Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2036(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0233/2017

Testi mressqa :

A8-0233/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 18
CRE 04/07/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0297

Testi adottati
PDF 313kWORD 53k
L-Erbgħa, 5 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni UE-Kuba (Riżoluzzjoni)
P8_TA(2017)0297A8-0233/2017

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (12502/2016 – C8-0517/2016 – 2016/0298(NLE)2017/2036(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istabbiliment ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u Kuba fl-1988,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12502/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (12504/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C8-0517/2016),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-TFUE, u b'mod partikolari l-Ħames Parti, it-Titoli I sa III u V, tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 96/697/PESK tat-2 ta' Diċembru 1996, definita mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu J.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Kuba(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2233 tas-6 ta' Diċembru 2016 li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 96/697/PESK dwar Kuba(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu "L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija" (COM(2009)0495),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-summits tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-Amerika Latina u l-Karibew u tal-Unjoni Ewropea li saru s'issa u, b'mod partikolari, id-Dikjarazzjoni tat-tieni Summit bejn l-UE u l-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC), li sar fi Brussell bejn l-10 u l-11 ta' Ġunju 2015 bit-tema "Insawru l-futur komuni tagħna: naħdmu flimkien biex ikollna soċjetajiet prosperi, koeżivi u sostenibbli għaċ-ċittadini tagħna", li adottat id-Dikjarazzjoni Politika bit-titolu: "Sħubija għall-Ġenerazzjoni li jmiss",

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Karibew tad-19 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-preżenza tar-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sessjoni konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament fit-12 ta' Ottubru 2016 biex jispjega r-riżultati tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn Kuba u l-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Kubana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2017(3) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2004 dwar Kuba(4), tat-2 ta' Frar 2006 dwar il-politika tal-UE lejn il-Gvern Kuban(5), tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba(6), u tal-11 ta' Marzu 2010 dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u tal-kuxjenza f'Kuba(7),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0233/2017),

A.  billi jeżistu rabtiet storiċi, ekonomiċi u kulturali bejn l-Ewropa u Kuba;

B.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew huma varjati u jkopru kamp ta' applikazzjoni wiesa';

C.  billi l-UE żżomm relazzjonijiet mal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC); billi CELAC tilqa' l-possibbiltà li tespandi r-relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba,

D.  billi Kuba kienet l-uniku pajjiż fl-Amerika Latina u l-Karibew li magħhom l-UE ma ffirmat l-ebda tip ta' ftehim; billi 20 mill-Istati Membri tagħha ffirmaw diversi tipi ta' ftehimiet bilaterali u żammew relazzjonijiet tajba mal-gżira;

E.  billi l-Pożizzjoni Komuni 96/697/PESK ġiet revokata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2233, tas-6 ta' Diċembru 2016;

F.  billi fl-2008 d-djalogu ta' livell għoli bejn l-UE u Kuba tnieda mill-ġdid u l-kooperazzjoni bilaterali għall-iżvilupp reġgħet bdiet; billi l-Kunsill fl-2010 nieda deliberazzjoni dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba, u fi Frar 2014 adotta direttivi ta' negozjar, u wara dan f'April 2014 tnedew negozjati uffiċjali għal Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni u fil-11 ta' Marzu 2016 dawn ġew konklużi;

G.  billi l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jiddefinixxi l-prinċipji u l-objettivi ġenerali għar-relazzjoni bejn l-UE u Kuba, li jinkludu tliet kapitoli ewlenin dwar id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u d-djalogu dwar il-politika settorjali, kif ukoll il-kummerċ u l-kooperazzjoni kummerċjali;

H.  billi d-drittijiet tal-bniedem jidhru kemm fil-kapitolu dwar id-djalogu politiku kif ukoll f'dak dwar il-kooperazzjoni; billi bil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni ż-żewġ partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi bil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni ż-żewġ partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex isaħħu r-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll għall-prinċipji u l-finijiet kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; billi skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-azzjoni esterna tal-Unjoni għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem – inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali – u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; billi f'dan is-sens, ikun tajjeb li l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u d-difiża tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt ikunu l-aspirazzjoni essenzjali tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;

I.  billi l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi l-hekk imsejħa 'klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem', li tikkostitwixxi element fundamentali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE li jippermetti li dan il-Ftehim jiġi sospiż f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

J.  billi ż-żewġ partijiet ftiehmu dwar il-modalitajiet ġenerali u l-oqsma għall-kooperazzjoni wiesa' fil-kapitolu dwar il-kooperazzjoni, inkluż dwar kwistjonijiet bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza, il-ġustizzja u s-soċjetà ċivili;

K.  billi Kuba tinsab lesta li taċċetta l-kooperazzjoni mal-UE fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); billi l-objettivi ewlenin tal-EIDHR huma l-appoġġ, l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija f'pajjiżi terzi, u t-tisħiħ tar-rispett u l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi, bil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, iż-żewġ partijiet jirrikonoxxu li d-demokrazija hija msejsa fuq ir-rieda tal-poplu espressa b'mod ħieles biex jiddetermina s-sistemi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tiegħu stess u l-parteċipazzjoni tal-poplu b'mod sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja;

L.  billi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba, immexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, ġie stabbilit fl-2015; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha tanqal tħassib;

M.  billi l-kwistjonijiet diskussi fit-tieni laqgħa tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, li saret f'Kuba f'Ġunju 2016 bil-parteċipazzjoni tal-ministeri u l-aġenziji kkonċernati, inkludew il-libertà ta' assoċjazzjoni u kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem f'kuntest multilaterali, bħall-piena tal-mewt; billi t-tielet laqgħa tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem saret fi Brussell fit-22 ta' Mejju 2017;

N.  billi fi tliet okkażjonijiet separati l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Libsin l-Abjad (Damas de Blanco) fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010;

O.  billi l-UE saret l-akbar investitur barrani f'Kuba u s-sieħba prinċipali tagħha għall-esportazzjoni u l-kummerċ globali, billi l-kummerċ globali u l-esportazzjonijiet mill-UE lejn Kuba rduppjaw bejn l-2009 u l-2015;

P.  billi l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi kapitolu dwar il-prinċipji tal-kummerċ internazzjonali u jindirizza l-kooperazzjoni doganali, il-faċilitazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ, l-istandards u r-regoli tekniċi, il-kummerċ sostenibbli u l-promozzjoni ta' reġim kummerċjali u ta' investiment stabbli, trasparenti u nondiskriminatorju; billi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, l-investimenti ekonomiċi u finanzjarji, l-innovazzjoni teknoloġika u, b'mod ġenerali, il-libertajiet ġenerali tas-suq jippermettu lill-gżira timmodernizza l-ekonomija tagħha;

Q.  billi l-"Linji gwida għall-politika ekonomika u soċjali" għal Kuba, adottati wara proċedura ta' dibattitu pubbliku fl-2011, kienu jinkludu proposti għal riforma, aġġornament u modernizzazzjoni;

R.  billi fl-2016 f'Kuba bdew żewġ dibattiti pubbliċi ġodda dwar "Il-Ħolqien tal-Mudell Ekonomiku u Soċjali" u dwar "Il-Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali sal-2030: Ħarsa ġenerali tan-Nazzjon, l-Assi u s-Setturi Strateġiċi";

S.  billi l-UE u Kuba qablu li jintegraw il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni tagħhom u li jagħtu attenzjoni partikolari biex jipprevjenu u jindirizzaw il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa;

T.  billi Kuba hi firmatarja ta' ħdax mit-tmintax-il konvenzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u rratifikat tmienja minnhom; billi Kuba ma rratifikatx l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

U.  billi Kuba rratifikat it-tmien konvenzjonijiet ewlenin kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

V.  billi l-Assemblea Nazzjonali ta' Kuba ilha tagħmel parti mill-Unjoni Interparlamentari mill-1977;

W.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat sitta u għoxrin riżoluzzjoni konsekuttiva li jappellaw għat-tmiem tal-embargo tal-Istati Uniti fuq Kuba u billi, għall-ewwel darba, ir-riżoluzzjoni ġiet approvata f'Ottubru 2016 b'mod unanimu;

X.  billi titqies il-pożizzjoni tradizzjonali murija f'bosta okkażjonijiet u kondiviża fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, kuntrarja għal-liġijiet ta' extraterritorjalità peress li jaffettwaw direttament lill-popolazzjoni Kubana u jaffettwaw l-attivitajiet tal-kumpanijii Ewropej;

1.  Jilqa' l-iffirmar fi Brussell, fit-12 ta' Diċembru 2016, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, u jiddikjara li dan huwa strument li jippermetti qafas ġdid ta' relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba filwaqt li jinżammu l-interessi tal-UE, li jissostitwixxi l-Pożizzjoni Komuni tal-1996; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-ftehim jiddependi fuq l-implimentazzjoni tiegħu u l-konformità miegħu;

2.  Jagħti valur strateġiku għoli lir-relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba;

3.  Jemmen li l-istruttura, il-kontenut u d-dinamika tal-Ftehim huma adattati għall-prinċipji u l-valuri stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-UE għar-relazzjonijiet esterni tagħha;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-Kunsill tal-UE qabel li jiġi stabbilit qafas ġdid ta' relazzjonijiet ma' Kuba u ħa d-deċiżjoni li jibda n-negozjati u jikkonkludihom fi żmien sinifikattivament qasir;

5.  Jenfasizza l-impenn li Kuba qiegħda tieħu mal-UE u r-responsabbiltà taż-żewġ partijiet biex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-ftehim, inkluż permezz tad-djalogu politiku;

6.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, bħala l-ewwel ftehim bejn l-UE u Kuba, se jirrappreżenta mument ta' bidla deċiżiva fir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ partijiet; jilqa' l-fatt li ż-żewġ partijiet qablu li jiżviluppaw din ir-relazzjoni b'mod strutturat, billi ntrabtu reċiprokament b'aġenda u b'obbligi li huma vinkolanti għaż-żewġ firmatarji;

7.  Jissottolinja r-rilevanza tal-inklużjoni tal-kapitolu dwar id-djalogu politiku u t-twaqqif ta' djalogu istituzzjonalizzat dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba; jitlob li l-UE tapprova l-fehmiet tal-Parlament dwar id-demokrazija, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni politika, il-libertà ta' informazzjoni fil-forom kollha tagħha, kif ukoll il-politika globali tagħha ta' appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem matul dan id-djalogu; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex, f'dan id-djalogu, jistabbilixxu garanziji għax-xogħol tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-parteċipazzjoni attiva tal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni politika, mingħajr restrizzjonijiet; jinnota, madankollu, li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem s'issa ma temmx id-detenzjonijiet arbitrarji b'motivazzjoni politika f'Kuba u li, għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni Kubana għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, kien hemm aktar u aktar episodji ta' repressjoni vjolenti f'dawn l-aħħar snin;

8.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba u jilqa' l-fatt li tnieda qabel il-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; itenni li l-objettivi tal-politika tal-UE fir-rigward ta' Kuba jinkludu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-iffaċilitar għall-modernizzazzjoni ekonomika u soċjali bl-għan li jittejjeb il-livell tal-għajxien tal-popolazzjoni Kubana;

9.  Jinnota l-isforzi ta' Kuba biex tinkorpora fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha l-prinċipji fundamentali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti, u jistieden lil Kuba tirratifika l-konvenzjonijiet pendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod aktar speċifiku l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa; jieħu nota tal-ħidma taċ-Ċentru Nazzjonali Kuban għall-Edukazzjoni dwar is-Sess; jistieden lill-Gvern Kuban ikompli bl-isforzi tiegħu biex itemm il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u emarġinazzjoni fil-konfront tal-komunità LGBTI;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali definiti fil-karti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li għalihom Kuba hija firmatarja; jinsisti li l-persekuzzjoni u l-priġunerija ta' persuna minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħha tmur kontra d-dispożizzjonijiet stipulati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jitlob, għaldaqstant, ir-rilaxx ta' kwalunkwe persuna detenuta f'ċirkostanzi bħal dawn;

11.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi dispożizzjoni għas-sospensjoni tal-ftehim fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiżguraw l-istabbiliment ta' skambju regolari mal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, dwarit-twettiq tal-obbligi reċiproċi previsti fil-Ftehim, u b'mod partikolari fuq ir-realizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem, dawk ambjentali u tax-xogħol imsemmija f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjoni tal-UE, biex jagħmel l-almu tiegħu sabiex isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba meta jimplimenta l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni u biex jirrapporta lura lill-Parlament;

12.  Jenfasizza li l-Ftehim jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għajxien u d-drittijiet soċjali taċ-ċittadini Kubani, li jafferma mill-ġdid l-importanza ta' ħidma b'mod sistematiku fil-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda;

13.  Jilqa' r-referenzi espliċiti tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni għas-soċjetà ċivili bħala attur tal-kooperazzjoni; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu għall-popolazzjoni Kubana u progress lejn id-demokrazija u r-rispett u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet għall-ftehim biex jippromwovu rwol attiv għas-soċjetà ċivili Kubana matul il-fażi ta' implimentazzjoni tal-ftehim;

14.  Ifakkar fir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili Kubana fl-iżvilupp ekonomiku u demokratiku tal-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa biex is-soċjetà ċivili tkun attur ewlieni fl-oqsma kollha ta' dan il-Ftehim, inklużi dawk relatati mal-għajnuna għall-iżvilupp; ifakkar fl-appoġġ tal-Parlament, permezz tal-Premju Sakharov, għas-soċjetà ċivili Kubana fir-rwol tagħha ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija f'Kuba;

15.  Ifakkar li l-konnettività tal-internet f'Kuba hija fost l-aktar baxxi fid-dinja u li l-aċċess għall-internet jiswa ħafna flus u l-kontenut għadu ristrett; jilqa' l-fatt li aktar Kubani qed jirċievu aċċess għall-internet iżda jemmen li l-gvern imissu jieħu aktar passi biex irawwem aċċess bla ċensura u jittejbu d-drittijiet diġitali tal-popolazzjoni;

16.  Jitlob li, f'intervalli xierqa u skont is-sistema ta' koordinazzjoni prevista f'dan il-Ftehim, is-SEAE jżomm lill-Parlament informat dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-applikazzjoni tiegħu;

17.  Jieħu nota tal-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Kuba u l-Istati Uniti bl-istabbiliment mill-ġdid ta' relazzjonijiet diplomatiċi fl-2015 u jħeġġeġ aktar sforzi;

18.  Itenni l-fehma tradizzjonali tiegħu, kondiviża mill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, u adottata f'bosta okkażjonijiet, li tmur kontra l-liġijiet u miżuri b'effett extraterritorjali peress li jagħmlu ħsara lill-popolazzjoni Kubana u jaffettwaw il-kors normali tal-kumpaniji Ewropej;

19.  Jirrikonoxxi li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jista' jikkontribwixxi għall-proċessi ta' riforma, aġġustament u modernizzazzjoni diġà proposti f'Kuba, b'mod partikolari fir-rigward tad-diversifikazzjoni tas-sħab internazzjonali ta' Kuba u l-istabbiliment ta' qafas ġenerali ta' żvilupp politiku u ekonomiku; jenfasizza li relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi aktar mill-qrib ma' Kuba jistgħu jgħinu javvanzaw ir-riformi politiċi fil-pajjiż skont l-aspirazzjonijiet tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jassistu t-tranżizzjoni ekonomika u politika f'Kuba, u jinkoraġġixxu l-evoluzzjoni lejn l-istandards demokratiċi u elettorali li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini kollha tagħha; jappoġġa l-użu ta' diversi strumenti tal-politika barranija tal-UE, u b'mod partikolari l-EIDHR, sabiex jissaħħaħ id-djalogu tal-UE mas-soċjetà ċivili Kubana u ma' dawk li jappoġġaw tranżizzjoni paċifika f'Kuba;

20.  Jinnota li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, bħala l-ewwel ftehim li qatt kien hemm bejn l-UE u Kuba, jikkostitwixxi l-qafas legali ġdid għal dawn ir-relazzjonijiet, li jinkludi kapitolu dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni kummerċjali, li għandu l-għan li joħloq ambjent aktar prevedibbli u trasparenti għall-operaturi ekonomiċi lokali u Ewropej;

21.  Jenfasizza li l-pilastru tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni kummerċjali tal-l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni ma jipprovdi l-ebda preferenzi kummerċjali għal Kuba; ifakkar li dan il-pilastru jkopri l-kooperazzjoni doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, il-proprjetà intellettwali, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, il-prodotti tradizzjonali u artiġjanali, il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, il-kooperazzjoni dwar id-difiża tal-kummerċ, ir-regoli dwar l-oriġini u l-investiment;

22.  Jinnota li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jipprovdi pjattaforma biex tiġi estiża r-relazzjoni bilaterali ta' kummerċ u investiment u jiġu stabbiliti bażijiet konvenzjonali għar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u Kuba;

23.  Jappoġġa l-prattika li ilha stabbilita, ikkonfermata wkoll mill-Kummissarju Cecilia Malmström fis-seduta tagħha fid-29 ta' Settembru 2014, li d-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ u l-investiment tal-ftehimiet ta' importanza politika ma jiġux applikati b'mod provviżorju sakemm il-Parlament ma jkunx ta l-approvazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu u jestendu din il-prattika għall-ftehimiet internazzjonali kollha relatati mal-azzjoni esterna tal-UE kull fejn huma kkonċernati l-aspetti kummerċjali, bħalma hu l-każ bil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;

24.  Huwa tal-fehma li l-Ftehim se jservi biex jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni ekonomika, billi jiffaċilita ambjent ta' negozju prevedibbli u trasparenti u l-iżvilupp ta' qafas aktar b'saħħtu u aktar stabbli fil-futur fejn huwa żgurat li l-poplu Kuban ikun jista' jipparteċipa b'mod konġunt ma' kumpaniji u individwi mill-UE;

25.  Jistieden ukoll lill-kumpaniji Ewropej li joperaw f'Kuba, speċjalment dawk li jirċievu krediti jew kwalunkwe għajnuna finanzjarja ta' oriġini pubblika, biex japplikaw l-istess standards lavorattivi u etiċi kif meħtieġ fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

26.  Jilqa' l-fatt li Kuba rratifikat it-tmien konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u jitlob impenji rigward l-implimentazzjoni rapida tagħhom; jistieden bis-saħħa, lil Kuba u lill-pajjiżi kollha li magħhom għandha ftehimiet jew li magħhom qed tinnegozja ftehimiet, sabiex jirratifikaw u jikkonformaw mar-regolamenti tal-ILO u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, u sabiex jipproskrivu l-forom kollha tal-isfruttament tax-xogħol; jinnota li hemm oqsma fejn id-drittijiet soċjali u tax-xogħol huma involuti, bħalma huma l-prattiki tar-reklutaġġ minn impriżi li huma proprjetà tal-Istat Kuban u l-prattiki ta' konfiska tas-salarji fis-settur tat-turiżmu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-ħaddiema kollha jeħtieġ li jkollhom sett bażiku ta' drittijiet tax-xogħol kif ukoll protezzjoni soċjali adegwata f'konformità mal-konvenzjonijiet tal-ILO, u jistieden liż-żewġ partijiet jaħdmu għal dan l-għan skont l-Artikolu 38 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;

27.  Jinnota li l-UE hija l-esportatur ewlieni u t-tieni l-ikbar sieħeb kummerċjali ta' Kuba, kif ukoll l-akbar investitur barrani; jindika li l-politika tal-UE dwar il-kummerċ barrani ma tipprovdi l-ebda preferenza kummerċjali għal Kuba, u li japplikaw rati tariffarji tal-UE kif notifikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); ifakkar li bħala riżultat tar-riforma tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE, minn Jannar 2014 Kuba tilfet il-preferenzi kummerċjali tagħha għal esportazzjoni lejn l-UE peress li kienet laħqet il-kategorija ta' Pajjiż bi Dħul Medju Superjuri u ma baqgħetx tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà; jenfasizza, barra minn hekk, li l-kummerċ għadu jirrappreżenta biss sehem moderat tal-ekonomija Kubana, hekk kif l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet flimkien jammontaw għal 26.4 % tal-PDG;

28.  Jissuġġerixxi li jiġu esplorati possibilitajiet futuri sabiex jintegraw lil Kuba fil-FSE UE-CARIFORUM, li jinkludi diversi kapitoli speċifiċi u utli dwar il-kooperazzjoni kummerċjali u joffri l-possibbiltà lil Kuba ta' aktar integrazzjoni reġjonali;

29.  Jinnota li Kuba hija membru tad-WTO u għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa li hija tirrispetta l-prinċipji bażiċi tad-WTO, bħall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, il-ftehimiet dwar ostakli għall-kummerċ, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-istrumenti ta' difiża kummerċjali;

30.  Jistieden lil Kuba tirratifika l-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO li daħal fis-seħħ fi Frar 2017; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Kumitat għall-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ fil-pajjiż u, f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu appoġġ tekniku;

31.  Jirrimarka li l-kooperazzjoni doganali hija qasam kruċjali li jeħtieġ jiġi żviluppat sabiex jindirizza sfidi importanti bħalma huma s-sigurtà tal-fruntieri, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-ġlieda kontra l-prodotti ffalsifikati u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, fost kwistjonijiet oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu għajnuna teknika u finanzjarja u jistabbilixxu strumenti bilaterali bi qbil reċiproku sabiex jgħinu lil Kuba bl-implimentazzjoni ta' miżuri għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u s-servizzi ta' tagħrif;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-esportazzjonijiet minn Kuba jiġu diversifikati lil hinn mill-prodotti tradizzjonali, u jitlob lill-Kummissjoni toħloq postijiet ta' negozjar ad hoc għall-iskambju tal-aħjar prattiki u tipprovdi lill-esportaturi Kubani bl-għarfien meħtieġ biex jittejjeb l-aċċess tal-prodotti fis-suq tal-UE;

33.  Jilqa' r-rwol tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) fl-għoti ta' appoġġ strateġiku lil Aduanas General de la República ta' Kuba skont il-Programm Mercator sabiex jevalwa l-istat ta' tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO; jenfasizza l-importanza ta' Aduanas General de la República li tkun proattiva fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u jitlob lill-Kummissjoni tassisti lil Kuba f'dan il-proċess;

34.  Jieħu nota tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet Kubani biex iħeġġu l-libertà ekonomika u l-liberalizzazzjoni ekonomika; jenfasizza l-importanza li gradwalment jissaħħaħ is-settur privat; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp ta' investiment barrani b'saħħtu sabiex tittejjeb l-infrastruttura fiżika u teknoloġika tal-pajjiż u biex tinbena sistema ta' produzzjoni kompetittiva Kubana se jeħtieġ aktar miżuri ekonomiċi u finanzjarji b'regolamenti li jagħtu ċertezza legali, inkluż permezz ta' istituzzjonijiet indipendenti, trasparenti u imparzjali, u stabbiltà ekonomika tal-pajjiż; jirrimarka li Kuba tista' tirrikorri għall-esperjenza tal-Istati Membri tal-UE f'dan ir-rigward;

35.  Jitlob l-inklużjoni ta' Kuba bħala pajjiż eliġibbli skont il-mandat estern tal-BEI ladarba tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-BEI;

36.  Jilqa' l-inklużjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni ta' dispożizzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli f'Kuba, b'mod partikolari l-impenn għal ħidma lejn it-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, filwaqt li titqies l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp; jistieden lill-Partijiet sabiex, ladarba jkun ġie ratifikat il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, jistabbilixxu malajr djalogu dedikat dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030;

37.  Ifakkar li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u Kuba ġew stabbiliti fl-1988, li Kuba ilha tibbenefika mill-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja tal-UE sa mill-1984, u li bħalissa qed tirċievi EUR 50 miljun f'għajnuna mill-UE taħt ir-Regolament dwar l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għall-perjodu 2014-2020;

38.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni se jiffaċilita l-involviment ta' Kuba fil-programmi tal-UE u l-implimentazzjoni msaħħa tal-Programm Indikattiv Pluriennali (MIP) għall-perjodu 2014-2020 sabiex tiġi ffaċilitata l-istrateġija ta' modernizzazzjoni ekonomika u soċjali adottata mill-Gvern Kuban;

39.  Jinsab imħasseb li Kuba, klassifikata bħala "pajjiż bi dħul medju superjuri" mill-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD, għandha riskju li titlef l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp taħt ir-Regolament DCI; iqis li s-sitwazzjoni tal-pajjiż bħala stat gżira li qed jiżviluppa u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qed iħabbat wiċċu magħhom, li huma ggravati mill-impatt negattiv ta' miżuri unilaterali koerċittivi, jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' miżuri li se jippermettu li l-UE tkompli tipprovdi għajnuna lil Kuba, u li dan għandu jiġi kkunsidrat b'mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu li jmiss tar-Regolament DCI;

40.  Jappoġġa l-affermazzjoni mill-ġdid tal-partijiet tal-ħtieġa li l-pajjiżi żviluppati kollha jwarrbu 0.7 % tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, u għall-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi bi dħul medju superjuri sabiex jistabbilixxu miri biex b'hekk iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-finanzjament pubbliku internazzjonali;

41.  Jilqa' l-promozzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha rilevanti ta' kooperazzjoni, inkluż l-iżvilupp sostenibbli;

42.  Jirrikonoxxi u jilqa' r-rwol importanti li Kuba tiżvolġi fil-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar, l-impenn tagħha u s-solidarjetà internazzjonali tagħha fil-forma ta' kontribuzzjonijiet għall-għajnuna umanitarja, prinċipalment fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni;

43.  Jinnota li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni huwa opportunità biex Kuba tkun involuta aktar fil-programmi tal-UE, inklużi Orizzont 2020, il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-Erasmus+ – il-programm għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport – u biex tgawdi minn aċċess akbar għalihom, ħaġa li mbagħad twassal għat-tisħiħ ta' iskambji akkademiċi u interpersonali aktar mill-qrib;

44.  Jinnota li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni se jikkostitwixxi wkoll strument għall-promozzjoni, f'fora multilaterali, ta' soluzzjonijiet komuni għall-isfidi globali bħalma huma l-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tibdil fil-klima;

45.  Jikkonferma d-deċiżjoni tiegħu li jibgħat delegazzjoni uffiċjali tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew f'Kuba; jitlob lill-awtoritajiet Kubani jippermettu d-dħul tad-delegazzjonijiet tal-PE u li jkollhom aċċess għall-interlokuturi tagħhom;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti u tal-Istati Membri u l-Gvern u l-Parlament ta' Kuba.

(1) ĠU L 322, 12.12.1996, p. 1.
(2) ĠU L 337 I, 13.12.2016, p. 41.
(3) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0296.
(4) ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 83.
(5) ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 81.
(6) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 377.
(7) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 82.

Avviż legali