Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2326(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0202/2017

Testi mressqa :

A8-0202/2017

Dibattiti :

PV 12/06/2017 - 15
CRE 12/06/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2017 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0254

Testi adottati
PDF 403kWORD 63k
It-Tlieta, 13 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020
P8_TA(2017)0254A8-0202/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020 (2016/2326(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (‘ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni’),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 – Baġit tal-UE iffukat fuq ir-riżultati" (COM(2016)0603),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea - l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2010 dwar Strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju(12), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u r-rwol tal-makroreġjuni fil-futur tal-politika ta' koeżjoni(13), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku(14), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar "Għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)"(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE(20),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020(21) u dik tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-Reġjuni Ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020(23),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-monitoraġġ tas-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport speċjali nru 31 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri "Infiq ta' mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti", adottat fil-21 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 2015(24) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE,

–  wara li kkunsidra rapport speċjali Nru 19/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 bit-titolu "European Structural and Investment Funds and European Fund for Strategic Investments complementarities - ensuring coordination, synergies and complementarity" (Il-komplementarjetajiet bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi - l-iżgurar tal-koordinament, is-sinerġiji u l-komplementarjetà),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0202/2017),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE toriġina mit-TUE u t-TFUE u tikkostitwixxi espressjoni tas-solidarjetà tal-UE bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, billi ssegwi l-objettiv imsejjes fuq it-Trattat tagħha li tnaqqas id-differenzi reġjonali u tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni kollha fl-UE;

B.  billi l-funzjonament tal-UE bħala "għodda ta' konverġenza" waqaf wara l-2008, u dan ikkawża żieda fid-diverġenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri u fihom stess, u barra minn hekk żied l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi fl-UE kollha; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni fil-livell Ewropew hija effikaċi ħafna, b'mod partikolari fil-promozzjoni ta' diversi forom ta' kooperazzjoni territorjali, u għaldaqstant tibqa' – fid-dimensjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha – politika urġentement neċessarja li tikkombina l-ħtiġijiet speċifiċi ta' territorju mal-prijoritajiet tal-UE u twassal riżultati tanġibbli fuq il-post għaċ-ċittadini kollha;

C.  billi l-politika ta' koeżjoni kienet u għadha l-politika ta' investiment ewlenija, b'suċċess kbir u apprezzata ħafna fil-livell tal-UE għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi sostenibbli u l-ħolqien ta' tkabbir u kompetittività intelliġenti, sostenibbli u inklużivi wara l-2020, b'mod speċjali fil-kuntest ta' tnaqqis qawwi fl-investimenti pubbliċi u privati f'bosta Stati Membri u l-implikazzjonijiet tal-globalizzazzjoni; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni s'issa kellha rwol essenzjali u wriet kapaċità ta' rispons sinifikanti għar-restrizzjonijiet makroekonomiċi;

D.  billi l-aħħar riforma tal-politika ta' koeżjoni fl-2013 kienet estensiva u sostanzjali, peress li ffokat fuq il-politika favur approċċ orjentat lejn ir-riżultati, il-konċentrazzjoni tematika, l-effikaċja u l-effiċjenza fuq naħa u l-prinċipji, inklużi s-sħubija, il-governanza f'diversi livelli, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-approċċi bbażati fuq il-post fuq in-naħa l-oħra;

E.  billi l-politika ta' koeżjoni mġedda rriżultat f'bidla fl-enfasi minn politika bbażata fuq proġetti kbar marbuta mal-infrastruttura għal politika intiża biex tistimola l-ekonomija tal-għarfien u l-innovazzjoni

F.  billi dawn il-prinċipji għandhom jinżammu u jiġu kkonsolidati wara l-2020 sabiex jiġu żgurati l-kontinwità, il-viżibilità, iċ-ċertezza tad-dritt, l-aċċessibilità u t-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-politika;

G.  billi sabiex il-politika ta' koeżjoni tkun ta' suċċess wara l-2020, huwa essenzjali li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet maniġerjali, li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-politika u l-livelli ta' verifiki u kontrolli biex tiżdied il-proporzjonalità, jiġi introdott d-divrenzjar fl-implimentazzjoni tal-programmi u jiġu ssimplifikati r-regoli u l-proċeduri, peress li attwalment hija meqjusa bħala kumplessa żżejjed;

H.  billi dawn l-elementi – flimkien mal-approċċ ta' politika integrata u l-prinċipju ta' sħubija – juru l-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni;

I.  billi l-limitazzjonijiet dejjem jiżdiedu kemm fuq il-baġit tal-UE kif ukoll fuq dak nazzjonali u l-konsegwenzi ta' Brexit m'għandhomx iwasslu għall-indeboliment tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, biex in-negozjaturi UE/Renju Unit jirriflettu fuq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li r-Renju Unit ikompli jipparteċipa fil-programmi ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea;

J.  billi l-politika ta' koeżjoni diġà tindirizza firxa wiesgħa ħafna ta' sfidi marbuta mal-objettivi tagħha kif stabbilit fit-Trattati u wieħed ma jistax jistenna li din tindirizza l-isfidi ġodda kollha li l-UE se tħabbat wiċċha magħhom wara l-2020 bl-istess baġit jew b'baġit iċken, għad li l-impatt jaf ikun akbar jekk l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet ikollhom aktar flessibilità biex jirreaġixxu għal sfidi politiċi ġodda;

Il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni tal-UE

1.  Jopponi bil-qawwa kwalunkwe xenarju għall-UE27 sal-2025, kif stabbilit fil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li kieku jnaqqas l-isforzi tal-UE b'rabta mal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għall-kuntrarju, tippreżenta proposta leġiżlattiva komprensiva għal politika ta' koeżjoni b'saħħitha u effikaċi għal wara l-2020;

2.  Jissottolinja li t-tkabbir u l-konverġenza reġjonali, ekonomika u soċjali ma jistgħux jinkisbu mingħajr governanza tajba, kooperazzjoni, fiduċja reċiproka bejn il-partijiet ikkonċernati kollha u l-involviment effikaċi tas-sħab fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif huwa minqux fil-prinċipju ta' sħubija (l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni); itenni li l-arranġament għall-ġestjoni kondiviża tal-politika ta' koeżjoni tal-UE jipprovdi lill-UE b'għodda unika biex tindirizza b'mod dirett l-interessi taċ-ċittadini fir-rigward tal-isfidi interni u esterni; huwa tal-opinjoni li l-ġestjoni konġunta, li hija msejsa fuq il-prinċipju tas-sħubija, il-governanza f'diversi livelli u l-koordinament ta' livelli amminstrattivi differenti, hija ta' importanza sinifikanti biex jiġi żgurat li jkun hemm sjieda u responsabilità għall-implimentazzjoni tal-politika fost il-partijiet ikkonċernati kollha;

3.  Jenfasizza l-effetti katalistiċi tal-politika ta' koeżjoni u t-tagħlimiet għall-amministrazzjonijiet, il-benefiċjarji u l-partijiet ikkonċernati; jenfasizza l-approċċ orizzontali u trażversali tal-politika ta' koeżjoni bħala politika intelliġenti, sostenibbli u inklużiva li tipprovdi qafas għall-mobilizzazzjoni u l-koordinament ta' atturi nazzjonali u sottonazzjonali, u għall-involviment dirett tagħhom biex jaħdmu flimkien ħalli jilħqu l-prijoritajiet tal-UE permezz ta' proġetti kkofinanzjati; jitlob, f'dan il-kuntest, biex ikun hemm koordinament u kooperazzjoni ottimali bejn id-DĠ tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika ta' koeżjoni u DĠ oħra, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

4.  Jiddispjaċih għall-adozzjoni tardiva ta' bosta programmi operattivi u d-deżinjazzjoni tardiva tal-awtorità maniġerjali f'xi Stati Membri tul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jilqa' l-ewwel sinjali tal-implimentazzjoni aċċellerata tal-programmi operattivi osservati tul l-2016; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bit-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar bil-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni u tidentifika l-kawżi tad-dewmien, u tipproponi mezzi prattiċi u miżuri biex tevita tali problemi fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; iħeġġeġ bil-qawwa lill-atturi kollha involuti biex ikomplu jtejbu u jaċċelleraw aktar l-implimentazzjoni mingħajr ma jikkawżaw ostakli;

5.  Jinnota li n-nuqqasijiet tas-sistema għall-ippjanar u l-implementazzjoni finanzjarji wasslu għall-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa u ta' arretrat mingħajr preċedent li ġie riportat mill-aħħar Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal dak attwali; jappella lill-Kummissjoni sabiex toħroġ b'soluzzjoni strutturata biex issolvi tali problemi qabel jintemm il-QFP attwali u biex twaqqafhom milli jkollhom riperkussjonijiet fil-QFP li jmiss; jissottolinja li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament irid jikkorrispondi mal-impenji preċedenti, b'mod speċjali lejn tmiem il-perjodu, meta l-livell tat-talbiet għal pagament mill-Istati Membri għandu tendenza jiżdied b'mod sinifikanti;

6.  Jirrikonoxxi li, f'xi Stati Membri, il-prinċipju ta' sħubija wassal għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, filwaqt li għad hemm lok għal titjib sabiex jiġi żgurat l-involviment reali u bikri tal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm aktar responsabilità u viżibilità fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni mingħajr ma jiżdiedu l-piżijiet amministrattivi jew jiġi kkawżat dewmien; jissottolinja li l-partijiet ikkonċernati jenħtieġ ikomplu jkunu involuti f'konformità mal-approċċ ta' governanza f'diversi livelli; huwa tal-opinjoni li l-prinċipju tas-sħubija u l-kodiċi ta' kondotta fil-futur jenħtieġ jissaħħu ulterjorment permezz, perezempju, tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti minimi ċari għall-involviment fis-sħubija;

7.  Jisħaq li, minkejja li l-politika ta' koeżjoni mmitigat l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti fl-UE, kif ukoll l-impatt tal-miżuri ta' awsterità, id-differenzi reġjonali, kif ukoll id-differenzi fil-kompetittività u l-inugwaljanzi soċjali, għadhom kbar; jappella għal azzjoni msaħħa biex jitnaqqsu dawn id-differenzi u jiġi impedit l-iżivlupp ta' differenzi ġodda fit-tipi kollha ta' reġjuni, filwaqt li jinżamm u jiġi kkonsolidat is-sostenn għar-reġjuni bil-għan li tiġi ffaċilitata s-sjieda tal-politika f'kull tip ta' reġjun u sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fl-UE kollha; iqis, f'dan il-kuntest, li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni biex ir-reġjuni jsiru aktar reżiljenti għall-ħasdiet;

8.  Josserva li l-kooperazzjoni territorjali fis-suriet kollha tagħha, inklużi l-istrateġiji makroreġjonali, li l-potenzjal tagħhom għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ, tittrasponi l-kunċett tal-kooperazzjoni politika u l-koordinament tar-reġjuni u ċ-ċittadini min naħa ta' fruntiera għal oħra fl-UE; jissottolinja l-valur tal-politika ta' koeżjoni meta jiġu indirizzati l-isfidi inerenti għall-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u r-reġjuni tat-Tramuntana l-aktar mbiegħda u b'popolazzjoni baxxa, kif previst mill-Artikolu 174 TFUE, ir-reġjuni ultraperiferiċi definiti fl-Artikoli 349 u 355 TFUE li jgawdu minn status speċjali u li l-għodod u l-finanzjament speċifiċi tagħhom għandhom jinżammu sa wara l-2020, u r-reġjuni periferiċi;

9.  Jinnota li l-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija waħda mill-għanijiet importanti tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 li żżid valur miżjud sostanzjali għall-objettivi tal-UE, tħeġġeġ is-solidarjetà bejn ir-reġjuni tal-UE u mal-ġirien tagħha u tiffaċilità l-iskambju ta' esperjenza u t-trasferiment ta' prattika tajba, pereżempju permezz ta' dokumenti standardizzati; jinsisti fuq il-ħtieġa li tkompli ssir ħidma favur il-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali bħala parti mill-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali f'konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE; iqis li din għandha tibqa' strument importanti wara l-2020; jissottolinja, minkejja dan, li l-baġit attwali tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea ma jikkorrispondix mal-isfidi l-kbar li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-programmi Interreg u lanqas ma jappoġġa b'mod effikaċi l-kooperazzjoni transfruntiera; jitlob, għaldaqstant, li fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss ikun hemm baġit miżjud sostanzjalment għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea;

10.  Jissottolinja l-importanza tal-programm ta' kooperazzjoni Interreg Europe attwali għall-awtoritajiet pubbliċi Ewropej biex jiffaċilità l-iskambju ta' esperjenza u t-trasferiment ta' prattika tajba; jissuġġerixxi li l-possibilitajiet ta' finanzjament fil-programm ta' kooperazzjoni Interreg Europe li jmiss wara l-2020 jiġu estiżi bil-għan li jkun jista' jsir investiment fil-proġetti pilota fiżiċi u fil-proġetti ta' dimostrazzjoni, filwaqt li jitqies ukoll l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-Ewropa kollha;

L-arkitettura tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020 – il-kontinwità u l-oqsma fejn jeħtieġ isir titjib

11.  Jissottolinja li l-klassifikazzjoni attwali tar-reġjuni, ir-riformi introdotti, bħall-konċentrazzjoni tematika, u l-qafas ta' prestazzjoni taw prova tal-valur tal-politika ta' koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta ideat għal flessibilità akbar fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kollu kemm hu; iqis il-ħolqien ta' riżerva bħala opzjoni interessanti f'dan il-kuntest biex jiġu indirizzati avvenimenti kbar mhux previsti tul il-perjodu ta' programmazzjoni u biex tiġi ffaċilitata r-riprogrammazzjoni tal-programmi operattivi bil-għan li l-investimenti FSIE jiġu adattati għall-ħtiġijiet mutevoli ta' kull reġjun, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-effetti tal-globalizzazzjoni fil-livell reġjonali u lokali mingħajr ma, minkejja dan, jintlaqtu b'mod negattiv l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni jew l-orjentazzjoni strateġika, l-objettivi fit-tul u ċ-ċertezza tal-ippjanar u l-istabilità tal-programmi pluriennali għall-awtorità lokali;

12.  Jirrikonoxxi l-valur tal-kondizzjonalitajiet ex ante, b'mod partikolari l-kondizzjonalità dwar l-Istrateġiji dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3), li jkomplu jappoġġaw il-programmazzjoni strateġika tal-Fondi SIE u wasslu għal żieda fl-orjentazzjoni lejn ir-riżultati; jinnota li l-kondizzjonalitajiet ex ante jippermettu lill-FSIE jappoġġaw b'mod effikaċi l-għanijiet tal-Ewropa wara l-2020, mingħajr preġudizzju għall-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, kif stabbiliti fit-Trattat;

13.  Jopponi l-kundizzjonalitajiet makroekonomiċi u jenfasizza li r-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-proċessi ta' governanza ekonomika fis-Semestru Ewropew u trid tkun ibbilanċjata, reċiproka u nonpunittiva fir-rigward tal-partijiet kollha interessati; jappoġġa rikonoxximent ulterjuri tad-dimensjoni territorjali li jaf ikun tkun ta' benefiċċju għas-Semestru Ewropew, jiġifieri l-governanza ekonomika u l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll it-tkabbir sostenibbli, l-impjieg u l-protezzjoni ambjentali, għandhom jitqiesu b'approċċ ekwilibrat;

14.  Jemmen, fid-dawl tal-fatt li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni huwa intiż biex jagħti spinta lill-investiment, it-tkabbir u l-impjieg fl-UE kollha, li l-Kummissjoni għandha tesplora, fis-7 Rapport dwar il-Koeżjoni, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet tal-Istati Membri, kif tindirizza l-impatt ta' dawn l-investimenti fuq id-defiċit tal-baġit ta' dawn il-gvernijiet;

15.  Josserva li ż-żieda fil-kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali – u għaldaqstant it-tisħiħ tal-aġenziji nazzjonali u reġjonali għas-sostenn tal-investimenti – fil-qasam tal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi, kif ukoll il-kwalità tat-taħriġ professjonali fl-Istati Membri u r-reġjuni, hija kruċjali biex ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni tkun f'waqtha u ta' suċċess u bil-għan li tintlaħaq konverġenza lejn standards ogħla; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tal-inizjattiva Taiex Regio Peer 2 Peer li ttejjeb il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali u tipproduċi riżultati aħjar għall-investimenti tal-UE;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata s-sistema ta' ġestjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-livelli ta' governanza kollha, billi jiġu ffaċilitati l-ipprogrammar, il-ġestjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi, bil-għan li din issir aktar aċċessibbli, flessibli u effikaċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-ġlieda kontra l-gold-plating fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-possibilitajiet għall-koeżjoni elettronika u t-tipi speċifiċi ta' nefqa, bħal skala standard ta' spejjeż għal kull unità u ammonti b'rata fissa taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u tintroduċi pjattaforma diġitali jew one-stop shops għall-informazzjoni għall-applikanti u l-benefiċjarji; jappoġġa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġew adottati s'issa mill-"Grupp ta' Livell Għoli għall-monitoraġġ tas-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE", u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar soluzzjonijiet ibbażati fuq il-proporzjonalità u d-divrenzjar fl-implimentazzjoni tal-programmi, ibbażati fuq ir-riskju, kriterji objettivi u inċentivi pożittivi għall-programmi, l-iskala u l-kapaċità amministrattiva tagħhom, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-bosta livelli ta' awditjar, li għandhom jiffokaw fuq il-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, b'mod partikolari l-frodi u l-korruzzjoni, u l-għadd ta' kontrolli, biex tintlaħaq aktar armonizzazzjoni bejn il-politika ta' koeżjoni, il-politika ta' kompetizzjoni u politiki oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari r-regoli tal-għajnuna mill-Istat, li japplikaw għal-Fondi SIE iżda mhux lill-FEIS jew Orizzont 2020, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-possibilità li jkun hemm sett wieħed ta' regoli għall-Fondi SIE kollha bil-għan li l-finanzjament isir aktar effiċjenti filwaqt illi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Fond;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni, bil-għan li ssir simplifikazzjoni reali, u bi qbil mal-awtorità maniġerjali tal-programmi nazzjonali u reġjonali, biex tfassal pjan fattibbli ħalli r-reġim tal-ispejjeż issemplifikati jiġi estiż għall-FEŻR, anki f'dak li jikkonċerna l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-proposta għal regolament biex jiġu emendati r-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit – l-hekk imsejjaħ regolament Omnibus;

19.  Jemmen li l-għotjiet għandhom jibqgħu l-bażi għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, ir-rwol dejjem akbar tal-istrumenti finanzjarji; josserva li s-self, l-ekwità jew il-garanziji jista' jkollhom rwol komplementari, iżda dawn għandhom jintużaw b'kawtela, abbażi ta' valutazzjoni ex ante xierqa, u l-għotjiet għandhom ikunu kkomplementati biss f'każijiet meta dawn l-istrumenti finanzjarji juru valur miżjud u jista' jkollhom effett ta' lieva billi jattiraw sostenn finanzjarju addizzjonali, filwaqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali u d-diversità tal-prattiki u l-esperjenzi;

20.  Jisħaq fuq l-importanza li tingħata assistenza mill-Kummissjoni, il-BEI u l-Istati Membri lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji innovattivi permezz ta' pjattaformi bħal Fi-compass jew billi jipprovdu inċentivi għall-benefiċjarji; ifakkar li dawn l-istrumenti mhumiex adegwati għat-tipi kollha ta' interventi taħt il-politika ta' koeżjoni; huwa tal-opinjoni li r-reġjuni kollha, fuq bażi volontarja, għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji skont il-ħtiġijiet tagħhom; jopponi ruħu, madankollu, għall-objettivi kwantitattivi vinkolanti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji, u jissottolinja l-punt li l-użu dejjem jiżdied tal-istrumenti finanzjarji m'għandux iwassal għal tnaqqis tal-baġit tal-UE b'mod ġenerali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura sinerġiji u komunikazzjoni aħjar bejn il-Fondi SIE u fondi u programmi oħra tal-Unjoni, inkluż il-FEIS, u tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet li jagħmlu użu minn diversi fondi; jisħaq fuq il-punt li l-FEIS m'għandux jimmina l-koerenza strateġika, il-konċentrazzjoni territorjali u l-perspettiva fit-tul tal-ipprogrammar tal-politika ta' koeżjoni, u la għandu jieħu post jew jeskludi l-għotjiet u lanqas jimmira li jissostitwixxi jew inaqqas il-baġit tal-FEIS; jinsisti fuq l-addizzjonalità reali tar-riżorsi tiegħu; jitlob l-istabbiliment ta' delimitazzjonijiet ċari bejn il-FEIS u l-politika ta' koeżjoni, u li jingħataw opportunitajiet biex dawn ikunu jistgħu jiġu kkombinati u użati mingħajr ma jitħalltu, peress li, bis-saħħa ta' dan, l-istruttura tal-finanzjament issir aktar attraenti, bil-għan li jsir użu tajjeb mir-riżorsi skarsi tal-UE; jemmen li hija meħtieġa armonizzazzjoni tar-regoli għal operazzjonijiet li jagħmlu użu minn diversi fondi, kif ukoll strateġija ta' komunikazzjoni ċara dwar il-possibilitajiet ta' finanzjament eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tiżviluppa sett ta' għodod għall-benefiċjarji;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq l-iżvilupp ta' sett addizzjonali ta' indikaturi li jikkomplementaw l-indikatur tal-PDG, li għadu l-metodu leġittimu u affidabbli ewlieni għall-allokazzjoni tal-Fondi SIE b'mod ġust; jemmen li l-Indiċi ta' Progress Soċjali jew indikatur demografiku għandhom jiġu evalwati u meqjusa f'dan il-kuntest, bil-għan li tiġi pprovduta stampa komprensiva tal-iżvilupp reġjonali; iqis li tali indikaturi jistgħu jagħtu rispons aħjar għat-tipi kollha ta' inugwaljanza li qed jinħolqu bejn ir-reġjuni tal-UE; jisħaq, barra minn hekk, fuq ir-rilevanza tal-indikaturi tal-eżitu biex tissaħħaħ l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati u l-prestazzjoni tal-politika;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis miżuri mmirati biex isolvu l-kwistjoni tal-finanzjament nazzjonali tal-proġetti ta' politika ta' koeżjoni fid-dawl tal-problema li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi Stati Membri ċċentralizzati ħafna li m'għandhomx biżżejjed kapaċitajiet fiskali u finanzjarji u li jgħaddu minn diffikultajiet kbar fi proġetti kkofinanzjati, u spiss anki fit-tħejjija tad-dokumentazzjoni marbuta mal-proġetti, minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji disponibbli, u dan jostakola l-użu sħiħ tal-politika ta' koeżjoni;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tuża l-livell NUTS III bħala klassifikazzjoni tar-reġjuni fil-politika ta' koeżjoni għal ċerti prijoritajiet magħżula;

Oqsma ta' politika ewlenin għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020

25.  Jisħaq fuq l-importanza tal-FSE, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, speċjalment fil-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni, li jinsabu f'livell storikament għoli, b'mod partikolari f'reġjuni anqas żviluppati, reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom l-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi – fid-dawl tal-fatt li dawn jikkostitwixxu 80 % tal-impjiegi fl-Unjoni – fil-promozzjoni ta' setturi innovattivi bħalma huma l-ekonomija diġitali u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

26.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020 għandha tkompli tieħu ħsieb il-persuni vulnerabbli u emarġinati, tindirizza l-inugwaljanzi li kulma jmur qegħdin jiżdiedu u tibni s-solidarjetà; jinnota l-impatt pożittiv f'dak li jikkonċerna l-valur miżjud soċjali u okkupazzjonjali tal-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura; josserva, barra minn hekk, il-ħtieġa li tinżamm l-inklużjoni soċjali, inkluż l-infiq tal-FSE, ikkomplementata mill-investimenti FEŻR f'dak il-qasam;

27.  Jissuġġerixxi li jsir użu aħjar mill-Fondi SIE sabiex jiġu indirizzati kemm it-tibdil demografiku kif ukoll il-konsegwenzi reġjonali u lokali tiegħu; huwa tal-opinjoni li f'reġjuni li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi, bħad-depopolazzjoni, il-Fondi SIE għandhom ikunu mmirati bl-aħjar mod biex joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir;

28.  Jinnota l-importanza dejjem tiżdied tal-Aġenda Territorjali u tas-sħubijiet ta' suċċess bejn iż-żoni rurali u urbani, kif ukoll ir-rwol eżemplari tal-bliet intelliġenti bħala mikrokosmi u katalisti għal soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi reġjonali u lokali;

29.  Jilqa' l-Patt ta' Amsterdam u r-rikonoxximent akbar li ngħata lir-rwol tal-bliet u taż-żoni urbani fit-tfassil tal-politiki Ewropej, u jitlob implimentazzjoni effikaċi tal-metodu ta' ħidma kooperattiv permezz tas-sħubijiet previsti mill-Patt; jistenna li r-riżultati jiġu inkorporati fil-politiki futuri tal-UE għal wara l-2020;

30.  Jissottolinja d-dimensjoni urbana mtejba tal-politika ta' koeżjoni fl-għamla ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għall-iżvilupp urban sostenibbli u għal azzjonijiet innovattivi urbani; iqis li wara l-2020 dan għandu jiġi żviluppat ulterjorment u msaħħaħ mil-lat finanzjarju, u li s-sottodelega ta' kompetenzi għal livelli inferjuri għandha tiġi msaħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-koordinament bejn diversi miżuri mmirati lejn il-bliet biex jittejjeb is-sostenn dirett lill-gvernijiet lokali fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni billi tipprovdi finanzjament u strumenti maħsuba apposta għall-iżivlupp territorjali; jenfasizza r-rwol futur tal-għodod ta' żvilupp territorjali, bħall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u l-investimenti territorjali integrati;

31.  Jappoġġa l-impenji tal-UE fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-għan appoġġat mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE li jintefaq minn tal-anqas 20 % tal-baġit tal-UE fuq azzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima, u jissottolinja li l-Fondi SIE għandhom rwol ewlieni f'din id-direzzjoni u għandhom ikomplu jintużaw b'mod effikaċi kemm jista' jkun għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament, kif ukoll għall-ekonomiji ekoloġiċi u l-enerġiji rinnovabbli; iqis li huwa neċessarju li tittejjeb is-sistema ta' monitoraġġ u traċċar għall-infiq għall-klima; jenfasizza l-potenzjal tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea f'dan ir-rigward, kif ukoll ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni fil-kuntest tal-Aġenda Urbana;

32.  Jinnota li r-RIS3 ssaħħaħ l-ekosistemi ta' innovazzjoni reġjonali; jisħaq fuq il-punt li l-iżvilupp għar-riċerka, l-innovazzjoni għandu jibqa' jkollu rwol prominenti biex l-UE tkun tista' tikkompeti fil-livell globali; iqis li l-mudell ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandu jsir wieħed mill-approċċi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020 billi jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti, bejn ż-żoni urbani u rurali u jsaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku tal-UE, u dan billi joħloq sinerġiji bejn r-RIS3 transnazzjonali u r-raggruppamenti ta' livell dinji; ifakkar fil-proġett pilota eżistenti "Triq lejn l-Eċċellenza" (S2E - Stairway to Excellence), li jkompli jipprovdi sostenn lir-reġjuni fl-iżvilupp u l-isfruttament tas-sinerġiji bejn l-FSIE, Orizzont 2020 u progetti ta' finanzjament oħra tal-UE; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li jridu jsiru sforzi ulterjuri biex jiġu mmassimizzati s-sinerġiji bil-għan li jiġu msaħħa ulterjorment l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-innovazzjoni wara l-2020;

33.   Jissottolinja li ż-żieda fil-viżibilità tal-politika ta' koeżjoni hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-ewroxettiċiżmu u tista' tikkontribwixxi biex terġa' tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadini; jenfasizza li, bil-għan li tittejjeb il-viżibilità tal-Fondi SIE, għandha ssir enfasi akbar fuq il-kontenut u r-riżultati tal-programmi tagħhom, permezz ta' approċċ minn fuq għal isfel kif ukoll minn isfel għal fuq li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji li jistgħu jaġixxu bħala mezz effikaċi għat-tixrid tal-kisbiet tal-politika ta' koeżjoni; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bliet biex jikkomunikaw b'mod aktar effiċjenti kemm dwar ir-riżultati li jistgħu jitkejlu tal-politika ta' koeżjoni li jġibu magħhom valur miżjud għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadin tal-UE; jappella biex l-attivitajiet ta' komunikazzjoni fil-kuntest ta' baġit speċifiku fl-ambitu tal-assistenza teknika għandhom ikomplu, jekk xieraq, sa wara l-konklużjoni ta' proġett meta r-riżultati tiegħu isiru viżibbli b'mod ċar;

X'inhuma l-prospetti?

34.  Jappella biex it-trawwim tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u s-solidarjetà fl-UE u l-orjentazzjoni tal-finanzjament tal-UE lejn it-tkabbir, l-impjieg u l-kompetittività jkunu prijorità tal-aġenda tal-UE; jappella wkoll biex issir ġlieda kontra d-differenzi reġjonali, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll kontra d-diskriminazzjoni; iqis li, flimkien mal-għanijiet minquxa fit-Trattati, il-politika ta' koeżjoni għandha tkompli sservi bħala għodda biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-UE, biex b'hekk jikkontribwixxu wkoll biex ikun hemm aktar konsapevolezza tar-riżultati tagħha u tibqa' l-politika ta' investiment ewlenija tal-Unjoni disponibbli għar-reġjuni kollha;

35.  Itenni li wasal iż-żmien biex titħejja l-politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020 bil-għan li tiġi varata b'mod effikaċi fil-bidu nett tal-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid; jitlob, għaldaqstant, biex it-tħejjija min-naħa tal-Kummissjoni tal-qafas leġiżlattiv ġdid tibda fi żmien debitu, jiġifieri eżatt wara l-preżentazzjoni u t-traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP li jmiss; jitlob, barra minn hekk, l-adozzjoni f'waqtha tal-proposti leġiżlattivi kollha għall-politika ta' koeżjoni futura, u gwida dwar il-ġestjoni u l-kontroll qabel il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid, mingħajr ebda effett retroattiv; jissottolinja li l-implimentazzjoni mdewma tal-programmi operattivi taffettwa l-effiċjenza tal-politika ta' koeżjoni;

36.  Jinnota li n-nukleu tal-qafas leġiżlattiv tal-politika ta' koeżjoni attwali għandu jinżamm wara l-2020 b'politika rfinata, imsaħħa, faċilment aċċessibbli u orjentata lejn ir-riżultati, u li ċ-ċittadini għandhom jingħataw informazzjoni aħjar dwar il-valur miżjud tal-politika;

37.  Jisħaq, fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni 2016/0282(COD), fuq il-punt li l-akkoljenza ta' migranti u rifuġjati li jinsabu taħt protezzjoni internazzjonali, kif ukoll l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom, jirrikjedu approċċ transnazzjonali koerenti, li għandu jiġu indirizzat ukoll permezz tal-politika ta' koeżjoni attwali u futura tal-UE;

38.  Josserva l-importanza tal-istabilità fir-regoli; jappella lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-politika ta' koeżjoni taħt il-QFP li jmiss, tagħmel l-iċken ammont ta' tibdiliet possibbli; jinsab konvint dwar il-ħtieġa li s-sehem tal-baġit tal-UE għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020 jinżamm f'livell adegwat, jekk mhux saħansitra miżjud, fid-dawl tal-isfidi interni u esterni kumplessi li l-politika ser ikollha tindirizza biex tlaħħaq l-objettivi tagħha; iqis li din il-politika ma tista' tiddgħajjef fl-ebda ċirkostanza, inkluż Brexit, u li jkun tajjeb li fil-ġejjieni is-sehem tagħha tal-baġit totali tal-UE ma jitnaqqasx minħabba d-devjazzjoni ta' riżorsi għal sfidi ġodda; jissottolinja, barra minn hekk, in-natura pluriennali tal-politika ta' koeżjoni u jitlob li l-perjodu ta' programmazzjoni ta' seba' snin tagħha jinżamm jew li jiġi introdott perjodu ta' programmazzjoni ta' 5+5 snin b'reviżjoni ta' nofs it-terminu obbligatorja;

39.  Jitlob l-allokazzjoni rapida tar-riżerva ta' prestazzjoni; jinnota li ż-żmien bejn il-prestazzjoni u r-rilaxx tar-riżerva huwa twil wisq, u għaldaqstant inaqqas l-effikaċja tar-riżerva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu mir-riżerva ta' prestazzjoni malli jiġi ffinalizzat ir-rieżami;

40.  Josserva, f'dan il-kuntest, li l-aġenda diġitali, inkluż l-għoti tal-infrastruttura meħtieġa u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati, għandha tkun prijorità fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari fil-perjodu ta' finanzjament li jmiss; jinnota li l-iżviluppi fis-settur tat-telekomunikazzjoni jrid fi kwalunkwe każ ikun akkumpanjat minn taħriġ adegwat, li għandu jkun appoġġat ukoll mill-politika ta' koeżjoni;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri u l-parlamenti tagħhom u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(8) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0321.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0217.
(12) ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 14.
(13) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 1.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0383.
(15) Testi adottati, P8_TA(2016)0336.
(16) Testi adottati, P8_TA(2016)0311.
(17) Testi adottati, P8_TA(2016)0211.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0419.
(19) Testi adottati, P8_TA(2015)0308.
(20) Testi adottati, P8_TA(2015)0307.
(21) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 1.
(22) Testi adottati, P7_TA(2014)0133.
(23) Testi adottati, P8_TA(2015)0384.
(24) ECLI:EU:C:2015:813

Avviż legali