Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2238(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0191/2017

Testi mressqa :

A8-0191/2017

Dibattiti :

PV 03/07/2017 - 24
CRE 03/07/2017 - 24

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.15
CRE 04/07/2017 - 6.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0289

Testi adottati
PDF 444kWORD 62k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Kumpaniji tas-sigurtà privati
P8_TA(2017)0289A8-0191/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati (2016/2238(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' Montreux dwar obbligi legali internazzjonali pertinenti u prattiki tajba għall-Istati relatati mal-operazzjonijiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati matul konflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 15/26, 22/33, 28/7 u 30/6 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji bħala mezz biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u jiġi impedut l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-popli għall-awtodeterminazzjoni, li ġie stabbilit f'Lulju 2005,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv indeterminat biex titqies il-possibbiltà li jiġi elaborat qafas regolatorju internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu tas-Servizzi tas-Sigurtà Armati minn Kumpaniji tas-Sigurtà Privati, li dan l-aħħar ġew estiżi biex ikopru lis-servizzi tas-sigurtà mhux armati,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Konvenzjoni possibbli dwar il-Kumpaniji Militari u tas-Sigurtà Privati (PMSCs) għal kunsiderazzjoni u azzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri tas-Sigurtà Privati (ICoC) stabbilit mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali dwar il-Kodiċi ta' Kondotta, li huwa mekkaniżmu ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija li l-istandards tiegħu huma volontarji,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Assoċjazzjoni tal-Operazzjonijiet ta' Stabbiltà Internazzjonali, li huwa mekkaniżmu ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta u Etika għas-Settur tas-Sigurtà Privat tal-Konfederazzjoni tas-Servizzi tas-Sigurtà Ewropej u l-UNI Europa,

–  wara li kkunsidra s-Sistema ta' Ġestjoni għal Operazzjonijiet tas-Sigurtà Privati ISO 18788, li tistabbilixxi parametri għall-ġestjoni ta' kumpaniji tas-sigurtà privati,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għas-settur tas-sigurtà privat,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ Loġistiku għall-Operazzjonijiet Militari mmexxija mill-UE u l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ min-naħa ta' Kuntratturi għall-Operazzjonijiet Militari mmexxija mill-UE,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Proġett Priv-War għal Azzjoni Regolatorja tal-UE fil-Qasam tal-Kumpaniji Militari u tas-Sigurtà Privati u s-Servizzi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(4),

–  wara li kkunsidra l-ħafna riskji, sfidi u theddid differenti fl-Unjoni Ewropea u barra minnha,

–  wara li kkunsidra l-Gwida Interim tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) f'Mejju 2012 dwar il-persunal tas-sigurtà armat abbord il-bastimenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0191/2017),

A.  billi s-sigurtà u d-difiża huma beni pubbliċi mmaniġġjati mill-awtoritajiet pubbliċi abbażi tal-kriterji ta' effiċjenza, effettività, l-obbligu ta' rendikont u l-istat tad-dritt, li ma jiddependux biss fuq il-forniment ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti, iżda wkoll fuq l-għarfien; billi f'ċerti oqsma l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ma jkollhomx il-kapaċitajiet u l-ħiliet neċessarji;

B.   billi jenħtieġ li s-sigurtà u d-difiża jiġu pprovduti primarjament mill-awtoritajiet pubbliċi;

C.  billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri li ċ-ċittadini tal-UE jridu li l-UE tkun aktar attiva fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

D.  billi aktar minn 1,5 miljun kuntrattur tas-sigurtà privat kienu impjegati f'madwar 40 000 kumpanija tas-sigurtà privati (PSCs) fl-Ewropa fl-2013; billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu; billi l-fatturat ta' dawn il-kumpaniji f'dik is-sena ammonta għal madwar EUR 35 biljun; billi, fuq livell globali, fl-2016 ġie kkalkulat li l-valur tal-industrija tas-sigurtà privata kien ta' USD 200 biljun b'madwar 100 000 PSC u 3,5 miljun impjegat;

E.  billi, matul dawn l-aħħar ftit deċennji, il-PSCs, terminu li għall-finijiet ta' din ir-riżoluzzjoni ser jinkludi wkoll il-kumpaniji militari privati, kienu qed jiġu impjegati dejjem aktar minn gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill-aġenziji militari u ċivili, kemm biex jipprovdu servizzi domestiċi kif ukoll bħala appoġġ għal operazzjonijiet barra mill-pajjiż;

F.  billi l-firxa ta' servizzi pprovduti mill-PSCs hija estremament wiesgħa, u tvarja minn servizzi loġistiċi għal appoġġ konkret waqt il-ġlied, il-forniment ta' teknoloġija militari u l-parteċipazzjoni fir-rikostruzzjoni ta' wara l-konflitt; billi l-PSCs jipprovdu wkoll servizzi vitali ġewwa l-Istati Membri bħall-ġestjoni ta' ħabsijiet u s-sorveljanza ta' siti ta' infrastruttura; billi l-PSCs intużaw kemm f'missjonijiet ċivili kif ukoll f'dawk militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għal protezzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE, għal kostruzzjoni ta' akkampamenti fuq il-post, taħriġ, trasport bl-ajru u biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta' għajnuna umanitarja;

G.  billi, fil-kuntest tal-UE, il-prattiki tal-Istati Membri dwar l-użu tal-PSCs, il-proċeduri biex jingħatawlhom il-kuntratti u l-kwalità tas-sistemi regolatorji jvarjaw bil-kbir, u ħafna jużawhom biex jappoġġjaw il-kontinġenti tagħhom f'operazzjonijiet multilaterali;

H.  billi l-esternalizzazzjoni ta' attivitajiet militari, li qabel kienet tagħmel parti integrali mill-attivitajiet tal-forzi armati, qed issir, fost affarijiet oħra, biex tipprovdi servizzi b'mod aktar kosteffiċjenti, iżda wkoll biex tikkumpensa għal nuqqas fil-ħiliet tal-forzi armati li qed jiċkienu fil-kuntest ta' numru dejjem jikber ta' missjonijiet multilaterali barra mill-pajjiż u baġits dejjem aktar ristretti, u dan minħabba n-nuqqas ta' rieda ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jimpenjaw riżorsi adegwati; billi dan jenħtieġ li jkun eċċezzjoni; billi hemm ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet; billi l-PSCs jistgħu jipprovdu wkoll ħiliet li huma kompletament nieqsa fil-forzi armati nazzjonali, spiss bi ftit preavviż u b'mod komplementari; billi l-PSCs ntużaw ukoll għal raġunijiet ta' konvenjenza politika biex jiġu evitati l-limitazzjonijiet fuq l-użu ta' truppi, speċjalment biex jingħeleb in-nuqqas possibbli ta' appoġġ pubbliku għall-involviment tal-forzi armati; billi l-użu tal-PSCs bħala għodda tal-politika barranija jeħtieġlu jkun soġġett għal kontroll parlamentari effettiv;

I.  billi l-PSCs kienu akkużati bl-involviment f'numru ta' episodji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u inċidenti li wasslu għal telf ta' ħajja; billi tali inċidenti jvarjaw skont iż-żmien u l-pajjiż, u jammontaw f'xi każijiet għal ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali, inklużi delitti tal-gwerra; billi xi wħud minn dawn il-każijiet ġew imħarrka; billi dan, flimkien man-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ħalla riperkussjonijiet fuq l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-pajjiżi kkonċernati u żvela diskrepanzi konsiderevoli fl-istrutturi tal-obbligu ta' rendikont minħabba, fost affarijiet oħra, il-ħolqien ta' diversi saffi ta' sussidjarji jew sottokuntratti f'diversi pajjiżi, partikolarment dawk lokali, u dan iwassal, f'ċerti każijiet, għal nuqqas ta' kapaċità li tiġi garantita s-sigurtà bażika tal-popolazzjoni ċivili f'pajjiżi ospitanti;

J.  billi jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom l-għan li jevitaw tali sitwazzjonijiet fil-futur, u joqogħdu lura milli jesternalizzaw l-operazzjonijiet militari li jinvolvu l-użu ta' forza u armi, milli jipparteċipaw f'ostilitajiet u milli jinvolvu ruħhom fi ġlied jew f'żoni ta' ġlied għal raġunijiet għajr l-awtodifiża leġittima; billi l-operazzjonijiet u l-attivitajiet esternalizzati lil PSCs f'żoni ta' konflitt jenħtieġ li jkunu ristretti għall-forniment ta' appoġġ loġistiku u l-protezzjoni tal-istallazzjonijiet, mingħajr il-preżenza effettiva tal-PSCs fiż-żoni fejn hemm attivitajiet ta' ġlied; billi l-użu tal-PSCs, taħt l-ebda ċirkostanza ma jista' jkun sostitut għal persunal tal-forzi armati nazzjonali; billi matul l-implimentazzjoni tal-politiki ta' difiża, jenħtieġ li tingħata l-akbar prijorità biex jiġi żgurat li l-forzi armati tal-Istati Membri jkollhom biżżejjed riżorsi, strumenti, taħriġ, għarfien u mezzi, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ il-kompiti tagħhom;

K.  billi, biex l-istati jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mill-PSCs, u biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jagħtu rendikont ta' għemilhom, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali b'mekkaniżmi regolatorji u ta' monitoraġġ vinkolanti fil-livell internazzjonali biex jirregola l-użu tagħhom u jipprovdi biżżejjed kontroll fuq l-attivitajiet tagħhom; billi l-PSCs huma parti minn industrija li hija ta' natura altament transnazzjonali u hija marbuta ma' atturi governattivi u intergovernattivi u, għalhekk, tirrikjedi approċċ globali għar-regolamentazzjoni; billi s-sitwazzjoni regolatorja attwali f'dan is-settur hija magħmula minn sensiela ta' regoli inkonsistenti li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri; billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-awtoregolamentazzjoni mhux omoġenji adottati minn ċerti PSCs jipprovdu deterrent dgħajjef għall-prevenzjoni tal-abbuż, minħabba n-nuqqas ta' penali, u jista' jkollhom impatt kbir fuq kif il-PSCs joperaw f'interventi multilaterali u f'reġjuni ta' konflitt;

L.  billi hemm nuqqas ta' definizzjonijiet maqbula tal-PSCs, il-PMCs u s-servizzi tagħhom; billi, kif issuġġerit mid-definizzjoni inkluża fl-abbozz tal-konvenzjoni mħejji mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-Merċenarji, PSC tista' tiġi definita bħala entità korporattiva li tipprovdi servizzi militari u/jew tas-sigurtà minn persuni fiżiċi u/jew entitajiet legali fuq bażi kumpensatorja; billi f'dan il-kuntest is-servizzi militari jistgħu jiġu definiti bħala servizzi speċjalizzati relatati ma' azzjonijiet militari li jinkludu ppjanar strateġiku, intelligence, investigazzjoni, rikonjizzjoni fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru, operazzjonijiet bl-ajru ta' kwalunkwe tip, bl-ekwipaġġ jew mingħajru, sorveljanza u intelligence bis-satelliti, kwalunkwe tip ta' trasferiment ta' għarfien b'applikazzjonijiet militari, appoġġ materjali u tekniku għall-forzi armati u attivitajiet oħra relatati; billi s-servizzi tas-sigurtà jistgħu jiġu definiti bħala għassa jew protezzjoni armati ta' bini, istallazzjonijiet, proprjetà u nies, kwalunkwe tip ta' trasferiment ta' għarfien b'applikazzjonijiet fl-oqsma tas-sigurtà u tal-pulizija, żvilupp u implimentazzjoni ta' miżuri tas-sigurtà tal-informazzjoni u attivitajiet oħra relatati;

M.  billi d-dokument ta' Montreux huwa l-ewwel dokument ewlieni li jiddefinixxi kif il-liġi internazzjonali tapplika għall-PSCs; billi l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri tas-Servizzi tas-Sigurtà Privati (ICoC) jiddefinixxi l-istandards tal-industrija u qed jintwera dejjem aktar li huwa għodda li sservi biex jiġu żgurati l-istandards bażiċi komuni f'industrija globali; billi l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Assoċjazzjoni tal-Fornituri tas-Servizzi tas-Sigurtà Privati (ICoCA) għandu l-għan li jippromwovi, jimmaniġġja u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ICoC u jħeġġeġ il-forniment responsabbli tas-servizzi tas-sigurtà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi nazzjonali u internazzjonali; billi l-affiljazzjoni mal-ICoCA tirriżulta minn att volontarju, akkumpanjat minn pagament, u l-ħlasijiet għoljin ta' sħubija ma jippermettux li l-kumpaniji tas-sigurtà privati kollha jsiru membri;

N.  billi l-ħidma fuq ir-regolamentazzjoni tal-PSCs għaddejja bħalissa f'bosta fora internazzjonali, inkluż il-Forum tad-Dokument ta' Montreux, fejn l-UE ġiet eletta fil-Grupp tal-Ħbieb tal-President, il-grupp ta' ħidma intergovernattiv indeterminat biex titqies il-possibbiltà li jiġi elaborat qafas regolatorju internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kodiċi ta' Kondotta;

O.  billi l-UE u 23 Stat Membru ngħaqdu mad-dokument ta' Montreux u billi l-UE hija membru tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kodiċi ta' Kondotta; billi l-UE tikkontribwixxi fil-kuntest tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-iżvilupp possibbli ta' qafas regolatorju internazzjonali; billi l-UE tiżvolġi rwol kritiku fil-promozzjoni tal-kontroll nazzjonali u reġjonali fuq il-forniment u l-esportazzjoni ta' diversi servizzi militari u tas-sigurtà;

P.  billi l-Unjoni Ewropea ma għandhiex qafas regolatorju tagħha stess, minkejja n-numru kbir ta' PSCs ta' oriġini Ewropea u/jew involuti f'missjonijiet u f'operazzjonijiet taħt il-PSDK jew fid-delegazzjonijiet tal-UE; billi l-oqfsa regolatorji eżistenti huma kważi esklussivament ibbażati fuq il-mudell Amerikan, li ġie stabbilit matul il-gwerra fl-Iraq u li serva l-interessi tal-kumpaniji militari involuti f'missjonijiet ta' ġlied; billi dawn ir-referenzi ma jikkorrispondu la għall-format Ewropew u lanqas għall-missjonijiet tal-PSCs Ewropej;

Q.  billi huwa ta' importanza vitali li tingħata prijorità lill-istabbiliment ta' regoli ċari għal interazzjoni, kooperazzjoni u assistenza bejn l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u l-kumpaniji tas-sigurtà privati;

R.  billi l-PSCs jistgħu jiżvolġu rwol aktar importanti fil-ġlieda kontra l-piraterija u fit-titjib tas-sigurtà marittima, fil-missjonijiet li jinvolvu l-klieb, id-difiża ċibernetika, ir-riċerka u l-iżvilupp ta' għodod tas-sigurtà, il-missjonijiet ta' sorveljanza mħallta u taħriġ f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi u taħt is-superviżjoni tagħhom; billi l-użu tal-PSCs armati ħoloq sfidi speċifiċi għas-settur marittimu u kkawża diversi inċidenti li wasslu għat-telf ta' ħajja u konflitti diplomatiċi;

L-użu tal-PSCs b'appoġġ lill-militar barra mill-pajjiż

1.  Jinnota li l-PSCs jiżvolġu rwol komplementari importanti fl-għoti ta' għajnuna lill-aġenziji militari u ċivili tal-Istat billi jimlew in-nuqqasijiet fil-ħiliet maħluqa minn domanda dejjem tikber għall-użu tal-forzi barra mill-pajjiż, filwaqt li okkażjonalment, jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, jipprovdu kapaċità f'każ ta' żieda drastika fid-domanda; jenfasizza li, f'każijiet eċċezzjonali, is-servizzi tal-PSCs jimlew in-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet eżistenti, li, madankollu, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jippruvaw jimlew bil-forzi armati jew bil-pulizija nazzjonali; jenfasizza li l-PSCs jintużaw bħala strument għall-implimentazzjoni tal-politika barranija ta' dawn il-pajjiżi;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-PSCs, meta joperaw fil-pajjiżi ospitanti u b'mod partikolari fil-pajjiżi li huma sinifikament differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kultura u r-reliġjon, jirrispettaw id-drawwiet lokali sabiex ma jipperikolawx l-effettività tal-missjoni tagħhom u jbiegħdu l-popolazzjoni lokali;

3.  Jinnota li, meta mqabbla mat-truppi nazzjonali, il-PSCs – partikolarment dawk ibbażati fil-pajjiżi ospitanti – jistgħu jipprovdu għarfien lokali siewi, u ta' spiss jiffrankaw l-ispejjeż, għalkemm irid jiġi żgurat li l-kwalità ma tkunx kompromessa; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta' servizzi pprovduti minn kumpaniji tas-sigurtà privati lokali f'pajjiżi fraġli u f'reġjuni suxxettibbli għall-kriżijiet jista' jkollu implikazzjonijiet negattivi fuq l-objettivi tal-politika barranija tal-UE jekk tali użu jsaħħaħ ċerti atturi armati lokali li jistgħu jsiru parti mill-konflitt; jinnota l-importanza li ssir distinzjoni legali ċara bejn l-operazzjonijiet ta' kumpaniji tas-sigurtà privati u atturi privati involuti direttament f'attivitajiet militari;

4.  Jenfasizza li l-ebda attività ma għandha tiġi esternalizzata lil PSCs li tkun timplika l-użu tal-forza u/jew il-parteċipazzjoni attiva fl-ostilitajiet, ħlief għal awtodifiża, u fl-ebda ċirkustanza l-PSCs m'għandhomx jitħallew jieħdu sehem, jew iwettqu interrogazzjonijiet; jenfasizza li, fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-UE, il-prijorità għandha tkun it-tisħiħ tal-forzi armati nazzjonali, li għalihom il-PSCs jistgħu jkunu biss komplement, mingħajr l-ebda awtorità fuq deċiżjonijiet strateġiċi; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe parteċipazzjoni minn kumpaniji tas-sigurtà privati f'operazzjonijiet militari trid tiġi ġġustifikata, b'objettivi definiti b'mod ċar li jistgħu jiġu vverifikati permezz tal-użu ta' indikaturi reali, ikollha baġit bid-dettalji kollha u data tal-bidu u tat-tmiem speċifiċi, u tirrispetta kodiċi ta' etika strett; jirrimarka li x-xogħol tal-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà f'pajjiż barrani huwa ta' valur fundamentali fiż-żamma tal-paċi u l-prevenzjoni tal-konflitti, kif ukoll fir-rikostruzzjoni soċjali u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali ulterjuri;

5.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-kosteffettività tal-impjieg tal-PSC prinċipalment joffri benefiċċji għal żmien qasir, speċjalment jekk ma jiġix ikkunsidrat in-numru ta' elementi varjabbli soċjoekonomiċi, u għalhekk m'għandux isir il-kriterju ewlieni meta jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ta' sigurtà; ifakkar li mekkaniżmi tal-obbligu ta' rendikont u sorveljanza huma kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-leġittimità u l-benefiċċji potenzjali tal-PSCs jinkisbu bis-sħiħ;

6.  Jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza parlamentari fuq l-użu statali tal-PSCs mill-Istati Membri;

L-użu tal-PSCs mill-UE

7.  Jinnota li l-UE tagħmel użu minn PSCs barra mill-pajjiż biex tħares id-delegazzjonijiet u l-persunal tagħha u biex tappoġġja l-missjonijiet ċivili u militari tagħha taħt il-PSDK; jinnota li għalhekk l-użu tagħhom jikkontribwixxi għar-reputazzjoni tal-UE u l-perċezzjoni minn partijiet terzi, li jagħmilhom aspetti importanti tal-preżenza lokali tal-UE u jħalli impatt fuq il-livell ta' fiduċja fl-UE; jeżiġi li l-Kummissjoni u l-Kunsill jipproduċu ħarsa ġenerali ta' fejn, meta u għal liema raġuni l-PSCs ġew impjegati b'appoġġ għall-missjonijiet tal-UE; iqis li ma jkunx illoġiku jekk, fis-sejħiet għall-offerti tagħha li jikkonċernaw is-sigurtà tad-delegazzjonijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea tiffavorixxi l-użu tal-PSCs ġenwinament ibbażati fl-Ewropa, li jikkonformaw mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u jkunu soġġetti għat-tassazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jenfasizza, madankollu, li b'mod partikolari fl-ambjenti li huma suxxettibbli għall-konflitti, il-fatt li PSC tiġi impjegata għal ċerti kompiti jista' jkollha effetti sekondarji negattivi għall-UE, speċjalment għal-leġittimità tagħha, billi b'mod aċċidentali din tiġi assoċjata mal-atturi armati f'żona ta' konflitt, b'riperkussjonijiet negattivi fil-każ ta' inċidenti armati, jew billi possibbilment jiġu kompromessi l-isforzi ta' Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR) u ta' Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) permezz tat-tisħiħ aċċidentali tal-atturi lokali; jinnota b'mod partikolari r-riskji li jinħolqu mis-sottokuntrattar mhux ikkontrollat, partikolarment għal PSCs lokali;

9.  Jirrimarka d-diversi problemi legali u politiċi serji assoċjati mal-prattika attwali ta' sottokuntrattar fil-qasam tas-servizzi militari u tas-sigurtà, speċjalment is-servizzi pprovduti minn sottokuntratturi f'pajjiżi terzi; jemmen li l-Istati Membri, is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jaqblu li jsegwu l-eżempju tan-NATO billi jagħtu kuntratti biss lill-PSCs li huma bbażati fl-Istati Membri tal-UE;

10.  Jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni dwar l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs għar-reklutaġġ, l-użu u l-ġestjoni ta' kuntratturi militari u tas-sigurtà li b'mod ċar jistabbilixxu fid-dettall ir-rekwiżiti biex il-PSCs jikkwalifikaw għal kuntratti tal-UE, bil-għan li tiġi sostitwita l-frammentazzjoni attwali tal-approċċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw l-istess linji gwida għar-reklutaġġ, l-użu u l-ġestjoni ta' kuntratturi militari u tas-sigurtà fl-azzjonijiet, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet esterni kollha, għad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha u għas-servizzi kollha ta' Lista Militari Komuni riveduta tal-Unjoni Ewropea; iqis li dawn il-linji gwida għandhom ikunu bbażati kemm fuq l-aħjar prattiki internazzjonali b'rabta mat-tmexxija u l-ġestjoni tal-PSCs, b'mod partikolari d-dokument ta' Montreaux u l-ICoC, kif ukoll iqisu l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari meta jintgħażlu l-PSCs f'kuntest kumpless ta' wara kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw biss lill-fornituri ċertifikati mill-ICoC, kif diġà jsir min-NU, li għalihom iċ-ċertifikazzjoni mill-ICoC hija rekwiżit; jirrimarka l-approċċ meħud mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li jinkludi standards u rekwiżiti dettaljati f'kull kuntratt individwali, u jistieden lill-UE ssegwi dan l-eżempju; jenfasizza li l-kuntratti mal-PSCs għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, klawsoli dwar il-pussess ta' liċenzji u awtorizzazzjonijiet, rekords tal-persunal u tal-proprjetà, taħriġ, l-akkwist legali u l-użu ta' armi, u l-organizzazzjoni interna;

11.  Jitlob li superviżur tas-sigurtà tal-UE ta' kumpanija tas-sigurtà tal-UE jkun preżenti fis-siti ffinanzjati mill-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE u jkun inkarigat li jiżgura il-kwalità tas-servizzi tas-sigurtà pprovduti, l-iskrutinju u t-taħriġ tal-persunal tas-sigurtà reklutat lokalment, li jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet tajba mal-forzi tas-sigurtà lokali, li jipprovdi valutazzjonijiet tar-riskju u jkun l-ewwel punt ta' kuntatt fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà għad-delegazzjoni;

12.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi lista miftuħa ta' kuntratturi li jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar kwistjonijiet bħar-rekords ta' kondotta nadifa, il-kapaċità finanzjarja u ekonomika, il-pussess ta' liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-iskrutinju tal-persunal; jinnota li l-istandards madwar l-UE fir-rigward tal-PSCs jvarjaw ħafna u jemmen li l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jiksbu standards simili; iqis li din il-lista għandha tiġi aġġornata f'intervalli ta' mhux aktar minn sentejn;

13.  Jenfasizza li meta l-UE sserraħ fuq il-PSCs f'pajjiżi terzi li magħhom tkun ikkonkludiet ftehim dwar l-istatus tal-forzi (SOFA), tali ftehimiet iridu dejjem jinkludu l-PSCs impjegati u jiċċaraw b'mod speċifiku li l-kumpaniji ser ikunu obbligati jagħtu rendikont ta' għemilhom skont il-liġi tal-UE;

14.  Jenfasizza li l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ min-naħa ta' Kuntratturi għandu jissaħħaħ u jsir vinkolanti għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li dan għandu, b'mod partikolari, jispeċifika standards aktar stretti għal inklużjoni f'kuntratti, ibbażati pereżempju fuq l-istandards tal-Istati Uniti, u li għandu jirrikjedi wkoll li l-ebda PSC lokali m'għandha tiġi impjegata jew sottokuntrattata f'reġjuni ta' konflitt; jenfasizza li l-PSCs internazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà li jimpjegaw persunal lokali, iżda individwalment u direttament biss, sabiex ikun żgurat skrutinju effettiv u jiġi evitat il-ħolqien ta' industriji tas-sigurtà lokali f'reġjuni ta' konflitt;

Ir-regolamentazzjoni tal-PSCs

15.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tħejji Green Paper bl-objettiv li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha mis-setturi tas-sigurtà pubbliċi u privati f'konsultazzjoni wiesgħa u diskussjoni ta' proċessi biex jiġu identifikati l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni diretta b'mod aktar effiċjenti u biex jiġi stabbilit sett bażiku ta' regoli tal-ingaġġ u ta' prattiki tajba; jirrakkomanda l-ħolqien ta' standards ta' kwalità tal-UE speċifiċi għas-settur; jirrakkomanda, għalhekk, li d-definizzjoni ta' PSCs tiġi ċċarata qabel ma tiġi introdotta regolamentazzjoni effettiva tal-attivitajiet tagħhom, minħabba li n-nuqqas ta' tali definizzjoni tista' toħloq lakuni leġiżlattivi;

16.  Jemmen li, bħala l-ewwel pass, l-UE għandha tiddefinixxi s-servizzi militari u tas-sigurtà rilevanti b'mod preċiż; iħeġġeġ lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex iżid is-servizzi militari u tas-sigurtà mill-PSCs mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell regolatorju Ewropew effettiv li ser:

   jgħin biex jarmonizza d-differenzi legali bejn l-Istati Membri permezz ta' direttiva;
   jevalwa mill-ġdid, u b'hekk jiddefinixxi mill-ġdid, strateġiji ta' kollaborazzjoni pubbliċi-privati kontemporanji;
   jidentifika kumpaniji b'użu finali waħdieni jew multiplu;
   ipoġġi f'kuntest in-natura preċiża u r-rwol tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati;
   jistabbilixxi standards ta' livell għoli għall-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà privati fl-UE jew li joperaw barra mill-UE, fosthom livelli xierqa ta' investigazzjoni tas-sigurtà tal-persunal u rimunerazzjoni ġusta;
   jiżgura r-rapportar tal-irregolaritajiet u l-illegalitajiet tal-PSCs u jagħmilha possibbli li jkunu obbligati jagħtu rendikont tal-ksur, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, matul l-attivitajiet tagħhom barra mill-UE;
   jintegra perspettiva marittima speċifika, filwaqt li jqis ir-rwol ewlieni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI);

18.  Jinnota li l-oqfsa regolatorji globali li għadhom fil-bidu, bħad-dokument ta' Montreux, l-ICoC u inizjattivi regolatorji oħra fil-qafas tan-NU, jikkostitwixxu progress ċar meta mqabbla man-nuqqas ta' regolamentazzjoni sinifikanti li kien prevalenti biss għaxar snin ilu;

19.  Ifaħħar l-isforzi li saru minn bosta Stati Membri tal-UE, skont il-prattika tajba deskritta fid-dokument ta' Montreux, biex jintroduċu regolamentazzjoni nazzjonali effettiva tal-PSCs;

20.  Jinnota, madankollu, li l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PSCs hija mfixkla min-nuqqas ta' rapportar konsistenti dwar l-użu tagħhom kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-gvernijiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu din l-informazzjoni b'mod aktar konsistenti u trasparenti sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni xierqa tal-użu tal-PSCs mill-awtoritajiet baġitarji rispettivi tagħhom u l-awdituri indipendenti; jirrakkomanda li l-parlamenti u l-NGOs għandhom ikunu involuti b'mod attiv fil-proċessi ta' evalwazzjoni neċessarji li huma kruċjali għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza ta' din l-industrija;

21.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill jistabbilixxu qafas legali li jirrikjedi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkontrolla l-esportazzjoni ta' servizzi militari u tas-sigurtà, u li, fir-Rapport Annwali tal-UE dwar esportazzjonijiet ta' armamenti, jiġi rrapportat dwar il-liċenzji ta' esportazzjoni tas-servizzi militari u tas-sigurtà mogħtija mill-Istati Membri, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont pubbliċi;

22.  Jenfasizza li n-natura transnazzjonali tal-PSCs u, b'mod partikolari, l-attivitajiet tagħhom fir-reġjuni tad-dinja affettwati minn kriżi, tista' xi drabi twassal għal lakuni ġuriżdizzjonali, partikolarment fejn l-istruttura legali lokali hi dgħajfa, u dawn il-lakuni jistgħu joħolqu diffikultajiet biex il-kumpaniji jew l-impjegati tagħhom jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jinnota li r-regolamentazzjoni nazzjonali tal-PSCs spiss ma jkollhiex applikazzjoni extra territorjali; jenfasizza l-fatt li l-PSCs iridu dejjem ikunu rregolati mil-liġijiet u jkunu soġġetti għal sorveljanza effettiva kemm mill-pajjiż ospitanti kif ukoll mill-istat kontraenti; josserva li ta' spiss ikun hemm vojt legali fil-każ ta' tilwim jew inċidenti li jinvolvu l-PSCs u l-aġenti tal-Unjoni Ewropea, li jistgħu jseħħu f'żoni ta' riskju għoli; jirrakkomanda għalhekk it-twaqqif ta' regoli uniformi u ċari għall-istituzzjonijiet Ewropej li jużaw il-PSCs biex jipproteġu lill-persunal tal-UE, li jippreċiżaw b'mod ċar ir-responsabbiltajiet biex jiġu evitati nuqqas ta' protezzjoni u impunità u li jikkunsidraw il-qafas legali tal-istat ospitanti; iħeġġeġ ukoll lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkuntrattaw biss PSCs ibbażati fl-UE u li jirrispettaw l-obbligu li jeżegwixxu s-servizzi direttament mingħajr rikors għal sottokuntratturi lokali f'pajjiżi terzi li ta' spiss ikunu fraġli;

23.  Iħeġġeġ, għalhekk, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jużaw l-istatus tagħhom fil-Forum tad-Dokument ta' Montreux biex jinsistu fuq ir-rieżamijiet regolari tal-istat ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tad-Dokument ta' Montreux għal prattika tajba mill-parteċipanti tiegħu; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jingħaqdu mad-dokument ta' Montreux mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi skambju tal-aħjar prattiki;

24.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu favur strument internazzjonali legalment vinkolanti li jmur lil hinn mid-dokument ta' Montreux, billi jirregolaw l-attivitajiet tal-PSCs, jistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi sabiex jiġi żgurat li l-istati ospitanti jkollhom l-awtorità li jirregolaw il-PSCs u l-istati kontraenti jkunu jistgħu jużaw is-setgħa tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jipprevjenu l-korruzzjoni; jenfasizza li tali qafas irid jinkludi sanzjonijiet dissważivi għall-ksur, l-obbligu ta' rendikont ta' dawk responsabbli għall-ksur u aċċess effettiv għal rimedji għall-vittmi, minbarra sistema ta' liċenzjar u monitoraġġ li tirrikjedi li l-PSCs kollha jkunu soġġetti għal verifiki indipendenti u l-persunal tagħhom jipparteċipa f'taħriġ obbligatorju dwar id-drittijiet tal-bniedem;

25.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġjaw bil-qawwa l-ħolqien ta' konvenzjoni internazzjonali maħsuba biex tistabbilixxi sistema legali internazzjonali li tirregola s-servizzi rilevanti pprovduti mill-PSCs;

26.  Ifaħħar l-isforzi tal-OMI fl-għoti ta' linji gwida għall-użu ta' timijiet tas-sigurtà armati privati; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu flimkien mal-OMI lejn l-applikazzjoni globali ta' din il-gwida;

27.  Jenfasizza li wieħed mill-aktar modi effettivi biex jiġu influwenzati l-PSCs huwa permezz ta' deċiżjonijiet dwar l-akkwist pubbliku; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs jiġi jiddependi fuq l-adozzjoni tal-aħjar prattiki, bħat-trasparenza u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ICoC, li xi Stati Membri diġà implimentaw; jinnota, madankollu, li jeħtieġ li jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' konformità mal-ICoC u tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tiegħu sabiex dan isir inċentiv kredibbli għall-konformità; jinnota li l-uniċi Stati Membri li aderixxew mal-ICoC huma l-Isvezja u r-Renju Unit u jemmen li l-UE għandha tiffoka fuq li tiżgura li l-Istati Membri l-oħra jirreġistraw bħala l-ewwel pass;

28.  Jinnota li l-PSCs għandu jkollhom assigurazzjoni ta' responsabbiltà minħabba li dan jagħmel is-suq tas-sigurtà aktar stabbli u affidabbli, li jattira wkoll lejh PSCs ta' daqs iżgħar u medju;

29.  Jenfasizza li l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs għandu jqis, filwaqt li jkun evalwat fuq din il-bażi, l-esperjenza tal-PSCs u l-perjodu ta' xogħol f'ambjenti ostili, aktar milli abbażi tal-fatturat ta' kuntratt simili;

30.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-PSCs, barra milli joffru servizzi tas-sigurtà, iwettqu wkoll attivitajiet ta' intelligence li, minħabba l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom, jirrikjedu regolamentazzjoni effiċjenti u kontroll;

31.  Jinnota l-influwenza konsiderevoli li jgawdu minnha l-UE u l-Istati Membri tagħha mill-industrija tas-sigurtà globali bħala riżultat ta' bosta atturi ewlenin li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE; għalhekk jagħmel enfasi partikolari fuq ir-reviżjoni li ġejja tal-Lista Militari Komuni bħala opportunità biex jiġu inklużi ċerti servizzi pprovduti mill-PSCs, b'tali mod li huma jkunu soġġetti għal regolamenti dwar l-esportazzjoni u jkunu mistennija li japplikaw standards bażiċi għall-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż;

o
o   o

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(2) ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
(3) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 2.
(4) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 33.

Avviż legali