Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2732(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0440/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.13
CRE 05/07/2017 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0305

Testi adottati
PDF 276kWORD 48k
L-Erbgħa, 5 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa
P8_TA(2017)0305RC-B8-0440/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (2017/2732(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-TFUE u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tat-TUE u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 intitolata "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi' (COM(2010)0682),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 intitolata "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 intitolata "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 intitolata "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker intitolati "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 u tat-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda tal-Kompetittività Industrijali, dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija Ewropea u dwar il-Pakkett tat-"Teknoloġiji tas-Suq Uniku Diġitali u l-Modernizzazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2017 dwar strateġija ta' politika industrijali futura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, irratifikat mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (O-000047/2017 – B8-0319/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-industrija Ewropea hija minn ta' quddiem nett fid-dinja f'bosta setturi industrijali, hekk li tirrappreżenta aktar min-nofs tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa, u madwar 65 % tal-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, u tipprovdi aktar minn 50 miljun impjieg (kemm diretti kif ukoll indiretti, jiġifieri 20 % tal-impjiegi fl-Ewropa);

B.  billi l-kontribut tal-industrija Ewropea tal-manifattura għall-PDG tal-UE naqas minn 19 % għal anqas minn 15,5 % tul l-aħħar 20 sena, u billi l-kontribut tagħha għall-impjiegi u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp naqas matul dak il-perjodu;

C.  billi t-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-UE huwa essenzjali biex l-għarfien espert u n-know-how jinżammu fl-UE;

D.  billi jeħtieġ li l-politika tal-UE ġġib l-industrija Ewropea fil-qagħda li tkun tista' tippreserva l-kompetittività u l-kapaċità tagħha li tinvesti fl-Ewropa u li tindirizza l-isfidi soċjali u ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, filwaqt li tibqa' minn ta' quddiem nett f'dak li jirrigwarda r-responsabbiltà soċjali u ambjentali;

E.  billi l-ekonomija ċirkolari jista' jkollha impatt pożittiv ħafna fuq ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa u fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tad-dipendenza fuq materja prima minn pajjiżi terzi, u billi l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika huwa xprun importanti għall-promozzjoni ta' tiġdid industrijali li jkun kapaċi joħloq ċrieki virtużi;

F.  billi politika ta' innovazzjoni ambizzjuża li tiffavorixxi l-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja, innovattivi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tippromwovi proċessi sostenibbli se tippermetti li l-UE ssaħħaħ il-kompetittività tagħha fid-dinja; billi l-innovazzjoni u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, fl-impjiegi u fit-tiġdid tal-ħiliet huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli; billi l-industrija innovattiva tiddependi ħafna fuq il-kapaċità ta' riċerka, fuq il-progress tar-riċerka u, b'mod partikolari, fuq ir-riċerka kollaborattiva tal-UE;

G.  billi l-industrija Ewropea, kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira, qed tiffaċċja kompetizzjoni dinjija, u billi suq intern integrat u li jiffunzjona flimkien ma' kummerċ miftuħ u ġust ma' pajjiżi terzi huma essenzjali għall-industrija tal-UE, fejn il-kummerċ ġust fi prodotti industrijali jrid jirrispetta l-istandards tal-UE;

H.  billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jirrappreżentaw maġġoranza kbira tal-kumpaniji Ewropej kollha u jikkostitwixxu s-sinsla tal-industriji tal-UE, qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba bidliet dinjija fl-ekonomija kif ukoll ostakli finanzjarji u amministrattivi;

I.  billi l-intraprendituri nisa jirrappreżentaw biss 31 % tal-popolazzjoni tal-UE li taħdem għal rasha u 30 % tal-intraprendituri ta' start-ups, u billi bħalissa mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-industrija, b'mod partikolari f'karigi xjentifiċi, tal-inġinerija u maniġerjali;

J.  billi aktar minn 60 % tal-intrapriżi kollha llum huma negozji mmexxija mill-familji u jipprovdu sa 50 % tal-impjiegi kollha fis-settur privat fl-Unjoni Ewropea;

K.  billi l-istrateġija ta' appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija hija essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

L.  billi l-istrumenti finanzjarji u l-programmi tal-UE għandhom rwol strateġiku biex irawmu l-kompetittività u jipprevjenu r-rilokazzjoni tal-investiment;

1.  Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-industrija bħala mutur għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

2.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ u l-immodernizzar tal-bażi industrijali fl-Ewropa, filwaqt li jfakkar il-mira tal-UE li sal-2020 20 % tal-PDG tal-Unjoni jkun ibbażat fuq l-industrija;

3.  Jitlob li l-Kummissjoni, sal-ewwel xhur tal-2018 u flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa strateġija tal-Unjoni u pjan ta' azzjoni koerenti u politika industrijali komprensiva mmirata lejn ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, b'indikaturi, miri, kejl u skedi ta' żmien; Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa, sal-ewwel xhur tal-2018, flimkien mal-Istati Membri, strateġija tal-Unjoni u pjan ta' azzjoni koerenti u politika industrijali komprensiva mmirata lejn ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, b'indikaturi, miri, miżuri u skedi ta' żmien; jisħaq fuq il-fatt li din l-istrateġija tal-Unjoni trid tissejjes, inter alia, fuq id-diġitalizzazzjoni, fuq ekonomija effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u fuq approċċ ta' ċiklu tal-ħajja u ta' ekonomija ċirkolari;

4.  Jemmen li l-qafas regolatorju Ewropew u l-investiment publiku u privat għandhom iġibu l-industriji fil-qagħda li jadattaw għall-bidliet konċernati u jieħdu azzjoni minn qabel, biex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir, għall-konverġenza reġjonali u għall-koeżjoni territorjali;

5.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-SMEs bħala s-sinsla tal-industrija tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li l-katini ta' valur qawwija bejn SMEs, kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u intrapriżi kbar, u l-ħtieġa li politika industrijali tal-UE titmexxa b'mod kompatibbli mal-SMEs u li jindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw; jissottolinja l-ħtieġa li l-ħolqien ta' ambjent li jkun favorevoli għan-negozju jingħata appoġġ, billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għal kull SME, start-up u scale-up tal-UE, għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ, b'mod partikolari fl-aktar oqsma innovattivi, u għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali;

6.  Jenfasizza li r-raggruppamenti tal-kompetittività, in-netwerks tan-negozji u l-poli tal-innovazzjoni diġitali huma soluzzjoni siewja ħafna biex ilaqqgħu flimkien il-partijiet interessati rilevanti; jitlob li l-UE tappoġġja l-investiment pubbliku fl-innovazzjoni, peress li huwa strateġiku f'dan il-qasam; jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja dawn ir-raggruppamenti u l-kooperazzjoni bejniethom fil-livell Ewropew, billi tiżgura li SMEs, ċentri ta' riċerka u universitajiet ikunu involuti fil-livell reġjonali u f'dak lokali; jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa pjattaformi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti billi tħeġġeġ rabtiet intersettorjali u interdixxiplinari; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni interreġjonali tiġi msaħħa biex jiġu żviluppati opportunitajiet transnazzjonali u alleanzi trasversali tal-innovazzjoni;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tidentifika l-isfidi u l-ostakli li n-nisa jiffaċċjaw meta jsiru intraprendituri, u biex tippromwovi u tappoġġja t-tmexxija femminili anke permezz ta' ugwaljanza fis-salarji u aċċess ġust għall-karigi kollha tal-impjieg;

8.  Huwa konvint li l-industrija Ewropea għandha titqies bħala assi strateġiku għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE; jissottolinja l-fatt li huma biss industrija b'saħħitha u reżiljenti u politika industrijali orjentata lejn il-futur li se jippermettu lill-UE tiffaċċja l-isfidi differenti li qed jistennewha, inklużi r-reindustrijalizzazzjoni tagħha, il-kompetizzjoni dinjija, il-progress teknoloġiku rapidu u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

9.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Unjoni tal-Enerġija, tas-Suq Uniku Diġitali, tal-Aġenda Diġitali u tal-konnettività tal-Ewropa permezz ta' infrastruttura adegwata, valida għall-futur u effiċjenti;

10.  Jenfasizza li huwa importanti li l-UE tappoġġja t-tqawwija kwalitattiva ta' prodotti Ewropej permezz ta' proċessi ta' reindustrijalizzazzjoni, speċjalment permezz tar-riċerka, l-industrija 4.0 u d-diġitalizzazzjoni, bil-ħsieb li ttejjeb il-kompetittività fl-Ewropa;

11.  Jissottolinja li, sabiex l-industrija tal-Unjoni tingħata appoġġ biex tiffaċċja l-isfidi ta' bidliet ekonomiċi u regolatorji rapidi fid-dinja globalizzata tal-lum, huwa essenzjali li l-attrattiva industrijali tal-Ewropa għall-investiment dirett Ewropew u barrani tissaħħaħ;

12.  Jenfasizza li huwa importanti li strateġija industrijali tal-Unjoni tiġi adottata f'waqtha, u jfakkar, f'dan il-kuntest, fil-ħtieġa li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP) jinżammu mezzi finanzjarji suffiċjenti għas-settur tal-industrija, b'mod partikolari permezz ta' strumenti u fondi speċifiċi (bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-COSME);

13.  Ifakkar f-impenji tal-UE fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob li fl-istrateġija industrijali tal-UE jiġu integrati strumenti ta' finanzjament u miżuri effikaċi li jnaqqsu r-riskju tal-karbonju u jindirizzaw ir-riskji tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-potenzjal tal-industrija jiġi sfruttat bis-sħiħ, speċjalment fit-teknoloġiji ambjentali, u li jkun żgurat li l-industriji jiżviluppaw kontinwament u jxerrdu l-aqwa tekniki disponibbli u l-innovazzjonijiet emerġenti;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' konformità għan-negozji, inkluż għan-negozji tal-familji, filwaqt li tiġi żgurata l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, tas-saħħa u s-sikurezza u tal-ambjent;

16.  Jissottolinja l-importanza għall-UE ta' swieq miftuħa u kummerċ internazzjonali ħieles u ġust ibbażat fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ekwi; jitlob aktar konsistenza bejn il-politika kummerċjali u dik industrijali, biex nipprevjenu l-inkoerenza, li jista' twassal għal rilokazzjonijiet u għal aktar deindustrijalizzazzjoni fl-UE;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-politika kummerċjali tal-UE ma titħalliex trawwem prattiki antikompetittivi; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE jkollha strateġija kontra d-dumping u kontra s-sussidji li tkun kompatibbli mad-WTO u effikaċi;

18.  Jenfasizza li l-industrija Ewropea qiegħda tiffaċċja kompetizzjoni dinjija, u għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tad-definizzjonijiet tas-suq u l-ġabra attwali tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, biex tqis l-evoluzzjoni tas-swieq globali rispettivi kif ukoll il-ħruġ tar-rwol ta' atturi nazzjnali maġġuri f'pajjiżi terzi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti iktar attenzjoni lir-rwol ta' intrapriżi statali li huma bbażati barra l-Unjoni u li jiġu appoġġjati u ssussidjati mill-gvernijiet rispettivi tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE;

20.  Jitlob li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, teżamina l-investimen barrani dirett (FDI) ta' pajjiż terzi fl-UE f'industriji strateġiċi, fl-infrastruttura u f'teknoloġiji ewlenin tal-ġejjieni, jew assi oħra li huma importanti għal raġunijiet ta' sigurtà u għall-protezzjoni tal-aċċess għalihom, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha li l-Ewropa għandha dipendenza konsiderevoli fuq l-FDI;

21.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sforzi koordinati tal-UE, b'konsultazzjoni mas-sħab rilevanti kollha, inklużi dawk soċjali u akkademiċi, għall-promozzjoni ta' ħiliet ġodda kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid, it-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, kif irrakkomandat il-Kummissjoni fl-Aġenda tagħha għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda;

22.  Ifakkar fir-rwol importanti tal-istandardizzazzjoni tal-UE u jħeġġeġ konċentrazzjoni qawwija fuq ir-rwol ewlieni tal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-istandardizzazzjoni;

23.  Jieħu nota tal-ħtieġa li l-isforzi tal-UE għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq riżorsi minn pajjiżi terzi jkunu koordinati permezz ta' konċentrazzjoni fuq erba' orjentamenti:

   (a) aċċess ġust għas-suq internazzjonali għar-riżorsi
   (b) attività minerarja sostenibbli
   (c) innovazzjonijiet fit-teknoloġiji tal-effiċjenza
   (d) l-ekonomija ċirkolari

24.  Jissottolinja li strateġija ta' politika industrijali ġdida trid tallinja mal-politika industrijali oqsma differenti ta' politika – l-aktar importanti fosthom il-kummerċ, l-ambjent, ir-riċerka, is-saħħa, l-investiment, il-kompetizzjoni, l-enerġija, il-klima, u l-industriji kreattivi – sabiex tifforma approċċ koerenti wieħed;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0377.
(3) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0240.

Avviż legali