Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2314(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0062/2017

Testi mressqa :

A8-0062/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 16
CRE 13/06/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0262

Testi adottati
PDF 319kWORD 58k
L-Erbgħa, 14 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport 2016 dwar il-Kosovo
P8_TA(2017)0262A8-0062/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Kosovo (2016/2314(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar ta' ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet, iffirmat mill-Prim Ministri Hashim Thaçi u Ivica Dačić fid-19 ta' April 2013, u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/947 tal-14 ta' Ġunju 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX Kosovo),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet li għaddejjin tal-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) u l-iżviluppi li għandhom x'jaqsmu magħhom, inkluż l-aktar rapport reċenti maħruġ fis-26 ta' Ottubru 2016, u d-dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-UNMIK li sar fis-16 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2016)0715),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tal-2016 dwar il-Kosovo tad-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0363),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2016 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika 2016-2018 tal-Kosovo (SWD(2016)0134),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tas-26 ta' Mejju 2016 (9500/2016),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea għar-Riforma mnedija fil-11 ta' Novembru 2016 fi Pristina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar it-tkabbir u l-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, jenħtieġ li jgawdi wkoll mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża, ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-persuni mill-Kosovo tal-1 ta' Ġunju 2016 (COM(2016)0277) u r-raba' rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2016 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (COM(2016)0276),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-Riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li taġevola d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28-29 ta' Mejju 2008, tas-6-7 ta' April 2009, tat-22-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14-15 ta' Marzu 2012, tat-30-31 ta' Ottubru 2013 u tad-29-30 ta' April 2015, u d-dikjarazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-ewwel u t-tieni laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Kosovo tas-16-17 ta' Mejju 2016 u tat-23-24 ta' Novembru 2016 rispettivament, u l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni li saret fil-25 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0062/2017),

A.  billi 114 mill-193 stat membru tan-NU, inklużi 23 mit-28 Stat Membru tal-UE, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;

B.  billi kull pajjiż (potenzjalment) kandidat jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u billi r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

C.  billi l-UE tenniet bosta drabi r-rieda tagħha li tassisti l-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta' perspettiva Ewropea ċara, f'konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun, u l-Kosovo wera aspirazzjoni għall-mixja tiegħu lejn l-integrazzjoni Ewropea;

D.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluża r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll ir-relazzjonijiet ta' bon viċinat, l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività, fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

E.  billi aktar minn 90 % tal-Kosovari jinsabu f'riskju ta' qgħad u iktar minn 30 % jirċievu bejn EUR 0 u EUR 120 fix-xahar;

1.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Kosovo (FSA) tal-1 ta' April 2016 bħala l-ewwel relazzjoni kuntrattwali u pass essenzjali biex jitkompla l-proċess ta' integrazzjoni tal-Kosovo mal-UE; jilqa' t-tnedija tal-Aġenda ta' Riforma Ewropea fil-11 ta' Novembru 2016 u l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-FSA bħala pjattaforma biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-FSA, u jistieden lill-Kosovo jkompli juri rieda politika ċara u determinazzjoni biex jimplimenta l-pjan direzzjonali miftiehem, inkluż it-twaqqif tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għall-implimentazzjoni tal-FSA, u jaħtaf il-momentum pożittiv maħluq mill-FSA sabiex jimplimenta u jistituzzjonalizza r-riformi u jtejjeb l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Kosovo, jistabbilixxi kooperazzjoni mal-UE f'diversi oqsma li jżidu l-integrazzjoni kummerċjali u ta' investiment tal-Kosovo, imexxi 'l quddiem ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u jikkontribwixxi għall-istabbiltà fir-reġjun; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-riformi komprensivi meħtieġa biex jonora l-obbligi tiegħu taħt l-FSA; jilqa' l-fatt li fit-23-24 ta' Novembru 2016 sar it-Tieni Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li fil-25 ta' Novembru 2016 kien hemm l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo; jinnota kemm hu kruċjali għall-ġejjieni demokratiku tal-Kosovo kif ukoll għall-futur fil-proċess ta' integrazzjoni tiegħu mal-UE, li l-elezzjonijiet ġenerali bikrija u l-elezzjonijiet muniċipali li se jsiru fit-tieni parti tal-2017 ikunu ħielsa, ġusti u trasparenti;

2.  Jilqa' l-iżvolġiment ġeneralment paċifiku u ordnat tal-elezzjonijiet ġenerali bikrija li saru fil-11 ta' Ġunju 2017; jiddispjaċih, madankollu, li, parzjalment minħabba ż-żmien qasir għad-dispożizzjoni, uħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE tal-2014 ma ġewx indirizzati; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problemi osservati mill-osservaturi tal-UE matul il-kampanja elettorali fir-rigward, partikolarment, tal-indħil, min-naħa ta' ċerti partiti politiċi, li ħarbat l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni, kemm dawk privati kif ukoll pubbliċi, u tat-theddid u tal-atti ta' intimidazzjoni fil-konfront tal-membri u tal-kandidati tal-komunità Serba tal-Kosovo li kkontestaw l-elezzjoni mal-Lista Serba (Srpska Lista); iħeġġeġ lill-partiti jifformaw malajr gvern biex ikompli fit-triq li qabad il-Kosovo lejn l-UE u jimpenjaw ruħhom li jirratifikaw ftehim ta' demarkazzjoni tal-konfini mal-Montenegro u jkomplu r-riżultati pożittivi f'dawk li huma l-kundanni għal korruzzjoni f'livell għoli u għall-kriminalità organizzata bil-għan li titwitta t-triq għall-eżenzjoni mill-obbligu ta' viża għaċ-ċittadini Kosovari;

3.  Jesprimi tħassib dwar il-polarizzazzjoni estrema persistenti tax-xena politika; jistieden lill-partijiet kollha juru responsabbiltà u sjieda u joħolqu l-kundizzjonijiet għal soluzzjoni li tagħti l-frott u għal djalogu orjentat lejn ir-riżultati, bil-għan li titbatta t-tensjoni, u jintlaħaq kompromess sostenibbli sabiex jiġi ffaċilitat il-progress tal-pajjiż fil-mixja Ewropea tiegħu;

4.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-komunità Kosovo-Serba jieħdu posthom u r-rwol tagħhom bis-sħiħ fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, filwaqt li jaġixxu b'mod indipendenti minn Belgrad u b'mod kostruttiiv għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Kosovo, u jħeġġeġ lill-Kosovo jkompli jappoġġa l-aċċess tas-Serbi tal-Kosovo fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jilqa' f'dan ir-rigward l-integrazzjoni ta' persunal ġudizzjarju, tal-pulizija u l-protezzjoni ċivili Serbi tal-Kosovo fi ħdan is-sistema tal-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jibnu fiduċja reċiproka bejn il-komunitajiet filwaqt li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika tagħhom;

5.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-isfrattar vjolenti ta' attivitajiet minn xi membri tal-oppożizzjoni li seħħ fil-parlament tal-Kosovo fl-ewwel nofs tal-2016, u jilqa' l-fatt li l-oppożizzjoni reġgħet bdiet tipparteċipa fix-xogħlijiet tal-Assemblea dwar il-maġġorparti tal-kwistjonijiet, u li kien hemm involviment kostruttiv min-naħa tal-membri kollha tad-delegazzjoni parlamentari konġunta tal-Parlament Ewropew u l-Assemblea tal-Kosovo matul l-parti finali tal-leġiżlatura uxxenti; jenfasizza l-importanza tad-djalogu politiku, il-parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tal-partiti politiċi kollha fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ħidma parlamentari mingħajr xkiel bħala kundizzjonijiet essenzjali għal progress fil-proċess ta' integrazzjoni mal-UE;

6.  Jissottolinja li t-triq lejn l-integrazzjoni mal-UE tirrikjedi viżjoni strateġika fit-tul u impenn sostnut fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa;

7.  Jinnota li ħames Stati Membri ma rrikonoxxewx lill-Kosovo; jenfasizza li r-rikonoxximent ikun ta' benefiċċju għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja u jżid il-kredibbiltà tal-UE fir-rigward tal-politika esterna tagħha; jilqa' b'mod pożittiv l-approċċ kostruttiv tal-Istati Membri kollha biex jiġu ffaċilitati u msaħħa r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo sabiex jitrawmu l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-istat tad-dritt u l-konsolidament demokratiku għall-benefiċċju tal-poplu tal-Kosovo; jinkoraġġixxi approċċ pożittiv fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'organizzazzjonijiet internazzjonali;

8.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-għoti ta' liberalizzazzjoni tal-viża, li jkun jikkostitwixxi pass pożittiv ħafna għall-Kosovo fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea; jinnota b'mod pożittiv it-tnaqqis fit-talbiet għall-asil minn ċittadini tal-Kosovo, kemm fl-UE kif ukoll f'pajjiżi assoċjati Schengen, u jilqa' l-introduzzjoni tal-fond u ta' programmi ta' integrazzjoni mill-ġdid għaċ-ċittadini tal-Kosovo li rritornaw; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istaġnar fl-Assemblea uxxenti fir-rigward tar-ratifika tal-ftehim ta' demarkazzjoni mal-Montenegro, u jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-viża tista' tingħata biss ladarba l-Kosovo jissodisfa l-kriterji kollha, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien ta' każistika f'dawk li huma kundanni ta' livell għoli għall-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, li ġie appoġġat bil-kbir mill-mekkaniżmu ta' traċċar tal-IT għal każijiet ta' profil għoli li l-Kosovo juża għal reati ta' livell għoli - mekkaniżmu li jenħtieġ li jiġi estiż ukoll għal każijiet kriminali oħrajn; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jittrattaw kwistjonijiet ta' ħasil tal-flus, traffikar tad-drogi, traffikar ta' bnedmin, kummerċ fl-armi u pussess illegali tal-armi;

9.  Iqis li huwa vitali li l-politika estera u ta' sigurtà tal-Kosovo tiġi allinjata mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE;

10.  Jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-diversi ftehimiet iffirmati minn Awwissu 2016 fil-proċess ta' normalizzazzjoni mas-Serbja, wara xhur ta' ftit li xejn progress; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet hija essenzjali għall-evoluzzjoni ulterjuri b'suċċess tad-djalogu bejn Pristina u Belgrad; jistieden lill-Kosovo u lis-Serbja juru aktar impenn u rieda politika sostnuta fir-rigward tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, u biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' tipperikola l-progress miksub sa issa f'dan il-proċess; ifakkar li din hija kundizzjoni għall-adeżjoni mal-UE; jieħu nota tal-fatt li sar xi progress dwar kwistjonijiet tekniċi oħra bħall-katasti, id-diplomi universitarji u l-pjanċi tar-reġistrazzjoni, u dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-Pont ta' Mitrovica; kien qed isegwi bi tħassib l-iżviluppi dwar il-Pont ta' Mitrovica u jappoġġa l-ftehim reċenti; jilqa' l-allokazzjoni ta' kodiċi telefoniku indipendenti u internazzjonali lill-Kosovo; itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex iwettaq evalwazzjoni fuq bażi regolari tal-prestazzjoni tal-partijiet fir-rigward tar-rispett tal-obbligi tagħhom, u biex jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Parlament Ewropew; jenfasizza li l-ftehimiet milħuqa jenħtieġ li jtejbu l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini komuni; jinnota li l-benefiċċji tad-djalogu mhumiex evidenti għaċ-ċittadini tal-Kosovo u tas-Serbja u jenfasizza l-bżonn tal-akbar trasparenza fil-komunikazzjoni tar-riżultati tad-djalogu, b'mod partikolari fit-Tramuntana tal-Kosovo; jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat fir-rigward tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

11.  Jikkundanna bil-qawwa l-azzjoni li tintbagħat ferrovija nazzjonalista Serba minn Belgrad għat-Tramuntana tal-Kosovo; jesprimi tħassib serju dwar dikjarazzjonijiet ta' propoganda tal-gwerra u retorika kontra l-UE; jinnota d-deċiżjoni tal-qorti ta' Colmar (Franza) li tirrifjuta l-estradizzjoni lejn is-Serbja u l-ħelsien tas-Sur Ramush Haradinaj, li li kien ġie lliberat mill-akkużi mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) fl-2008 u l-2012 u arrestat fi Franza fl-4 ta' Jannar 2017 fuq il-bażi ta' mandat ta' arrest internazzjonali maħruġ mis-Serbja fl-2004 skont il-liġi tagħha dwar l-Organizzazzjoni u l-Kompetenzi tal-Awtoritajiet tal-Istat fl-ambitu tal-Proċedimenti tad-Delitti tal-Gwerra; jiddispjaċih li din il-liġi minn dak iż-żmien 'l hemm intużat b'mod ħażin għat-tfittxija ta' ċittadini minn pajjiżi li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Jugoslavja, kif juri dan l-aħħar każ; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet iżommu lura minn passi provokattivi u retorika inutli li jistgħu jxekklu l-proċess ta' normalizzazzjoni; jistieden lill-UE, il-Kosovo u s-Serbja jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet b'mod kostruttiv fil-qafas tan-negozjati għall-adeżjoni mal-UE;

12.  Jinnota li l-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi għadha ma ġietx stabbilita, li l-istatut korrispondenti għadu ma ġiex abbozzat u li l-istabbiliment tal-assoċjazzjoni huwa responsabbiltà tal-gvern tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Kosovo jistabbilixxi l-assoċjazzjoni mingħajr aktar dewmien, f'konformità mal-ftehim milħuq fil-qafas tad-djalogu ffaċilitat mill-UE u mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Kosovo; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jaħtru grupp ta' ħidma ta' livell għoli b'mandat ċar u marbut biż-żmien biex jipproponi statut għal kontribut pubbliku u rieżami parlamentari; jesprimi tħassib dwar il-preżenza kontinwa ta' strutturi paralleli tas-Serbja, inkluż permezz tal-appoġġ finanzjarju kontinwu tagħhom, u jitlob li dawn jiżżarmaw; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha jsibu soluzzjoni fit-tul aċċettabbli u li jista' jaqbel magħha kulħadd għall-istatus taċ-ċentru ta' minjieri Trepca;

13.  Jistieden lill-forzi politiċi jiżguraw li jiġu rispettati l-libertajiet ċivili u s-sigurtà tal-komunità Serba u tal-postijiet ta' qima tagħhom;

14.  Jilqa' t-twaqqif ta' Awli Speċjalizzati għall-Kosovo u ta' Uffiċċju ta' Prosekutur Speċjalizzat fl-Aja bħala pass essenzjali biex jiġu żgurati ġustizzja u rikonċiljazzjoni; jenfasizza li l-ħarsien tax-xhieda huwa kruċjali għas-suċċess tal-Qorti Speċjali, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet jippermettu liċ-ċittadini jibbenefikaw minn din is-sistema mingħajr biża' ta' tpattija; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġaw il-Qorti, inkluż permezz ta' finanzjament xieraq; jilqa' r-rieda tan-Netherlands biex tospita l-Qorti;

15.  Jappella lill-Kosovo biex jindirizza l-kwistjoni ta' persuni nieqsa, inkluż: billi jiggarantixxi b'mod effettiv id-drittijiet tal-proprjetà, jipprojbixxi l-ħtif ta' proprjetajiet u jiggarantixxi r-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni spustati; jistieden lill-Kosovo jiżgura kumpens effettiv għall-vittmi ta' stupru waqt gwerra kif iddikjarat fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali; jinnota bi tħassib il-progress kajman fl-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni f'każijiet ta' delitti tal-gwerra, inkluż f'każijiet ta' vjolenza sesswali matul il-gwerra tal-Kosovo 1998-1999, u jħeġġeġ lill-Kosovo jintensifika l-isforzi tiegħu f'dan ir-rigward;

16.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-soċjetà ċivili ma tiġix ikkonsultata regolarment bħala parti mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jinsisti fuq il-bżonn li s-soċjetà ċivili tingħata aktar setgħa, u jappella biex tintwera aktar rieda politika biex ikun hemm involviment tas-soċjetà ċivili, u dan billi jiġu implimentati standards minimi għall-konsultazzjoni pubblika;

17.  Jitlob lill-forzi politiċi kollha jiggarantixxu, jirrispettaw, jappoġġaw u jintensifikaw l-isforzi biex jitjieb l-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura, u billi ssir distinzjoni ċara bejn l-aspirazzjoni leġittima tal-poplu tal-Kosovo għal-libertà u l-ġustizzja u l-azzjonijiet ta' individwi li allegatament wettqu delitti tal-gwerra, li għandhom ikunu debitament imħarrka mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti;

18.  Jinnota li l-Ombudsman beda jimplimenta l-liġi dwar l-Ombudsman tal-2015 b'rappurtar miżjud u mtejjeb, u jħeġġeġ l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni sekondarja relatata; jistieden lill-assemblea u lill-gvern tal-Kosovo jiżguraw l-indipendenza finanzjarja, funzjonali u organizzattiva tal-Ombudsman, f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvern jagħti segwitu għar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa għal funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li jirċievi r-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet tiegħu;

20.  Jinnota li, filwaqt li sar xi progress fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-funzjonament xieraq tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja xorta waħda għadha kajmana u ineffiċjenti u mxekkla min-nuqqasijiet li fadal tal-leġiżlazzjoni kriminali, il-konvenjenzi politiċi u ekonomiċi, l-indħil politiku, in-nuqqas ta' responsabbiltà u riżorsi finanzjarji u umani limitati, inkluż fl-Uffiċċju għall-Prosekuzzjoni Speċjali; iħeġġeġ lill-Kosovo jindirizza dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità sabiex tiġi żgurata ċertezza tad-dritt fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà ta' investituri barranin; jinnota l-isforzi li saru mill-pulizija u l-uffiċċju tal-prosekutur kontra l-kriminalità organizzata; jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw il-mewt fil-ħabs tas-Sur Astrit Dehari, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiffinalizzaw l-investigazzjoni;

21.  Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-UE, u jinkoraġġixxi biex wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew il-ftehim jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun u b'implimentazzjoni xierqa;

22.  Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' progress li sar fir-rigward tal-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, kif ukoll dwar iż-żieda fl-indħil politiku u l-pressjoni u l-intimidazzjoni eżerċitati fuq il-midja; jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-għadd ta' theddid dirett u attakki fuq ġurnalisti, kif ukoll dwar l-awtoċensura mifruxa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jirrikonoxxu u jipproteġu bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni f'konformità mal-istandards tal-UE, u jtemmu l-impunità għal attakki kontra l-ġurnalisti, filwaqt li dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-gvern jiggarantixxi l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-midja tas-servizz pubbliku RTK u jintroduċi skema ta' finanzjament adegwata; jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni soda dwar id-drittijiet tal-awtur u li tiġi żgurata t-trasparenza tas-sjieda tal-midja;

23.  Jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jiżgura li każijiet ta' attakki fiżiċi kontra ġurnalisti u forom oħrajn ta' pressjoni jiġu investigati fil-pront, iħaffef u jsaħħaħ l-aġġudikazzjoni tal-każijiet mill-ġudikatura, ikompli jikkundanna mingħajr tlaqliq l-attakki kollha kontra ġurnalisti u mezzi ta' komunikazzjoni, u jiżgura t-trasparenza fis-sjieda tal-midja biex jiġu miġġielda r-riskji dejjem jiżdiedu ta' pressjoni eċċessiva fuq l-edituri u l-ġurnalisti;

24.  Jilqa' l-ftehim iffirmat mill-Kosovo u s-Serbja fit-30 ta' Novembru 2016 dwar il-passi finali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ġustizzja, milħuq fi ħdan id-Djalogu tad-9 ta' Frar 2015, li se jippermetti lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż isiru operattivi fit-territorju kollu tal-Kosovo;

25.  Jenfasizza li l-korruzzjoni sistemika tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE tat-trasparenza u l-indipendenza tal-ġudikatura; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-progress kajman ħafna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u jappella għal sforzi mġedda u rieda politika ċara biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet - kwistjonijiet li min-naħa tagħhom ixekklu progress ekonomiku sinifikanti; jiddispjaċih li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata mhumiex penalizzati f'ċerti żoni tal-Kosovo, b'mod partikolari fit-Tramuntana; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-każistika f'dawk li huma investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni finali għadha dgħajfa u li l-konfiska u s-sekwestru ta' assi kriminali jintużaw rarament, minkejja li dawn huma għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u għaldaqstant jirrakkomanda l-iffriżar fil-pront tal-assi u żieda fl-għadd ta' konfiski finali; iħeġġeġ lill-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni tal-Kosovo tieħu approċċ aktar proattiv fl-investigazzjonijiet; jesprimi tħassib li l-partiti politiċi u l-finanzjament tal-kampanji mhumiex koperti kif xieraq minn sorveljanza regolatorja; huwa tal-fehma li l-liġi dwar il-kunflitti ta' interess hemm bżonn li tinġieb f'konformità mal-istandards Ewropej, u li tiġi applikata fil-prattika t-tneħħija effettiva ta' uffiċjali pubbliċi akkużati jew misjuba ħatja ta' reati serji jew marbuta mal-korruzzjoni; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet responsabbli għall-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni; jesprimi tħassib serju dwar l-involviment ta' gruppi armati kriminali f'attivitajiet kriminali transkonfinali, u jitlob kooperazzjoni diretta u effikaċi bejn il-Kosovo u s-Serbja, kif ukoll bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza li s-sħubija tal-Kosovo mal-Interpol u l-kooperazzjoni mal-Europol jiffaċilitaw dawn l-isforzi;

26.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Kosovo għadu pajjiż ta' ħżin u tranżitu għal drogi qawwijin; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' ħżin sikur għad-drogi maqbuda qabel ma dawn jinqerdu; jesprimi tħassib serju dwar ir-rata baxxa ta' kundanni f'kawżi kontra t-traffikar tal-bnedmin, minkejja li l-Kosovo huwa għajn, tranżitu u destinazzjoni għan-nisa u t-tfal ittraffikati; jinnota bi tħassib l-eżistenza ta' gruppi armati u l-involviment tagħhom f'attivitajiet kriminali organizzati bħat-traffikar tal-armi, kif ukoll l-impunità evidenti li biha huma kapaċi joperaw bejn il-fruntieri;

27.  Jistieden lill-Kosovo jagħmel sforzi ulterjuri biex iwaqqaf il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo jallokaw finanzjament adegwat għall-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika, li tinkludi mekkaniżmi internazzjonali bħall-Konvenzjoni ta' Istanbul; jilqa' l-appoġġ politiku ta' livell għoli għad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jilqa' l-organizzazzjoni tat-tieni "pride parade", iżda jtenni li għad hemm biża' fost il-komunità LGBTI;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala prijorità, u jiżguraw li l-korpi regolatorji u l-awtoritajiet imexxu bl-eżempju; jinsab imħasseb dwar l-isfidi strutturali li jxekklu l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jibqa' mħasseb dwar is-sottorappreżentanza tan-nisa f'karigi li jinvolvu t-teħid tad-deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-Kosovo jibqa' jinkoraġġixxi lin-nisa li jkunu qed ifittxu karigi ta' livell għoli; jesprimi tħassib dwar il-livell baxx ta' sjieda ta' proprjetà fost in-nisa, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw b'mod attiv li d-drittijiet tal-proprjetà tan-nisa, fosthom id-drittijiet għall-wirt, jiġu garantiti; jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħha sabiex ikun hemm progress fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; itenni r-rabta bejn il-vjolenza sesswali matul il-gwerer u l-kunflitti u n-normalizzazzjoni u l-livelli għolja ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru f'pajjiżi li jkunu għaddew minn kunflitt, meta dawn il-kwistjonijiet ma jiġux indirizzati kif suppost; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkoraġġixxu pubblikament u jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' protezzjoni u miżuri ta' kenn għan-nisa li ma jibqgħux fommhom sieket u jirrappurtaw il-vjolenza domestika; iħeġġeġ il-ħidma tal-NGOs dwar din il-kwistjoni;

29.  Jinnota, filwaqt li jfaħħar l-istabbiliment ta' Grupp ta' Koordinazzjoni Interministerjali għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2016, li hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex jiġu protetti d-drittijiet tal-minoranzi kollha fil-Kosovo, inklużi l-komunitajiet Rom, Ashkali, Eġizzjani u Gorani, u dan permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti jwettqu bħala kwistjoni ta' prijorità l-miżuri leġiżlattivi u prattiċi neċessarji kollha biex tiġi limitata d-diskriminazzjoni, u biex jaffermaw id-drittijiet tad-diversi minoranzi etniċi, inklużi d-drittijiet kulturali, lingwistiċi u tal-proprjetà, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soċjetà multietnika; jistieden lill-Kosovo jiżgura li r-rifuġjati li jirritornaw, li ħafna minnhom huma Rom, jiġu integrati bis-sħiħ u jerġgħu jingħataw drittijiethom bħala ċittadini, biex b'hekk tintemm l-apolidija; jistieden lill-Kosovo jadotta strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għall-integrazzjoni tal-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani;

30.  Jilqa' ż-żieda fl-isforzi għall-għelib, il-ġlieda u l-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni, u jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa mill-Kosovo f'dan il-qasam; jinnota li għadd kbir ta' ġellieda barranin irritornaw lejn il-Kosovo u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li dawn jiġu mmonitorjati u mħarrka, u biex jistabbilixxu approċċ komprensiv permezz ta' politiki effikaċi għall-prevenzjoni, id-deradikalizzazzjoni u, fejn ikun il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid; jappella għal aktar identifikazzjoni, prevenzjoni u qtugħ tal-fluss ta' ġellieda barranin u ta' flejjes li ma jistgħux jiġu rintraċċati maħsuba għar-radikalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi komunitarji effettivi li jindirizzaw l-ilmenti li jinstigaw l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni, u biex jinbnew relazzjonijiet li jippromwovu t-tolleranza u d-djalogu;

31.  Jilqa' t-titjib fil-qagħda ekonomika u ż-żieda fid-dħul mit-taxxa li qed jagħmlu aktar riżorsi disponibbli għall-gvern biex iwettaq il-politiki tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar is-sostenibbiltà tal-baġit tal-Kosovo fir-rigward, b'mod partikolari, tal-ammont ta' benefiċċji allokati lill-veterani tal-gwerra, u jitlob li jkun hemm riforma tal-liġi rilevanti f'dan ir-rigward kif miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali; itenni li riformi strutturali soċjoekonomiċi huma kruċjali biex jiġi appoġġat it-tkabbir fit-tul; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ l-industrija lokali bħala kwistjoni ta' urġenza, filwaqt li jkun hemm enfasi fuq il-kompetittività ta' prodotti manifatturati lokalment sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-istandards tal-importazzjoni tal-UE; jinsab imħasseb dwar id-dipendenza fuq ir-rimessi tal-migranti; jesprimi tħassib dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' finanzjament ad hoc, li qed jimmina l-istabbiltà li għandhom bżonn in-negozji; itenni l-ħtieġa li titħaffef ir-reġistrazzjoni ta' negozji ġodda, li attwalment huma mxekkla minn amministrazzjoni mingħajr obbligu ta' rendikont, infrastruttura sottożviluppata, stat tad-dritt dgħajjef u korruzzjoni; iħeġġeġ lill-Kosovo jsegwi r-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-valutazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tal-UE u li jiġu introdotti valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-SMEs, u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza lill-SMEs; jistieden lill-Kosovo jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Programm ta' Riforma Ekonomika 2016-2018 u l-Aġenda Ewropea għar-Riforma mnedija fil-11 ta' Novembru 2016;

32.  Jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' qgħad, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ, u jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, speċjalment fil-proċess ta' reklutaġġ; jistieden lill-Kosovo jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex iżid il-livell tal-impjieg u jtejjeb il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, inkluż billi jitjieb it-taħriġ tal-għalliema, u b'hekk tiġi appoġġata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-kompetenzi edukattivi jitlaqqgħu mal-ħtiġijiet tal-impjiegi, li jikkostitwixxi pass essenzjali fil-ġlieda kontra r-rata għolja ħafna ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiżdied l-edukazzjoni konġunta tal-komponenti kollha tas-soċjetà tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-mekkaniżmi ta' infurzar, b'mod partikolari l-ispettorati tax-xogħol u l-qrati, u biex jissaħħaħ id-djalogu, permezz tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kosovo, bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-sħab soċjali; jilqa' l-konklużjonijiet tas-summit ta' Pariġi tal-2016 u l-istabbiliment tal-ewwel Uffiċċju tal-Kooperazzjoni Reġjonali fost iż-Żgħażagħ;

33.  Jiddispjaċih dwar il-pass kajman tal-isforzi tal-Kosovo rigward il-bini ta' kapaċità amministrattiva adegwata u effiċjenti, li qed jimpedixxi lill-pajjiż milli jimplimenta bis-sħiħ il-liġijiet adottati u juża l-fondi tal-UE b'mod effikaċi; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-korruzzjoni endemika, l-indħil politiku u l-politiċizzazzjoni ta' persunal fl-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha, kif ukoll dwar ħatriet f'diversi istituzzjonijiet u aġenziji indipendenti li ma jsirux b'mod suffiċjenti fuq kriterji professjonali, iżda fuq il-bażi ta' affiljazzjoni politika; jitlob li jsiru aktar sforzi biex ikun żgurat reklutaġġ meritokratiku, li huwa neċessarju għal garanzija ta' amministrazzjoni pubblika effikaċi, effiċjenti u professjonalment indipendenti; jappella biex isiru investigazzjonijiet dwar l-allegazzjoni reċenti ta' ndħil politiku fir-reklutaġġ u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet f'korpi pubbliċi;

34.  Jinnota li l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti għal applikazzjonijiet għal kwalunkwe tip ta' kuntratt taħt il-finanzjament tal-IPA huma tant diffiċli li kumpaniji Kosovari jew reġjonali spiss ma jkunux jistgħu japplikaw għalihom, u jitlob, għal dan l-għan, li tingħata attenzjoni speċjali għall-għoti ta' gwida u istruzzjonijiet lill-partijiet interessati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jidderieġu l-assistenza li fadal, li għadha ma ġietx ipprogrammata, lejn proġetti b'impatt aktar dirett fuq l-ekonomija tal-Kosovo;

35.  Jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-EULEX Kosovo u jħeġġeġ lill-Kosovo jkompli jikkoopera b'mod attiv għall-eżekuzzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tal-EULEX; jappella biex l-UE tkompli bl-isforzi tagħha sabiex jissaħħu ulterjorment is-sistemi indipendenti tal-ġustizzja, il-pulizija u d-dwana lil hinn mill-2018 bil-għan li l-Kosovo jieħu sjieda sħiħa ta' dawn il-funzjonijiet; jitlob li jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel u effiċjenti tal-każijiet ġudizzjarji ttrattati minn prosekuturi tal-EULEX lill-prosekuturi nazzjonali, b'salvagwardji xierqa li jiggarantixxu li l-vittmi ta' ksur imwettaq fil-passat ikollhom aċċess għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni;

36.  Jinnota t-tmiem tal-investigazzjoni kriminali dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-missjoni EULEX; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-fatt li l-uffiċjali tal-UE involuti ġew meħlusa minn kull għemil ħażin; jistieden lill-EULEX tiżgura aktar effikaċja, trasparenza sħiħa u responsabbiltà akbar fir-rigward tal-missjoni tul il-mandat tagħha, u li timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-espert indipendenti Jean-Paul Jacqué fir-rapport tiegħu tal-2014;

37.  Jinnota li s'issa, il-Kosovo għad mhuwiex rotta ewlenija ta' tranżitu għal rifuġjati u migranti li jivvjaġġaw fuq ir-'rotta tal-Balkani tal-Punent'; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jiżguraw li dawk li jkunu għaddejjin jiġu ttrattati skont id-dritt Ewropew u internazzjonali, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951; itenni li l-finanzjament, fost dispożizzjonijiet oħra fl-intestatura IPA II, jenħtieġ li jkun disponibbli u lest biex jiġi mobilizzat u implimentat b'rapidità u b'effikaċja fi żminijiet ta' kriżi u ta' bżonn;

38.  Jilqa' l-fatt li bosta siti reliġjużi u kulturali Serbi li sfortunatament inqerdu fl-2004, ġew rinnovati b'finanzjament pubbliku tal-Kosovo, kif seħħ fir-rigward tal-Katidral Ortodoss; jirrikonoxxi l-impenn tal-Kosovo biex jipproteġi siti ta' wirt kulturali, u jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw il-konvenzjonijiet kollha tan-NU dwar il-wirt kulturali fil-livelli kollha, ikun xi jkun l-istatus tal-Kosovo fir-rigward tal-UNESCO, permezz tal-adozzjoni ta' strateġija xierqa u ta' leġiżlazzjoni nazzjonali, u jiżguraw il-protezzjoni adegwata u l-ġestjoni tas-siti ta' wirt kulturali fil-Kosovo kollu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-programm iffinanzjat mill-UE mmirat lejn il-protezzjoni u r-rikostruzzjoni ta' siti ta' wirt kulturali żgħar, bil-ħsieb li jitrawwem id-djalogu interkulturali u interreliġjuż fil-muniċipalitajiet multietniċi kollha; itenni l-ħtieġa li jiġi adottat l-abbozz ta' liġi dwar il-libertà tar-reliġjon, u li dan jenħtieġ li jinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar din il-kwistjoni;

39.  Jilqa' bil-ħerqa d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-għoti tal-istatus ta' osservatur lill-Kosovo fl-Assemblea Parlamentari tiegħu minn Jannar 2017 fir-rigward tas-sessjonijiet relatati mal-Kosovo; jappoġġa l-isforzi tal-Kosovo biex jintegra fil-komunità internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha u jħeġġeġ lis-Serbja ma tibqax tindaħal f'dan il-proċess;

40.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jadottaw strateġija kredibbli fit-tul dwar l-enerġija u qafas leġiżlattiv ibbażat fuq l-effiċjenza enerġetika, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ħidma lejn grilji tal-elettriku affidabbli u biex is-settur tal-enerġija jsir aktar sostenibbli, kemm f'termini ta' sigurtà kif ukoll ta' standards ambjentali; jistieden lill-awtoritajiet jiffirmaw il-Memorandum ta' Qbil tal-Balkani tal-Punent 6 dwar l-iżvilupp tas-suq reġjonali tal-elettriku, u dwar it-twaqqif ta' qafas għal kollaborazzjoni futura ma' pajjiżi oħra; jenfasizza li fl-2017 il-Kosovo se jkollu l-presidenza tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, u jfakkar lill-awtoritajiet fl-obbligu ġuridiku tal-Kosovo skont dan it-trattat li jiżgura li 25 % tal-elettriku kollu jiġi minn sorsi rinnovabbli sal-2020; jistieden lill-gvern jirrispetta l-ftehim dwar id-dekummisjonament tal-impjant tal-elettriku Kosovo A u t-tiġdid tal-impjant tal-elettriku Kosovo B, bl-użu tas-EUR 60 miljun allokati għal dan l-għan mill-UE fi ħdan il-qafas tal-fondi tal-IPA; jitlob li jkun hemm strateġija tal-idroenerġija għar-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent;

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell allarmanti ta' tniġġis tal-arja fil-Kosovo, b'mod partikolari fiż-żona urbana ta' Pristina, u jitlob lill-awtoritajiet lokali u tal-istat biex b'mod urġenti jieħdu miżuri adegwati biex jittrattaw din l-emerġenza; jenfasizza li l-istrateġija nazzjonali dwar il-kwalità tal-arja hemm bżonn li tiġi infurzata kif xieraq; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-ġestjoni tal-iskart tibqa' waħda mill-problemi l-aktar viżibbli fil-Kosovo u li l-leġiżlazzjoni attwali ma tindirizzax bis-sħiħ din l-isfida;

42.  Jilqa' t-tnedija tal-proġett ta' konnettività ferrovjarja ġdida għall-Kuritur Orjent/Mediterran tal-Lvant, li jinkludi linji ġodda u stazzjonijiet tal-ferrovija fil-Kosovo u jikkostitwixxi l-uniku konnessjoni tal-Kosovo għar-reġjun tal-madwar; jistieden lill-gvern tal-Kosovo jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-proġett;

43.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni sabiex tiġi żblukkata l-grilja ta' interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Albanija u l-Kosovo, li ilha mblukkata għal xahar mis-Serbja, u jappella għal kooperazzjoni kostruttiva bejn l-awtoritajiet tal-elettriku Serbi u Kosovari; ifakkar lis-Serbja li l-iskadenza stabbilita mill-Komunità tal-Enerġija biex jitneħħa l-imblokk kienet il-31 ta' Diċembru 2016 l-aktar tard;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ħidmietha fi kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, b'mod li tiżgura l-konformità man-normi u l-istandards Ewropej u internazzjonali; jilqa' l-ħidma li saret sa issa f'dan ir-rigward;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tappoġġa proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin fir-reġjun, partikolarment permezz ta' appoġġ għal proġetti kulturali li jittrattaw il-passat reċenti u l-promozzjoni ta' fehim komuni u kondiviż tal-istorja u kultura pubblika u politika ta' tolleranza, inklużjoni u rikonċiljazzjoni;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.

Avviż legali