiv u jappella għall-allokazzjoni ta' partijiet mill-Fondi Strutturali għal attivitajiet u programmi ta' R&Ż, speċjalment l-investimenti fil-bini ta' kapaċitajiet, l-infrastruttura tar-riċerka u s-salarji kif ukoll attivitajiet li jappoġġaw il-preparazzjoni ta' proposti u l-ġestjoni tal-proġetti fl-ambitu tal-PQ;

Evalwazzjoni

14.  Jikkonferma li l-"eċċellenza" jenħtieġ li tibqa' l-kriterju ta' evalwazzjoni fundamentali fit-tliet pilastri tal-PQ, filwaqt li josserva l-kriterji eżistenti tal-"impatt" u tal-"kwalità u tal-effiċjenza tal-implimentazzjoni", li jafu jgħinu biex jindikaw il-valur miżjud għall-UE ta' proġett; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina l-modi kif jitqiesu l-kriterji tal-"impatt" u tal-"kwalità u tal-effiċjenza tal-implimentazzjoni": in-nuqqas ta' involviment tar-reġjuni tal-UE sottorappreżentati, l-inklużjoni tas-setturi tax-xjenza sottorappreżentati, bħax-xjenzi soċjali u umanistiċi, u l-isfruttament tal-infrastrutturi ta' riċerka ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), li donnu li huma importanti biex tirnexxi l-implimentazzjoni taż-ŻER u biex joffru sinerġiji bejn il-PQ u l-FSIE;

15.  Jitlob evalwazzjoni u assigurazzjoni tal-kwalità aħjar u aktar trasparenti mill-evalwaturi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitjieb il-feedback li jingħata lill-parteċipanti matul il-proċess ta' evalwazzjoni u jħeġġeġ li jitqiesu l-ilmenti magħmula minn applikanti li ma rnexxilhomx jintgħażlu fejn jgħidu li r-Rapporti Sommarji tal-Evalwazzjoni (ESRs) huma neqsin mill-profondità u miċ-ċarezza dwar x'jenħtieġ li jsir differenti biex wieħed jirnexxielu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippubblika, flimkien mas-sejħa għal proposti, il-kriterji ta' evalwazzjoni dettaljati, biex il-parteċipanti jingħataw ESRs aktar dettaljati u informattivi u biex torganizza s-sejħiet għal proposti b'tali mod li jkun evitat numru ferm eċċessiv ta' applikazzjonijiet, fatt li jolqot negattivament il-motivazzjoni tar-riċerkaturi u r-reputazzjoni tal-programm;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti definizzjoni usa' ta' "impatt" fid-dawl tal-effetti kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-valutazzjoni tal-impatt ta' proġetti ta' riċerka fundamentali jenħtieġ li tibqa' flessibbli; jitlob lill-Kummissjoni żżomm il-bilanċ bejn sejħiet minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel u tanalizza liema proċedura ta' evalwazzjoni (stadju wieħed jew tnejn) hija l-aktar utli sabiex jiġi evitat numru eċċessiv ta' applikazzjonijiet u ssir riċerka ta' kwalità;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kemm jagħmel sens li jkun hemm enfasi tematika aktar b'saħħitha fil-kuntest tas-sostenibbiltà;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli b'mod aktar faċli l-portal tal-parteċipanti u testendi u tgħammar b'aktar riżorsi n-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali sabiex tiżgura, b'mod partikolari għal impriżi mikro u żgħar, servizz effiċjenti ta' assistenza waqt il-fażi ta' preżentazzjoni u evalwazzjoni tal-proposti tal-proġetti;

19.  Jikkunsidra li l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jenħtieġ li jinvolvi ruħu f'aktar proġetti kollaborattivi fl-Ewropa kollha, u b'mod partikolari jqis reġjuni u istituzzjonijiet b'kapaċità baxxa sabiex il-politika R&I u l-għarfien tal-UE jinxterdu mal-UE kollha;

Kwistjonijiet trasversali

20.  Jinnota li l-istruttura ta' Orizzont 2020 u l-approċċ tal-sfidi soċjetali b'mod partikolari huma milqugħa b'mod wiesa' mill-partijiet ikkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb l-approċċ tal-isfidi soċjetali u jenfasizza l-importanza ta' riċerka kollaborattiva bejn l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-industrija (speċjalment l-SMEs) u partijiet ikkonċernati oħrajn; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-valutazzjoni tal-adegwatezza u tal-baġits individwali tal-isfidi soċjetali abbażi tal-kuntest ekonomiku, soċjali u politiku attwali matul l-implimentazzjoni tal-PQ u f'kooperazzjoni stretta mal-Parlament Ewropew;

21.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-amministrazzjoni u tnaqqas iż-żmien bejn il-pubblikazzjoni ta' sejħa u l-allokazzjoni ta' għotja; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel ħilitha biex taqta' l-burokrazija żejda u tissemplifika l-amministrazzjoni; jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu introdotti pagamenti b'rata fissa sabiex jiġu ssemplifikati l-amministrazzjoni u l-awditjar;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-mudell ta' finanzjament issemplifikat introdott għal Orizzont 2020 wassalx għal aktar parteċipazzjoni tal-industrija, kif kien maħsub; jappella, f'dan ir-rigward, li tiġi vverifikata l-effikaċja tal-mudell ta' finanzjament;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt l-użu ta' sistemi tal-kontabbiltà nazzjonali jew speċifiċi, minflok is-sistema speċifikata fir-regoli tal-parteċipazzjoni, jista' jwassal għal proċedura ta' kontabbiltà sostanzjalment issemplifikata u għaldaqstant għal tnaqqis fir-rata ta' żbalji fil-kuntest tal-ħlas tal-proġetti li rċevew finanzjament Ewropew; jappella, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll għall-possibbiltà ta' "one-stop audit";

24.  Jinnota li s-sinerġiji bejn il-fondi huma kruċjali sabiex l-investimenti jsiru aktar effikaċi; jisħaq fuq il-fatt li RIS3 huma għodda importanti sabiex jiġu katalizzati sinġeriji li jistabbilixxu oqfsa nazzjonali u reġjonali għal investimenti fir-R&Ż&I u, b'hekk, jenħtieġ li jiġu promossi u msaħħa; jesprimi dispjaċir dwar il-preżenza ta' ostakli sostanzjali sabiex is-sinerġiji jsiru operattivi għalkollox(24); ifittex, għalhekk, allinjament tar-regoli u tal-proċeduri għall-proġetti tar-R&Ż&I fl-ambitu tal-FSIE u tal-PQ u josserva li użu effikaċi tal-iskema Marka ta' Eċċellenza jkun biss possibbli jekk il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq ikunu sodisfatti; jistieden lill-Kummissjoni tallokata parti mill-FSIE għal sinerġiji RIS3 ma' Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat u tippermetti li proġetti ta' fondi strutturali ta' R&Ż ikunu ġustifikabbli fi ħdan ir-regoli ta' proċedura tal-PQ filwaqt li fl-istess ħin tiggarantixxi t-trasparenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' addizzjonalità, li fil-prattika jfisser li ma jenħtieġx li l-kontribuzzjonijiet mill-fondi Ewropej jissostitwixxu n-nefqa nazzjonali jew ekwivalenti minn Stat Membru fir-reġjuni fejn japplika dan il-prinċipju;

25.  Josserva li l-implimentazzjoni ta' suċċess taż-ŻER tirrikjedi użu sħiħ tal-potenzjal tar-R&Ż&I tal-Istati Membri kollha; jirrikonoxxi l-problema tad-distakk fil-parteċipazzjoni fil-programm Orizzont 2020, li jeħtiġilha tkun indirizzata kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, anki permezz tal-FSIE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadattaw l-istrumenti eżistenti jew jadottaw miżuri ġodda biex inaqqsu d-distakk, pereżempju, bis-saħħa tal-iżvilupp ta' strumenti ta' networking għar-riċerkaturi; jilqa' b'sodisfazzjon il-politika tat-Tixrid tal-Eċċellenza u t-Twessigħ tal-Parteċipazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk it-tliet strumenti ta' twessigħ laħqux l-objettivi speċifiċi tagħhom: li joffru baġit adegwat u ġabra bbilanċjata ta' strumenti li jindirizzaw id-disparitajiet eżistenti fl-UE fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni; jisteden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu b'regoli ċari li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tal-iskema tal-Marka ta' Eċċellenza u jeżaminaw sinerġiji ta' finanzjament; jitlob lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmi li jippermettu l-inklużjoni tal-proġetti tal-PQ fl-infrastrutturi tar-riċerka ffinanzjati permezz tal-FSIE; jappella biex l-indikaturi użati biex jiddefinixxu lill-pajjiżi u lir-reġjuni "sottorappreżentati" jkunu rieżaminati u l-lista ta' tali pajjiżi u reġjuni tkun regolarment verifikata matul l-implimentazzjoni tal-PQ;

26.  Jinnota li skont ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 għall-2014 u l-2015, l-UE-15 irċevew 88,6 % tal-fondi filwaqt li l-UE-13 irċevew biss 4,5 % – ċifra saħansitra inqas min dik tal-finanzjament għall-pajjiżi ta' assoċjazzjoni (6,4 %);

27.  Jilqa' l-isforzi biex jiġu assigurati rabtiet aħjar bejn iż-ŻER u ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, bil-għan li jiffaċilitaw modi ta' kif titħarreġ il-ġenerazzjoni ta' riċerkaturi li jmiss; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu inkorporati ħiliet ta' STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), tar-riċerka u tal-imprenditorija fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri sa minn fażi bikrija sabiex iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jiżviluppaw dawn il-ħiliet, billi r-R&Ż jenħtieġ li jitqiesu f'termini strutturali aktar milli ċikliċi jew temporali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtejbu l-istabilità u l-attrattività tal-impjiegi għar-riċerkaturi żgħażagħ;

28.  Jenfasizza l-importanza ta' aktar kooperazzjoni bejn l-industriji u s-sistemi universitarji u xjentifiċi sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta' strutturi ddedikati fi ħdan l-universitajiet u ċ-ċentri xjentifiċi biex tiżdied ir-rabta mas-settur tal-produzzjoni;

29.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni globali hija mezz importanti biex tissaħħaħ ir-riċerka Ewropea; jikkonferma li l-parteċipazzjoni internazzjonali niżlet minn 5 % fis-7PQ għal 2,8 % f'Orizzont 2020; ifakkar li l-PQ jenħtieġ li jikkontribwixxi sabiex jiżgura li l-Ewropa tibqa' protagonista globali ewlenija, waqt li jenfasizza l-importanza tad-diplomazija xjentifika; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina t-termini tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-PQ u tistabbilixxi miżuri konkreti u immedjati kif ukoll viżjoni strateġika fit-tul u struttura biex issostni dan l-objettiv; jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, l-inizjattivi bħal BONUS u PRIMA;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan id-9PQ u t-tixrid tad-diplomazija xjentifika;

31.  Ifakkar li l-integrazzjoni tax-xjenzi soċjali u umanistiċi tfisser riċerka dwar ix-xjenzi soċjali u umanistiċi fi proġetti interdixxiplinari u mhux żieda ex post għal proġetti li altrimenti huma teknoloġiċi, u li l-problemi l-aktar pressanti li qiegħda tiffaċċja l-UE jeħtieġu riċerka metodoloġika li hija aktar iffukata kunċettwalment fuq ix-xjenzi soċjali u umanistiċi; josserva li x-xjenzi soċjali u umanistiċi huma sottorappreżentati fil-PQ attwali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-possibbiltajiet għar-riċerkaturi fil-qasam tax-xjenzi soċjali u umanistiċi biex jipparteċipaw fil-proġetti interdixxiplinari tal-PQ u toffri biżżejjed fondi għas-suġġetti tax-xjenzi soċjali u umanistiċi;

32.  Jenfasizza l-bilanċ tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-programm Orizzont 2020 u jitlob li jittieħed approċċ simili għall-PQ li jmiss; jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' EIC(25), iżda jinsisti li jenħtieġ li dan ma jwassalx għas-separazzjoni tar-riċerka mill-innovazzjoni jew għal aktar frammentazzjoni tal-finanzjament, bħal fl-imgħoddi; jenfasizza li Orizzont 2020 mhuwiex biżżejjed iffukat biex iwarrab il-fażi msejħa l-"wied tal-mewt" li jikkostitwixxi l-ostaklu ewlieni għall-konverżjoni ta' prototipi fi produzzjoni;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-objettivi, l-istrumenti u l-funzjonament tal-EIC u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evalwati r-riżultati pilota tal-EIC; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi taħlita bbilanċjata ta' strumenti għall-portafoll tal-EIC; jenfasizza li l-EIC fl-ebda ċirkostanza m'għandu jieħu post il-Pilastru 2 u jenħtieġ li dan tal-aħħar ma jiżviluppax fi strument għall-finanzjament uniku iżda pjuttost jenħtieġ li r-riċerka kollaborattiva tibqa' l-qofol; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu u jissaħħu l-programmi "SME Instrument" (Strument għall-SMEs) u "Fast Track to Innovation" (Korsija Veloċi għall-Innovazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmi biex itejjeb l-inklużjoni tal-SMEs fi proġetti interdixxiplinari akbar fl-ambitu tad-9PQ bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) fl-istruttura attwali tal-EIT, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza u tal-involviment intensiv tal-partijiet ikkonċernati, u tanalizza kif l-EIT u l-KKI jistgħu jinteraġixxu mal-EIC; jitlob lill-Kummissjoni tfassal qafas għal investimenti kapitali ta' riskju privati f'kooperazzjoni mal-EIC biex jiġu inkoraġġiti l-investimenti kapitali ta' riskju fl-Ewropa;

34.  Jilqa' inizjattivi li jgħaqqdu flimkien is-setturi privati u pubbliċi sabiex jistimulaw ir-riċerka u l-innovazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn ta' tmexxija msaħħa tal-UE fil-prijoritizzazzjoni tal-bżonnijiet tar-riċerka pubblika u għal biżżejjed trasparenza, traċċabbiltà u livell ekwu ta' redditu pubbliku mill-investimenti ta' Orizzont 2020 f'termini ta' aċċessibbiltà ekonomika, disponibbiltà u idoneità tal-prodotti finali, u b'mod partikolari b'ċerti setturi sensittivi bħas-saħħa, filwaqt li jiġu ssalvagwardjat l-interess pubbliku u u garantit impatt soċjali ekwu; jistieden lill-Kummissjoni teżamina aktar il-mekkaniżmi, speċjalment fid-dawl tal-isfruttament fit-tul tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-għotjiet fornuti mill-PQ, billi tgħaqqad redditu pubbliku ekwu u inċentivi għall-parteċipazzjoni tal-industrija;

35.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-kunċett ta' Aċċess Miftuħ issa huwa prinċipju ġenerali fl-ambitu ta' Orizzont 2020; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-numru sostanzjali ta' pubblikazzjonijiet marbuta ma' proġetti ta' Orizzont 2020 sa Diċembru 2016(26) juri li l-politiki l-ġodda dwar l-infurzar tal-kondiviżjoni ta' data u għarfien huma rikjesti sabiex ikunu massimizzati r-riżultati tar-riċerka u l-ammont ta' data xjentifika disponibbli; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-kriterji ta' flessibbiltà li jafu jikkostitwixxu ostaklu għal dan l-objettiv, u żżid l-għarfien u l-iżvilupp;

36.  Jilqa' l-finanzjament pilota Open Research Data (Data dwar ir-Riċerka Miftuħa) bħala l-ewwel pass lejn Open Science Cloud (Cloud tax-Xjenza Miftuħa); jirrikonoxxi r-rilevanza u l-potenzjal tal-infrastrutturi elettroniċi u tas-superkomputazzjoni, il-bżonn ta' involviment tal-partijiet ikkonċernati u tas-soċjetà ċivili tas-settur pubbliku u privat u l-importanza tax-xjenza għaċ-ċittadini sabiex jiġi żgurat li s-soċjetà jkollha sehem aktar attiv fid-definizzjoni u fl-indirizzar tal-problemi u tal-preżentazzjoni konġunta tas-soluzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-komunità ta' riċerka pubblika u privata biex jeżaminaw mudelli ġodda li jintegraw riżorsi tal-cloud u tan-networking privati u infrastrutturi elettroniċi pubbliċi u t-tnedija ta' aġendi għaċ-ċittadini fix-xjenza u l-innovazzjoni;

37.  Jilqa' pożittivament il-kunċett introdott għall-ewwel darba mill-Kummissjoni taċ-ċentri ta' innovazzjoni, li se jkomplu jsaħħu l-qafas tal-innovazzjoni Ewropew billi jipprovdu assistenza lill-impriżi, b'mod partikolari SMEs, sabiex dawn itejbu l-mudelli tan-negozju u l-proċessi tal-produzzjoni tagħhom;

38.  Jinkoraġġixxi lill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali jkunu aktar involuti fil-promozzjoni ta' proġetti mogħtija l-Marka ta' Eċċellenza, u fl-assistenza fit-tfittxija għal sorsi oħrajn ta' finanzjament pubbliku jew privat, nazzjonali jew internazzjonali, għal dawk il-proġetti billi jsaħħu l-kooperazzjoni f'dan il-qasam fi ħdan in-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali;

Rakkomandazzjonijiet tad-9PQ

39.  Jemmen li l-UE għandha l-potenzjal li ssir ċentru globali ta' eċċellenza għar-riċerka u x-xjenza fuq skala dinjija; jemmen, barra minn hekk, li sabiex jiġu promossi t-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni, id-9PQ għandu jsir prijorità assoluta għall-Ewropa;

40.  Japprezza s-suċċess ta' Orizzont 2020 u l-fattur ta' lieva ta' 1:11; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi żieda fil-baġit ġenerali li tammonta għal EUR 120 biljun għad-9PQ; iqis li lil hinn miż-żieda fil-baġit, hemm bżonn qafas li jinkorpora l-innovazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiċċara l-kunċett ta' innovazzjoni u t-tipoloġiji differenti tagħha;

41.  Jinnota li l-UE qed tiffaċċja għadd kbir ta' sfidi sinifikanti u dinamiċi u jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Parlament Ewropew, fil-Pilastru 3 tipprovdi ġabra bbilanċjata u flessibbli ta' strumenti li twieġeb għan-natura dinamika tal-problemi emerġenti; jissottolinja l-ħtieġa li jingħata biżżejjed baġit għall-isfidi speċifiċi fil-Pilastru 3 kif ukoll il-ħtieġa ta' reviżjoni regolari tal-adegwatezza ta' dawk l-isfidi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm bilanċ adegwat bejn ir-riċerka fundamentali u l-innovazzjoni fi ħdan id-9PQ; josserva l-bżonn li tissaħħaħ ir-riċerka kollaborattiva; jissottolinja l-importanza ta' involviment aħjar tal-SMEs fil-proġetti kollaborattivi u fl-innovazzjoni;

43.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji bejn id-9PQ u l-fondi Ewropej iddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni u tistabbilixxi strumenti armonizzati u regoli allinjati għal tali fondi, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, u f'kooperazzjoni stretta mal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tqis r-rwol importanti tal-istandardizzazzjoni f'dak li jirrigwarda l-innovazzjoni anke fil-programmi qafas futuri;

44.  Jinnota li d-9PQ jenħtieġ li jindirizza l-problema possibbli tan-numru eċċessiv ta' applikazzjonijiet u r-rati baxxi ta' suċċess iffaċċjati fl-Orizzont 2020; jissuġġerixxi li titqies l-introduzzjoni mill-ġdid tal-proċedura ta' evalwazzjoni f'żewġ stadji li fiha l-ewwel stadju jkun unifikat waqt li t-tieni stadju jkun speċifikat u ddedikati għall-applikanti magħżula; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura ESRs komprensivi biżżejjed b'indikazzjonijiet dwar kif tista' tittejjeb il-proposta;

45.  Jisħaq fuq il-fatt li l-"valur miżjud Ewropew" irid jibqa' qofol inkontestat tal-P Q għar-riċerka;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tifred ir-riċerka dwar id-difiża mir-riċerka ċivili fil-QFP li jmiss, u toffri żewġ programmi differenti b'żewġ baġits separati li ma jaffettwawx l-ambizzjonijiet baġitarji tar-riċerka ċivili tad-9PQ; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta lill-Parlament il-modi possibbli ta' finanzjament tal-programm ta' riċerka futura fil-qasam tad-difiża skont it-Trattati, b'baġit iddedikat b'riżorsi ġodda u regoli speċifiċi; jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza parlamentari f'dan ir-rigward;

47.  Iqis li l-programm tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti għandu potenzjal kbir għall-futur u jirrappreżenta għodda tajba għat-tixrid ta' ideat innovattivi u kompetenzi fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa, fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-objettivi tal-UE dwar il-klima, li jingħata prijorità lill-finanzjament għar-riċerka dwar it-tibdil fil-klima u l-infrastruttura tal-ġbir ta' data dwar il-klima – b'mod partikolari billi l-Istati Uniti qegħdin jikkunsidraw tnaqqis baġitarju sinifikanti għall-istituzzjonijiet ta' riċerka ambjentali tal-Istati Uniti;

49.  Jenfasizza li d-9PQ għar-R&I jenħtieġ li jsaħħaħ il-progress soċjetali u l-kompetittività tal-UE, il-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi u l-ksib ta' għarfien u innovazzjonijiet ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kruċjali li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa, kif ukoll il-progress ulterjuri lejn l-iżvilupp ta' ŻER sostenibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-istruttura tal-pilastru attwali tal-PQ u jistieden lill-Kummissjoni żżomm din l-istruttura fl-interessi tal-kontinwità u tal-prevedibbiltà; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq il-koerenza, is-semplifikazzjoni, it-trasparenza u ċ-ċarezza tal-programm, fuq it-titjib tal-proċess ta' evalwazzjoni, it-tnaqqis tal-frammentazzjoni, id-duplikazzjoni, u l-evitar ta' piżijiet amministrattivi bla bżonn;

50.  Jirrikonoxxi li, sa ċertu punt, il-kompiti amministrattivi u r-riċerka jikkanċellaw lil xulxin; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-obbligi ta' rapportar jinżammu f'livell minimu, sabiex jiġi evitat li l-burokrazija żejda tostakola l-innovazzjoni u jiġi żgurat l-użu effikaċi tal-finanzjament fl-ambitu tad-9PQ filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-awtonomija tar-riċerka; jinkoraġġixxi, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fir-rigward tas-semplifikazzjoni;

51.  Jinnota li l-Kummissjoni qiegħda ssemmi dejjem aktar l-appoġġ ibbażat fuq l-output; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-"output" b'aktar preċiżjoni;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sinerġiji bejn il-PQ u l-fondi l-oħra u jindirizzaw il-problema tan-nuqqasijiet fir-riċerka li qegħdin jiffaċċjaw reġjuni ta' konverġenza f'xi Stati Membri, b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' addizzjonalità; jesprimi dispjaċir li allokazzjonijiet finanzjarji mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-infiq fir-R&Ż nazzjonali f'reġjuni fejn dawn il-fondi japplikaw, u jinsisti li dawn iridu jiżdiedu man-nefqa pubblika nazzjonali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament pubbliku tar-R&I jitqies bħala investiment fil-futur aktar milli spiża;

53.  Jinnota li l-investimenti reali fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ambitu tal-Fondi Strutturali huma possibbli biss permezz ta' regolamentazzjoni adegwata tal-kuntest fl-Istati Membri; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm konnessjoni aktar b'saħħitha bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal riformi strutturali u l-innovazzjonijiet fir-R&I;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ċentri u reġjuni ġodda ta' eċċellenza ogħla u l-importanza li tkompli tiġi żviluppata ż-ŻER; jisħaq fuq il-bżonn li jkunu fornuti aktar sinerġiji bejn il-PQ, il-FEIS u l-FSIE biex dan l-għan jintlaħaq; jitlob l-implimentazzjoni ta' politiki biex jitneħħew ostakli bħal salarji aktar baxxi li jiffaċċjaw pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar sabiex jiġi evitat l-eżodu ta' mħuħ; jappella biex l-eċċellenza tal-proġett tingħata prijorità fuq l-eċċellenza tal-istituzzjonijiet "elite" ewlenin;

55.  Huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu inklużi inċentivi għall-użu tal-Fondi SIE għall-investimenti fir-R&I fejn hemm rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal dak l-għan jew fejn jiġu identifikati d-dgħufijiet; jikkonkludi li l-Fondi SIE għal investimenti fir-R&I se jiġġeneraw EUR 65 biljun fil-perjodu 2014-2020; jipproponi, għalhekk, li r-riżerva ta' prestazzjoni għall-Fondi SIE stabbilita fl-Istati Membri tiġi użata biex jiġi investit proporzjon sostanzjali tad-dħul mill-Fondi Strutturali fir-R&I;

56.  Jilqa' pożittivament il-prinċipju u l-potenzjal tal-Marka ta' Eċċellenza, bħala tikketta ta' kwalità għal sinerġiji bejn il-Fondi SIE u Orizzont 2020, iżda jinnota li dan ma jiġix applikat biżżejjed fil-prattika, minħabba n-nuqqas ta' finanzjament fl-Istati Membri; jemmen li l-proġetti – li ġew ppreżentati għall-finanzjament fl-ambitu ta' Orizzont 2020, għaddew kriterji stretti ta' selezzjoni u aġġudikazzjoni b'eżitu pożittiv, iżda li ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba restrizzjonijiet tal-baġit – għandhom jiġu ffinanzjati mir-riżorsi tal-Fondi SIE, jekk dawn ir-riżorsi jkunu disponibbli għal dak l-għan; jirrimarka li mekkaniżmu simili għandu jiġi definit ukoll għall-proġetti ta' riċerka kollaborattiva;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi livelli ta' appoġġ akbar fl-ambitu tad-9PQ għar-riċerkaturi żgħażagħ, bħal għodod ta' networking pan-Ewropej, u ssaħħaħ l-iskemi ta' finanzjament għal riċerkaturi fi stadju bikri b'inqas minn sentejn esperjenza wara t-tlestija ta' PhD;

58.  Josserva li l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie huma rikonoxxuti minn bosta bħala sors ta' finanzjament fost ir-riċerkaturi u jippromwovu l-mobilità tar-riċerkaturi u l-iżvilupp tar-riċerkaturi żgħażagħ; huwa tal-fehma li, fl-interessi tal-kontinwità, ikun tajjeb li l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jkomplu jiġu ffinanzjati fid-9PQ;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu l-investimenti privati fir-R&Ż&I, li jridu jiżdiedu ma' dawk pubbliċi u mhux jissostitwixxuhom; ifakkar li ż-żewġ terzi tat-3 % tal-PDG għar-R&Ż jentħieġ li jiġu mis-settur privat(27); japprezza l-isforzi li saru s'issa mill-industrija u, fid-dawl tar-riżorsi ġeneralment skarsi għall-infiq pubbliku fir-R&Ż, jistieden lis-settur privat jinvolvi ruħu aktar fl-infiq għar-R&Ż, kif ukoll fl-Aċċess Miftuħ u fix-Xjenza Miftuħa; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina l-grad ta' parteċipazzjoni tal-industrija l-kbira (permezz ta' self, għotjiet jew a spejjeż tagħhom), skont il-kobor tal-valur miżjud Ewropew tal-proġett u tal-potenzjal tiegħu li jkun forza motriċi għall-SMEs, u fl-istess ħin jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-bżonnijiet ta' kull settur; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-kontribuzzjonijiet in natura biex ikun żgurat li l-investimenti huma reali u ġodda;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza u ċ-ċarezza tar-regoli għall-kooperazzjoni pubblika-privata fi ħdan proġetti tad-9PQ b'segwitu għar-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-evalwazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tivverifika u tivvaluta l-istrumenti eżistenti għal sħubijiet pubbliċi-privati;

61.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tal-industrija għandha tibqa' tiġi promossa, irrispettivament mill-istrument tal-SMEs, peress li f'ħafna oqsma l-industrija ġġib magħha l-kompetenzi neċessarji u tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja importanti;

62.  Jesprimi dispjaċir dwar il-ġabra mħallta ta' riżultati miksuba mill-enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi f'Orizzont 2020, peress li l-uniku objettiv li ntlaħaq huwa dak tal-perċentwal ta' nisa fil-gruppi ta' konsulenza, waqt li l-perċentwal ta' nisa fil-gruppi ta' evalwazzjoni tal-proġetti u fost il-koordinaturi ta' proġetti, u d-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni għadhom taħt il-livelli fil-mira; jissottolinja l-bżonn li jitjiebu l-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi fid-9PQ u jintlaħqu l-livelli fil-mira fir-regolament Orizzont 2020, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju biex teżamina l-ostakli jew id-diffikultajiet li jistgħu jikkundizzjonaw s-sottorappreżentanza tan-nisa fil-programm; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, abbażi tal-objettivi taż-ŻER, joħolqu ambjent ġuridiku u politiku bbilanċjat fil-lat tal-ġeneru u joffru inċentivi għall-bidla; jilqa' pożittivament il-Linji Gwida tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ugwaljanza tal-Ġeneru fl-ambitu ta' Orizzont 2020(28); ifakkar li, skont dawn il-Linji Gwida, il-bilanċ tal-ġeneru huwa wieħed mill-fatturi ta' ordni ta' prijorità tal-proposti bl-istess punteġġ 'il fuq mil-livell minimu;

63.  Jinnota li l-PQ li jmiss ser ikollu jqis il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-implikazzjonijiet ta' dan; jinnota li r-R&I jibbenefikaw minn oqfsa ċari u stabbli fit-tul, u li r-Renju Unit għandu pożizzjoni fuq quddiem fil-qasam tax-xjenza; jesprimi x-xewqa li n-netwerks u l-kollaborazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE jkunu jistgħu jkomplu fil-qasam tar-riċerka, u li, f'ċerti kundizzjonijiet, tkun tista' tinstab malajr soluzzjoni stabbli u sodisfaċenti, biex ikun żgurat li l-UE ma titlifx ir-riżultati xjentifiċi miksuba fil-qafas ta' Orizzont 2020 u tad-9PQ;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 948.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 174.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 892.
(7) ĠU L 169, 7.6.2014, pp. 54-178.
(8) ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9.
(9) ĠU L 192, 1.7.2014, p. 1.
(10) ĠU L 169, 7.6.2014, pp. 1-53.
(11) http://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/hlg_issue_papers.pdf.
(12) ĠU C 34, 2.2.2017, p. 24.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0052.
(14) Testi adottati, P8_TA(2017)0075.
(15) Testi adottati, P8_TA(2016)0311.
(16) Testi adottati, P8_TA(2016)0320.
(17) Studju tal-EPRS ta' Frar 2017 "Horizon 2020, the EU framework programme for research and innovation". European Implementation Assessment" (Orizzont 2020, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea).
(18) B'aktar minn 130 000 proposta li ġew riċevuti, 9 000 għotja li ġew iffirmati, 50 000 parteċipazzjoni u EUR 15,9 biljun ta' finanzjament mill-UE.
(19) Żewġ terzi tat-3 % tal-PDG għar-R&Ż jenħtieġ li jiġu mill-industrija. Ara n-nefqa għar-R&Ż privati tal-Eurostat: http://ec.europa.eu/eurostat/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=tsc00031&plugin=1
(20) http://ec.europa.eu/invest-in-research/pdf/download_en/barcelona_european_council.pdf
(21) Bħala total, is-seba' ITK jirrappreżentaw aktar minn EUR 7 biljun tal-fondi Orizzont 2020, madwar 10 % tal-baġit totali ta' Orizzont 2020 u aktar minn 13 % tal-finanzjament reali disponibbli għal sejħiet fl-ambitu ta' Orizzont 2020 (madwar EUR 8 biljun fis-sena fuq seba' snin).
(22) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015.
(23) Studju tal-EPRS ta' Frar 2017 "Horizon 2020 EU framework programme for research and innovation - European Implementation Assessment".
(24) Infrastruttura tar-riċerka kbira tinkwadra sew taħt il-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tal-FEŻR, iżda fondi tal-FEŻR allokati f'livell nazzjonali ma jistgħux jintużaw biex jikkofinanzjawha; spejjeż ta' kostruzzjoni assoċjati ma' infrastrutturi ta' riċerka ġodda huma eleġibbli skont il-FEŻR, iżda spejjeż operattivi u tal-persunal mhumiex.
(25) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu" (COM(2016)0733);
(26) Rapport OpenAIRE: F'Orizzont 2020, 2 017 minn numru totali ta' 10 684 proġett (19 %) tlestew filwaqt li 8 667 għadhom għaddejjin. OpenAIRE identifika 6 133 pubblikazzjoni marbuta ma' 1 375 proġett ta' Orizzont 2020.
(27) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015.
(28) Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ugwaljanza tal-Ġeneru fl-ambitu ta' Orizzont 2020.http://eige.europa.eu/sites/default/files/h2020-hi-guide-gender_en.pdf

Avviż legali