Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0216/2017

Testi mressqa :

A8-0216/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 20
CRE 04/07/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.12
CRE 05/07/2017 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0304

Testi adottati
PDF 416kWORD 59k
L-Erbgħa, 5 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar it-72 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti
P8_TA(2017)0304A8-0216/2017

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 lill-Kunsill dwar it-72 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2017/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2009), 1888 (2009), 1889 (2010), 1960 (2011), 2106 (2013), 2122 (2013) u 2242 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2015 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida riveduti tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u teżerċita d-dritt ta' replika,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-refuġjati u l-migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/71/L.48 tal-21 ta' Diċembru 2016, li tistabbilixxi "Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Daesh'(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0216/2017),

A.  billi l-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi u governanza globali tajba, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-UE u għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar adattata biex jiġu indirizzati kriżijiet, sfidi u theddid globali;

B.  billi l-ordni internazzjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni, id-djalogu, il-kummerċ ħieles u ġust, u d-drittijiet tal-bniedem qed jiġi ddubitat minn bosta movimenti nazzjonalisti u protezzjonisti madwar id-dinja;

C.  billi l-UE għandu jkollha sehem proattiv fil-bini ta' Nazzjonijiet Uniti li kapaċi tikkontribwixxi b'mod attiv għas-soluzzjonijiet globali, għall-paċi u għas-sigurtà, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-iżvilupp, għad-demokrazija u għall-ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt; billi l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw aktar u jintegraw l-azzjonijiet li jieħdu fl-organi u fil-korpi tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti skont il-mandat li jinsab fl-Artikolu 34(1) tat-TUE;

D.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod kollettiv għadhom l-akbar kontributur finanzjarju uniku għas-sistema tan-NU, billi jipprovdu madwar 50 % tal-kontribuzzjonijiet kollha tan-NU, bl-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu madwar 40 % tal-baġit regolari tan-NU; billi l-kontribuzzjonijiet tal-UE lin-NU jenħtieġ ikunu aktar viżibbli;

E.  billi l-UE taħdem favur is-sostenibilità ambjentali, partikolarment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet internazzjonali intiżi li jippreservaw u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

F.  billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

G.  billi l-ambjent ta' sigurtà tal-UE huwa dejjem aktar instabbli u volatili minħabba għadd kbir ta' sfidi, li ilhom jeżistu żmien twil jew li nibtu dan l-aħħar, fosthom kunflitti vjolenti, terroriżmu, kriminalità organizzata, propaganda u gwerra ċibernetika, flussi ta' refuġjati u pressjoni migratorja mingħajr preċedent u impatti fuq it-tibdil fil-klima, li huma impossibbli li jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali u jeħtieġu risposti reġjonali u globali u kooperazzjoni attiva u kostruttiva;

H.  billi l-UE u n-NU għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp tal-2030 bl-għan li jeqirdu l-faqar u joħolqu prosperità kollettiva, jindirizzaw l-inugwaljanzi, u b'hekk joħolqu dinja aktar sikura u aktar ġusta, u jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent naturali; billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU ddeċidiet li tintensifika l-isforzi tal-organizzazzjoni biex timplimenta l-aġenda l-ġdida għall-iżvilupp;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

Paċi u sigurtà

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

In-nonproliferazzjoni u d-diżarm

Il-migrazzjoni

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

L-iżvilupp

It-tibdil fil-klima

L-UE u r-riforma tas-sistema tan-NU

   (a) ikompli jappella għar-rispett sħiħ tas-sovranità, tal-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u għall-integrità territorjali tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, b'mod partikolari, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali f'dawk iż-żoni; isostni u jintensifika l-isforzi diplomatiċi għal riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli ta' dawn il-kunflitti mtawla għaddejjin bħalissa, kif ukoll il-kunflitt fir-reġjun ta' Nagorno-Karabakh u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-integrità territorjali, tan-nuqqas ta' użu tal-forza, u tad-drittijiet ugwali u tal-awtodeterminazzjoni tal-popli fil-post; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; iżid attivament il-pressjoni fuq ir-Russja, inkwantu membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bl-għan li tinstab riżoluzzjoni tal-kunflitt fl-Ukrajna skont il-ftehimiet ta' Minsk, kif ukoll l-okkupazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; isib bilanċ ġeopolitiku li jirrifjuta kull aspirazzjoni għal sferi esklużivi ta' influwenza;
   (b) li jinżamm appoġġ sħiħ għall-isforzi li saru min-NU biex tiġi ffaċilitata soluzzjoni komprensiva li ttemm id-diviżjoni ta’ Ċipru, u jenfasizza li soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru se jkollha impatt pożittiv fuq ir-reġjun kollu u fuq iċ-Ċiprijotti Griegi kif ukoll iċ-Ċiprijotti Torok; iħeġġeġ lill-Kunsill biex juża r-riżorsi kollha tiegħu biex jappoġġa bis-sħiħ il-konklużjoni b’suċċess tal-proċess ta’ riunifikazzjoni u biex jappoġġa r-rwol tan-NU;
   (c) li jkun hemm appoġġ għall-isforzi mmexxija min-NU biex tkun żgurata soluzzjoni għall-kwistjoni dwar l-isem tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja permezz ta’ ftehim bejn Skopje u Ateni;
   (d) iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa biex jgħinu lill-popolazzjonijiet lokali f'kunflitti armati u lir-refuġjati, u biex iħeġġu lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jissodisfaw l-impenji finanzjarji li saru lin-NU;
   (e) jirrispetta l-ftehim nukleari bejn l-Iran u membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif ukoll il-Ġermanja bħala suċċess importanti fid-diplomazija internazzjonali u tal-UE, b'mod partikolari, u biex ikompli jpoġġi pressjoni fuq l-Istati Uniti biex imexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni prattika;
   (f) juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex itejjeb il-konformità mill-atturi Statali u mhux Statali mad-dritt umanitarju internazzjonali (IHL); jappoġġa l-isforzi mmexxija mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar biex jitwaqqaf mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;
   (g) jagħmel pressjoni għal aktar impenji multilaterali b'saħħithom biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi u paċifiċi sostenibbli fit-tul għall-kunflitti attwali fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, b'mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Jemen u l-Libja; u jintensifika l-isforzi diplomatiċi biex jiġu solvuti kunflitti ffriżati madwar id-dinja; ikompli jappoġġa l-ħidma l-azzjonijiet u l-inizjattivi tar-rappreżentanti speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; jappella għal għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika kontinwa min-naħa tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja, u jaħdem favur il-waqfien immedjat tal-vjolenza; jevita kwalunkwe ksur tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u d-Dritt dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Internazzjonali, inkluż l-immirar dirett tal-infrastruttura ċivili u l-popolazzjoni ċivili u jikkundanna bil-qawwa dan il-ksur fis-Sirja; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex jgħinu lill-popolazzjoni fiż-żoni ta' kunflitt; jappoġġa l-isforzi magħmula min-NU biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq u biex ikompli jappoġġa r-rwol tal-UE fil-qasam umanitarju u l-inizjattiva reġjonali tal-UE; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħmel kull ma tista' sabiex tikkundanna bil-qawwa lil dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju li twettqu matul il-kunflitt Sirjan, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, il-qrati internazzjonali jew it-tribunali ad hoc; jappoġġa l-inizjattiva għal pjan ta' paċi tan-NU fil-Jemen u jindirizza l-kriżi umanitarja li għaddejja bħala kwistjoni ta' urġenza; jappella lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha, u jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż; jinkoraġġixxi politika ta' avviċinament bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija bħala essenzjali biex jittaffew it-tensjonijiet reġjonali u biex titwitta t-triq lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Jemen u fi bnadi oħrajn; Ikompli jħeġġeġ dan it-tip ta' azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u l-estremiżmu li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali u għall-istabilità reġjonali; jitlob appoġġ aktar b'saħħtu għall-gvern appoġġat min-NU fil-Libja u jaqdi rwol ċentrali fl-istabbilizzazzjoni tal-Libja u l-preservazzjoni tal-għaqda u l-integrità territorjali tiegħu taħt il-qafas tal-Ftehim Politiku Libjan (LPA); itenni l-ħtieġa urġenti biex jingħaqdu flimkien il-forzi armati kollha taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ċivili leġittimi kif imniżżel fl-LPA; iġġedded l-appoġġ għall-isforzi tal-Koordinatur Speċjali għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani tan-NU u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU (SĠNU) għas-Saħara tal-Punent biex jiġu riżolti dawn il-kunflitti fit-tul; jitlob l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Lvant Nofsani;
   (h) jappoġġa t-taħditiet bejn il-partijiet Sirjani li huma ggwidati mir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza li l-partijiet jenħtieġ li jimmiraw għal ftehim qafas li fih pakkett politiku biex proċess politiku ta' tranżizzjoni negozjata jista' jiġi implimentat skont is-sekwenzjar ċar u l-iskedi ta' żmien stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2254 (2015); jenfasizza li biex jinkiseb dan l-għan, tfaċċat aġenda ċara li tikkonsisti minn erba' gruppi; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-ġlied kontinwu fis-Sirja qed idgħajjef ir-reġim tal-waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ fit-30 ta' Diċembru 2016, b'konsegwenzi negattivi sinifikanti għas-sikurezza tal-popolazzjoni ċivili Sirjana, l-aċċess umanitarju u l-momentum tal-proċess politiku; jappoġġa t-talba tal-Mibgħut Speċjali tal-SĠNU għas-Sirja dwar l-Istati garanti tal-waqfien mill-ġlied fis-Sirja biex isiru sforzi urġenti biex jiġi difiż ir-reġim tal-waqfien mill-ġlied;
   (i) jaġixxi fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar is-Saħara tal-Punent;
   (j) jaċċerta li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tforni, b'kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Uniti, l-istrumenti kollha biex jiġi żgurat li soluzzjoni ta' żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, li tipprevedi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, u Stat ta' Iżrael sikur bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, tkun waħda sostenibbli u effikaċi;
   (k) isejjaħ għal appoġġ aktar b'saħħtu u għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-Iraq u l-ħtieġa li ssir ħidma lejn soċjetà aktar inklużiva u r-riintegrazzjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha li ġew spustati, inkluż fit-Tramuntana tal-Iraq u wara t-tmiem tal-operazzjoni militari fi u madwar Mosul fejn għandha tinstab soluzzjoni paċifika u inklużiva ta' wara l-kunflitt; itenni l-importanza kritika ta' protezzjoni sostnuta tal-persuni ċivili u r-rispett tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali fl-implimentazzjoni ta' strateġiji militari fl-Iraq;
   (l) ikompli jindirizza t-theddid serju għas-sigurtà fis-Saħel, is-Saħara u l-Lag taċ-Ċad, il-Lagi l-Kbar u r-reġjuni tal-Qarn tal-Afrika, bil-għan li tiġi eliminata t-theddida terroristika mill-ISIL/Daesh u l-affiljati al-Qaeda, kif ukoll minn Boko Haram jew gruppi terroristiċi affiljati oħra;
   (m) jaħdem flimkien mal-komunità internazzjonali kollha biex tinstab soluzzjoni għat-theddid tal-kriżijiet umanitarji u tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fis-Somalja, is-Sudan t'Isfel, is-Sudan, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Mali, in-Niġerja, il-Burundi u ż-Żona tal-Lagi l-Kbar b'mod ġenerali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jintensifikaw is-sostenn biex iżidu r-rwol u l-kapaċitajiet proprji tal-Unjoni Afrikana fil-medjazzjoni u fil-ġestjoni tal-kriżijiet, filwaqt li jfittxu li jkun hemm komplementarjetà mal-isforzi tal-Uffiċċju ta' Appoġġ għall-Bini tal-Paċi tan-NU; jiżgura l-adattament rapidu tal-MONUSCO f'konformità mal-mandat ġdid tagħha u, b'mod partikolari, l-implementazzjoni tal-Ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016;
   (n) jistieden lill-komunità internazzjonali tgħaqqad l-isforzi sabiex tiġġestixxi l-kriżi politika attwali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u biex jiġi evitat il-kollass tal-istat fil-pajjiż;
   (o) jenfasizza l-importanza ta' aktar investiment fil-prevenzjoni ta' konflitti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħalma huma r-radikalizzazzjoni politika jew reliġjuża, vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, l-ispostamenti tal-popolazzjoni jew it-tibdil fil-klima;
   (p) jiġbed l-attenzjoni tal-membri tan-NU, u b'mod partikolari tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lejn iż-żieda fit-tensjonijiet bejn xi pajjiżi fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-mexxejja tagħhom juru trażżin fil-politiki reġjonali tagħhom u biex l-UE u n-NU jibqgħu totalment involuti fit-tiftix ta' soluzzjonijiet dejjiema għad-differenzi bilaterali, inkluż billi jaġixxu bħala medjaturi meta meħtieġ; jikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja fil-Balkani tal-Punent li qed jheddu li jiddestabilizzaw l-proċess fraġli ta' riforma fil-pajjiżi tar-reġjun u jimminaw l-ambizzjonijiet tagħhom lejn l-UE u n-NATO;
   (q) ikompli jħeġġeġ l-isforzi tan-NU biex iġġib il-paċi fl-Afganistan u tegħleb l-ambjent ta' sigurtà fraġli fil-pajjiż;
   (r) jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet tat-tmexxija tal-Korea ta' Fuq li huma ta' theddida għall-paċi u s-sigurtà fil-peniżola Koreana u lil hinn minnha; jinkoraġġixxi liċ-Ċina, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex tagħmel pressjoni ulterjuri fuq ir-reġim tal-Korea ta' Fuq biex jitnaqqsu l-azzjonijiet aggressivi tagħha li jheddu s-sigurtà reġjonali u internazzjonali; ifassal u jimplimenta reazzjoni b'saħħitha, appoġġata minn kunsens internazzjonali b'saħħtu u wiesa', sabiex jiddiswadi r-reġim tal-Korea ta' Fuq milli jkompli jiżviluppa kapaċitajiet nukleari ostili u li jwettaq qtil extraterritorjali, attakki u ħtif ta' persuni;
   (s) iħeġġeġ lill-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiddiskutu t-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar bl-għan li l-partijiet kollha kkonċernati jingħaqdu flimkien biex jiffinalizzaw in-negozjar ta' kodiċi ta' kondotta;
   (t) jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tar-Riżoluzzjoni 2307 (2016) u jfaħħar lill-gvern u lill-poplu Kolombjan għar-rieda tagħhom għall-paċi;
   (u) iżid b'mod sinifikanti s-sostenn min-naħa tal-Istati Membri favur l-operazzjonijiet ta' żamma u ta' konsolidament tal-paċi tan-NU li jinkludu komponent marbut mad-drittijiet tal-bniedem u strateġiji ta' ħruġ ċari, partikolarment billi jikkontribwixxu b'persunal u b'tagħmir, u jsaħħaħ l-UE bħala faċilitatur f'dan ir-rigward; jiżgura viżibilità ikbar għal dan l-appoġġ u l-kontribut; jiżviluppa ulterjorment il-proċeduri għall-użu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE bħala sostenn għall-operazzjonijiet tan-NU filwaqt li tingħata biżżejjed attenzjoni lid-diversi dimensjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet kumplessi, bħad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni tal-massa; jappoġġa r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-NU tal-użu tiegħu tas-setgħa ta' veto f'każijiet fejn ikun hemm evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
   (v) jappoġġa l-SĠNU fl-isforzi tiegħu biex iżid l-involviment tan-NU fin-negozjati għall-paċi;
   (w) jappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jappella għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali u sħiħa tan-nisa bħala aġenti attivi; jippromwovu l-involviment attiv tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti kif ukoll fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; ifakkar li l-vjolenza sesswali bħalma huma l-istupru tintuża bħala tattika ta' gwerra u tikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jiżgura għajnuna medika sikura għal każijiet ta' stupru waqt gwerra; jappella għal tisħiħ tal-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt speċjalment fir-rigward tal-vjolenza sesswali, isostni u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, sabiex jieqaf l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex tiġi żgurata l-analiżi tal-ġeneru kif ukoll l-integrazzjoni tal-ġeneru u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; jitlob għall-iżvilupp ta' indikaturi biex jitkejjel il-progress dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi u tas-sigurtà;
   (x) jindirizza b'mod urġenti l-aspetti kollha tar-Rapport ta' Evalwazzjoni tal-15 ta' Mejju 2015 dwar l-Infurzar u l-Isforzi ta' Għajnuna għal Rimedju għal Sfruttament u Abbuż Sesswali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Relatat f'Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi mingħajr dewmien, u jistabbilixxi mekkaniżmi ta' responsabilità u sorveljanza trasparenti u li jiffunzjonaw rigward l-allegati abbużi; jappella għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sentenzjar mingħajr dewmien ta' kwalunkwe persunal militari u ċivili li jwettqu atti ta' vjolenza sesswali;
   (y) ikompli jsaħħaħ ir-rwol tal-R2P bħala prinċipju importanti għall-ħidma tal-Istati Membri tan-NU dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; ikompli jappoġġa l-isforzi għal aktar operazzjonalizzazzjoni tal-R2P u jappoġġa lin-NU biex tkompli twettaq rwol kritiku ħalli tgħin lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-R2P sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-dritt umanitarju internazzjonali; jippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà umana u l-prinċipju tal-R2P;
   (z) jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tal-użu, il-ħażna, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u dwar il-qerda tagħhom;
   (aa) jimpenja ruħu f'dibattitu pubbliku u komprensiv mal-membri kollha tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-importanza tar-rispett tal-limiti kostituzzjonali tal-mandati presidenzjali fid-dinja kollha;
   (ab) itenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu għat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ ISIL/Daesh, li jirrappreżenta theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; jinsisti li l-miżuri kollha meħuda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom ikunu għalkollox f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
   (ac) jappoġġa lin-NU biex tagħmel il-ġlieda kontra t-terroriżmu element ewlieni tal-aġenda ta' prevenzjoni tagħha skont l-impenn tal-UE, b'miżuri preventivi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; isaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi ta' vjolenza estrema u t-terroriżmu, partikolarment billi jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jiġu żviluppati riċerka u bini ta' kapaċità fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jippromwovi l-edukazzjoni bħala għodda għall-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u jibbaża ruħu fuq inizjattivi ta' bini tal-paċi eżistenti mwaqqfa minn atturi lokali biex ifasslu, jimplimentaw, u jiżviluppaw approċċi biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ terroristiku, filwaqt li tiġi promossa azzjoni internazzjonali biex dawk responsabbli mill-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja; jappoġġa kontribut akbar tal-UE fl-inizjattivi tal-bini tal-kapaċità tan-NU fil-ġlieda kontra l-ġellieda barranin u kontra l-estremiżmu vjolenti;
   (ad) jintensifika l-isforzi intiżi biex jipprevjenu r-reklutaġġ u jiġġieldu l-propaganda terroristika li ssir mhux biss permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali, iżda anke permezz ta' netwerks ta' predikaturi tal-mibegħda radikalizzati; jappoġġa azzjonijiet għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunitajiet fil-mira ta' propaganda estremista u vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġu indirizzati kawżi ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi li jwasslu għal dan; jappoġġa politiki ta' kontroradikalizzazzjoni u deradikalizzazzjoni b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; ifakkar li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-istat tad-dritt huma elementi essenzjali fil-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
   (ae) jaħdem mal-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u jibni mekkaniżmi biex jidentifikaw l-individwi u l-organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi tal-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha, u fl-istess ħin jiddefendu l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-proċess ġust u tal-istat tad-dritt;
   (af) isaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali, il-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati transnazzjonali; jilqa' f'dan ir-rigward ir-riżoluzzjoni 2322 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffu l-proċessi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, biex jissaħħu l-mekkaniżmi eżistenti ta' kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali u jiġi aġġornat in-netwerk ta' kuntatti bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-awtoritajiet ġudizzjarji;
   (ag) jappoġġa l-isforzi tan-NU biex tipprevjeni lill-atturi mhux statali u l-gruppi terroristiċi milli jiżviluppaw, jimmanifatturaw, jakkwistaw jew jittrasferixxu armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' twassil tagħhom; jinsisti fuq konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u b'mod attiv jieħu passi lejn id-diżarm globali;
   (ah) jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;
   (ai) jaħdem favur azzjoni aktar effikaċi kontra d-devjazzjoni u l-kummerċ illeċitu ta' armi u munizzjon, inklużi armi ħfief u ta' kalibru żgħir, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' sistema ta' rintraċċar tal-armi; jitlob lill-Membri tal-UN biex b'mod attiv jieħdu passi lejn id-diżarm globali;
   (aj) jagħti attenzjoni speċjali lill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-armamenti fir-robotika u b'mod partikolari, lir-robots u d-drones armati u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali; jistabbilixxi qafas ġuridiku dwar drones u robots armati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali eżistenti biex jiġi evitat li din it-teknoloġija tintuża b'mod mhux korrett f'attivitajiet illegali minn atturi statali u dawk mhux statali;
   (ak) jappella għat-tisħiħ tar-rispons globali lejn il-migrazzjoni, abbażi tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jiġu indirizzati movimenti kbar ta' refuġjati u migranti tad-19 ta' Settembru 2016 li saret b'suċċess, u billi jiġu indirizzati l-isfidi u t-tħassib dwar is-sigurtà li jirriżultaw minn aspetti ta' migrazzjoni illegali, bħad-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar ta' bnedmin, u biex isiru sforzi biex jinħolqu għażliet legali għall-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' impenn effikaċi u urġenti biex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-kriżi umanitarja u l-flussi ta' migrazzjoni u refuġjati mingħajr preċedent;
   (al) jippromwovi sostenn akbar għall-ħidma tal-UNHCR fl-implimentazzjoni tal-mandat internazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tar-refuġjati inklużi gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal, u persuni b'diżabilità; jenfasizza d-distakk wiesa' ta' finanzjament bejn il-ħtiġijiet baġitarji tal-UNHCR u l-fondi riċevuti u jitlob solidarjetà globali akbar; jitlob li jiżdied il-baġit ordinarju tan-NU biex jiġu ffinanzjati l-funzjonijiet prinċipali tal-UNHCR bil-għan li jiġi salvagwardjat il-funzjonament tiegħu; jappella għal impenn politiku, il-finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà b'appoġġ tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-refuġjati u l-migranti;
   (am) jappoġġa u jipproteġi d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI); jappella biex tiġi revokata l-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri tan-NU li tikkriminalizza n-nies fuq bażi ta' sess jew minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom, u jippromwovi azzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra l-persekuzzjoni ta' mibegħda omofobika u transfobika;
   (an) jippromwovi u jirrispetta l-prinċipji ta' opinjoni u ta' espressjoni, kif jissemmgħu fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jisħaq fuq l-importanza tal-istampa ħielsa f'soċjetà sana u r-rwol ta' kull ċittadin fiha;
   (ao) jappella għat-tisħiħ tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u jappoġġa miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal refuġjati u migranti, abbażi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
   (ap) jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari billi jiġu miġġielda n-netwerks kriminali permezz ta' kondiviżjoni f'waqtha u effettiva ta' intelligence rilevanti; itejjeb il-metodi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġi rintraċċat, sekwestrat u rkuprat ir-rikavat tal-attivitajiet kriminali f'dan is-settur; jinsisti fuq l-importanza fil-livell tan-NU tar-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll dwar id-Dħul Klandestin ta' Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Kkastigar tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal;
   (aq) iħeġġeġ lill-istati kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw malajr il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jistabbilixxi mekkaniżmi ta' lment u inkjesta;
   (ar) jappella lill-istati kollha, b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE, biex jieħdu sehem b'mod attiv fin-negozjati fl-UNHCR f'Ġinevra għal Trattat internazzjonali vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;
   (as) jenfasizza b'mod ċar u bis-saħħa li d-drittijiet tal-bniedem kollha miftiehma fl-ambitu tal-konvenzjonijiet tan-NU huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati u li r-rispett ta' dawn id-drittijiet irid jiġi infurzat; jitlob għal protezzjoni akbar tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'kull dimensjoni tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda; ikompli jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw id-diversi konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u biex jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti; jappella għad-difiża tal-libertajiet ta' opinjoni u ta' espressjoni; jenfasizza l-importanza tal-istampa ħielsa;
   (at) jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jippromwovu, isaħħaħ u jintegra attivitajiet li jappoġġaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; isejjaħ għal aktar responsabilizzazzjoni għan-nisa u l-bniet, it-tisħiħ tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet, inkluża attenzjoni speċjali għall-inklużjoni tan-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi; jitlob l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u, barra minn hekk, billi titqies ukoll id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru; jippromwovi d-drittijiet tat-tfal, u b'mod partikolari jiżgura l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u għar-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni fi gruppi armati, u l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, it-tortura, il-kwistjoni tat-tfal li għandhom is-seħer, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal u l-isfruttament sesswali; jippromwovi b'mod attiv l-appoġġ ta' azzjonijiet ulterjuri kontra l-ksur tad-drittijiet ta' persuni LGBTI; jappoġġa l-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI f'pajjiżi b'liġijiet kontra l-LGBTI;
   (au) ikompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw id-dagħa jew l-apostasija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; isostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; jaħdem b'mod attiv għar-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra l-minoranzi reliġjużi, etniċi u minoranzi oħra mill-hekk imsejjaħ ISIL/Daesh, kif ukoll biex il-każijiet ta' delitti suspettati kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jappoġġa l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra, eżekuzzjonijiet tal-massa, u eżekuzzjonijiet inkluż għal reati marbuta mad-drogi;
   (av) itenni l-kundanna inekwivoka tiegħu ta' kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi, il-ġurnalisti jew il-bloggers; jappoġġa l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti;
   (aw) ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, meta teleġġi l-membri tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC), li tqis ir-rispett tal-kandidati lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jappella għall-istabbiliment ta' kriterji ċari bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal sħubija fl-UNHRC;
   (ax) isaħħaħ ir-rwol tal-QKI u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex tiġi promossa r-responsabilità u tintemm l-impunità; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; jipprovdu lill-QKI b'appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju;
   (ay) ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE ta' tolleranza żero għall-piena tal-mewt; iżomm impenn b'saħħtu fil-promozzjoni biex tintemm il-piena tal-mewt fid-dinja kollha; jappella għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u biex ikompli jaħdem favur l-abolizzjoni universali tagħha; iniedi inizjattiva biex jippromwovi qafas internazzjonali tal-ġlieda kontra għodda tat-tortura u l-piena kapitali abbażi tal-esperjenza tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar din il-kwistjoni;
   (az) jagħti spinta għal involviment aktar b'saħħtu fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt, b'mod trasversali, li jgħaqqad it-tliet pilastri tan-NU: il-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; jikkoopera mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha u jirrispettaw is-separazzjoni tal-poteri;
   (ba) jagħti appoġġ lill-isforzi tan-NU biex idaħħlu fis-seħħ qafas internazzjonali dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem, li jiffaċilita l-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-għoti ta' rimedji għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' avvenimenti sportivi kbar;
   (bb) ikompli jappoġġa x-xogħol tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar it-titjib tal-obbligu ta' rendikont u l-aċċess għal rimedju għal vittmi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju bl-għan li jagħti kontribut lil sistema ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każi ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi biex jiksbu aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju;
   (bc) jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030) u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2015; jieħu passi konkreti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 u tas-17-il SDG bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp sostenibbli; iħabbrek għat-titjib tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri u jinkoraġġixxi u jsostni lill-pajjiżi biex jieħdu s-sjieda u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali biex jintlaħqu s-17-il SDG; iħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU jonoraw l-impenji tagħhom dwar l-għajnuna għall-iżvilupp u jappella għall-adozzjoni ta' qafas sod ta' indikaturi u l-użu ta' data statistika biex jiġi mmonitorjat il-progress u tiġi żgurata r-responsabilità għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġi monitorjat il-progress u tiġi żgurata r-responsabilità; jisħaq fuq il-fatt li, minbarra l-PDG, huwa neċessarju wkoll li ssir enfasi fuq indikaturi oħrajn sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni reali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod aktar preċiż u tittieħed azzjoni effikaċi biex jiġi miġġieled il-faqar u jingħata appoġġ lill-iżvilupp sostenibbli speċjalment fil-każijiet tal-pajjiżi bi dħul medju; jappella għal inizjattivi fl-UE kollha għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD u l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp Sostenibbli;
   (bd) ikompli fl-isforzi tiegħu biex jikseb koerenza politika għall-iżvilupp fil-politiki kollha tal-UE, li hija kruċjali biex jinkisbu l-SDGs, u jisħaq ukoll fuq il-livell tan-NU għal koerenza tal-politika akbar skont l-Għan 17.14; jagħti sostenn lill-isforz tan-NU għat-tsiħiħ tal-isforzi tagħha biex tipprovdi appoġġ integrat u kkoordinat għall-politika għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u bħala konsegwenza tippromwovi sistema ta' Żvilupp tan-NU li taħdem b'mod aktar integrat, b'ħidma msaħħa fost l-aġenziji u l-implimentazzjoni konġunta ta' proġetti, b'mod partikolari t-tisħiħ tar-rabta bejn l-iżvilupp u s-sigurtà; jappella lin-NU sabiex tintegra b'mod sistematiku l-bini tal-kapaċitajiet u tal-governanza tajba fl-istrateġiji tal-iżvilupp fit-tul sabiex teqred il-faqar u l-ġuħ, tipprevjeni l-kunflitti u tibni reżiljenza b'mod effettiv biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment, biex tiġġieled kontra l-inugwaljanzi soċjali u biex tipprovdi assistenza umanitarja lill-popolazzjonijiet; jenfasizza li aċċess għal provvista tal-ilma sikura, affidabbli u affordabbli u servizzi ta' sanità adegwati jtejjeb l-istandards tal-għajxien, jespandi l-ekonomiji lokali u jippromwovi l-ħolqien ta' aktar impjiegi dinjitużi;
   (be) jinsisti li l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-iżvilupp sostenibbli jenħtieġ li jsir l-korp deċiżjonali ewlieni kompetenti għall-garanzija ta' segwitu u rieżami koerenti, effiċjenti u inklużiv tal-implimentazzjoni tal-SDGs; jirrikoxxi r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi lokali fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda 2030 u fil-kisba tal-SDGs; jirrikonoxxi r-rwol strumentali u l-impatt tal-SDGs fuq il-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
   (bf) jiżgura li l-UE tibqa' fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tkompli tikkoopera ulterjorment man-NU f'dan il-qasam; jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw il-Ftehim ta' Pariġi u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015;
   (bg) jaħdem mill-qrib ma' stati gżejjer żgħar u pajjiżi oħra li qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi l-aktar serji tat-tibdil fil-klima biex jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati f'fora differenti tan-NU;
   (bh) jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom aktar mill-qrib fl-organi u fil-korpi tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u biex ikomplu jimpenjaw ruħhom biex issaħħu l-istatus ta' osservatur tal-UE f'ċerti sub-organizzazzjonijiet tan-NU; issaħħaħ il-komunikazzjoni u jiżgura li l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-livell tal-UE huma dejjem aktar ikkoordinati; jistinka għal konverġenza tal-pożizzjonijiet ma' pajjiżi kandidati, pajjiżi sħab u stati oħra tal-istess fehma;
   (bi) jaħdem favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fiskali internazzjonali, billi jagħti appoġġ għall-ħolqien ta' korp fiskali internazzjonali fi ħdan is-sistema tan-NU; jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil ta' flus bis-saħħa ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni fuq skala dinjija dwar kwisjonijiet relatati mat-taxxa u tal-ħolqien ta' lista sewda globali komuni tar-rifuġji fiskali;
   (bj) jappoġġa b'mod attiv riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fuq il-bażi ta' kunsens wiesa', bl-għan li r-realtà dinjija l-ġdida tkun riflessa aħjar u biex jintlaħqu b'mod aktar effikaċi l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tas-sigurtà; jappoġġa l-għan fit-tul li l-UE jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà tan-NU riformat; iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jastjenu milli jirrikorru għad-dritt ta' veto tagħhom f'każijiet li fihom ikunu qegħdin jiġu kommessi delitti kontra l-umanità; jippromwovi r-rivitalizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u l-koordinament u l-koerenza mtejba tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet kollha tan-NU, biex b'hekk tissaħħaħ l-effiċjenza, l-effikaċja, il-leġittimità, it-trasparenza, ir-responsabilità, il-kapaċità u r-rappreżentattività tas-sistema sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu għal sfidi globali b'iktar ħeffa;
   (bk) jappoġġa bis-sħiħ l-aġenda ta' riforma tas-SĠNU li għadu kif ġie elett; jinkoraġġixxi l-impetu għal riforma tal-istruttura tan-NU għall-paċi u s-sigurtà, il-funzjonament u l-istruttura tas-Segretarjat permezz ta' simplifikazzjoni, deċentralizzazzjoni u l-flessibilità u l-integrazzjoni fl-organizzazzjoni finanzjarja; jistabbilixxi sistema effiċjenti ta' protezzjoni tal-informaturi tan-NU;
   (bl) jappoġġa b'mod attiv l-isforzi tas-SĠNU biex jaħtar aktar nisa f'pożizzjonijiet ta' maniġment superjuri fil-livell tal-HQ tan-NU;
   (bm) jippromwovi dibattitu dwar is-suġġett tar-rwol tal-parlamenti u l-assemblej reġjonali fis-sistema tan-NU kif ukoll dwar is-suġġett tal-istabbiliment ta' Assemblea Parlamentari tan-Nazzjonijiet Uniti bl-għan li jiżdied il-profil demokratiku fil-proċess demokratiku intern tal-organizzazzjoni u biex is-soċjetà ċivili globali tkun tista' tkun assoċjata direttament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0089.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0201.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0317.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0422.

Avviż legali