Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0397/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 11
CRE 13/06/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0264

Testi adottati
PDF 268kWORD 51k
L-Erbgħa, 14 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
P8_TA(2017)0264RC-B8-0397/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) tat-23 ta' Ġunju 2016(1), tal-1 ta' Diċembru 2016(2) u tat-2 ta' Frar 2017(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u mill-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-RDK dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq fir-RDK fil-31 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u tas-6 ta' Marzu 2017 dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Marzu 2017 dwar il-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-RDK, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293 (2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-RDK u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u r-riżoluzzjoni 2348 (2017) dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-RDK mill-Unjoni Afrikana, min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Ewropea u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija tas-16 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-RDK, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-RDK ġarrbet ċikli kontinwi ta' kunflitt u ta' repressjoni politika brutali; billi l-kriżi umanitarja u ta' sigurtà fir-RDK komplet sejra għall-agħar minħabba l-kriżi politika kkawżata mill-fatt li l-President Joseph Kabila naqas milli jikkonforma mal-limitu ta' żewġ mandati stabbilit mill-kostituzzjoni;

B.  billi l-kunflitt qed iseħħ fil-kuntest ta' kriżi politika fir-RDK; billi ftehim li ntlaħaq fil-31 ta' Diċembru 2016 taħt l-awspiċi tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) jipprevedi tranżizzjoni politika li twassal għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti sa tmiem l-2017, mingħajr bidla fil-kostituzzjoni; billi sal-lum ma sar l-ebda progress fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim;

C.  billi f'Awwissu 2016 ġlied armat seħħ bejn l-armata Konġoliża u l-milizzji lokali fil-provinċja ta' Kasai Ċentrali u nfirex fil-provinċji ġirien ta' Kasai tal-Lvant, Lomami u Sankuru, b'tali mod li kkawża kriżi umanitarja u wassal għall-ispostament intern ta' aktar minn miljun persuna ċivili; billi rapporti tan-NU ddokumentaw vjolazzjonijet massivi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-massakru ta' aktar minn 500 persuna ċivili, kif ukoll l-eżistenza ta' aktar minn 40 qabar tal-massa; billi, skont in-NU, kważi 400 000 tifel u tifla jinsabu f'xifer il-mewt bil-ġuħ; billi 165 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Kongoliżi talbu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet massivi tad-drittijiet tal-bniedem fil-provinċji ta' Kasai u Lomami, filwaqt li enfasizzaw li kemm forzi governattivi kif ukoll ġellieda tal-milizzji huma implikati f'dawn id-delitti;

D.  billi żewġ esperti tan-NU, flimkien ma' membri tal-persunal ta' appoġġ, inħatfu u nqatlu fil-provinċja ta' Kasai f'Marzu 2017;

E.  billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU nieda appell għal USD 64,5 miljun f'April 2017 għal assistenza umanitarja urġenti fir-reġjun ta' Kasai;

F.  billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrapportaw kontinwament dwar is-sitwazzjoni teħżien fil-pajjiż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, dwar żieda fl-għadd ta' proċessi għal motivi politiċi u dwar l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti u l-oppożizzjoni politika, b'mod partikolari mwettqa mill-armata u l-milizzji; billi n-nisa u t-tfal huma l-ewwel vittmi tal-kunflitt, u billi atti ta' vjolenza sesswali u ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, li spiss jintużaw bħala tattika tal-gwerra, huma mifruxa;

G.  billi, skont il-mandat tagħha li f'April 2017 ġie mġedded għal sena oħra, il-MONUSCO għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-persuni ċivili fost l-eskalazzjoni tal-vjolenza, u għandha tappoġġja l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku tal-31 ta' Diċembru 2016, filwaqt li l-kontinġent tal-MONUSCO għandu jaħdem ukoll bil-qies debitu ta' prijoritajiet ta' sigurtà u umanitarji ġodda;

H.  billi l-UE fit-12 ta' Diċembru 2016 adottat miżuri restrittivi kontra seba' individwi b'reazzjoni għall-ostakolar tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u fid-29 ta' Mejju 2017 kontra disa' individwi oħra li għandhom pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fl-amministrazzjoni statali u fil-katina tal-kmand tal-forzi tas-sigurtà tar-RDK;

1.  Għadu mħasseb serjament dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni politika, tas-sigurtà u umanitarja fir-RDK; jikkundanna bil-qawwa kull vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-atti ta' vjolenza mill-perpetraturi kollha, il-każijiet kollha ta' ħtif, qtil, tortura, vjolenza sesswali, kif ukoll l-arresti arbitarji u d-detenzjonijiet illegali;

2.  Jitlob li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta indipendenti u komprensiv, li jħaddan fih esperti tan-NU, bil-għan li jixħet dawl fuq il-vjolenza fir-reġjun ta' Kasai u jiżgura li dawk li wettqu dawn il-massakri jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw kumitat ta' inkjesta politikament u finanzjarjament;

3.  Ifakkar li huwa l-gvern tar-RDK li għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi lill-persuni ċivili li jinsabu fit-territorju tiegħu u li huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu, inkluż li jipproteġihom minn delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

4.  Jiddeplora bil-qawwa d-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss fir-RDK, li jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-kostituzzjoni tal-Kongo; jiddeplora wkoll in-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim politiku tal-31 ta' Diċembru 2016 għal arranġamenti tranżizzjonali; ifakkar l-impenn meħud mill-Gvern tar-RDK għal elezzjonijiet trasparenti, ħielsa u ġusti li għandhom isiru b'mod kredibbli qabel tmiem l-2017, li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet politiċi, jikkonformaw mal-ftehim politiku u jwasslu għal trasferiment paċifiku tal-poter; itenni li huwa importanti li jiġi ppubblikat kalendarju politiku dettaljat, filwaqt li jilqa' l-proċess ta' reġistrazzjoni elettorali; jitlob l-implimentazzjoni bikrija tal-impenji li fih il-ftehim, b'mod partikolari l-emendar u l-adozzjoni tal-liġijiet meħtieġa fil-parlament Kongoliż qabel tmiem is-sessjoni parlamentari; jitlob li l-liġi elettorali tiġi emendata bil-għan li tiggarantixxi r-rappreżentanza tan-nisa permezz ta' miżuri adatti;

5.  Jissottolinja li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti għandha r-responsabbiltà li tkun istituzzjoni imparzjali u inklussiva fl-implimentazzjoni ta' proċess elettorali kredibbli u demokratiku; jitlob il-ħolqien immedjat ta' kunsill nazzjonali għall-monitoraġġ tal-ftehim u tal-proċess elettorali, f'konformità mal-ftehim politiku tal-2016;

6.  Ifakkar li gvern huwa fid-dmir li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi l-libertajiet fundamentali bħala bażi tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jreġġgħu lura ambjent li jiffavorixxi l-eżerċizzju liberu u paċifiku tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda u tal-libertà tal-istampa; jesiġi r-rilaxx immedjat ta' dawk kollha li ġew arrestati b'mod illegali, inklużi ġurnalisti, membri tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-partijiet interessati politiċi kollha jfittxu djalogu politiku;

7.  Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u mis-servizzi ta' sigurtà; huwa mħasseb ukoll dwar rapporti ta' vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem minn milizzji lokali, inkluż ir-reklutaġġ u l-użu illegali ta' suldati tfal, atti li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; iqis li t-tmiem tal-fenomenu tas-suldati tfal irid ikun prijorità għall-awtoritajiet u għall-komunità internazzjonali;

8.  Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fir-RDK, li tinkludi spostamenti, nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, epidemiji u diżastri naturali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkattru l-għajnuna finanzjarja u umanitarja permezz ta' organizzazzjonijiet affidabbli, biex jilqgħu għall-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni, b'mod partikolari fil-provinċja ta' Kasai; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha mwettqa fuq il-membri tal-persunal umanitarju u fuq il-faċilitajiet umanitarji, u jinsisti li l-awtoritajiet tal-Kongo jiżguraw li l-għajnuna mill-organizzazzjonijiet umanitarji titwassal lill-popolazzjoni bla intoppi u f'waqtha;

9.  Jilqa' t-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO u l-ħidma mwettqa mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għar-RDK biex jipproteġi lill-persuni ċivili u jsostni d-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest elettorali; jenfasizza li l-mandat oriġinali u kurrenti, li japplika għat-truppi kollha tan-NU fil-pajjiż, huwa li "jinnewtralizzaw il-gruppi armati"; jitlob li l-forza kollha tal-MONUSCO tintervjeni bis-sħiħ u tipproteġi lill-popolazzjoni minn gruppi armati, tipproteġi lin-nisa mill-istupri u minn forom oħra ta' vjolenza sesswali, u li ma tippermetti l-ebda limitazzjoni fuq il-bażi ta' kmand nazzjonali;

10.  Jinnota bi tħassib ir-riskju ta' destabilizzazzjoni reġjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għan-Nazzjonijiet Uniti, għall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija u għall-Unjoni Afrikana fil-medjazzjoni tagħhom favur djalogu politiku; jitlob li l-ħidma fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar tiġi intensifikata biex tipprevjeni destabilizzazzjoni ulterjuri;

11.  Ifakkar li huwa importanti li l-individwi jinżammu responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għal azzjonijiet oħra li jimminaw soluzzjoni kunsenswali u paċifika fir-RDK; jappoġġja l-użu ta' sanzjonijiet immirati tal-UE kontra l-individwi responsabbli għal vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li, f'konformità mal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Grupp ta' Esperti tan-NU, isiru aktar investigazzjonijiet dwar il-persuni responsabbli, fl-ogħla livell tal-gvern, għall-vjolenza u d-delitti mwettqa fir-RDK u għas-serq tar-riżorsi naturali tagħha, u li sanzjonijiet jiġu estiżi kontra dawn il-persuni; jenfasizza li s-sanzjonijiet iridu jinkludu l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tad-dħul fl-UE;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0290.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0479.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0017.

Avviż legali