Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2061(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0197/2017

Testi mressqa :

A8-0197/2017

Dibattiti :

PV 12/06/2017 - 18
CRE 12/06/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0260

Testi adottati
PDF 426kWORD 55k
L-Erbgħa, 14 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex jitwaqqfu u jiġu evitati d-differenzi bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel
P8_TA(2017)0260A8-0197/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (2016/2061(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 151, 153, u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 22 u 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 16 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR): Id-dritt ugwali tal-irġiel u n-nisa għat-tgawdija tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali (l-Artikolu 3 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR)),(1) u l-Kumment Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR): Id-dritt għas-sigurtà soċjali (l-Artikolu 9 tal-ICESCR)(2),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4(2), 4(3), 12, 20 u 23 tal-Karta Soċjali Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-5 ta' Diċembru 2014(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)(7),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2015 intitolat "New start to address the challenges of work-life balance faced by working families" (Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xogħol),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Involviment strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278), u b'mod partikolari l-Objettiv 3.2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-ommijiet waħedhom(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol(15),

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-18 ta' Ġunju 2015 dwar "Opportunitajiet ta' dħul ugwali għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel",

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 tal-Grupp ta' Tliet Presidenzi tal-UE (in-Netherlands, is-Slovakkja u Malta) dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mid-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u Affarijiet Kostituzzjonali intitolat "Id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi: id-differenzi bejn l-ommijiet u n-nisa li m'għandhomx tfal" (2016) u l-istudju tal-Kummissjoni "Id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE” (2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0197/2017),

A.  billi fl-2015, fl-UE, id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, li tista' tiġi definita bħala d-differenza fid-dħul medju qabel it-taxxa li n-nisa jirċievu bħala pensjoni meta mqabbla ma' dik tal-irġiel, kienet ta' 38,3 % għall-faxxa tal-età ta' 65 sena u aktar, u żdiedet f'nofs l-Istati Membri fl-aħħar ħames snin; billi l-kriżi finanzjarja tas-snin riċenti kellha impatt negattiv fuq id-dħul ta' ħafna nisa; billi f'xi Stati Membri bejn 11 % u 36 % tan-nisa m'għandhom ebda aċċess għal xi pensjoni;

B.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-prinċipji komuni u fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tat-TFUE u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jenħtieġ li bl-istess mod tiġi integrata fil-politiki, l-inizjattivi, il-programmi u l-azzjonijiet kollha tal-UE;

C.  billi n-nisa jibbenefikaw minn kopertura aktar dgħajfa mill-irġiel fir-rigward tal-pensjoni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u t-tnejn huma rrappreżentati żżejjed fil-kategoriji tal-pensjonijiet l-aktar foqra u mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-kategoriji l-aktar għonja;

D.  billi dawn id-disparitajiet huma inaċċettabbli u jenħtieġ li jitnaqqsu u l-kontribuzzjonijiet kollha tal-pensjonijiet jiġu kkalkolati u miġbura b'mod newtrali fir-rigward tal-irġiel u n-nisa fl-UE, li għandha l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha, kif ukoll id-dritt tal-persuni kollha għal ħajja dinjituża bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tagħha kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

E.  billi persuna minn kull erbgħa fit-28 Stat Membru tal-UE tiddependi mill-pensjoni tagħha bħala sors prinċipali ta' introjtu u billi kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta' persuni li laħqu l-età tal-irtirar, minħabba l-fatt li l-istennija tal-għomor twalet u l-popolazzjoni b'mod ġenerali xjaħet, dan se jwassal għall-irduppjar f'din il-kategorija sal-2060;

F.  billi, b'riżultat tat-tibdil demografiku, fil-futur anqas u anqas impjegati attivi se jkollhom jipprovdu għal għadd dejjem akbar ta' pensjonanti, li jfisser li l-iskemi tal-pensjonijiet għall-anzjani privati u okkupazzjonali se jsiru dejjem aktar importanti;

G.  billi l-għan tal-politiki tal-pensjonijiet huwa li jiżguraw indipendenza ekonomika, li hija essenzjali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u li s-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri jagħtu liċ-ċittadini kollha tal-UE dħul tal-irtirar adegwat u diċenti u standard ta' għajxien aċċettabbli u jħarsuhom mir-riskju tal-faqar li jirriżulta minn diversi fatturi jew mill-esklużjoni soċjali, biex b'hekk jiġu ggarantiti parteċipazzjoni soċjali, kulturali u politika attiva u ħajja b'dinjituża fix-xjuħija, sabiex ikomplu jkunu parti mis-soċjetà;

H.  billi r-responsabilità individwali li qed tikber għal deċiżjonijiet rigward tfaddil li jinvolvu riskji differenti tfisser ukoll li l-individwi jridu jiġu informati b'mod ċar dwar il-possibbiltajiet disponibbli u r-riskji assoċjati; billi kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel, u b'mod partikolari n-nisa, iridu jiġu appoġġjati fit-titjib tal-livell tal-litteriżmu finanzjarju tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar kwistjoni dejjem iżjed kumplessa;

I.  billi d-differenza bejn il-pensjonijiet għandha t-tendenza li taggrava s-sitwazzjoni tan-nisa fir-rigward tal-vulnerabbiltà ekonomika u tħallilhom esposti għall-esklużjoni soċjali, il-faqar u d-dipendenza ekonomika permanenti, b'mod partikolari mill-konjuġi jew membri oħra tal-familja tagħhom; billi d-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet hija saħansitra aktar qawwija għan-nisa b'diversi żvantaġġi jew li jagħmlu parti minn minoranzi razzjali, etniċi, reliġjużi u lingwistiċi, peress li dawn spiss ikunu f'impjiegi li jeħtieġu inqas ħiliet b'inqas responsabbiltà;

J.  billi l-pensjonijiet marbuta ma' dritt individwali u mhux derivat jistgħu jgħinu biex jiggarantixxu l-indipendenza ekonomika ta' kulħadd, inaqqsu d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fix-xogħol formali, u jnaqqsu l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneru;

K.  billi, minħabba l-istennija ta' għomor itwal tagħhom, bħala medja n-nisa aktarx ikollhom ħtiġijiet ta' dħul ogħla mill-irġiel matul il-perjodu kollu wara li jirtiraw; billi tali dħul addizzjonali jistgħu jkunu disponibbli lilhom minn mekkaniżmi ta' pensjonijiet tas-superstiti;

L.  billi n-nuqqas ta' data kumparabbli, kompluta, affidabbli u aġġornata regolarment li tippermetti l-evalwazzjoni tal-entità tad-differenza bejn il-pensjonijiet u l-piż tal-fatturi li jikkontribwixxu għal dan jitfgħu ċerta inċertezza fuq il-mezzi l-aktar effiċjenti li għandhom jiġu implimentati għall-ġlieda kontra din id-differenza;

M.  billi din id-differenza hija ikbar għall-kategorija tal-etajiet bejn il-65 u l-74 sena (aktar minn 40 %) meta mqabbla mal-medja li għandhom aktar minn 65 sena, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasferimenti tad-drittijiet, bħal dawk marbuta mal-irmulija, li jeżistu f'ċerti Stati Membri;

N.  billi t-tnaqqis u l-iffriżar tal-pensjonijiet iżidu r-riskju ta' faqar fix-xjuħija, b'mod partikolari fost in-nisa; billi l-perċentwal ta' nisa anzjani f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali kien ta' 20,2 % fl-2014, meta mqabbel ma' 14,6 % tal-irġiel, u sal-2050 il-proporzjon tal-persuni li għandhom iktar minn 75 sena f'riskju ta' faqar jista' jiżdied sa 30 % fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

O.  billi l-persuni 'l fuq minn 65 sena għandhom dħul li jilħaq madwar 94 % tal-medja tal-popolazzjoni kollha kemm hi; billi, madankollu, madwar 22 % tan-nisa 'l fuq minn 65 sena jgħixu taħt is-soll ta' riskju tal-faqar;

P.  billi l-medja tad-differenza bejn il-pensjonijiet fl-UE kollha fl-2014 kienet taħbi disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri; billi, bħala paragun, l-inqas differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel hija ta' 3,7 % u l-ogħla hija ta' 48,8 %, filwaqt li d-differenza taqbeż it-30 % f'14-il Stat Membru;

Q.  billi l-perċentwal tal-popolazzjoni li tirċievi pensjoni tvarja ħafna bejn l-Istati Membri, u fl-2013 kien 15,1 % f'Ċipru u 31.8 % fil-Litwanja, filwaqt li l-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-pensjonijiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE fl-2013 kienu nisa;

R.  billi d-differenza bejn il-pagi, ibbażata fuq realtà li tolqot diversi fatturi, hija xhieda tal-iżbilanċi bejn is-sitwazzjoni tal-irġiel u tan-nisa fir-rigward tal-karrieri professjonali u l-ħajja familjari tagħhom, kif ukoll l-opportunitajiet li jagħmlu kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet, il-pożizzjoni fl-istruttura tal-familja u l-mod kif jiġi kkalkolat id-dħul għall-finijiet ta' pensjoni; billi tirrifletti wkoll is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-ogħla proporzjon ta' nisa li jaħdmu part-time, b'pagi fis-siegħa aktar baxxi, b'interruzzjonijiet fil-karriera u b'anqas snin fl-impjieg minħabba x-xogħol mhux imħallas imwettaq min-nisa bħala ommijiet u bħala l-indokraturi fil-familji tagħhom; billi, għalhekk, id-differenza bejn il-pensjonijiet jenħtieġ li titqies bħala indikatur ewlieni tal-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, aktar u aktar minħabba li l-livell attwali tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel hija qrib ħafna d-differenza fil-qligħ totali (39,7 % fl-2015);

S.  billi l-portata sħiħa tad-differenza bejn il-pensjonijiet, li hija l-prodott tal-iżbilanċi u l-inugwaljanzi kollha bejn in-nisa u l-irġiel – f'termini, pereżempju, ta' aċċess tul il-ħajja għas-setgħa u r-riżorsi finanzjarji – li jiżviluppaw matul il-ħajja tax-xogħol tan-nies u huma riflessi fl-ewwel u fit-tieni pilastri tal-pensjonijiet, tista' tkun moħbija minn mekkaniżmi korrettivi;

T.  billi d-differenza bejn il-pensjonijiet, meta tiġi eżaminata fi kwalunkwe mument speċifiku, hija riflessjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq soċjali u tax-xogħol fuq perjodu li jmur lura diversi deċennji; billi dawk il-kundizzjonijiet huma soġġetti, kultant, għal bidliet kbar li jkollhom effett indirett fuq il-ħtiġijiet ta' diversi ġenerazzjonijiet ta' pensjonanti nisa;

U.  billi d-differenza bejn il-pensjonijiet tvarja minn pensjonanta mara għal oħra skont l-istatus personali, soċjali, taż-żwieġ u/jew tal-familja; billi, fid-dawl ta' dan, approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" mhux bilfors jipproduċi l-aħjar riżultati;

V.  billi l-familji b'ġenitur wieħed huma partikolarment vulnerabbli peress li jirrappreżentaw 10 % tal-familji kollha li għandhom tfal dipendenti, u 50 % minnhom huma f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, jiġifieri d-doppju tar-rata għall-popolazzjoni kollha kemm hi; billi hemm korrelazzjoni pożittiva bejn id-differenza bejn il-pensjonijiet u n-numru ta' tfal imrobbija, u billi d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel tan-nisa miżżewġin u tal-ommijiet hija ferm akbar minn dik tan-nisa waħedhom mingħajr tfal; billi, fid-dawl ta' dan, l-inugwaljanzi mġarrba mill-ommijiet, speċjalment l-ommijiet waħedhom, x'aktarx li jaggravaw meta jirtiraw;

W.  billi t-tqala u l-leave tal-ġenituri għandhom it-tendenza li jimbotta lill-ommijiet – li jirrappreżentaw 79,76 % tal-persuni li jnaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom sabiex jieħdu ħsieb it-tfal ta' anqas minn tmien snin – lejn impjiegi b'paga baxxa jew part-time jew interruzzjonijiet fil-karriera mhux mixtieqa biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom; billi l-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri huwa strument meħtieġ u vitali għall-kondiviżjoni aħjar tal-kompiti relatati mal-kura, it-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-minimizzazzjoni tal-interruzzjonijiet fil-karriera tan-nisa;

X.  billi l-livell tal-pagi u għalhekk l-intitolamenti tal-pensjoni tal-missirijiet mhumiex affettwati, jew jistgħu saħansitra jiġu affettwati b'mod pożittiv, mill-għadd ta' tfal tagħhom;

Y.  billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa hija sottovalutata, minħabba l-fatt li ħafna nisa mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, partikolarment dawk li jgħixu f'żoni rurali jew remoti, li ħafna minnhom jiddedikaw ruħhom esklussivament ukoll għall-kompiti domestiċi u l-kura tat-tfal; billi dan joħloq disparitajiet fil-pensjonijiet tagħhom;

Z.  billi l-arranġamenti tradizzjonali tal-ħin tax-xogħol jagħmluha diffiċli għal koppji fejn iż-żewġ ġenituri jkunu jixtiequ jaħdmu full-time li jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

AA.  billi l-krediti tal-pensjoni għall-irġiel u n-nisa bħala forma ta' allokazzjoni għall-indukrar tat-tfal jew il-membri tal-familja jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-interruzzjonijiet fil-karriera għal raġunijiet ta' indukrar ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-pensjonijiet, u huwa rrakkomandat li tali skemi jiġu estiżi jew miżjuda fl-Istati Membri kollha;

AB.  billi l-krediti tal-pensjoni li japplikaw għal forom differenti ta' xogħol jistgħu jgħinu lill-ħaddiema kollha jiksbu dħul mill-pensjoni;

AC.  billi, minkejja li saru xi sforzi biex din is-sitwazzjoni titranġa, ir-rata ta' inseriment tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha taħt l-objettivi tal-Istrateġija Ewropea 2020, u għadha ferm iktar baxxa minn dik fost l-irġiel; billi l-parteċipazzjoni tiżdied tan-nisa fis-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għall-isforzi biex titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel fl-UE, minħabba li hemm rabta diretta bejn il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-livell tal-pensjonijiet; billi, madankollu, ir-rata tal-impjieg ma fiha ebda informazzjoni dwar id-durata jew it-tip ta' impjieg u għalhekk hija limitata f'dak li tista' tgħidilna dwar il-livelli tal-pagi u tal-pensjonijiet;

AD.  billi l-għadd ta' snin maħduma għandu impatt dirett fuq id-dħul mill-pensjoni; billi l-karrieri tan-nisa, bħala medja, huma aktar minn għaxar snin iqsar minn dawk tal-irġiel, u billi d-differenza bejn il-pensjonijiet hija darbtejn akbar għan-nisa li ħadmu għal anqas minn 14-il sena (64 %) minn dawk li ħadmu għal perjodu itwal (32 %);

AE.  billi huwa aktar probabbli li n-nisa jieħdu interruzzjonijiet fil-karriera mill-irġiel, jieħdu forom mhux standard ta' impjieg, jaħdmu part-time (32 % tan-nisa meta mqabbla ma' 8,2 % tal-irġiel) jew mingħajr ħlas, speċjalment meta jipprovdu l-kura għat-tfal u l-qraba u jkunu kważi unikament responsabbli mill-kura u x-xogħol tad-dar minħabba l-inugwaljanzi persistenti bejn in-nisa u l-irġiel, u dan huwa kollu ta' detriment għall-pensjonijiet tagħhom;

AF.  billi l-investiment fl-iskejjel, fl-edukazzjoni ta' qabel l-iskola, fl-universitajiet u fil-kura tal-anzjani jistgħu jgħinu biex jinħoloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jista' jirriżulta fit-tul mhux biss fil-ħolqien tal-impjiegi, iżda anke fil-fatt li n-nisa jiksbu impjieg ta' kwalità għolja u jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol għal żmien itwal, li fuq perjodu twil ta' żmien ikollu effett pożittiv fuq il-pensjonijiet tagħhom;

AG.  billi l-kura informali hija pilastru fundamentali tas-soċjetà tagħna u fil-biċċa l-kbira issir min-nisa, u dan l-iżbilanċ huwa rifless fid-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel; billi dan it-tip ta' xogħol inviżibbli mhuwiex rikonoxxut biżżejjed , b’mod partikolari meta jiġu kkunsidrati d-drittijiet tal-pensjoni;

AH.  billi għad hemm differenza kbira bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel fl-UE; billi dik id-differenza, li kienet ta' 16,3 % fl-2014, hija kkawżata b'mod partikolari mid-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni li jirriżultaw fis-sovrarappreżentanza tan-nisa f'setturi fejn il-paga hija aktar baxxa minn dik f'setturi ddominati prinċipalment mill-irġiel; billi fatturi oħra, bħall-interruzzjonijiet fil-karriera jew il-bidu ta' xogħol part-time involontarju biex jinstab bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja, l-istereotipi, is-sottovalutar tax-xogħol tan-nisa, u d-differenzi fil-livelli tal-edukazzjoni u l-esperjenza professjonali jikkontribwixxu wkoll għad-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel;

AI.  billi l-objettiv tal-UE li tinkiseb protezzjoni soċjali adegwata huwa minqux fl-Artikolu 151 tat-TFUE; billi, għalhekk, l-UE għandha tappoġġja l-Istati Membri billi tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif ittejjeb il-protezzjoni għall-persuni anzjani li għandhom dritt għal pensjoni fid-dawl tal-età jew is-sitwazzjoni personali tagħhom;

AJ.  billi t-tisħiħ tar-rabta bejn il-kontribuzzjoni u r-remunerazzjoni, li jmur pari passu maż-żieda tat-tieni u tat-tielet pilastru fl-organizzazzjoni tal-iskemi tal-irtirar għandu tendenza li jittrasferixxi r-riskji tal-fatturi relatati speċifikament mal-ġeneri fid-differenza bejn il-pensjonijiet lill-atturi privati;

AK.  billi ma twettqet l-ebda valutazzjoni ex ante jew ex post tal-impatt fir-rigward tal-ġeneru għar-riformi fis-sistemi tal-pensjoni stabbiliti fil-white paper tal-Kummissjoni dwar il-pensjonijiet tal-2012;

AL.  billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà unika għall-organizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi; billi l-UE għandha primarjament kompetenza ta' appoġġ fil-qasam tal-iskemi tal-pensjonijiet, b'mod partikolari skont l-Artikolu 153 tat-TFUE;

Rimarki ġenerali

1.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fit-tfassil ta' strateġija biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel fl-Unjoni Ewropea u tgħinhom jistabbilixxu linji gwida f'dan ir-rigward;

2.  Jendorsja u jappoġġja l-appell tal-Kunsill għal inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni li tistabbilixxi strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall-2016-2020, biex din tieħu l-forma ta' komunikazzjoni bħalma kien il-każ bi strateġiji preċedenti, u biex l-impenn strateġiku tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi jkun imtejjeb, billi jintrabat mill-qrib mal-istrateġija Ewropa 2020;

3.  Jemmen li din l-istrateġija għandha tfittex mhux biss li tindirizza fil-livell tal-Istati Membri l-impatt tad-differenza bejn il-pensjonijiet, b'mod partikolari fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, iżda anke li tevita li dan jerġa' jseħħ fil-futur billi jiġu miġġielda l-kawżi tiegħu, bħalma huma l-inugwaljanzi fil-pożizzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol f'termini ta' paga, avvanz fil-karriera u opportunitajiet ta' xogħol full-time, kif ukoll is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, id-djalogu intergovernattiv u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

4.  Jenfasizza li approċċ multidimensjonali, b'taħlita ta' azzjonijiet fil-qafas ta' politiki differenti li jkollhom l-għan li jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, huwa meħtieġ sabiex jagħmel suċċess mill-istrateġija, li jeħtieġ tħaddan approċċ tul il-ħajja għall-pensjonijiet, billi tqis il-ħajja tax-xogħol kollha tal-persuna, kif ukoll billi tindirizza l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' livell ta' impjieg, karrieri, u possibilitajiet ta' ħlas ta' kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-mod li bih huma organizzati s-sistemi pensjonistiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2015 bit-titlu "Opportunitajiet ugwali ta' dħul għan-nisa u l-irġiel: intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel";

5.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol importanti li jaqdu s-sħab soċjali fid-diskussjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-paga minima filwaqt li jiġi rrispett il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza r-rwol importanti tat-trade unions u tal-arranġamenti ta' negozjar kollettivi biex jiġi żgurat li l-persuni ta' età akbar ikollhom aċċess għal pensjonijiet pubbliċi f'konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza kemm hu importanti li jitqiesu kif xieraq is-sħab soċjali meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet politiċi li jbiddlu aspetti ġuridiċi sinifikanti tal-kundizzjonijiet tal-eliġibilità għall-intitolament għall-pensjonijiet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex, b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa; jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw li jwettqu l-immappjar tal-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri rispettużi u li jipprevjenu l-faqar għall-ħaddiema li s-saħħa tagħhom ma tippermettilhomx li jaħdmu sal-età legali tal-irtirar; jemmen li l-arranġamenti ta' rtirar bikri għandhom jibqgħu fis-seħħ għall-ħaddiema esposti għal kundizzjonijiet tax-xogħol iebsa ħafna jew perikolużi; iqis li żieda fir-rati tal-impjieg permezz ta' impjiegi ta' kwalità tista' tgħin biex titnaqqas konsiderevolment iż-żieda futura ta' persuni li ma jkunux jistgħu jaħdmu sal-età legali tal-irtirar u, b'hekk, tgħin biex jittaffa l-piż finanzjarju tat-tixjiħ;

7.  Jinsab profondament imħasseb minħabba l-impatt li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) xprunati mill-awsterità għandhom fuq l-iskemi tal-pensjoni u fuq is-sostenibilità tagħhom u fuq l-aċċess għall-pensjonijiet ibbażati fuq il-kontribuzzjonijiet f'għadd dejjem jikber ta' Stati Membri, u minħabba l-effetti negattivi tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fuq il-livelli ta' dħul u fuq it-trasferimenti soċjali meħtieġa biex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

8.  Jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jeħtieġ jiġi applikat b'mod strett anke fil-qasam tal-pensjonijiet;

Valutazzjoni u sensibilizzazzjoni għal azzjoni aktar effikaċi biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pensjonijiet

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jinvestigaw id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel u jaħdmu flimkien mal-Eurostat u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) fl-iżvilupp ta' indikaturi formali u affidabbli tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, kif ukoll l-identifikazzjoni tal-fatturi differenti warajha, sabiex iwettqu monitoraġġ tagħha u jistabbilixxu miri ta' tnaqqis ċari, u jistedinhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat, fuq bażi annwali, statistika dwar id-differenza bejn il-pagi u bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-iżviluppi fl-UE kollha u l-mezzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni dettaljata tal-impatt fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, u b'mod partikolari fuq in-nisa, tar-rakkomandazzjonijiet tal-White Paper tal-2012 dwar il-Pensjonijiet, li għandha l-għan li tiġġieled il-kawżi tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, kif ukoll tistabbilixxi indikatur formali tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel u twettaq monitoraġġ sistematiku; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni adegwata tar-rakkomandazzjonijiet jew il-miżuri meħuda s'issa u monitoraġġ tal-impatt tagħhom fir-rigward tas-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' statistika diżaggregata skont is-sess u riċerka bil-ħsieb li jitjiebu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effetti tar-riforma tal-pensjonijiet fuq il-prosperità u l-benessri tan-nisa;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu azzjoni biex tintemm id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel permezz tal-politiki soċjali tagħhom, iqajmu kuxjenza fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'dan il-qasam, u jiżviluppaw programmi li joffru lin-nisa aktar informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet li din id-differenza għandha għalihom, kif ukoll joffrulhom l-għodod li jeħtieġu sabiex jippjanaw strateġiji ta' finanzjament tal-pensjoni li jkunu sostenibbli u mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, kif ukoll dwar l-aċċess tan-nisa għall-pensjonijiet tat-tieni u t-tielet pilastru, partikolarment f'setturi prevalentement femminili fejn l-adeżjoni tista' tkun baxxa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu u jqajmu aktar kuxjenza fost il-pubbliku rigward l-ugwaljanza fil-pagi u d-differenza bejn il-pensjonijiet, kif ukoll id-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-konfront tan-nisa fil-post tax-xogħol;

12.  Itenni l-ħtieġa ta' definizzjonijiet armonizzati sabiex jiġi ffaċilitat it-tqabbil fil-livell tal-UE ta' termini bħal "differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel" u "differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel";

13.  Jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippromwovu studji dwar l-effetti tad-differenza bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-pensjonijiet u l-indipendenza finanzjarja tan-nisa, fid-dawl ta' kwistjonijiet bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-differenzi bejn is-sessi fil-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-istennija tal-għomor, kif l-istrutturi tal-familja nbidlu u l-għadd ta' djar okkupati minn persuna waħda żdied, u d-differenzi fis-sitwazzjonijiet personali tan-nisa; jistedinhom ukoll ifasslu strateġiji fattibbli biex tintemm id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel;

It-tnaqqis tal-inugwaljanzi fir-rigward tal-kapaċitajiet kontributorji

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diskriminazzjoni diretta u indiretta bejn is-sessi tiġi implimentata kif suppost u jkun hemm monitoraġġ sistematiku tal-progress tagħha, u li jinfetħu proċeduri ta' ksur f'każ ta' nonkonformità, u possibbilment jirreveduha sabiex ikun żgurat li l-irġiel u n-nisa jkollhom l-istess kapaċità li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni;

15.  Jikkundanna d-disparità fil-pagi bejn is-sessi u l-komponent "inspjegabbli" tiegħu li jirriżulta mid-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, u jtenni t-talba tiegħu biex id-Direttiva 2006/54/KE, li ġiet trasposta b'mod ċar u suffiċjenti f'żewġ Stati Membri biss, tiġi riveduta biex jiġi żgurat trattament aktar ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u pagi, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, li ilu ggarantit mit-Trattat sa mill-fondazzjoni tal-KEE;

16.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjieg, u, b'mod partikolari, jadottaw miżuri ta' protezzjoni soċjali biex jiżguraw li l-intitolamenti tan-nisa għal paga u għal benefiċċji, inklużi l-pensjonijiet, ikunu konformi mal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri xierqa biex irażżnu l-vjolazzjonijiet tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali għan-nisa u għall-irġiel;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lit-trade unions ifasslu u jimplimentaw għodod ta' evalwazzjoni prattiċi u speċifiċi tax-xogħol biex jiddeterminaw ix-xogħol ta' valur ugwali u b'hekk jiżguraw li l-irġiel u n-nisa jirċievu paga ugwali u għaldaqstant, fil-futur, pensjonijiet ugwali; iħeġġeġ lill-impriżi jwettqu verifiki annwali dwar l-ugwaljanza fil-pagi, jippubblikaw id-data bl-akbar trasparenza, u jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali fis-suq tax-xogħol billi jeliminaw l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-impjiegi u jħeġġu, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fost il-bniet u n-nisa, l-istudju, l-impjieg u l-karrieri f'setturi innovattivi ta' tkabbir li fil-preżent huma ddominati mill-irġiel minħabba l-persistenza tal-istereotipi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru lin-nisa aktar inċentivi biex jaħdmu aktar fit-tul u b'inqas interruzzjonijiet, sabiex jiżdied il-livell ta' indipendenza ekonomika tagħhom illum u fil-futur;

20.  Jirrimarka l-importanza, f'kuntest fejn il-piż tar-responsabbiltà għall-pensjonijiet qiegħed jiċċaqlaq minn fuq is-sistemi pensjonistiċi tal-Istat għal skemi ta' finanzjament personali, li jiġi żgurat li l-aċċess għas-servizzi finanzjarji skont id-Direttiva 2004/113/KE ma jkunx diskriminatorju u jkun ibbażat fuq kriterji attwarji "unisex"; jinnota li l-applikazzjoni tar-regola "unisex" tgħin biex titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu t-trasparenza, l-aċċess għall-informazzjoni u ċ-ċertezza għall-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi pensjonistiċi okkupazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-UE ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza bejn is-sessi;

21.  Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali għandhom jitqiesu bħala paga u li għalhekk il-prinċipju ta' trattament ugwali japplika għal dawn l-iskemi wkoll;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa, li sikwit ma jkunux akkwistaw drittijiet pensjonistiċi u għalhekk ikunu nieqsa mill-indipendenza ekonomika, b'mod speċjali f'każ ta' divorzju;

It-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam mal-karriera

23.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni wieġbet għas-sejħa tiegħu biex ittejjeb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u privata, permezz ta' proposti mhux leġiżlattivi u proposta leġiżlattiva li toħloq diversi tipi ta' leave bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi tas-seklu 21; jenfasizza li l-proposti magħmula mill-Kummissjoni huma bażi tajba biex jiġu ssodisfati l-aspettativi taċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex iwettqu dan il-pakkett kemm jista' jkun malajr;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità sabiex in-nisa ma jsofrux żvantaġġi f'termini ta' pensjonijiet għax ikunu saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li l-impjegati jingħataw il-possibbiltà li jinnegozjaw arranġamenti flessibbli volontarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħinijiet tax-xogħol, inklużi metodi aġevolati ta' ħidma ("smart working"), f'konformità mal-prattika nazzjonali u indipendentement mill-età tat-tfal jew is-sitwazzjoni familjari, u b'hekk jippermettu lin-nisa u l-irġiel jilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'tali mod li ma jkollhomx jagħżlu bejn waħda u oħra meta jassumu responsabbiltajiet ta' kura;

26.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-leave tal-persuni li jindukraw fid-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, u jfakkar l-appell tiegħu għal remunerazzjoni u protezzjoni soċjali adegwati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu, abbażi ta' kondiviżjoni tal-aħjar prattika, u għall-benefiċċju sew tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, "care credits" li jpattu għal interruzzjonijiet mill-impjieg biex tingħata kura informali lil membri tal-familja u għal perjodi ta' kura formali, bħal leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, u li jgħoddu b'mod ġust dawn il-krediti mad-drittijiet tal-pensjoni; iqis li dawn il-krediti għandhom jingħataw għal perjodu qasir u stabbilit, sabiex ma jkunx hemm stereotipi u inugwaljanzi ulterjuri;

27.  Jitlob lill-Istati Membri jfasslu strateġiji biex jirrikonoxxu l-importanza tal-kura informali mwettqa għal membri tal-familja u persuni dipendenti oħra, u t-tqassim ġust tagħhom bejn in-nisa u l-irġiel, li n-nuqqas tiegħu jista' jkun kawża ta' interruzzjonijiet fil-karrieri u xogħol prekarju fost in-nisa u b'hekk jipperikola d-drittijiet pensjonistiċi tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jingħataw inċentivi għall-irġiel biex jagħmlu użu mil-leave tal-ġenituri u tal-paternità;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jippermettu t-trasferiment lura tal-impjegati għal arranġament komparabbli ta' xogħol wara l-leave tal-maternità jew il-leave tal-ġenituri;

29.  Jirrimarka li ma jistax jintlaħaq bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-irġiel u n-nisa jekk ma jkunx hemm faċilitajiet lokali ta' kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli, għall-kura għat-tfal, l-anzjani u l-persuni dipendenti u mingħajr ma jitħeġġeġ it-tqassim ugwali tar-responsabbiltajiet, l-ispejjeż u l-kura; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investiment fis-servizzi għat-tfal, jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm faċilitajiet għall-kura tat-tfal fiż-żoni rurali kollha, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-għoti ta' fondi disponibbli mill-UE, fil-ħolqien ta' faċilitajiet bħal dawn f'forma li tkun aċċessibbli għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri biex mhux biss jilħqu l-miri ta' Barċellona malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2020, iżda jiddefinixxu wkoll miri simili għal servizzi ta' kura fit-tul, u fl-istess ħin joffru lill-familji li jippreferu mudell ta' kura ta' tfal differenti l-libertà li jagħżlu; jifraħ lil dawk l-Istati Membri li diġà laħqu ż-żewġ settijiet ta' miri;

L-impatt tas-sistemi pensjonistiċi fuq id-differenza bejn il-pensjonijiet

30.  Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw, abbażi ta' data preċiża u komparabbli, l-impatt li s-sistemi pensjonistiċi tagħhom qed ikollhom fuq id-differenza bejn il-pensjonijiet u l-fatturi li jikkawżawha, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u tinħoloq trasparenza fis-sistemi pensjonistiċi tal-Istati Membri;

31.  Jenfasizza li s-sostenibbiltà tas-sistemi pensjonistiċi għandha tqis l-isfidi tal-bidliet demografiċi, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, ir-rata tat-twelid, u l-proporzjon bejn il-persuni f'impjieg bi qligħ u dawk fl-età tal-pensjoni; ifakkar li s-sitwazzjoni ta' dawn tal-aħħar tiddependi ħafna fuq l-għadd ta' snin li matulhom ikunu ħadmu u ħallsu kontribuzzjonijiet;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu b'urġenza l-bidliet strutturali meħtieġa fis-sistemi pensjonistiċi, sabiex tiġi żgurata sigurtà soċjali sostenibbli fid-dawl taż-żieda fl-istennija tal-għomor fl-UE;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw f'aktar dettall kif id-differenza bejn il-pensjonijiet tista' tintlaqat minn bidla minn pensjonijiet statutorji tal-Istat għal arranġamenti aktar flessibbli fi skemi okkupazzjonali u privati għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, kemm fir-rigward tal-kalkolu tat-tul tal-kontribuzzjoni għas-sistema pensjonistika kif ukoll fir-rigward tal-progressività tal-irtirar;

34.  Iwissi dwar ir-riskji għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel irrappreżentati miċ-ċaqliqa mill-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-pensjonijiet iffinanzjati personalment, peress li l-pensjonijiet personali huma bbażati fuq kontribuzzjonijiet individwali u ma jikkumpensawx għaż-żminijiet imqatta' fl-indukrar tat-tfal u ta' qraba dipendenti oħra, jew għall-perjodi ta' qgħad, leave minħabba mard, jew diżabilità; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-riformi tas-sistemi tal-pensjonijiet li jorbtu l-benefiċċji soċjali mat-tkabbir, u mal-istat tas-swieq tax-xogħol u dawk finanzjarji, jiffokaw biss fuq aspetti makroekonomiċi u jinjoraw l-għan soċjali tal-pensjonijiet;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-elementi tas-sistemi pensjonistiċi tagħhom, u tar-riformi implimentati, li jżidu mal-iżbilanċi fil-pensjonijiet (speċjalment l-iżbilanċi bejn is-sessi bħalma hija d-differenza eżistenti bejn il-pensjonijiet), filwaqt li jitqies l-impatt fuq is-sessi tar-riformi tal-pensjonijiet futuri, kif ukoll jimplimentaw miżuri biex tinqered din id-diskriminazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe bidla fil-politika relatata mal-pensjonijiet għandha titkejjel mal-impatt tagħha fuq id-differenza bejn in-nisa u l-irġiel, b'analiżi speċifika li tqabbel l-impatt tal-bidliet proposti fuq in-nisa u l-irġiel, u li dan għandu jkun karatteristika tal-proċessi ta' ppjanar, tfassil, implimentazzjoni u evalwazzjoni tal-politika pubblika;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika sabiex jiġu identifikati kemm il-mekkaniżmi korrettivi l-aktar effikaċi kif ukoll dawk li jistgħu jiġġieldu l-fatturi li jikkontribwixxu għad-differenza bejn il-pensjonijiet;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu tariffi tal-ħajja "unisex" fl-iskemi tal-pensjonijiet u l-"care credits", kif ukoll il-benefiċċji derivati, sabiex in-nisa jkunu jistgħu jirċievu l-istess ħlasijiet ta' pensjoni għal kontribuzzjonijiet ugwali, anke jekk mistennija jgħixu aktar mill-irġiel, u jiżguraw li l-istennija tal-għomor tan-nisa ma titqajjimx bħala skuża għal diskriminazzjoni, b'mod partikolari fil-kalkolu tal-pensjonijiet;

38.  Jappella għal rieżami tal-inċentivi kollha disponibbli taħt is-sistemi tat-tassazzjoni u tal-pensjonijiet u tal-impatt tagħhom fuq id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, b'enfasi partikolari fuq familji mmexxija minn ommijiet waħedhom; jappella wkoll għat-tneħħija ta' inċentivi kontroproduttivi u l-individwalizzazzjoni tal-intitolamenti;

39.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-pensjonijiet tas-superstiti fil-ħarsien u s-salvagwardja ta' ħafna anzjani nisa mir-riskju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom meta mqabbel mal-anzjani rġiel; jistieden lill-Istati Membri jirriformaw, jekk ikun meħtieġ, is-sistemi tagħhom għall-pensjonijiet tas-superstiti u l-pensjonijiet tar-romol sabiex in-nisa mhux miżżewġa ma jkunux penalizzati; jistieden lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jistudjaw l-effetti ta' sistemi differenti li jipprovdu pensjonijiet tas-superstiti fid-dawl tar-rati għolja ta' divorzju, l-inċidenza ta' faqar fost il-koppji mhux miżżewġin u l-esklużjoni soċjali tal-anzjani nisa, u jikkunsidraw li jipprevedu strumenti legali li jiżguraw drittijiet pensjonistiċi kondiviżi f'każ ta' divorzju;

40.  Jenfasizza l-fatt li kulħadd għandu d-dritt għal pensjoni pubblika aċċessibbli universalment, u jfakkar li l-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni jirrikonoxxi d-dritt tal-persuni anzjani għal ħajja deċenti u indipendenti, u li l-Artikolu 34 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għas-servizzi soċjali li jiggarantixxu protezzjoni f'każijiet bħall-maternità, il-mard, l-inċidenti fil-post tax-xogħol, id-dipendenza jew ix-xjuħija, kif ukoll f'każ ta' telf ta' impjieg; jenfasizza l-importanza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali pubbliċi ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet bħala element importanti għal pensjoni adegwata;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jkollhom iċ-ċans jilħqu l-perjodi kontributorji kollha, u jiżguraw ukoll li kulħadd ikollu d-dritt għal pensjoni, bil-ħsieb li titneħħa d-differenza fil-pensjonijiet permezz tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-impjiegi, jiġu aġġustati l-edukazzjoni u l-ippjanar tal-karriera, jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jissaħħaħ l-investiment fil-kura tat-tfal u l-anzjani; iqis bħala rilevanti wkoll l-introduzzjoni ta' regolamenti sodi dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol li jqisu r-riskji okkupazzjonali kif ukoll psikosoċjali skont is-sessi, l-investiment fis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi li jistgħu jiggwidaw nisa ta' kull età li jkunu qed ifittxu impjieg, u l-introduzzjoni ta' regoli flessibbli għat-tranżizzjoni mix-xogħol għall-pensjoni;

42.  Jinnota li fil-Kumment Ġenerali tiegħu Nru 16 (2005) dwar id-dritt ugwali tal-irġiel u tan-nisa għat-tgawdija tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kollha, il-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU stabbilixxa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 b'rabta mal-Artikolu 9 tal-ICESCR, inkluż ir-rekwiżit li l-età tal-irtirar obbligatorja tkun l-istess kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u li jiġi żgurat li n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod fil-qafas tal-iskemi pensjonistiċi pubbliċi u privati;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) 11 ta' Awwissu 2005, E/C.12/2005/4.
(2) 4 ta' Frar 2008, E/C.12/GC/19.
(3) XX-3/def/GRC/4/1/EN,
(4) ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.
(5) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(6) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(7) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(8) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 9.
(9) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 60.
(10) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.
(11) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 6.
(12) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.
(13) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0351.
(15) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.

Avviż legali