Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2311(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0063/2017

Testi mressqa :

A8-0063/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 14
CRE 13/06/2017 - 14

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0261

Testi adottati
PDF 395kWORD 58k
L-Erbgħa, 14 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport tal-2016 dwar is-Serbja
P8_TA(2017)0261A8-0063/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja (2016/2311(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Marzu 2012 biex jingħata status ta' kandidat lis-Serbja u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-27-28 ta' Ġunju 2013 biex jinfetħu n-negozjati mas-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li taġevola d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fil-ħames laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tat-22-23 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Politika għall-Impriża u l-Industrija adottat fis-7 ta' Ottubru 2016 mill-Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili UE-Serbja,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali relatat mal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali limitata tal-OSKE/ODHIR dwar l-elezzjonijiet parlamentari bikrin fis-Serbja tad-29 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja tad-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0361),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tas-Serbja (2016-2018) (SWD(2016)0137),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tas-26 ta' Mejju 2016 (9500/2016),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra t-tielet laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Serbja li saret fit-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar ir-Rapport tal-2015 dwar is-Serbja(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0063/2017),

A.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, għandha tiġi ġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha li tissodisfa, timplimenta u tkun konformi mal-istess ġabra ta' kriterji, u billi l-kwalità tar-riformi neċessarji u d-dedikazzjoni lejhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

B.  billi l-progress tas-Serbja fil-kapitoli 23 u 24 dwar l-istat tad-dritt u fil-kapitolu 35 dwar il-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo għadu fundamentali għar-ritmu kumplessiv tal-proċess tan-negozjati, f'konformità mal-Qafas ta' Negozjar;

C.  billi s-Serbja għamlet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013 u l-ftehimiet ta' Awwissu 2015, iżda għad hemm ħafna xi jsir f'dan ir-rigward; billi huma meħtieġa b'urġenza miżuri ulterjuri sabiex il-kwistjonijiet pendenti kollha bejn iż-żewġ pajjiżi jiġu ttrattati, isir progress fihom u jiġu solvuti;

D.  billi s-Serbja baqgħet impenjata li toħloq ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kompliet timplimenta l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);

E.  billi l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jeħtieġ li tkun garantita bis-sħiħ, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwa, l-aċċess għall-midja u għas-servizzi reliġjużi bil-lingwi minoritarji u r-rappreżentanza politika adegwata tal-minoranzi nazzjonali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

1.  Jilqa' pożittivament il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà u Sigurtà) bħala l-kapitoli ewlenin fl-approċċ tal-UE għal tkabbir ibbażat fuq l-istat tad-dritt, inkwantu l-progress f'dawn il-kapitoli jibqa' fundamentali għar-ritmu kumplessiv tal-proċess tan-negozjati; jilqa' pożittivament il-ftuħ tal-Kapitoli 32 (Kontroll Finanzjarju) u 35 (Kwistjonijiet Oħra), il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitolu 5 (Akkwist Pubbliku) u l-ftuħ u l-għeluq provviżorju tal-Kapitolu 25 (Xjenza u Riċerka) il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitolu 20 (Impriża u Politika Industrijali) u l-ftuħ u l-għeluq provviżorju tal-Kapitolu 26 (Edukazzjoni u Kultura) ; jistenna bil-ħerqa l-ftuħ tal-kapitoli addizzjonali li tħejjew mil-lat tekniku;

2.  Jilqa' l-impenn kontinwu tas-Serbja fit-triq lejn l-integrazzjoni fl-UE u l-approċċ kostruttiv u mħejji tajjeb tagħha f'dak li għandu x'jaqsam man-negozjati, li huwa sinjal ċar ta' determinazzjoni u rieda politika; jistieden lis-Serbja tkompli tippromwovi u tikkomunika b'mod attiv din id-deċiżjoni strateġika fost il-popolazzjoni Serba, anki billi tippromwovi sensibilizzazzjoni msaħħa taċ-ċittadini Serbi dwar il-finanzjament mill-baġit tal-UE dirett lejn is-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jastjenu mir-retorika u mill-messaġġi kontra l-UE diretti lejn il-pubbliku; jissottolinja l-bżonn ta' dibattiti informati, trasparenti u kostruttivi dwar l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha u l-implikazzjonijiet ta' adeżjoni; jieħu nota tat-titjib fid-djalogu u fil-konsultazzjonijiet pubbliċi mal-partijiet interessati u mas-soċjetà ċivili rilevanti kif ukoll l-involviment tagħhom fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE;

3.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni bir-reqqa tar-riformi u tal-politiki tibqa' indikatur ewlieni tas-suċċess tal-proċess ta' integrazzjoni; ifaħħar l-adozzjoni tal-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis (PNAA); jistieden lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki l-ġodda, billi titwaqqaf kapaċità amministrattiva adegwata u effiċjenti, u twettaq sforzi ulterjuri biex tiżgura l-inklużjoni sistematika tas-soċjetà ċivili fid-djalogi ta' politika, inkluż fil-proċess ta' adeżjoni, bħala strument għat-titjib tal-istandards tal-governanza demokratika; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi kontinwi min-naħa tal-Uffiċċju tal-Gvern għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili mmirati biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istat u s-settur ċivili;

4.  Josserva dewmien fl-assorbiment tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni, anki minħabba l-qafas istituzzjonali inadegwat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ifittxu eżempji pożittivi u l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jissottolinja l-bżonn li tiġi stabbilita sistema istituzzjonali aktar effikaċi u komprensiva fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, għall-assorbiment tal-IPA (Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni) u ta' fondi oħra disponibbli;

5.  Jilqa' l-progress li sar mis-Serbja fl-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona u t-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika globali fil-pajjiż; jenfasizza li s-Serbja għamlet progress pożittiv hija u tindirizza wħud mid-dgħufijiet politiċi tagħha, partikolarment fir-rigward tad-defiċit tal-baġit li llum jinsab inqas mil-livell iffissat fil-kriterji ta' Maastricht; jenfasizza li l-prospettivi tat-tkabbir tjiebu u l-iżbilanċi interni u esterni tnaqqsu; jilqa' favorevolment il-fatt li r-ristrutturar tal-impriżi ta' proprjetà pubblika mexa 'l quddiem, partikolarment fil-qasam tal-enerġija u tat-trasport ferrovjarju, u jissottolinja l-importanza tat-tmexxija professjonali tagħhom sabiex isiru aktar effikaċi, kompetittivi u ekonomiċi; jissottolinja r-rilevanza tal-impjieg fis-settur pubblika fis-Serbja u l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema;

6.  Jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali li saru fit-2 ta' April 2017; jikkundanna bil-qawwa r-retorika li ntużat matul il-kampanja presidenzjali mill-uffiċjali tal-gvern u l-midja favur il-gvern kontra kandidati presidenzjali oħra; jiddispjaċih dwar l-aċċess mhux uniformi tal-kandidati għall-midja matul il-kampanja elettorali, kif ukoll il-fatt li l-parlament kien wieqaf matul il-kampanja, u b'hekk il-politiċi tal-oppożizzjoni ċċaħdu minn forum pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw b'mod adegwat allegazzjonijiet ta' diversi tipi ta' irregolaritajiet, vjolenza u intimidazzjoni matul l-elezzjonijiet; jirrikonoxxi l-protesti li kienu qed iseħħu matul dak iż-żmien f'bosta bliet Serbi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet iqisu t-talbiet tagħhom f'konformità mal-istandards demokratiċi u l-ispirtu tad-demokrazija;

7.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għall-ekonomija Serba u jistieden lill-pajjiż ikompli jtejjeb l-ambjent tan-negozju għas-settur privat; jistieden lill-Gvern Serb u lill-istituzzjonijiet tal-UE jespandu l-opportunitajiet ta' finanzjament tagħhom favur l-SMEs, speċjalment fil-qasam tal-IT u tal-ekonomija diġitali; ifaħħar l-isforzi tas-Serbja rigward l-edukazzjoni dupliċi ta' taħriġ professjonali biex ikun indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jissottolinja l-importanza tal-organizzazzjoni ta' taħriġ aktar adegwat għad-domanda tas-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lis-Serbja tippromwovi l-imprenditorija, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; josserva t-tendenzi demografiċi sfavorevoli u l-fenomenu tal-"eżodu tal-imħuħ" u jistieden lis-Serbja tintroduċi programmi nazzjonali maħsuba biex jippromwovu l-impjieg fost iż-żgħażagħ;

8.  Jilqa' l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet parlamentari fl-24 ta' April 2016 li kienu valutati b'mod pożittiv mill-osservaturi internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR, partikolarment fir-rigward tal-kopertura medjatika mhux imparzjali, tal-vantaġġ indebitu għal dawk fil-kariga, ta' distinzjoni vaga bejn l-attivitajiet statali u tal-partiti, tal-proċess ta' reġistrazzjoni u tan-nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanja elettorali; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi għandu jkun f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw bir-reqqa l-akkużi ta' irregolaritajiet, vjolenza u intimidazzjoni li tqajmu matul il-proċess elettorali; jistieden lis-Serbja tiżgura elezzjonijiet ħielsa u ġusti f'April 2017;

9.  Josserva li l-Prim Ministru Aleksandar Vučić irċieva 55,08% tal-voti fl-elezzjoni presidenzjali tal-2 ta' April 2017; jenfasizza li delegazzjoni multipartitika mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa osservat l-elezzjoni u li l-OSKE/ODIHR bagħtet missjoni ta' valutazzjoni elettorali;

10.  Itenni l-appell tiegħu lis-Serbja, konformement mar-rekwiżiti tal-istatus ta' kandidat tagħha, biex tallinja progressivament il-politika estera u ta' sigurtà tagħha ma' dik tal-UE, inkluża l-politika tagħha fil-konfront tar-Russja; iqis deplorevoli l-iżvolġiment ta' taħriġ militari konġunt bejn is-Serbja u r-Russja; huwa mħasseb bil-preżenza ta' faċilitajiet tal-ajru Russi f'Nis; jiddispjaċih li, f'Diċembru 2016 li għadda, is-Serbja kienet wieħed mis-26 pajjiż li ma tax is-sostenn tiegħu lir-riżoluzzjoni dwar il-Krimea fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li tagħmel appell għal missjoni ta' osservazzjoni internazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola; jilqa' l-kontribut importanti tas-Serbja għal bosta missjonijiet u operazzjonijiet PSDK tal-UE (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUNAVFOR Atalanta u EUTM RCA) u l-parteċipazzjoni kontinwa tagħha fl-operazzjonijiet internazzjonali ta' żamma tal-paċi; jinkoraġġixxi u jsostni bil-qawwa lis-Serbja fin-negozjati dwar l-adeżjoni mad-WTO;

11.  Ifaħħar l-approċċ kostruttiv u umanitarju tas-Serbja fil-mod kif tittratta l-kriżi migratorja; jistieden lis-Serbja trawwem dan l-approċċ kostruttiv anki mal-pajjiżi ġirien; josserva b'mod pożittiv l-isforzi sostanzjali li s-Serbja għamlet biex tiżgura li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jingħataw kenn u provvisti umanitarji bl-appoġġ tal-UE u tal-komunità internazzjonali; jenfasizza li s-Serbja għandha tadotta u timplimenta l-liġi l-ġdida dwar l-asil; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jipprovdu lir-rifuġjati u lill-migranti kollha s-servizzi bażiċi bħal djar, ikel, sanità u assistenza għas-saħħa ta' livell adegwat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprovdu appoġġ kontinwu favur is-Serbja bil-għan li tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni u tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tas-sussidji finanzjarji għall-organizzazzjoni u għall-ġestjoni tal-flussi migratorji; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssostni t-tendenza dekrexxenti ta' persuni li jfittxu asil li jidħlu fl-UE mis-Serbja; jistieden lis-Serbja tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-applikanti għall-asil u tiżgura li l-minorenni mhux akkumpanjati u separati jiġu identifikati u mħarsa; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, b'mod li tiżgura l-konformità man-normi u mal-istandards Ewropej u internazzjonali;

Stat tad-dritt

12.  Jinnota li, filwaqt li sar xi progress fil-qasam relatat mal-ġudikatura, b'mod partikolari billi ttieħdu passi għall-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza u l-promozzjoni ulterjuri ta' sistema ta' reklutaġġ meritokratika, l-indipendenza ġudizzjarja mhijiex assigurata fil-prattika, u dan ma jħallix lill-imħallfin u lill-prosekuturi jattwaw il-leġiżlazzjoni adottata; jistieden lill-awtoritajiet jallinjaw il-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv mal-istandards Ewropej sabiex titnaqqas l-influwenza politika fir-reklutaġġ u fil-ħatra tal-imħallfin u tal-prosekuturi; jenfasizza li l-kwalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura u l-aċċess għall-ġustizzja jibqgħu taħt pressjoni minħabba distribuzzjoni inugwali ta' volum ta' xogħol, kwantità tqila ta' xogħol ġudizzjarju li baqa' lura u assenza ta' assistenza legali mingħajr ħlas, li jeħtieġ li tkun stabbilita; jappella għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.  Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jħeġġeġ lis-Serbja turi rieda politika u impenn ċari biex jinstab tarf ta' din il-kwistjoni, anki permezz ta' titjib u tisħiħ b'mod totali tal-qafas ġuridiku; jistieden lis-Serbja tintensifika l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni u l-pjan ta' azzjoni, u jitlob li jitfassal l-ewwel bilanċ tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni għal korruzzjoni ta' livell għoli; japprezza l-progress fil-finalizzazzjoni tal-abbozz ta' liġi dwar l-Aġenzija kontra l-Korruzzoni u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni previsti bis-saħħa tal-proġett ta' ġemellaġġ tal-UE li għadu kemm ġie stabbilit; iħeġġeġ lis-Serbja temenda u timplimenta t-taqsima tal-Kodiċi Kriminali dwar ir-reati ekonomiċi u ta' korruzzjoni sabiex jipprevedu qafas kredibbli u prevedibbli tad-dritt kriminali; huwa mħasseb bl-iżvelar ripetut lill-midja dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw bis-serjetà għadd ta' kawżi ta' profil għoli li fihom provi ta' allegata mġiba ħażina ġew ippreżentati mill-ġurnalisti; itenni l-appell tiegħu għal riforma adegwata tar-reat tal-abbuż tal-uffiċċju u tal-abbuż tar-responsabbiltajiet sabiex ikun evitat l-użu ħażin jew l-interpretazzjoni arbitrarja; jisħaq fuq il-fatt li r-rikors eċċessiv għad-dispożizzjoni dwar l-abbuż tal-uffiċċju fis-settur privat jagħmel ħsara lill-klima tan-negozju u jxekkel iċ-ċertezza tad-dritt; jistieden lis-Serbja tiggarantixxi n-newtralità u l-kontinwità tal-amministrazzjoni pubblika;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol attiv tas-Serbja fil-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fuq livell internazzjonali u reġjonali, fil-progress li sar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-adozzjoni, min-naħa tas-Serbja, tal-ewwel valutazzjoni tat-theddid gravi tal-kriminalità organizzata (SOCTA); jistieden lis-Serbja tintensifika l-isforzi biex tinvestiga netwerks kriminali usa', ittejjeb l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence u tiżviluppa każistika solida ta' kundanni definittivi; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ il-liġi ta' Frar 2016 dwar il-pulizija, tallinja mar-regoli tal-UE dwar il-konfiska tal-assi kriminali u tistabbilixxi pjattaforma sigura għall-iskambju tal-intelligence bejn l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi; japprezza l-bidliet reċenti fil-liġi dwar il-proprjetà pubblika u jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni trasparenti u nondiskriminatorja tagħha trid tkun garantita, u li jridu jiġu adottati miżuri oħrajn biex tkun stabbilita totalment iċ-ċarezza tad-dritt rigward id-drittijiet tal-proprjetà; jagħmel appell għal sforzi addizzjonali biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-kamp ta' applikazzjoni, tal-implimentazzjoni u tal-implikazzjonijiet tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Kompetenzi tal-Awtoritajiet Statali fil-Proċeduri tad-Delitti tal-Gwerra; jistieden lill-awtoritajiet jittrattaw il-każijiet ta' użu eċċessiv tal-poter min-naħa tal-pulizija fil-konfront taċ-ċittadini; ħa nota, bi tħassib, tal-avvenimenti kontroversjali li ġraw fid-distrett ta' Savamala ta' Belgrad, partikolarment fir-rigward tat-twaqqigħ tal-proprjetà privata; jesprimi tħassib dwar il-fatt li għaddiet sena sħiħa mingħajr ma saru xi żviluppi fl-investigazzjoniu jitlob ir-riżoluzzjoni rapida tagħha kif ukoll il-kooperazzjoni totali mal-awtoritajiet ġudizzjarji fl-investigazzjonijiet biex min hu responsabbli jiġi mħarrek; jistieden lill-Ministeru tal-Intern tas-Serbja u lill-awtoritajiet tal-belt ta' Belgrad jikkooperaw bis-sħiħ mal-prosekutur pubbliku f'dan il-każ; jistieden lill-awtoritajiet iżommu lura milli jagħmlu akkużi, pressjoni u attakki indirizzati lejn il-membri tal-moviment ċivili ''Let's not drown Belgrade'';

15.  Jilqa' pożittivament ir-rwol attiv tas-Serbja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jfakkar li fl-2014 is-Serbja diġà kkriminalizzat l-attivitajiet tal-ġellieda barranin konformement mar-riżoluzzjoni 2178 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; iħeġġeġ l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu finalizzata f'Marzu 2016; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-Kumitat ta' Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (Moneyval), u partikolarment ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar il-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni kontinwa fuq livell internazzjonali u reġjonali min-naħa tas-Serbja fil-ġlieda kontra d-drogi iżda jenfasizza li hemm bżonn aktar sforzi biex jiġu identifikati u mħarrka n-netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni msaħħa fir-reġjun huma fundamentali biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

Demokrazija

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri meħuda biex jitjiebu t-trasparenza u l-proċess ta' konsultazzjoni fi ħdan il-Parlament, inklużi seduti ta' smigħ pubbliċi u laqgħat u konsultazzjonijiet regolari mal-Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni Ewropea, speċjalment billi huma partijiet importanti tal-proċedura tan-negozjati; jibqa' mħasseb dwar l-użu estensiv ta' proċeduri urġenti fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-użu frekwenti tal-proċeduri urġenti u l-bidliet tal-aħħar minuta lill-aġenda parlamentari jimminaw l-effikaċja parlamentari, il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u fl-istess ħin ma jippermettux biżżejjed konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali; jenfasizza li jeħtieġ li tissaħħaħ is-sorveljanza tal-Parlament fuq l-eżekuttiv; jitlob koordinament aħjar fil-livelli kollha u adozzjoni immedjata ta' kodiċi tal-kondotta tal-parlament; jiddispjaċih li, minħabba tfixkil, id-Delegazzjoni tal-UE lis-Serbja ma setgħetx tippreżenta r-rapport tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ewropea tal-Parlament Serb; jenfasizza li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE jeħtieġ li jkun jista' jippreżenta dan ir-rapport mingħajr ostakli bla bżonn u dan se jippermetti wkoll sorveljanza adegwata tal-proċess ta' adeżjoni min-naħa tal-Parlament Serb;

17.  Jinnota li l-Kostituzzjoni teħtieġ reviżjoni biex b'hekk tirrifletti b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-Parlament f'ħatriet ġudizzjarji, il-kontroll tal-partiti politiċi fuq il-mandat tal-Membri tal-Parlament, l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ewlenin u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

18.  Jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-programm pubbliku dwar ir-riforma tal-ġestjoni finanzjarja, l-istrateġija tal-gvern elettroniku, strateġija dwar riforma regolatorja u t-tfassil tal-politika, liġijiet ġodda dwar proċeduri amministrattivi ġenerali, salarji pubbliċi u impjegati pubbliċi fil-livell tal-gvern provinċjali u lokali; jinnota li f'xi oqsma l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni relatat mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kienet bil-mod, u li ma sar l-ebda progress fl-emendar tal-qafas ġuridiku għall-impjegati pubbliċi tal-gvern ċentrali; jissottolinja li hemm bżonn aktar sforz biex l-amministrazzjoni tkompli tkun professjonalizzata u depolitiċizzata u biex il-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' sensja jsiru aktar trasparenti;

19.  Itenni l-importanza ta' entitajiet regolatorji indipendenti bħall-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali, l-Istitut Statali tal-Awditjar, l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u l-Kunsill Kontra l-Korruzzjoni fil-garanzija tas-sorveljanza u tal-obbligu ta' rendikont tal-eżekuttiv; jisħaq fuq il-bżonn ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet statali; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu bis-sħiħ l-indipendenza ta' dawn l-entitajiet regolatorji, joffru sostenn politiku u amministrattiv totali għal ħidmithom u jiżguraw segwitu adegwat tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jastjenu milli jagħmlu akkużi u attakki politiċi mhux fondati diretti kontra l-Ombudsman;

20.  Jissottolinja l-bżonn li tkun żgurata sistema edukattiva aċċessibbli b'kurrikulu komplet u bbilanċjat, anki rigward l-importanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-miżuri kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll opportunitajiet ta' xogħol u ta' taħriġ għaż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-programmi ta' studju Ewropej, bħall-programm Erasmus;

Drittijiet tal-bniedem

21.  Jissottolinja li l-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għall-osservanza tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huwa fis-seħħ; jenfasizza li hija meħtieġa implimentazzjoni konsistenti fil-pajjiż kollu; josserva li hemm bżonn sforzi sostnuti ulterjuri biex titjieb is-sitwazzjoni tal-persuni li jagħmlu parti mill-gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni bl-HIV/AIDS, il-persuni LGBTI, il-migranti u dawk li jfittxu l-asil kif ukoll il-minoranzi etniċi; jissottolinja l-bżonn għall-awtoritajiet Serbi, għall-partiti politiċi kollha u għall-personalitajiet pubbliċi kollha jippromwovu klima ta' tolleranza u inklużjoni fis-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni adottata kontra d-diskriminazzjoni, speċjalment fir-rigward tar-reati ta' mibegħda; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Vittmi Ċivili tal-Gwerra, li teskludi ċerti gruppi ta' vittmi tal-vjolenza matul il-kunflitt, u jistieden lill-awtoritajiet jeżaminaw mill-ġdid din il-liġi;

22.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ma sar ebda progress biex titjieb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni, tal-awtoċensura u tal-midja li jikkostitwixxi fenomenu dejjem aktar gravi; jisħaq fuq il-fatt li l-indħil politiku, it-theddid, il-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, inklużi l-aggressjonijiet fiżiċi, it-theddid bil-fomm u bil-miktub u l-attakki fuq il-proprjetà jibqgħu kwistjoni ta' tħassib; jistieden lill-awtoritajiet jikkundannaw pubblikament u inekwivokabbilment dawn l-attakki kollha, joffru riżorsi adegwati għall-investigazzjoni b'mod aktar proattiv tal-każijiet ta' attakki kontra l-ġurnalisti u l-mezzi tal-komunikazzjoni u jħarrku malajr lil dawk responsabbli; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-kawżi ċivili ta' malafama u l-kampanji denigratorji qegħdin jimmiraw b'mod sproporzjonat il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-ġurnalisti kritiċi u dwar ir-riperkussjonijiet possibbli fuq il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ġudikatura fir-rigward tal-malafama; jesprimi tħassib dwar kampanja negattiva kontra ġurnalisti investigattivi li jirrappurtaw dwar il-korruzzjoni, u jistieden lill-uffiċjali tal-gvern joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom f'kampanji bħal dawn; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jilqa' pożittivament l-iffirmar tal-ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti bejn il-prosekuturi, il-pulizija, il-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet tal-istampa u jistenna b'interess l-implimentazzjoni tiegħu; jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-finanzjament tagħhom; jinkoraġġixxi lill-gvern jiggarantixxi l-indipendenza u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni tas-servizz pubbliku kif ukoll il-fattibbiltà finanzjarja tal-kontenut medjatiku bil-lingwi minoritarji, u jżid ir-rwol tax-xandara pubbliċi f'dan is-settur;

23.  Jinsab imħasseb bil-fatt li l-Liġi dwar ir-Reklamar ġiet adottata fl-2015 mingħajr konsultazzjoni pubblika adegwata, u aboliet dispożizzjonijiet importanti bħal dawk relatati mal-projbizzjoni tar-reklamar tal-awtoritajiet pubbliċi u tar-reklamar politiku barra mill-kampanji elettorali;

24.  Jiddeplora r-rekwiżit għall-użu tal-fondi IPA li jesiġi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) isiru sħab tal-Istat biex l-applikazzjonijiet tagħhom jintemmu b'suċċess;

25.  Jikkundanna l-kampanja negattiva tal-gvern u tal-mezzi ta' komunikazzjoni mmexxijin mill-gvern kontra l-OSĊ; huwa mħasseb bil-ħolqien min-naħa tal-gvern ta' istituzzjonijiet fittizji ta' OSĊ f'oppożizzjoni għall-OSĊ indipendenti; iqis li huwa inaċċettabbli li tinħtieġ sħubija mal-gvern sabiex l-applikazzjonijiet tal-OSĊ għall-fondi IPA jintemmu b'suċċess;

Rispett u protezzjoni tal-minoranzi

26.  Itenni li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali hija kundizzjoni preliminari fundamentali għall-adeżjoni mal-UE; jilqa' pożittivament l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, u l-adozzjoni ta' digriet li jistabbilixxi fond għall-minoranzi nazzjonali, li hemm bżonn isir operattiv; jappella għall-implimentazzjoni totali tal-pjan ta' azzjoni u tal-anness tiegħu b'mod komprensiv u trasparenti, bl-involviment kostruttiv tal-partijiet kollha; itenni l-appell tiegħu lis-Serbja tiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minoranzi u tagħti attenzjoni partikolari lit-trattament nondiskriminatorju tal-minoranzi nazzjonali fil-pajjiż kollu, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwi, ir-rappreżentanza adegwata fil-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika, il-parlament nazzjonali u l-entitajiet lokali u reġjonali kif ukoll aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni u għas-servizzi reliġjużi bil-lingwi minoritarji; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' standards edukattivi ġodda għat-tagħim tas-Serb bħala lingwa mhux materna u l-progress fit-traduzzjoni tal-kotba tal-iskola fil-lingwi minoritarji, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw is-sostenibbiltà ta' dawn il-proċessi; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ it-trattati internazzjonali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tal-minoranzi;

27.  Josserva li d-diversità multietnika, multikulturali u multikonfessjonali tal-Vojvodina tikkontribwixxi wkoll għall-identità tas-Serbja; jissottolinja li l-Vojvodina żammet grad għoli ta' protezzjoni tal-minoranzi u li s-sitwazzjoni interetnika baqgħet tajba; jenfasizza li l-awtonomija tal-Vojvodina jenħtieġ li ma tiddgħajjifx u li l-liġi dwar ir-riżorsi tal-Vojvodina għandha tiġi adottata mingħajr aktar dewmien, kif previst mill-Kostituzzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-belt Serba ta' Novi Sad li ntgħażlet bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2021;

28.  Josserva l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni soċjali tar-Rom 2016-2025, li tkopri l-edukazzjoni, is-saħħa, id-djar, l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneru; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u malajr tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni tar-Rom, billi huma l-grupp l-aktar dgħajjef, emarġinat u diskriminat fis-Serbja, l-adozzjoni urġenti tal-pjan ta' azzjoni u l-ħolqien ta' korp għall-koordinament tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni; jikkundanna l-qerda tal-insedjamenti informali tar-Rom min-naħa tal-awtoritajiet, mingħajr avviż jew offerti ta' alloġġ alternattiv; jinsab estremament imħasseb bin-nuqqas ta' ħruġ ta' dokumenti personali lill-popolazzjoni Rom, fatt li jillimita d-drittijiet fundamentali tagħhom; huwa tal-fehma li l-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq jissarrfu f'għadd kbir ta' persuni Rom mis-Serbja jfittxu asil fl-UE;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat

29.  Jilqa' pożittivament il-fatt li s-Serbja tibqa' b'mod kostruttiv impenjata lejn relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħrajn tat-tkabbir u ma' Stati Membri ġirien tal-UE; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssaħħaħ l-involviment proattiv u pożittiv tagħha mal-ġirien tagħha u mar-reġjun tal-madwar, tippromwovi relazzjonijiet ta' bon viċinat u tintensifika l-isforzi mal-pajjiżi ġirien biex issolvi l-kwistjonijiet bilaterali skont id-dritt internazzjonali; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-arkivji li jikkonċernaw lil dawk li kienu r-repubbliki tal-Jugoslavja; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ il-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien; jissottolinja li tilwim bilaterali pendenti ma għandux ikollu effett ta' detriment fuq il-proċess ta' adeżjoni; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE ġirien, partikolarment fiż-żoni tal-fruntiera, bil-għan li jkun faċilitat l-iżvilupp ekonomiku;

30.  Ħa nota pożittiva tal-fatt li s-Serbja wriet impenn kostruttiv dejjem jikber f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali bħall-Istrateġija tad-Danubju, il-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali, l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, il-proċess Brdo-Brijuni, l-inizjattiva tas-Sitta tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività tagħha u l-proċess ta' Berlin; jilqa' favorevolment il-Prim Ministri tal-Bulgarija, tar-Rumanija u tas-Serbja dwar il-kooperazzjoni tal-infrastrutturi enerġetiċi u tat-trasport u jsostni l-idea ta' format permanenti tal-laqgħat tal-"Grupp ta' Craiova"; jisħaq fuq l-importanza tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni Reġjonali fost iż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni; jistieden lis-Serbja timplimenta l-miżuri tar-riforma tal-konnettività assoċjati mal-aġenda tal-konnettività kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Pariġi tal-2016 dwar il-Balkani tal-Punent u r-regolament TEN-T; ifaħħar ir-rwol tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija tas-Serbja biex tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u tikkontribwixxi għat-twaqqif tal-Forum tal-Investiment tal-Kamra tal-Balkani tal-Punent;

31.  Jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra; jistieden lis-Serbja tippromwovi klima ta' rispett u ta' tolleranza u tikkundanna kull forma ta' inċitament għall-mibegħda, approvazzjoni pubblika jew tiċħid ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jinnota li l-mandat tal-ex Prosekutur tad-Delitti tal-Gwerra skada f'Diċembru 2015; jenfasizza li l-ħatra tas-suċċessur tiegħu hija kwistjoni ta' tħassib serju; jappella għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija nazzjonali u għall-adozzjoni tal-istrateġija operattiva dwar il-prosekuzzjoni bi qbil mal-prinċipji u mar-regoli tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali; jappella għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa fit-trattament tad-delitti tal-gwerra u fir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti kollha f'dan ir-rigward, anki bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji tal-Prosekuturi tad-Delitti tal-Gwerra fir-reġjun dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), li għadha essenzjali; jitlob li d-delitti tal-gwerra jiġu ttrattati mingħajr ebda diskriminazzjoni, billi l-impunità tiġi indirizzata u l-obbligu ta' rendikont jiġi żgurat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jaħdmu dwar il-kwistjoni tad-destin tal-persuni li għebu, tal-lokalizzazzjoni tal-oqbra tal-massa u tal-garanzija tad-drittijiet tal-vittmi u tal-familji tagħhom; itenni l-appoġġ tiegħu favur l-inizjattiva biex titwaqqaf Kummissjoni reġjonali għall-aċċertament tal-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommess f'dik li kienet il-Jugoslavja u jħeġġeġ lill-Gvern Serb ikollu rwol ta' tmexxija f'dan l-aċċertament;

32.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-parteċipazzjoni ta' xi uffiċjali Serbi ta' grad għoli fiċ-ċelebrazzjonijiet tad-9 ta' Jannar 2017 ta' Jum ir-Republika Srpska, li saru bi ksur tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina; jenfasizza li kemm is-Serbja, bħala pajjiż kandidat, kif ukoll il-Bożnija-Ħerzegovina, bħala pajjiż potenzjalment kandidat, għandhom jiddefendu u jippromwovu b'azzjonijiethom l-istat tad-dritt; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jappoġġaw ir-riformi kostituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż biex jiffunzjona u jipparteċipa fit-taħditiet dwar l-adeżjoni mal-UE;

33.  Ifaħħar il-ftuħ ta' tliet punti ta' qsim tal-fruntiera bejn is-Serbja u r-Rumanija bħala żvilupp pożittiv u jirrakkomanda l-ftuħ ta' tliet punti ta' qsim tal-fruntiera ttardjati mal-Bulgarija f'Salash–Novo Korito, f'Bankya–Petachinci u fi Treklyano–Bosilegrad;

34.  Ifaħħar kemm lis-Serbja kif ukoll lill-Albanija għall-impenn kontinwu tagħhom biex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali u jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali fuq livell politiku u soċjetali, pereżempju permezz tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni Reġjonali fost iż-Żgħażagħ (RYCO), bis-sede f'Tirana; jinkoraġġixxi liż-żewġ pajjiżi jkomplu bil-kooperazzjoni tajba tagħhom sabiex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun;

35.  Jilqa' pożittivament l-impenn kontinwu tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo, u l-impenn tagħha għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fid-djalogu ffaċilitat mill-UE; itenni li l-progress fid-Djalogu għandu jitkejjel f'termini tal-implimentazzjoni tiegħu fil-post; jistieden, għaldaqstant, liż-żewġ partijiet javvanzaw bl-implimentazzjoni sħiħa, f'bona fide u b'mod tempestiv, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu u jkomplu b'mod determinat il-proċess ta' normalizzazzjoni, inkluża l-kwistjoni tal-Komunità tal-Muniċipalitajiet Serbi; jinkoraġġixxi lis-Serbja u lill-Kosovo jidentifikaw oqsma ġodda ta' diskussjoni għad-djalogu, bil-għan li titjieb ħajjet iċ-ċittadini u jinnormalizzaw b'mod komprensiv ir-relazzjonijiet bejniethom; itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni taż-żewġ naħat biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

36.  Jiddispjaċih, madankollu, fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Serbi li ma jħallux lill-eks President tal-Kosovo, Atifete Jahjaga, tattendi l-festival "Mirëdita, Dobar Dan", fejn hija kienet mistiedna tagħmel diskors dwar il-vittmi tal-vjolenza sesswali waqt il-gwerra tal-Kososvo; jiddispjaċih ukoll fir-rigward tal-miżura reċiproka adottata mill-awtoritajiet tal-Kosovo li ma jħallux lill-Ministru tax-Xogħol tas-Serbja, Aleksandar Vulin, jidħol il-Kosovo; jenfasizza li tali deċiżjonijiet huma fi ksur tal-Ftehim ta' Brussell dwar il-libertà ta' moviment konkluż mis-Serbja u mill-Kosovo fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ta' bejn iż-żewġ pajjiżi;

37.  Jesprimi tħassib serju dwar t-tensjonijiet reċenti bejn is-Serbja u l-Kosovo rigward l-ewwel traġitt ferrovjarju bejn Belgrad u Mitrovica tat-Tramuntana, inklużi d-dikjarazzjonijiet ta' propaganda tal-gwerra u r-retorika anti-UE; jisħaq fuq il-bżonn li kemm Belgrad kif ukoll Pristina jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li taf tikkomprometti l-progress miksub sal-lum u jastjenu minn azzjonijiet provokattivi u retorika inutli tista' tostakola l-proċess ta' normalizzazzjoni;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ li wrew l-awtoritajiet Serbi lill-Montenegro fl-investigazzjoni tiegħu tal-attakki falluti ppjanati għall-ġurnata tal-elezzjonijiet Montenegrini fl-2016; josserva li l-awtoritajiet Serbi arrestaw żewġ suspettati b'segwitu għall-ħruġ tal-mandat ta' arrest min-naħa tal-Montenegro; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jikkooperaw mal-Montenegro biex jaqblu dwar l-estradizzjoni tas-suspettati lejn il-Montenegro skont it-termini tal-ftehim bilaterali dwar l-estradizzjoni taż-żewġ pajjiżi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tappoġġa proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin fir-reġjun, partikolarment permezz ta' appoġġ għal proġetti kulturali li jittrattaw il-passat reċenti u l-promozzjoni ta' fehim komuni u kondiviż tal-istorja u kultura pubblika u politika ta' tolleranza, inklużjoni u rikonċiljazzjoni;

Enerġija

40.  Jistieden lis-Serbja timplimenta bis-sħiħ il-miżuri ta' riforma ta' konnettività fis-settur tal-enerġija; jinkoraġġixxi lis-Serbja tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tieħu miżuri biex ittejjeb l-allinjament mal-acquis fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli u tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluża l-adozzjoni ta' politika komprensiva dwar il-klima; jappella għar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima; jappella għall-iżvilupp ta' strateġija għall-enerġija idroelettrika għall-Balkani tal-Punent fl-intier tagħhom bi qbil mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u jistieden lill-awtoritajiet jużaw il-finanzjament addizzjonali tal-UE li jammonta għal EUR 50 miljun għall-iżvilupp tal-potenzjal idroelettriku tar-reġjun; ifaħħar lis-Serbja talli stabbiliet sistema ta' finanzjament għall-ambjent permezz tal-Fond Ekoloġiku; jisħaq fuq il-bżonn li jkunu żviluppati l-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku tas-Serbja mal-ġirien tagħha; jinkoraġġixxi lis-Serbja taċċelera l-preparamenti tekniċi u baġitarji għall-interkonnettur tal-gass bejn il-Bulgarija u s-Serbja;

41.  Jindika li s-Serbja għad trid tadotta formalment l-Istrateġija dwar il-Ġestjoni tal-Ilma u għadha ma għamlitx reviżjoni tal-Liġi dwar l-Ilma u l-Pjan Nazzjonali ta' Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku tad-Danubju; jenfasizza li dawn il-liġijiet huma ta' importanza fundamentali għall-allinjament ulterjuri mal-acquis tal-UE u għat-titjib tal-implimentazzjoni tad-direttivi UE fis-settur tal-ilma;

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0046.

Avviż legali