Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2084(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0210/2017

Testi mressqa :

A8-0210/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.8
CRE 04/07/2017 - 6.8

Testi adottati :

P8_TA(2017)0282

Testi adottati
PDF 599kWORD 81k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Standards minimi komuni ta' proċeduri ċivili
P8_TA(2017)0282A8-0210/2017
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar standards minimi komuni ta' proċedura ċivili fl-Unjoni Ewropea (2015/2084(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67(4) u 81(2) TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-ġurisprudenza rilevanti tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar "L-istabbiliment ta' standards minimi komuni għall-proċedura ċivili fl-Unjoni Ewropea – il-bażi ġuridika"(1),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) bit-titolu "Standards minimi komuni tal-proċedura ċivili"(2),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta' Riċerka tal-Membri tal-EPRS bit-titolu "L-Ewropizzazzjoni tal-proċedura ċivili: lejn standards minimi komuni?"(3),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond mid-Direttorat Ġenerali għall-politika interna bit-titolu "Regoli armonizzati u standards minimi fid-dritt Ewropew tal-proċedura ċivili"(4),

–  wara li kkunsidra l-proġett tal-Istitut tad-Dritt Ewropew (IDE) u l-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT) dwar "From Transnational Principles to European Rules of Civil Procedure" (Minn Prinċipji Transnazzjonali għal Regoli Ewropej ta' Proċedura Ċivili),

–  wara li kkunsidra l-"Principles of Transnational Civil Procedure" (Prinċipji ta' Proċedura Ċivili Transnazzjonali) tal-American Law Institute (ALI)/UNIDROIT(5),

–  wara li kkunsidra "Study on the approximation of the laws and rules of the Member States concerning certain aspects of the procedure for civil litigation" (Studju dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regoli tal-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-proċedura tal-litigazzjoni ċivili), l-hekk imsejjaħ "Storme Report"(6),

–  wara li kkunsidra l-ġabra preliminari ta' dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi,

–  wara li kkunsidra l-acquis tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) dwar il-prinċipji ta' awtonomija proċedurali nazzjonali u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva(7),

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istudji CEPEJ Nru 23 dwar "European judicial systems: efficiency and quality of justice" (Sistemi ġudizzjarji Ewropej: l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġustizzja),

–  wara li kkunsidra l-2016 "Judicial Training Principles" (Prinċipji ta' Taħriġ Ġudizzjarju) tan-Netwerk għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar l-eżami ta' nofs il-perjodu tal-Programm ta' Stokkolma(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0210/2017),

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE dwar l-awtonomija proċedurali nazzjonali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva

A.  billi, skont il-ġurisprudenza kostanti tal-QtĠ-UE dwar il-prinċipju ta' awtonomija proċedurali, f’każ fejn m'hemm l-ebda regola tal-Unjoni dwar l-aspetti proċedurali dwar tilwim li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma responsabbli li jinnominaw il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li jiddeterminaw id-dettalji fir-rigward tal-proċeduri li jridu jiġu segwiti fir-rigward ta' azzjonijiet mibdija biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni;

B.  billi, skont din l-istess ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali rigward regoli proċedurali hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet importanti: ir-regoli proċedurali nazzjonali ma jistgħux ikunu inqas favorevoli meta applikati għal tilwim li għandu x'jaqsam mad-dritt tal-Unjoni milli meta applikati għal azzjonijiet simili ta' natura nazzjonali (prinċipju ta' ekwivalenza) u ma għandhomx ikunu strutturati b'tali mod li jrendu l-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività);

C.  billi fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jarmonizzaw ir-regoli proċedurali, il-kompetenza tal-Istati Membri biex jistabbilixxu regoli proċedurali għall-infurzar tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni ma testendix għall-introduzzjoni ta' rimedji ġodda fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali biex tiġi żgurata l-applikabilità tad-dritt tal-Unjoni;(10)

D.  billi l-ġurisprudenza stabbilita mill-QtĠ-UE tiffaċilita dan permezz tal-kooperazzjoni tagħha mal-qrati fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li ttejjeb il-fehim tad-dritt tal-Unjoni min-naħa taċ-ċittadini u tali qrati;

Il-Karta

E.  billi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, jikkostitwixxi wieħed mill-garanziji fundamentali għar-rispett tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija u huwa marbut b'mod indissolubbli mal-proċedura ċivili fit-totalità tagħha;

F.  billi, minkejja l-fatt li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa vinkolanti, u l-Artikolu 6 tal-KEDB jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-livell ta' protezzjoni tad-dritt għal proċess ġust fi proċeduri ċivili, u b'mod partikolari l-bilanċ bejn id-dritt tar-rikorrent għal aċċess għall-ġustizzja u d-drittijiet ta’ difiża tal-konvenut, mhuwiex armonizzat fl-Unjoni kollha;

G.  billi, madankollu, bħala dritt fundamentali, id-dritt għal proċess ġust ġie kkomplementat b'diversi atti leġiżlattivi proċedurali ta' dritt sekondarju tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament dwar it-Talbiet Żgħar(11), id-Direttiva dwar l-Għajnuna Legali(12), ir-Rakkomandazzjoni ta' Rimedju Kollettiv(13), id-Direttiva dwar l-Inġunzjonijiet tal-Konsumatur(14) u d-Direttiva dwar azzjoni għad-danni għall-Kompetizzjoni(15);

L-acquis tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

H.  billi attwalment huwa ħafna aktar probabbli li ċittadini tal-Unjoni, speċjalment dawk li jaqsmu l-fruntieri, jiġu f'kuntatt ma' sistemi ta' proċedura ċivili ta' Stat Membru ieħor;

I.  billi l-istandards proċedurali ċivili minimi fil-livell tal-Unjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tal-proċedimenti nazzjonali, għal kundizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji, u għal żieda fit-tkabbir ekonomiku, billi jipprovdu għal sistemi ġudizzjarji iktar effettivi u effiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja fl-Unjoni u jgħinu biex jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali tal-Unjoni;

J.  billi aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-leġiżlatur tal-Unjoni qed jindirizza kwistjonijiet ta' proċedura ċivili mhux biss b'mod orizzontali, bħal fil-każ ta' strumenti fakultattivi,(16) iżda wkoll b'mod speċifiku għas-settur, fi ħdan diversi oqsma ta' politika, bħalma huma l-proprjetà intellettwali(17), il-protezzjoni tal-konsumatur(18) jew, dan l-aħħar, id-dritt tal-kompetizzjoni(19);

K.  billi n-natura frammentarja tal-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tar-regoli proċedurali ġiet kkritikata ripetutament u l-formazzjoni ta' dritt ta' proċedura ċivili tal-Unjoni speċifiku għas-settur tikkontesta l-koerenza kemm tas-sistemi tal-proċedura ċivili fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll tad-diversi strumenti tal-Unjoni;

L.  billi l-għan tad-Direttiva proposta hu li tintroduċi qafas għall-aġġudikazzjoni tal-ġustizzja ċivili billi jiġu sistematizzati r-regoli ta' proċedura ċivili eżistenti tal-Unjoni u testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għall-materji kollha li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

M.  billi d-direttiva proposta hija intiża sabiex tgħin sabiex jintlaħaq approċċ aktar koordinat, koerenti u sistematiku għas-sistemi ta' ġustizzja ċivili li mhux limitat mill-fruntieri, l-interessi u r-riżorsi ta' pajjiż individwali;

Il-bażi ġuridika tal-proposta

N.  billi skont l-Artikoli 4(1) u 5(1) TUE (il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi) l-Unjoni tista' tilleġiżla f'qasam partikolari biss jekk ikollha kompetenza espliċita biex tagħmel dan u sa fejn dan ikun konformi mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

O.  billi fil-qafas eżistenti tat-Trattat, il-bażi ġuridika prinċipali għall-armonizzazzjoni tal-proċedura ċivili tinstab fit-Titolu V tat-TFUE, fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja;

P.  billi r-rekwiżit ta' element transkonfinali biex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Unjoni nżamm taħt it-Trattat ta' Lisbona, bir-riżultat li l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili hija possibbli biss jekk f'kawża jkun hemm fatturi ta' konnessjoni (eż. residenza, post ta' twettiq, eċċ.) li jinvolvu tal-inqas lejn żewġ Stati Membri differenti;

Q.  billi d-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 114 TFUE dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, kienet u għadha qed tiġi użata bħala l-bażi ġuridika għal varjetà wiesgħa ta' direttivi speċifiċi għas-settur li jarmonizzaw ċerti aspetti tal-proċedura ċivili, bħal pereżempju d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED) u l-aktar reċenti, id-Direttiva dwar Azzjonijiet għal Danni tal-Antitrust;

R.  billi skont l-Artikolu 67(4) TFUE, l-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili, kif intwera fl-Artikolu 81 TFUE;

Fiduċja Reċiproka fl-Ispazju Ġudizzjarju Ewropew

S.  billi l-moviment liberu ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa marbut mal-ħtieġa li jinħoloq livell suffiċjenti ta' fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri differenti fir-rigward, b'mod partikolari, tal-livell ta' protezzjoni ta' drittijiet proċedurali;

T.  billi "fiduċja reċiproka" hija mifhuma f'dan il-kuntest bħala l-fiduċja li l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom fis-sistemi legali u ġudizzjarji ta' xulxin, u tirriżulta fil-projbizzjoni ta' rieżami tal-azzjonijiet ta' Stati oħra u l-korpi ġudizzjarji tagħhom;

U.  billi l-prinċipju ta' fiduċja reċiproka jservi sabiex jipprovdi aktar ċertezza tad-dritt, sabiex iċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni jkollhom stabilità u prevedibilità biżżejjed;

V.  billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi, u l-konformità miegħu, flimkien mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni legali tad-drittijiet individwali;

W.  billi sistema ta' standards minimi komuni tal-Unjoni fil-forma ta' prinċipji u regoli, tkun tikkostitwixxi l-ewwel pass għal konverġenza ta' regolamenti nazzjonali relatati mal-proċedura ċivili, u b'hekk tistabbilixxi bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali tal-partijiet fil-kawża fl-interess tal-fiduċja reċiproka sħiħa bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri;

X.  billi l-eżistenza u r-rispett ta' garanziji proċedurali għall-effiċjenza u l-effikaċja ta' proċedimenti ċivili u t-trattament ugwali tal-partijiet huma mixtieqa u tassew meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka;

Y.  billi l-istabbiliment ta' tali sistema ta' standards minimi komuni jiffissa wkoll livell minimu ta' kwalità ta' proċedimenti ċivili madwar l-Unjoni, u b'hekk jikkontribwixxi mhux biss għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn il-korpi ġudizzjarji, iżda wkoll għal funzjonament aħjar tas-suq intern, peress li huwa stmat li d-differenzi proċedurali bejn l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jikkawżaw xkiel għall-kummerċ jew jiskoraġġixxu lin-negozji u lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern;

Kunsiderazzjonijiet oħra

Z.  billi l-approssimazzjoni ta' reġimi proċedurali fl-Unjoni hija meħtieġa; billi d-Direttiva proposta hija maħsuba li tkun l-ewwel pass fil-proċess ta' armonizzazzjoni u konverġenza ulterjuri tas-sistemi ta' ġustizzja ċivili tal-Istati Membri u tal-ħolqien ta' Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Unjoni fuq perjodu ta' żmien twil;

AA.  billi d-Direttiva proposta la taffettwa lill-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri u lanqas lill-karatteristiċi prinċipali tal-mod kif titmexxa l-litigazzjoni ċivili iżda tiffaċilita regoli proċedurali nazzjonali aktar effiċjenti;

AB.  billi huwa għaldaqstant tal-akbar importanza li tiġi adottata u implimentata kif jixraq leġiżlazzjoni li tipprevedi l-adozzjoni ta' standards minimi komuni ta' proċeduri ċivili fl-Unjoni;

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE dwar l-awtonomija proċedurali nazzjonali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva

1.  Jinnota r-rwol ċentrali tal-QtĠ-UE fl-istabbiliment tas-sisien tal-proċedura ċivili tal-Unjoni, wara li sawret x'wieħed jifhem bil-proċedura ċivili fis-sistema legali tal-Unjoni;

2.  Jenfasizza, madankollu, li minkejja xi standards proċedurali ċivili li llum huma aċċettati bħala parti mis-sistema proċedurali tal-Unjoni ġew ikkonfermati fil-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, il-kontribuzzjoni tal-QtĠ-UE għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tiġi kkunsidrata bħala interpretattiva minflok istituttiva.

3.  Jenfasizza għalhekk li l-esperjenza vasta tal-QtĠ-UE fir-reviżjoni ta' regoli ta' rimedju u dawk proċedurali kif ukoll il-kompromessi u l-valuri li jikkompetu li l-QtĠ-UE ssegwi huma istruttivi ħafna u għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-introduzzjoni ta' strument komprensiv orizzontali ta' natura leġiżlattiva li jinkludi standards komuni ta' proċeduri ċivili;

Il-Karta

4.  Jenfasizza li f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċess ġust u l-aċċess għall-ġustizzja, netwerks ta' kooperazzjoni u bażijiet ta' data li jsaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iskambju ta' informazzjoni għandhom jinżammu u jiġu żviluppati iktar;

5.  Jilqa' għalhekk b'sodisfazzjon l-iżvilupp fl-ambitu tal-ġustizzja elettronika, u l-aktar il-ħolqien tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika, li għandu jsir punt ċentrali (one-stop-shop) fil-qasam tal-ġustizzja fl-Unjoni;

L-acquis tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

6.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta jekk huwiex meħtieġ li jiġu proposti aktar miżuri biex jiġi kkonsolidat u msaħħaħ approċċ orizzontali tal-infurzar privat tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni u jekk l-istandards minimi Ewropej għall-proċedura ċivili proposti hawnhekk jistgħux jitqiesu li jippromwovu u jiżguraw tali mudell orizzontali;

7.  Itenni li l-ġbir sistematiku ta' data statistika dwar l-applikazzjoni u l-prestazzjoni ta' strumenti eżistenti tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili huwa ta' importanza kbira;

8.  Jistieden f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk miżuri addizzjonali ta' implimentazzjoni mill-Istati Membri jistgħux jikkontribwixxu għall-applikazzjoni effettiva ta' proċeduri awtonomi tal-Unjoni u jsostni li proċess robust u sistematiku ta' sorveljanza min-naħa tal-Kummissjoni għandu jiġi stabbilit għal dak l-iskop;

Il-bażi ġuridika tal-proposta

9.  Josserva li l-Artikolu 114 TFUE (l-armonizzazzjoni tas-suq intern) ġie użat biex jiġu adottati għadd ta' atti tal-Unjoni b'implikazzjonijiet proċedurali; li l-Artikolu 114 TFUE dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, kien u għadu qed jiġi użat bħala l-bażi ġuridika għal varjetà wiesgħa ta' direttivi speċifiċi għas-settur li jarmonizzaw ċerti aspetti tal-proċedura ċivili, bħal pereżempju d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR);

10.  Jinnota, madankollu, li l-Artikolu 81 TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, inklużi miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari meta jkunu meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern; iqis, għalhekk, li l-Artikolu 81 TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-istrument leġiżlattiv propost;

11.  Isostni li l-kunċett ta' "implikazzjonijiet transkonfinali" fit-test tal-Artikolu 81(1) TFUE dwar l-adozzjoni ta' miżuri ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili għandu jiġi interpretat b'mod iktar wiesa' u għalhekk m'għandux jitqies bħala sinonimu ma' "tilwim transkonfinali";

12.  Jenfasizza li l-interpretazzjoni attwali tal-kunċett tal-"materji b'implikazzjonijiet transkonfinali" hija kemxejn ristretta u wasslet għall-ħolqien ta' żewġ settijiet ta' regoli u żewġ kategoriji ta' partijiet fit-tilwim li jistgħu jwasslu għal aktar problemi u kumplessitá bla bżonn; jenfasizza għalhekk li għandha tiġi adottata interpretazzjoni usa';

13.  Jenfasizza f'dan il-kuntest li l-istandards minimi komuni ta' proċedura ċivili li qed jiġu proposti jwasslu għal effiċjenzi ulterjuri jekk l-Istati Membri jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom mhux biss għal kwistjonijiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll kemm għal każijiet transkonfinali kif ukoll għal dawk purament nazzjonali b’mod ġenerali;

Fiduċja Reċiproka fl-Ispazju Ġudizzjarju Ewropew

14.  Jinnota li l-attivitajiet ewlenin tal-Unjoni fl-Ispazju Ewropew ta' Ġustizzja, fejn tidħol il-ġustizzja ċivili, huma relatati mal-introduzzjoni ta' strumenti dwar il-ġurisdizzjoni, il-pendenza u l-infurzar ta' sentenzi transkonfinali;

15.  Itenni u jissottolinja li ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tas-sentenzi żiedet il-fiduċja reċiproka bejn il-korpi ġudizzjarji tal-Istati Membri, u għaldaqstant tkabbar iċ-ċertezza tad-dritt u tipprovdi stabilità u prevedibilità biżżejjed għaċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni;

16.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-fiduċja reċiproka hija kunċett kumpless, u li ħafna fatturi jaqdu rwol fil-bini ta' dik il-fiduċja, bħall-edukazzjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali u l-iskambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-imħallfin;

17.  Jinnota li l-fiduċja reċiproka tista' titrawwem fost l-oħrajn permezz ta' metodi mhux leġiżlattivi, bħal imħallfin li jikkooperaw fi ħdan in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew jew li jipparteċipaw f'taħriġ;

18.  Għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon id-disa' prinċipji tat-taħriġ ġudizzjarju tan-Netwerk għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew adottati fl-Assemblea Ġenerali tiegħu tal-2016, peress li jipprovdu pedament u qafas komuni għall-ġudikatura Ewropea kif ukoll għall-istituzzjonijiet ta' taħriġ ġudizzjarju;

19.  Isostni, madankollu, li mil-lat strettament legali l-fiduċja reċiproka tippresupponi, fuq livell assolutament fundamentali, l-korpi ġudizzjarji tal-Istati Membri jikkunsidraw l-arranġamenti proċedurali ta' xulxin kemm fuq il-livell tal-liġi teoretika kif ukoll tal-liġi fil-prattika bħala li jiggarantixxu proċedimenti ċivili ġusti;

20.  Jirrimarka, għalhekk, li t-tfassil ta' standards minimi sistematiċi ta' proċedura ċivili tal-Unjoni fil-forma ta' direttiva orizzontali trasversali, twassal biex tiżdied il-fiduċja reċiproka fost il-korpi ġudizzjarji tal-Istati Membri u tiżgura bbilanċjar komuni għall-Unjoni kollha tad-drittijiet proċedurali fundamentali għall-kawżi ċivili, u b'hekk jinħoloq sens ġenerali ta' ġustizzja, ċertezza u prevedibilità li jkollu għeruq aktar profondi madwar l-Unjoni;

Standards minimi komuni ta' proċedura ċivili

21.  Jenfasizza li s-sistemi effikaċi ta' proċedura ċivili jiżvolġu rwol kruċjali fid-difiża tal-istat tad-dritt u tal-valuri fundamentali tal-Unjoni. Huma wkoll prerekwiżit għal investiment sostenibbli u ambjent li jiffavorixxi n-negozju u l-konsumatur;

22.  Iqis li n-nuqqas ta' ċarezza dwar perjodi ta' limitazzjoni għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-impriżi f'tilwim li jkollu implikazzjonijiet transkonfinali jista' jxekkel l-aċċess għall-ġustizzja. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-fattibilità u x-xewqa li jiġu armonizzati dawk il-perjodi ta' limitazzjoni fi proċedimenti ċivili;

23.  Iqis li hemm ħtieġa ċara għal leġiżlazzjoni li tipprovdi sett ta' standards proċedurali applikabbli għal proċedimenti ċivili u jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bit-twettiq tal-pjan ta' azzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew fl-ispazju tal-liberta’, sigurta’ u ġustizzja;

24.  Jitlob għaldaqstant, b'mod konformi mal-Artikolu 225 TFUE, li l-Kummissjoni tressaq, sat-30 ta' Ġunju 2018, abbażi tal-Artikolu 81(2) TFUE, proposta għal att leġiżlattiv dwar standards minimi komuni ta' proċedura ċivili, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż;

25.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet annessi ma' din ir-riżoluzzjoni jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità;

26.  Iqis li l-proposta mitluba m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja, peress li l-introduzzjoni ta' standards minimi ta' proċedura ċivili se twassal għal ekonomiji ta' skala f'termini ta' spejjeż imnaqqsa għal partijiet f'tilwim u r-rappreżentanti tagħhom li ma jkollhomx għalfejn jiffamiljarizzaw ruħhom ma' sistema ta' proċedura ċivili ta' pajjiż differenti;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) PE 572.853, Diċembru 2015.
(2) PE 581.385, Ġunju 2016.
(3) PE 559.499, Ġunju 2015.
(4) PE 556.971, Ġunju 2016.
(5) Uniform Law Review, 2004(4).
(6) M. Storme, Study on the approximation of the laws and rules of the Member States concerning certain aspects of the procedure for civil litigation (Rapport Finali, Dordrecht, 1994).
(7) Ara, inter alia: is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1976, Comet BV vs Produktschap voor Siergewassen, 45/76, ECLI:EU:C:1976:191 u s-sentenza tal-15 ta' Mejju 1986, Marguerite Johnston vs Chief Constable of the Royal Ulster Constabulary, 222/84, ECLI:EU:C:1986:206.
(8) Disponibbli online hawnhekk: http://www.ejtn.eu/PageFiles/15756/Judicial%20Training%20Principles_EN.pdf
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0276.
(10) Ara, inter alia: is-sentenza tat-13 ta' Marzu 2007, Unibet (London) Ltd u Unibet (International) Ltd vs Justitiekanslern, C-432/05, ECLI:EU:C:2007:163.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).
(12) Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41).
(13) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv ta' inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60).
(14) Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).
(15) Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjoni għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).
(16) Ara, pereżempju, ir-Regolament Ewropew għal Talbiet Żgħar (ara t-tieni nota ta' qiegħ il-paġna għal Premessa G iktar 'il fuq) u r-Regolament dwar l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet (Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi proċedura ta' Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 59)).
(17) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).
(18) ara r-raba’ nota ta' qiegħ il-paġna  għal Premessa G hawn fuq.
(19) ara l-ħames nota ta' qiegħ il-paġna  għal Premessa G hawn fuq.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR STANDARDS MINIMI KOMUNI TA' PROĊEDURA ĊIVILI FL-UE

A.  PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.  Fl-Unjoni, l-infurzar tal-liġi quddiem il-qrati għadu fil-biċċa l-kbira kwistjoni li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli proċedurali u l-prattika nazzjonali. Il-qrati nazzjonali huma wkoll qrati tal-Unjoni. Għalhekk il-proċeduri mressqa quddiemhom iridu jiżguraw l-ekwità, il-ġustizzja u l-effiċjenza kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni.

2.  L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji ċivili żiedet il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili ta' xulxin, filwaqt li miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali. Il-livell ta' fiduċja reċiproka jiddependi ħafna fuq numru ta' parametri, li jinkludu, inter alia, mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet tar-rikorrent jew tal-konvenut filwaqt li jiggarantixxu l-aċċess għall-qrati u l-ġustizzja.

3.  Minkejja li l-Istati Membri huma parti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), l-esperjenza wriet li dik weħidha mhux dejjem tipprovdi livell suffiċjenti ta' fiduċja fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili ta' Stati Membri oħra. Ir-regoli ta' proċedura ċivili nazzjonali tal-Istati Membri jvarjaw b'mod konsiderevoli, ħafna drabi fir-rigward ta' xi wħud mill-prinċipji u l-garanziji proċedurali fundamentali, u b'hekk hemm ir-riskju li tista' tintilef il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

4.  Huwa għaldaqstant meħtieġ, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni, li jiġu megħjuna l-modernizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet indaqs għan-negozji u aktar tkabbir permezz ta' sistemi ġuridiċi effettivi u effiċjenti, sabiex tiġi adottata direttiva li tiżviluppa ulterjorment l-istandards minimi stipulati fil-Karta u fil-KEDB. Il-bażi ġuridika xierqa għal tali proposta hija l-Artikolu 81(2) TFUE, li jikkonċerna miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili. Id-Direttiva trid tiġi adottata permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

5.  Standards minimi komuni ta' proċeduri ċivili huma meqjusa neċessarji biex jiffurmaw bażi soda għall-approssimazzjoni u t-titjib tal-liġijiet nazzjonali, minħabba l-flessibilità li huma jagħtu lill-Istati Membri fit-tħejjija ta' liġijiet ġodda fil-qasam tal proċedura ċivili filwaqt li jirriflettu kunsens ġenerali dwar il-prinċipji tal-prattika ta' ġustizzja ċivili.

6.  Jenħtieġ li l-istandards minimi komuni jwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili tal-Istati Membri kollha li bħala riżultat, għandha twassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti, rapida u aktar flessibbli fi klima ta' fiduċja reċiproka. Huwa mistenni li tali regoli minimi komuni jneħħu wkoll l-ostakli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri u b'hekk jiżguraw li ċ-ċittadini li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom b'mod partikolari mhux se jibqgħu jħossuhom retiċenti biex ikunu f'kuntatt ma' sistemi proċedurali ċivili fi Stati Membri oħra.

7.  Id-direttiva proposta m'għandhiex l-għan li tissostitwixxi s-sistemi nazzjonali ta' proċedura ċivili fit-totalità tagħhom. Filwaqt li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, li jiżgura aċċess effettiv u effiċjenti għall-ġustizzja, hija għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni fir-rigward tal-funzjoni u l-andament ta' proċedimenti ċivili tal-Istati Membri għal kull kwistjoni li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għandha wkoll l-għan li tipprovdi bażi għal approfondiment gradwali tal-approssimazzjoni ta' sistemi proċedurali ċivili tal-Istati Membri.

8.  Il-proposta ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-qrati tagħhom u r-regoli tagħhom dwar il-ħatra tal-imħallfin.

9.  Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, peress li l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu waħedhom biex jistabbilixxu sett minimu ta' standards ta' proċedura ċivili, u l-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa assolutament meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-fiduċja reċiproka fl-Unjoni.

B.  TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi komuni ta' proċedura ċivili fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  L-Unjoni stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun assigurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)  Skont l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu mmirati biex jiżguraw, fost l-oħrajn, ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi bejn l-Istati Membri, in-notifika transkonfinali ta' dokumenti, il-kooperazzjoni fit-teħid tal-provi, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament tajjeb ta' proċeduri ċivili, jekk ikun meħtieġ billi tiġi promossa l-kompatibilità tar-regoli dwar il-proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri.

(3)  Skont il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt (33) tagħhom, ir-rikonoxximent reċiproku mtejjeb ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji oħrajn u l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġislazzjoni se jkunu qed jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali. Jenħtieġ għalhekk li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jsir il-bażi fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili fl-Unjoni.

(4)  Skont il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew fl-ispazju tal-liberta’, siġurta’ u ġustizzja, l-ispazju ġudizzjarju Ewropew u t-tħaddim xieraq tas-suq uniku huma mibnija fuq il-prinċipju ċentrali tal-għarfien reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq l-idea li l-Istati Membri jafdaw is-sistemi ġudizzjarji ta' xulxin. Dan il-prinċipju jista' jaħdem b'mod effettiv biss fuq il-bażi ta' fiduċja reċiproka fost l-imħallfin, il-professjonisti tad-dritt, in-negozjanti u ċ-ċittadini. Il-livell ta' dik il-fiduċja jiddependi fuq għadd ta' fatturi, inkluża l-eżistenza ta' mekkaniżmi sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet proċedurali tal-partijiet fi proċedimenti ċivili. Standards minimi komuni li jsaħħu d-dritt għal proċess ġust u l-effiċjenza ta' sistemi ġudizzjarji u li jikkontribwixxu għal sistema ta' infurzar effettiva huma għalhekk meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

(5)  Billi tistabbilixxi regoli minimi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet f'tilwim, u tiżgura aċċess aktar faċli għall-ġustizzja liċ-ċittadini, jenħtieġ li din id-Direttiva ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili ta' Stati Membri oħra u b'hekk tkun tista' tgħin fil-promozzjoni ta' kultura ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni, kif ukoll ta' suq intern aktar effiċjenti, filwaqt li tiddefendi l-libertajiet fundamentali tal-Unjoni billi tiżviluppa sens ġenerali aktar profond tal-ġustizzja, iċ-ċertezza u l-prevedibilità fit-territorju kollu tagħha.

(6)  Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva japplikaw għal tilwim ċivili li jkollu implikazzjonijiet transkonfinali, inkluż dak li jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Fejn din id-Direttiva tirreferi għall-ksur tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, hija tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn il-ksur tar-regoli stabbiliti fil-livell tal-Unjoni kkawża jew x'aktarx li kkawża preġudizzju lil persuni fiżiċi u ġuridiċi. Jenħtieġ li xejn ma jwaqqaf lill-Istati Membri milli japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva wkoll għal kawżi ta' ġustizzja ċivili purament nazzjonali.

(7)  L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali tal-4 ta' Novembru 1950. Jenħtieġ li l-materji msemmija f'din id-Direttiva jkunu ttrattati b'konformita ma' dik il-Konvenzjoni u b'mod partikolari d-drittijiet għal proċess ġust u rimedju effettiv.

(8)  Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta' standards minimi komuni ta' proċedura ċivili biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni. Id-dritt ġeneralment rikonoxxut ta' aċċess għal ġustizzja huwa wkoll imsemmi mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta").

(9)  Jenħtieġ li l-proċedimenti ċivili jittejbu aktar billi jittieħed vantaġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-ġustizzja u ta' għodod ġodda disponibbli għall-qrati u tribunali li jistgħu jgħinu biex tingħeleb id-distanza ġeografika u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' spejjeż għoljin u t-tul tal-proċedimenti. Sabiex jitnaqqsu ulterjorment l-ispejjeż tal-kawża u t-tul tal-proċedimenti, jenħtieġ li jiġi inkoraġġut ulterjorment l-użu tat-teknoloġija moderna ta' komunikazzjoni mill-partijiet u l-qrati u t-tribunali.

(10)  Sabiex persuni jkunu jistgħu jinstemgħu mingħajr ma jinħtiġilhom jivvjaġġaw lejn il-qorti jew it-tribunal, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-seduti orali kif ukoll il-ġbir ta' provi mis-smigħ tax-xhieda, esperti jew partijiet, ikunu jistgħu jitwettqu bl-użu ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod adatti, sakemm minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, l-użu ta' tali teknoloġija ma jkunx adatt għall-andament ekwu tal-proċedimenti. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001(1).

(11)  Jenħtieġ li l-qrati tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiddependu fuq opinjonijiet ta' esperti għal kwistjonijiet tekniċi, legali jew kwistjonijiet oħra ta' evidenza. Ħlief fejn ikunu meħtieġa miżuri koerċittivi u b'mod konformi mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-imħallfin fi Stat Membru wieħed ikunu jistgħu jaħtru esperti sabiex imexxu investigazzjonijiet fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-aġir tagħhom. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konsulenza ġudizzjarja u b'kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet fil-ħatra ta' esperti kwalifikati biżżejjed fil-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru wieħed, pereżempju minħabba s-sofistikazzjoni teknika tal-kawża jew l-eżistenza ta' rabtiet diretti jew indiretti bejn l-espert u l-partijiet, jenħtieġ li jinħoloq u jiġi aġġornat direttorju Ewropew tal-listi nazzjonali ta' esperti kollha bħala parti tal-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika.

(12)  Jenħtieġ li miżuri provviżorji u protettivi jilħqu bilanċ xieraq bejn l-interessi tar-rikorrent biex jingħata protezzjoni provviżorja u l-interessi tal-konvenut biex jiġi pprevenut l-abbuż ta' tali protezzjoni. Meta miżuri provviżorji jiġu mitluba qabel ma tinkiseb sentenza, jenħtieġ li l-qorti li quddiema jitressaq ir-rikors tkun sodisfatta abbażi tal-evidenza mressqa mir-rikorrent li huwa x'aktarx ser jingħata raġun dwar il-mertu tat-talba kontra l-konvenut. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rikorrent ikun meħtieġ f'kull sitwazzjoni li juri b'mod li jissodisfa lill-qorti li t-talba tiegħu għandha l-ħtieġa urġenti ta' protezzjoni ġudizzjarja u li, mingħajr il-miżuri provviżorji, l-eżekuzzjoni tas-sentenza eżistenti jew futura tista' tiġi ostakolata jew issir sostanzjalment aktar diffiċli.

(13)  Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jkunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari dwar l-infurzar tad-drittijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali stipulati fi strumenti tal-Unjoni u b'mod partikolari dawk li jinsabu fid-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2). Jenħtieġ li din wkoll tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari għall-irkupru tad-dejn transkonfinali kif stabbilit fl-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet(3).

(14)  Jenħtieġ li jingħata rwol ewlieni lill-qrati fil-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha u fil-ġestjoni tal-proċeduri ċivili b'mod effettiv u effiċjenti.

(15)  L-objettiv li jiġu żgurati proċess ġust, aċċess aħjar għall-ġustizzja u fiduċja reċiproka, bħala parti mill-politika tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jenħtieġ li jinkludi l-aċċess kemm għal metodi ġudizzjarji kif ukoll għal metodi extraġudizzjarji ta' soluzzjoni ta' tilwim. Sabiex il-partijiet jitħeġġu jużaw il-medjazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-regoli tagħhom dwar il-perjodi ta' limitazzjoni u preskrizzjoni ma jipprevjenux lill-partijiet milli jirrikorru għall-qorti jew għall-arbitraġġ jekk it-tentattiv tagħhom ta' medjazzjoni jfalli.

(16)  Minħabba d-differenzi bejn ir-regoli tal-proċedura ċivili tal-Istati Membri u speċjalment dawk li jirregolaw in-notifika tad-dokumenti, huwa meħtieġ li jiġu definiti l-istandards minimi li jenħtieġ li japplikaw għal proċedimenti ċivili li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li jingħataw prijorità metodi ta' notifika li jiżguraw li d-dokumenti jiġu notifikati fil-pront u b'mod sikur, ikkonfermati minn prova tal-kunsinna. Jenħtieġ li l-użu ta' teknoloġiji moderni ta' komunikazzjoni għaldaqstant jitħeġġeġ b'mod wiesa'. Għal dokumenti li jeħtieġu li jiġu nnotifikati lill-partijiet, jenħtieġ li n-notifika elettronika tkun fuq l-istess livell tan-notifika bil-posta. Jenħtieġ li l-mezzi elettroniċi disponibbli jiżguraw li l-kontenut tad-dokumenti u ta' komunikazzjonijiet oħra bil-miktub riċevuti jkun veru u jikkorrispondi ġenwinament għal dak tad-dokumenti u komunikazzjonijiet bil-miktub oħra mibgħuta, u li l-metodu użat għall-konferma tal-wasla jipprovdi l-konferma tal-wasla mid-destinatarju u tad-data tal-wasla.

(17)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-partijiet għal proċedimenti ċivili jkollhom id-dritt għal avukat tal-għażla tagħhom. F'tilwim transkonfinali, jenħtieġ li l-partijiet ikollhom id-dritt għal avukat fl-Istat ta' Oriġini għal parir preliminari u għal ieħor fl-Istat Ospitanti sabiex jieħu ħsieb il-kawża. Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-partijiet u l-avukat tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal proċess ġust. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-laqgħat u ta' forom oħra ta' komunikazzjoni bejn l-avukat u l-partijiet fl-eżerċizzju tad-dritt għal avukat previst f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li kull parti f'kawża tkun tista' tirrinunzja għad-dritt mogħti skont din id-Direttiva, dment li tkun ingħatat informazzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja ta' dak id-dritt.

(18)  Jenħtieġ li l-ħlas ta' tariffi tal-qorti ma jeħtieġx lil min jagħmel it-talba biex jivvjaġġa lejn l-Istat Membru tal-qorti jew tribunal adit jew biex iqabbad avukat għal dak il-għan. Sabiex jiġi żgurat l-aċċess effettiv tar-rikorrenti għall-proċeduri, l-Istati Membri jenħtieġ li bħala minimu joffru mill-inqas wieħed mill-metodi ta' ħlas mill-bogħod previsti f'din id-Direttiva. L-informazzjoni dwar it-tariffi tal-qorti u l-metodi ta' ħlas, kif ukoll dwar l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jagħtu għajnuna prattika fl-Istati Membri jenħtieġ li tkun trasparenti u faċilment aċċessibbli fuq l-Internet permezz ta' siti web nazzjonali xierqa.

(19)  L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għall-għajnuna legali kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha involuti f'tilwim ċivili fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, kemm jekk jaġixxu bħala rikorrenti kif ukoll bħala konvenuti, jenħtieġ li jkunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom fil-qrati anki jekk is-sitwazzjoni finanzjarja personali tagħhom tagħmilha impossibbli għalihom li jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti. L-għajnuna legali jenħtieġ li tkopri parir qabel il-litigazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel jinbdew proċedimenti ġudizzjarji, assistenza legali biex jinġieb każ quddiem qorti u rappreżentanza fil-qorti u assistenza fl-ispiża tal-proċeduri. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE(4).

(20)  Il-ħolqien ta' kultura ġudizzjarja Ewropea li tirrispetta bis-sħiħ is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-indipendenza ġudizzjarja huwa ċentrali għall-funzjonament effiċjenti ta' spazju ġudizzjarju Ewropew. It-taħriġ ġudizzjarju huwa element kruċjali f'dan il-proċess, minħabba li jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-prattikanti u ċ-ċittadini. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw u jipprovdu appoġġ għal taħriġ vokazzjonali u skambju tal-aħjar prattika fost il-professjonisti legali.

(21)  Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Jenħtieġ li tali livell ogħla ta' protezzjoni ma jikkostitwixxix ostakolu għall-fiduċja reċiproka u aċċess effettiv għall-ġustizzja li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti, kif ukoll is-supremazija, l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni jenħtieġ għalhekk li ma jiġux kompromessi.

(22)  Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi komuni ta' proċedura ċivili, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dawk l-għanijiet jintlaħqu.

(23)  F'konformità mal-[Artikolu 3]/[Artikoli 1 u 2] tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva]/[u bla ħsara għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

(24)  F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I:

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta' din id-Direttiva huwa l-approssimizzazzjoni tas-sistemi proċedurali sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, billi tistabbilixxi standards minimi li jikkonċernaw il-bidu, l-andament u l-konklużjoni ta' proċedimenti ċivili quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Istati Membri.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għall-istandards tal-proċedura ċivili li jkunu jew jistgħu jkunu pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew f'dik nazzjonali, sa fejn dawk l-istandards jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-partijiet fil-kawża, din id-Direttiva għandha tapplika, f'tilwim li għandu implikazzjonijiet transkonfinali, għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal, ħlief fir-rigward ta' tali drittijiet u obbligi f’liema rigward il-partijiet ma għandhom l-ebda setgħa għad-dispożizzjoni skont id-dritt applikabbli rilevanti. M'għandhiex jestendi, b'mod partikolari, għal kwistjonijiet ta' introjtu, dwana jew għal materji amministrattivi jew għar-responsabilità tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat ("acta jure imperii").

2.  F'din id-Direttiva, it-terminu "Stat Membru" jfisser Stat Membru ħlief [ir-Renju Unit, l-Irlanda u] d-Danimarka.

Artikolu 3

Tilwim li għandu implikazzjonijiet transkonfinali

1.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, tilwim li jkollu implikazzjonijiet transkonfinali huwa wieħed li fih:

(a)  mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal aditi; jew

(b)  iż-żewġ partijiet ikunu domiċiljati fl-istess Stat Membru bħal dak tal-qorti jew tat-tribunal aditi, dment li l-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-post fejn iseħħ l-avveniment dannuż jew il-post ta' infurzar tas-sentenza ikun jinsab fi Stat Membru ieħor; jew

(c)  iż-żewġ partijiet ikunu domiċiljati fl-istess Stat Membru bħal dak tal-qorti jew tat-tribunal aditi, dment li l-kontroversja tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, id-domiċilju għandu jiġi stabbilit skont l-Artikoli 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5).

KAPITOLU II:

STANDARDS MINIMI GĦAL PROĊEDURI ĊIVILI

L-Ewwel Taqsima:

Riżultati ġusti u effikaċi

Artikolu 4

Obbligu ġenerali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-miżuri, proċeduri u rimedji meħtieġa sabiex ikun żgurat l-infurzar tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fi kwistjonijiet ċivili. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u ekwi u m'għandhomx ikunu kkumplikati jew jiswew wisq, jew jinvolvu limiti ta' żmien irraġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat, filwaqt li jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-drittijiet fundamentali.

Dawk il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikunu wkoll effetttivi u proporzjonati u għandhom ikunu applikati b'mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta' ostakli għal aċċess effettiv għall-ġustizzja u li jipprovdu protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.

Artikolu 5

Seduti orali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-andament ekwu ta’ proċedimenti. Meta ma jkunx possibbli li l-partijiet ikunu fiżikament preżenti, jew meta l-partijiet ikunu qablu, bl-approvazzjoni tal-qorti, li jirrikorru għal mezzi ta' komunikazzjoni rapidi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li smigħ orali jkun jista' jseħħ bl-użu ta' kwalunkwe teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod adatta, bħal vidjokonferenza jew telekonferenza, disponibbli għall-qorti jew għat-tribunal.

2.  Meta l-persuna li għandha tinstema' tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew it-tribunal aditi, l-attendenza ta' dik il-persuna f'seduta orali għandha ssir permezz ta' vidjokonferenza, telekonferenza jew teknoloġija ta' komunikazzjoni mill-bogħod adatta oħra bl-użu tal-proċeduri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1206/2001. Fir-rigward tal-vidjokonferenzjar, għandu jittieħed kont tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-vidjokonferenzjar transkonfinali adottati mill-Kunsill fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2015(6) u tal-ħidma mwettqa fil-qafas tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea.

Artikolu 6

Miżuri Provviżorji u Protettivi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri provviżorji għall-preservazzjoni ta' sitwazzjoni fattwali jew legali jkunu fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta' sentenza sussegwenti dwar il-merti tal-kwistjoni, qabel ma jinfetħu l-proċedimenti dwar il-merti tal-kwistjoni u fi kwalunkwe fażi matul tali proċedimenti.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu wkoll miżuri għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe ksur imminenti jew għat-terminazzjoni immedjata ta' ksur allegat kif ukoll għall-preservazzjoni ta' assi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-eżekuzzjoni sussegwenti ta' talba ma tkunx impedita jew tkun sostanzjalment aktar diffiċli.

2.  Tali miżuri għandhom jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża u għandhom ikunu proporzjonati għall-karatteristiċi u l-gravità tal-ksur allegat, u jippermettu, fejn ikun xieraq, l-għoti ta' garanziji għall-ispejjeż u l-ħsara kkawżati lill-konvenut minn talbiet mhux ġustifikati. Il-qrati jew it-tribunali għandhom ikollhom l-awtorità li jitolbu lir-rikorrent jipprovdi kwalunkwe evidenza disponibbli b'mod raġonevoli sabiex jaċċertaw ruħhom b'biżżejjed ċertezza li l-miżura provviżorja mitluba hija meħtieġa u proporzjonata.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'każijiet debitament ġustifikati, il-miżuri provviżorji jistgħu jittieħdu mingħajr ma jinstema' l-konvenut, fejn kwalunkwe dewmien jista' jikkawża danni irreparabbli għar-rikorrenti, jew fejn hemm riskju dimostrabbli li l-provi jistgħu jinqerdu. F'tali każ, il-partijiet għandhom ikunu infurmati mingħar dewmien żejjed mhux aktar tard minn wara l-eżekuzzjoni tal-miżuri.

Rieżami, li jinkludi d-dritt tas-smigħ, għandu jsir fuq talba tal-konvenut bl-għan li tingħata deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli wara n-notifika tal-miżuri, dwar jekk dawk il-miżuri humiex se jiġu modifikati, revokati jew konfermati jew inkella le.

Meta l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu huma revokati jew fejn sussegwentement jinstab li ma kien hemm l-ebda ksur jew theddid ta' ksur, il-Qorti tista' tordna lir-rikorrent, fuq talba tal-konvenut, sabiex jipprovdi lill-konvenut b'kumpens xieraq għad-danni kollha mġarrba b'riżultat ta' dawk il-miżuri.

4.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/48/KE u r-Regolament (UE) Nru 655/2014.

It-Tieni Taqsima:

Effiċjenza tal-proċedimenti

Artikolu 7

Effiċjenza proċedurali

1.  Il-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust li jiżgura aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-prinċipju ta' proċess kontenzjuż, b'mod partikolari meta jiddeċiedu dwar il-ħtieġa ta' smigħ orali u dwar il-mezzi tal-kumpilazzjoni ta' xhieda u l-limiti sa fejn ix-xhieda trid tiġi kkumpilata.

2.  Il-qrati jew it-tribunali tal-Istati Membri għandhom jaġixxu kmieni kemm jista' jkun, irrispettivament mill-eżistenza ta' perjodi ta' preskrizzjoni għal azzjonijiet speċifiċi fil-fażijiet differenti tal-proċedura.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet motivati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew it-tribunali jipprovdu deċiżjonijiet motivati biżżejjed fi żmien raġonevoli biex jippermettu lill-partijiet jagħmlu użu effettiv ta' kwalunkwe dritt ta' rieżami tad-deċiżjoni jew ta' tressiq ta' appell.

Artikolu 9

Prinċipji ġenerali għad-direzzjoni tal-proċedimenti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jiġġestixxu b'mod attiv il-kawżi quddiemhom sabiex jiżguraw l-iżvolġiment ekwu, effiċjenti ta' tilwim u li dan isir b'veloċità u spejjeż raġonevoli, mingħajr ma tixxekkel il-libertà tal-partijiet li jiddeterminaw is-suġġett u l-provi li jsostnu l-kawża tagħhom.

2.  Sa fejn hu raġonevolment prattikabbli, il-qorti għandha tamministra l-kawża f'konsultazzjoni mal-partijiet. B'mod partikolari, ġestjoni attiva tal-kawżi tista' tinkludi:

(a)  li l-partijiet jiġu nkoraġġuti jikkooperaw ma' xulxin matul il-proċedimenti;

(b)  li jiġu identifikati l-kwistjonijiet fi stadju bikri;

(c)  li jiġi deċiż minnufih liema kwistjonijiet jeħtieġu investigazzjoni sħiħa u li kwistjonijiet oħra jiġu solvuti b'mod sommarju;

(d)  li jkun hemm deċiżjoni dwar l-ordni li fiha l-kwistjonijiet għandhom jiġu solvuti;

(e)  li tingħata għajnuna lill-partijiet biex isolvu l-azzjoni kollha jew parti minnha;

(f)  li jiġu ffissati skedi ta' żmien biex jiġi kkontrollat il-progress tal-azzjoni;

(g)  li jiġi trattat l-ikbar għadd ta' aspetti tal-azzjoni possibbli għall-Qorti fl-istess okkażjoni;

(h)  li l-azzjoni tiġi trattata mingħajr mal-partijiet ikunu meħtieġa jattendu personalment;

(i)  li jsir użu minn mezzi tekniċi disponibbli.

Artikolu 10

Kumpilazzjoni ta' xhieda

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mezzi effettivi għall-preżentazzjoni, kisba u preżervazzjoni ta' xhieda huma disponibbli b'kunsiderazzjoni għad-drittijiet tad-difiża u l-ħtieġa għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.

2.  Fil-kuntest tal-kumpilazzjoni ta' xhieda, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tat-teknoloġija ta' komunikazzjoni moderna. Il-qorti jew it-tribunal aditi għandhom jagħżlu l-metodu ta' kumpilazzjoni ta' xhieda li jkun l-aktar sempliċi u l-inqas oneruż.

Artikolu 11

Esperti tal-Qorti

1.  Mingħajr preġudizzju għall-possibilità għall-partijiet li jipproduċu xhieda esperta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti tista' fi kwalunkwe ħin taħtar esperti tal-qorti sabiex jipprovdu kompetenza esperta għal aspetti speċifiċi tal-kawża. Il-qorti għandha tipprovdi tali esperti bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-għoti tal-perizja.

2.  F'tilwim transkonfinali, ħlief meta jkunu meħtieġa miżuri ta' koerċizzjoni jew meta titwettaq investigazzjoni f'postijiet konnessi mal-eżerċitar ta' setgħat ta' Stat Membru jew f'postijiet fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru tkun qed issir l-investigazzjoni, fihom l-aċċess jew fir-rigward tagħhom azzjoni oħra jkunu pprojbiti jew limitati għal ċerti persuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti tista' taħtar espert ġudizzjarju biex iwettaq l-investigazzjonijiet barra l-ġurisdizzjoni tal-qorti mingħajr ma tkun meħtieġa s-sottomissjoni ta' xi talba minn qabel biex isir dan lill-awtorità rilevanti tal-Istat Membru l-ieħor.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tħejji direttorju Ewropew ta' esperti billi tlaqqa' flimkien il-listi nazzjonali eżistenti tal-esperti u dan għandu jkun disponibbli permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

4.  L-esperti tal-qorti għandhom jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-imħallfin previsti fl-Artikolu 22.

5.  Il-perizja mogħtija lill-qorti mill-esperti tal-qorti għandha tkun disponibbli għall-partijiet li għandu jkollhom il-possibilità li jikkummentaw dwarha.

It-Tielet Taqsima:

Aċċess għall-qrati u l-ġustizzja

Artikolu 12

Soluzzjoni tat-tilwim

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti u b'kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk il-qorti tkun tal-fehma li t-tilwim huwa adatt għal soluzzjoni, din tista' tipproponi li l-partijiet jużaw il-medjazzjoni sabiex isolvu jew jesploraw soluzzjoni għat-tilwim.

2.  Paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jagħżlu l-medjazzjoni sabiex jibdew proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ fir-rigward ta' dak it-tilwim qabel l-iskadenza tal-perijodi ta' limitazzjoni jew ta' preskrizzjoni matul il-proċess ta' medjazzjoni.

Artikolu 13

Spejjeż tal-litigazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi tal-qorti mitluba fl-Istati Membri għal tilwim ċivili ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-valur tat-talba u ma jagħmlux il-litigazzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

2.  It-tariffi tal-qorti imposti fl-Istati Membri għal tilwim ċivili m'għandhomx jiskuraġġixxu liċ-ċittadini milli jressqu kawża quddiem qorti jew b'xi mod jostakolaw l-aċċess għall-ġustizzja.

3.  Il-partijiet għandhom ikunu jistgħu jħallsu t-tariffi tal-qorti permezz ta' metodi ta' ħlas mill-bogħod, inkluż minn Stat Membru li mhuwiex l-Istati Membru fejn ikunu jinsabu l-qorti jew it-tribunal, permezz ta' trasferiment bankarju jew permezz ta' karta ta' kreditu jew ta' debitu.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar it-tariffi tal-qorti u l-metodi ta' ħlas, kif ukoll dwar l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jagħtu għajnuna prattika fl-Istati Membri ssir aktar trasparenti u faċilment disponibbli mill-internet. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha għandha tiżgura li din tkun disponibbli għall-pubbliku u mxerrda fuq firxa wiesgħa permezz ta' kwalunkwe mezz adatt, b'mod partikolari permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

Artikolu 14

Prinċipju ta' "min jitlef iħallas"

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti telliefa ġġarrab l-ispejjeż tal-proċedimenti, inkluża, iżda mhux limitata għal, kwalunkwe spiża li tirriżulta mill-fatt li l-parti l-oħra tkun ġiet irrappreżentata minn avukat jew professjonist legali ieħor, jew kwalunkwe spiża li tirriżulta min-notifika jew mit-traduzzjoni ta' dokumenti, li jkunu proporzjonati għall-valur tat-talba u li kellhom bilfors jiġġarbu.

2.  Meta parti tirbaħ biss f'parti jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-qorti tista' tordna li l-ispejjeż jinqasmu b'mod ekwu jew li l-partijiet iġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess.

3.  Parti għandha ġġarrab kwalunkwe spiża mhux meħtieġa li hija tkun ikkawżat lill-qorti jew lil parti oħra, jew billi tkun qajmet kwistjonijiet bla bżonn jew inkella billi kienet litiguża b'mod mhux raġonevoli.

4.  Il-qorti tista' taġġusta l-aġġudikazzjoni tal-ispejjeż tagħha sabiex dawn jirriflettu n-nuqqas mhux raġonevoli ta' kooperazzjoni jew il-parteċipazzjoni in mala fede fi sforzi intiżi għal soluzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 20.

Artikolu 15

Għajnuna legali

1.  Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jkunu jistgħu jagħtu għajnuna legali lil parti.

2.  L-għajnuna legali tista' tkopri, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż li ġejjin:

(a)  it-tariffi tal-qorti, permezz ta' tnaqqis totali jew parzjali jew skedar mill-ġdid;

(b)  l-ispejjeż ta' assistenza u rappreżentanza legali rigward:

(i)  il-parir qabel il-litigazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel jinbdew il-proċedimenti legali f'konformità mal-Artikolu 12(1);

(ii)  l-inizjazzjoni u ż-żamma ta' proċedimenti quddiem il-qorti;

(iii)  l-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedimenti inkluża l-applikazzjoni għall-għajnuna legali;

(iv)  l-infurzar ta' deċiżjonijiet;

(c)  spejjeż neċessarji oħra relatati mal-proċedimenti li għandhom jiġġarrbu minn parti, inklużi l-ispejjeż ta' xhieda, esperti, interpreti u tradutturi u vvjaġġar, akkomodazzjoni u spejjeż tas-sussistenza meħtieġa ta' dik il-parti u r-rappreżentant tagħha;

(d)  l-ispejjeż mogħtija lill-parti li tirbaħ, fil-każ li r-rikorrent jitlef il-kawża f'konformità mal-Artikolu 14.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika li tkun ċittadina tal-Unjoni Ewropea jew ta' pajjiż terz li jkollha r-residenza legali tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jkollha d-dritt tapplika għall-għajnuna legali meta:

(a)  minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, din ma tkunx tista' tkopri, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu; u

(b)  il-kawża li għaliha tkun qed issir applikazzjoni għall-għajnuna legali jkollha prospett raġonevoli ta' suċċess, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni proċedurali tal-applikant; u

(c)  ir-rikorrent li japplika għall-għajnuna legali għandu d-dritt jieħu azzjonijiet legali skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

4.  Il-persuni ġuridiċi għandhom dritt japplikaw għall-għajnuna legali fil-forma ta' eżenzjoni mill-ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż tal-proċedimenti u/jew l-assistenza ta' avukat. Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar jekk jagħtux jew le tali għajnuna, il-qrati jistgħu jikkunsidraw, inter alia:

(a)  il-forma tal-persuna ġuridika inkwistjoni u jekk hijiex bi skop ta' profitt jew le;

(b)  il-kapaċità finanzjarja tas-soċji jew tal-azzjonisti;

(c)  il-ħila ta' dawk is-soċji jew azzjonisti li jiksbu l-ammonti neċessarji biex jieħdu azzjoni legali.

5.  L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-persuni ġuridiċi jiġu infurmati dwar il-proċedura biex tintalab għajnuna legali taħt il-paragrafi (1) sa (4), bil-ħsieb li jagħmluha effettiva u aċċessibbli.

6.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/8/KE.

Artikolu 16

Finanzjament

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'każijiet fejn azzjoni legali tkun iffinanzjata minn parti terza privata, il-parti terza privata m'għandhiex:

(a)  tipprova tinfluwenza d-deċiżjonijiet proċedurali tal-parti rikorrenti, inkluż dwar soluzzjonijiet;

(b)  tipprovdi finanzjament għal azzjoni kontra konvenut li jkun kompetitur ta' min jipprovdi l-fondi jew kontra konvenut li minnu jkun jiddependi min jipprovdi l-fondi;

(c)  titlob interessi eċċessivi fuq il-fondi pprovduti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal każijiet ta' finanzjament ta' azzjonijiet legali mingħand parti terza, ir-remunerazzjoni mogħtija jew l-interess li jittieħed minn min jipprovdi l-fondi m'għandhomx ikunu bbażati fuq l-ammont tas-saldu milħuq jew fuq il-kumpens mogħti, sakemm dak l-arranġament ta' finanzjament ma jkunx irregolat minn awtorità pubblika li tiggarantixxi l-interessi tal-partijiet.

Ir-Raba' Taqsima:

Proċedimenti ġusti

Artikolu 17

Notifika ta' dokumenti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintużaw metodi li jiggarantixxu, bħala kwistjoni ta' prinċipju, il-konferma tal-wasla tad-dokumenti nnotifikati.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti li jistitwixxu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti u kwalunkwe taħrika quddiem il-qorti jkunu jistgħu jiġu nnotifikati f'konformità mal-liġi nazzjonali permezz ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)  notifika minn persuna;

(b)  notifika postali;

(c)  notifika permezz ta' mezzi elettroniċi, bħal faks jew posta elettronika.

In-notifika għandha tkun iċċertifikata b'konferma tal-wasla, bid-data tal-wasla inkluża, li għandha tiġi ffirmata mid-destinatarju.

Għall-fini ta' notifika b'mezzi elettroniċi skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, għandhom jintużaw standards tekniċi għoljin b'mod xieraq li jiggarantixxu l-identità ta' min ikun qed jibgħat u t-trażmissjoni sikuri tad-dokumenti nnotifikati.

Dawn id-dokumenti jistgħu wkoll jiġu nnotifikati bl-idejn permezz ta' dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li wettaq is-servizz, li jispeċifika li d-destinatarju jkun irċieva d-dokumenti jew ikun irrifjutahom mingħajr ebda ġustifikazzjoni legali, u d-data tan-notifika.

3.  Jekk in-notifika f'konformità mal-paragrafu 2 ma tkunx possibbli, u meta l-indirizz tal-konvenut ikun magħruf b'ċertezza, in-notifika tista' jsir permezz ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)  minn persuna fl-indirizz personali tal-konvenut, lil persuni li joqogħdu fl-istess dar bħall-konvenut jew li jkunu impjegati hemm;

(b)  f'każ ta' konvenut li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, servizz minn persuna fis-sit kummerċjali tal-konvenut, lil persuni li jkunu impjegati mill-konvenut;

(c)  depożitu tad-dokumenti fil-kaxxa postali tal-konvenut;

(d)  depożitu tad-dokumenti f'uffiċċju tal-posta jew ma' awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid ta' notifika bil-miktub ta' dak id-depożitu fil-kaxxa postali tal-konvenut, dment li n-notifika bil-miktub tiddikjara b'mod ċar in-natura ġudizzjarja tad-dokumenti jew il-fatt li tali notifika għandha l-effikaċja legali tan-notifika u li tibda tiddekorri ż-żmien għall-finijiet tal-limiti ta' żmien;

(e)  notifika postali mingħajr prova skont il-paragrafu 4 meta l-indirizz tal-konvenut ikun fl-Istat Membru ta' oriġini;

(f)  mezzi elettroniċi attestati b'konferma awtomatika tal-wasla, dment li l-konvenut ikun aċċetta b'mod espress dan il-metodu ta' servizz minn qabel.

In-notifika skont il-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha tkun attestata permezz ta':

(a)  dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li tkun wettqet in-notifika, li jindika dawn kollha li ġejjin:

(i)  l-isem sħiħ tal-persuna li serva n-notifika jew il-komunikazzjoni;

(ii)  il-metodu ta' notifika użat;

(iii)  id-data tan-notifika;

(iv)  meta d-dokumenti notifikati jkunu ngħataw lil persuna oħra li ma kinitx il-konvenut, l-isem ta' dik il-persuna u r-relazzjoni tagħha mal-konvenut; kif ukoll

(v)  informazzjoni obbligatorja oħra skont id-dritt nazzjonali.

(b)  konferma tal-wasla mill-persuna nnotifikata, għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

4.  In-notifika skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu tista' wkoll issir lir-rappreżentant awtorizzat jew legali tal-konvenut.

5.  Meta d-dokumenti li jagħtu bidu għall-proċedimenti jew dokumenti ekwivalenti jew kwalunkwe taħrika jridu jiġu nnotifikati barra mill-Istati Membri, dawn jistgħu jiġu nnotifikati bi kwalunkwe metodu previst:

(a)  mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), fejn japplika, fir-rispett tad-drittijiet tad-destinatarju mogħtija mir-Regolament; jew

(b)  Il-Konvenzjoni ta' The Hague tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra l-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali jew kwalunkwe konvenzjoni jew ftehim, li fihom din tapplika.

6.  Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 u hija mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9).

Artikolu 18

Dritt għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti ċivili

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet fi proċedimenti ċivili jkollhom id-dritt għas-servizzi ta' avukat tal-għażla tagħhom b'tali mod li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod prattiku u effettiv.

F'tilwim transkonfinali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet għal proċedimenti ċivili jkollhom id-dritt għas-servizzi ta' avukat fl-Istat ta' Oriġini tagħhom għal parir preliminari, u ieħor fl-Istat Ospitanti biex iwettaq il-proċedura ta' tilwim.

2.  L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet f'kawża u l-avukat tagħhom. Tali komunikazzjoni għandha tinkludi l-laqgħat, il-korrispondenza, il-konversazzjoni telefonika u forom oħra ta' komunikazzjoni permessi skont id-dritt nazzjonali.

3.  Mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali li jeħtieġ il-preżenza jew l-assistenza obbligatorja ta' avukat, il-partijiet għall-proċedimenti ċivili jistgħu jirrinunzjaw dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fejn:

(a)  il-partijiet ikunu ngħataw, bil-miktub jew verbalment, informazzjoni ċara u suffiċjenti b'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja tiegħu; u

(b)  ir-rinunzja tingħata volontarjament u b'mod inekwivoku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikunu jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċedimenti ċivili u li huma jiġu infurmati b'dik il-possibilità.

4.  Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rappreżentazzjoni legali previsti fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 u r-Regolament (UE) Nru 655/2014.

Artikolu 19

Aċċess għall-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni trasparenti u faċilment disponibbli dwar il-bidu ta' diversi proċeduri, il-perjodi ta' limitazzjoni jew preskrizzjoni, il-qrati kompetenti biex jisimgħu tilwim differenti, u l-formoli neċessarji li jkunu jridu jimtlew għal dak l-iskop. Xejn f'dan l-Artikolu ma jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu assistenza legali fil-forma ta' valutazzjoni legali ta' każ speċifiku.

Artikolu 20

Interpretazzjoni u traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali

L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li kull parti f'tilwima għandha fehim sħiħ tal-proċedimenti legali. Dan l-għan jinkludi d-disponibbiltà ta' interpretazzjoni matul il-proċedimenti ċivili u traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti essenzjali kollha sabiex tiġi salvagwardjata l-ekwità tal-proċedimenti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 21

Obbligi tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet f'kawża u r-rappreżentanti tagħhom jaġixxu in bona fede u b'rispett fil-konfront tal-qorti u l-partijiet oħra u ma jirrappreżentawx b'mod żbaljat il-kważi jew il-fatti quddiem il-qrati kemm b'mod intenzjonali kif ukoll b'motivi raġonevoli li huma konxji dwar dan.

Artikolu 22

Proċedimenti pubbliċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedimenti jkunu miftuħin għall-pubbliku sakemm il-Qorti ma tiddeċidix, sa fejn huwa meħtieġ, li tagħmilhom kunfidenzjali fl-interess ta' waħda mill-partijiet jew persuni oħrajn affettwati, jew fl-interess ġenerali tal-ġustizzja jew l-ordni pubbliku.

Artikolu 23

Indipendenza ġuridika u imparzjalità

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati u t-tribunali u l-imħallfin tagħhom igawdu indipendenza ġuddizzjarja. Il-kompożizzjoni tal-qrati u t-tribunali għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi kwalunkwe dubju leġittimu dwar l-imparzjalità.

2.  Fit-twettiq ta' dmirijiethom, l-imħallfin m'għandhom ikunu marbutin b'ebda istruzzjoni u għandhom ikunu ħielsa minn kull influwenza jew pressjoni u minn kwalunkwe preġudizzju jew inklinazzjoni personali f'xi każ partikolari.

Artikolu 24

Taħriġ

1.  Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġudikatura, l-iskejjel ġudizzjarji u l-professjonijiet legali jagħtu spinta lill-iskemi ta' taħriġ ġudizzjarju tagħhom biex jiżguraw li d-dritt u l-proċeduri tal-Unjoni huma integrati f'attivitajiet ta' taħriġ nazzjonali.

2.  L-iskemi ta' taħriġ għandhom jiġu orjentati lejn il-prattika, ikunu rilevanti għall-prattikanti fix-xogħol ta' kuljum, isiru fuq perjodi qosra u jużaw metodi ta' tagħlim moderni u attivi u għandhom jinkludi possibbiltajiet ta' taħriġ inizjali u kontinwu. L-iskemi ta' taħriġ għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq:

(a)  il-kisba ta' biżżejjed għarfien tal-istrumenti tal-Unjoni għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iżvilupp tal-kapaċità riflessiva sabiex isir riferiment b'mod regolari għall-ġurisprudenza tal-Unjoni, sabiex tiġi vverifikata t-traspożizzjoni nazzjonali u jsir rikors għall-proċedura għal deċiżjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(b)  it-tixrid ta' għarfien u esperjenza fid-dritt u l-proċeduri tal-Unjoni u f'sistemi ġuridiċi oħra;

(c)  il-faċilitazzjoni ta' skambji fuq terminu qasir ta' mħallfin ġodda;

(d)  il-ħakma ta' lsien barrani u tat-terminoloġija ġuridika tiegħu;

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' ... [sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva abbażi kemm ta' informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari tevalwa l-impatt tagħha fuq l-aċċess għall-ġustizzja, fuq id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, fuq il-kooperazzjoni f'materji ċivili u fuq il-funzjonament tas-suq uniku, fuq l-SMEs, fuq il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u fuq il-fiduċja tal-konsumatur. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex jadattaw u jsaħħu din id-Direttiva.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri b'mod konformi mat-Trattati.

Magħmul fi, [data]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).
(2) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi proċedura għal Ordni Ewropea tal-preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 59).
(4) Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41).
(5) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(6) Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill "Promozzjoni tal-użu u l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-vidjokonferenzi transkonfinali fil-qasam tal-ġustizzja fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE" (ĠU C 250, 31.7.2015, p. 1).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15).
(9) Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).

Avviż legali