Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2310(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0055/2017

Testi mressqa :

A8-0055/2017

Dibattiti :

PV 05/04/2017 - 21
CRE 05/04/2017 - 21

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0263

Testi adottati
PDF 326kWORD 58k
L-Erbgħa, 14 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
P8_TA(2017)0263A8-0055/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2016/2310(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas konkluż f'Ohrid u ffirmat fi Skopje fit-13 ta' Awwissu 2001 (Ftehim Qafas ta' Ohrid, "l-OFA"),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jagħti lill-pajjiż l-istatus ta' kandidat għal sħubija fl-UE, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2008, il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2008, Diċembru 2012, Diċembru 2014 u Diċembru 2015, u l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016, li ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tad-delegazzjonijiet u li tennew l-impenn qawwi u inekwivokabbli fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż mal-UE,

–  wara li kkunsidra t-13-il laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-pajjiż u l-Kummissjoni, li saret fi Skopje fil-15 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-Politika tat-Tkabbir tal-UE" (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport tal-2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja" (SWD(2016)0362),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta' Ġunju 2016 dwar l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

–  wara li kkunsidra l-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti tal-Kummissjoni għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar Kwistjonijiet Sistematiċi tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet żvelata fir-rebbiegħa tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ "Ftehim ta' Pržino") li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u l-15 ta' Lulju 2015, u l-ftehim bejn l-erba' partijiet dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u l-31 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar f'Pariġi fl-4 ta' Lulju 2016 kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi tal-2016,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari , kif ukoll ir-rapport finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjoni parlamentari preċedenti tal-11 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll ir-riżoluzzjoni 47/225 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0055/2017),

A.  billi, wara li ġiet posposta darbtejn, l-elezzjoni parlamentari bikrija fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja saret fil-11 ta' Diċembru 2016 f'atmosfera kalma u normali, f'konformità mal-istandards internazzjonali u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; billi saret mingħajr inċidenti kbar, kienet ġeneralment amministrata sew u l-ammont ta' votanti kien kbir;

B.  billi r-riformi u l-preparazzjonijiet għall-adeżjoni qed jiġu mxekkla minn polarizzazzjoni politika, nuqqas kbir ta' fiduċja reċiproka u nuqqas ta' djalogu ġenwin bejn il-partijiet; billi jista' jiġi osservat rigress b'mod kontinwu f'xi żoni importanti; billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt kontinwament ġew sfidati, b'mod partikolari bħala riżultat ta' manipulazzjoni tal-istat li taffettwa l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-oqsma ewlenin tas-soċjetà;

C.  billi, fis-27 ta' April 2017, Talat Xhaferi ġie elett bħala l-Ispeaker il-ġdid tal-Parlament tal-Maċedonja; billi, fis-17 ta' Mejju 2017, il-President tar-Repubblika tal-Maċedonja ta l-mandat lill-kap tal-SDSM, Zoran Zaev, biex jifforma gvern ġdid; billi, fil-31 ta' Mejju 2017, il-gvern il-ġdid immexxi mill-Prim Ministru Zoran Zaev ġie approvat mill-Parlament tal-Maċedonja;

D.  billi xi wħud mill-kwistjonijiet ewlenin fil-proċess ta' riforma jinkludu riforma tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u l-midja, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u rieżami tal-implimentazzjoni tal-OFA;

E.  billi huwa meħtieġ impenn serju mill-forzi politiċi kollha sabiex il-pajjiż ikompli jaħdem favur l-integrazzjoni fl-UE u d-direzzjoni Ewro-Atlantika; billi gvern ġdid għandu bżonn jadotta u jimplimenta bis-sħiħ riformi robusti kkaratterizzati minn riżultati konkreti, partikolarment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja, il-korruzzjoni, id-drittijiet fundamentali, l-affarijiet interni u r-relazzjonijiet tajba tal-viċinat;

F.  billi hemm fehim komuni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li ż-żamma tar-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni għadha dipendenti fuq/subordinata għal progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino u progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti;

G.  billi l-Kunsill qed jimblokka l-progress minħabba l-kwistjoni mhux solvuta dwar l-isem mal-Ġreċja; billi l-kwistjonijiet bilaterali jenħtieġ li ma jintużawx bħala skuża biex ifixklu l-bidu rapidu tan-negozjati mal-UE;

H.  billi t-tilwim bilaterali jenħtieġ li ma jintużax biex ixekkel il-proċess ta' adeżjoni mal-UE, u lanqas il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, iżda jenħtieġ li jiġi indirizzat fi spirtu kostruttiv u f'konformità mal-istandards tal-UE u tan-NU; billi jenħtieġ li jsiru l-isforzi kollha biex jinżammu relazzjonijiet tajbin fil-viċinat u interetniċi;

I.  billi l-pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġu ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni; billi jenħtieġ li jiġi garantit il-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa; billi l-pajjiż tqies għal bosta snin bħala wieħed mill-aktar pajjiżi kandidati avvanzati f'termini ta' allinjament mal-acquis;

J.  billi l-proċess tal-adeżjoni mal-UE huwa inċentiv ewlieni għal aktar riformi, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-libertà tal-midja; billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin fil-viċinat huma elementi essenzjali tal-proċess tat-tkabbir, il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż;

K.  billi fl-20 ta' Lulju u l-31 ta' Awwissu 2016 il-mexxejja tal-erba' partiti politiċi ewlenin laħqu ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino, li kien jinkludi l-istabbiliment tal-11 ta' Diċembru 2016 bħala d-data għal elezzjoni parlamentari bikrija u biex jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tal-Prosekutur Speċjali; billi huma tennew ukoll l-impenn tagħhom biex jimplimentaw l-"Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti";

L.  billi l-kriżi politika reċenti wriet in-nuqqas ta' sistema effettiva ta' kontrokontrolli fl-istituzzjoinjiet tal-Maċedonja u l-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità pubblika;

M.  billi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni għadha fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, ġuridiċi u ekonomiċi;

1.  Jilqa' l-formazzjoni ta' gvern ġdid fil-31 ta' Mejju 2017; iħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jaġixxu fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni, fl-interess komuni taċ-ċittadini kollha u jaħdmu mal-gvern biex terġa' tiġi restawrata l-fiduċja fil-pajjiż u fl-istituzzjonijiet tiegħu, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Przino u tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rispett għal-libertajiet fundamentali muri matul l-elezzjoni bikrija fil-11 ta' Diċembru 2016, li kienet amministrata sew, saret b'mod trasparenti u inklużiv u mingħajr inċidenti kbar; jinnota li l-OSKE/ODIHR ikkunsidrat li l-elezzjoni kienet kompetittiva; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-partiti politiċi kollha aċċettaw ir-riżultati tagħha fl-interess tal-istabilità domestika u jenfasizza r-responsabilità tagħhom li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda rigress fi kriżi politika; jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura milli b'xi mod jostakolaw il-funzjonament effettiv tal-parlament; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid biex jipproċedi malajr bir-riformi neċessarji, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż u biex titmexxa 'l quddiem il-perspettiva Ewropea tiegħu għall-benefiċċju taċ-ċittadini; iqis li l-kooperazzjoni bejn il-partiti u interetnika hija essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi urġenti interni u dawk relatati mal-UE, u għaż-żamma tar-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-UE;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fil-proċess elettorali, inkluż il-qafas ġuridiku, il-lista tal-votanti u l-kopertura tal-midja; jilqa' l-fatt li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili osservaw l-elezzjoni fil-biċċa l-kbira tal-postijiet tal-votazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b'mod effettiv l-allegati irregolaritajiet u nuqqasijiet, inklużi l-intimidazzjoni tal-votanti, ix-xiri ta' voti, u l-użu ħażin ta' riżorsi amministrattivi, il-pressjoni politika fuq il-midja, kif ukoll il-lingwa ta' konfrontazzjoni u l-attakki verbali fuq il-ġurnalisti, anke fil-perspettiva tal-elezzjoni lokali f'Mejju 2017; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja u biex jistabbilixxu rekord kredibbli ta' skrutinju effettiv tal-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanja elettorali; jenfasizza l-ħtieġa ta' iktar trasparenza u depolitiċizzazzjoni tal-ħidma tal-amministrazzjoni elettorali sabiex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fl-elezzjonijiet futuri;

4.  Iqis li huwa importanti li jitwettaq ċensiment tal-popolazzjoni (l-aħħar ċensiment sar fl-2002), sakemm ikun hemm qbil madwar il-pajjiż dwar il-metodoloġija li għandha tiġi applikata, sabiex tinkiseb stampa realistika u aġġornata tad-demografija tal-popolazzjoni tal-Maċedonja, biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet ta' u jiġu offruti servizzi liċ-ċittadini tal-Maċedonja, u tkompli tiġi aġġornata l-lista tal-votanti u jitnaqqsu kwalunkwe irregolaritajiet u nuqqasijiet fil-ġejjieni;

5.  Jistenna li l-gvern il-ġdid, bħala l-ewwel prijorità, f'kooperazzjoni ma' partiti oħra, jaċċellera r-riformi relatati mal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, li jiddependi fuq il-progress tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa, tanġibbli u sostenibbli tiegħu u progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti dwar riformi sistemiċi; jistieden lill-Kunsill biex jindirizza l-kwistjoni tan-negozjati dwar l-adeżjoni mill-aktar fis possibbli; jibqa' konvint li n-negozjati jistgħu jiġġeneraw ir-riformi tant meħtieġa, joħolqu dinamika ġdida, jagħtu ħajja mill-ġdid lill-perspettiva Ewropea u jinfluwenzaw b'mod pożittiv ir-riżoluzzjoni ta' tilwim bilaterali sabiex ma jfixkilx il-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

6.  Jenfasizza l-importanza strateġika ta' aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE u jitlob għal darb'oħra li jintwerew ir-rieda politika u s-sjieda mill-partijiet kollha fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u l-Ftehim ta' Pržino; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino hija importanti ħafna wkoll wara l-elezzjoni biex jiżgura l-istabilità u s-sostenibilità politika fil-ġejjieni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, mill-aktar fis possibbli iżda qabel tmiem l-2017, il-progress tal-pajjiż fl-implimentazzjoni u tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kunsill; filwaqt li jfakkar li jeħtieġ li jitniedu u jiġu implimentati r-riformi li misshom ilhom li ttieħdu, jappoġġa l-kontinwazzjoni tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni ħalli jgħin lill-pajjiż b'mod sistematiku f'dan ir-rigward; jiddispjaċih li l-ebda laqgħa ma saret taħt id-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni u li ftit li xejn kien hemm progress fl-ilħuq tal-miri preċedenti; jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi politiċi, ta' sigurtà u soċjoekonomiċi negattivi potenzjali ta' dewmien ulterjuri fil-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex iżidu l-viżibilità tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-pajjiż sabiex l-UE toqrob lejn iċ-ċittadini tal-pajjiż;

7.  Jenfasizza l-progress sinifikanti li għamel il-pajjiż fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u jenfasizza l-konsegwenzi negattivi ta' dewmien ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni, inkluża t-theddida għall-kredibilità tal-politika ta' tkabbir tal-UE u r-riskju ta' instabilità fir-reġjun;

8.  Jirrimarka li l-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea (Brexit, il-migrazzjoni, ir-radikaliżmu, eċċ.) jenħtieġ li ma jxekklux il-proċess ta' tkabbir, iżda pjuttost li dawn l-isfidi wrew il-ħtieġa li jiġu integrati bis-sħiħ il-Balkani tal-Punent fl-istrutturi tal-UE biex tissaħħaħ u tiġi approfondita s-sħubija u jingħelbu l-kriżijiet internazzjonali;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-livell għoli ta' allinjament leġiżlattiv mal-acquis communautaire u jirrikonoxxi l-prijorità mogħtija lill-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar ta' oqfsa ġuridiċi u politiċi eżistenti, bħal fil-każ ta' pajjiżi li diġà huma impenjati fin-negozjati tal-adeżjoni;

10.  Jifraħ lill-pajjiż dwar it-tkomplija tal-issodisfar tal-impenji tiegħu taħt l-FSA; jistieden lill-Kunsill biex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni tal-2009 biex jimxi għat-tieni stadju tal-FSA, b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti;

11.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex juru r-rieda politika u r-responsabilità biex jingħelbu l-ambjent politiku diviżiv, il-polarizzazzjoni u n-nuqqas ta' kultura ta' kompromess u biex jinvolvu ruħhom mill-ġdid fi djalogu; jenfasizza għal darb'oħra r-rwol ewlieni tal-parlament fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż u bħala l-forum għad-djalogu politiku u r-rappreżentanza politika; jitlob li l-funzjonijiet ta' sorveljanza jiġu msaħħa u li jiġu stabbiliti limiti fuq il-prattika ta' bidliet leġiżlattivi frekwenti għal-liġijiet u l-użu ta' proċeduri mqassra għall-adozzjoni, mingħajr biżżejjed konsultazzjoni jew valutazzjoni tal-impatt; iħeġġeġ l-operazzjoni bla xkiel tal-kumitati parlamentari fuq l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet u fuq is-sigurtà u l-kontrospjunaġġ, u l-aċċess bla xkiel tagħhom għad-data u t-testimonjanzi meħtieġa sabiex jiġi pprovdut kontroll parlamentari kredibbli fuq is-servizzi rilevanti; jirrikonoxxi r-rwol kostruttiv li għandha s-soċjetà ċivili fl-appoġġ u t-titjib tal-proċessi demokratiċi;

12.  Jinnota xi progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika inklużi l-passi biex jiġi implimentat il-qafas ġuridiku ġdid dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani; jappella għal aktar impenn biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; jibqa' mħasseb dwar l-amministrazzjoni pubblika politiċizzata u minħabba li l-impjegati taċ-ċivil huma soġġetti għal pressjoni politika; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid biex juri impenn politiku qawwi biex jitjiebu l-professjonaliżmu, il-mertu, in-newtralità u l-indipendenza fil-livelli kollha permezz tal-implimentazzjoni tal-programmi ġodda ta' reklutaġġ abbażi tal-mertu u l-proċedura ta' evalwazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li titlesta l-istrateġija għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika 2017-2022, inkluż billi jsiru biżżejjed allokazzjonijiet tal-baġit għall-implimentazzjoni tagħha, u li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva rilevanti; jitlob lill-gvern li jmiss biex jistabbilixxi linji ta' responsabilità trasparenti u effettivi bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet; jirrakkomanda li l-komunitajiet kollha jkunu rrappreżentati b'mod ġust fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika;

13.  Jirrakkomanda li l-gvern li jmiss jiżviluppa strateġija komprensiva dwar il-governanza elettronika flimkien ma' aktar żvilupp tas-servizzi elettroniċi għaċ-ċittadini u n-negozji sabiex inaqqsu l-piż burokratiku għall-istat, għaċ-ċittadini u għan-negozji; jenfasizza li l-governanza elettronika u s-servizzi elettroniċi jtejbu l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż u jżidu t-trasparenza u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi; jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika u jappella għal aktar sforzi biex jiġi żgurat li dan id-dritt bl-ebda mod ma jkun ostakolat; iħeġġeġ is-sejba ta' soluzzjonijiet elettroniċi innovattivi sabiex ikun żgurat aċċess faċli għall-informazzjoni pubblika u biex titnaqqas il-burokrazija relatata;

14.  Jiddeplora r-rigress kontinwu fir-riforma tal-ġudikatura, li jenħtieġ li tiġi mħeġġa sabiex taħdem b'mod indipendenti; jiddeplora l-interferenza politika rikorrenti fil-ħidma tagħha, inkluż fil-ħatra u l-promozzjoni tal-imħallfin u l-prosekuturi, kif ukoll in-nuqqas ta' responsabilità u l-każijiet ta' ġustizzja selettiva; għal darb'oħra jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b'mod effettiv il-kwistjonijiet pendenti kif identifikati fil-'Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti' u biex juru rieda politika biex isir progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, inkluż permezz tat-titjib fil-liġi u fil-prattika, it-trasparenza fil-proċeduri ta' ħatra u promozzjoni u billi jitnaqqas it-tul tal-proċedimenti fil-qorti; jirrikonoxxi li saru xi sforzi biex tittejjeb it-trasparenza; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet jiżguraw il-professjonalità tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuturi u l-indipendenza funzjonali tas-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi;

15.  Itenni l-importanza ta' investigazzjoni komprensiva u indipendenti, mingħajr xkiel, dwar l-allegazzjonijiet ta' azzjonijiet ħżiena li nkixfu bl-interċettazzjonijiet telefoniċi u n-nuqqasijiet relatati tas-sorveljanza; ifakkar fl-importanza tal-mandat u l-ħidma kemm tal-Prosekutur Speċjali kif ukoll tal-Kumitat Parlamentari ta' Inkjesta li jinvestigaw ir-responsabilità ġuridika u r-responsabilità politika, rispettivament; jinnota li l-Prosekutur Speċjali qajjem l-ewwel akkużi kriminali dwar in-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-interċettazzjoni telefonika;

16.  Huwa mħasseb dwar l-attakki politiċi kontra u l-ostakli amministrattivi u ġudizzjarji għall-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u n-nuqqas ta' kooperazzjoni minn istituzzjonijiet oħra; ifakkar lill-qrati kriminali li ma jirrispondux għal talbiet uffiċjali mill-Istati tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali li għandhom obbligu legali biex jgħinuh; iqis li huwa essenzjali għall-proċess demokratiku li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jkun jista' jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu u jwettaq investigazzjonijiet bir-reqqa b'awtonomija sħiħa, mingħajr xkiel u bil-mezzi neċessarji; jitlob li jingħata appoġġ sħiħ lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u l-kondizzjonijiet u ż-żmien meħtieġ biex titlesta l-ħidma importanti tiegħu; jitlob li jintemmu l-ostakli fil-qrati kontra r-riferiment ta' provi lill-Prosekutur Speċjali, u li jiġu appoġġati emendi fil-liġi bl-għan li tiġi żgurata l-awtorità awtonoma tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tax-xhieda f'każijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu; jemmen bis-sħiħ li r-riżultati tal-investigazzjonijiet jikkostitwixxu pass importanti lejn il-kisba mill-ġdid tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet nazzjonali; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu adottati emendi għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tax-Xhieda;

17.  Jibqa' mħasseb li l-korruzzjoni għadha problema serja u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni qed tiġi mminata mill-interferenza politika; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm rieda politika qawwija biex din tiġi indirizzata; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jitlob li tittieħed azzjoni biex titjieb it-trasparenza u biex jiġu żgurati għażla u ħatra abbażi tal-mertu tal-membri tal-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex isiru sforzi li jiżguraw il-prevenzjoni u s-sanzjoni effikaċi tal-kunflitti ta' interess u li jiġi stabbilit rekord kredibbli dwar il-korruzzjoni f'livell għoli, inklużi l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar il-protezzjoni tal-informaturi f'konformità mal-istandards Ewropej, il-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u lill-midja biex jikxfu l-korruzzjoni u jappoġġaw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali; jistieden lill-awtoritajiet biex jappoġġaw il-ħidma tal-Ombudsman b'miżuri adegwati rigward il-persunal u l-baġit;

18.  Jinsab imħasseb dwar l-għaqda ta' attivitajiet tal-midja, politiċi u tal-gvern, b'mod partikolari fir-rigward tal-infiq pubbliku; jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza ta' rabtiet ekonomiċi, politiċi u tal-familja illegali f'dak li għandu x'jaqsam mal-infiq ta' fondi pubbliċi; jistieden lill-gvern biex jadotta qafas leġiżlattiv li jirregola kunflitti ta' interess u jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-assi ta' persuni li jokkupaw karigi statali għoljin bħala miżura addizzjonali biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-qafas leġiżlattiv u l-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huma fis-seħħ; jilqa' l-eliminazzjoni tan-netwerks kriminali u r-rotot relatati mat-traffikar tal-bnedmin u d-drogi u jitlob għal aktar intensifikazzjoni tal-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ aktar titjib fil-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kemm fil-pajjiż kif ukoll ma' pajjiżi fil-viċinat, u t-tisħiħ tas-setgħat u r-riżorsi tal-qrati; iqis li huwa essenzjali li tiġi żviluppata aktar il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi biex jiġu investigati r-reati finanzjarji u jiġu kkonfiskati l-assi;

20.  Japprezza l-isforzi kontinwi biex jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni Iżlamika u l-ġellieda terroristiċi barranin; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija 2013-2019 għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li tiddefinixxi wkoll il-kunċetti ta' estremiżmu vjolenti, radikalizzazzjoni, prevenzjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jitlob li tiġi implimentata permezz ta' aktar kooperazzjoni bejn l-aġenziji tas-sigurtà u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-mexxejja reliġjużi, il-komunitajiet lokali u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-istat fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tas-servizzi soċjali biex jiġu indirizzati l-istadji differenti ta' radikalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' għodod għal reintegrazzjoni u riabilitazzjoni; jitlob li jkun hemm monitoraġġ kontinwu ta' ġellieda barranin li jirritornaw mis-servizzi tas-sigurtà, biex jintegraw sew mill-ġdid fis-soċjetà, kif ukoll skambju kontinwu ta' informazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE u dawk fil-viċinat;

21.  Jinsab imħasseb dwar sinjali li ġejjin mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirreferu għad-deterjorament tal-klima li joperaw fiha; jibqa' mħasseb dwar l-attakki pubbliċi radikali fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti barranin mill-politiċi u l-midja; jirrikonoxxi u jħeġġeġ ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ, l-appoġġ u t-titjib tal-proċessi demokratiċi, inkluż il-proċess elettorali, u l-iżgurar ta' kontrokontrolli; huwa mħasseb dwar l-impenn limitat tal-gvern u l-kooperazzjoni insuffiċjenti mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha; jenfasizza l-importanza ta' djalogu regolari u kostruttiv u kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jinkluduhom fit-tfassil tal-politika b'mod regolari u strutturat; jistieden lill-awtoritajiet biex ma jiddiskriminawx kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili abbażi ta' affiljazzjoni politika, fehmiet reliġjużi jew kompożizzjoni etnika; jemmen li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni jenħtieġ li ma tiġi miċħuda lil ebda grupp ta' nies mingħajr ġustifikazzjoni serja;

22.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu x-xogħol taċ-ċensiment tal-popolazzjoni interrott li jista' jipprovdi statistika preċiża, li tista' sservi bħala bażi għal programmi ta' żvilupp tal-gvern u l-ippjanar baġitarju adegwat;

23.  Ifakkar lill-gvern u lill-partiti politiċi dwar ir-responsabilitajiet tagħhom fit-tfassil, bil-liġi u fil-prattika, ta' kultura ta' inklużjoni u tolleranza; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ugwaljanza u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni 2016-2020; huwa mħasseb dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni u jitlob għal proċess ta' għażla trasparenti għall-membri tagħha; itenni l-kundanna tiegħu ta' diskors ta' mibegħda kontra l-gruppi diskriminati; huwa mħasseb li l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-attakki kontra l-persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transesswali u intersesswali (LGBTI) jippersistu; itenni t-talba tiegħu biex il-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni tiġi allinjata mal-acquis tal-Unjoni fir-rigward tad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali; jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, u li jiġu ffaċilitati l-integrazzjoni tagħhom u l-aċċess tagħhom għas-sistema tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol; huwa mħasseb dwar il-kundizzjonijiet fiżiċi inumani u l-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet, minkejja żieda sinifikanti fil-baġit tal-ħabs; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ikunu rrispettati;

24.  Jappella għal sforzi ulterjuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u fl-impjieg, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom u jissaħħu d-drittijiet tan-nisa b'mod ġenerali; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex itejbu l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs, biex jindirizzaw in-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha u biex isaħħu l-effikaċja ta' mekkaniżmi istituzzjonali għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' aċċess tan-nisa għal ċerti servizzi tas-saħħa bażiċi kif ukoll dwar ir-rata persistentement għolja ta' mortalità tat-trabi;

25.  Iħeġġeġ lill-gvern biex jieħu miżuri biex jirrieżamina l-Liġi dwar il-Prevenzjoni ta' u l-Ħarsien kontra l-Vjolenza Domestika u liġijiet oħra rilevanti, sabiex jipprovdi protezzjoni xierqa għall-vittmi kollha tal-vjolenza domestika u l-vjolenza sessista u biex itejjeb is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza domestika, inkluż għadd adegwat ta' postijiet ta' kenn; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li każijiet ta' vjolenza domestika jiġu investigati bir-reqqa u l-persuni li wettqu dawn l-atti jiġu soġġetti għal proċediment kriminali, u jkompli jqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika;

26.  Itenni li s-sitwazzjoni interetnika għadha fraġli; iħeġġeġ lill-partiti politiċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex jippromwovu b'mod attiv soċjetà multietnika, multikulturali u multireliġjuża inklużiva u tolleranti u biex isaħħu l-koeżistenza u d-djalogu; jemmen li huma meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex tinkiseb il-koeżjoni soċjali fost id-diversi komunitajiet etniċi, nazzjonali u reliġjużi; ifakkar lill-gvern u lill-mexxejja tal-partiti dwar l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid b'mod inklużiv u trasparenti, biex jiffinalizzaw ir-rieżami pendenti mingħajr aktar dewmien, inklużi rakkomandazzjonijiet ta' politika, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni tiegħu; jikkundanna kull forma ta' irridentiżmu u kwalunkwe tentattiv li jiġu ddiżintegrati gruppi soċjali differenti; jenfasizza l-importanza li jinbeda ċ-ċensiment tant mistenni mingħajr aktar dewmien;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tappoġġa proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin fir-reġjun, partikolarment permezz ta' appoġġ għal proġetti kulturali li jittrattaw il-passat reċenti u l-promozzjoni ta' fehim komuni u kondiviż tal-istorja u kultura pubblika u politika ta' tolleranza, inklużjoni u rikonċiljazzjoni;

28.  Itenni li l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa biex tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni storika sabiex tingħeleb il-firda bejn u fi ħdan id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara;

29.  Iħeġġeġ lill-gvern jibgħat sinjali ċari lill-pubbliku u lill-mezzi ta' komunikazzjoni li d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità nazzjonali mhijiex tollerata fil-pajjiż, inkluż fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja, tal-midja, tal-impjieg u tal-opportunitajiet soċjali; jissottolinja l-importanza ta' dawn l-azzjonijiet għall-integrazzjoni tad-diversi komunitajiet etniċi u l-istabilità u l-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż;

30.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirkupraw l-arkivji tas-servizzi sigrieti Jugoslavi rilevanti mis-Serbja; huwa tal-fehma li l-ġestjoni trasparenti tal-imgħoddi totalitarju, inkluż il-ftuħ tal-arkivji tas-servizzi sigrieti, hija pass 'il quddiem lejn aktar demokratizzazzjoni, responsabilità u saħħa istituzzjonali;

31.  Itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta' kull demokrazija; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, l-użu ta' diskors ta' mibegħda, il-każijiet ta' intimidazzjoni u ta' awtoċensura, l-interferenza politika sistemika fi u l-pressjoni fuq il-politiki editorjali, in-nuqqas ta' rappurtar investigattiv, oġġettiv u preċiż, kif ukoll ir-rappurtar żbilanċjat tal-attivitajiet tal-gvern; itenni t-talba tiegħu għal rappurtar ta' varjetà ta' opinjonijiet permezz tal-midja prinċipali, partikolarment tax-xandar pubbliku;

32.  Jistieden lill-gvern il-ġdid jiżgura li l-intimidazzjoni jew il-vjolenza kontra l-ġurnalisti tiġi investigata kif xieraq u li dawk reponsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa għal sostenibilità u awtonomija politika u finanzjarja tas-servizz pubbliku tax-xandir sabiex tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja u editorjali, u d-dritt ta' aċċess għal informazzjoni imparzjali; jappella għal korpi ta' rappreżentanza tal-interessi tal-midja inklużivi; jappella għall-istabbiliment ta' kodiċi ta' kondotta professjonali aċċettat kemm mill-midja pubblika kif ukoll minn dik privata; iħeġġeġ ħidma konġunta bejn l-uffiċjali tal-gvern, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti dwar ir-riforma tal-midja;

33.  Jibqa' mħasseb li s-sitwazzjoni politika tirrappreżenta riskju serju lill-ekonomija Maċedonjana; jiqba' mħasseb dwar l-infurzar dgħajjef tal-kuntratti, id-daqs tal-ekonomija informali u d-diffikultà fil-ksib ta' aċċess għall-finanzi; jenfasizza li l-ekonomija moħbija mdaqqsa hija ostakolu importanti għan-negozju; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri li jsaħħu l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur privat, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw ukoll l-effiċjenza ġudizzjarja;

34.  Jilqa' l-fatt li nżammu l-istabilità makroekonomika, it-tnaqqis tar-rata tal-qgħad u l-impenn kontinwu tal-gvern biex jippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' politiki ekonomiċi bbażati fuq is-suq, iżda jinsab imħasseb dwar is-sostenibilità tad-dejn pubbliku u dwar il-fatt li l-qgħad għadu għoli b'parteċipazzjoni baxxa ħafna fis-suq tax-xogħol, speċjalment fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni b'diżabilità; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw il-qgħad fit-tul u strutturali, jippromwovu l-kooperazzjoni tal-politika ekonomika, jallinjaw aħjar l-edukazzjoni mad-domanda tas-suq tax-xogħol u jiżviluppaw strateġija mmirata dwar kif iż-żgħażagħ u n-nisa jistgħu jiġu integrati b'mod aħjar fis-suq tax-xogħol; jinsab imħasseb dwar it-tluq ta' professjonisti żgħażagħ b'edukazzjoni għolja u jappella lill-gvern biex jiżviluppa programmi biex jippermetti lill-professjonisti żgħażagħ b'edukazzjoni għolja jirritornaw u jipparteċipaw fil-proċessi politiċi u ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob li tittieħed azzjoni biex titjieb id-dixxiplina fiskali u t-trasparenza u tiżdied il-kapaċità tal-ippjanar tal-baġit; jinkoraġġixxi l-prinċipju ta' baġits ibbilanċjati; jinnota li l-ambjent regolatorju affidabbli u prevedibbli għan-negozji jwassal għal żieda fl-istabilità makroekonomika u t-tkabbir; jitlob li jkun hemm konsultazzjoni adegwata mal-partijiet interessati kollha f'dan ir-rigward;

35.  Jilqa' b'mod pożittiv il-progress li sar fil-modernizzazzjoni tan-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet u, b'mod partikolari, l-isforzi biex jitlesta l-Kuritur X(2); fid-dawl tal-importanza ta' kollegamenti ferrovjarji fil-qafas ta' sistema sostenibbli ta' trasport, jilqa' b'mod pożittiv l-intenzjoni tal-gvern li jimmodernizza jew jibni kollegamenti ferrovjarji minn Skopje sal-kapitali tal-pajjiżi fil-viċinat u jappella għal aktar progress, speċjalment fil-finalizzazzjoni tal-kollegamenti ferrovjarji u bit-triq fi ħdan il-Kuritur VIII(3);

36.  Jilqa' l-livell tajjeb ta' tħejjija fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-soċjetà tal-informazzjoni; jappella għal aktar progress fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika u jissottolinja l-ħtieġa biex tiġi żviluppata u adottata strateġija nazzjonali għaċ-ċibersigurtà sabiex tiżdied ir-reżiljenza ċibernetika;

37.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqasijiet sinifikanti fil-qasam tal-ambjent, b'mod partikolari fil-qasam tat-tniġġis industrijali u t-tniġġis tal-arja u tal-ilma; jinnota li l-kundizzjoni attwali tas-sistema tal-provvista tal-ilma hija ġeneralment ħażina, li tirriżulta fi kwistjonijiet ta' telf kbir tal-ilma u l-kwalità tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata politika dwar l-iskart sostenibbli, u jitlob li jkun hemm politika u strateġija komprensiva dwar l-azzjoni klimatika li tkun konformi mal-qafas tal-UE tal-2030 għall-politika dwar il-klima, u għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

38.  Jilqa' r-rwol kostruttiv tal-pajjiż fil-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività; jinnota, madankollu, li r-rabtiet tal-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija mal-ġirien reġjonali u l-konnessjoni man-netwerk TEN-T għadhom limitati; jilqa' l-progress li sar fis-sigurtà tal-provvista, kif ukoll fil-qasam ta' interkonnetturi ta' trażmissjoni tal-elettriku u interkonnessjonijiet tal-gass; jinnota l-ftehim iffirmat mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent dwar l-iżvilupp ta' suq reġjonali tal-elettriku; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fil-ftuħ tas-suq tal-elettriku biex tiġi żviluppata l-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija u tal-gass, b'ħidma għal separazzjoni tal-utilitajiet f'konformità mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE; jitlob titjib sostanzjali fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jappella għar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima;

39.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u ta' finanzjament sabiex ikun żgurat reġim ta' akkwist pubbliku trasparenti, effiċjenti u effettiv, jipprevjenu kwalunkwe irregolarità u jimplimentaw il-fondi tal-UE b'mod xieraq u f'waqtu, u biex jipprovdu, fl-istess ħin, rapporti regolari dettaljati dwar l-ipprogrammar u l-użu tal-fondi tal-Komunità; jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni reġgħet naqqset l-għajnuna finanzjarja għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni b'madwar EUR 27 miljun bħala konsegwenza ta' nuqqas ta' impenn politiku biex jitwettqu riformi fil-ġestjoni finanzjarja pubblika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapporti tagħha informazzjoni dwar l-appoġġ tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-pajjiż u l-effikaċja tal-miżuri implimentati, b'mod partikolari l-appoġġ tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni allokat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-proġetti rilevanti;

40.  Ifaħħar lill-pajjiż għar-rwol kostruttiv u l-kooperazzjoni tiegħu u għall-isforzi enormi tiegħu fl-indirizzar tal-isfidi tal-kriżi tal-migrazzjoni, biex b'hekk jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għas-sigurtà u l-istabilità tal-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-pajjiż bl-għodod kollha meħtieġa biex tittaffa l-kriżi; jirrakkomanda aktar miżuri u azzjonijiet f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali biex titjieb is-sistema tal-ażil, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità meħtieġa biex jiġi evitat u miġġieled it-traffikar ta' bnedmin u migranti, inkluż ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' Stati fil-viċinat fil-ġlieda kontra l-kriminalità, u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni tal-fruntieri;

41.  Jinnota li l-pajjiż jinsab fuq l-hekk imsejjaħ "rotta tal-Balkani tal-Punent" u li bejn wieħed u ieħor 600 000 rifuġjat u migrant, inklużi gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u l-anzjani, s'issa vvjaġġaw minnha fi triqithom lejn l-Ewropa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tiegħu jiżguraw li l-migranti u r-rifuġjati li japplikaw għal ażil fil-pajjiż jew li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fit-territorju tiegħu, jiġu trattati b'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE, inklużi l-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, b'mod li tiżgura l-konformità man-normi u l-istandards Ewropej u internazzjonali;

43.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali bħala għodda biex jitmexxa 'l quddiem il-proċess tal-integrazzjoni tal-UE, u jfaħħar l-isforzi kostruttivi tal-pajjiż u l-kontribuzzjonijiet proattivi fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi kollha fir-reġjun;

44.  Jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali hija element essenzjali fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE, iġġib l-istabilità u l-prosperità fir-reġjun, u jenħtieġ li tkun prijorità għall-gvern; jilqa' r-rwol kostruttiv kontinwu tal-pajjiż u l-kontributi proattivi li jippromwovu l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari; ifaħħar iż-żieda fl-allinjament mal-politika barranija tal-UE (73 %); jistieden lill-awtoritajiet tal-Maċedonja biex jallinjaw ukoll il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja wara l-annessjoni illegali tal-Krimea; itenni l-importanza li jiġu finalizzati n-negozjati dwar trattat ta' ħbiberija u ta' viċinanza tajba mal-Bulgarija; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw id-drittijiet politiċi, soċjali u kulturali taċ-ċittadini tal-pajjiż li jqisu lilhom infushom bħala ċittadini Bulgari;

45.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' kumitati ta' esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni mal-pajjiżi fil-viċinat, li twassal għal interpretazzjoni tal-istorja oġġettiva u bbażata fuq il-fatti, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom;

46.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati tanġibbli mill-inizjattiva għal miżuri ta' bini ta' fiduċja bejn dan il-pajjiż u l-Greċja, li jista' jikkontribwixxi għal fehim aħjar u relazzjonijiet bilaterali aktar b'saħħithom, biex b'hekk titwitta t-triq għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat rigward il-kwistjoni tal-isem, u jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza li jkunu evitati attitudnijiet, azzjonijiet kontroversjali u dikjarazzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi fil-viċinat; itenni bil-qawwa l-istedina tiegħu lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw inizjattivi ġodda sabiex jingħelbu d-differenzi li jkun baqa' u biex jaħdmu, f'kooperazzjoni maż-żewġ pajjiżi u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU, fuq soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat dwar il-kwistjoni tal-isem u biex jirrapportaw lura lill-Parlament dwar dan;

47.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin, li juru appoġġ politiku b'saħħtu għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jirrimarka dwar l-importanza ta' dan il-proċess għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi fir-reġjun permezz ta' investimenti f'netwerks ewlenin u proġetti bilaterali fl-oqsma tal-infrastruttura, l-ekonomija u l-interkonnettività; itenni l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva f'inizjattivi reġjonali relatati maż-żgħażagħ, bħal pereżempju l-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent; jilqa' t-twaqqif tal-Fond tal-Balkani tal-Punent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis l-inizjattivi u l-proġetti proposti;

48.  Jifraħ lill-pajjiż dwar il-presidenza tiegħu tal-IEĊ fejn matul l-2015 il-fokus kien fuq il-kooperazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet ta' negozju, l-infrastruttura u l-iżvilupp ekonomiku ġenerali, inkluż l-iżvilupp rurali u t-turiżmu, u fuq il-kollegament tal-makroreġjuni;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-pajjiż.

(1) ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.
(2) Il-Kuritur X huwa wieħed mill-għaxar kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Salzburg (l-Awstrija) sa Salonka (il-Greċja).
(3) Il-Kuritur VIII huwa wieħed mill-kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Durrës (l-Albanija) sa Varna (il-Bulgarija). Jgħaddi wkoll minn Skopje.

Avviż legali