Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2003(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0195/2017

Testi mressqa :

A8-0195/2017

Dibattiti :

PV 14/06/2017 - 20
CRE 14/06/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2017 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0271

Testi adottati
PDF 481kWORD 61k
Il-Ħamis, 15 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva
P8_TA(2017)0271A8-0195/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (2017/2003(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 fuq opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar ta' trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi(3),

–  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli tal-Kunsill dwar il-laqgħa dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir tat-12 ta' Settembru 2016 u tad-dokument ta' diskussjoni tal-Presidenza(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa (COM(2016)0288),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 intitolata "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa 2015 (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Kunsill Kompetittività tad-29 ta' Settembru 2016 u l-eżitu tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(5) ("Direttiva dwar is-Servizzi"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)(7) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi(8),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar gwida fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (SWD(2016)0163),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(9),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Diċembru 2016 bit-titolu "L-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi onlajn: viżjoni komuni tal-bliet u r-reġjuni"(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekonomija kollaborattiva(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0195/2017),

A.  billi l-ekonomija kollaborattiva esperjenzat tkabbir rapidu fis-snin reċenti, f'termini ta' utenti, tranżazzjonijiet u dħul, bi tfassil mill-ġdid ta' kif il-prodotti u s-servizzi jiġu pprovduti u bi sfida għall-mudelli ta' negozju stabbiliti sew f'bosta oqsma;

B.  billi l-ekonomija kollaborattiva għandha benefiċji soċjali għaċ-ċittadini tal-UE;

C.  billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jikkostitwixxu l-mutur ewlieni tal-ekonomija Ewropea u, skont iċ-ċifri tal-2014, jirrappreżentaw 99.8 % tal-impriżi kollha li mhumiex parti mis-settur finanzjarju u li jfisser tnejn minn kull tliet impjiegi;

D.  billi 1,7 % biss tal-impriżi tal-UE jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji diġitali avvanzati, filwaqt li 41 % ma jużawhom xejn; billi d-diġitalizzazzjoni tas-setturi kollha hija kruċjali sabiex il-kompetittività tal-UE tinżamm u tissaħħaħ;

E.  billi studju reċenti tal-Kummissjoni juri li 17 % tal-konsumaturi Ewropej użaw servizzi pprovduti mill-ekonomija kollaborattiva, u 52 % huma konxji tas-servizzi offruti(12);

F.  billi ma hemm l-ebda statistika uffiċjali dwar il-volum ta' impjiegi fl-ekonomija kollaborattiva;

G.  billi l-ekonomija kollaborattiva toffri possibilitajiet għaż-żgħażagħ, il-migranti, il-ħaddiema part-time u l-anzjani li jaċċessaw is-suq tax-xogħol;

H.  billi mudelli tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jgħinu biex jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-ekonomija, billi jipprovdu opportunitajiet għal forom flessibbli ta' intraprenditorija u impjieg;

I.  billi, filwaqt li l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva tippreżenta punt ta' tluq tajjeb għall-promozzjoni u r-regolamentazzjoni ta' dan is-settur b'mod effettiv, hemm ħtieġa li tiġi inkorporata l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jiġu riflessi d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti kontra d-diskriminazzjoni fil-kuntest ta' analiżi u rakkomandazzjonijiet ulterjuri f'dan il-qasam;

J.  billi l-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif definit fl-Artikolu 3 tat-Trattar dwar l-Ujoni Ewropea u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewerpea, hija wkoll objettiv tas-suq intern tal-UE;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva, u jenfasizza li din għandha tirrappreżenta l-ewwel pass lejn strateġija tal-UE bbilanċjata sew, aktar komprensiva u ambizzjuża dwar l-ekonomija kollaborattiva;

2.  Jemmen li, jekk tiġi żviluppata b'mod responsabbli, l-ekonomija kollaborattiva se toħloq opportunitajiet sinifikanti għaċ-ċittadini u l-konsumaturi, li jibbenefikaw minn kompetizzjoni msaħħa, servizzi speċjalizzati, għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi; jissottolinja li t-tkabbir f'dan is-settur hu mmexxi mill-konsumatur u jippermetti li l-konsumaturi jkollhom rwol aktar attiv;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozji jitħallew jikbru bit-tneħħija tal-ostakli, tad-dupplikazzjoni u tal-frammentazzjoni li jfixklu l-iżvilupp transfruntier;

4.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu ċarezza legali u ma jqisux l-ekonomija kollaborattiva bħala theddida għall-ekonomija tradizzjonali; jenfasizza l-importanza li tkun regolata l-ekonomija kollaborattiva b'mod li tiffaċilita u tippermetti aktar milli tirrestrinġi;

5.  Jaqbel li l-ekonomija kollaborattiva tiġġenera opportunitajiet intraprenditorjali ġodda u interessanti, impjiegi u tkabbir, u sikwit jista' jkollha rwol importanti biex is-sistema ekonomika tagħmilha mhux biss aktar effiċjenti, iżda wkoll soċjalment u ambjentalment sostenibbli, b'hekk ikun hemm allokazzjoni aħjar tar-riżorsi u tal-assi li mod ieħor kieku ma jintużawx biżżejjed u għalhekk tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

6.  Jagħraf, fl-istess ħin, li l-ekonomija kollaborattiva jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-mudelli ta' negozju li ilhom stabbiliti f'ħafna setturi strateġiċi bħat-trasport, l-akkomodazzjoni, l-industrija tar-ristoranti, is-servizzi, il-bejgħ bl-imnut u l-finanzi; jifhem l-isfidi marbuta ma' standards legali differenti għal atturi ekonomiċi simili; jemmen li l-ekonomija kollaborattiva tagħti s-setgħa lill-konsumaturi, toffri opportunitajiet ta' impjiegi ġodda u għandha l-potenzjal li tiffaċilita l-konformità fiskali, imma madankollu, jenfasizza, l-importanza li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, li d-drittjiet tal-ħaddiema jkunu kompletament rispettati u li tkun żgurata konformità tat-taxxa; jirrikonoxxi li l-ekonomija kollaborattiva taffettwa kemm l-ambjent urban kif ukoll dak rurali;

7.  Jirrimarka li n-nuqqas ta' ċarezza fost l-imprendituri, il-konsumaturi u l-awtoritajiet dwar kif jiġu applikati r-regolamenti f'xi oqsma u b'hekk il-ħtieġa li jkunu indirizzati oqsma regolatorji ambigwi, u jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta' frammentazzjoni tas-suq uniku; jinsab konxju li, jekk ma jkunux regolati kif xieraq, dawn il-bidliet jistgħu jirriżultaw f'inċertezza legali dwar ir-regoli u r-restrizzjonijiet applikabbli fl-eżerċitar tad-drittijiet individwali u l-protezzjoni tal-konsumaturi; jemmen li r-regolament jeħtieġ li jkun idoneu għall-għan li maħsub għalih fl-era diġitali u jinsab ferm imħasseb dwar l-impatt negattiv tal-inċertezza legali u tal-kumplessità tar-regoli dwar negozji ġodda Ewropej u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ involuti fl-ekonomija kollaborattiva;

8.  Iqis li l-iżvilupp ta' ambjent legali dinamiku, ċar u, fejn xieraq, armonizzat u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ugwali hi prekundizzjoni essenzjali biex l-ekonomija kollaborattiva tiffjorixxi fl-UE;

L-ekonomija kollaborattiva fl-UE

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija kollaborattiva titqies mhux biss bħala ġabra ta' mudelli godda ta' negozju li toffri prodotti u servizzi iżda wkoll bħala forma ġdida ta' integrazzjoni bejn l-ekonomija u s-soċjetà fejn is-servizzi offruti jkunu bbażati fuq varjetà wiesgħa ta' relazzjonijiet li jintegraw ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' dawk soċjali u joħolqu forom ġodda ta' komunità u mudelli ġodda ta' negozju;

10.  Jinnota l-fatt li l-ekonomija kollaborattiva fl-Ewropa għandha xi karatteristiċi speċifiċi, li jirriflettu wkoll l-istruttura tan-negozju Ewropew, magħmula prinċipalment minn SMEs u mikro-intrapriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat ambjent tan-negozju fejn pjattformi kollaborattivi jkunu jistgħu jikbru u jkunu ferm kompetittivi fis-suq globali;

11.  Jinnota li l-imprendituri Ewropej juru tendenza qawwija li joħolqu pjattaformi kollaborattivi għal skopijiet soċjali, u jagħraf li qed jikber dejjem aktar l-interess fl-ekonomija kollaborattiva abbażi ta' mudelli ta' negozju kooperattiv;

12.  Jenfasizza l-importanza li tiġi evitata kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, sabiex jingħata aċċess effettiv u ugwali għal servizzi kollaborattivi;

13.  Iqis li dawk is-servizzi offruti fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva li huma rreklamati pubblikament u offruti għal profitt jaqgħu taħt il-mandat tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(13) u għandhom, għaldaqstant, ikunu konsistenti mal-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel;

Qafas regolatorju tal-UE: pari, konsumaturi, pjattaformi kollaborattivi

14.  Jirrikonoxxi li filwaqt li ċertu partijiet tal-ekonomija kollaborattiva huma koperti mir-regolament, inkluż fil-livell lokali u nazzjonali, partijiet oħra jistgħu jaqgħu f'oqsma regolatorji ambigwi għaliex mhux dejjem hu ċar liema regolament tal-UE japplika, b'hekk dan jikkawża differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri minħabba regolamenti nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll il-każistika, b'hekk jiġi frammentat is-Suq Uniku;

15.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-frammentazzjoni attwali, iżda jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tagħha ma ġabitx biżżejjed ċarezza dwar l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għal mudelli differenti ta' ekonomija kollaborattiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jsaħħu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas ta' infurzar li jappoġġja l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom, l-aktar importanti fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi u l-acquis tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodda kollha disponibbli f'dan il-kuntest, inkluż bl-użu tal-proċeduri ta' ksur kull meta tiġi identifikata implimentazzjoni ħażina jew insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni;

16.  Jenfasizza li rekwiżiti ta' aċċess għas-suq għal pjattaformi kollaborattivi u l-fornituri ta' servizzi jenħtieġ li jkunu meħtieġa, ġustifikati u proporzjonati kif previst fit-Trattati u l-leġiżlazzjoni sekondarja, kif ukoll sempliċi u ċari; jissottolinja li din il-valutazzjoni għandha tqis jekk is-servizzi humiex provduti minn professjonisti jew individwi privati, filwaqt li tqiegħed il-fornituri pari suġġetti għal rekwiżit legali eħfef, tiżgura standards ta' kwalità u livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll tqis differenzi settorjali;

17.  Jirrkonoxxi l-ħtieġa għal operaturi stabbiliti, għal operaturi u servizzi ġodda marbuta mal-pjattaformi diġitali u l-ekonomija kollaborattiva biex jiżviluppaw f'ambjent li jiffavorixxi n-negozju, b'kompetizzjoni sana u jkunu trasparenti fir-rigward ta' tibdiliet leġiżlattivi; jaqbel li meta ssir valutazzjoni dwar rekwiżiti tal-aċċess għas-suq fil-kuntest tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tan-negozji tal-ekonomija kollaborattiva;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tipprovdi aktar linji gwida dwar l-istabbiliment ta' kriterji effettivi sabiex issir distinzjoni bejn il-pari u l-professjonisti, li hija kruċjali għall-iżvilupp ġust tal-ekonomija kollaborattiva; jirrimakra li dawn il-linji gwida għandhom jipprovdu ċarezza u ċertezza legali u għandhom iqisu, inter alia, il-leġiżlazzjoni differenti fl-Istati Membri u r-realtajiet ekonomiċi differenti, bħal-livell tad-dħul, il-karatteristiċi tas-setturi, is-sitwazzjoni tan-negozji mikro u żgħar u l-għan tal-attività bi skop ta' qligħ; hu tal-opinjoni li ġabra ta' prinċipji u kriterji ġenerali fil-livell tal-UE u ġabra ta' limiti fil-livell nazzjonali jistgħu jipprovdu t-triq 'il quddiem, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju f'dan ir-rigward;

19.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li l-istabbiliment ta' limiti jista' jipprovdi linji diviżorji xierqa bejn il-pari u n-negozji, fl-istess ħin jista' joħloq disparità bejn in-negozji mikro u żgħar fuq naħa u l-pari fuq l-oħra; jemmen li kundizzjonijiet ugwali fost kategoriji kumparabbli ta' fornituri ta' servizz hi ferm rakkomandata; jitlob it-tneħħija ta' piż regolatorju mhux meħtieġ u ta' rekwiżiti ta' aċċess għas-suq inġustifikati għall-operaturi kollha tan-negozju, partikolarment għal negozji mikro u żgħar, għaliex dan ixxekkel ukoll l-innovazzjoni;

20.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżgura l-adegwatezza tal-liġi tal-konsumaturi u timpedixxi l-abbuż tal-ekonomija kollaborattiva meta tiġi evitata l-leġiżlazzjoni; jemmen li l-konsumaturi għandhom igawdu livell għoli u effettiv ta' protezzjoni, indipendentement minn jekk is-servizzi humiex provduti minn professjonisti jew pari u jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumaturi fi tranżazzjonijiet bejn il-pari, filwaqt li jirrikonoxxi li tista' tingħata xi forma ta' protezzjoni permezz ta' awtoregolamentazzjoni;

21.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex tkun żgurata osservanza sħiħa u kontinwa tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur mill-fornitur ta' servizzi okkażjonali b'mod identiku jew komparabbli bħall-fornituri ta' servizzi professjonali;

22.  Jinnota li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar jekk ir-reviżjonijiet minn utenti oħra ta' servizz jistgħux ikunu influenzati mill-fornitur, pereżempju fil-forma ta' riklamar imħallas;

23.  Jirrimarka l-ħtieġa ta' aktar ċarezza dwar salvagwardji għall-konsumaturi fil-każ ta' tilwim, u jitlob lill-pjattaformi kollaborattivi jiżguraw li jkun hemm sistemi effettivi għal proċeduri ta' tilwim u għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, b'hekk ikun faċilitat il-mod li bih il-konsumaturi jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

24.  Jenfasizza li mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva huma ġeneralment ibbażati fuq ir-reputazzjoni, u jenfasizza li t-trasparenza hi essenzjali f'dan ir-rigward; jemmen li f'ħafna każijiet il-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u tippermetti li jkollhom rwol attiv, appoġġjat mit-teknoloġija; jenfasizza li għad hemm il-ħtieġa ta' regoli għall-protezzjoni tal-konsumaturi fl-ekonomija kollaborattiva speċjalment fejn hemm parteċipanti dominati mis-suq, informazzjoni asimmetrika jew nuqqas ta' għażla jew ta' kompetizzjoni; jissottolinja l-importanza li tkun garantita informazzjoni adegwata għall-konsumaturi dwar ir-reġim legali applikabbli għal kull tranżazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi legali konsegwenti;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara aktar ir-reġim ta' responsabbiltà tal-pjattaformi kollaborattivi kemm jista' jkun malajr, sabiex tiġi promossa mġiba responsabbli, trasparenza, ċertezza legali u b'hekk tiżdied il-fiduċja tal-utenti; jirrikonoxxi, partikolarment, in-nuqqas ta' ċertezza speċjalment dwar jekk pjattaforma tipprovdix servizz sottostanti jew jekk hijiex qed toffri biss servizz ta' soċjetà ta' informazzjoni, skont id-Direttiva tal-Kummerċ elettroniku; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi aktar gwida dwar dawn l-aspetti u tqis jekk humiex meħtieġa azzjonijiet ulterjuri biex il-qafas regolatorju jkun aktar effettiv; jinkoraġġixxi pjattaformi kollaborattivi biex, fl-istess ħin, jieħdu miżuri volontarji f'dan ir-rigward;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiskrutinizza l-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex tnaqqas l-inċertezzi u tiggarantixxi ċertezza legali akbar dwar ir-regoli applikabbli għal mudelli ta' negozju kollaborattiv u tivvaluta jekk regoli ġodda jew emendati humiex xierqa, partikolarment fir-rigward ta' intermedjarji attivi u l-informazzjoni u r-rekwiżiti ta' trasparenza, in-nuqqas ta' prestazzjoni u r-responsabilità tagħhom;

27.  Jemmen li kwalunkwe qafas regolatorju ġdid għandu jservi ta' lieva fuq il-kapaċitajiet tal-awtogovernanza u l-mekkaniżmi ta' rieżami tal-pari, minħabba li t-tnejn urew li jiffunzjonaw b'mod effettiv u jikkunsidra s-sodisfazzjon tal-konsumatur dwar servizzi kollaborattivi; huwa konvint li l-pjattaformi kollaborattivi nfushom jista' jkollhom rwol attiv f'ambjent regolatorju ġdid bħal dan billi jikkoreġu informazzjoni asimmetrika, speċjalment permezz ta' mekkaniżmi ta' reputazzjoni diġitali biex tiżdied il-fiduċja tal-utenti; jinnota, fl-istess ħin, li l-kapaċità awtoregolatorja tal-pjattaforma ma tissottitwix il-ħtieġa għar-regoli eżistenti, bħalma huma d-Direttivi dwar is-Servizzi u dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-liġi tal-UE dwar il-Konsumatur u regoli oħra possibbli;

28.  Jemmen, għalhekk, li l-mekkaniżmi diġitali li jibnu l-fiduċja huma parti essenzjali tal-ekonomija kollaborattiva; jilqa' l-isforzi u l-inizjattivi kollha fis-seħħ mill-pjattaformi kollaborattivi biex jevitaw distorsjonijiet kif ukoll dawk bil-ħsieb li jsaħħu l-fiduċja u t-trasparenza fil-mekkaniżmi ta' klassifikazzjoni u rieżami, filwaqt li jistabbilixxu kriterji ta' reputazzjoni affidabbli, jintroduċu garanziji u assigurazzjoni, il-verifika tal-identità tal-pari u tal-prosumaturi u jiżviluppaw sistemi ta' pagament sikuri u trasparenti; iqis l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, bħall-mekkaniżmi ta' klassifikar reċiproċi u l-adozzjoni volontarji ta' skemi ta' ċertifikazzjoni bħala eżempji tajbin dwar kif jiġu evitati l-abbużi, il-manipolazzjonijiet, il-frodi u l-feedback falz; jinkoraġġixxi pjattaformi kollaborattivi jitgħallmu mill-aħjar prattiki u biex jissensibilizzaw lilhom infushom dwar l-obbligi legali tagħhom lejn l-utenti;

29.  Jindika l-importanza kruċjali li jiġu ċċarati l-metodi li permezz tagħhom sistemi ta' teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzati bbażati fuq l-algoritmi joperaw sabiex jiggarantixxu l-ekwità u t-trasparenza tal-algoritmi; jitlob lill-Kummissjoni teżamina wkoll din il-kwistjoni mill-perspettiva ta' liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni timpenja mal-Istati Membri, is-settur privat u r-regolaturi rilevanti bil-ħsieb li tfassal kriterji effettivi għall-iżvilupp ta' prinċipji algoritmiċi ta' dover ta' rendikont għal pjattaformi kollaborattivi abbażi tal-informazzjoni;

30.  Jenfasizza l-ħieġa ta' valutazzjoni tal-użu ta' data fejn jista' jkollha impatt differenti fuq partijiet differenti tas-soċjetà, biex tevita diskriminazzjoni u tivverifika l-ħsara potenzjali lil privatezza kkawżata mill-big data; ifakkar li l-UE diġà żviluppat qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-data fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u għalhekk jitlob biex il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva ma jinjorawx il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data, billi jgħaddu informazzjoni trasparenti lill-fornituri ta' servizzi u lill-utenti dwar il-ġbir tad-data personali u l-mod li bih dik id-data tiġi proċessata;

31.  Jirrikonoxxi li ħafna regoli tal-acquis tal-UE diġà huma applikabbli għall-ekonomija kollaborattiva; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tkompli tiżviluppa qafas legali tal-UE sabiex timpedixxi aktar frammentazzjoni tas-Suq Uniku bi qbil mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u l-esperjenzi tal-Istati Membri; jemmen li dan il-qafas għandu jkun armonizzat, fejn xieraq, kif ukoll flessibbli, teknoloġikament newtrali u validu għall-futur u għandu jikkonsisti f'kumbinazzjoni ta' prinċipji ġenerali u regoli speċifiċi, minbarra kwalunkwe regolament speċifiku għas-settur li jista' jkun meħtieġ;

32.  Jenfasizza l-importanza ta' leġiżlazzjoni koerenti sabiex ikun garantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għal kulħadd u jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja r-regoli u l-leġiżlazzjoni attwali dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi qabel tintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tista' toħloq frammentazzjoni tas-suq intern;

Kompetizzjoni u konformità fiskali

33.  Jilqa' l-fatt li żieda fl-ekonomija kollaborattiva ġabet aktar kompetizzjoni u ħolqot sfida għall-operaturi eżistenti biex jiffukaw fuq id-domandi reali tal-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem favur kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni, f'servizzi kumparabbli fost il-pjattaformi kollaborattivi u bejniethom u l-intrapriżi tradizzjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli għall-ħolqien u ż-żieda ta' negozji kollaborattivi, speċjalment in-negozji ġodda; jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa għall-fluss liberu ta' data, il-portabbiltà u l-interoperabbiltà tad-data, li jiffaċilitaw it-tibdil bejn il-pjattaformi u jipprevjenu intrappolament, u li jikkostitwixxi l-fatturi ewlenin kollha għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta u l-parteċipazzjoni attiva tal-utenti ta' pjattaformi kollaborattivi filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi tal-parteċipanti kollha tas-suq u jkunu protetti l-informazzjoni u d-data personali tal-utenti;

34.  Jilqa' t-traċċabilità akbar tat-tranżazzjonjiet ekonomiċi permessi mill-pjattaformi online sabiex jiżguraw konformità mat-taxxa u l-infurzar, imma jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li ħarġu s'issa f'xi setturi; jenfasizza li l-ekonomija kollaborattiva qatt ma għandha tkun użata b'mod li bih ikunu evitati l-obbligi tat-taxxa; jenfasizza aktar il-ħtieġa urġenti għal kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-pjattaformi kollaborattivi dwar il-konformità fiskali u l-ġbir tat-taxxa; jirrikonoxxi li dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzat f'xi Stati Membri u jieħu nota tas-suċċess tal-kooperazzjoni pubblika-privata f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, li jinvolvi l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati, biex jiżviluppaw soluzzjonijiet effettivi u innovattivi li jsaħħu l-konformità fiskali u l-infurzar, sabiex jeliminaw ukoll ir-riskju ta' frodi tat-taxxa transfruntiera; jistieden lill-pjattaformi kollaborattivi jiżvolġu rwol attiv f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiċċaraw u jikkooperaw dwar l-informazzjoni li operaturi ekonomiċi differenti involuti fl-ekonomija kollaborattiva jridu jiżvelaw lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-qafas tad-dmirijiet li għandhom li jipprovdu informazzjoni dwar it-taxxa, kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

35.  Jaqbel li obbligi ta' taxxa li jiffunzjonaw b'mod simili għandhom japplikaw għal negozji li jipprovdu servizzi kumparabbli, kemm jekk fl-ekonomija tradizzjonali kif ukoll fl-ekonomija kollaborattiva, u jemmen li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn ikunu ġġenerati l-profitti u fejn hu involut aktar milli sempliċement kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż, filwaqt li jkun rispettat il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif ukoll bi qbil mal-liġijiet nazzjonali u lokali;

Impatt fuq is-suq tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema

36.  Jenfasizza li r-rivoluzzjoni diġitali qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol u li xejriet emerġenti fl-ekonomija kollaborattiva jagħmlu parti minn tendenza attwali fi ħdan id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà;

37.  Jinnota, fl-istess ħin, li l-ekonomija kollaborattiva qed tiftaħ opportunitajiet ġodda, rotot flessibbli u ġodda f'ħidma għall-utenti kollha, speċjalment għall-impjegati indipendenti, għal dawk li jinsabu qiegħda, attwalment 'il bogħod mis-suq tax-xogħol jew li mod ieħor ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fih u b'hekk dan jista' sservi bħala punt ta' dħul fis-suq tax-xogħol, speċjalment għaż-żgħażagħ u gruppi marġinalizzati; jirrimarka, madankollu, li f'ċerti ċirkustanzi, dan l-iżvilupp jista' jwassal ukoll għal sitwazzjonijiet prekarji; jenfasizza minn naħa waħda l-ħtieġa ta' flessibbiltà fis-suq tax-xogħol u min-naħa l-oħra ta' sigurtà ekonomika u soċjali għall-ħaddiema, bi qbil mad-drawwiet u t-tradizzjonijiet fl-Istati Membri;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa fejn ir-regoli eżistenti tal-UE huma applikabbli għas-suq tax-xogħol diġitali u tiżgura implimentazzjoni u infurzar adegwati; jistieden lill-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra, tevalwa, b'mod proattiv u abbażi tal-loġika ta' antiċipazzjoni, il-ħtieġa li tiġi modernizzata l-leġiżlazzjoni eżistenti, inklużi s-sistemi ta' sigurtà soċjali, biex tibqa' aġġornata mal-iżviluppi teknoloġiċi filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali bl-għan li jiżguraw l-esportabilità tal-benefiċċji u l-aggregazzjoni ta' perjodi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni; iħeġġeġ lis-sħab soċjali jaġġornaw il-ftehimiet kollettivi fejn ikun neċessarju, sabiex l-istandards ta' protezzjoni eżistenti jkunu jistgħu wkoll jinżammu fid-dinja tax-xogħol diġitali;

39.  Jissottolinja l-importanza kbira ferm tal-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-servizzi kollaborattivi – l-ewwel u qabel kollox id-drittijiet tal-ħaddiema li jorganizzaw, id-dritt ta' negozjar kollettiv u ta' azzjoni kollettiva, bi qbil mad-dritt u l-prattika nazzjonali; ifakkar li l-ħaddiema kollha fl-ekonomija kollaborattiva jew huma impjegati jew jaħdmu għal rashom, abbażi tal-preminenza tal-fatti, u jridu jiġu klassifikati skont il-każ; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-oqsma ta' kompetenza rispettiva tagħhom, jiżguraw kundizzjonijiet ekwi tax-xogħol u protezzjoni legali u soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha fl-ekonomija kollaborattiva, indipendentement mill-istatus tagħhom;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar kif id-dritt tal-Unjoni japplika għad-diversi tipi ta' mudelli tan-negozju tal-pjattaformi sabiex, fejn ikun neċessarju, jimtlew il-lakuni regolatorji fil-qasam tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali; jemmen li l-potenzjal għoli ta' trasparenza tal-ekonomija tal-pjattaformi jippermetti traċċabbiltà tajba, f'konformità mal-għan li tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jwettqu spezzjonijiet tax-xogħol suffiċjenti fir-rigward tal-pjattaformi online u jimponu sanzjonijiet fejn ir-regoli jkunu ġew miksura, b'mod partikolari f'termini ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' impjieg, u rekwiżiti speċifiċi dwar kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lix-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju f'dan is-settur, u biex ipoġġu l-ekonomija tal-pjattaformi fuq l-aġenda tal-Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi suffiċjenti għall-ispezzjonijiet;

41.  Jissottolinja l-importanza li jkunu żgurati d-drittijiet fundamentali u protezzjoni tas-sigurtà soċjali adegwata għall-għadd dejjem jikber ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li huma parteċipanti ewlenin fl-ekonomija kollaborattiva, inkluż id-dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva, anke fir-rigward tal-kumpens;

42.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-ekonomija kollaborattiva se ġġib ukoll tħarbit, għalhekk jinkoraġġihom iħejju miżuri ta' assorbiment għal ċerti setturi, u li jappoġġjaw it-taħriġ u r-rikollokament;

43.  Jissottolinja l-importanza li l-ħaddiema tal-pjattaforma kollaborattiva jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-portabbiltà tal-klassifikazzjonijiet u tar-reviżjonijiet, li jikkostitwixxu l-valur tas-suq diġitali tagħhom u l-importanza li tkun faċilitata t-trasferibilità u l-akkumulu tal-klassifikazzjonijiet u r-reviżjonijiet fost pjattaformi differenti filwaqt li jkunu rispettati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza tal-partijiet l-oħra kollha involuti; jinnota l-possibilità ta' prattiki inġusti u arbitrarji rigward il-klassifikazzjonijiet online li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi kollaborattivi u l-kapaċità tagħhom li jsibu impjieg; jemmen li l-mekkaniżmi ta' klassifikazzjoni u ta' reviżjoni għandhom ikunu żviluppati b'mod trasparenti u li l-ħaddiema għandhom ikunu infurmati u kkonsultati fil-livelli xierqa, u bi qbil mad-dritt u l-prattika tal-Istati Membri, dwar il-kriterji ġenerali użati biex jiġu żviluppati tali mekkanżimi;

44.  Jenfasizza l-importanza ta' aġġornament tal-ħiliet f'dinja ta' tibdil tal-impjieg biex ikun żgurat li l-ħaddiema kollha jkollhom il-ħiliet adegwati, kif meħtieġ mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lin-negozji tal-ekonomija kollaborattiva jagħmlu disponibbli t-taħriġ tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet; jemmen li l-investimenti pubbliċi u privati u opportunitajiet ta' finanzjament għal tagħlim u taħriġ tul il-ħajja huma meħtieġa, b'mod partikolari għal impriżi mikro u żgħar;

45.  Jenfasizza l-importanza tat-telexogħol u ta' smartworking fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva u jirrakkomanda f'dan ir-rigward il-ħtieġa li t-tali forom ta' xogħol jiġu allinjati ma' dawk tradizzjonali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt id-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija (2008/104/KE(14)) hija applikabbli għal pjattaformi online; iqis li ħafna pjattaformi online intermedji huma strutturalment simili għall-aġenziji ta' xogħol temporanji (relazzjoni kuntrattwali trijangolari bejn: ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija/ħaddiem tal-pjattaforma; aġenzija tax-xogħol temporanju/pjattaforma online; l-impriża utent/klijent);

47.  Jistieden lis-servizzi nazzjonali ta' impjieg pubbliku u lin-Netwerk tal-EURES jikkomunikaw aktar dwar l-opportunitajiet offruti mill-ekonomija kollaborattiva;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jipprovdu informazzjoni adegwata lill-ħaddiema tal-pjattaformi dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u d-drittijiet tal-ħaddiema, u dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom ma' pjattaformi u utenti; iqis li l-pjattaformi għandhom jaqdu rwol proattiv fl-għoti ta' informazzjoni lill-utenti u lill-ħaddiema dwar il-qafas regolatorju applikabbli bl-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali;

49.  Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' data relatata mat-tibdil fid-dinja tal-impjiegi li ġabet magħha l-ekonomija kollaborattiva; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, anke f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, biex jiġbru data aktar affidabbli u komprensiva f'dan ir-rigward u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaħtru entità nazzjonali kompetenti li diġà teżisti biex tissorvelja u tevalwa x-xejriet li ħerġin fis-suq tax-xogħol kollaborattiv; jenfasizza l-importanza tal-informazzjoni u tal-iskambji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri f'dan il-kuntest; jissottolinja l-importanza ta' sorveljanza tas-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija kollaborattiva sabiex ikunu miġġielda prattiki illegali;

Id-dimensjoni lokali tal-ekonomija kollaborattiva

50.  Josserva li għadd dejjem jikber ta' awtoritajiet u gvernijiet lokali huma diġà attivi fir-regolamentazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva, b'attenzjoni partikolari fuq prattiki kollaborattivi kemm bħala s-suġġett tal-politiki tagħhom kif ukoll bħala prinċipju organizzattiv ta' forom ġodda ta' governanza kollaborattiva u d-demokrazija parteċipattiva;

51.  Jinnota li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom biżżejjed spazju ta' manuvrar biex jadottaw miżuri speċifiċi għall-kuntest sabiex jindirizzaw għanijiet ta' interess pubbliku identifikati b'mod ċar permezz ta' miżuri proporzjonati li huma kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fit-tfassil tal-politika tagħhom u fl-adozzjoni ta' regoli konsistenti mad-dritt tal-Unjoni;

52.  Jinnota li dawk li aġixxew l-ewwel kienu l-ibliet, fejn il-kundizzjonijiet urbani bħad-densità tal-popolazzjoni u l-prossimità fiżika jiffavorixxu l-adozzjoni ta' prattiki kollaborattivi, filwaqt li estendew l-attenzjoni minn bliet intelliġenti għal bliet li jiskambjaw, u ħaffew it-tranżizzjoni għal infrastrutturi aktar faċli għaċ-ċittadini; jinsab ukoll konvint li l-ekonomija kollaborattiva tista' toffri opportunitajiet sinifikanti lill-periferiji interni, żoni rurali u territorji żvantaġġjati, tista' ġġib fororm ġodda u inklużivi ta' żvilupp, jista' jkollha impatt soċjoekonomiku pożittiv, u tgħin komunitajiet marġinalizzati b'benefiċċji indiretti għas-settur tat-turiżmu;

Il-promozzjoni tal-ekonomija kollaborattiva

53.  Jinnota l-importanza ta' ħiliet ta' kompetenzi u taħriġ adegwati bil-ħsieb li l-ikbar numru ta' individwi possibbli jkunu jistgħu jiżvolġu rwol attiv fl-ekonomija kollaborattiva u jilliberaw il-potenzjal tagħha;

54.  Jenfasizza li l-ICTs jippermettu li l-ideat innovattivi fl-ekonomija kollaborattiva jevolvu malajr u b'mod effiċjenti, filwaqt li jgħaqqdu u jagħtu s-setgħa lill-parteċipanti, kemm jekk ikunu utenti kif ukoll fornituri ta' servizzi, billi jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom fis-suq u l-involviment tagħhom fih, u b'hekk jagħmlu liż-żoni remoti u rurali aktar aċċessibbli;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun proattiva fl-inkoraġġiment ta' kooperazzjoni pubblika-privata partikolarment fir-rigward tal-introduzzjoni tal-e-IDs, biex iżżid il-fiduċja tal-konsumatur u tal-fornituri ta' servizz fi tranżazzjonijiet online, biex tibni fuq il-qafas tal-UE għal rikonoxximent reċiproku ta' eIDs, u biex tindirizza ostakli eżistenti oħra għat-tkabbir fl-ekonomija kollaborattiva, bħall-ostakli għall-għoti ta' skemi ta' assikurazzjoni transfruntiera;

56.  Jindika l-mod li bih l-introduzzjoni tal-5G se tibdel b'mod fundamentali l-loġika tal-ekonomiji tagħna filwaqt li tagħmel is-servizzi aktar varjati u aċċessibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jinħoloq suq kompetittiv għan-negozji innovattivi, li s-suċċess tagħhom fl-aħħar mill-aħħar se jiddefinixxi s-saħħa tal-ekonomiji tagħna;

57.  Jinnota li l-ekonomija kollaborattiva qed issir dejjem aktar importanti fis-settur tal-enerġija, u li qed tippermetti lill-konsumaturi, il-produtturi, l-individwi u l-komunitajiet jipparteċipaw b'mod effiċjenti f'bosta fażijiet deċentralizzati taċ-ċiklu tal-enerġija rinovabbli, inklużi l-awtoproduzzjoni u l-awtokonsum, il-ħżin u t-tqassim, bi qbil mal-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni;

58.  Jirrimarka li l-ekonomija kollaborattiva tikber, partikolarment f'dawk il-komunitajiet li fihom mudelli ta' kondiviżjoni tal-għarfien u l-edukazzjoni huma qawwija, b'hekk jikkatalizzaw u jikkonsolidaw kultura ta' innovazzjoni miftuħa; jenfasizza l-importanza ta' netwerks fissi u bla fili ultra veloċi bħala prekundizzjoni biex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija kollaborattiva u biex jinkisbu l-benefiċċji offruti mill-mudell kollaborattiv; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa li jkun permess aċċess adegwat għan-netwerk għaċ-ċittadini kollha fl-UE, speċjalment f'dawk iż-żoni l-inqas popolati, remoti jew rurali, fejn għad m'hemmx disponibbli konnettività suffiċjenti;

59.  Jissottolinja li l-ekonomija kollaborattiva hija ekosistema li teħtieġ appoġġ għall-iżvilupp u l-espansjoni tagħha u li teħtieġ tibqa' miftuħa għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda sabiex tattira investimenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE jkunu validi għall-futur, b'attenzjoni partikolari għall-ftuħ ta' spazji orjentati lejn l-esperimentazzjoni u mhux esklużivi u t-trawwim tal-konnettività u l-litteriżmu diġitali, l-appoġġ ta' imprendituri u negozji ġodda Ewropej, l-inċentivazzjoni tal-Industrija 4.0, iċ-ċentri ta' innovazzjoni, il-clusters u l-inkubaturi, filwaqt li fl-istess ħin jiżviluppaw sinerġiji ta' koabitazzjoni mal-mudelli ta' negozju tradizzjonali;

60.  Jenfasizza n-natura kumplessa tas-settur tat-trasport fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva u barra minnha; jinnota li dan is-settur hu suġġett għal regolamentazzjoni qawwija; jinnota l-potenzjal tal-mudelli tal-ekonomija kollaborattiva biex jittejbu b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport (inkluż permezz ta' biljetti tal-ivvjaġġar multimodali u konsistenti fi vjaġġ wieħed għall-utenti tat-trasport b'apps tal-ekonomija kollaborattiva) is-sikurezza u s-sigurtà tagħha u li tagħmel iż-żoni remoti jsiru iktar aċċessibbli u tnaqqas l-esternalitajiet mhux mixtieqa tal-konġestjoni tat-traffiku;

61.  Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti jippromwovu l-koeżistenza benefiċjarja ta' servizzi ta' trasport kollaborattiv u ta' sistema ta' trasport konvenzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-ekonomija kollaborattiva fil-ħidma tagħha dwar teknoloġiji ġodda fit-trasport (vetturi konnessi, vetturi awtonomi, ħruġ ta' biljetti diġitali integrat u sistemi ta' trasport intelliġenti) minħabba l-interazzjonijiet qawwija u s-sinerġiji naturali tagħhom;

62.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ċertezza legali għal pjattaformi u l-utenti tagħhom sabiex ikun żgurat l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva fis-settur tat-trasport fl-UE; jinnota li fis-settur tal-mobbiltà, hu importanti li b'mod ċar ikun differenzjat bejn fuq naħa waħda (i) car-pooling u l-qsim tal-ispejjeż fil-kuntest ta' trip eżistenti li x-xufier ikun ippjana għall-iskopijiet tiegħu, u fuq l-oħra (ii) servizzi tat-trasport tal-passiġġieri regolat;

63.  Ifakkar li, skont l-estimi tal-Kummissjoni, l-akkomodazzjoni bejn il-pari hija l-akbar settur tal-ekonomija kollaborattiva fuq il-bażi tal-kummerċ iġġenerat, filwaqt li t-trasport bejn il-pari hija l-akbar pjattaforma meta mkejla mil-lat ta' dħul;

64.  Jenfasizza li fis-settur tat-turiżmu l-kondiviżjoni tad-djar tirrappreżenta użu eċċellenti tar-riżorsi u tal-ispajzju li mhux użat biżżejjed, speċjalment fiż-żoni li tradizzjonalment ma jibbenefikawx mit-turiżmu;

65.  Jikkundanna, f'dan ir-rigward, ir-regolamenti li qed jiġu imposti minn xi awtoritajiet pubbliċi, li jippruvaw jillimitaw il-provvista ta' akkomodazzjoni turistika offruta permezz tal-ekonomija kollaborattiva;

66.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet iffaċċjati mill-pjattaformi kollaborattivi Ewropej fl-aċċess għall-kapital ta' riskju u fl-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom, aċċentwati mid-daqs żgħir u l-frammentazzjoni tas-swieq domestiċi u minn nuqqas kritiku ta' investimenti transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti ta' finanzjament eżistenti biex jinvestu f'negozji kollaborattivi u jippromwovu inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għal negozji ġodda, impriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji;

67.  Jenfasizza li sistemi ta' finanzjament kollaborattiv, bħall-finanzjament kollettiv, huwa kumpliment importanti għal finanzjament tradizzjonali bħala parti minn ekosistema ta' finanzjament effettiva;

68.  Jinnota li s-servizzi provduti mill-SMEs fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva mhux dejjem huma mfassla apposta għall-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet u l-anzjani; jappella għal għodod u programmi bil-ħsieb li dawn l-operaturi jiġu appoġġjati jqisu l-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tippromwovi l-aċċess għal linji ta' finanzjament xierqa għal imprendituri Ewropej li joperaw fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva, kif ukoll fil-qafas tal-Programm ta' Riċerka u Innovazzjoni tal-UE -Orizzont 2020;

70.  Jinnota l-iżvilupp rapidu u d-diffużjoni li qed tiżdied tat-teknoloġiji innovattivi u tal-għodda diġitali, bħall-blockchains u teknoloġiji ta' reġistru distribwit, ukoll fis-settur finanzjarju; jissottolinja li l-użu ta' dawn it-teknoloġiji deċentralizzati jippermetti tranżazzjonijiet effettivi bejn il-pari u konnessjonijiet fl-ekonomija kollaborattiva li jwasslu għall-ħolqien ta' swieq jew netwerks indipendenti u jissostitwixxu, fil-futur, ir-rwol li jiżvolġu llum l-intermedjarji fil-pjattaformi kollaborattivi;

o
o   o

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0237.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0455
(4) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11834-2016-INIT/en/pdf
(5) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(6) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(7) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(8) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.
(9) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(10) ECON-VI/016
(11) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33.
(12) Flash Eurobarometer 438 (Marzu 2016) dwar "The use of collaborative platforms"
(13) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(14) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.

Avviż legali