Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2722(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0414/2017

Dibattiti :

PV 15/06/2017 - 4.1
CRE 15/06/2017 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2017 - 7.2
CRE 15/06/2017 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0267

Testi adottati
PDF 274kWORD 53k
Il-Ħamis, 15 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-każ ta’ Afgan Mukhtarli u s-sitwazzjoni tal-media fl-Ażerbajġan
P8_TA(2017)0267RC-B8-0414/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ tal-ġurnalist Ażerbajġani Afgan Mukhtarli (2017/2722(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-relazzjoni stabbilita bejn l-UE u l-Ażerbajġan, li daħlet fis-seħħ fl-1999 fil-forma ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, il-ħolqien tas-Sħubija tal-Lvant u l-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fl-Assemblea Parlamentari Euronest,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Milli Majlis, il-parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, fit-30 ta' Settembru 2016 li biha jħassar id-deċiżjoni preċedenti tiegħu tal-14 ta' Settembru 2015 li jtemm is-sħubija u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Parlamentari Euronest, u b'hekk għażel li jibqa' u jipparteċipa,

–  wara li kkunsidra l-mandat adottat fl-14 ta' Novembru 2016 għall-Kummissjoni Ewropea u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex jinnegozjaw, f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha, ftehim komprensiv mar-Repubblika tal-Ażerbajġan u t-tnedija tan-negozjati dwar il-ftehim imsemmi hawn fuq fis-7 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, fi Brussell fis-6 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra ż-żjara reċenti tad-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fl-Ażerbajġan fit-22 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-organizzazzjoni Freedom House intitolat "Freedom in the World 2017" (Il-Libertà fid-Dinja 2017), li jikkunsidra l-istampa fl-Ażerbajġan bħala "mhux libera" u l-internet hemmhekk bħala "parzjalment liberu",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ dwar is-sentenzjar ta' Mehman Huseynov fl-Ażerbajġan fis-7 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA) bejn l-UE u l-Georgia li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra dikjarazzjonijiet fil-passat magħmula mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Nils Muiznieks, dwar il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti, attivisti tas-soċjetà ċivili/fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-oppożizzjoni fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur tal-ODIHR (Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem) tal-OSKE, Michael Georg Link, dwar l-allegat ħtif u trattament ħażin fil-kustodja tal-ġurnalist u difensur Ażerbajġani tad-drittijiet tal-bniedem Afgan Mukhtarli tat-8 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar "detenzjoni illegali ta' ċittadini tar-Repubblika tal-Ażerbajġan residenti fil-Georgia",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Afgan Mukhtarli, ġurnalist investigattiv Ażerbajġani eżiljat, li mar jgħix fi Tbilisi fl-2015, sparixxa minn Tbilisi fid-29 ta' Mejju 2017 u reġa' tfaċċa ftit sigħat wara f'Baku;

B.  billi skont l-avukat tiegħu, Afgan Mukhtarli inħataf minn irġiel mhux identifikati li ġie rrapurtat li kienu lebsin l-uniformi tal-pulizija kriminali tal-Georgia, ġie imbuttat għal ġewwa karozza, safa msawwat u ġie misjuq lejn il-fruntiera tal-Ażerbajġan, fejn is-somma ta' EUR 10 000 ġiet allegatament imqiegħda fuq il-persuna tiegħu;

C.  billi Afgan Mukhtarli issa qed jiffaċċja prosekuzzjoni talli qasam illegalment il-fruntiera u talli wettaq traffikar u vjolenza kontra awtorità tal-pulizija; billi l-akkużi msemmija hawn fuq jistgħu jwasslu għal sentenza ta' diversi snin il-ħabs u billi fil-31 ta' Mejju 2017 huwa ġie kkundannat minn qorti għal tliet xhur ta' detenzjoni qabel il-proċess;

D.  billi Afgan Mukhtarli ħadem għal bosta stabbilimenti indipendenti tax-xandir, li jinkludu Radio Free Europe/Radio Liberty, u huwa magħruf għall-kopertura ġurnalistika kritika tiegħu fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan; billi huwa mar fl-eżilju fil-Georgia biex jaħrab tpattija għall-ħidma tiegħu min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan;

E.  billi l-Georgia hija stat li huwa parti għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u għaldaqstant hija r-responsabilità tal-Georgia li tiggarantixxi s-sikurezza taċ-ċittadini tal-Ażerbajġan li jgħixu fit-territorju tagħha u li timpedixxi kwalunkwe ritorn furzat lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; billi ċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, madankollu, qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma' sitwazzjoni fejn qed jiġi miċħud lilhom li jtawlu l-permessi ta' residenza tagħhom fil-Georgia;

F.  billi l-President tal-Georgia, Giorgi Margvelashvili, stqarr li l-ħtif ta' Afgan Mukhtarli jikkostitwixxi "sfida serja għall-istatus ta' stat u s-sovranità [tal-Georgia]";

G.  billi l-Ministeru tal-Intern tal-Georgia nieda investigazzjoni skont l-Artikolu 143 tal-Kodiċi Kriminali – il-priġunerija illegali – dwar il-każ ta' Afgan Mukhtarli u beda komunikazzjoni mal-kontropartijiet tiegħu fl-Ażerbajġan dwar din il-kwistjoni;

H.  billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan matul l-aħħar ftit snin għadha kwistjoni li tqajjem tħassib serju, bi tkomplija tal-intimidazzjoni u r-ripressjoni, il-prattika tal-persekuzzjoni, rapporti dwar tortura, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment ta' mexxejja ta' NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili;

I.  billi fis-17 ta' Mejju 2017, il-Qorti tal-Appell ta' Baku ordnat li Leyla u Arif Yunus, li ngħataw asil politiku fin-Netherlands, jintbagħtu lura lejn l-Ażerbajġan għal smigħ mill-ġdid fil-qorti;

J.  billi fit-12 ta' Mejju 2017, wara li saret talba mill-Ministeru tat-Trasport, il-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija Għolja, il-qorti tad-distrett ta' Sabail ikkonfermat id-deċiżjoni li jiġu mblukkati ħames stabbilimenti tax-xandir online, inklużi s-Servizz tal-Ażerbajġan ta' Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RL), Azadliq.info, Meydan TV u l-kanali tat-TV bis-satellita Turan TV u Azerbaijani Saadi;

K.  billi t-tnedija mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn il-Milli Majlis tar-Repubblika tal-Ażerbajġan u l-Parlament Ewropew u s-sħubija mġedda tal-Ażerbajġan u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Parlamentari Euronest u fl-attivitajiet tagħha taw prova li huma siewja;

L.  billi, fis-7 ta' Frar 2017, l-UE u l-Ażerbajġan nedew in-negozjati dwar ftehim ġdid li se jsegwi l-prinċipji appoġġjati fl-analiżi tal-2015 tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u se joffri bażi ġdida għad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif ta' Afgan Mukhtarli fi Tbilisi u d-detenzjoni arbitrarja sussegwenti tiegħu f'Baku; iqis dan bħala vjolazzjoni serja tad-drittijiet tal-bniedem u jikkundanna dan l-att gravi ta' ksur tal-liġi;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jiżguraw investigazzjoni fil-pront, bir-reqqa, trasparenti u effettiva dwar l-għajbien furzat ta' Afgan Mukhtarli fil-Georgia u t-trasferiment illegali tiegħu lejn l-Ażerbajġan u itellgħu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

3.  Iqis li huwa tal-akbar importanza li l-awtoritajiet tal-Georgia jagħmlu kull sforz possibbli biex jiċċaraw lil hinn minn kwalunkwe dubju kull suspett rigward l-involviment ta' aġenti tal-istat tal-Georgia fl-għajbien furzat;

4.  Ifakkar li hija r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Georgia li jipprovdu ħarsien liċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jgħixu fil-Georgia jew lil dawk li jitolbu asil politiku, li possibilment qed iħabbtu wiċċhom ma' konsegwenzi ġudizzjarji gravi fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom għal attivitajiet politiċi jew fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għaliha l-Georgia hija parti;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-prosekuzzjoni ta' Afgan Mukhtarli wara akkużi foloz u jtenni li dan qed jiġi persegwitat għall-ħidma tiegħu bħala ġurnalist indipendenti;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex immedjatament u b'mod inkundizzjonat iwaqqgħu l-akkużi kollha kontra Afgan Mukhtarli u jeħilsuh, u biex jagħmlu dan ukoll ma' dawk kollha detenuti bħala riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluża l-libertà ta' espressjoni; jistieden, fil-każ ta' Afgan Mukhtarli, lill-awtoritajiet tal-Georgia jieħdu l-passi kollha meħtieġa b'rabta mal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan sabiex hu jkun jista' jerġa' jingħaqad mal-familja tiegħu;

7.  Jesprimi tħassib serju li l-każ ta' Afgan Mukhtarli huwa eżempju ieħor tal-fatt li l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan iqiegħdu fil-mira tagħhom u u jippersegwitaw lill-persuni li jikkritikawhom u li jgħixu fl-eżilju u lill-qraba tagħhom fl-Ażerbajġan; ifakkar fil-każijiet preċedenti ta' mandati ta' arrest internazzjonali mitluba għal ċittadini tal-Ażerbajġan li jgħixu fl-eżilju li jikkritikaw lill-awtoritajiet;

8.  Jitlob investigazzjoni immedjata, sħiħa, trasparenti, kredibbli u imparzjali dwar il-mewt tal-blogger u attivista Ażerbajġani Mehman Galandarov fit-28 ta' April 2017 meta kien jinsab fil-kustodja tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan;

9.  Jitlob il-ħelsien immedjat u inkundizzjonat mill-ħabs tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħrajn tas-soċjetà ċivili, jiġifieri Afgan Mukhtarli, Ilkin Rustamzadeh, Rashad Ramazanov, Seymur Hezi, Giyas Ibrahimov, Mehman Huseynov, Bayram Mammadov, Ilgar Mammadov, Araz Guliyev, Tofig Hasanli, Ilgiz Qahramanov, Afgan Sadygov u oħrajn, inklużi – iżda mhux biss – dawk koperti mis-sentenzi rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom u li d-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom jiġu stabbiliti kompletament mill-ġdid, u jitlob li dan jiġi estiż ukoll għall-priġunieri politiċi li kienu arrestati preċedentement u li nħelsu sadanittant, bħal Intigam Aliyev, Khadija Ismayilova u oħrajn;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan itemmu l-persekuzzjoni kontinwa ta' Leyla u Arif Yunus u jiġbed l-attenzjoni tal-Interpol għal dan il-każ motivat minn raġunijiet politiċi;

11.  Itenni t-talba urġenti tiegħu lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex itemmu l-prattiki ta' prosekuzzjoni kriminali u ta' priġunerija selettivi ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn li jikkritikaw il-gvern, u biex jiżguraw li l-persuni kollha detenuti, inklużi l-ġurnalisti u l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, igawdu d-drittijiet kollha ta' proċess ġust u jkunu koperti minn normi ta' proċess ġust;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jiżguraw li gruppi u attivisti indipendenti tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu joperaw mingħajr xkiel żejjed jew biża' ta' persekuzzjoni, inkluż billi jħassru l-liġijiet li jirrestrinġu severament lis-soċjetà ċivili, billi jirrilaxxaw il-kontijiet bankarji ta' gruppi mhux governattivi u tal-mexxejja tagħhom u billi jagħtu aċċess għal finanzjament barrani;

13.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ażerbajġan biex jikkonforma bis-sħiħ mas-sentenzi kollha tal-KEDB u biex jikkoopera mal-Kummissjoni ta' Venezja u mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħhom kif ukoll biex isegwi l-proċeduri speċjali tan-NU fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-arrest arbitrarju, bil-għan li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u jadatta l-prattiki tiegħu f'konformità sħiħa mal-konklużjonijiet tal-esperti;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien fl-Ażerbajġan ta' bosta personalitajiet difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u attivisti fl-2015 u l-2016;

15.  Jissottolinja l-importanza ta' klima politika tajba bejn il-gvern, il-forzi tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili inġenerali;

16.  Jissottolinja l-importanza tal-ftehim ta' sħubija l-ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan; jenfasizza li r-riformi demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jridu jkunu fil-qalba tal-ftehim il-ġdid; ifakkar li se jkun qed jissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib matul in-negozjati dwar ftehim ġdid, qabel ma jiddeċiedi jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Estern għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Ażerbajġan u tal-Georgia, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

Avviż legali