Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2017 - StrasburguVerżjoni finali
Żimbabwe, il-każ ta' Pastor Evan Mawarire
 Il-priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea
 Il-Filippini, il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima
 Il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
 Diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista mill-importaturi ta' minerali u metalli li joriġinaw f’żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli ***I
 Qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd ***I
 L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Tratatt ta' Lisbona
 Politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku
 Rapport 2016 dwar il-Montenegro
 Demokrazija elettronika fl-UE: potenzjal u sfidi

Żimbabwe, il-każ ta' Pastor Evan Mawarire
PDF 263kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar iż-Żimbabwe, il-każ ta' Pastor Evan Mawarire u każijiet oħra ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni (2017/2608(RSP))
P8_TA(2017)0086RC-B8-0191/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE dwar il-Gvernanza Lokali tat-30 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE dwar il-vjolenza tat-12 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE dwar il-ħtif ta' Itai Dzamara tad-9 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe dwar il-protesti pubbliċi u l-imġiba tal-pulizija,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/220 tal-15 ta’ Frar 2016(1) li testendi l-miżuri restrittivi tal-UE kontra ż-Żimbabwe sal-20 ta’ Frar 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE tad-19 ta’ Frar 2014 dwar ir-rieżami tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Globali ffirmat fl-2008 mit-tliet partiti politiċi ewlenin, jiġifieri ZANU PF, MDC-T u MDC,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Lulju 2012 dwar iż-Żimbabwe u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK tas-27 ta' Frar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe(2),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981, li ż-Żimbabwe rratifikat,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Diċembru tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-poplu taż-Żimbabwe ilu jbati għal ħafna snin taħt reġim awtoritarju mmexxi mill-President Mugabe li jsostni is-setgħa tiegħu permezz tal-korruzzjoni, il-vjolenza, elezzjonijiet mimlija irregolaritajiet u apparat ta' sigurtà brutali; billi l-poplu taż-Żimbabwe ma esperjenzax il-libertà vera f'għexieren ta' snin u ħafna persuni ta' taħt l-età ta' tletin sena, għalhekk, jafu biss ħajja ta' faqar u ripressjoni vjolenti;

B.  billi l-moviment tal-midja soċjali indipendenti #ThisFlag stabbilit mill-fundatur Evan Mawarire, li huwa pastor u difensur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat f’Harare, ikkatalizza l-frustrazzjoni li ċ-ċittadini kellhom bir-reġim ta’ Mugabe waqt il-protesti tas-sena l-oħra kontra n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-gvern kontra l-korruzzjoni, l-impunità u l-faqar; billi Pastor Mawarire stieden lill-gvern jindirizza l-ekonomija li qegħda tfalli u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem; billi l-moviment #ThisFlag ġibed l-appoġġ tal-knejjes u tal-klassi tan-nofs, li sa issa kellhom it-tendenza li jżommu 'l bogħod mill-politika tat-toroq;

C.  billi Pastor Evan Mawarire kien diġà ġie arrestat fuq akkużi ta’ inċitament biex titwettaq vjolenza pubblika u meħlus f’Lulju 2016, u sussegwentement telaq miż-Żimbabwe fl-istess xahar minħabba l-biża’ dwar is-sikurezza tiegħu u tal-familja tiegħu;

D.  billi fl-1 ta’ Frar 2017 Pastor Evan Mawarire ġie arrestat fl-ajruport ta' Harare meta rritorna fiż-Żimbabwe; filwaqt li oriġinarjament kien akkużat bis-"sovversjoni ta' gvern kostituzzjonali" skont it-Taqsima 22 tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali, reat li huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija sa 20 sena; billi fit-2 ta’ Frar 2017 żdiedet akkuża oħra, dik li insulta l-bandiera skont it-Taqsima 6 tal-Att dwar il-Bandiera taż-Żimbabwe; billi Pastor Mawarire nħeles biss fuq pleġġ wara li kien qatta' disat ijiem fil-kustodja;

E.  billi, f’dikjarazzjoni pubblika, il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe esprimiet tħassib serju dwar il-brutalità u l-imġiba vjolenti tal-pulizija, filwaqt li tgħid li d-drittijiet fundamentali tad-dimostranti ġew miksura, u appellat lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jinvestigaw u jressqu lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja;

F.  billi Itai Dzamara, ġurnalist u attivist politiku, inħataf fid-9 ta’ Marzu 2015 minn ħamest irġiel mhux identifikati f’ħanut ta' barbier f’Harare; billi l-Qorti Suprema ordnat lill-Gvern ifittex lil Dzamara u jirrapporta dwar il-progress lill-Qorti ta' kull ħmistax sakemm ikun ġie determinat fejn kien jinsab; billi għadu mhux magħruf id-destin tas-Sur Dzamara;

G.  billi Promise Mkwananzi, il-mexxej ta’ #Tajamuka, moviment soċjali marbut mal-istay-away ta’ Lulju, ġie arrestat u akkużat b'inċitament għall-vjolenza pubblika qabel is-sejħa għax-“shutdown 3.0” skedata għall-31 ta’ Awwissu 2016 u ġie meħlus bi pleġġ; billi attivista oħra ta’ #Tajamuka, is-Sinjura Linda Masarira, li qabel kienet ġiet arrestata f’Mejju 2015 u rimandata mill-kustodja fuq pleġġ mingħajr ħlas, reġgħet ġiet arrestata waqt il-protesti f’Lulju 2016;

H.  billi l- miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim taż-Żimbabwe ġew imġedda fi Frar 2017 sal-20 ta' Frar 2018; billi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar se jkomplu japplikaw għall-President Mugabe, għal Grace Mugabe, u għall-Industriji tad-Difiża taż-Żimbabwe; billi l-embargo fuq l-armi se jibqa' fis-seħħ; billi l-UE neħħiet ir-restrizzjonijiet minn fuq 78 persuna u tmien entitajiet;

I.  billi ż-Żimbabwe hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 9 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-kooperazzjoni AKP-UE;

J.  billi l-EUR 234 miljun allokati lill-Programm Indikattiv Nazzjonali (NIP) għaż-Żimbabwe għall-perjodu 2014-2020 taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għandhom jiġu ffukati fuq tliet setturi ewlenin, jiġifieri s-saħħa, l-iżvilupp ekonomiku bbażat fuq l-agrikultura, u l-governanza u l-bini ta' istituzzjonijiet;

1.  Jikkundanna l-arrest ta’ Pastor Evan Mawarire; jenfasizza li l-ħelsien tieħgu fuq pleġġ mhuwiex biżżejjed u li l-akkużi politikament motivati miġjuba kontrih irid jiġi rtirati għalkollox;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jiżguraw li s-sistema tal-ġustizzja kriminali ma tiġix abbużata sabiex titfa' fil-mira, tagħti fastidju jew tintimida lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħalma hu Pastor Evan Mawarire;

3.  Jemmen li l-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni huma komponenti essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija; jenfasizza li l-espressjoni ta' opinjoni b'mod nonvjolenti huwa dritt kostituzzjonali għaċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe u jfakkar lill-awtoritajiet fl-obbligu tagħhom li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini kollha;

4.  Jinsab profondament imħasseb dwar rapporti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ta’ vjolenza politika, kif ukoll ta' restrizzjonijiet fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-intimidazzjoni tagħhom; jiddispjaċih li mill-aħħar elezzjonijiet 'il hawn, u mill-adozzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida fl-2013, ftit sar progress fir-rigward tal-istat tad-dritt u b'mod partikolari lejn ir-riforma tal-ambjent tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jaċċertaw ruħhom dwar fejn jinsab is-Sur Dzamara u jiżguraw li dawk li huma responsabbli għall-ħtif tiegħu jitressqu quddiem il-ġustizzja; jinnota li l-espressjoni ta' opinjoni b'mod nonvjolenti huwa dritt kostituzzjonali għaċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe u li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini kollha;

6.  Jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu dwar il-każ tas-Sinjura Linda Masarira, li ġiet ikkundannat fuq akkużi ta’ vjolenza pubblika li rriżultaw mill-istrajk nazzjonali li sar fis-6 ta’ Lulju 2016; jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe juru trażżin tiegħu innifsu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe, inkluż id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-għaqda; ifakkar lill-Gvern fir-responsabilità tiegħu rigward li jirrispetta, li jobdi, u li ma jwaqqax il-Kostituzzjoni, u li jservi lill-poplu kollu taż-Żimbabwe b’mod imparzjali mingħajr eċċezzjoni;

7.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f’Harare tkompli toffri l-assistenza tagħha liż-Żimbabwe bl-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiġu esplorati l-possibilitajiet ta’ ffaċilitar ta’ missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE;

8.  Jenfasizza għal darba oħra kemm huwa importanti għall-UE li tibda djalogu politiku mal-awtoritajiet taż-Żimbabwe fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, u b'hekk tikkonferma l-impenn tal-UE li tappoġġja lill-popolazzjoni lokali;

9.  Jinsisti li l-UE għandha tiżgura li l-finanzjament allokat liż-Żimbabwe għall-Programm Indikattiv Nazzjonali tagħha jindirizza b'mod effikaċi s-setturi kkonċernati, u jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe jippermetti lill-Kummissjoni aċċess mingħajr xkiel għall-proġetti ffinanzjati mill-UE u jsaħħaħ id-disponibilità tiegħu għall-assistenza teknika għall-proġetti u l-programmi miftiehma b'mod konġunt;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe, lill-gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU L 40, 17.2.2016, p. 11.
(2) ĠU L 54, 28.2.2012, p. 20.


Il-priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea
PDF 281kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea (2017/2596(RSP))
P8_TA(2017)0087RC-B8-0190/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea(1), b'mod partikolari tat-Tatari tal-Krimea, u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tatari tal-Krimea(2), kif ukoll dawk li jirrigwardaw każijiet speċifiċi ta' Ukreni detenuti illegalment fir-Russja, bħal dawk tat-30 ta' April 2015 dwar il-każ ta' Nadiya Savchenko(3) u tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver(4), Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 bit-titlu "L-integrità territorjali tal-Ukrajna", u r-Riżoluzzjoni Nru 71/205 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' Diċembru 2016 bit-titlu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna)",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–  wara li kkunsidra l-"Pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk", adottat u ffirmat f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015 u approvat uffiċjalment fl-intier tiegħu bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tas-17 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-issuktar tas-sanzjonijiet imposti fuq il-Federazzjoni Russa bi rbit mal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tas-26 ta' April 2016 tal-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea, li ddikjarat li l-Meġlis tal-Poplu Tatar tal-Krimea kien organizzazzjoni estremista u pprojbiet l-attivitajiet tiegħu fil-peniżola tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Marzu 2017 jimmarka t-tielet anniversarju ta' diqa tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mir-Russja;

B.  billi l-annessjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa hija illegali u tikser il-liġi internazzjonali u l-ftehimiet Ewropej iffirmati kemm mill-Federazzjoni Russa u kemm mill-Ukrajna, b'mod partikolari l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki u l-Memorandum ta' Budapest u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa tal-1997;

C.  billi, għat-tul kollu tal-annessjoni, l-awtoritajiet Russi għandhom jinżammu responsabbli għall-protezzjoni tal-poplu u taċ-ċittadini tal-Krimea, permezz tal-awtoritajiet de facto preżenti fir-reġjun;

D.  billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u sorsi pubbliċi, tal-anqas 62 ċittadin Ukren saritilhom prosekuzzjoni illegali għal raġunijiet politiċi minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi Russi, li 49 minn dawn iċ-ċittadini huma residenti tal-Krimea; billi l-għadd ta' priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja żdied matul l-2016, minkejja li nħelsu sitt Ukreni; billi, bħalissa, 17-il ċittadin tal-Ukrajna huma detenuti illegalment fil-Federazzjoni Russa, u 15 fil-Krimea okkupata; billi tal-anqas mitt Ukren qed jinżammu ostaġġi f'kundizzjonijiet mill-agħar mill-forzi separatisti appoġġjati mir-Russja fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk fl-Ukrajna;

E.  billi, f'diversi każijiet, saru rapporti tal-użu tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili u degradanti; illi dawn l-allegazzjonijiet sal-lum għadhom ma ġewx investigati b'mod xieraq; billi t-tortura ntużat biex jinkisbu konfessjonijiet ta' ħtija u biex tirfed evidenza falza ta' ħtija; billi l-avukati mill-Krimea li jipprovdu assistenza legali lil dawn in-nies u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappurtaw każijiet ta' għajbien furzat politikament motivati fil-Krimea, kif ukoll ġurnalisti li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tat-Tatari tal-Krimea, ukoll sfaw fil-mira;

F.  billi ħafna priġunieri u detenuti ffaċċjaw kundizzjonijiet ħorox u inumani fil-ħabsijiet, b'mod li kkawżalhom dannu fiżiku u riskji psikoloġiċi għal saħħithom; billi hemm ħabsin li jeħtieġu b'urġenza attenzjoni medika u trattament mediku;

G.  billi, fis-16 ta' Diċembru 2016, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) iddefiniet lir-Russja bħala potenza okkupanti u kkundannat l-okkupazzjoni temporanja mill-Federazzjoni Russa tat-territorju tal-Ukrajna – ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol – u affermat mill-ġdid li ma tirrikonoxxix l-annessjoni illegali ta' dak it-territorju;

H.  billi, skont l-Artikolu 70 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra rigward il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, "persuni protetti ma għandhomx jiġu arrestati, prosegwiti jew ikkundannati mill-Potenza Okkupanti għal atti mwettqa jew għal opinjonijiet espressi qabel l-okkupazzjoni" billi, fir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU, ir-Russja hija rikonoxxuta bħala Stat li huwa Potenza Okkupanti, u l-obbligi ta' Potenza Okkupanti, inkluża l-protezzjoni tal-poplu u taċ-ċittadini tal-Krimea, huma imposti fuqha;

I.  billi leġiżlazzjoni restrittiva Russa li tirregola d-drittijiet politiċi u ċivili ġiet estiża għall-Krimea, bil-konsegwenza li l-libertajiet ta' għaqda, ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' aċċess għall-informazzjoni u ta' reliġjon sfaw limitati b'mod drastiku, kif ukoll saru rapporti kredibbli ta' intimidazzjoni, għajbien furzat u tortura;

J.  billi hemm madwar 20 000 persuna li ġew spustati internament mill-Krimea lejn reġjuni Ukreni oħrajn, billi l-Meġlis tal-Poplu Tatar tal-Krimea ġie pprojbit u pproklamat bħala organizzazzjoni estremista u billi skejjel Ukreni fil-peniżola ngħalqu;

K.  billi, fis-16 ta' Jannar 2017, l-Ukrajna istitwiet kawża fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) biex iżżomm lir-Russja responsabbli għall-appoġġ tagħha lit-terroriżmu fil-Lvant tal-Ukrajna u għal atti ta' diskriminazzjoni kontra Ukreni etniċi u kontra t-Tatari fil-Krimea okkupata;

1.  Jappoġġja s-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment, u jtenni bil-qawwa l-kundanna tiegħu tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol mill-Federazzjoni Russa; jappoġġja bis-sħiħ id-determinazzjoni soda u sostnuta tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li ma jirrikonoxxux din l-annessjoni, kif ukoll il-miżuri restrittivi meħuda f'dan ir-rigward;

2.  Ifakkar li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea marret lura b'mod sinifikanti, li l-ksur tal-libertà ta' espressjoni, l-abbuż tal-midja u l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa saru sistematiċi, u li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali mhuwiex garantit fil-Krimea;

3.  Jikkundanna l-politiki diskriminatorji imposti mill-hekk imsejħa awtoritajiet kontra, b'mod partikolari, il-minoranza etnika tat-Tatari tal-Krimea, il-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà tagħhom, l-intimidazzjoni dejjem tikber ta' din il-komunità u ta' dawk li jopponu l-annessjoni Russa, u n-nuqqas ta' libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni fil-peniżola;

4.  Jistieden lir-Russja biex teħles bla aktar dewmien liċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment u arbitrarjament, kemm fir-Russja u kemm fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna, u biex tipprovdi għar-ritorn sikur tagħhom, fost l-oħrajn Mykola Karpyuk, Stanislav Klykh, Oleksandr Kolchenko, Oleg Sentsov, Oleksiy Chyrniy, Oleksandr Kostenko, Serhiy Lytvynov, Valentyn Vyhivskyi, Viktor Shur, Andriy Kolomiyets, Ruslan Zeytullayev, Nuri Primov, Rustem Vaitov, Ferat Sayfullayev, Akhtem Chiyhoz, Mustafa Dehermendzhi, Ali Asanov, Inver Bekirov, Muslim Aliyev, Vadim Siruk, Arsen Dzhepparov, Refat Alimov, Zevri Abseitov, Remzi Memetov, Rustem Abiltarov, Enver Mamutov, Artur Panov, Evheniy Panov, Roman Suschenko u Emir-Usein Kuku, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tħalli lil dawn il-persuni kollha msemmija jivvjaġġaw liberament, inkluż Mykola Semena, li qed issirlu prosekuzzjoni minħabba x-xogħol ġurnalistiku tiegħu għal Radio Free Europe/Radio Liberty;

5.  Jenfasizza li d-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa tal-21 ta' Marzu 2014 li twettaq l-annessjoni tal-Krimea tibqa' illegali, u jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet Russi li jagħtu passaport Russu lil kull abitant tal-Krimea;

6.  Ifakkar lill-Federazzjoni Russa, bħala potenza okkupanti b'kontroll effettiv fuq il-Krimea u marbuta bil-liġi umanitarja internazzjonali u bil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, fl-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jagħtu aċċess bla xkiel għall-Krimea lill-istituzzjonijiet u lill-esperti indipendenti internazzjonali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lil kwalunkwe NGO tad-drittijiet tal-bniedem jew lill-operaturi tal-aħbarijiet jew tal-midja li jixtiequ jżuru, jivvalutaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni hemmhekk; jistieden lill-awtoritajiet Ukreni biex jissimplifikaw il-proċedura li biha ġurnalisti barranin, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u avukati jingħataw aċċess għall-peniżola;

7.  Iqis li d-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea nkisru serjament permezz tal-projbizzjoni tal-attivitajiet tal-Meġlis, u jtenni bil-qawwa s-sejħa tiegħu biex id-deċiżjoni relatata u l-effetti tagħha jiġu rrevokati minnufih; jiddeplora l-persekuzzjoni legali u t-theddidiet ta' arrest li saru lill-mexxejja tal-Meġlis, bħal Mustafa Dzhemilev, Membru tal-Verkhovna Rada Ukrena u nominat għall-Premju Sakharov, u Refat Chubarov, il-President tal-Meġlis;

8.  Jissottolinja li t-Tatari tal-Krimea, bħala poplu indiġenu tal-peniżola, u l-wirt kulturali tagħhom jidhru li huma l-ewwel fil-mira għar-ripressjonijiet; jappella biex l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-esperti indipendenti tal-OSKE, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa jkollhom aċċess bla restrizzjonijiet għall-Krimea;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li, minkejja l-illegalità tal-annessjoni tal-Krimea, ir-Russja hija, f'kapaċità de facto, kompletament responsabbli għar-rispett tal-ordni ġuridiku fil-Krimea u għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Krimea kontra miżuri ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji;

10.  Jesprimi tħassib qawwi dwar rapporti kredibbli ta' każijiet ta' għajbien, tortura u intimidazzjoni sistematika ta' ċittadini lokali li opponew l-annessjoni tal-Krimea, u jistieden lir-Russja biex ittemm minnufih il-prattiki ta' persekuzzjoni, tinvestiga b'mod effikaċi l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-għajbien furzat, id-detenzjonijiet arbitrarji, it-tortura u l-maltrattament ta' detenuti, u tirrispetta l-libertajiet fundamentali tar-residenti kollha, inklużi l-libertajiet ta' espressjoni, ta' reliġjon jew ta' twemmin u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt ta' għaqda paċifika; jitlob li kull każ ta' għajbien u ta' ħtif matul il-perjodu ta' okkupazzjoni tal-Krimea jiġi investigat minnufih, inkluż dak ta' Ervin Ibragimov;

11.  Ifakkar li, skont il-liġi Russa, il-ġurisdizzjoni tas-sistema tal-ġustizzja Russa tapplika biss għal reati li jitwettqu fit-territorju tar-Russja; jiddeplora l-fatt li aġenziji tal-infurzar tal-liġi Russi istitwew diversi kawżi kriminali li jirrigwardaw atti li twettqu fit-territorju tal-Ukrajna u fil-Krimea qabel l-annessjoni;

12.  Jilqa' ż-żjara dan l-aħħar tal-Ombudsman Ukren fil-Krimea bil-għan li tiltaqa' mal-priġunieri; jiddispjaċih li l-Ombudsman ma tħallietx tiltaqa' magħhom kollha u jesprimi t-tama li matul żjarat futuri jkollha aċċess bla xkiel għall-priġunieri Ukreni fil-Krimea kif ukoll għal dawk li ġew trasferiti lejn il-Federazzjoni Russa;

13.  Jitlob li l-OSKE u osservaturi internazzjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-atturi umanitarji kollha jkollhom aċċess mhux limitat, sikur u mingħajr xkiel għall-peniżola tal-Krimea, li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti, u li tingħata assistenza umanitarja u legali, kif ikun meħtieġ; jappoġġja inizjattivi mmexxija mill-Ukrajna bil-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Assemblea Ġenerali; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-Delegazzjoni tal-UE għar-Russja jsegwu mill-qrib il-kawżi kontra priġunieri politiċi Ukreni u jirrapportaw dwar it-trattament tagħhom waqt li jkunu detenuti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti li qed jintużaw trattamenti psikjatriċi punitivi; jistenna li d-Delegazzjoni tal-UE, is-SEAE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jsegwu mill-qrib il-proċedimenti legali kontra ċ-ċittadini tal-Ukrajna fir-Russja u jfittxu li jkollhom aċċess għal dawn il-persuni, qabel, matul u wara l-proċessi tagħhom;

14.  Jikkundanna l-prattika prevalenti li persuni detenuti jiġu ttrasferiti lejn reġjuni mbiegħda fir-Russja, peress li din il-prattika tippreġudika serjament il-komunikazzjoni mal-familji tagħhom u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li din il-prattika tikser il-leġiżlazzjoni Russa fis-seħħ, b'mod partikolari l-Artikolu 73 tal-Kodiċi Kriminali, li jistipula li s-sentenzi jridu jiġu skontati fir-reġjun ta' residenza tal-ħabsi jew li fih tkun ingħatat is-sentenza tal-qorti; jiddenunċja l-prattika tar-rifjut ta' żjarat konsulari lill-persuni detenuti u jistieden lill-awtoritajiet biex jippermettu tali żjarat mingħajr kundizzjonijiet; iħeġġeġ biex il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) jingħata aċċess għal ħabsijiet fit-territorji okkupati u biex id-drittijiet tad-detenuti li jikkomunikaw ma' qrabathom u ħbiebhom f'intervalli regolari, kemm permezz ta' korrispondenza u kemm billi jilqgħu żjarat, jiġu rrispettati;

15.  Jissottolinja wkoll il-ħtieġa li l-Ukrajna tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' ċittadini Ukreni spostati, inkluż id-dritt tagħhom li jivvutaw u li jgawdu protezzjoni legali u amministrattiva sħiħa f'pajjiżhom;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tat-22 ta' Frar 2017 tal-Presidju tal-Qorti Suprema tar-Russja li tħassar il-kundanna ta' Ildar Dadin fuq akkużi li pparteċipa f'diversi protesti mhux awtorizzati, fosthom protesti kontra l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, u li tordna li jinħeles mill-ħabs, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Novembru 2016(6) fid-difiża tiegħu;

17.  Jitlob li r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jżomm attenzjoni kontinwa fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea; jissottolinja l-ħtieġa kumplessiva li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol aktar viżibbli, effikaċi u proattiv fil-promozzjoni ta' soluzzjoni paċifika dejjiema;

18.  Jitlob li l-UE tappoġġja proġetti tal-midja Ukreni u tat-Tatari tal-Krimea għall-Krimea kif ukoll dawk mibdija mill-Fond Ewropew għad-Demokrazija u minn Radio Free Europe/Radio Liberty, u proġetti li jiddefendu skejjel Ukreni u tat-Tatari tal-Krimea u inizjattivi oħra maħsuba biex jipproteġu l-wirt kulturali tagħhom;

19.  Jitlob li jiġu imposti aktar miżuri restrittivi fuq individwi responsabbli għal każijiet ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iffriżar tal-assi tagħhom f'banek tal-UE;

20.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Minsk, inkluż li jtemmu l-attivitajiet militari f'Donbas u li jiskambjaw l-ostaġġi, u li jeħilsu lid-detenuti kollha u jirritornawhom bla aktar dewmien; ifakkar fir-responsabbiltà partikolari tal-Gvern Russu f'dan ir-rigward;

21.  Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà li jiġi stabbilit format internazzjonali għan-negozjati dwar tmiem tal-okkupazzjoni tal-Krimea, bil-parteċipazzjoni tal-UE u li jkun ibbażat fuq il-liġi umanitarja internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji internazzjonali;

22.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex isib modi kif jappoġġja lill-Ukrajna quddiem il-QIĠ fil-kawża biex il-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-appoġġ tagħha lit-terroriżmu fil-Lvant tal-Ukrajna u għall-atti ta' diskriminazzjoni kontra Ukreni etniċi u Tatari tal-Krimea fil-Krimea okkupata;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukrajna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0043.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0218.
(3) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 101.
(4) Ċittadin Estonjan.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0314.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0446.


Il-Filippini, il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima
PDF 264kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-Filippini – il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima (2017/2597(RSP))
P8_TA(2017)0088RC-B8-0193/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Settembru 2016(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE u tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ),

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 bil-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi tat-28 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom;

B.  billi fit-23 ta' Frar 2017 inħareġ mandat ta' arrest fil-konfront tas-Senatur Leila M. De Lima tal-Filippini, membru tal-Partit Liberali fl-oppożizzjoni, fuq akkużi ta' allegati reati relatati mad-droga; billi fl-24 ta' Frar 2017 is-Senatur De Lima ġiet arrestata u miżmuma f'kustodja; billi, jekk tinstab ħatja, is-Senatur De Lima tista' teħel sentenza ta' bejn 12-il sena u għomor il-ħabs u titkeċċa mis-Senat;

C.  billi hemm tħassib serju li r-reati li s-Senatur De Lima ġiet mixlija bihom huma kważi għalkollox ivvintati; billi Amnesty International tqis is-Senatur De Lima bħala priġuniera minħabba t-twemmin tagħha;

D.  billi s-Senatur De Lima hija difensur tad-drittijiet tal-bniedem u hija l-opponent prinċipali tal-kampanja kontra d-droga tal-President Filippin Rodrigo Duterte; billi hija kkundannat bil-miftuħ il-gwerra tal-Filippini kontra d-droga; billi s-Senatur De Lima kienet President tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Filippini; billi hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tas-Senatur De Lima; billi hemm għadd kbir ta' allegazzjonijiet ta' tortura fil-postijiet ta' detenzjoni li mhumiex qed jiġu investigati;

E.  billi, fid-19 ta' Settembru 2016, is-Senatur De Lima tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha bħala president tal-Kumitat għall-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-Senat; billi matul il-mandat tagħha bħala l-kap tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, is-Senatur De Lima mexxiet l-investigazzjoni dwar l-allegat qtil extraġudizzjarju ta' madwar 1 000 suspettat tad-droga jew aktar f'Davao, meta l-President Duterte kien sindku tal-belt; billi, wara s-seduti, is-Senatur De Lima kienet vittma ta' kampanja ta' fastidju u intimidazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet, u dawn l-attakki żdiedu fl-aħħar tmien xhur;

F.  billi, fit-2 ta' Marzu 2017, il-Human Rights Watch ħareġ ir-rapport tiegħu "Licence to Kill: Philippine Police Killings in Duterte's 'War on Drugs'", li jiddokumenta l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga;

G.  billi ġew rappurtati aktar minn 7 000 każ ta' qtil relatat mad-droga mwettqa mill-pulizija u l-viġilanti minn mindu l-President Duterte tela' fil-poter fit-30 ta' Ġunju 2016; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli l-kampanja tiegħu kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali fl-2022;

H.  billi b'reazzjoni għall-qtil ta' uffiċjali mir-ribelli komunisti tal-Armata l-Ġdida tal-Poplu (NPA) fin-Nofsinhar tal-Filippini fit-8 ta' Marzu 2017, il-President Duterte ordna lill-armata twettaq operazzjonijiet kontra r-ribelli mingħajr ma tagħti kas il-ħsara kollaterali;

I.  billi, fit-30 ta' Jannar 2017, il-Pulizija Nazzjonali tal-Filippini ssospendiet temporanjament l-operazzjonijiet kontra d-droga min-naħa tal-pulizija wara allegat qtil brutali relatat mal-ġlieda kontra d-droga; billi l-President Duterte ordna lill-Forzi Armati tal-Filippini (AFP) jimlew dan il-vojt fil-kampanja kontra d-droga;

J.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u l-ġurnalisti fil-Filippini, inkluża s-Senatur De Lima, iħabbtu wiċċhom regolarment ma' theddid, fastidju, intimidazzjoni u bullying fuq l-internet; billi dawk li jiksru d-drittijiet ta' dawn il-gruppi mhumiex qed jinżammu responsabbli minħabba l-fatt li mhux qed jitwettqu investigazzjonijiet xierqa; billi, f'Novembru 2016, il-President Duterte hedded bil-miftuħ li joqtol lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi, fis-7 ta' Marzu 2017, il-Kamra tar-Rappreżentanti approvat l-Abbozz ta' Liġi 4727 biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt għal delitti gravi relatati mad-droga; billi l-Filippini kienu l-ewwel pajjiż fir-reġjun li, fl-2007, abolixxa l-piena tal-mewt; billi jekk terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt, dan ikun bi ksur ċar tat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Filippini huma parti fih mill-2007; billi bħalissa l-amministrazzjoni tal-President Duterte qed tikkunsidra leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima għar-responsabbiltà kriminali minn 15-il sena għal 9 snin;

L.  billi, f'Settembru 2016, il-Filippini assumew il-presidenza tal-ASEAN għall-2017;

1.  Jitlob il-ħelsien immedjat tas-Senatur Leila M. De Lima u jappella biex tingħata sigurtà adegwata kemm iddum miżmuma f'kustodja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jiżguraw proċess ġust, filwaqt li jfakkar fid-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, iwaqqgħu l-akkużi politikament motivati kollha miġjuba kontriha u jtemmu kwalunkwe att ulterjuri ta' fastidju fil-konfront tagħha;

2.  Huwa konxju tal-fatt li, fil-Filippini, miljuni ta' persuni huma affettwati b'mod negattiv mil-livell għoli ta' dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħha; jikkundanna bil-qawwa t-traffikar u l-abbuż tad-droga fil-Filippini; jistieden lill-Gvern jagħti prijorità lill-ġlieda kontra x-xibka tat-traffikar u l-barunijiet tad-droga, flok ma jikkonċentra fuq il-konsumaturi ż-żgħar; jenfasizza li din il-ġlieda trid timxi id f'id ma' miżuri ta' prevenzjoni u diżintossikazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern fl-isforzi tiegħu biex jiftaħ ċentri ta' diżintossikazzjoni ġodda;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' każijiet ta' qtil extraġudizzjarju mill-forzi armati u l-gruppi ta' viġilanza b'rabta mal-kampanja kontra d-droga; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jesprimi tħassib serju dwar rapporti kredibbli li jgħidu li l-korp tal-pulizija tal-Filippini qed jiffalsifika l-evidenza biex jiġġustifika l-qtil extraġudizzjarju, u li dawk li qed jisfaw l-aktar fil-mira huma l-foqra taż-żoni urbani; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwettqu immedjatament investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi fir-rigward ta' dan il-qtil extraġudizzjarju u jieħdu passi kontra l-awturi tad-delitti u jressquhom quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-UE tappoġġja dawn l-investigazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw aktar qtil;

4.  Jesprimi tħassib serju fir-rigward tar-retorika tal-President Duterte bi tweġiba għall-qtil ta' xi uffiċjali fit-8 ta' Marzu 2017 u jħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet u l-militar tal-Filippini jirrispettaw strettament id-dritt umanitarju internazzjonali, li jpoġġi restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-partijiet kollha f'kunflitt armat biex ma jweġġgħux nies ċivili u persuni mhux involuti fil-ġlied;

5.  Jistieden lill-UE tappoġġja t-tnedija ta' investigazzjoni internazzjonali indipendenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-rigward tal-qtil illegali u ksur ieħor min-naħa tal-Filippini fil-kuntest tal-"ġlieda kontra d-droga" tal-President Duterte;

6.  Huwa allarmat ħafna bid-deċiżjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti li terġa' ddaħħal il-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwaqqfu immedjatament il-proċedimenti li għaddejjin biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ifakkar li l-UE tqis il-piena kapitali bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għall-imġiba kriminali; jistieden lill-Gvern Filippin ma jbaxxix l-età minima għar-responsabbiltà kriminali;

7.  Jistieden lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ tas-Senatur De Lima;

8.  Iħeġġeġ lill-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Filippini jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim Qafas;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tikkonvinċi lill-Filippini jtemmu l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga, inklużi passi proċedurali bil-ħsieb tal-possibbiltà li jitneħħew il-preferenzi tas-SĠP+ jekk ma jkunx hemm titjib sostanzjali fix-xhur li ġejjin;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u l-Parlament tal-Filippini, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0349.


Il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
PDF 411kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017 (2017/2598(RSP))
P8_TA(2017)0089RC-B8-0183/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016 dwar l-Etjopja, il-Korea ta' Fuq, l-Indja, il-Krimea, Hong Kong, il-Każakistan, l-Eġittu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Pakistan, il-Honduras, in-Niġerja, il-Gambja, il-Djibouti, il-Kambodja, it-Taġikistan, il-Vjetnam, il-Malawi, il-Bahrain, il-Myanmar/Burma, il-Filippini, is-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Rwanda, is-Sudan, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, it-Tibet, l-Iraq, l-Indoneżja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Burundi, in-Nikaragwa, il-Kuwajt u l-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi integrat fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE;

B.  billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu u l-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi s-sessjonijiet regolari tal-UNHRC, il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al Hussein u mill-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); ifakkar fl-impenn tal-UE li tkompli tappoġġja u tiddefendi l-integrità, l-indipendenza u l-funzjonament tagħha; jilqa' r-rwol li żvolġa l-OHCHR fil-progress tal-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fl-identifikazzjoni tal-mezzi kif jissaħħaħ ir-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu mill-impenn ġenwin tal-membri tiegħu biex jipproteġu l-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nonselettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni; iħeġġeġ il-ħtieġa li tiġi evitata l-polarizzazzjoni tad-dibattitu fl-UNHRC u jinkoraġġixxi djalogu kostruttiv;

3.  Jistieden lill-Istati biex jippermettu lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv bil-għan li jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u joffru l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC;

4.  Jinkoraġġixxi lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jegħlbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u mekkaniżmi nazzjonali ta' koordinament;

5.  Ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC li titlob li l-Kumitat Konsultattiv tal-UNHRC iħejji rapport ta' valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-istabbiliment ta' arranġamenti reġjonali u subreġjonali għall-promozzjoni u għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet fix-xejriet ta' votazzjoni tagħhom u jtejbu l-koordinament tal-pożizzjonijiet tal-UE f'dan is-sens; jinsisti bil-qawwa li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tilħaq pożizzjoni komuni tal-UE meta tivvota fil-UNHRC;

6.  Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali u fil-UNHRC, sabiex ittejjeb il-kredibilità tagħha; jappoġġja l-isforzi li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU;

Prijoritajiet tematiċi

7.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jiġu protetti f'kull dimensjoni tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest tat-teknoloġiji l-ġodda; jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u rappreżalji kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li kkooperaw mal-UNHRC fil-proċess tal-EPU;

8.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd numeruż u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' liġijiet kontra t-terroriżmu; jikkundanna kwalunkwe att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi, il-ġurnalisti jew il-bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-Istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sikur u favorevoli għall-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża enfasi partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli, sabiex ikunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; itenni l-appell tiegħu biex dawk l-Istati li adottaw liġijiet restrittivi kontra organizzazzjonijiet indipendenti li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jirrevokawhom;

9.  Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jappoġġja l-appell għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jappella biex il-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni online, il-libertajiet diġitali u l-importanza ta' internet liberu u miftuħ jitqajmu fil-fora internazzjonali kollha; jappella għat-tnaqqis tad-distakk diġitali u għal aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal aċċess mingħajr ċensura għall-internet;

10.  Ifakkar li d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda għadu jirrappreżenta sfida ewlenija; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni paċifika u ta' għaqda, Maina Kiai; jistieden lill-Istati kollha jqisu r-rapporti b'mod xieraq;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex mill-aktar fis jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;

12.  Jopponi kull forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni fuq kwalunkwe bażi jew status bħar-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon u t-twemmin, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini soċjali, il-kasta, it-twelid, l-età jew id-diżabilità; jappoġġja l-impenn tal-UE mal-proċeduri speċjali rilevanti, inkluż l-Espert Indipendenti ġdid dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-individwi kollha;

13.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ħafna nies, b'mod individwali jew b'mod kollettiv, iġarrbu ksur tad-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, imwettaq minn Stati jew atturi nonstatali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta' drittijiet tal-bniedem interdipendenti oħrajn bħal-libertà ta' espressjoni;

14.  Jitlob lill-UE taħdem sabiex tiżgura aktar protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex tħassar liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' persuni li ma jemmnux; jappella għas-sostenn favur il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

15.  Jitlob bil-qawwa li l-UE tkompli tinsisti dwar tolleranza zero għall-piena tal-mewt u tkompli tfittex li ssaħħaħ l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fl-2015 mir-Repubblika tal-Kongo, mill-Fiġi u mill-Madagaskar li jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jiddeplora l-fatt li reġgħu bdew iseħħu eżekuzzjonijiet f'numru ta' pajjiżi, inklużi l-Bangladesh, il-Bahrain, il-Belarussja, iċ-Chad, l-Indja, l-Indoneżja, il-Kuwajt, l-Oman u s-Sudan t'Isfel; jiddeplora wkoll iż-żieda rappurtata ta' għadd ta' sentenzi tal-mewt mogħtija partikolarment fiċ-Ċina, l-Eġittu, l-Iran, in-Niġerja, il-Pakistan u l-Arabja Sawdija; ifakkar lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal delitti li jsiru minn kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena;

16.  Iħeġġeġ lill-UE ssemma' leħinha biex tappoġġja l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti oħra, eżekuzzjonijiet tal-massa u eżekuzzjonijiet oħra, inkluż għal reati relatati mad-droga, u jitlob lis-SEAE jintensifika, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, bi qbil mal-Linji Gwida tal-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jappella għar-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha; jenfasizza l-importanza kritika tal-appoġġ għall-prevenzjoni tat-tortura, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-Mekkaniżmi Nazzjonali ta' Prevenzjoni stabbiliti skont il-Protokoll Fakultattiv, u tal-appoġġ kontinwu għar-riabilitazzjoni tal-vittmi tat-tortura;

17.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-persistenza ta' ksur u abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappoġġja bil-qawwa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi ta' reati jagħtu kont ta' għemilhom u biex tgħin lill-vittmi jiksbu ġustizzja abbażi tal-prinċipju ta' komplementarjetà fir-rigward ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jitlob lill-partijiet kollha jipprovdu appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI;

18.  Jitlob li l-UE tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-QKI; jinkoraġġixxi djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha, u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU); jistieden lill-Istati li huma membri tan-NU biex jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u biex jinkoraġġixxu r-ratifika tal-emendi ta' Kampala;

19.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dak ikkawżat mill-ISIS/Daesh u l-attakki minn Boko Haram li għandhom fil-mira lit-tfal, kif ukoll l-attakki l-oħra kollha minn organizzazzjonijiet terroristiċi jew paramilitari kontra ċ-ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal; jiddenunzja l-frekwenza u l-iskala tal-atti tal-qerda tal-patrimonju kulturali u jappella biex jingħata appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa minn diversi fora tan-NU;

20.  Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tiżdied ta' ħsara liċ-ċivili f'kunflitti armati madwar id-dinja u dwar attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel, konvojs umanitarji u miri ċivili oħrajn; jinsisti li tali ksur jiġi kkunsidrat b'mod xieraq fi trattattivi tal-UNHRC speċifiċi għal pajjiż u analiżijiet rilevanti taħt il-mekkaniżmu tal-EPU;

21.  Jitlob li l-UE taħdem b'mod attiv għal inizjattiva dwar rikonoxximent min-NU tal-ġenoċidju kontra minoranzi etniċi u reliġjużi mwettaq mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh u għat-tressiq quddiem il-QKI ta' każijiet suspettati ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju; jinkoraġġixxi djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha, u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

22.  Jitlob li l-UE tinkoraġġixxi lill-Istati kollha jqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1986 dwar id-Dritt għall-Iżvilupp; jilqa' l-ħatra reċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi kontribut għall-promozzjoni, il-ħarsien u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħra ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd iridu jkunu fattur trasversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030;

23.  Jitlob li l-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tappoġġja b'mod attiv il-ħidma tal-UN Women u l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u l-programmi tagħha; jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda ta' kwalunkwe vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza sessista; jitlob bil-qawwa li l-UE tfittex inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tan-nisa u l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi kemm tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing kif ukoll tal-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, u li tibqa' impenjata lejn id-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dan il-kuntest;

24.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-perspettiva tal-ġeneri f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jitlob li l-UE tappoġġja, fuq livell internazzjonali, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja, fir-rikostruzzjoni ta' wara kunflitt u fir-rikonċiljazzjoni sostenibbli;

25.  Jitlob li l-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u billi telimina t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali u prattiki dannużi bħalma hija l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġjaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u tas-sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-Istati kollha li huma membri tan-NU jħarsu l-obbligi li jorbtuhom bis-saħħa tat-trattat u l-impenji tagħhom b'rabta mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni ta' ebda tip;

26.  Jistieden lill-Istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;

27.  Jitlob li l-UE taħdem ma' sħabha fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi miżuri li jinkoraġġixxu aktar Stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jinvolvu ruħhom fil-linji ta' ħidma tal-gruppi ta' ħidma tan-NU u l-OHCHR; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati kollha, inkluża l-UE, biex ikunu involuti b'mod attiv u kostruttiv fit-tfassil, kemm jista' jkun malajr, ta' strument legalment vinkolanti li, fil-qafas tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem , jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rimedju u l-għoti ta' aċċess għal rimedju fil-konfront ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kull meta dan iseħħ;

28.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti, li indirizzat il-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u wasslet għall-adozzjoni ta' patt globali dwar qafas komprensiv ta' rispons għar-rifuġjati u l-impenn li japplika għall-migranti u r-rifuġjati, u li hija mmirata biex issalva l-ħajjiet, tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi, tiġġieled ir-razziżmu u l-ksenofobija, tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ugwali quddiem il-liġi u tiżgura l-inklużjoni fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżguraw impenn politiku, finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà b'appoġġ għad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti, u jfakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali, u mhux biss fuq livell Ewropew; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jassumu rwol ta' tmexxija f'dawn l-isforzi internazzjonali, u jonoraw, f'konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-impenji tagħhom li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jfittxu asil, tar-rifuġjati, tal-migranti, u tal-persuni spostati kollha, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni b'diżabilità;

29.  Ifakkar li r-ritorn tal-migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom, u biss meta l-ħarsien ta' drittijiethom ikun garantit fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; jistieden lill-gvernijiet itemmu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni tal-migranti, inklużi l-minorenni; jistieden lill-Istati kollha jieħdu miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti, abbażi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jintroduċu miżuri sabiex isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal, inklużi t-taħriġ ta' ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra u l-ħidma mal-NGOs; jistieden lill-Istati jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

30.  Jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat fil-politiki kollha tal-UE, inklużi dawk dwar il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi pubbliċi, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-politiki ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;

32.  Ifakkar li l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u jitlob li l-UE tonora l-impenji tagħha f'dan ir-rigward;

Il-Belarussja

33.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-użu persistenti tal-piena tal-mewt; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-35 Sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq ir-riformi li messhom ilhom li saru biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Burundi

34.  Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li sejra għall-agħar fil-Burundi u l-għadd dejjem jikber ta' nies li qed jaħarbu mill-pajjiż; jikkundanna l-vjolenza li ilha għaddejja fil-Burundi mill-2015 u li wasslet għal imwiet, tortura u vjolenza mmirata kontra n-nisa, inklużi stupri kollettivi u fastidju; jikkundanna l-priġunerija ta' eluf ta' persuni, l-ispostament furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani, u l-ksur tal-libertà tal-istampa u l-libertà ta' espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità fir-rigward ta' tali atti; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, wara l-falliment tad-diskussjonijiet mibdija skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiġi sospiż l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqgħu jingħataw appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u l-għajnuna umanitarja permezz ta' mezzi diretti; jappoġġja bis-sħiħ l-istabbiliment ta' Kummissjoni ta' Inkjesta fuq il-Burundi li tidentifika l-allegati awturi tal-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, bil-għan li tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw l-influwenza tagħhom biex jiżguraw li l-Burundi jibda jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni ta' Inkjesta u mal-Kunsill u l-mekkaniżmi tiegħu, jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-Kummissjoni ta' Inkjesta u jindirizza l-preokkupazzjonijiet serji dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Burundjani jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw mill-QKI;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

35.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jonora l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti għalihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK ikollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa; jistieden lir-RDPK tippermetti l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll tagħti liċ-ċittadini kollha tagħha aċċess mingħajr ċensura għall-internet ; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-piena tal-mewt fir-RDPK fuq skala kbira; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt fil-ġejjieni qrib; jitlob b'insistenza li dawk responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jitressqu quddiem il-QKI u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati; jikkundanna bil-qawwa t-testijiet nukleari bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali; jitlob il-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' esperti lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jirrakkomanda li fir-riżoluzzjoni jiġu inkorporati r-rakkomandazzjonijiet prinċipali dwar ir-responsabilità mir-rapport tal-esperti, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Uffiċċju ta' Seoul b'kompetenzi ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni, kif ukoll il-ħatra ta' espert ġuridiku fil-qasam kriminali biex ikunu jistgħu jsiru avvanzi fil-qasam tar-responsabilità;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

36.  Jikkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li qed jitwettaq b'impunità sħiħa mill-forzi tas-sigurtà u jitlob li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; jitlob b'mod speċjali li ssir investigazzjoni bir-reqqa dwar il-vjolenza brutali kontra persuni ċivili fil-Lvant tal-Kongo, inklużi l-istupru tan-nisa u l-iskjavitù tat-tfal; jitlob li jkun hemm estensjoni possibbli tal-mandat tal-Forza għaż-Żamma tal-Paċi tan-NU fil-Lvant tal-Kongo; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jestendi l-miżuri restrittivi fis-seħħ bħas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi għal dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-RDK, f'każ ta' aktar vjolenza, hekk kif inhu previst fil-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jimplimentaw il-ftehim li ntlaħaq f'Diċembru 2016 u li jorganizzaw elezzjonijiet mhux aktar tard minn Diċembru 2017 bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali; jistieden lill-UNHRC ikompli l-iskrutinju tiegħu tar-RDK sa ma jsiru l-elezzjonijiet u sseħħ tranżizzjoni demokratika, u jħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli biex jinforma lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fir-RDK meta jkun xieraq u biex jieħu azzjoni aktar b'saħħitha jekk ikun meħtieġ;

Ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar

37.  Jibqa' mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-midja u n-nuqqas ta' aċċess għar-reġjuni tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, li huma t-tnejn okkupati illegalment mir-Russja u fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kuntatt interpersonali bejn it-territorju kkontrollat minn Tbilisi u ż-żewġ reġjuni okkupati; jappella biex is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia jiġu rrispettati bis-sħiħ, kif ukoll biex l-invjolabilità tal-fruntieri tagħha tiġi rikonoxxuta internazzjonalment; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom jirritornaw b'mod sikur u dinjituż fil-post ta' residenza permanenti tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura s-segwitu u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU;

Il-Myanmar/Burma

38.  Jinsab imħasseb għall-aħħar dwar ir-rapporti ta' kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, ta' mezzi ta' għajxien u ta' kenn u r-rapporti ta' użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar/Burma; iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, il-fastidju u l-istupri mwettqa kontra l-poplu Rohingya, kif ukoll il-ħruq ta' djarhom; jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar/Burma u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar/Burma jtemmu minnufih id-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni fil-konfront tal-minoranza Rohingya; jappella biex id-drittijiet tal-poplu Rohingya jiġu salvagwardati u biex jiġu garantiti s-sikurezza, is-sigurtà u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-Myanmar/Burma; jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jilqa' t-tħabbira min-naħa tal-Gvern tal-Myanmar/Burma b'rabta mat-twaqqif ta' Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-istat ta' Rakhine; jissottolinja l-ħtieġa ta' prosekuzzjoni xierqa kontra dawk responsabbli u ta' għoti ta' rimedju adegwat għall-vittmi ta' ksur; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jkompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni u jirrispetta l-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw mandat imġedded tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar/Burma;

It-Territorji Palestinjani Okkupati (TPO)

39.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-istaġnar persistenti tal-proċess ta' paċi tal-Lvant Nofsani, u jappella biex sforzi kredibbli għall-paċi jerġgħu jinbdew mingħajr dewmien; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Territorji Palestinjani Okkupati, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani(3); jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar il-ksur u l-abbużi, bħar-riżoluzzjoni tat-3 ta' Lulju 2015 dwar "il-garanzija tar-responsabilità u l-ġustizzja għall-ksur kollu tad-dritt internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant"; jinnota l-investigazzjoni preliminari tal-QKI li tinsab għaddejja bħalissa; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI u għas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem(4), u jistieden lis-SEAE jirrapporta lura lill-Parlament dwar il-qerda u l-ħsarat ikkawżati lill-istrutturi u lill-proġetti ffinanzjati mill-UE; jenfasizza li l-partijiet kollha jridu jkomplu jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied f'Gaża, u jitlob biex jintemm l-imblokk; jistieden lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani biex jevitaw passi li jistgħu jqanqlu eskalazzjoni ulterjuri, inklużi diskors ta' mibegħda u tixwix fl-arena pubblika, kif ukoll miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati u jheddu l-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt tista' tinkiseb biss f'kuntest reġjonali bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati reġjonali kollha u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

Is-Sudan t'Isfel

40.  Jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż il-ksur li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħalma huma l-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza sessista, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien imġiegħel u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji; jinnota li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel iffirma l-Ftehim ta' Pjan Direzzjonali fis-16 ta' Marzu 2016, u sussegwentement iċċara l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u dwar it-tkomplija ta' ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenn tagħhom u jappella għal djalogu kontinwu lejn l-istabbiliment ta' waqfien definittiv mill-ġlied; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jestendu l-impenn tagħhom li jappoġġjaw l-isforzi tal-Unjoni Afrikana li twassal għall-paċi fis-Sudan t'Isfel u lill-poplu Sudaniż fit-tranżizzjoni tiegħu lejn demokrazija riformata internament; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jġeddu l-mandat tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sudan t'Isfel, u jsaħħu r-rwol tagħha bil-għan li jiġu investigati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u li tiġi identifikata l-vjolenza sesswali; jappoġġja l-integrazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'rapport li għandu jitressaq lill-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

Is-Sirja

41.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mir-reġim ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn atturi statali u mhux statali, inklużi gruppi terroristiċi armati, b'mod partikolari l-ISIS/Daesh li huwa responsabbli għal delitti li jammontaw għal ġenoċidju, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jinsisti li għandha titkompla l-investigazzjoni tal-użu u l-qerda ta' armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tar-Russja u taċ-Ċina li jimblukkaw riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-użu tal-armi kimiċi; itenni l-appell tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għall-konsegwenzi u r-responsabilità għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġja l-inizjattiva tal-UE biex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferuta lill-QKI u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni f'dan ir-rigward; jappoġġja l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta biex twettaq investigazzjoni speċjali dwar Aleppo, li għandha tiġi rrappurtata lura sa mhux aktar tard mill-34 sessjoni tal-UNHRC f'Marzu u jitlob li r-rapport jitressaq quddiem l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà;

L-Ukrajna

42.  Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja mwiegħra f'Donbas u li organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli li qed jiġu ffaċċjati minn aktar minn 1,5 miljun persuna spostati internament; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza sesswali kontinwa relatata mal-kunflitti; jinsab imħasseb serjament dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, partikolarment dawk tat-Tatari tal-Krimea; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar assistenza finanzjarja tal-UE lill-Ukrajna; itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-riintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea okkupata fis-sistema ġuridika Ukrena permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tgaħti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali aċċess għall-Krimea, bl-iskop li jewttqu monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fid-dawl tal-ksur gravi li għaddej tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u bil-għan li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-konvenzjonijiet; jappella, barra minn hekk, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Minsk, u f'dan ir-rigward jappoġġja l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja sakemm tiġi rritornata l-Krimea; ifakkar li l-partijiet kollha fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili taħt il-kontroll tagħhom mill-effetti tal-ostilitajiet; jappoġġja u jħeġġeġ id-Djalogu Interattiv mistenni fl-34 Sessjoni tal-HRC;

Il-Jemen

43.  Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Jemen; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit; jikkundanna l-fatt li l-persuni ċivili jinsabu fil-mira u jinsabu maqbuda f'sitwazzjoni intollerabbli bejn il-partijiet fil-kunflitt li qed jiksru l-dritt internazzjonali umanitarju u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-reklutaġġ u l-isfruttament tat-tfal fil-kunflitti armati huma strettament ipprojbiti mid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal taħt il-ħmistax-il sena għandhom mnejn jikkostitwixxu delitt tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha jeħilsu minnufih lil dawn it-tfal u jżommu lura milli jirreklutawhom; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jnaqqsu t-tensjonijiet u jistabbilixxu waqfien mill-ġlied immedjat u stabbli li jwassal għal soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; jappoġġja bis-sħiħ, f'dan is-sens, l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismaïl Ould Cheikh Ahmed, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem 33/16 ta' Ottubru 2016, li titlob lin-NU sabiex taħdem mal-kummissjoni ta' inkjesta nazzjonali indipendenti, u jappoġġja l-isforzi kollha għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti sabiex titneħħa l-klima ta' impunità fil-Jemen; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-isforzi kontinwi li jesprimu tħassib dwar il-ksur u l-abbużi fil-Jemen u li jitolbu biex dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali; jinkoraġġixxi l-użu ta' format ta' tgħarrif intersessjonali mill-Kummissarju Għoli sabiex iżomm lill-HRC regolarment informat dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0317.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0318.
(4) http://www.ohchr.org/documents/issues/business/A.HRC.17.31.pdf


Diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista mill-importaturi ta' minerali u metalli li joriġinaw f’żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli ***I
PDF 416kWORD 57k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli (COM(2014)0111 – C7-0092/2014 – 2014/0059(COD))
P8_TA(2017)0090A8-0141/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0111),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0092/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-8 ta' Diċembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0141/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Marzu 2017 bil-ħsieb li tadotta r-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/821.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli

Il-Kunsill jaqbel, fuq bażi eċċezzjonali, li jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-livelli limiti tal-Anness I kif stabbiliti fl-Artikolu 1(4) u 1(5), sabiex tkun żgurata l‑adozzjoni f’waqtha tal-livelli limiti u biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Tali ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal proposti leġiżlattivi futuri fil-qasam tal-kummerċ, kif ukoll fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni inġenerali.

Dikjarazzjoni Nru 1 tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli

Il-Kummissjoni se tikkunsidra tagħmel xi proposti leġiżlattivi addizzjonali mmirati lejn kumpaniji tal-UE bi prodotti li fihom il-landa, it-tantalju, u t-tungstenu fil-katina tal-provvista tagħhom jekk tikkonkludi li l-isforzi globali tas-suq tal-UE fuq il-katina tal-provvista globali tal-minerali responsabbli hija insuffiċjenti biex tiffavorixxi mġiba responsabbli tal-provvista fil-pajjiżi produtturi, jew jekk hija tivvaluta li x-xiri sfurzat tal-operaturi 'l isfel fil-katina li jkollhom fis-seħħ sistemi ta' diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista f'konformità mal-Gwida tal-OECD mhuwiex biżżejjed.

Dikjarazzjoni Nru 2 tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli

Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 1(5), il-Kummissjoni se tieħu kont debitu tal-objettivi ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari kif stabbilit fil-premessi (1), (7), (10) u (17).

B'dan il-mod, il-Kummissjoni, b'mod partikolari, se tikkunsidra r-riskji speċifiċi assoċjati mal-operat ta' katini tal-provvista tad-deheb 'il fuq fil-katina f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli, u b'kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar tal-Unjoni li jimportaw id-deheb fl-UE.

Dikjarazzjoni Nru 3 tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli

Bi tweġiba għat-talba tal-Parlament Ewropew għal linji gwida speċifiċi, il-Kummissjoni hija lesta tiżviluppa indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għal provenjenza responsabbli ta' minerali ta' kunflitt. Permezz ta' dawn il-linji gwida, kumpaniji rilevanti b'aktar minn 500 impjegat li jintalbu jiżvelaw informazzjoni mhux finanzjarja f'konformità mad-Direttiva 2014/95/UE, jitħeġġu jiżvelaw informazzjoni speċifika fir-rigward ta' prodotti li fihom il-landa, it-tantalu, it-tungstenu jew deheb.

(1) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-20 ta' Mejju 2015 (Testi adottati, P8_TA(2015)0204).


Qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd ***I
PDF 341kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd (riformulazzjoni) (COM(2015)0294 – C8-0160/2015 – 2015/0133(COD))
P8_TA(2017)0091A8-0150/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – riformulazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0294),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0160/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Frar 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta' riformulazzjoni tal-atti legali(3),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-28 ta’ Jannar 2016 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għas-Sajd skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Jannar 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0150/2016),

A.  billi, skont il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta, u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma’ dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti mingħajr ebda tibdil fis-sustanza tagħhom;

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Marzu 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (riformulazzjoni)

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/1004.)

(1) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 201.
(2) ĠU C 120, 5.4.2016, p. 40.
(3) ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Tratatt ta' Lisbona
PDF 529kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Tratatt ta' Lisbona (2015/2343(INI))
P8_TA(2017)0092A8-0042/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tat-TUE dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-politiki barranin, ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42(2), 42(3), 42(6), 42(7), 45 u 46 tat-TUE dwar it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattati dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015 u tal-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016 u tal-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawsoli ta' difiża reċiproka u solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea ta' Difiża(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-klawżola ta' difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7) ("ir-Regolament Finanzjarju"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/78/PESK tat-22 ta' Jannar 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet finali tal-Konferenzi Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) ta' The Hague tat-8 ta' April 2016, tal-Lussemburgu tas-6 ta' Settembru 2015, ta' Riga tas-6 ta' Marzu 2015, ta' Ruma tas-7 ta' Novembru 2014, ta' Ateni tal-4 ta' April 2014, ta' Vilnius tas-6 ta' Settembru 2013, ta' Dublin tal-25 ta' Marzu 2013 u ta' Paphos tal-10 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea) ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra it-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, iffirmat f'Washington, D.C. fl-4 ta' April 1949,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Implementation Plan on Security and Defence" (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mill-VP/RGħ u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru Speċjali tal-Parlament Ewropew li sar fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta' April sat-18 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0042/2017),

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija determinata li tfassal politika ta' difiża komuni li twassal għal difiża komuni li ssaħħaħ l-unità tagħha, l-awtonomija strateġika tagħha u l-integrazzjoni sabiex tippromwovi l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fil-viċinat tal-Ewropa u fid-dinja; billi politika ta' difiża komuni teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Ewropew u wkoll l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni mill-Istati Membri bi qbil mar-rekwiżiti konstituzzjonali tagħhom;

B.  billi l-formazzjoni ta' sitwazzjonijiet ġeopolitiċi u ġeostrateġiċi ġodda - bil-predominanza tar-reġjun Asjatiku fuq dak Euro-Atlanktiku - u ta' atturi ġodda, kif ukoll il-formazzjoni ta' theddid u oqsma ta' attività ġodda, juru li l-Istati ma jistgħux jiffaċċjaw dawn ir-riskji waħedhom, u hemm bżonn ta' reazzjoni konġunta;

C.  billi hu stmat li l-kost tan-non-Ewropa għas-sigurtà u d-difiża hu aktar minn EUR 100 biljun fis-sena, u billi l-livell tal-effiċjenza tal-UE hu ekwivalenti għal 10–15 % ta' dak tal-Istati Uniti;

D.  billi ambjent globali li qed jiddeterjora jenfasizza l-importanza li jkun hemm titjib tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, kif ukoll il-bżonn ta' żieda qawwija fin-nefqa militari tal-UE bl-użu ta' sors ta' riżorsi proprji intiżi għal dan il-għan;

E.  billi l-objettiv tal-integrazzjoni militari u ta' difiża jmur lura għall-missirijiet fundaturi, li l-għan ewlieni tagħhom kien li jistabbilixxu mekkaniżmu leġittimu ta' difiża kollettiva u jżommu l-paċi fil-kontinent Ewropew;

F.  billi t-TUE fl-Artikolu 21(1) u (2) u fl-Artikolu 42 tiegħu jiddefinixxi b'mod ċar il-prinċipji u l-objettivi fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK u l-mekkaniżmi u l-qafas għall-ilħuq tagħhom; billi twettaq progress limitat fl-ilħuq ta' dawn l-objettivi, minkejja l-bosta talbiet u proposti għal implimentazzjoni mill-Parlament u mill-Kummissjoni;

G.  billi l-iżvilupp tal-PSDK jirrikjedi qabel kollox rieda politika mill-Istati Membri, ibbażata fuq valuri u prinċipji kondiviżi, kif ukoll interessi u prijoritajiet komuni, kif ukoll l-istabbiliment ta' strutturi ta' kooperazzjoni istituzzjonali; billi l-PSDK, għandha tkun politika komuni effikaċi u strutturata li tiġġenera valur miżjud, u mhijiex biss is-sempliċi ġabra ta' poltiki nazzjonali tal-Istati Membri, jew l-inqas denominatur komuni tagħhom;

H.  billi l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-TUE minn Franza f'Novembru 2015, uriet il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża;

I.  billi l-UE skont l-Artikolu 42(2) u l-Artikolu 2(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha l-kompetenza li tiddefinixxi u timplimenta politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni li tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni; billi l-Unjoni jenħtieġ li tuża din il-kompetenza biex ittejjeb il-koordinament u l-effikaċja, u biex tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri, mingħajr b'daqshekk ma tippreġudika jew tissostitwixxi l-kompetenza tagħhom fil-qasam tad-difiża;

J.  billi ilhom is-snin jeżistu strutturi multinazzjonali Ewropej li huma eżempji ta' prattika u kooperazzjoni tajba fost l-Istati Membri, bħall-Eurocorps; billi dawn l-istrutturi jistgħu jkunu punt tat-tluq biex nimxu 'l quddiem lejn politika ta' difiża komuni;

K.  billi ċ-ċittadini tal-UE, jistennew aktar azzjoni mill-UE fid-difiża u s-sigurtà; billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016, żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ jaraw aktar parteċipazzjoni tal-UE, permezz tal-impenn tal-Istati Membri, f'materji ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża;

L.  billi jenħtieġ li tkun stabbilita kultura ta' difiża li tgħin biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE, jkollhom idea ċara tar-rwol li d-difiża twettaq fis-soċjetà tagħna u l-kontribut li tagħti għall-istabilità, għaż-żamma tal-paċi u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;

M.  billi jridu jitwettqu azzjonijiet li jkabbru l-operabilità u l-effikaċja tal-politika ta' sigurtà Ewropea, sabiex din tkun tista' twettaq titjib reali fis-sigurtà tal-Ewropa;

N.  billi l-Kunsill Ewropew għandu jistabbilixxi mingħajr dewmien l-Unjoni Ewropea tad-Difiża, kif irrakkomandat mill-Parlament, kif ukoll id-difiża komuni tal-Unjoni; billi l-Istati Membri għandhom jadottaw id-deċiżjoni dwar id-difiża komuni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom;

O.  billi l-politika ta' difiża tal-UE għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa biex issostni s-sigurtà kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, u għandha tikkonsolida s-sħubija man-NATO u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet transatlantiċi, biex b'hekk tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tan-NATO;

P.  billi l-Parlament jappoġġja b'mod attiv l-Unjoni Ewropea tad-Difiża u se jkompli jagħmel proposti xierqa għal dak l-għan; billi l-konferenza interparlamentari dwar il-PESK u l-PSDK għandha ssir il-forum għall-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fir-rigward tal-PSDK u għat-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni;

Q.  billi l-VP/RGħ tikkonsulta b'mod regolari lill-Parlament dwar it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni, tiżgura li l-opinjonijiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati b'mod xieraq f'dak il-proċess, u tinforma lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar lejn l-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

R.  billi l-VP/RGħ, fid-dikjarazzjoni tagħha fil-laqgħa informali ta' Gymnich tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE li saret tat-2 ta' Settembru 2016, irreferiet għat-"tieqa ta' opportunitajiet" biex isir progress sod fost l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża;

S.  billi l-Kummissjoni tizġura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet skont dawn it-Trattati, inkluż fil-qasam tal-PSDK;

T.  billi l-ipprogrammar annwali u pluriennali futur tal-Unjoni għandu jinkludi politika ta' difiża; billi l-Kummissjoni għandha tibda l-ħidma fuq ftehimiet interistituzzjonali xierqa, inkluż White Book tad-Difiża tal-UE, għall-ewwel implimentazzjoni skont il-qafas finanzjarju u politiku pluriennali li jmiss tal-UE;

U.  billi l-Parlament jirrappreżenta ċ-ċittadini Ewropej u jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji kif ukoll funzjonijiet ta' kontroll politiku u ta' konsultazzjoni politika, u għalhekk qiegħed jintalab li jwettaq rwol ewlieni fit-tfassil tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

V.  billi rwol attiv tal-Parlament, u l-appoġġ politiku u l-iskrutinju demokratiku tiegħu fit-tfassil ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni u l-istabbiliment ta' difiża komuni, jafferma u jsaħħaħ il-pedamenti rappreżentattivi u demokratiċi tal-Unjoni;

W.  billi l-Istrateġija Globali tal-UE għandha sservi bħala qafas strateġiku ċar ħafna u siewi għall-iżvilupp futur tal-PSDK;

X.  billi jeżistu limitazzjonijiet f'dak li jirrigwarda t-taħriġ militari barra mill-pajjiż, f'termini kemm ta' pjanijiet ta' azzjoni u ta' appoġġ ta' loġistika militari meħtieġ;

Y.  billi għaldaqstant ma jistgħux jitwettqu missjonijiet ta' taħriġ barra l-pajjiż – bħalma kien il-każ tal-missjonijiet ta' taħriġ militari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM CAR) jew fil-Mali (EUTM Mali) – jekk il-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati ma jipprovdux l-armamenti u t-tagħmir meħtieġ għall-unitajiet militari; billi mingħajr taħriġ bl-użu ta' armi u tagħmir, impossibbli jinħolqu unitajiet li jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi ta' ta' gwerra u jwettqu l-operazzjonijiet;

Z.  billi attwalment, is-suldati Ewropej huma pprojbiti milli jieħdu sehem f'operazzjonijiet militari bħala osservaturi, li jfisser li ma jistgħux jidentifikaw kwalunkwe problema li l-unitajiet imħarrġa jista' jkollhom, u li għalhekk mhuma kapaċi jsolvu l-ebda problema operazzjonali aktar 'il quddiem;

AA.  billi dawn l-unitajiet - kemm fil-Mali u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana - qegħdin jitħejjew għal operazzjonijiet ta' ġlied, u billi wara tliet snin mingħajr tagħmir u taħriġ adegwat, bl-ebda mod ma huma operazzjonali, bħalma hu l-każ ta' EUTM Mali;

AB.  billi mingħajr l-armamenti meħtieġa, il-missjonijiet ta' taħriġ ikunu jistgħu jitwettqu barra l-pajjiż biss jekk il-gvern tal-pajjiż inkwistjoni ma jipprovdix l-armamenti u t-tagħmir lill-unitajiet, li mbgħad huma jkunu jistgħu jkomplu jużaw wara li jintemm it-taħriġ tagħhom;

Il-qafas kostituzzjonali u legali

1.  Ifakkar li l-PSDK, hekk kif stipulat fit-TUE tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni li għandha twassal għal difiża komuni fil-ġejjieni meta l-Kunsill Ewropew, huwa u jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk, u meta l-Istati Membri jadottaw tali deċiżjoni bi qbil mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bħala prijorità għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-PSDK, u jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw progress tanġibbli fl-ilħuq tal-objettivi kif definit f'dawk id-dispożizzjonijiet;

2.  Jinnota li r-riforma u l-innovazzjoni mwassla lill-PSDK permezz tat-Trattat ta' Lisbona jikkostitwixxu qafas suffiċjenti u koerenti u għandhom iwittu t-triq għal politika verament komuni, ibbażata fuq riżorsi u kapaċitajiet kondiviżi kif ukoll fuq ippjanar koordinat fil-livell tal-Unjoni; jenfasizza li l-progress tal-PSDK fi ħdan il-qafas istituzzjonali u legali attwali huwa aktar dipendenti fuq ir-rieda politika tal-Istati Membri milli fuq kunsiderazzjonijiet legali; jenfasizza li l-Artikolu 43 tat-TUE jkopri l-ispettru sħiħ ta' kompiti għall-immaniġġjar tal-kriżi, u l-użu tagħhom b'mod rapidu u deċiżiv jixhed il-livell ta' ambizzjoni tal-UE;

3.  Jitlob, għalhekk, lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex kif stipulat fit-TUE, jiżguraw konsistenza bejn l-oqsma differenti ta' azzjoni esterna, sabiex jindirizzaw dawn l-oqsma permezz ta' approċċ globali u komprensiv u biex jużaw il-possibbiltajiet kollha previsti fit-Trattat - b'mod speċjali l-mekkaniżmi inklużi fl-Artikolu 42(6) u l-Artikolu 46 tat-TUE, fil-Protokoll Nru 10 dwar kooperazzjoni strutturata permanenti, stabbilit mill-Artikolu 42 tat-TUE, u matul il-fażi operattiva fl-Artikolu 44 tat-TUE dwar l-implimentazzjoni ta' missjoni ta' PSDK minn grupp ta' Stati Membri, sabiex jinkiseb skjerament aktar mgħaġġel, aktar effiċjenti u aktar flessibbli tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet; jissottolinja li r-regoli għal kooperazzjoni fi ħdan il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar;

4.  Jinnota li fejn it-TUE jipprevedi li l-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata biex jadotta deċiżjonijiet skont il-PSDK, b'mod partikolari dawk skont l-Artikoli 45(2) u 46(2) tat-TUE, in-nefqa kollha li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet għandha tiġi ffinanzjata b'riżorsi addizzjonali ġodda għall-baġit tal-UE u għandha titħallas minn dak il-baġit; jikkunsidra, għal dak l-għan, li hemm il-ħtieġa ta' finanzjament addizzjonali jew kofinanzjament mill-Istati Membri;

5.  Jikkunsidra, għalhekk, li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-PESCO għandhom jiġu trattati bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni sui generis, bħal fil-każ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jikkunsidra li dan jirrikjedi li jiġi emendat ir-Regolament Finanzjarju sabiex jinkludi l-EDA u l-PESCO fl-Artikolu 2(b) tiegħu, b'sezzjoni speċifika fil-baġit tal-Unjoni; ifakkar li l-Parlament jenħtieġ li, b'mod konġunt mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, kif ukoll funzjonijiet ta' kontroll u konsultazzjoni politika kif stipulat fit-Trattati;

6.  Jinsab konvint li l-Artikolu 41(1) tat-TUE japplika għan-nefqa amministrattiva tal-EDA u l-PESCO;

7.  Jikkonstata li l-Artikolu 41(2) tat-TUE japplika għan-nefqa amministrattiva tal-EDA u l-PESCO; ifakkar li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn missjonijiet militari, kif imsemmi fl-Artikolu 42(1) tat-TUE, in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn operazzjonijiet ta' difiża ta' Stat Membru fejn ikun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, jew minn operazzjonijiet ta' difiża ta' Stati Membri fejn jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta' għajnuna u assistenza skont l-Artikolu 42(7) tat-TUE, jenħtieġ li tiġi ffinanzjata b'mod kollettiv, iżda ma għandhiex titħallas mill-baġit tal-Unjoni; jilqa' favorevolment l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) dwar il-klawżola ta' difiża reċiproka;

8.  Jikkunsidra, għalhekk, li għall-EDA u l-PESCO, il-finanzjament tal-infiq amministrattiv u operatorju tagħhom mill-baġit tal-Unjoni huwa l-uniku opzjoni skont it-Trattati, minkejja li ż-żewġ istituzzjonijiet jistgħu jamministraw fondi direttament provduti mill-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu l-mezzi finanzjarji addizzjonali meħtieġa sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-EDA u l-PESCO mill-Baġit tal-Unjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jirrevedi d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għal dawk l-għanijiet;

11.  Jemmen li l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri fil-livell tal-UE għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tas-sorveljanza u tal-kontroll parlamentari, kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali;

12.  Jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-Parlament bħala awtorità baġitarja; jinsab determinat li jeżerċita skrutinju parlamentari u kontroll baġitarju effettivi fuq l-EDA u l-PESCO, kif previst mit-trattati;

13.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 41(3) tat-TUE u jadotta, mingħajr dewmien, deċiżjoni li tistabbilixxi l-fond ta' tnedija għall-finanzjament urġenti tal-fażijiet inizjali tal-operazzjonijiet militari għall-kompiti msemmija fl-Artikoli 42(1) u 43 tat-TUE;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, bi qbil mal-Artikolu 42(2) tat-TUE, iwettaq passi konkreti lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forzi armati Ewropej sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-persunal tal-forzi armati taħt il-kappa tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża, bħala pass 'il quddiem lejn it-tfassil gradwali tal-politika tad-difiża komuni tal-Unjoni;

Il-valur miżjud Ewropew tal-PSDK

15.  Jenfasizza li l-ksib tal-objettivi tal-PSDK marbuta mat-tisħiħ tal-kapaċità operattiva tal-Unjoni biex taġixxi esternament għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, kif previst mit-TUE, huwa neċessarju iktar minn qatt qabel f'kuntest ta' sigurtà f'deterjorament rapidu; jemmen bil-qawwa li t-theddid għas-sigurtà u d-difiża li qed tiffaċċja l-UE, u diretti lejn iċ-ċittadini u t-territorju tagħha, huma komuni u ma jistgħux jiġu indirizzati minn Stat Membru wieħed biss; jinsab konvint li s-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni jkunu aktar b'saħħithom jekk l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiddeċiedu li jibqgħu magħqudin u li jaħdmu flimkien; huwa tal-opinjoni li l-UE teħtieġ li tiżviluppa sistema effettiva għall-kondiviżjoni tal-piżijiet Ewropej għas-sigurtà u d-difiża tagħha stess, li għadha ma ġietx stabbilita; jistieden lill-Istati Membri juru parteċipazzjoni politika sħiħa u jikkooperaw favur dan il-għan;

16.  Jenfasizza li s-sigurtà u d-difiża jikkostitwixxu qasam fejn il-valur miżjud Ewropew jista' jintwera faċilment, f'termini ta' effiċjenza, billi l-Istati Membri jingħataw kapaċità miżjuda u aktar kosteffikaċi, permezz ta' aktar koerenza, koordinazzjoni u interoperabbiltà fis-sigurtà u d-difiża, u f'termini tal-kontribuzzjoni għall-konsolidazzjoni tas-solidarjetà, tal-koeżjoni u tal-awtonomija strateġika, kif ukoll tar-reżiljenza tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-istimi li jindikaw li kull euro li jiġi investit fid-difiża jiġġenera ritorn ta' EUR 1,6 partikolarment permezz ta' impjieg b'ħiliet, ir-riċerka u t-teknoloġija u l-esportazzjonijiet;

17.  Jenfasizza li l-użu tal-possibilitajiet kollha pprovduti fit-Trattati se jtejjeb il-kompetittività u l-funzjonament tal-industrija tad-difiża fis-suq intern, jistimola aktar il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz ta' inċentivi pożittivi, u jkollu fil-mira proġetti li l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jwettqu, filwaqt li titnaqqas id-duplikazzjoni żejda u jiġi promoss użu aktar effiċjenti tal-flejjes pubbliċi;

18.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-PSDK f'konformità mat-Trattati mhux se jkollu effett fuq is-sovranità nazzjonali, minħabba li din il-politika hija mmexxija mill-Istati Membri; jinsab konvint li ma hemmx rispett akbar għas-sovranità milli tiġi difiża l-integrità territorjali tal-Unjoni Ewropea permezz ta' politika ta' difiża komuni;

19.  Jenfasizza li t-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK, abbażi tal-Artikolu 44 tat-TUE, tikkontribwixxi għall-kisba ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; jistieden lill-UE tagħmel użu tal-potenzjal sħiħ tal-Artikolu 44 sabiex tkompli u tintensifika tali missjonijiet, bil-għan li titwitta t-triq għal politika operazzjonali ta' sigurtà u ta' difiża;

20.  Iqis essenzjali li n-nefqa għad-difiża nazzjonali tiżdied għal 2 % tal-PDG tal-UE; jenfasizza li dan ikun ifisser nefqa żejda ta' kważi EUR 100 biljun fuq id-difiża sa tmiem id-deċennju li ġej; iqis li din l-ispinta għandha tintuża biex jitniedu programmi kooperattivi aktar strateġiċi fl-Unjoni u permezz tagħha, billi jiġu strutturati aħjar in-naħat tad-domanda u tal-provvista u billi ż-żewġ naħat isiru aktar effiċjenti u aktar effettivi; iqis li din iż-żieda se tikkontribwixxi għal appoġġ fil-livell Ewropew lill-industrija tad-difiża Ewropea u għall-ħolqien ta' impjiegi, partikolarment fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; hu tal-fehma li parti sostanzjali ta' dik in-nefqa għandha tiġi diretta lejn ir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll lejn programmi strateġiċi ta' kooperazzjoni, li jiffukaw fuq teknoloġiji b'użu doppju u ta' difiża, li huma kruċjali, mhux biss għall-kisba ta' dawn l-għanijiet, iżda jistgħu wkoll iġibu aktar valur miżjud lill-Unjoni Ewropea; jikkonstata li l-kontabilità, it-trasparenza u l-iskrutinju fir-rigward tal-użu ta' fondi pubbliċi Ewropej, għandhom jiġu żgurati fir-rigward ta' din in-nefqa żejda;

21.  Jinsab konvint li l-investiment tal-Unjoni fid-difiża għandu jiżgura li l-Istati Membri kollha jistgħu jipparteċipaw f'titjib bilanċjat, koerenti u sinkronizzat tal-kapaċitajiet militari tagħhom; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi opportunità strateġika għall-Unjoni biex ittejjeb is-sigurtà u d-difiża tagħha;

Il-qafas istituzzjonali

Kunsill tal-Ministri tad-Difiża

22.  Jenfasizza l-bżonn kontinwu għall-istabbiliment ta' format tal-Kunsill tal-Ministri ta' Difiża taħt il-presidenza tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, sabiex jikkoordina l-implimentazzjoni tal-PSDK u jagħmilha aktar effiċjenti;

Bord ta' Tmexxija tad-Difiża

23.  Jikkunsidra li l-Bord ta' Tmexxija tal-EDA, magħmul mir-rappreżentanti tal-ministeri tad-difiża tal-Istati Membri, huwa korp adattat biex jeżerċita l-funzjonijiet konsultattivi u superviżorji meħtieġa biex jiġu implimentati l-Artikoli 42, 45 u 46 tat-TUE;

24.  Jikkunsidra li l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jipprevedi bażi neċessarja u b'saħħitha għall-bord ta' tmexxija tal-EDA biex jaġixxi bħala t-tielet kumitat tar-rappreżentanti permanenti tal-Unjoni, il-Bord ta' Tmexxija tad-Difiża; jikkunsidra li dan il-kumitat għandu jeżerċita wkoll il-funzjonijiet konsultattivi u superviżorji meħtieġa biex tiġi implimentata kooperazzjoni strutturata permanenti ladarba tiġi stabbilita;

25.  Jinsab konvint li l-mandat tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) imsemmi fl-Artikolu 38 tat-TUE jeħtieġ li jiġi interpretat b'mod strett; jikkunsidra li, skont it-trattati, il-mandat tiegħu jkopri biss is-sitwazzjoni u l-missjonijiet barra mill-Unjoni, kif ukoll ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà; jikkunsidra b'mod partikolari li l-arranġamenti ta' ħidma żviluppati tiegħu mhumiex adattati għall-implimentazzjoni ulterjuri ta' dik il-parti tal-PSDK li hija definita mill-Artikolu 42(2) tat-TUE;

26.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jirrevedi d-Deċiżjoni 2001/78/PESK li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà, kif ukoll id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għal dawk l-għanijiet;

L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża

27.  Ifakkar li l-objettivi tal-EDA, bħala appoġġ għall-Istati Membri fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża taghom u fit-tisħiħ tal-bażi ta' difiża industrijali u teknoloġika tagħhom; jenfasizza l-potenzjal mhux użat tal-EDA fl-appoġġ għall-iżvilupp tal-PSDK, u fil-kisba ta' dawk l-objettivi, li jirrikjedu l-użu sħiħ tal-kapaċitajiet tal-Aġenzija; jitlob li ssir riflessjoni fuq il-futur u l-kompiti tal-Aġenzija; jitlob lill-Istati Membri jiddefinixxu u jimpenjaw ruħhom favur livell komuni ta' ambizzjoni fi ħdan EDA riformata; jitlob it-tisħiħ tal-appoġġ politiku, tal-finanzjament u tar-riżorsi tal-EDA, kif ukoll tal-koordinazzjoni tagħha mal-azzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u atturi oħra, b'mod speċjali fl-oqsma tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, l-akkwist pubbliku, ir-riċerka u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà fost il-forzi armati tal-Istati Membri; iqis li l-Aġenzija tista' tikkofinanzja l-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi flimkien mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-operaturi privati tas-suq;

28.  Jinnota d-deċiżjoni tal-EDA biex tirrevedi l-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) f'konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE, u jistenna bil-ħerqa CDP futur li jirrifletti l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-UE u tal-Istati Membri b'mod aktar rilevanti;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politika komuni Ewropea dwar l-armamenti u l-kapaċitajiet (EACP) fi ħdan l-EDA, kif previst mill-Artikolu 42(3) tat-TUE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-EDA jressqu proposti dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati miksuba mir-relazzjoni ta' ħidma eżistenti bejn l-EDA u l-Kummissjoni u tat-tnejn li huma mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR); jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod debitu l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/CFSP, dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, u jistabbilixxu politika komuni dwar l-esportazzjoni tal-armi, li tiżgura li l-esportazzjoni tal-armi tkun soġġetta għal kriterji komuni mifruxa mal-UE li jirregolaw l-esportazzjonijiet ta' armi, munizzjon, teknoloġiji u tagħmir ta' difiża lil pajjiżi terzi;

Kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO)

30.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu u jingħaqdu mal-PESCO, fi ħdan il-qafas tal-Unjoni, malajr kemm jista' jkun, bil-għan li jiġu sostnuti u mtejba l-kapaċitajiet militari tagħhom permezz tal-iżvilupp tad-duttrina u t-tmexxija, l-iżvilupp u t-taħriġ tal-persunal, l-iżvilupp tal-materjal u l-infrastruttura tad-difiża, u l-interoperabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni; jissottolinja l-importanza u l-ħtieġa ta' parteċipazzjoni f'kooperazzjoni strutturata permanenti u effiċjenti mill-Istati Membri kollha li lesti li javvanzaw l-integrazzjoni tad-difiża tagħhom għall-ogħla livell ta' ambizzjoni; jemmen li jenħtieġ li tiġi stabbilita "Forza Integrata Ewropea" (EIF) bħala forza multinazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 dwar il-PESCO u tkun disponibbli għall-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-PSDK, kif previst fl-Artikolu 42(3) tat-TUE; jistieden lill-VP/RGħ tressaq proposti għall-operazzjonalizzazzjoni tal-PESCO fl-ewwel nofs tal-2017;

31.  Jikkunsidra li l-Unjoni għandha tipprevedi, bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, il-parteċipazzjoni fi programmi ta' kapaċità mwettqa minnhom; jikkunsidra li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal dawn il-programmi m'għandhiex taqbeż il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri parteċipanti;

32.  Hu tal-opinjoni li s-Sistema ta' Grupp Tattiku tal-UE, għandha tinġieb taħt il-kontroll tal-PESCO, flimkien mal-ħolqien ta' kwartieri ġenerali permanenti ċivili u militari, b'Kapaċità Militari ta' Ppjanar u ta' Kondotta (MPCC) u Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Kondotta (CPCC) daqstant ieħor importanti, li jsaħħu l-ippjanar strateġiku u operazzjonali tul iċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, itejbu l-koperazzjoni ċivili-militari kif ukoll il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet; iqis li strutturi multinazzjonali Ewropej oħrajn, bħall-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru, il-Eurocorps u l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR), kif ukoll kull forma ta' kooperazzjoni militari bilaterali u multilaterali fost il-pajjiżi parteċipanti fil-PESCO, għandhom ukoll jinġiebu taħt il-kontroll tal-PESCO; jikkunsidra li l-privileġġi u l-immunitajiet tal-UE għandhom japplikaw għal dawk l-istrutturi multinazzjonali li huma parti mill-PESCO;

33.  Jikkunsidra li matul il-fażijiet tal-istand-up, l-istandby u l-istand-down l-Unjoni għandha tkopri l-ispejjeż kollha tal-Grupp Tattiku tal-UE;

34.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jimplimentaw bis-sħiħ ir-Riżolużżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 u jaħtru Rappreżentant Speċjali għan-Nisa u l-Kunflitti;

Il-Parlament Ewropew

35.  Jenfasizza li l-Parlament jenħtieġ li jkollu rwol prominenti fl-iskrutinju u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-PSDK, b'konformità mal-Artikolu 14(1) tat-TUE; iqis li l-konferenza interparlamentari dwar il-PESK u l-PSDK għandha sservi ukoll ta' pjattaforma għall-konsultazzjoni interparlamentarja u għall-iskrutinju tal-PSDK; jinsisti li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat b'mod effettiv dwar deċiżjonijiet ewlenin fil-qasam tal-PSDK, partikolarment fir-rigward tal-missjonijiet militari u ċivili barra mill-UE, u dwar operazzjonijiet ta' difiża strateġika;

36.  Jitlob, f'dan ir-rigward, lill-VP/RGħ tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 36 tat-TUE, billi tiżgura li l-opinjonijiet jiġu kkunsidrati b'mod xieraq fil-qafas tal-konsultazzjoni tal-Parlament dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PSDK bħala parti mill-PESK; jitlob li tiġi provduta aktar informazzjoni lill-Parlament fuq bażi aktar regolari, bil-għan li jissaħħu l-mekkaniżmi disponibbli ta' kontroll parlamentari u politiku;

37.  Iħeġġeġ lill-Parlament jibdel is-Sottokumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża f'Kumitat Parlamentari sħiħ, biex b'hekk ikollu rwol prominenti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u partikolarment, rwol fl-iskrutinju tal-atti legali dwar is-suq ta' difiża, kif ukoll fi proċeduri bħar-Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża;

38.  Jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, bħala element kruċjali għall-iżvilupp ta' riżultati konkreti fil-qasam tal-PSDK u għal-leġittimazzjoni tagħha; jinnota li din il-kooperazzjoni jenħtieġ li ma timminax l-implimentazzjoni tal-PSDK u l-ilħuq tal-objettivi tagħha bħala politika tal-Unjoni;

39.  Jikkunsidra li l-Parlament jenħtieġ li jkompli jagħti spinta lil inizjattivi speċifiċi u jindirizza r-rakkomandazzjoniijiet lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u ta' difiża komuni, lil hinn mir-rwol tiegħu fil-proċeduri baġitarji;

Relazzjoni bejn l-UE u n-NATO

40.  Jitlob relazzjoni aktar mill-qrib bejn il-PSDK u n-NATO, li toffri opportunità politika għal kollaborazzjoni u kumplimentarjetà f'kull livell, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(7), it-tieni subparagrafu, tat-TUE; ifakkar dwar il-bżonn ta' bilanċ mill-ġdid u tkabbir tas-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO, bil-għan li jiġu żgurati l-kompatibilita, l-iżvilupp ta' kapaċitajiet konġunti u l-evitar tal-irduppjar ta' azzjonijiet u strutturi, biex b'hekk jitnaqqas l-infiq u ssir aktar effikaċi; jistieden lill-VP/RGħ tipparteċipa minnufih mas-sħab transatlantiċi bil-għan li jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar is-suġġetti differenti indirizzati mill-Istrateġija Globali;

41.  Jitlob lill-VP/RGħ u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO jipprovdu analiżi dettaljata tal-konsegwenzi ġuridiċi u politiċi tal-iskattar possibbli mir-Renju Unit tal-Artikolu 50 tat-TUE għall-iżvilupp tal-isħubija tal-UE/NATO;

42.  Jissottolinja li l-arranġamenti "Berlin plus" jenħtieġ li jiġu riformulati fil-fond bil-għan li jiġu adattati għall-kuntest strateġiku attwali u biex jiġu trattati n-nuqqasijiet misjuba, pereżempju permezz tatt-tisħiħ tal-mekkaniżmi tattiċi u operazzjonali f'xenarji fejn kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma preżenti, sabiex b'hekk in-NATO tkun tista' tagħmel użu mill-istrumenti tal-UE;

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

43.  Jappoġġja l-proposta għal Reviżjoni Annwali Koordinata dwar id-Difiża, li fil-kuntest tagħha l-Istati Membri se jikkoordinaw il-pjanijiet tal-infiq u tal-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom, fi proċess miftuħ li jinvolvi kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

44.  Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jiżviluppaw White Book tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li jinkludi definizzjoni ċara tat-theddid u l-perikli għas-sigurtà Ewropea, iffaċjati mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-kapaċitajiet meħtieġa mid-difiża Ewropea, u pjan direzzjonali b'fażijiet ċari u kalendarju għal passi progressivi li jridu jittieħdu lejn l-istabbiliment ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża u politika ta' difiża komuni aktar effettiva; jemmen li dan il-White Book għandu jkun ir-riżultat tal-kontributi mill-bosta istituzzjonijiet Ewropej u għandu jkun kemm jista' jkun komprensiv u għandu jintegra l-miżuri differenti previsti mill-Unjoni;

45.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża mressaq mill-Kummissjoni f'Novembru 2016; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jiċċaraw l-governanza u l-finanzjament tal-Fond ta' Difiża Ewropea possibbli, partikolarment tal-possibilitajiet ta' kapaċità u riċerka; jikkunsidra li l-implimentazzjoni effettiva ta' dak il-pjan tirrikjedi appoġġ u impenn politiku b'saħħithom mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, l-EDA u l-Istati Membri għandhom ma wettqux il-kompiti kollha li rriżultaw mil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża tal-2013 u l-2015;

46.  Jirrimarka li l-inizjattivi differenti mressqa mill-Kummissjoni jeħtieġ li jqisu l-fatturi speċifiċi tas-settur tad-difiża (regoli ta' parteċipazzjoni, drittijiet tal-proprjetà intellettwali, governanza, u dawn għandhom jintrabtu mar-rekwiżiti operazzjonali); se jżomm, tul in-negozjati għall-perjodu 2021-2027, ħarsa mill-qrib b'mod partikolari dwar l-implimentazzjoni ta' programm prospettiv ta' riċerka tad-difiża;

47.  Jikkunsidra li l-adozzjoni ta' White Book tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża għandha....u jibni fuq il-Pjan ta' Implimentazzjoni għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Istrateġija Globali, sabiex jitmexxa t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni; jenfasizza li dan id-dokument jenħtieġ li ma jirriflettix biss il-kapaċitajiet militari attwali tal-Istati Membri, iżda janalizza wkoll it-tip ta' kooperazzjoni meħtieġa u l-mezzi biex tinkiseb, it-tip ta' operazzjonijiet li l-UE tista' twettaq, u l-kapaċitajiet u l-fondi meħtieġa, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn in-NATO u l-UE;

48.  Jitlob riforma immedjata tal-mekkaniżmu Athena, bil-għan li jiżdied il-potenzjal tiegħu għall-qsim tal-ispejjeż u għall-finanzjament komuni, kif ukoll biex jiżgura qsim ġust tan-nefqa operazzjonali, sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jikkontribwixxu b'forzi, mingħajr ma jkunu ristretti minħabba l-kapaċitajiet finanzjarji tagħhom; iqis li din ir-riforma jenħtieġ li tiżgura li l-infiq komuni kollu msemmi fl-Annessi I sa IV fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015, dejjem jiġu mħallsa mill-Programm Athena; iqis li r-riforma tal-mekkaniżmu Athena jenħtieġ li tintuża wkoll biex tiġi ffinanzjata n-nefqa għall-operazzjonijiet tal-"Forza Ewropea Integrata" (ladarba tkun stabbilita fil-PESCO), u inkluż il-Gruppi Tattiċi tal-UE;

49.  Jirrikjedi li l-missjonijiet militari ta' taħriġ Ewropej barra 'l pajiż jiksbu l-għan tagħhom li jħarrġu unitajiet militari nazzjonali lokali li jkunu kapaċi jindirizzaw kundizzjonijiet ta' gwerra u theddid għas-sigurtà (irvelli u terroriżmu); iqis li b'riżultat ta' dan, jeħtieġ li jkollhom l-armi u t-tagħmir meħtieġ kemm għat-taħriġ tagħhom u wkoll għall-kapaċità tagħhom li joperaw f'sitwazzjoni militari, u li l-militar Ewropew inkarigat mit-taħriġ tagħhom għandu jkun kapaċi li jakkumpanjhom bħala osservaturi mingħajr ma jintervjenu fl-operazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jevalwa l-effikaċja tat-taħriġ u konsegwentement, biex ikun kapaċi jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa u jwettqu t-taħriġ mill-ġdid militari;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa għal diskussjonijiet aktar fil-fond dwar il-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fi kwistjonijiet tal-PSDK, u b'mod partikolari fil-qasam tal-kapaċitajiet militari, jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li jixkatta l-Artikolu 50 tat-TUE; jikkunsidra li jeħtieġ li jinstabu arranġamenti ta' kmand ġodda fir-rigward tal-Kwartieri Ġenerali Operazzjonali ta' Northwood għal Operation Atalanta;

51.  Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex jiżguraw koordinazzjoni fil-livelli kollha ta' interazzjoni: ċivili u militari, SEAE/Kummissjoni u UE/Stati Membri; jilqa' r-rabta ta' sigurtà interna/esterna stabbilita mill-Istrateġija Globali, u jitlob lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżguraw il-koerenza u jiżguraw li l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà huma koordinati b'mod xieraq, inkluż fil-livell amminstrattiv;

52.  Jissottolinja li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-governanza globali, li twassal għal titjib fis-sitwazzjoni strateġika u ta' sigurtà; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu r-riforma tan-NU sabiex din issaħħaħ il-proċessi ta' leġittimità, trasparenza, u kontabilità u l-effikaċja tagħhom; hu tal-fehma li l-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU għandu jiġi riformat, speċjalment fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu u tal-proċeduri ta' votazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jaġixxi b'mod deċiżiv biex jindirizza l-isfidi għas-sigurtà globali, u biex imur lil hinn mis-sempliċi skop militari tiegħu;

53.  Jenfasizza li l-fattur uman hu wiħed mill-assi l-aktar prezzjużi fil-ħidma lejn difiża komuni; iqis li hemm bżonn ta' aktar investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni dwar il-PSDK, inkluża aktar ħidma dwar sistema integrata bbażata fuq iċ-ċentri militari nazzjonali, peress li kemm it-taħriġ kif ukoll l-edukazzjoni huma strumenti b'saħħithom biex isir avvanz f'dan il-qasam;

54.  Jikkunsidra li l-opinjonijiet espressi mill-Parlament Ewropew permezz ta' din ir-riżoluzzjoni jikkostitwixxu rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-VP/RGħ kif imsemmi fl-Artikolu 36 tat-TUE; jikkunsidra li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq mill-VP/RGħ fi kwalunkwe proposta għall-iżvilupp tal-PSDK, u mill-Kunsill meta jadotta dawn proposti, bħala prattika tajba ta' kooperazzjoni sinċiera reċiproka fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

55.  Jissottolinja li l-Artikolu 21 tat-TUE li jiddikjara b'mod espliċitu li "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali";

Evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea

56.  Jistieden lill-membri ta' konvenzjoni futura:

   jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet u l-orjentazzjonijiet ta' din ir-riżoluzzjoni, tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża;
   jinkludu, abbażi ta’ tar-rakkomandazzjonijiet u tal-orjentazzjonijiet ta' dawk ir-riżolużżjonijiet, dispożizzjonijiet fi trattat futur tal-Unjoni li;
   li jistabbilixxu Forzi Armati Ewropej, li jkun kapaċi li jiskjeraw forzi ta' kumbattiment għal kunflitti ta' intensità għolja, forzi ta' stabbilizzazzjoni li jiżgura ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied jew ftehimiet ta' paċi u ukoll servizzi mediċi b'kompiti ta' evakwazzjoni li jinkludu sptarijiet mobbli fuq il-post, kif ukoll forzi ta' loġistika militari u ta' inġinerija miltari;
   li jistabbilixxu, fi ħdan il-politika tad-difiża komuni tal-Unjoni, linji gwida preċiżi u vinkolanti għall-attivazzjoni u l-implimentazzjoni tal-klawżola ta' għajnuna u assistenza reċiproka;
   li jiżguraw il-qsim obbligatorju tal-informazzjoni fil-livell Ewropew fost il-korpi ta' intelligence nazzjonali fi ħdan strutturi ta' kooperazzjoni xierqa;
   li jistabbilixxu grupp ta' ħidma permanenti dwar kwistjonijiet ta' difiża magħmul minn membri tal-Kummissjoni, bi presidenza tal-VP/RGħ; li jassoċjaw il-Parlament mar-rappreżentanti permanenti f'dan il-grupp; jkompli jinvolvi lill-Kummissjoni fid-difiża, permezz tar-riċerka, ippjanar u implimentazzjoni iffokati sew; jippermetti lill-VP/RGħ tallinja t-tibdil fil-klima fl-azzjoni esterna kollha tal-UE u partikolarment fil-PSDK;
   li jikkunsidraw il-valutazzjoni tal-politika finanzjarja u baġitarja tal-infiq għad-difiża tal-Istati Membri f'Semestru Ewropew futur dwar id-Difiża, jiġifieri li jingħata kont tal-infiq ta' kull Stat Membru f'dan il-qasamm bil-għan li jirraportaw dwar l-importanza tal-infiq individwali għas-sigurtà tal-Ewropa kollha kemm hi; jemmen, li fuq il-perjodu twil ta' żmien, l-UE għandha tesplora l-possibilitajiet ta', u tiffoka fuq baġit komuni;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, is-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0120.
(2) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 138.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0435.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0019.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0440.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0049.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55.
(9) ĠU L 27, 30.1.2001, p. 1.


Politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku
PDF 489kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku (2016/2228(INI))
P8_TA(2017)0093A8-0032/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta' Diċembru 1982 u fis-seħħ mis-16 ta' Novembru 1994, u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim adottat f'Pariġi fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC tat-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), u l-vot fil-Parlament Ewropew dwar ir-ratifika tal-Ftehim fl-4 ta' Ottubru 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Minamata, il-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, il-Protokoll ta' Göteborg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma, il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika,

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli"(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali tas-16 ta' Novembru 1972,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat imħabbra fit-28 ta' Mejju 2008 mill-ħames stati kostali tal-Oċean Artiku fil-Konferenza dwar l-Oċean Artiku f'Ilulissat, Greenland,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ċirkumpolari tal-Inuit dwar l-Prinċipji ta' Żvilupp tar-Riżorsi ta' Inuit Nunaat(3),

–   wara li kkunsidra l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni 61/295 (UNDRIP) mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, partikolarment dawk tal-20 ta' Ġunju 2016, tat-12 ta' Mejju 2014, tat-8 ta' Diċembru 2009 u tat-8 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016 intitolata "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe", kif ukoll is-"CFSP Report – Our priorities in 2016", kif approvat mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' April 2016 intitolata "Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku" (JOIN(2016)0021) il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tas-26 ta' Ġunju 2012 intitolata "L-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku" (JOIN(2012)0019) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2008 intitolata "L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku" (COM(2008)0763),

–  wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali Artiċi tal-Istati Artiċi, partikolarment dawk tar-Renju tad-Danimarka (2011), tal-Iżvezja (2011) u tal-Finlandja (2013), kif ukoll dawk tal-Istati Membri l-oħra tal-UE u l-oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal-14 ta' Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Istabbiliment tal-Kunsill tal-Artiku u l-programm attwali għall-2015-2017 taħt il-presidenza tal-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-20 Anniversarju tal-Kooperazzjoni Ewro-Artika ta' Barents, maħruġa f'Kirkenes, in-Norveġja, fit-3-4 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Konferenza tal-Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku (CPAR) u tal-Konferenza Parlamentari ta' Barents (BPC), partikolarment id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza adottata fit-12-il Konferenza tas-CPAR f'Ulan Ude, fir-Russja fl-14-16 ta' Ġunju 2016,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fit-18 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet adottata waqt il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana f'Rejkjavik, f'Mejju 2015, f'Archangelsk, ir-Russja, f'Novembru tal-2013, u fi Tromsø, in-Norveġja, fi Frar tal-2011 u fi Brussell f'Settembru tal-2009,

–  wara li kkunsidra tal-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw f'Ilmijiet Polari adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar it-Tixrid taż-Żejt, il-Fond għat-Tixrid taż-Żejt u l-Fond Supplimentari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Novembru 2013 dwar "l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)(4), tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "id-Dimensjoni Marittima tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni"(5), tat-22 ta' Novembru 2012 dwar "ir-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali"(6), u tat-12 ta' Settembru 2012 dwar "ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, partikolarment dawk tat-12 ta' Marzu 2014 dwar "L-istrateġija tal-UE għall-Artiku"(8), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar "politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema"(9) u tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar "il-Governanza tal-Artiku"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar "ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità"(11) , u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar "Is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030"(12),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Iżvizzera u n-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Iżlanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (Delegazzjoni SINEAA),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa (COM(2016)0705) ippubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Ottubru 2016,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin kif ukoll tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0032/2017),

A.  billi l-UE hija attur globali; billi l-UE ilha impenjata fl-Artiku għal ħafna żmien, abbażi tal-istorja, tal-ġeografija, tal-ekonomija u tar-riċerka; billi tlieta mill-Istati Membri tagħha – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja – huma pajjiżi tal-Artiku; billi l-Artiku huwa mdawwar minn ilmijiet internazzjonali, u ċ-ċittadini u l-gvernijiet fid-dinja kollha, inkluża l-Unjoni Ewropea, għandhom ir-responsabilità li jappoġġaw il-protezzjoni tal-Artiku;

B.  billi l-impenn tal-UE fir-reġjun tat-Tramuntana u fl-Artiku kien diġà beda fil-bidu tas-snin disgħin permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) u permezz tas-sħubija sħiħa tal-Kummissjoni f'dawn l-entitajiet;

C.  billi l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, li taffettwa kemm l-affarijiet interni u r-relazzjonijiet esterni, żviluppat fi sħubija ugwali bejn l-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Iżlanda; billi, minbarra s-sħab tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, diversi organizzazzjonijiet multilaterali oħra jipparteċipaw f'din il-politika konġunta, bħall-Kunsill tal-Artiku, is-CBSS u l-BEAC, filwaqt li l-Kanada kif ukoll l-Istati Uniti huma osservaturi; billi din il-politika tkopri żona ġeografika wiesgħa u taqdi rwol importanti permezz ta' kooperazzjoni reġjonali prattika fl-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa pubblika u l-benesseri soċjali, il-kultura, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-loġistika u t-trasport;

D.  billi l-UE bniet u saħħet il-politika dwar l-Artiku tagħha b'mod gradwali; billi l-impenn, li qed jevolvi, u l-interessi komuni tal-UE jinqdew bl-aħjar mod permezz ta' mezzi komuni u kkoordinati tajjeb; billi l-isfidi relatati mal-Artiku jitolbu rispons reġjonali u internazzjonali konġunt;

E.  billi l-Artiku jiffaċċja sfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi uniċi;

F.  billi l-Artiku Ewropew għandu popolazzjonijiet sparsi, mifruxin fuq żona wiesgħa li hija karatterizzata minn nuqqas ta' konnessjonijiet tat-trasport, bħal konnessjonijiet tat-toroq, ferrovjarji u ta' titjiriet bejn il-Lvant u l-Punent; billi l-Artiku Ewropew isofri minn nuqqas ta' investiment;

G.  billi għall-Artiku japplika qafas ġuridiku internazzjonali wiesa';

H.  billi l-Kunsill tal-Artiku huwa l-forum prinċipali għall-kooperazzjoni dwar l-Artiku; billi fl-għoxrin sena li ilu jeżisti, il-Kunsill tal-Artiku wera l-kapaċità tiegħu li jżomm il-kooperazzjoni fi spirtu kostruttiv u pożittiv, u li jadatta sfidi ġodda u jassumi responsabilitajiet ġodda;

I.  billi l-istati Artiċi għandhom sovranità u ġurisdizzjoni fuq l-art u l-ilmijiet tagħhom; billi d-drittijiet tal-poplu tal-Artiku li jagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi naturali tagħhom iridu jiġu rrispettati;

J.  billi l-interess fl-Artiku u fir-riżorsi tiegħu qiegħed jiżdied minħabba l-ambjent li qiegħed jinbidel fiż-żona, u l-iskarsezza ta' riżorsi; billi qiegħda tikber l-importanza ġeopolitika tar-reġjun; billi l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kompetizzjoni dejjem akbar għal aċċess għall-Artiku u r-riżorsi naturali tiegħu, u aktar attivitajiet ekonomiċi, ġabu magħhom riskji għar-reġjun, inklużi sfidi għall-ambjent u s-sigurtà tal-bniedem, iżda wkoll opportunitajiet ġodda, bħal pereżempju għal bijoekonomija sostenibbli u żviluppata ħafna; billi bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima, se jinfetħu rotot ta' navigazzjoni ġodda, u żoni tas-sajd u riżorsi naturali ġodda jistgħu jwasslu għal żieda fl-attività tal-bniedem u sfidi ambjentali f'dan ir-reġjun;

K.  billi l-Artiku ilu żona ta' kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva għal żmien twil u billi hemm bżonn li l-Artiku jinżamm żona ta' tensjoni baxxa;

L.  billi aċċessibilità tajba sabiex ikun hemm konnessjoni aħjar bejn żoni rurali tar-reġjun tat-Tramuntana u l-bqija tal-UE hija prerekwiżit għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u kompetittiv ta' ċentri ta' tkabbir tat-Tramuntana, meta titqies l-attenzjoni dejjem ikbar minn investituri u partijiet ikkonċernati fir-riżorsi tagħhom li għadhom ma ġewx sfruttati u r-rwol tagħhom bħala punti fokali ta' preokkupazzjoni ekoloġika;

M.  billi sal-2015 il-Federazzjoni Russa stabbiliet mill-inqas sitt bażijiet ġodda fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku, inklużi sitt portijiet tal-ilma fond u 13-il mitjar u żiedet il-preżenza ta' forzi terrestri f'termini ta' forzi tal-Artiku;

N.  billi ekosistemi tal-Artika robusti, b'saħħithom u sostenibbli, abitati minn komunitajiet vijabbli, huma importanti mil-lat strateġiku għall-istabilità politika u ekonomika tal-Ewropa u tad-dinja; billi l-Artiku jinkludi 'l fuq minn nofs l-artijiet mistagħdra tad-dinja u għandu rwol ewlieni fil-purifikazzjoni tal-ilma; billi huwa jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv ta' stat tajjeb tal-ilma fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; billi f'dak li jirrigwarda l-preservazzjoni tas-sistemi soċjoekoloġiċi, l-ispejjeż ta' nuqqas ta' azzjoni qed jiżdiedu b'mod esponenzjali;

O.  billi s-silġ fil-Baħar Artiku naqas b'mod sinifikanti mill-1981, iż-żoni bil-permafrost qegħdin jonqsu (bir-riskju ta' rilaxxi inċidentali ta' ammonti kbar ta' dijossidu tal-karbonju(13) u ta' metan fl-atmosfera), il-kopertura tal-borra qiegħda tkompli tonqos u l-glaċieri li qegħdin idubu jikkontribwixxu biex jgħollu l-livelli tal-baħar fuq livell dinji; billi ġie osservat li s-silġ fil-baħar qiegħed jisparixxi b'ritmu saħansitra aktar mgħaġġel minn dak li kienu bassru l-mudelli, bil-volum tas-silġ fil-baħar preżenti matul is-sajf jonqos b'aktar minn 40 % f'35 sena; billi t-tibdil fil-klima qed javvanza b'pass doppju, dejjem aktar mgħaġġel, fir-reġjuni polari, u jikkawża bidliet mhux magħrufa u imprevedibbli għall-ekosistemi tad-dinja;

P.  billi tliet Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja) u Pajjiż u Territorju Barrani extra-Ewropew wieħed (Greenland) huma membri tal-Kunsill tal-Artiku li fih tmien membri, u sebgħa Stati Membri oħra (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) huma osservaturi; billi l-UE tistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni finali tal-istatus formali tagħha bħala osservatur fi ħdan il-Kunsill tal-Artiku;

Q.  billi l-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli huma ż-żewġ prinċipji ewlenin tad-Dikjarazzjoni ta' Ottawa, li ħolqot il-bażi għall-Kunsill tal-Artiku fl-1996;

R.  billi madwar erba' miljun ruħ jgħixu fir-reġjun tal-Artiku, li minnhom madwar 10 % huma popli indiġeni; billi l-ambjent vulnerabbli tal-Artiku, kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni, iridu jiġu rrispettati u protetti b'salvagwardji aktar stretti; billi d-drittijiet tal-popli indiġeni u l-popolazzjonijiet lokali biex japprovaw l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali u jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawha, iridu jiġu ggarantiti; billi ż-żieda fis-sustanzi li jniġġsu u fil-metalli tqal fl-Artiku għandha riperkussjonijiet negattivi fil-katina alimentari permezz tal-preżenza tagħhom fil-fawna u flora, b'mod partikolari l-ħut, u hija kwistjoni tas-saħħa importanti għall-abitanti lokali kif ukoll għall-konsumaturi ta' prodotti tas-sajd fi bnadi oħra;

S.  billi l-ekosistemi fl-Artiku, inklużi l-flora u l-fawna tagħhom, huma partikolarment vulnerabbli għad-disturb, b'perjodu ta' rkupru relattivament twil; billi l-konsegwenzi ambjentali negattivi ħafna drabi huma kumulattivi u irriversibbli, u ħafna drabi jkollhom impatti esterni ġeografiċi u ekoloġiċi (eż. ħsara lill-ekosistemi tal-oċeani);

T.  billi f'dawn l-aħħar deċennji t-temperatura fl-Artiku żdiedet b'madwar darbtejn ir-rata tal-medja globali;

U.  billi ż-żieda fil-kwantità ta' gassijiet b'effett ta' serra u tat-tniġġis tal-arja fl-atmosfera qegħdin jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima tal-Artiku; billi t-tniġġis li qiegħed jitfaċċa fil-klima tal-Artiku fil-biċċa l-kbira tiegħu ġej mill-għejun ta' emissjonijiet fl-Asja, fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa, u b'hekk il-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet fl-UE jaqdu rwol importanti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima tal-Artiku;

V.  billi r-riskji li joħloq l-użu ta' żejt tal-fjuwil tqil (HFO) fit-trasport marittimu tal-Artiku huma diversi: fl-eventwalità ta' tixrid, il-karburant dens ħafna jemulsifika, jegħreq u jista' jiġi trasportat tul distanzi twal ħafna jekk jinqabad fis-silġ; it-tixrid tal-HFO joħloq riskji kbar għas-sigurtà tal-ikel tal-komunitajiet indiġeni tal-Artiku li s-sussistenza tagħhom tiddependi fuq is-sajd u l-kaċċa; il-kombustjoni tal-HFO tipproduċi ossidi tal-kubrit u metalli tqal, kif ukoll ammonti kbar ta' karbonju iswed li, meta jiġi depożitat fuq is-silġ Artiku, jistimula l-assorbiment tas-sħana fil-massa tas-silġ u b'hekk jaċċellera l-proċess ta' tidwib u jaffettwa t-tibdil fil-klima; billi t-trasport u l-użu tal-HFO huwa pprojbit mill-OMI fl-ilmijiet ta' madwar l-Antartiku;

W.  billi l-UE jenħtieġ li jkollha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet u n-negozjati fil-fora internazzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-partijiet kollha kkonċernati jaċċettaw ir-responsabilitajiet tagħhom f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jew is-sustanzi niġġiesa, u jiffaċċaw l-isfidi dejjem jikbru tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;

X.  billi r-riskji li ġejjin mill-użu tal-enerġija nukleari f'bastimenti li jkissru s-silġ u faċilitajiet kostali għandhom jiġu kkunsidrati u kemm jista' jkun jiġu minimizzati fl-attivitajiet kollha relatati mal-livell ta' tħejjija u rispons;

Y.  billi r-rimi ta' kull tip ta' skart fil-permafrost Artiku m'huwa taħt l-ebda ċirkostanza soluzzjoni ta' mmaniġġjar ta' skart sostenibbli, kif muri mir-riżultati reċenti li nkisbu f'Camp Century fi Greenland;

Z.  billi l-politika tal-UE fl-Artiku għandha tirrifletti b'mod aktar strett l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li l-UE ntrabtet li tilħaq sal-2030;

AA.  billi t-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni xjentifika, inkluż l-għarfien lokali u indiġenu, huwa fundamentali għas-salvagwardja tal-ekosistemi fraġli tal-Artiku, għat-tnaqqis tar-riskji, għall-adattament tal-komunitajiet lokali, u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli; billi l-UE hija s-sors ewlieni ta' finanzjament tad-dinja tar-riċerka fl-Artiku u tippromwovi l-iskambju liberu tar-riżultati tagħha;

AB.  billi taħlita bbilanċjata ta' għarfien espert u speċjalizzazzjoni industrijali dwar l-Artiku, minn naħa, u impenn favur l-ambjent u l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, min-naħa l-oħra, għandhom il-potenzjal li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni ekoloġika, is-simbjożi industrijali u l-immaniġġjar effettiv tal-iskart fir-reġjun tal-Artiku, u b'hekk jinżamm kemm l-ambjent verġni tiegħu u l-potenzjal tieħu għal opportunitajiet ta' negozju ġodda u emerġenti, u għal żieda fl-impjiegi, u fil-proċess jagħtu kontribut ukoll għall-impjieg taż-żgħażagħ u jsolvu l-isfida tal-popolazzjoni tiegħu li qed tixjieħ;

AC.  billi l-kapaċitajiet tekniċi ta' komunikazzjonijiet bis-satellita eżistenti fl-UE, skont is-servizzi u l-infrastruttura offruti minn Copernicus u Galileo, jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti li jinsabu fir-reġjun tal-Artiku;

AD.  billi l-involviment tal-komunitajiet lokali huwa kruċjali għas-suċċess tal-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u l-bini tar-reżiljenza f'ekosistemi fraġili;

AE.  billi jirrikonoxxi l-importanza li tingħata kunsiderazzjoni lill-għarfien tradizzjonali u lokali fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Artiku;

AF.  billi l-kulturi Sami, Nenets, Khanty, Evenk, Chukchi, Aleut, Yupik u Inuit iridu jiġu protetti skont l-UNDRIP; billi l-popolazzjonijiet indiġeni tal-Artiku għandhom id-dritt li jużaw ir-riżorsi naturali fl-inħawi tagħhom u għalhekk jenħtieġ li jkunu parti minn kwalunkwe pjan ġejjieni għal sajd kummerċjali;

AG.  billi kwalunkwe attività ta' sajd fir-reġjun tal-Artiku trid issir f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali eżistenti li jirregolaw iż-żona, inkluż it-Trattat ta' Spitsbergen tal-1920 u, speċifikament, kwalunkwe dritt tal-Istati Partijiet għal dan it-trattat, u wkoll f'konformità ma' kwalunkwe dritt storiku ta' sajd;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta bħala pass pożittiv fit-triq lejn politika integrata tal-UE dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, billi tidentifika oqsma speċifiċi ta' azzjoni, u lejn l-iżvilupp ta' qafas aktar koerenti għall-azzjoni tal-UE b'attenzjoni fuq l-Artiku Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa ta' koerenza akbar bejn il-politiki interni u esterni tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-Artiku; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri konkreti ta' implimentazzjoni u segwitu għall-komunikazzjoni tagħha; itenni s-sejħa tiegħu għal strateġija komprensiva u pjan ta' azzjoni konkretizzat dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku, li fihom l-għan ta' preservazzjoni tal-ekosistema vulnerabbli tal-Artiku jenħtieġ li jkun il-punt tat-tluq;

2.  Jilqa' t-tliet oqsma ta' prijorità tal-komunikazzjoni konġunta, jiġifieri t-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-kooperazzjoni internazzjonali;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-UNCLOS fil-forniment ta' qafas legali multilaterali essenzjali għall-attivitajiet kollha tal-oċeani, inkluż l-Artiku, għad-delimitazzjoni tal-blata kontinentali tal-Artiku u għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet ta' sovranità fi ħdan l-Artiku fir-rigward tal-ibħra territorjali; jinnota li l-kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni mhux risolti li jinsabu fl-Artiku huma ftit ħafna; iqis li r-rispett tad-dritt internazzjonali fl-Artiku huwa essenzjali; jinnota li l-ilmijiet madwar il-Pol tat-Tramuntana huma prevalentement ilmijiet internazzjonali; huwa favur rwol b'saħħtu fil-promozzjoni ta' arranġamenti multilaterali effettivi u ordni globali bbażata fuq ir-regoli permezz tat-tisħiħ u l-implimentazzjoni konsistenti ta' ftehimiet u oqfsa internazzjonali, reġjonali u bilaterali rilevanti; jissottolinja li l-UE jenħtieġ li jkollha rwol pożittiv fil-promozzjoni u l-appoġġ ta' ftehimiet li jsaħħu l-immaniġġar tal-bijodiversità u l-ambjent lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali fl-Oċean Artiku; jinnota li dan ma jirrigwardax in-navigazzjoni u l-għajxien tradizzjonali; iħeġġeġ lill-UE taħdem mill-qrib mal-Istati Membri tagħha biex jingħata appoġġ lill-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent fir-reġjun; jenfasizza r-rwol importanti tal-Kunsill tal-Artiku biex tinżamm kooperazzjoni kostruttiva, tensjoni baxxa, paċi u stabilità fir-reġjun Artiku;

4.  Jilqa' r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi min-naħa tal-Unjoni Ewropea u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-4 ta' Novembru 2016; jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tiegħu mill-partijiet kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi sabiex jipproċedu bil-miri ambizzjużi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u bil-miżuri kemm fis-settur tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet u l-kondiviżjoni tal-isforzi, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-mira ta' limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C sal-2100;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassumu rwol aktar b'saħħtu fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni ta' Minamata, il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila, il-Protokoll ta' Gothenburg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma, il-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw f'Ilmijiet Polari (il-Kodiċi Polari) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-proċess internazzjonali li għaddej bħalissa mill-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes sabiex gradwalment jiġi eliminat l-użu ta' materjal organiku kontaminanti persistenti; jistenna li l-pajjiżi sħab tal-UE jagħmlu l-istess ħaġa;

6.  Jappoġġa l-iżvilupp ta' netwerk ta' żoni ta' konservazzjoni tal-Artiku u l-protezzjoni taż-żona tal-ibħra internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana lil hinn miż-żoni ekonomiċi tal-istati kostali;

7.  Jitlob li kwalunkwe żvilupp ta' sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku jsir b'mod kompletament kompatibbli man-natura sensittiva u speċifika tar-reġjun; jinsisti li qabel ma jinbeda kwalunkwe sajd kummerċjali ġdid fir-reġjun tal-Artiku, iridu jsiru stimi xjentifiċi tal-istokk li jkunu affidabbli u prekawzjonarji sabiex jiġu determinati l-livelli tas-sajd li jikkonservaw l-istokkijiet tal-ħut fil-mira, 'il fuq minn livelli li kapaċi jipproduċu rendiment sostenibbli massimu, u li ma jwasslux għal tnaqqis ta' speċijiet oħra jew għal ħsara serja lill-ambjent tal-baħar; jenfasizza li s-sajd kollu fl-ibħra miftuħa jrid ikun regolat minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li tirrispetta l-pariri xjentifiċi u li jkollha programm robust ta' kontroll u ta' sorveljanza biex tiġi żgurata konformità mal-miżuri tal-ġestjoni; jinnota li s-sajd li jsir fiż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi irid jilħaq l-istess standards; jitlob li jkun hemm moratorju fuq is-sajd fuq skala industrijali, inkluż it-tkarkir tal-qiegħ, fl-ilmijiet tal-Artiku li ma sarx sajd fihom qabel;

8.  Jilqa' n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim internazzjonali bejn l-istati kostali tal-Artiku u partijiet internazzjonali bl-għan li jipprevjenu s-sajd mhux regolat fl-ibħra internazzjonali tal-Artiku, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffirmaw din id-dikjarazzjoni u jaħdmu sabiex jagħmluha vinkolanti għall-firmatarji;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Artiku biex ikomplu jaħdmu fuq l-estensjoni tal-informazzjoni u l-analiżi disponibbli rigward l-istokkijiet kollha fir-reġjun;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tal-UE billi jaqblu dwar miri ambizzjużi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet fin-negozjati dwar id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali tal-Emissjonijiet, billi jitnaqqsu l-livelli tat-tniġġis lokali permezz tal-Pakkett ta' Politika dwar l-Arja Nadifa sabiex jonqos it-tniġġis ambjentali fuq distanzi twal u b'mod partikolari l-ġmied, u billi jiġu negozjati miri ambizzjużi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u miżuri kemm fis-settur tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet u l-kondiviżjoni tal-isforzi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C sal-2100;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ftehim tal-oċeani tan-NU għall-protezzjoni tad-diversità bijoloġika lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ), li qiegħed jiġi nnegozjat attwalment, ikun b'saħħtu u effettiv u li jkun jista' jiżgura proċess robust għall-identifikazzjoni, l-għażla, il-ġestjoni u l-infurzar ta' żoni tal-baħar protetti, inklużi r-riżervi tal-baħar fejn il-qbid huwa pprojbit;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw ir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni effiċjenti tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-ftehimiet internazzjonali relatati; iqis li huwa importanti li l-pjan strateġiku rigward l-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' speċijiet ta' ħsara aljeni li jheddu lill-ekosistemi, u r-rotot ta' espansjoni tagħhom, li sar ftehim dwarhom fl-Artikolu 10 tal-Protokoll ta' Nagoya, jitwettqu b'tali mod li l-ispeċijiet invażivi li l-aktar jagħmlu ħsara jiġu kkontrollati jew eliminati, u b'mod li r-rotot ta' espansjoni tagħhom ikunu fil-mira bil-ħsieb li jiġu eliminati t-trasferiment u l-invażjoni ta' speċijiet bħal dawn, inkluż lejn iż-żoni tal-Artiku;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu s-sussidji fuq il-fjuwils fossili li jbaxxu l-kost tal-produzzjoni tal-enerġija bil-fjuwils fossili, bil-ħsieb li jiskoraġġixxu l-isfruttament u l-użu tal-fjuwils fossili;;

14.  Jistieden lill-UE tippromwovi standards regolatorji ta' prekawzjoni stretti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza għall-esplorazzjoni, l-ipprospettar u l-produzzjoni taż-żejt fil-livell internazzjonali; jitlob li ssir projbizzjoni fuq it-tħaffir għaż-żejt fl-ilmijiet bis-silġ Artiċi tal-UE u taż-ŻEE li ssir promozzjoni mill-UE ta' standards ta' prekawzjoni komparabbli fil-Kunsill tal-Artiku u għall-istati kostali tal-Artiku;

15.  Jenfasizza l-importanza għall-UE li tħeġġeġ ratifika rapida tal-Konvenzjoni ta' Minamata bil-ħsieb li jiġu evitati u mnaqqsa l-emissjonijiet tal-merkurju;

16.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) lejn miżuri sabiex l-azzjoni klimatika fl-Artiku tiġi integrata, bil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi lokali u n-natura speċjali tar-reġjuni tal-Artiku;

17.  Jenfasizza li ż-żieda fl-użu tar-riżorsi naturali fl-Artiku jenħtieġ li titwettaq b'mod li jirrispetta u jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjonijiet lokali u li tittieħed responsabilità ambjentali sħiħa għall-ambjent fraġli tal-Artiku; jemmen li din l-għażla strateġika hija integrali biex jiġu żgurati l-leġittimità u l-appoġġ lokali għall-impenn tal-UE favur l-Artiku;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li huma membri jew osservaturi tal-Kumitat tal-Artiku, biex jappoġġaw il-ħidma li għaddejja tal-Kumitat tal-Artiku rigward il-valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali biex jiġu ppreservati l-ekosistemi vulnerabbli tal-Artiku skont il-linji tal-Konvenzjoni ta' Espoo; jenfasizza l-importanza vitali ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex jiġu żgurati żvilupp sostenibbli tal-attivitajiet ekonomiċi u l-protezzjoni tal-Artiku b'mod partikolari l-ekosistemi u l-komunitajiet vulnerabbli; jiġbed l-attenzjoni lejn dawn il-kriterji mhux eżawstivi ppreżentati mill-Kunsill Ċirkumpolari tal-Inuit għall-evalwazzjoni ta' proġetti li qed iseħħu fl-Artiku:

   L-impatti kollha ambjentali, soċjoekonomiċi u kulturali potenzjali kemm matul u wara l-proġett, inklużi l-effetti kumulattivi ta' proġetti attwali u futuri,
   Il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas għandhom jiġu applikati fl-istadji kollha tal-ippjanar, il-valutazzjoni, l-implimentazzjoni u r-reklamazzjoni tal-proġetti.
   Ir-reklamazzjoni u l-irkupru tal-ħabitats u l-artijiet affettwati jridu jkunu ppjanati bir-reqqa u jkunu ffinanzjati kompletament minn qabel.
   Il-Proposti għal proġetti ta' rispons għat-tixrid taż-żejt iridu jinkludu dimostrazzjoni pprovata għall-abilità tal-industrija li tirkupra żejt imxerred f'kundizzjonijiet ta' silġ iffriżat, miksur u ffriżat mill-ġdid.
   Irid jiġi stabbilit reġim internazzjonali dwar ir-responsabilità u l-kumpens għall-kontaminazzjoni tal-artijiet, l-ilmijiet u ż-żoni tal-baħar li jirriżultaw mill-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni taż-żejt lil hinn mill-kosta;

19.  Jenfasizza l-importanza li jinsabu mekkaniżmi li jinkorporaw ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji f'attivitajiet ta' kumpaniji li jagħmlu negozju fir-reġjun tal-Artiku, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni mar-rappreżentanti tas-settur tan-negozju, bħall-Kunsill Ekonomiku tal-Artiku; jirrakkomanda li jiġi esplorat il-potenzjal tal-mekkaniżmi volontarji biex jiġu mħeġġa standards għoljin tal-industrija fil-prestazzjoni soċjali u ambjentali, pereżempju billi ssir enfasi fuq l-"aħjar prestazzjonijiet" f'Indiċi tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji tal-Artiku bbażat, pereżempju, fuq il-Protokoll ta' Investiment fin-Negozju tal-Artiku u l-Global Compact Initiative tan-NU;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi kollha li saru fl-OMI biex jintlaħaq ftehim globali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-tbaħħir;

21.  Jirrkonoxxi l-importanza ta' finanzjament kontinwu u suffiċjenti għaż-Żoni Nordiċi b'Popolazzjoni Sparsa sabiex jiġu indirizzati żvantaġġi permanenti bħal popolazzjoni sparsa, kundizzjonijiet klimatiċi ħorox u distanzi twal;

22.  Jinkoraġġixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri rilevanti tal-UE dwar kwistjonijiet tal-Artiku; jistieden lil dawk l-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-Artiku biex iżommu lill-Istati Membri l-oħra u lir-Rappreżentant Għoli infurmati bi kwalunkwe kwistjoni ta' interess komuni fil-Kunsill tal-Artiku skont l-Artikolu 34(2) tat-TUE;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE timpenja ruħha mas-sħab kollha tal-Artiku fi djalogu politiku u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni intensifikata bejn l-UE, il-Kunsill tal-Artiku fil-qafas tas-Dimensjoni tat-Tramuntana, il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u korpi oħra involuti f'kooperazzjoni fit-Tramuntana Estrema; jissottolinja r-rwol importanti ta' osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku li għandhom esperjenza kbira u li ilhom impenjati fil-kooperazzjoni xjentifika u politika fl-Artiku; jilqa', f'dan ir-rigward, id-djalogu li għaddej bħalissa bejn l-osservaturi u Presidenza tal-Kunsill tal-Artiku;

24.  Jappoġġa bil-qawwa l-għoti ta' status ta' osservatur lill-UE fil-Kunsill tal-Artiku; huwa konvint li l-implimentazzjoni sħiħa tal-istatus formali tal-UE bħala osservatur formali tikkontribwixxi b'mod pożittiv għar-rwol politiku u istituzzjonali tal-Kunsill tal-Artiku u ssaħħu fl-indirizzar ta' kwistjonijiet tal-Artiku;

25.  Jilqa' t-titjib fil-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar kwistjonijiet tal-Artiku; jissuġġerixxi li tinħoloq unità għall-politiki tat-Tramuntana fi ħdan is-SEAE u li l-kooperazzjoni ta' interservizzi bejn is-SEAE u l-Kummissjoni tissaħħaħ, sabiex ikun żgurat approċċ tal-politika koerenti, ikkoordinat u integrat f'oqsma rilevanti ewlenin tal-politika;

26.  Jinnota l-kapaċità tal-UE li tikkontribwixxi biex jissolvew sfidi potenzjali ta' sigurtà; jistieden lill-UE tikkontribwixxi, fi sħubija mal-Istati Membri tagħha u b'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Artiku, kif ukoll l-isforzi biex jinbnew mekkaniżmi tas-sigurtà ċivili, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet u d-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem kif ukoll l-infrastrutturi ta' tiftix u salvataġġ;

27.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà tal-enerġija hi marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima; iqis li s-sigurtà tal-enerġija trid tittejjeb billi titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili; jenfasizza l-fatt li t-trasformazzjoni tal-Artiku tirrappreżenta effett kbir wieħed tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li dan il-multiplikatur tar-riskji jiġi indirizzat permezz ta' strateġija msaħħa tal-UE għall-Artiku, u permezz ta' politika msaħħa dwar l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tal-UE li tnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza tal-Unjoni fuq sorsi esterni u b'hekk ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fil-qasam tas-sigurtà;

28.  Jitlob li jiġu żviluppati pjanijiet ta' rispons għall-organiżmi slavaġ li jintlaqtu miż-żejt, skont prattiki tajba definiti, fl-istati kollha tal-Artiku, inkluża valutazzjoni effettiva tal-ispeċijiet vulnerabbli fir-riskju, kif ukoll strateġiji fatibbli ta' prevenzjoni u rispons li jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

29.  Jenfasizza l-kooperazzjoni transfruntiera kostruttiva u prammatika fuq bażi kontinwa fid-Dimensjoni tat-Tramuntana, is-sħubijiet tagħha u l-Kooperazzjoni ta' Barents;

30.  Jenfasizza l-importanza ta' impenn u djalogu kontinwi mar-Russja fi ħdan il-qafas ta' kooperazzjoni reġjonali tal-Artiku, b'mod partikolari l-kooperazzjoni transfruntiera UE-Russja, minkejja ż-żieda l-istazzjonar ta' forzi militari Russi fir-reġjun, il-bini u l-ftuħ mill-ġdid tal-bażijiet militari Russi u l-ħolqien ta' bażi militari distrettwali Russa tal-Artiku; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tasserixxi l-interessi tagħha lejn ir-Russja permezz tal-użu ta' impenn selettiv u tfittex li jsir progress dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni fejn ikun hemm bażi għal soluzzjonijiet globali għal sfidi u theddid komuni; iħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi inkluża fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Artiku; jissottolinja li r-reġjun tal-Artiku huwa parti integrali minn sferi ambjentali, ekonomiċi u politiċi tar-relazzjonijiet internazzjonali;

31.  Huwa tal-fehma li l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana sservi bħala mudell li rnexxa ta' stabilità, sjieda konġunta u impenn fil-kooperazzjoni dwar l-Artiku; jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet settorjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, b'mod speċjali fl-ambjent u fl-infrastruttura u l-loġistika;

32.  Jinnota li ġew iffurmati rotot migratorji tal-Artiku lejn l-UE; jenfasizza li r-rotot migratorji u żieda fit-trasport għandhom jitqiesu meta tkun qed titfassal strateġija tal-UE għall-Artiku;

33.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iħarsu b'mod attiv il-prinċipji tan-navigazzjoni libera u l-passaġġ innoċenti;

34.  Jilqa' l-pjanijiet għall-ħolqien ta' forum tal-partijiet interessati Ewropej tal-Artiku; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti sabiex tiġi evitata l-possibilità ta' duplikazzjoni u tiġi mmassimizzata l-interazzjoni bejn il-programmi interni u esterni tal-UE; jinnota li l-Finlandja offriet li tospita l-ewwel forum, li għandu jsir fl-2017;

35.  Jenfasizza l-importanza li l-għarfien tradizzjonali u lokali jiġi inkluż fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Artiku;

36.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tal-UE għal UNDRIP; ifakkar, b'mod partikolari, fl-Artikolu 19 tagħha li jafferma li l-Istati għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw in bona fide mal-popli indiġeni konċernati permezz tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi tagħhom stess, sabiex jinkiseb il-kunsens liberu u informat tagħhom minn qabel, qabel ma jiġu adottati u implimentati miżuri leġiżlattivi u amministrattivi li jistgħu jaffettwawhom; jitlob involviment aħjar u aktar kmieni ta' popli indiġeni meta tiġi mfassla politika Artika ċċentrata fuq iċ-ċittadini u fil-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku; jenfasizza li l-inklużjoni tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet tiffaċilita l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali fl-Artiku; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu ssalvagwardjati u promossi d-drittijiet, il-kulturi u l-lingwi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati riżorsi tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun tal-Artiku b'mod sostenibbli, li jirrispetta wkoll l-ambjent fraġli u bl-involviment sħiħ tal-popli indiġeni;

37.  Jagħti attenzjoni speċjali lill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 4.5, li jinkludi li jiġi żgurat aċċess ugwali għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-persuni indiġeni, anke fil-lingwi tagħhom stess;

38.  Jenfasizza li turiżmu aċċessibbli, interkonness, sikur u sostenibbli fiż-żoni rurali u żoni skarsament popolati fl-Artiku Ewropew jista' jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-attivitajiet tan-negozju, li min-naħa tagħhom jistgħu jżidu l-għadd ta' impjiegi fin-negozji żgħar u ta' daqs medju u jgħin l-iżvilupp pożittiv ġenerali tar-reġjun; jenfasizza, għalhekk, li t-turiżmu fiż-żona jenħtieġ li jiġi promoss minħabba l-implikazzjonijiet soċjali u ambjentali relatati tiegħu għall-infrastruttura u r-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

39.  Jenfasizza r-rwol tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali biex ir-reġjun tal-Artiku jinżamm vijabbli u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-isforz li tipprovdi dawn il-komunitajiet b'aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-rekwiżiti, l-aħjar prattiki u l-istrumenti ta' finanzjament tas-suq uniku tal-UE; jenfasizza r-rwol ta' netwerks ta' trasport fluwidu, ta' komunikazzjoni u tal-elettriku, kif ukoll ġeolokalizzazzjoni spazjali u teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni fil-ħolqien tal-attività ekonomika fir-reġjun; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (UE) 2015/1775 f'termini ta' rapportar u għoti ta' informazzjoni lill-pubbiku u l-awtoritajiet kompetenti tad-dispożizzjonijiet fir-Regolament; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkorporat l-għarfien prattiku indiġenu u lokali, kif ukoll li jiġu żgurati l-involviment, l-aċċettazzjoni u l-impenn aktar mill-qrib tal-komunitajiet indiġeni u lokali fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja l-ħtieġa li jingħataw l-appoġġ u l-finanzjament meħtieġa; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, rappreżentanza tal-Artiku tal-popli indiġeni fi Brussell sabiex il-parteċipazzjoni tagħhom tkun aktar viżibbli; huwa tal-fehma li l-UE jenħtieġ li tappoġġa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi fl-Artiku, li jiżviluppaw sorsi rinnovabbli tal-Artiku;

40.  Jenfasizza li ż-żamma ta' komunitajiet żviluppati b'mod sostenibbli li jibbenefikaw mit-teknoloġija tal-informazzjoni l-aktar attwali fl-Artiku b'livell għoli ta' kwalità tal-ħajja hija ta' importanza assoluta, u li l-UE jista' jkollha rwol vitali f'dan il-qasam; itenni d-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess u jirrikonoxxi x-xewqa tiegħu għal żvilupp sostenibbli tar-reġjun; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jintensifikaw id-djalogu magħhom u jesploraw il-possibilità li jiġu pprovduti fondi għal dawn l-assoċjazzjonijiet u jiġi żgurat li l-fehmiet tagħhom jiġu kkunsidrati fid-dibattiti tal-UE dwar l-Artiku; jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-popli indiġeni u tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

41.  Jenfasizza li x-xjenza jenħtieġ li tkun il-bażi sottostanti għat-tfassil tal-politika fl-Artiku fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

42.  Jenfasizza r-rwol vitali tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fl-iżvilupp fl-Artiku Ewropew u l-ħolqien ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità mmirati lejn setturi orjentati lejn il-futur; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' żvilupp responsabbli u li jirrispetta r-riżorsi naturali tal-Artiku; jiġbed l-attenzjoni lejn l-iżvantaġġi permanenti li għandhom bżonn jiġu kkumpensati (l-Artikolu 174 tat-TFUE); jissottolinja l-importanza għall-ġejjieni fit-tul tal-istrateġija f'oqsma differenti, bħalma huma l-aġenda diġitali, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir blu, eċċ.;

43.  Jissottolinja r-rwol tal-aċċessibilità tajba tar-reġjun tal-Artiku għan-netwerk TEN-T, l-estensjoni tal-kurituri tan-netwerk ewlieni ppjanata tiegħu tal-kurituri tal-Baħar tat-Tramuntana-Baltiku u l-kurituri Skandinavja-Mediterran, kif ukoll ir-rotot tal-aċċess tat-tieni livell bħala l-istruttura tat-trasport ewlenija li tippermetti mobilità sostenibbli tal-persuni u l-oġġetti; ifakkar fil-potenzjal tal-finanzjament tal-UE, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, fil-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali fl-Artiku Ewropew; jinnota r-rwol prominenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'dan ir-rigward; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal għal kooperazzjoni finanzjarja internazzjonali usa' dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura u tal-konnettività, inklużi sistemi tal-ICT;

44.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tal-anqas iżżomm il-livell ta' finanzjament għar-riċerka fl-Artiku f'Orizzont 2020, u b'mod partikolari l-intenzjoni tagħha li tappoġġa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tal-UE għar-riċerka fl-Artiku fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta' wara l-2020; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-użu ta' Orizzont 2020 u programmi ta' finanzjament oħra għal skopijiet ta' studju fl-Artiku;

45.  Jinnota li l-ekosistemi tal-baħar tal-Artiku huma kruċjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità globali; jinnota li t-tnaqqis tas-silġ tal-baħar tal-Artiku u bidliet ambjentali oħra fl-Artiku, ikkombinati mal-għarfien xjentifiku limitat dwar ir-riżorsi tal-baħar f'din iż-żona, jirrikjedu approċċ ta' prekawzjoni li jimmira lejn l-istabbiliment ta' miżuri internazzjonali xierqa biex jiġu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;

46.  Iħeġġeġ il-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u r-riċerka fost il-partijiet interessati kollha attivi fil-qasam tar-riċerka dwar l-Artiku, u fl-istabbiliment ta' infrastrutturi tar-riċerka, fir-rikonoxximent li għarfien aħjar tal-Artiku huwa determinanti biex jintlaqgħu l-isfidi kollha b'mod adegwat; jappoġġa l-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet ewlenin tar-riċerka dwar l-Artiku bil-ħsieb li jiġi żviluppat programm integrat ta' riċerka polari Ewropew fil-qafas tal-inizjattiva EU-PolarNet li tinkorpora għarfien tradizzjonali u lokali; jinnota li l-Kummissjoni ġiet mistiedna għal konferenza internazzjonali dwar ix-xjenza tal-Artiku li għandha ssir fl-Ewropa fl-2018; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni b'suċċess mal-Kanada u l-Istati Uniti permezz tal-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku;

47.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi fl-Artiku Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku, b'fondi suffiċjenti biex jiġi żgurat aċċess effiċjenti għall-informazzjoni u għarfien dwar l-Artiku, u biex jiġi ġġenerat it-turiżmu; jirrimarka li dan it-tip ta' Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku jista' jiġi konness ma' ċentri tal-Artiku diġà eżistenti jew ma' xi istituzzjoni oħra tal-Artiku bħala mezz biex jitnaqqsu l-ispejjeż b'mod kruċjali;

48.  Jitlob li jkun hemm ġbir ta' data ġejja minn proġetti ta' riċerka fl-Artiku b'mod aktar sistematiku u fuq żmien twil; jiddispjaċih li l-kisbiet tal-proġetti individwali spiss jgħibu meta jgħaddu minn perjodu ta' finanzjament wieħed għal ieħor; jistieden lill-Kummissjoni timmira lejn il-kontinwità fl-ippjanar tal-qafas għar-riċerka fl-Artiku għal wara l-2020;

49.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' żoni protetti tal-baħar fl-Artiku; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-mira ta' mill-inqas 10 % tal-protezzjoni taż-żoni kostali u tal-baħar bħala parti mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jinnota, madankollu, li kwalunkwe proposta ġdida dwar dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li tkun koerenti mal-eżitu tad-diskussjoni tal-istati tal-Artiku fil-Kunsill tal-Artiku; jenfasizza li ż-żoni protetti tal-baħar huma kritiċi għall-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-Artiku; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti bis-sħiħ il-komunitajiet lokali fl-ippjanar, ir-realizzazzjoni u l-ġestjoni ta' tali żoni protetti;

50.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' teknoloġiji spazjali u l-attivitajiet ta' riċerka relatata mal-ispazju li huma essenzjali għal operazzjonijiet tat-trasport bil-baħar sikuri, kif ukoll monitoraġġ ambjentali u l-osservazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-Artiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tat-tibdil fir-reġjun Artiku rikonoxxut fil-komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (COM(2016)0705), biex jiġu esplorati possibilitajiet għal aktar użu ta' programmi bis-satellita futuri u attwali tal-UE fir-reġjun, b'kooperazzjoni mal-membri tal-Kunsill tal-Artiku, u biex tqis il-ħtiġijiet tal-utenti fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva GOVSATCOM; jistieden lill-partijiet interessati kollha jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tan-navigazzjoni bis-satellita Galileo u l-programmi ta' osservazzjoni tad-dinja Copernicus f'dan ir-rigward;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw l-istabbiliment ta' żona protetta tal-baħar fl-Ibħra Miftuħa tal-Artiku fil-qafas tal-mandat tal-Kummissjoni OSPAR (Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal), li tipprojbixxi l-prattiki kollha ta' estrazzjoni, inkluż is-sajd, fl-ibħra internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana li OSPAR tkopri;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi li jipprojbixxu l-użu ta' tkarkir tal-qiegħ f'Żoni tal-Baħar Ekoloġikament jew Bioloġikament Sinifikanti (EBSAs) u fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;

53.  Jitlob li l-miri ta' konservazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida u l-mira kwantitattiva tal-irkupru u ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli jkunu l-bażi għal kwalunkwe sajd kummerċjali fir-reġjun;

54.  Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fil-prevenzjoni ta' sajd mhux regolat fl-Artiku; huwa tal-fehma li hija jkollha kull dritt li tagħmel dan, peress li l-Istati Membri huma involuti fil-livelli kollha ta' governanza fir-reġjun tal-Artiku;

55.  Jenfasizza li l-flotot tas-sajd tal-UE m'għandhomx jheddu l-bijodiversità fir-reġjun; jilqa' l-identifikazzjoni tal-EBSAs fir-reġjun tal-Artiku skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika bħala proċess importanti biex tiġi żgurata l-konservazzjoni effettiva tal-bijodiversità tal-Artiku, u jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat approċċ ta' Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi fl-ambjenti kostali, marini u terrestri tal-Artiku, kif ġie ssottolinjat mill-grupp ta' esperti tal-Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi tal-Kunsill tal-Artiku; jistieden lill-istati jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-UNCLOS permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta' żoni tal-baħar protetti u riservi tal-baħar fl-Oċean Artiku;

56.  Jiffavorixxi bil-qawwa l-kunċett li kwalunkwe żvilupp ulterjuri ta' sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku jrid isir f'konformità ma' ftehimiet internazzjonali relatati maż-żona, inkluż it-Trattat ta' Spitsbergen tal-1920, mad-drittijiet ta' kwalunkwe Stat Parti għal ftehimiet bħal dawn, u mad-drittijiet tas-sajd storiċi eżistenti;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja u tagħmel proposti dwar it-tisħiħ tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni tal-Artiku, inklużi s-satelliti, sabiex tgħin ir-riċerka xjentifika u l-monitoraġġ tal-klima, u toħloq żvilupp lokali, navigazzjoni u sigurtà fuq il-baħar;

58.  Itenni l-appell tiegħu tal-2014 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw b'mod attiv il-projbizzjoni fuq l-użu u l-ġarr ta' żejt tqil (HFO) użat bħala fjuwil tal-bastimenti li jbaħħru f'ibħra tal-Artiku permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL), u/jew permezz tal-kontroll tal-istat tal-port, kif regolat fl-ilmijiet li jiċċirkondaw l-Antartika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-riskji ambjentali u klimatiċi tal-użu tal-HFO fl-istudju tagħha dwar ir-riskji li ġġib magħha ż-żieda fin-navigazzjoni tar-Rotta tal-Baħar tat-Tramuntana; jistieden lill-Kummissjoni biex, fin-nuqqas ta' miżuri internazzjonali adegwati, tressaq proposti dwar regoli għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE wara, jew qabel, ma jagħmlu vjaġġi fl-ilmijiet Artiċi, bil-għan li jiġu pprojbiti l-użu u l-ġarr ta' HFO;

59.  Jistenna bil-ħerqa d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Polari tal-OMI fl-2017 u l-2018, li se jagħmel in-navigazzjoni fl-Artiku aktar sikura; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata sistema unika "escape, evacuation and rescue" (EER) għall-persunal lil hinn mill-kosta li tista' tiġi applikata għall-pjattaformi u l-bastimenti fl-Artiku;

60.  Ifakkar li skont il-Ftehim taż-ŻEE, l-Iżlanda u n-Norveġja impenjaw ruħhom għall-preservazzjoni tal-kwalità tal-ambjent u li jiżguraw l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

61.  Jenfasizza l-interess li qed jikber taċ-Ċina fir-reġjun tal-Artiku, b'mod speċjali fir-rigward tal-aċċess għal rotot ta' tbaħħir u d-disponibilità tar-riżorsi tal-enerġija; jieħu nota tal-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Iżlanda u ċ-Ċina, u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-effetti li dan jista' jkollu mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-parti Iżlandiża tal-Artiku iżda wkoll fuq l-ekonomija u s-suq intern tal-UE;

62.  Ifakkar li, skont il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u Greenland tal-2007, l-UE tagħti appoġġ finanzjarju lil Greenland biex jiżgura sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Greenland;

63.  Jitlob li l-Istati Membri jirratifikaw u jaderixxu malajr mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabilità u l-Kumpens għal Dannu kkawżat mill-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Noċivi u Potenzjalment Perikolużi (il-Konvenzjoni HNS);

64.  Iqis li l-impenn u l-kooperazzjoni interparlamentari mill-qrib tal-Parlament dwar kwistjonijiet tal-Artiku, b'mod partikolari mal-parlamenti nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti tal-UE bħala essenzjali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Artiku;

65.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jissorveljaw l-iżviluppi tal-klima, tal-protezzjoni ambjentali, l-iżviluppi marittimi, soċjoekonomiċi u ta' sigurtà fl-Artiku mill-qrib, u jirrapportaw lura regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-Artiku;

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun Artiku.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0363.
(2) Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/1.
(3) http://www.inuitcircumpolar.com/uploads/3/0/5/4/30542564/declaration_on_resource_development_a3_final.pdf
(4) ĠU C 436, 24.11.2016, p. 17.
(5) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 131.
(6) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 153.
(7) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 77.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0236.
(9) ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 71.
(10) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 41.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0034.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0224.
(13) Huwa stmat li biljun u nofs tunnellata ta' CO2 huwa maħżun fl-Artiku.


Rapport 2016 dwar il-Montenegro
PDF 311kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Montenegro (2016/2309(INI))
P8_TA(2017)0094A8-0050/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Tessalonika għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, tad-29 ta' Marzu 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħat tal-Konferenza dwar l-Adeżjoni UE-Montenegro fil-livell ta' deputati tat-30 ta' Ġunju 2016 u fil-livell ministerjali tat-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012 li ddeċieda li jiftaħ in-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro fid-29 ta' Ġunju 2012, u l-konklużjonijiet tat-13 ta' Diċembru 2016 fejn il-Montenegro kiseb l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tad-delegazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra s-seba' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Montenegro u l-UE, fl-20 ta' Ġunju 2016 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2016'' (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport 2016 dwar il-Montenegro (SWD(2016)0360),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent, tal-4 ta' Lulju 2016, u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tan-NATO tat-2 ta' Diċembru 2015, u l-firma tal-Montenegro, tal-Protokoll ta' Adeżjoni man-NATO fid-19 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tas-16 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) tas-Soċjetà Ċivili UE-Montenegro, tat-8 ta' Novembru 2016, f'Budva,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tat-12-il Laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro (SAPC) bejn id-19 u l-20 ta' Mejju 2016, f'Podgorica,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0050/2017),

A.  billi l-integrazzjoni Ewro-Atlantika hi prijorità ewlenija tal-politika barranija tal-Montenegro;

B.  billi tkompla l-progress fin-negozjati ta' adeżjoni; billi l-Montenegro bħalissa hu kkunsidrat l-aktar pajjiż avvanzat fil-proċess ta' adeżjoni; billi l-qafas ġuridiku fil-qasam tal-istat tad-dritt jinsab kważi lest u l-istruttura istituzzjonali diġà ddaħħlet fis-seħħ;

C.  billi għad hemm tħassib dwar il-klima domestika ppolarizzata, u wkoll dwar il-bojkott mill-oppożizzjoni fil-Parlament; billi hu essenzjali li l-koalizzjoni fit-tmexxija u l-oppożizzjoni jipparteċipaw fi djalogu sostenibbli kif ukoll f'kooperazzjoni kostruttiva, sabiex jinżamm il-progress fil-proċess ta' adeżjoni;

D.  billi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadhom kwistjonijiet ta' tħassib serju;

E.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jistgħu jipparteċipaw fi gruppi ta' ħidma, inkluż fin-negozjati ta' adeżjoni, iżda esprimew nuqqas ta' sodisfazzjon fil-grad ta' parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil ta' politika u fil-kapaċità tagħhom li jaċċedu għall-informazzjoni; billi għadu preokkupanti ħafna li xi attivisti tas-soċjetà ċivili sfaw il-mira ta' attakki personali mill-midja permezz ta' kampanji ta' malafama;

F.  billi l-progress tal-Montenegro skont il-kapitoli 23 u 24 dwar l-istat tad-dritt jibqa' essenzjali fit-tkomplija ġenerali tal-proċess ta' negozjati;

G.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja huma valuri ewlenin tal-UE u huma wkoll elementi fundamentali ta' kull demokrazija; billi l-komunità tal-midja tal-Montenegro hi politiċizzata ħafna, billi għadhom jippersistu ċ-ċensura u l-awtoċensura, kif ukoll il-pressjoni ekonomika u politika fuq il-ġurnalisti;

1.  Jilqa' l-progress kontinwu fl-integrazzjoni mal-UE tal-Montenegro; jilqa' l-fatt li l-Montenegro kiseb progress kostanti fin-negozjati ta' adeżjoni, u jinnota li s'issa nfetħu 26 kapitolu għal negozjati u 2 kapitoli ngħalqu provviżorjament; jistieden lill-Kunsill iħaffef in-negozjati mal-Montenegro; iħeġġeġ li fl-2017, jinfetħu u jingħalqu aktar kapitoli fin-negozjati dwar l-adeżjoni; ifaħħar l-adozzjoni mill-Gvern tal-Montenegro tal-Programm ta' Adeżjoni mal-UE tal-Montenegro 2017-2018; iħeġġeġ lill-Montenegro jħaffef il-pass tar-riformi, iżid l-isforzi tiegħu biex jintlaħqu l-punti ta' riferiment kollha, u jkompli jiffoka fuq l-aspetti fundamentali tal-proċess ta' adeżjoni; ifakkar li hu essenzjali li jinkisbu riżultati konkreti b'rekord ta' implimentazzjoni qawwi u sostenibbli, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

2.  Ifaħħar lill-awtoritajiet kompetenti għaż-żamma b'mod ordnat tal-elezzjonijiet parlamentari fis-16 ta' Ottubru 2016, li matulhom il-libertajiet fundamentali, kienu ġeneralment rispettati; iħeġġeġ li jkun hemm allinjament akbar mal-istandards internazzjonali; jilqa' l-fatt li n-numru ta' nies li ħarġu jivvutaw kien l-ogħla wieħed sa mill-2002; jilqa' l-qafas ġuridiku rivedut li fih seħħew l-elezzjonijiet, iżda jinnota li xi nuqqasijiet amministrattivi għadhom jippersistu, inklużi dawk min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali Statali (SEC), kif ukoll li għad hemm tħassib dwar il-politiċizzazzjoni u l-preċiżjoni tar-reġistru elettorali;

3.  Jiddispjaċih li, f'jum l-elezzjoni, kien hemm bżonn li l-pjattaformi ta' komunikazzjoni bl-internet jingħalqu b'mod temporanju, kif ukoll għall-hacking tas-sit web taċ-Ċentru għat-Tranżizzjoni Demokratika (CDT), li seħħ ftit jiem qabel l-elezzjonijiet, u li xekkel il-ħidma ta' monitoraġġ tal-elezzjonijiet mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jappella lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw in-nuqqasijiet u jinvestigaw l-allegazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet proċedurali, inklużi l-allegazzjonijiet ta' abbuż ta' fondi statali u l-abbużi mill-kariga, u kwalunkwe nuqqas ieħor irrappurtat, u li dawn jiġu investigati minnufih u b'mod trasparenti, u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; jistenna li l-indipendenza tas-SEC tkompla tingħata appoġġ; hu tal-fehma li hemm bżonn li l-proċess elettorali jitjieb sabiex tinbena fiduċja sħiħa fil-proċess elettorali; jinnota b'dispjaċir li l-oppożizzjoni ma rrikonoxxietx ir-riżultati tal-elezzjonijiet; jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa minn atturi esterni biex jiskreditaw il-proċess elettorali u d-diffikultajiet li dan ħoloq; jistenna li l-Gvern il-ġdid iżomm l-impenn politiku tiegħu fir-rigward tal-proċess ta' riforma u jistieden lill-partiti politiċi kollha jerġgħu jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv;

4.  Jikkonstata l-iffurmar ta' Gvern ta' Fiduċja Elettorali bi tħejjija għal dawn l-elezzjonijiet; jilqa' l-fatt li dan kien proċess immexxi min-nies tal-Montenegro u li kien wieħed li kiseb il-fiduċja tal-partiti;

5.  Jikkonstata bi tħassib l-allegazzjonijiet ta' sforzi mir-Russja li tinfluwenza l-iżviluppi fil-Montenegro, peress li din ix-xejra ta' imġiba fir-reġjun tista' timplika destabilizzazzjoni akbar tal-Balkani tal-Punent; jinsab imħasseb dwar l-inċidenti serji, li seħħew fis-16 ta' Ottubru 2016, inkluż l-allegazzjoni ta' kolp ta' stat, u jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (Vp/RGħ), u lill-Kummissjoni biex isegwu mill-qrib l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa mill-awtoritajiet kompetenti; ifaħħar ir-rieda tas-Serbja li tikkoopera f'dawn l-investigazzjonijiet; iqis li hu importanti li s-servizzi rilevanti tal-Istati Membri, jikkondividu bejniethom u flimkien mal-VP/RGħ u l-Kummissjoni, kull informazzjoni rigward dawn l-inċidenti;

6.  Jibqa' imħasseb ħafna dwar il-polarizzazzjoni tal-klima nazzjonali u dwar il-bojkott ta' attivitajiet parlamentari mill-membri tal-oppożizzjoni; jistieden lill-oppożizzjoni tilqa' l-offerta tal-Prim Ministru tal-Montenegro biex tipparteċipa fit-tmexxija bħala kontropartita għat-tmiem tal-bojkott; itenni l-bżonn li l-forzi politiċi kollha jipparteċipaw mill-ġdid fi djalogu u f'kooperazzjoni kostruttivi fi ħdan il-parlament tal-Montenegro; jitlob li jkompli jissaħħaħ l-iskrutinju parlamentari dwar il-proċess ta' adeżjoni u dwar il-kapaċità ta' sorveljanza tal-baġit; ifaħħar lill-parlament talli kompla juri livell ta' trasparenza għoli; jesprimi tħassib dwar l-użu ta' forza sproporzjonata matul il-protesti kontra l-gvern; jibqa' jinsisti dwar il-bżonn li jingħata segwitu għall-iskandlu tar-reġistrazzjoni tas-smigħ; jappella li jitjieb l-iskrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tal-miżuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

7.  Jistieden lill-Gvern itejjeb l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' proġetti infrastrutturali kbar, bħall-kostruzzjoni ta' awtostradi, il-privatizzazzjoni, l-akkwist pubbliku u l-operazzjonijiet ġudizzjarji;

8.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida għar-riforma tal-amministazzjoni pubblika (PAR) 2016-2020, kif ukoll il-programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika, id-dħul fis-seħħ ta' liġi ġdida dwar is-salarji u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; jitlob li jkun hemm miżuri ta' allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji adegwati għall-implimentazzjoni tal-PAR, kif ukoll li jkun hemm rieda politika konsistenti għar-razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, anke fid-dawl tat-tħejjijiet għall-adeżjoni; jikkonstata l-progress limitat li twettaq fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva; iħeġġeġ id-depolitiċizzazzjoni totali tal-amministrazzjoni pubblika; iqis li hu essenzjali li jiġu rispettati l-prinċipji ta' mertu, professjonaliżmu, responsabilità, trasparenza u ta' valutazzjoni tal-impatt regolatorju f'waqtha, u li jiġu salvagwardjati d-drittijiet taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba u ħielsa mill-korruzzjoni, u d-dritt għall-informazzjoni;

9.  Jinnota l-progress imwettaq fir-riforma ġudizzjarja, inkluż it-titjib tal-kapaċitajiet istituzzjonali; jibqa' mħasseb dwar l-influwenza eċċessiva fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, partikolarment fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ ir-responsabilità tal-ġudikatura bl-iżvilupp ta' rekord ta' kisbiet tal-implimentazzjoni tal-kodiċi tal-etika u ta' sistemi dixxiplinari ġodda għall-imħallfin u għall-prosekuturi; jisħaq dwar il-bżonn li n-netwerk ġudizzjarju jiġi razzjonalizzat, u li jkun hemm aktar titjib tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ tax-xogħol pendenti fil-qrati u biex in-numru ta' każijiet pendenti jkompli jitnaqqas; jappella għal responsabilità istituzzjonali u individwali aktar effettiva fir-rigward tal-ipproċessar ta' akkużi ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus u kriminalità organizzata; jenfasizza l-bżonn ta' implimentazzjoni b'effikaċja tad-deċiżjonijiet tal-qorti fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, u biex tiġi miġġielda l-prattika predominanti li biha dokumenti jiġu dikjarati kunfidenzjali sabiex jiġi limitat l-aċċess għalihom; jisħaq dwar l-importanza ta' sensibilizzazzjoni akbar tal-pubbliku dwar il-mekkaniżmi ta' lment eżistenti;

10.  Filwaqt li jinnota li twettaq xi progress fis-segwitu tad-delitti tal-gwerra, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw, iħarrku, jipproċessaw u jikkundannaw id-delitti tal-gwerra kif ukoll jiġġieldu l-impunità, b'konformità mal-istandards internazzjonali, partikolarment fir-rigward ta' uffiċjali responsabbli li jinsabu fil-quċċata tal-katina tal-kmand; jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija ta' prosekuzzjoni bil-għan li jinfetħu każijiet ġodda u li jwasslu għal riżultati konkreti; jisħaq dwar il-bżonn li jkun żgurat aċċess mingħajr xkiel għall-ġustizzja u li jingħata kumpens ġust għall-vittmi tad-delitti tal-gwerra, kif ukoll biex tingħata protezzjoni lix-xhieda matul il-proċessi dwar delitti tal-gwerra;

11.  Jikkonstata bi tħassib il-prevalenza tal-korruzzjoni f'bosta oqsma, iżda jilqa' t-tkomplija tat-tisħiħ tal-qafas kontra l-korruzzjoni, fost l-oħrajn billi l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni (ACA) issa saret operattiva bis-sħiħ, u bil-ħatra ta' prosekuturi speċjali kontra l-korruzzjoni, kif ukoll billi qed jiġi indirizzat il-bżonn ta' taħriġ speċjalizzat fuq perjodu twil ta' żmien; iqis li hu essenzjali li tkun żgurata l-indipendenza tagħhom fl-investigazzjonijiet; jenfasizza l-importanza ta' attivitajiet tal-ACA li jkunu politikament imparzjali, professjonali u trasparenti, speċjalment fir-rigward tal-każijiet ta' korruzzjoni f'każijiet ta' livell għoli u ta' finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizza b'mod ripetut il-bżonn li jiġi stabbilit track rekord dwar l-investigazzjonijiet u l-kundanni b'suċċess, partikolarment f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, u dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, inkluża l-applikazzjoni aktar effettiva ta' sanzjonijiet legali; jistieden lill-gvern il-ġdid jpoġġi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu billi jalloka biżżejjed riżorsi umani u baġitarji għal dan il-kompitu;

12.  Jappella li ssir implimentazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta' azzjoni settorjali għall-oqsma li huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni, bħall-akkwist pubbliku, il-privatizzazzjoni, l-ippjanar urban, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-gvern lokali u l-pulizija; jappella għal investigazzjoni effettiva ta' każijiet potenzjali ta' kxif ta' informazzjoni u li tingħatalhom il-protezzjoni adegwata; jappella li r-reat kriminali ta' arrikkiment illeċitu jiġi inkorporat fil-kodiċi kriminali tal-Montenegro; jappella li ssir implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Montenegro sabiex titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra reati gravi; jappella għal miżuri li jtejbu l-protezzjoni ta' min jikxef l-informazzjoni;

13.  Jikkonstata l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll l-iffirmar ta' Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu; jenfasizza l-bżonn li jkompli jiġi żviluppat it-track rekord f'każijiet kontra l-kriminalità organizzata, speċjalment rigward it-traffikar tal-bnedmin, drogi u l-ħasil tal-flus, biex tkun żgurata kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-aġenziji u tkun intensifikata aktar il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza l-bżonn ta' konsulenti ta' kontabilità forensika speċjalizzati li jassistu fl-investigazzjonijiet regolari;

14.  Jilqa' t-titjib imwettaq fil-qafas legali tal-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin; jisħaq, madankollu, li tinħtieġ identifikazzjoni aħjar tal-vittmi tat-traffikar u li jitjieb l-aċċess tagħhom għal assistenza, kumpens u protezzjoni;

15.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti fl-2016-2018, li tikkumplimenta l-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jikkonstata l-ħolqien ta' unità ta' intelligence ġdida li għandha l-kompitu li tidentifika u timmonitorja membri potenzjali ta' gruppi ta' vjolenza estrema; iqis li hu essenzjali li l-persuni jiġu identifikati fl-istadji bikrija ta' radikalizzazzjoni sabiex dawn ma jitħallewx jiġu reklutati minn gruppi estremisti vjolenti, u biex dawn jiġu integrati mill-ġdid b'suċċess fis-soċjetà; iqis li hu importanti li l-miżuri meħuda f'dan ir-rigward jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bi qbil mal-obbligi internazzjonali; jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-monitoraġġ tal-possibilità ta' theddid terroristiku;

16.  Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tas-OSĊ fit-tħejjijiet għall-adeżjoni, sabiex itejbu aktar l-aċċess tal-OSĊ għall-informazzjoni relatata mal-UE, u biex jiżguraw li l-konsultazzjonijiet mal-OSĊ, fejn possibbli, jinżammu b'mod li jagħmel sens; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw approċċ aktar ta' appoġġ u inklużiv li jiffaċilita l-attivitiajiet fil-livell lokali mill-OSĊ u li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fl-iskrutinju tal-proċess elettorali kollu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw finanzjament pubbliku għall-OSĊ, kemm fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod aktar sostenibbli, trasparenti u effikaċi; jappella lill-awtoritajiet rilevanti kollha joħolqu kondizzjonijiet li jwasslu għal ħidma volontarja u għal grad ogħla ta' parteċipazzjoni ċivika; jinsab imħasseb serjament li tkomplew il-kampanji ta' malafama u l-isforzi ta' intimidazzjoni kontra ċerti attivisti tal-OSĊ; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw u jiċċaraw il-kawżi ta' dawn l-attentati u jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jipproteġu lill-attivisti tal-OSĊ;

17.  Jikkonstata li twettaq xi progress fit-titjib tas-sitwazzjoni tal-minoranzi, inkluża t-tlestija ta' bosta riformi leġiżlattivi li jiżguraw allinjament akbar mal-UE u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni 2016-2020 dwar l-inklużjoni soċjali tar-Rom u tal-komunitajiet Eġizzjani; jitlob li jiġi allokat baġit adegwat sabiex il-pjan ta' azzjoni jkun jista' jiġi implimentat b'mod xieraq; jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni doppja li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfajliet fil-komunità tar-Rom u dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa, djar u impjiegi mill-komunità tar-Rom, tal-minoranzi Eġizzjani u tal-poplu Ashkali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex ikomplu jsaħħu l-isforzi għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu sforzi akbar biex iżidu l-għarfien kontra d-diskriminazzjoni fost il-pubbliku inġenerali; jibqa' mħasseb li bosta binjiet pubbliċi, inklużi ċentri mediċi u fakultajiet tal-università, għadhom mhumiex aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, u wkoll li n-numru ta' impjiegi ta' persuni b'diżabilità għadu limitat ħafna; jappella għal aktar miżuri ta' protezzjoni tal-identità multietnika tar-reġjun Boka Kotorska;

18.  Jappella li jkomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Ombudsperson u l-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Minoranzi, u hu tal-fehma li għandu jiżdied l-għarfien tagħhom tal-liġi u l-istandards tad-Drittijiet tal-Bniedem internazzjonali u Ewropej; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' approċċ uniformi u dwar il-livelli baxxi ta' pieni għal ksur ta' drittijiet tal-bniedem;

19.  Jibqa' mħasseb dwar il-vjolenza domestika kontinwa abbażi tal-ġeneru, u l-vjolenza sesswali, in-nuqqas ta' prosekuzzjonijiet u ta' għoti ta' sentenzi adegwati għal dawk li jwettqu r-reat bi qbil mal-istandards internazzjonali, u l-appoġġ ineffiċjenti lill-vittmi u l-protezzjoni tagħhom; jitlob għall-miżuri li jistabbilixxu servizzi ta' protezzjoni adegwati, isaħħu l-koordinament interistituzzjonali rilevanti, jagħmlu użu effiċjenti ta' databażi unifikata ta' każijiet ta' vjolenza domestika, u li jimplimentaw l-istrateġija 2016-2020 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jissottolinja l-importanza li l-impjegati fl-istituzzjonijiet statali jiġu edukati u mħarrġa dwar kif għandhom jaħdmu mal-vittmi; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw protezzjoni xierqa, akkomodazzjoni fuq perjodu twil ta' żmien, appoġġ finanzjarju u programmi edukattivi għall-vittmi ta' żwiġijiet sfurzati, kif ukoll li jiżguraw il-prosekuzzjoni effiċjenti u l-ħruġ ta' sentenzi ta' kundanna għal dawk li jwettqu r-reat; jenfasizza l-importanza li tiġi mħeġġa r-rappreżentanza tan-nisa fil-politika, inkluż f'karigi ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll biex jitjieb l-aċċess tagħhom għal rappreżentanza aħjar fis-suq tax-xogħol; jappella li tiġi żviluppata politika pubblika li tgħin biex tibbilanċja r-rabtiet bejn ix-xogħol u l-familja; jinnota t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni 2013-2017 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha; jikkonstata li hemm sfidi fil-koordinament ta' politiki rigward it-tfal u li l-vjolenza kontra t-tfal għadha kwistjoni ta' tħassib;

20.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Montenegro jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-vjolenza kontra t-tfal, it-traffikar tal-bnedmin u ż-żwiġijiet tat-tfal furzati li għadhom qed jiġu rrappurtati mill-NGOs;

21.  Jenfasizza l-bżonn li ssir ħidma kostanti u serja dwar l-armonizzazzjoni tas-sistema ġuridika tal-Montenegro mal-istandards ġuridiċi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet tal-persuni b'diżabilità, sabiex jiġi żgurat li jiġu rispettati l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tal-kostituzzjonalità u tal-legalità;

22.  Jibqa' mħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà tal-midja fil-Montenegro u n-nuqqas ta' investigazzjonijiet effikaċi mill-gvern fir-rigward tal-attakki fuq il-ġurnalisti; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-awtoritajiet kompetenti jsibu soluzzjoni għal każijiet ta' vjolenza kontra, l-intimidazzjoni ta' u t-theddid magħmul lill-ġurnalisti, li ilhom pendenti għal ħafna żmien, u biex jinħoloq ambjent sigur għal ġurnaliżmu ħieles u investigattiv; jesprimi tħassib dwar l-attakki mwettqa mill-forzi tal-pulizija u dwar il-każijiet reċenti ta' pressjoni u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, inklużi kampanji ta' malafama, attakki fiżiċi u theddid, kif ukoll każijiet ta' interferenza fil-midja matul il-protesti kontra l-gvern, inklużi arresti arbitrarji u l-ħtif tat-tagħmir; jesprimi tħassib li għad hemm nuqqas ta' investigazzjonijiet adegwati f'dawn l-attakki u wkoll nuqqas ta' każijiet simili riżolti; jinnota li n-numru ta' każijiet ta' malafama għadu għoli ħafna; jinsisti fuq reklamar trasparenti mill-istat fil-midja privata, dwar l-emenda tal-kodiċi kriminali tal-Montenegro u dwar l-introduzzjoni ta' reati kriminali ġodda li għandhom l-għan li jipprevjenu u jippenalizzaw l-attakki fuq il-ġurnalisti fit-twettiq tad-doveri professjonali tagħhom; jirrikonoxxi l-miżuri legali meħuda biex ikun hemm indipendenza finanzjarja u sostenibilità akbar tax-xandar tas-servizz pubbliku l-RTCG, u jitlob li jitwettqu aktar passi biex tkun żgurata l-indipendenza tiegħu, inkluża l-indipendenza editorjali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sostnuti u msaħħa l-mekkaniżi awtoregolatorji; jisħaq li l-Kodiċi ta' Etika għall-Ġurnalisti rivedut għandu jiġi applikat b'effikaċja u b'mod uniformi fost il-komunità tal-midja; jappella, fejn xieraq, biex l-osservaturi tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istat Membru jattendu b'aktar regolarità għall-proċessi kontra l-ġurnalisti u l-professjonisti tal-midja;

23.  Jikkonstata li s-SEC illimitat l-aċċess għall-midja matul l-elezzjonijiet tal-2016; jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rigward il-midja ppreżentati fir-Rapport Finali tal-OSKE/ODIHR dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-Elezzjonijiet Parlamentari 2016;

24.  Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid, filwaqt li jinnota l-iżviluppi ekonomiċi favorevoli, biex iwettaq il-miżuri li jiżguraw s-sostenibilità fiskali filwaqt li jissaħħu d-drittijiet soċjali u l-protezzjoni tal-konsumaturi, jitnedew aktar riformi strutturali bil-għan li titjieb il-klima kummerċjali u ta' investiment għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir, u biex tinbena ekonomija aktar varjata, inkluż permezz ta' miżuri mfassla biex jiskalaw lura s-settur informali, u jinsisti dwar il-bżonn ta' ġlieda effettiva kontra l-evażjoni fiskali; jilqa' l-ftuħ tal-Kapitolu 19 u jemmen bil-qawwa li dan hu l-aqwa inċentiv biex il-gvern jaċċelera l-ħidma tiegħu dwar l-inklużjoni soċjali, u t-tnaqqis tal-faqar u dwar l-iskalar lura tas-settur informali; jitlob ir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, kif ukoll li jiġu intensifikati l-isforzi għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-infurzar tal-kuntratti; jappella li jinħtieġ li jiġu trattati l-iżbilanċi esterni għoljin u li tiġi evalwata mill-ġdid l-infrastruttura pubblika ta' proġetti ta' investiment li jisfidaw is-sostenibilità fiskali; jappella li aktar miżuri ta' natura finanzjarja u mhux finanzjarja jkunu disponibbli bħala appoġġ tal-SMEs u li jitwettqu aktar investimenti fi proġetti ta' innovazzjoni u sostenibilità sabiex tiġi stimolata l-ekonomija; jappella għal titjib fid-djalogu soċjali;

25.  Jikkonstata li filwaqt li twettaq xi progress fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport, inkluż permezz tal-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa, in-nuqqas ta' toroq transkonfinali qed ixekklu l-kummerċ u t-turiżmu; jilqa' l-isforzi li twettqu bil-għan li jiġi liberalizzat is-settur ferrovjarju tal-Montenegro; jisħaq dwar il-bżonn ta' koordinament mal-pajjiżi ġirien dwar kwistjonijiet ta' konnettività u biex dawn jitħallew jiffurmaw parti minn proċess ta' ppjanar għal proġetti infrastrutturali;

26.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs u li jingħata appoġġ permezz ta' leġiżlazzjoni aħjar, il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-politika industrijali, u wkoll bit-tnaqqis tal-ekonomija informali, u billi titħaffef ir-reġistrazzjoni elettronika tal-kumpaniji fuq livell nazzjonali;

27.  Jinnota li l-ekonomija moħbija tal-Montenegro għadha tirriżulta f'sehem kbir tal-PDG kollu; ifakkar li l-ekonomija informali kbira tikkostitwixxi ostakolu ewlieni għall-intraprenditorija u għat-tkabbir ekonomiku u jħeġġeġ lill-Montenegro jwettaq il-passi meħtieġa biex jitnaqqas id-daqs tal-ekonomija moħbija;

28.  Jikkonstata bi tħassib li xi riżultati tal-bini ta' kapaċità ffinanzjati mill-IPA ma ntużawx bis-sħiħ jew ma ġewx segwiti mill-awtoritajiet; jenfasizza li, biex jinkisbu eżiti pożittivi, l-awtoritajiet jeħtieġu li jiżguraw id-disponibilità adegwata tal-persunal biex ir-riżultati jitħallew jintużaw u biex tingħata l-indipendenza meħtieġa lil istituzzjonijiet maħluqa ġodda;

29.  Jinnota t-tnaqqis ċkejken fil-qgħad; jilqa' l-istrateġija nazzjonali 2016-2020 il-ġdida għall-impjiegi u għall-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-pjan ta' azzjoni għall-2016 li jakkumpanjaha; jibqa' jesprimi tħassib dwar il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' mobilità tax-xogħol; jappella għal miżuri tas-suq proattivi biex tiżdied il-kwalità tal-impjiegi u biex jingħata appoġġ lin-nisa, lill-persuni vulnerabbli, persuni b'diżabilità u ż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni, il-gwida tal-karriera, it-taħriġ u d-drittijiet tax-xogħol; itenni l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva f'inizjattivi reġjonali għaż-żgħażagħ, bħall-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent, inkluż billi jittieħed vantaġġ tal-programmi eżistenti sabiex tingħata spinta lill-konnettività fir-reġjun u biex jiġi ttrattat il-qgħad taż-żgħażagħ;

30.  Jikkonstata li l-infiq pubbliku għall-edukazzjoni għadu ferm anqas mill-medja tal-UE; jenfasizza l-bżonn li jiġu introdotti l-miżuri meħtieġa, partikolarment fir-rigward tal-kura bikrija tat-tfal u qabel l-iskola, fejn ir-reġistrazzjoni għadha baxxa ħafna u tinsab ferm anqas mill-mira tal-UE ta' 95 % sal-2020; hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nuqqas ta' aċċess f'bosta universitajiet pubbliċi għall-persuni b'diżabilità;

31.  Jilqa' l-liġi ambjentali l-ġdida, kif ukoll l-istrateġija nazzjonali għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima u l-pjan ta' azzjoni tagħha 2016-2020; jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-isforzi ta' implimentazzjoni, partikolarment fil-ġestjoni tal-kwalità tal-ilma, il-protezzjoni tan-natura u l-ġestjoni tal-iskart, kif ukoll tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha; jinsab imħasseb dwar id-dewmien sinifikanti fl-istabbiliment tal-protezzjoni għas-sit potenzjali Natura 2000 ta' Ulcinj Salina; jappella li jitwettqu sforzi akbar għall-ippreservar tal-bijodiversità tas-Salina u għall-iżvilupp sostenibbli tal-kosta;

32.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-miżuri ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-Lag Skadar sabiex jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi inkluża l-integrità ekoloġika tiegħu; jistieden lill-gvern jiżgura li t-trasformazzjoni tal-parks nazzjonali f'kumpanija pubblika b'responsabilità limitata mhux se jkollha effetti negattivi fuq il-protezzjoni tagħhom; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, it-tħassib espress fil-qafas tal-Konvenzjonijiet ta' Ramsar u Bern rigward il-pjan spazjali għal skopijiet speċjali għall-Park Nazzjonali tal-Lag Skadar, inkluż il-Proġett Porto tal-Lag Skadar; jesprimi tħassib dwar id-dewmien sinifikanti biex tiġi stabbilita l-protezzjoni ta' żoni identifikati bħala żoni potenzjali tan-netwerk Natura 2000, bħall-Park Nazzjonali tal-Lag Skadar; ifakkar fil-bżonn ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sodi u strateġiċi, f'konformità mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali;

33.  Jisħaq dwar il-bżonn li jiġu implimentati l-impenji internazzjonali fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jinsab imħasseb serjament dwar il-pjan ta' żvilupp tal-Gvern tal-impjant ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam Pljevlja II, li mhuwiex kompatibbli mal-impenji meħuda skont il-Ftehim ta' Pariġi;

34.  Jirrikonoxxi l-progress tajjeb imwettaq fil-qasam tal-enerġija, inkluż fil-qasam tal-interkonnessjonijiet mal-pajjiżi sħab; jistieden lill-Montenegro jintroduċi leġiżlazzjoni li timplimenta t-Tielet Pakkett tal-Enerġija, partikolarment id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; ikompli jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp ta' impjanti idroelettriċi mhux sostenibbli u li ħafna minnhom qegħdin jiġu ppjanati mingħajr valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali reali, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-bijodiversità u l-impatt tagħhom fuq żoni protetti kif mitlub mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jżommu sorveljanza viġilanti tal-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta u jimplimentaw il-miżuri proattivi kollha bi qbil mal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti adottati u mal-acquis tal-UE;

35.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Montenegro, fid-dawl tat-tħejjijiet għas-summit dwar il-Balkani tal-Punent li se jsir fl-Italja fl-2017, ikabbru l-isforzi ta' implimentazzjoni ta' miżuri ġuridiċi u regolatorji fil-qasam tat-trasport u fis-settur tal-enerġija (miżuri mhux vinkolanti), sabiex iwettqu l-Aġenda ta' Konnettività tal-Unjoni Ewropea;

36.  Jilqa' l-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro u r-rwol kostruttiv kontinwu tiegħu fil-kooperazzjoni għal viċinat tajjeb, f'dik reġjonali u internazzjonali; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni f'dan ir-rigward; ifaħħar bil-qawwa lill-Montenegro talli kompla jallinja bis-sħiħ il-politika barranija tiegħu mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1671, li tenniet il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-missjonijiet tal-PSDK mmexxija mill-UE; iħeġġeġ lill-Montenegro, biex fi spirtu kostruttiv u ta' viċinat, ikompli jindirizza kwistjonijiet bilaterali pendenti mal-ġirien tiegħu, inklużi l-kwistjonijiet mhux riżolti dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera mas-Serbja u mal-Kroazja, malajr kemm jista' jkun fil-proċess ta' adeżjoni; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex jgħinu ħalli tinstab soluzzjoni għal kwistjonijiet ta' suċċessjoni marbuta mal-patrimonju ta' dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (SFRY); jilqa' l-ftehim ta' demarkazzjoni tal-fruntieri mal-Bożnija-Ħerzegovina, u r-ratifikazzjoni tal-ftehim ta' demarkazzjoni tal-fruntieri mal-Kosovo; jissottolinja l-bżonn li jitkomplew in-negozjati dwar l-aġġustament tal-ftehimiet dwar il-qsim tal-fruntiera u dwar it-traffiku fil-fruntiera; ifaħħar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien skont il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; iħeġġeġ lill-Montenegro jikkonforma mal-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma u mal-prinċipji gwida tal-UE relatati mal-ftehimiet ta' immunità bilaterali;

37.  Jikkonstata li filwaqt li l-Montenegro mhuwiex fuq ir-"Rotta tal-Balkani tal-Punent", jibqa' pajjiż tranżitorju għar-rifuġjati u l-migranti, li l-maġġoranza tagħhom ġejjin mis-Sirja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro jiżguraw li l-migranti u r-rifuġjati li japplikaw għal asil fil-Montenegro jew li jkunu qegħdin jivvjaġġaw f'territorju Montenegrin, jiġu trattati b'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE, inkluż skont il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Schengen u tal-Istrateġija 2017-2020 għall-Ġestjoni Integrata tal-Migrazzjoni;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent b'tali mod li tiżgura l-konformità man-normi u mal-istandards internazzjonali u dawk tal-UE; jilqa' l-ħidma magħmula s'issa f'dan ir-rigward;

39.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Montenegro fis-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent tal-2016, partikolarment dwar l-aġenda ta' konnettività; jappella lill-awtoritajiet jimplimentaw il-Ftehim dwar il-Qsim tal-Fruntiera mal-Albanija li għadu kif ġie ffirmat, u biex jimplimentaw ir-Regolament dwar in-Netwerk trans-Ewropew dwar il-liċenzjar u l-permess ta' aċċess miftuħ għas-suq ferrovjarju; jinnota madankollu li għalkemm is-suq ferrovjarju fil-Montenegro kien miftuħ għall-kompetizzjoni sa mill-2014, s'issa l-ebda operatur privat ma wera interess biex jipparteċipa f'dan is-suq; jappella lill-gvern il-ġdid jipprovdi suq ferrovjarju miftuħ, b'tariffa trasparenti ta' aċċess għall-binarji u b'kapaċità ta' allokazzjoni li jkunu allinjati bis-sħiħ mal-acquis;

40.  Jilqa' l-fatt li l-Protokoll ta' Adeżjoni tal-Montenegro man-NATO, u li attwalment qiegħed jiġi ratifikat mill-membri tan-NATO, kien iffirmat f'Mejju 2016, b'rikonoxximent tal-isforzi tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi, u dan billi n-NATO hu fattur importanti li jiżgura l-istabilità u l-paċi fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-membri tan-NATO fi ħdan l-UE jipprijoritizzaw il-proċess ta' ratifikazzjoni u jirrikonoxxu li s-sħubija fin-NATO tal-Montenegro hi parti simbolika u strateġika importanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; ifakkar li n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE huma indipendenti mill-proċess ta' adeżjoni man-NATO;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.

(1) ĠU L 108, 29.4.2010, p. 1.


Demokrazija elettronika fl-UE: potenzjal u sfidi
PDF 379kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi (2016/2008(INI))
P8_TA(2017)0095A8-0041/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)1 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-demokrazija elettronika, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-18 ta' Frar 2009, bħala l-ewwel strument legali internazzjonali li jistabbilixxi standards fil-qasam tad-demokrazija elettronika,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 6, 9, 10 u 11 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 8 sa 20 u 24 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179),

–   wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Gvern Elettroniku (EGDI) tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2014,

–  wara li kkunsidra t-tliet studji intitolati "Potenzjal u l-isfidi tal-parteċipazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea", "Potenzjal u l-isfidi tal-votazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea" u "Il-kuntest legali u politiku għat-twaqqif ta' dokument ta' identità Ewropew", ippubblikati mid-Dipartiment Tematiku Ċ tiegħu fl-2016,

–   wara li kkunsidra żewġ studji ta' STOA intitolati "E-public, e-participation and e-voting in Europe – prospects and challenges: final report" (Pubbliku elettroniku, parteċipazzjoni elettronika u votazzjoni elettronika fl-Ewropa - prospetti u sfidi: rapport finali) (Novembru 2011), u "Technology options and systems to strengthen participatory and direct democracy" (Għażliet u sistemi teknoloġiċi biex tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u diretta) li jridu jiġu ppubblikati fl-2017,

–   wara li kkunsidra l-ħidma dwar id-demokrazija elettronika mwettqa mill-Konferenza tal-Assemblej Reġjonali Leġiżlattivi Ewropej (CALRE) bl-użu tan-netwerk ta' kooperazzjoni IT4all tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0041/2017),

A.  billi l-kriżijiet u l-istaġnar reċenti fl-oqsma finanzjarji, ekonomiċi, politiċi u soċjali qed jaffettwaw bil-kbir lil Stati Membri individwali u lill-Unjoni inġenerali u fi żmien meta kollha kemm huma qed jiffaċċjaw sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u s-sigurtà; billi r-relazzjoni taċ-ċittadini mal-politika qiegħda dejjem aktar taħt pressjoni, peress li huma jevitaw il-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, u hemm riskju dejjem jikber ta' skuntentizza pubblika fil-politika; billi l-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-ħajja demokratika, flimkien ma' trasparenza u informazzjoni, huma essenzjali għall-funzjonament tad-demokrazija u għal-leġittimità u r-responsabilità ta' kull livell tal-istruttura ta' governanza f'diversi livelli tal-UE; billi hemm ħtieġa ċara li tissaħħaħ ir-rabta demokratika bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet politiċi;

B.  billi f'dawn l-aħħar deċenji s-soċjetà tagħna nbidlet b'mod estremament veloċi, u ċ-ċittadini jħossu l-ħtieġa li jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod aktar frekwenti u direttament dwar il-problemi li jiddefinixxu l-futur tas-soċjetà tagħna, u billi l-istituzzjonijiet politiċi u ta' tfassil ta' politika jenħtieġ għalhekk li jinvestu fl-innovazzjoni demokratika;

C.  billi l-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej ilha tonqos b'mod kostanti sa mill-1979, u fl-elezzjonijiet tal-2014 naqset għal 42,54 %;

D.  billi huwa importanti li terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; billi l-għodod tad-demokrazija elettronika jistgħu jgħinu biex jippromwovu ċittadinanza aktar attiva billi jtejbu l-parteċipazzjoni, it-trasparenza u r-responsabilità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u b'hekk jappoġġaw mekkaniżmi għas-sorveljanza demokratika u l-għarfien dwar l-UE bl-għan li ċ-ċittadini jingħataw vuċi aktar qawwija fil-ħajja politika;

E.  billi d-demokrazija għandha tevolvi u tadatta għall-bidliet u l-opportunitajiet assoċjati ma' teknoloġiji ġodda u għodod tal-ICT, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġid komuni li, meta implimentati kif jixraq u akkumpanjati b'livell adegwat ta' informazzjoni, jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent aktar trasparenti u parteċipattiv; billi, għal dan l-għan, kull persuna għandu jkollha l-opportunità li tkun imħarrġa fl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

F.   billi aktar progress b'rabta maċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data huwa essenzjali jekk irridu nagħmlu użu akbar mit-teknoloġiji ġodda fil-ħajja istituzzjonali u politika u b'hekk insaħħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

G.  billi mewġa ta' għodod ġodda ta' komunikazzjoni diġitali u pjattaformi miftuħa u kollaborattivi jistgħu jispiraw u jipprovdu soluzzjonijiet ġodda biex jitrawmu l-parteċipazzjoni u l-impenn politiku taċ-ċittadini, filwaqt li tonqos l-iskuntentizza fir-rigward tal-istituzzjonijiet politiċi, kif ukoll jgħinu biex iżidu l-livelli ta' fiduċja, trasparenza u responsabilità demokratika;

H.  billi fl-aktar indirizz reċenti tiegħu dwar “l-istat tal-Unjoni”, il-President Juncker ippreżenta pakkett ta' miżuri biex jiżdied l-użu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż il-WiFi4EU u l-introduzzjoni tal-5G fl-Ewropa;

I.  billi data tal-gvern miftuħa għandha l-potenzjal li tiġġenera tkabbir ekonomiku, iżżid l-effiċjenza tas-settur pubbliku u ttejjeb it-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali;

J.  billi aċċess taħt kundizzjonijiet ugwali għal netwerk newtrali huwa prerekwiżit biex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali;

K.  billi d-demokrazija elettronika tista' tiffaċilita l-iżvilupp ta' forom ta' involviment komplementari li jistgħu jikkontribwixxu biex inaqqsu ż-żieda tal-iskuntentizza pubblika fir-rigward tal-politika tradizzjonali; billi, barra minn hekk, hija tista' tgħin fil-promozzjoni, id-djalogu, il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-interess tal-pubbliku fl-Unjoni tagħna, fil-politika u l-politiki tagħha, u għalhekk tiffavorixxi appoġġ popolari għall-proġett Ewropew kif ukoll tnaqqas l-hekk imsejjaħ "defiċit demokratiku";

L.  billi forom ġodda ta' parteċipazzjoni fi spazju virtwali pubbliku ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr ir-rispett għad-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-parteċipazzjoni fi spazju pubbliku, li jinkludu, pereżempju, drittijiet proċedurali f'każ ta' malafama;

M.  billi, sabiex jiġi garantit ir-rwol tal-Internet bħala għodda demokratika valida u effettiva, huwa indispensabbli li tinqered il-qasma diġitali u li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'ħiliet adegwati ta' litteriżmu medjatiku u diġitali;

N.  billi t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fis-sistemi moderni hija fil-qalba tal-proċessi tal-gvern, iżda għadhom meħtieġa aktar sforzi sabiex jitjieb it-twassil ta' servizzi tal-gvern elettroniku;

O.  billi l-votazzjoni elettronika tista' tgħin lin-nies li jgħixu jew jaħdmu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f'pajjiż terz jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom; billi s-sigurtà u s-segretezza fl-ikkastjar u r-reġistrazzjoni tal-voti għandhom ikunu żgurati fi proċessi ta' votazzjoni elettronika, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-possibilità ta' attakki ċibernetiċi;

Potenzjal u sfidi

1.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tad-demokrazija elettronika, li hija definita bħala appoġġ u tisħiħ tad-demokrazija tradizzjonali permezz tal-ICT, u li tista' tikkompleta u ssaħħaħ il-proċess demokratiku permezz ta' żieda ta' elementi tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini b'diversi attivitajiet online li, fost l-oħrajn, jinkludu l-gvern elettroniku, il-governanza elettronika, id-deliberazzjoni elettronika, il-parteċipazzjoni elettronika u l-votazzjoni elettronika; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li permezz ta' għodod ġodda ta' informazzjoni u komunikazzjoni, dejjem aktar ċittadini jistgħu jiġu involuti fi proċessi demokratiċi;

2.  Jenfasizza li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2009)1 titlob lill-Istati Membri jiżguraw li d-demokrazija elettronika "tippromwovi, tiżgura u ssaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabilità, ir-rispons, l-involviment, id-deliberazzjoni, l-inklużività, l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, is-sussidjarjetà u l-koeżjoni soċjali"; jirrimarka li din ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri li jkunu jistgħu jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

3.  Jenfasizza li l-iskop tad-demokrazija elettronika huwa li tippromwovi kultura demokratika li tarrikkixxi u ssaħħaħ il-prattiki demokratiċi, billi tipprovdi mezzi addizzjonali biex jiżdiedu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, iżda mhux li tistabbilixxi sistema demokratika alternattiva għad-detriment tad-demokrazija rappreżentattiva; jirrimarka li d-demokrazija elettronika waħedha ma tiżgurax il-parteċipazzjoni politika u li, b'mod parallel għal demokrazija elettronika, għandu jiġi indirizzat ukoll ambjent mhux diġitali biex isegwi l-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini;

4.  Jirrimarka l-importanza tal-votazzjoni elettronika u tal-votazzjoni bl-internet mill-bogħod bħala sistemi li jwessgħu l-inklużjoni taċ-ċittadini u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni demokratika, speċjalment f'oqsma li huma ġeografikament u soċjalment aktar emarġinati, billi joffru bosta vantaġġi potenzjali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, il-persuni b'mobilità mnaqqsa, l-anzjani u l-persuni li jgħixu jew jaħdmu permanentement jew temporanjament fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f'pajjiż terz, dment li l-ogħla standards possibbli ta' protezzjoni tad-data jkunu garantiti; ifakkar li, meta jdaħħlu fis-seħħ il-votazzjoni remota bl-internet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trasparenza u l-affidabilità tal-għadd tal-voti u jirrispettaw il-prinċipji tal-ugwaljanza, is-segretezza tal-vot, aċċess għall-votazzjoni u suffraġju ħieles;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta' interazzjoni diġitali kollha jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta' ftuħ istituzzjonali, flimkien ma' għaqda ta' trasparenza f'ħin reali u parteċipazzjoni informata;

6.  Jenfasizza u jħeġġeġ l-użu tal-parteċipazzjoni elettronika bħala karatteristika ewlenija ta' demokrazija elettronika, li tinkludi tliet forom ta' interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet tal-UE fuq naħa, u ċ-ċittadini, fuq in-naħa l-oħra, jiġifieri: l-informazzjoni elettronika, il-konsultazzjoni elettronika u t-teħid elettroniku ta' deċiżjonijiet; jirrikonoxxi li ħafna każijiet ta' parteċipazzjoni elettronika nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jitqiesu bħala eżempji tajbin ta' kif l-ICT jistgħu jintużaw f'demokrazija parteċipattiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment dawn il-prattiki fil-livell nazzjonali u lokali;

7.  Jenfasizza li l-ICTs jikkontribwixxu lejn il-ħolqien ta' spazji għal parteċipazzjoni u diskussjoni li, min-naħa tagħhom, itejbu l-kwalità u l-leġittimità tas-sistemi demokratiċi tagħna;

8.   Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti ż-żgħażagħ fid-dibattitu politiku, u jinnota li l-użu tal-ICT fi proċeduri demokratiċi jista' jkun għodda effettiva għal dan l-għan;

9.  Ifakkar fl-ewwel eżempju ta' votazzjoni online Ewropea fl-Estonja fl-elezzjonijiet legalment vinkolanti tagħha fl-2005, iżda jsostni li jekk l-użu tal-votazzjoni elettronika isir possibbli fi Stati Membri oħra, se jkun meħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-parteċipazzjoni attwali tal-popolazzjoni kollha tistax tiġi ggarantita, u wkoll l-evalwazzjoni tal-benefiċċji u l-isfidi, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta' approċċi teknoloġiċi differenti jew diverġenti; jenfasizza li l-eżistenza ta' konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja u siguri, u infrastruttura tal-identità elettronika sigura huma prerekwiżiti importanti għas-suċċess tal-votazzjoni elettronika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati l-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda fil-proċessi tal-votazzjoni attwali fil-booths, u jqis li avvanzi sinifikanti jistgħu jseħħu permezz tal-qsim tal-aħjar prattiki u riċerka fil-livelli politiċi kollha;

10.   Jindika l-isfida li ġġib magħha r-reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini rigward l-użu ta' għodda fuq l-internet b'rabta mad-demokrazija; huwa tal-fehma li l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u l-garanzija tal-privatezza huma tal-akbar importanza għall-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini fix-xena politika diġitali emerġenti;

11.  Jenfasizza li l-proċessi demokratiċi jirrikjedu dibattitu estensiv f'kull livell tas-soċjetà tal-UE, kif ukoll skrutinju u riflessjoni, sabiex iwasslu għal deliberazzjoni ġusta, sħiħa u razzjonali; iwissi li hemm riskju ta' distorsjoni u manipulazzjoni tal-eżitu tad-deliberazzjonijiet dwar għodod ta' diskussjoni online; huwa tal-fehma li l-aħjar garanzija kontra dan ir-riskju hija t-trasparenza tal-atturi kollha li jinteraġixxu u l-provvista ta' tagħrif dwar kampanji li potenzjalment ikunu qed jiġu promossi, direttament jew indirettament, fuq pjattaformi ta' parteċipazzjoni diġitali;

12.   Jinnota li għal demokrazija li tiffunzjona, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi hija dimensjoni fundamentali; jenfasizza, għalhekk, li l-introduzzjoni ta' għodod tad-demokrazija elettronika jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn strateġiji tajba ta' komunikazzjoni u ta' edukazzjoni;

13.   Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata l-parteċipazzjoni elettronika fis-sistema politika sabiex tinkorpora l-kontributi taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi żgurat segwitu; jinnota li nuqqas ta' kapaċità ta' reazzjoni minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iwassal għal diżappunt u nuqqas ta' fiduċja;

14.   Jenfasizza li l-użu ta' għodod tal-ICT għandu jkun kumplementari ma' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi, bl-għan li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' ħiliet diġitali jew nuqqas ta' riżorsi u infrastrutturi;

Proposti dwar it-titjib tas-sistema demokratika permezz tal-ICT

15.   Iqis li l-parteċipazzjoni fi proċessi demokratiċi hija bbażata, l-ewwel nett, fuq aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-informazzjoni u l-għarfien;

16.   Jitlob, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jadottaw miżuri mmirati biex jillimitaw b'mod arbitrarju l-aċċess għall-internet u l-eżerċizzju ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem, bħalma huma miżuri ta' ċensura sproporzjonati jew il-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni leġittima ta' kritika u oppożizzjoni;

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu mezzi tekniċi u edukattivi biex jagħtu spinta lill-għoti tas-setgħa demokratika liċ-ċittadini u jtejbu l-kompetenzi tal-ICT, kif ukoll il-provvista tal-litteriżmu diġitali u aċċess diġitali sikur u ekwu għaċ-ċittadini kollha tal-UE sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali (inklużjoni elettronika), għall-benefiċċju aħħari tad-demokrazija; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw l-akkwist ta' ħiliet diġitali fil-kurrikuli tal-iskejjel u t-tagħlim tul il-ħajja, u jagħtu prijorità lil programmi ta' taħriġ diġitali għall-anzjani; jappoġġa l-iżvilupp ta' netwerks mal-universitajiet u l-istituzzjonijiet edukattivi biex jippromwovi r-riċerka dwar u l-implimentazzjoni ta' għodod ġodda ta' parteċipazzjoni; jistieden ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu programmi u politiki mmirati biex jiżviluppaw apprezzament kritiku u informat tal-użu tal-ICT;

18.   Jipproponi li jkompli jsir progress fl-evalwazzjoni tal-użu tat-teknoloġija ġdida biex tittejjeb id-demokrazija fl-amministrazzjonijiet tal-UE billi jiġu inkorporati, bħala indikaturi, miri li jkejlu l-kwalità tas-servizzi online;

19.  Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew, bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament fl-Unjoni Ewropea, jieħu rwol ta' tmexxija fit-tisħiħ tad-demokrazija elettronika; iqis li jkun utli, għal dan l-iskop, li jiġu żviluppati soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi li se jagħmluha possibbli għaċ-ċittadini li jikkomunikaw b'mod sinifikanti u jaqsmu t-tħassib tagħhom mar-rappreżentanti eletti tagħhom;

20.   Jinkoraġġixxi s-simplifikazzjoni tal-lingwaġġ u l-proċeduri istituzzjonali u l-organizzazzjoni tal-kontenut multimedjali biex jiġu spjegati l-elementi ewlenin tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, sabiex jiġu promossi l-fehim u l-parteċipazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jinxtered dan il-mezz ta' parteċipazzjoni elettronika permezz ta' għodod segmentati proattivi li jippermettu l-aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajls parlamentari;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jipprovdu infrastruttura diġitali affordabbli u b'veloċità għolja, b'mod partikolari f'reġjuni periferiċi u żoni rurali u ekonomikament anqas żviluppati, u jiżguraw li l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tkun garantita, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk iċ-ċittadini li huma l-aktar vulnerabbli u jipprovduhom b'kapaċitajiet sabiex ikun żgurat l-użu sikur u mingħajr periklu tat-teknoloġija; jirrakkomanda li l-libreriji, l-iskejjel u bini li fih huma pprovduti s-servizzi pubbliċi jkollhom riżorsi xierqa ta' infrastruttura tal-IT b'veloċità għolja u moderna li tkun ugwalment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari għall-aktar kategoriji vulnerabbli, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; jirrimarka l-ħtieġa li jiġu dedikati riżorsi finanzjarji u ta' taħriġ għal dawn l-għanijiet; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi riżorsi għal proġetti mmirati biex jittejbu l-infrastrutturi diġitali fil-qasam tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà;

22.  Jenfasizza li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli kollha kif ukoll fis-setturi tal-ICT; jinnota li n-nisa u l-bniet spiss jiffaċċjaw sterjotipi tal-ġeneri fir-rigward tat-teknoloġiji diġitali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi programmi mmirati li jippromwovu l-edukazzjoni fl-ICT u l-parteċipazzjoni elettronika għan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari dawk minn sfond vulnerabbli u marġinalizzat, bl-użu ta' tagħlim formali, informali u mhux formali;

23.  Jinnota li sabiex tiġi żgurata l-aċċessibilità ugwali taċ-ċittadini għall-għodod tad-demokrazija elettronika, it-traduzzjoni multilingwa hija importanti meta tkun se tinxtered l-informazzjoni u tinqara miċ-ċittadini kollha fil-pajjiżi li għandhom aktar minn lingwa uffiċjali waħda jew minn dawk li jkunu ġejjin minn sfondi etniċi differenti;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jippromwovu, jappoġġaw u jimplimentaw mekkaniżmi u strumenti li jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-interazzjoni tagħhom ma' gvernijiet u istituzzjonijiet tal-UE, bħal pjattaformi tal-crowdsourcing; jenfasizza li l-ICTs għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni indipendenti, it-trasparenza, il-kontabilità u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjoni; jappella f'dan ir-rigward biex l-għodod kollha tal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet maċ-ċittadini, u b'mod partikolari l-portal Europe Direct, jiġu mfassla aktar mill-qrib mal-isfidi tad-demokrazija elettronika; jimpenja ruħu biex jagħmel l-għodod kollha eżistenti ta' segwitu leġiżlattiv aktar aċċessibbli, li jinftehmu aħjar, edukattivi u interattivi, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-istess fuq is-sit tal-Internet tagħha stess;

25.  Jistieden lill-Istati Membri u l-UE jevalwaw mill-ġdid il-kontenut uffiċjali tagħhom fuq is-siti b'rabta mal-funzjonament tad-demokrazija, bl-għan li jipprovdu l-għodod edukattivi li jagħmluha aktar faċli għaż-żgħażagħ biex iżuru s-siti inkwistjoni u jifhmu l-kontenut tagħhom u li s-siti jsiru iktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

26.  Jinkoraġġixxi lill-amministrazzjonijiet jirriflettu l-impenn tagħhom għall-prinċipju ta' ftuħ istituzzjonali permezz ta' tibdil fil-proċessi tagħhom tad-disinn strateġiku u l-kultura korporattiva, il-baġits u bidla fl-organizzazzjoni li jkunu misjuqa minn mira għat-titjib tad-demokrazija permezz tal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda;

27.  Jitlob li tinħoloq pjattaforma online b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jiġu kkonsultati b'mod sistematiku qabel ma l-leġiżlatur Ewropew jieħu deċiżjonijiet, u b'hekk jiġu involuti b'mod aktar dirett fil-ħajja pubblika;

28.  Jemmen li huwa essenzjali li l-użu ta' dawn l-għodod ġodda jkun appoġġat minn kampanji li jippromwovu l-possibilitajiet li joffru u l-valuri ċiviċi ta' responsabilità konġunta u parteċipazzjoni;

29.  Jirrimarka dwar l-importanza tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala mezz ta' parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-ħajja politika tal-UE u l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fiha, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tqis mill-ġdid il-mod kif topera sabiex tkun tista' tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħha, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015; jiġbed l-attenzjoni, għaldaqstant, għall-importanza tas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tar-rekwiżiti burokratiċi relatati ma' dan, u ta' użu usa' tal-ICT, eż. permezz ta' pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet oħra kompatibbli ma' apparat mobbli, sabiex din l-għodda importanti ssir aktar faċli għall-utent u ppubbliċizzata b'mod wiesa'; jemmen li l-użu ta' teknoloġija ġdida jista' jtejjeb, b'mod partikolari, is-sistema tal-ġbir ta' firem online permezz tal-użu ta' servizzi ta' identifikazzjoni u ta' awtentikazzjoni (e-IDAS), li jippermetti lill-membri tal-pubbliku li b'mod aktar faċli jirċievu u jiskambjaw informazzjoni dwar Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej eżistenti jew potenzjali sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv f'diskussjonijiet u/jew jappoġġaw l-inizjattivi nnifishom;

30.  Jenfasizza li bosta proċessi tal-Kummissjoni, bħall-konsultazzjonijiet pubbliċi online, attivitajiet ta' parteċipazzjoni elettronika u valutazzjonijiet tal-impatt, jistgħu jibbenefikaw minn użu ikbar ta' teknoloġiji ġodda biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni pubblika, tiżdied ir-responsabilità f'dawn il-proċessi u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-UE u tissaħħaħ il-governanza Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta' konsultazzjoni pubblika jkunu iktar effettivi u aċċessibbli għal kemm jista' jkun nies, filwaqt li l-ostakoli tekniċi jinżammu f'livelli minimi;

31.   Jissottolinja l-ħtieġa għal aktar informazzjoni għaċ-ċittadini dwar pjattaformi diġitali eżistenti fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tespandi u tiżviluppa l-parteċipazzjoni elettronika fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li se tiġi mnedija fl-2017, u tippromwovi l-iżvilupp u l-finanzjament ta' strumenti ġodda marbuta maċ-ċittadinanza elettronika tal-Unjoni Ewropea; jirrakkomanda barra minn hekk li l-Kummissjoni tiffoka fuq soluzzjonijiet ta' sorsi miftuħa li jistgħu jiġu implimentati faċilment fis-suq uniku diġitali kollu; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni tintegra l-użu mill-ġdid ta' proġetti preċedenti bħal pereżempju l-pjattaforma D-CENT, il-proġett iffinanzjat mill-UE li jipprovdi għodod teknoloġiċi għal demokrazija parteċipattiva;

33.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' amministrazzjoni elettronika għandu jkun prijorità għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u jilqa' l-pjan ta' azzjoni ambizzjuż u komprensiv tal-Kummissjoni dwar il-gvern elettroniku, li għalih implimentazzjoni nazzjonali xierqa,u koordinazzjoni tal-fondi disponibbli tal-UE ser ikunu essenzjali, f'sinerġija mal-aġenziji u awtoritajiet diġitali nazzjonali; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex jinkoraġġixxu d-data miftuħa u l-użu ta' għodod tal-ICT abbażi ta' softwer b'sors miftuħ u bla ħlas kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri;

34.  Jitlob għal aktar kooperazzjoni fil-livell tal-UE u jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattiki għal proġetti ta' demokrazija elettronika bħala mezz biex nimxu lejn forma ta' demokrazija aktar parteċipattiva u deliberattiva, u li twieġeb għat-talbiet u l-interessi taċ-ċittadini u għandha l-għan li tinvolvihom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jirrimarka dwar il-ħtieġa li wieħed ikun jaf x'inhi l-attitudni taċ-ċittadini b'rabta mal-implimentazzjoni ta' votazzjoni mill-bogħod bl-internet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni jew konsultazzjoni indipendenti tal-opinjoni pubblika dwar votazzjoni online, b'analiżi tal-punti pożittivi u d-dgħjufijiet tagħha, bħala alternattiva addizzjonali biex iċ-ċittadini jivvutaw, li għandha tiġi kkunsidrata mill-Istati Membri sa tmiem l-2018;

35.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu mħarsa, bħala kwistjoni ta' prijorità, il-privatezza u d-data personali meta jintużaw l-għodod tad-demokrazija elettronika u biex jitrawwem ambjent tal-internet aktar sikur, b'mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni u s-sigurtà tad-data, inkluż "id-dritt li wieħed jintesa", u biex jipprovdu garanziji kontra s-softwer ta' sorveljanza u l-verifikabilità tas-sors; barra minn hekk, jappella għal aktar użu ta' servizzi diġitali bbażati fuq aġenti ewlenin bħall-identità diġitali sigura u kriptata, skont ir-Regolament EIDAS; Jippromwovi reġistri diġitali pubbliċi siguri u sikuri u l-validazzjoni ta' firem elettroniċi sabiex jipprevjeni interazzjonijiet multipli frawdolenti, f'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza fl-aħħar nett li l-kwistjonijiet ta' sigurtà m'għandhomx iservu ta' deterrent għall-inklużjoni ta' individwi u gruppi fi proċessi demokratiċi;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija permezz tat-teknoloġija li għandha tintuża f'ambjent sigur li hu sikur mill-użu ħażin ta' għodod teknoloġiċi (eż. spamming bots, profili anonimi u approprjazzjoni tal-identità), u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-ogħla standards legali;

37.   Ifakkar fir-rwol essenzjali tal-informaturi attwali — ġeneralment permezz tal-internet — fl-esponiment tal-korruzzjoni, il-frodi, il-ġestjoni ħażina u forom oħra ta' aġir illegali li jheddu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, l-integrità finanzjarja, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-istat tad-dritt, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni;

38.  Iħeġġeġ lir-rappreżentanti pubbliċi jipparteċipaw b'mod attiv maċ-ċittadini f'fora eżistenti u totalment indipendenti, u biex jużaw midja ġdida u pjattaformi tal-IT bl-għan li jistimulaw diskussjoni u skambju ta' opinjonijiet u proposti maċ-ċittadini (parlament elettroniku) u l-ħolqien ta' konnessjoni diretta magħhom; jistieden lill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew u l-partiti politiċi Ewropej biex iżidu l-opportunitajiet għal diskussjoni pubblika u l-parteċipazzjoni elettronika;

39.  Jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex ikomplu jsaħħu t-trasparenza fix-xogħol tagħhom, speċjalment f'kuntest politiku attwali diffiċli, u jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi biex jistudjaw il-possibilità tat-twaqqif ta' pjattaformi diġitali, inklużi l-għodod l-iżjed moderni tal-IT; iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti biex jużaw dawn l-għodod u jikkomunikaw u jimpenjaw ruħhom b'mod pożittiv ma' kostitwenti u mal-partijiet interessati fuq bażi effiċjenti bl-għan li jiġu infurmati dwar l-UE u l-attivitajiet parlamentari u biex ikun hemm deliberazzjoni u proċessi għat-tfassil tal-politika u jiżdied l-għarfien tad-demokrazija Ewropea;

40.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Parlament fil-qasam tal-parteċipazzjoni elettronika; jappoġġa sforzi kontinwi sabiex jissaħħu l-karattru rappreżentattiv, il-leġittimità u l-effikaċja tal-Parlament, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu usa' minn teknoloġiji ġodda sabiex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-limiti meħtieġa imposti mid-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali; jinnota l-ħtieġa għal proċess wiesa' ta' riflessjoni dwar kif jista' jittejjeb l-użu tal-ICT mill-Membri tiegħu, mhux biss għall-komunikazzjoni mal-pubbliku iżda wkoll rigward il-leġiżlazzjoni, petizzjonijiet, konsultazzjonijiet u aspetti oħra rilevanti għax-xogħol tagħhom ta' kuljum;

41.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod diġitali sabiex jiġu żviluppati modi ġodda sabiex jippromwovu d-demokrazija interna, inkluża t-trasparenza fil-ġestjoni tagħhom, il-finanzjament, u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u sabiex ikun hemm komunikazzjoni aħjar u parteċipazzjoni ta' membri u sostenituri tagħhom u s-soċjetà ċivili; barra minn hekk iħeġġiġhom ikunu ferm trasparenti u responsabbli lejn iċ-ċittadini; jissuġġerixxi għal dan l-għan li tiġi kkunsidrata l-possibilità ta' modifiki għall-Istatut tal-partiti politiċi Ewropej u li dawn ikopru u jippromovu l-prattiki ta' parteċipazzjoni diġitali;

42.  Jistieden lill-UE u l-istituzzjonijiet tagħha sabiex ikunu miftuħa għal aktar esperimentazzjoni b'metodi ġodda ta' parteċipazzjoni elettronika, bħall-crowdsourcing, fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, b'kont meħud tal-aħjar prattiki li diġà ġew żviluppati fi ħdan l-Istati Membri u, għal dan l-għan, biex iniedu proġetti pilota speċifiċi; itenni, fl-istess ħin, il-ħtieġa li dawk il-miżuri jiġu komplementati b'kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex jiġu spjegawti l-possibilitajiet ta' dawn l-għodod;

43.  Jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej iniedu proċess parteċipattiv sabiex jelaboraw Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Internet, filwaqt li tittieħed bħala referenza, fost testi oħra, id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Internet ippubblikata mill-Kamra tad-Deputati tal-Italja fit-28 ta' Lulju 2015, sabiex jiġu promossi u garantiti d-drittijiet kollha li jappartjenu għall-isfera diġitali, fosthom id-dritt ġenwin ta' aċċess għall-Internet u tan-newtralità tal-internet;

44.  Jinnota l-ammont enormi ta' informazzjoni eteroġena li tista' tinstab fuq l-internet illum, u jenfasizza li l-kapaċità taċ-ċittadini li jaħsbu b'mod kritiku għandha tissaħħaħ sabiex dawn ikunu jistgħu jagħrfu aħjar bejn sorsi affidabbli u mhux affidabbli ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jadattaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni bl-għan li jiġu indirizzati l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa, u jimplimentaw bis-sħiħ u jinforzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-diskors ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali u kostituzzjonali; jisħaq li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw azzjonijiet u politiki għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' ħsieb trasferibbli, kritiku u kreattiv u l-litteriżmu diġitali u medjatiku, kif ukoll l-inklużjoni u l-kurżità fost iċ-ċittadini tagħhom, speċjalment iż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċessi demokratiċi;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0382.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0288.

Avviż legali