Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2061(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0229/2017

Testi mressqa :

A8-0229/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.12

Testi adottati :

P8_TA(2017)0286

Testi adottati
PDF 338kWORD 50k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Abbozz ta' baġit emendatorju nru 2 għall-Baġit Ġenerali 2017 - Id-dħul tal-bilanċ favorevoli tas-sena finanzjarja 2016
P8_TA(2017)0286A8-0229/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: Id-dħul tal-bilanċ favorevoli tas-sena finanzjarja 2016 (09437/2017 – C8-0190/2017 – 2017/2061(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017, adottat mill-Kummissjoni fit-12 ta' April 2017 (COM(2017)0188),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017, adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Ġunju 2017, u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fid-9 ta' Ġunju 2017 (09437/2017 – C8-0190/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0229/2017),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit 2017 l-eċċess li rriżulta mis-sena finanzjarja 2016, li jammonta għal EUR 6 405 miljun;

B.  billi l-komponenti ewlenin ta' dan l-eċċess jikkostitwixxu eżitu pożittiv għall-introjtu ta' EUR 1 688 miljun, sottoeżekuzzjoni tan-nefqa ta' EUR 4 889 miljun u differenzi fir-rata tal-kambju li jammontaw għal EUR - 173 miljun;

C.  billi mil-lat ta' introjtu, iż-żewġ komponenti ewlenin huma l-interessi fuq il-pagamenti tard u l-multi (EUR 3 052 miljun) u eżitu negattiv fuq ir-riżorsi proprji (EUR 1 511 miljun);

D.  billi mil-lat tan-nefqa, in-nuqqas ta' implimentazzjoni jilħaq EUR 4 825 miljun għall-2016 u EUR 28 miljun għar-riporti tal-2015 taħt it-Taqsima III (il-Kummissjoni), u EUR 35 miljun għal istituzzjonijiet oħra;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 kif imressaq mill-Kummissjoni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tal-eċċess tal-2016 ta' EUR 6 405 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar dan;

2.  Jinnota, bi tħassib konsiderevoli, in-nuqqas ta' implimentazzjoni sinifikanti ta' EUR 4 889 miljun fl-2016, minkejja l-fatt li l-baġit emendatorju Nru 4/2016 diġà kien naqqas il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 7 284,3 miljun; jirrimarka li l-implimentazzjoni baxxa ħafna tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-qasam tal-koeżjoni (Intestatura 1b) hija parzjalment dovuta għall-previżjonijiet impreċiżi mill-Istati Membri u għad-dewmien fil-ħatra ta' awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni fil-livell nazzjonali;

3.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt negattiv tad-deprezzament tal-lira sterlina kontra l-euro, li huwa l-kawża prinċipali tan-nuqqas fid-dħul ta' EUR 1 511 miljun taħt ir-riżorsi proprji; jinnota li dan it-tnaqqis seta' ħoloq problemi serji għall-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni; jirrimarka li dak in-nuqqas ta' dħul huwa minħabba d-deċiżjoni unilaterali Britannika li tħalli l-Unjoni, iżda li l-korrezzjoni trid tiġi mġarrba mill-Unjoni kollha kemm hi; jinsisti li dawn l-ispejjeż jenħtieġ li jiġu kkunsidrati meta jiġi nnegozjat is-saldu tal-obbligi finanzjarji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni;

4.  Jinnota, b'mod partikolari, il-livell relattivament għoli ta' multi fl-2016, li ammonta għal EUR 4 159 miljun, li minnhom EUR 2 861 miljun huma magħduda mal-eċċess tal-2016;

5.  Jinsisti li, minflok aġġustament tal-kontribuzzjoni tal-ING, il-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li jkun jista' jerġa' juża kull eċċess li jirriżulta minn nuqqas ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet jew minn multi imposti fuq kumpaniji għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji tal-Unjoni;

6.  Josserva li l-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 se tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-ING mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni fl-2017 b'EUR 6 405 miljun; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-Istati Membri jużaw l-opportunità ta' tali rimborż biex jonoraw il-wegħdiet tagħhom fir-rigward tal-kriżi tar-rifuġjati u biex isiru l-kontributi korrispondenti għal dawk tal-Unjoni lill-fondi fiduċjarji tal-Unjoni u lill-Fond il-ġdid Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli(6);

7.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jipproċessaw mingħajr dewmien l-abbozzi ta' baġit emendatorji pendenti u dawk li jmiss għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, f'konformità mal-impenji meħuda bħala parti mir-riżultat tal-konċiljazzjoni dwar il-baġit 2017;

8.  Jiddispjaċih, fil-kuntest ta' dan l-abbozz ta' baġit emendatorju li l-adozzjoni tar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) baqgħet bosta xhur imblukkata fil-Kunsill; jieħu r-ruħ jikkonstata li l-gvern Britanniku żamm kelmtu u neħħa bil-ħeffa l-imblokk tiegħu fuq reviżjoni tal-QFP wara l-elezzjonijiet ġenerali fir-Renju Unit; jittama li r-rimborż ta' riżorsi finanzjarji lill-Istati Membri se jiffaċilita n-negozjati futuri dwar is-saldu tal-obbligi finanzjarji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni;

9.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2017 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kkonċernati u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 51, 28.2.2017, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(6) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u t-twaqqif tal-Garanzija tal-EFSD u tal-Fond ta' Garanzija tal-EFSD (COM(2016)0586 finali).

Avviż legali