Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2758(RSO)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0477/2017

Testi mressqa :

B8-0477/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2017 - 11.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0307

Testi adottati
PDF 280kWORD 56k
Il-Ħamis, 6 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
It-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar it-terroriżmu, ir-responsabbiltajiet, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu
P8_TA(2017)0307B8-0477/2017

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 dwar t-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar it-terroriżmu, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu (2017/2758(RSO))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 197 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

A.  billi l-Unjoni Ewropea għandha kompetenzi ċari biex tiżgura livell għoli ta' sigurtà skont l-Artikolu 67 tat-TFUE, u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom kompetenzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif iddikjarat fl-Artikolu 73 tat-TFUE; u hemm obbligi usa' fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera kif imsemmi fit-Titolu V tat-TFUE dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja relatati mas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-eżitu tal-kumitat speċjali mwaqqaf hawnhekk għandu jkun l-indirizzar tan-nuqqasijiet prattiċi u leġiżlattivi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea kollha u ma' sħab u atturi internazzjonali, b'enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni;

C.  billi l-indirizzar tan-nuqqasijiet u l-lakuni fil-kooperazzjoni u fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll tal-interoperabbiltà tal-bażijiet ta' data Ewropej ta' kodiviżjoni ta' informazzjoni huwa ta' importanza kbira biex jiġi żgurat kemm il-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen kif ukoll il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, u għandu jikkostitwixxi l-qalba tal-mandat tal-kumitat speċjali;

D.  billi r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali għas-suċċess ta' politiki kontra t-terroriżmu;

1.  Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar it-terroriżmu, li jkollu r-responsabbiltajiet, definiti b'mod strett, li ġejjin:

   (a) li jeżamina, janalizza u jevalwa b'imparzjalità l-fatti pprovduti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE responsabbli u esperti rikonoxxuti kif ukoll il-medda kbira tat-theddida terroristika fit-territorju Ewropew u jipproponi miżuri xierqa li jippermettu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jassistu fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati relatati mat-terroriżmu;
   (b) li jidentifika u janalizza, b'imparzjalità u skont approċċ ibbażat fuq fatti, in-nuqqasijiet u l-funzjonament ħażin potenzjali li ppermettew it-twettiq tal-attakki terroristiċi reċenti fi Stati Membri differenti, b'mod partikolari billi jiġbor, jikkompila u janalizza l-informazzjoni kollha li kienet għad-dispożizzjoni tas-servizzi ta' intelligence jew l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji tal-Istati Membri dwar l-atturi tar-reati qabel ma wettqu r-reat terroristiku tagħhom;
   (c) li jeżamina u jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri u tal-istrumenti eżistenti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inkluż il-funzjonament ħażin ta' kontrolli fuq il-fruntieri esterni li ppermetta lil individwi jidħlu fl-Ewropa b'dokumenti foloz, u li jivvaluta l-kawżi għan-nuqqas minn xi Stati Membri li jimplimentaw b'mod sħiħ l-obbligi tagħhom kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1) (ir-Regolament dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen); li jiġbor u jivvaluta informazzjoni dwar in-nuqqasijiet possibbli tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet relatati tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) u jipproponi miżuri xierqa biex jingħalqu l-lakuni identifikati;
   (d) li jidentifika n-nuqqasijiet fil-kodiviżjoni ta' informazzjoni ta' natura ġudizzjarja, ta' nfurzar tal-liġi u ta' intelligence fost l-Istati Membri; li jinvestiga b'mod partikolari l-allegazzjonijiet dwar nuqqasijiet mifruxa fil-ġbir, l-analiżi u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni li tista' tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' attakki, b'mod partikolari billi:
   janalizza u jevalwa l-prestazzjoni ta' bażijiet ta' data tal-UE bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni (EIXM) komuni, u n-nuqqasijiet possibbli tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istrumenti legali eżistenti bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI(3) jew id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI(4); janalizza, b'mod partikolari, il-kawżi għan-nuqqas ta' xi Stati Membri li jikkontribwixxu għad-dħul ta' informazzjoni f'dawn il-bażijiet ta' data, b'mod partikolari fir-rigward tal-obbligi tagħhom kif stabbiliti fir-Regolament dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI(5);
   janalizza n-nuqqas allegat tal-Istati Membri li jikkonformaw mal-obbligu impost mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(6) li jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5 ta' dak l-Artikolu miġbura mill-awtorità rilevanti, tiġi trażmessa lill-Europol u l-Eurojust;
   jiġbor informazzjoni u janalizza l-konformità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri mal-obbligu impost mill-Artikolu 3 u 7 tad-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI, b'mod partikolari bl-iżgurar li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar ta' Stati Membri kkonċernati oħra b'informazzjoni u intelligence f'każijiet fejn ikun hemm raġunijiet fattwali sabiex wieħed jemmen li l-informazzjoni u l-intelligence jistgħu jgħinu fl-iskoperta, fil-prevenzjoni jew fl-investigazzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI(7);
   jeżamina jekk l-Europol huwiex konformi għal kollox mal-obbligu tiegħu li jinnotifika, impost mill-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI(8), imħassra bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9);
   jeżamina jekk l-unitajiet nazzjonali tal-Istati Membri humiex konformi bis-sħiħ mal-obbligu impost fl-Artikolu 8(4)(a) tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI, imħassra mir-Regolament (UE) 2016/794, li jipprovdu lill-Europol fuq l-inizjattiva tagħhom stess bl-informazzjoni u l-intelligence meħtieġa biex ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu;
   jinvestiga n-nuqqasijiet possibbli fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE, kif ukoll il-mezzi legali u l-ħtieġa għal dawn l-aġenziji li jkollhom aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u sistemi ta' informazzjoni rilevanti oħra tal-UE;
   jevalwa l-kooperazzjoni informali fis-seħħ fost is-servizzi ta' intelligence tal-Istati Membri u jivaluta l-livell ta' effikaċja f'termini ta' skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni fil-prattika;
   jeżamina r-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi u aġenziji internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluża l-kooperazzjoni u l-istrumenti internazzjonali fis-seħħ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattika, u l-effikaċja fil-livell attwali ta' skambju ta' informazzjoni;
   (e) li jivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni relatata mal-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha fuq id-drittijiet fundamentali;
   (f) li jivvaluta d-disponibbiltà u l-effikaċja tar-riżorsi kollha allokati lill-awtoritajiet kompetenti involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (il-pulizija, l-armata, il-ġustizzja, il-baġit, l-intelligence, is-sorveljanza, l-informazzjoni, l-informatika, eċċ. fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE; janalizza n-nuqqasijiet possibbli fil-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ostakoli fil-prattika għall-kooperazzjoni transfruntiera tal-infurzar tal-liġi f'investigazzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, jidentifika l-limitazzjonijiet tekniċi, strutturali u legali għall-kapaċitajiet ta' investigazzjoni;
   (g) li jinvestiga nuqqasijiet fis-sistemi ġudizzjarji u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell tal-UE, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar investigazzjonijiet transfruntiera, b'mod partikolari permezz tal-Eurojust, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, skwadri ta' investigazzjoni konġunta u l-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE), u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea; jidentifika l-limitazzjonijiet tekniċi, strutturali u legali għall-kapaċitajiet ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni;
   (h) li jeżamina l-iskambju tal-aħjar prattiki li qed isir bħalissa u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u korpi rilevanti tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni ta' miri faċli, inklużi ż-żoni ta' tranżitu, bħalma huma l-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-ferrovija, kif ukoll il-protezzjoni ta' infrastrutturi kritiċi kif previst fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE(10);
   (i) li jinvestiga l-mekkaniżmi attwali disponibbli għall-vittmi tat-terroriżmu, b'mod partikolari d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11), billi jidentifika l-prattiki tajba eżistenti li għandhom jiġu skambjati;
   (j) li jiġbor informazzjoni dwar u janalizza l-proċess ta' radikalizzazzjoni, u l-effikaċja ta' programmi ta' deradikalizzazzjoni stabbiliti f'numru limitat ta' Stati Membri; jidentifika l-prattiki tajba eżistenti li għandhom jiġu skambjati, u jivverifika li l-Istati Membri ħadu l-miżuri xierqa f'dan ir-rigward;
   (k) li jivvaluta l-effiċjenza tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-effiċjenza tal--kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-entitajiet marbutin b'obbligu u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu skont id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u jiskambja fehmiet mal-atturi rilevanti fis-settur bankarju, l-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni ta' frodi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jidentifika forom ġodda ta' finanzjament tat-terroriżmu, inklużi r-rabtiet tiegħu mal-kriminalità organizzata;
   (l) li joħroġ kwalunkwe rakkomandazzjoni li jidhirlu li tkun meħtieġa fil-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq u, għal dawn il-finijiet, jistabbilixxi l-kuntatti meħtieġa, iwettaq żjarat u jżomm seduti ta' smigħ fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-aġenziji rilevanti u ma' istituzzjonijiet internazzjonali u nazzjonali, mal-parlamenti nazzjonali u mal-gvernijiet tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi, u ma' uffiċjali involuti kuljum fil-ġlieda kontra t-terroriżmu bħall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tal-pulizija, is-servizzi ta' intelliġenza, l-imħallfin u l-maġistrati u r-rappreżentanti tal-komunità xjentifika, tan-negozji u tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-vittmi;

2.  Jenfasizza li kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali għandha tiġi segwita mill-kumitati permanenti kompetenti;

3.  Jiddeċiedi li s-setgħat, il-persunal u r-riżorsi disponibbli tal-kumitati permanenti tal-Parlament responsabbli għal kwistjonijiet dwar l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-qasam ta' responsabilità tal-kumitat speċjali għandhom jibqgħu l-istess;

4.  Jiddeċiedi li kull meta x-xogħol tal-kumitat speċjali jinkludi smigħ ta' provi ta' natura kklassifikata, xhieda li tinkludi data personali jew sigrieti, jew tinkludi l-iskambju ta' fehmiet jew seduti ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni sigrieta, kunfidenzjali, klassifikata jew sensittiva għal finijiet ta' sigurtà nazzjonali jew ta' sigurtà pubblika, il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;

5.  Jiddeċiedi li dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali, li jkunu ġew riċevuti mill-kumitat speċjali, għandhom ikunu eżaminati skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 210a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-President, ir-rapporteur, ix-shadow rapporteurs, il-koordinaturi u l-aġenti maħtura biss ikollhom aċċess personali għalihom, u li tali informazzjoni għandha tintuża esklużivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapporti ta' nofs it-terminu u dawk finali tal-kumitat speċjali; jiddeċiedi li l-laqgħat għandhom jinżammu f'postijiet mgħammra b'tali mod li jrendi impossibbli s-smigħ tal-proċeduri minn persuni mhux awtorizzati;

6.  Jiddeċiedi li qabel ma jingħataw aċċess għal informazzjoni klassifikata, jew qabel is-smigħ ta' provi li jirrappreżentaw riskju ta' ħsara għas-sigurtà nazzjonali jew is-sigurtà pubblika, li-Membri u l-uffiċjali kollha għandhom jirċievu, approvazzjoni tas-sigurtà skont ir-regoli u l-proċeduri interni eżistenti;

7.  Jiddeċiedi li l-informazzjoni miksuba mill-kumitat speċjali għandha tintuża biss għat-twettiq ta' dmirijietu u m'għandhiex tiġi żvelata lil partijiet terzi; jiddeċiedi li tali informazzjoni m’għandhiex issir pubblika jekk tinkludi materjal ta' natura sigrieta jew kunfidenzjali, jew issemmi ismijiet ta' persuni;

8.  Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jkun kompost minn 30 membru;

9.  Jiddeċiedi li t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali għandu jkun ta' 12-il xahar, ħlief meta l-Parlament jestendi dak il-perjodu qabel l-iskadenza tiegħu, u dak il-mandat għandu jibda jiddekorri mid-data tal-laqgħa kostitwenti tiegħu; jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jippreżenta lill-Parlament rapport ta' nofs it-terminu u rapport finali li jkun fih il-konstatazzjonijiet fattwali u rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu.

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).
(7) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri - Dikjarazzjoniet minn ċerti Stati Membri dwar l-adozjoni tad-Deċiżjoni Kwadru (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).
(9) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).
(11) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(12) Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

Avviż legali