Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2755(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0464/2017

Dibattiti :

PV 06/07/2017 - 8.2
CRE 06/07/2017 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2017 - 11.4

Testi adottati :

P8_TA(2017)0309

Testi adottati
PDF 297kWORD 57k
Il-Ħamis, 6 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Eritrea, b'mod partikolari l-każijiet ta' Abune Antonios u Dawit Isaac
P8_TA(2017)0309RC-B8-0464/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 dwar l-Eritrea, b'mod partikolari l-każijiet ta' Abune Antonios u Dawit Isaak (2017/2755(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eritrea, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-Eritrea: il-każ ta' Dawit Isaak(1), u dik tal-10 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-23 ta' Ġunju 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Ġunju 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea waqt il-35 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea, maħruġ fit-8 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 751 (1992), 1882 (2009), 1907 (2009), 2023 (2011), 2244 (2015) u 2317 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li estendew l-embargo fuq l-armi impost fuq l-Eritrea sal-15 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal impetu mġedded tas-Sħubija Afrika-UE, tal-4 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (il-Ftehim ta' Cotonou), kif rivedut fl-2005 u fl-2010, li l-Eritrea hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/127/PESK tal-1 ta' Marzu 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Eritrea(3), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/414/PESK tas-26 ta' Lulju 2010(4) u emendata ulterjorment bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/632/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012(5),

–  wara li kkunsidra l-Każ 428/12 (2012) ippreżentat quddiem il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli f'isem Dawit Isaak u priġunieri politiċi oħra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tas-60 sessjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tat-22 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-2015 dwar is-Sħubija bejn l-Eritrea u l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Eritrea fil-qafas tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, tat-3 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eritrea, adottata fl-1997, li tiggarantixxi l-libertajiet ċivili inkluża l-libertà reliġjuża,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea hija fost l-agħar fid-dinja, u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem sar xi ħaġa ta' kuljum u ma ġie rreġistrat l-ebda titjib f'dawn l-aħħar snin; billi l-Gvern tal-Eritrea għaddej b'kampanja estensiva maħsuba biex iżomm kontroll fuq il-popolazzjoni u jillimita l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bl-iskuża li qed jiddefendi l-integrità tal-Istat;

B.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea kkonkludiet li vjolazzjonijiet fl-oqsma tal-qtil extraġudizzjarju, it-tortura (inklużi t-tortura u l-jasar sesswali), il-lieva bħala forma ta' jasar, ix-xogħol furzat u l-politika ta' "spara biex toqtol" fil-fruntiera jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

C.  billi f'Settembru 2001 l-awtoritajiet Eritreani arrestaw għexieren ta' ċittadini li kienu taw l-appoġġ tagħhom għal ittra miftuħa li fiha ntalab li jsiru riformi demokratiċi; billi dawk arrestati ma ġewx akkużati b'reat jew imressqa l-qorti, u fil-parti l-kbira għadhom il-ħabs sal-lum; billi minkejja appelli estensivi minn gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u osservaturi internazzjonali, intqal li ħafna minn dawn in-nies mietu fil-ħabs; billi fl-20 ta' Ġunju 2016, madankollu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Eritrea, Osman Saleh, irrefera għad-detenuti bħala priġunieri politiċi, u ddikjara li "kollha kemm huma għadhom ħajjin", u li se jitressqu l-qorti "meta jiddeċiedi l-gvern";

D.  billi Dawit Isaak, ta' ċittadinanza Eritreana u Żvediża, ġie arrestat fit-23 ta' Settembru 2001 wara li l-Gvern tal-Eritrea ipprojbixxa l-mezzi tax-xandir privati; billi l-aħħar li xi ħadd ħa aħbaru kien fl-2005; billi, bl-inkarċerazzjoni tiegħu, Dawit Isaak sar simbolu internazzjonali għall-ġlieda favur il-libertà tal-istampa fl-Eritrea, u dan l-aħħar ġie rikonoxxut minn ġurija internazzjonali indipendenti ta' professjonisti tal-midja li tatu l-Premju Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-UNESCO/Guillermo Cano 2017 b'rikonoxximent għall-kuraġġ, ir-reżistenza u l-impenn tiegħu għal-libertà tal-espressjoni;

E.  billi l-qraba ta' Dawit Isaak ilhom jiffaċċjaw ansjetà u inċertezza insopportabbli sa minn meta għeb, u ftit li xejn għandhom informazzjoni dwar l-istat ta' saħħet dan qaribhom, fejn jinsab jew xi prospetti għandu;

F.  billi fl-azzjoni repressiva ta' Settembru 2001, 11-il politiku – ilkoll ex-membri tal-Kunsill Ċentrali tal-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja (PFDJ), il-partit fil-poter, inkluż l-ex-Ministru tal-Affarijiet Barranin Petros Solomon – ġew arrestati wara li ppubblikaw ittra miftuħa lill-gvern u lill-President Isaias Afwerki li fiha talbu riformi u "djalogu demokratiku"; billi 10 ġurnalisti, inkluż Isaak, ġew arrestati tul il-ġimgħa ta' wara;

G.  billi għadd kbir ta' Eritreani jiġu arrestati għal diversi raġunijiet mhux ġustifikabbli, pereżempju għax jesprimu fehmiet indipendenti, jew mingħajr ebda ġustifikazzjoni espliċita, u allura għal perjodi ta' żmien mhux speċifikati; billi d-detenuti, inklużi t-tfal, jinżammu f'kundizzjonijiet ħorox ħafna li f'xi każijiet jammontaw għal tortura u ċaħda ta' kura medika; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali ma ngħatawx aċċess għall-ħabsijiet, ħlief għal ħabs wieħed fuq l-art f'Asmara;

H.  billi erba' reliġjonijiet biss huma awtorizzati: il-Knisja Ortodossa tal-Eritrea, il-Knisja Kattolika, il-Knisja Luterana u l-Iżlam; billi r-reliġjonijiet l-oħrajn kollha huma pprojbiti u l-membri ta' dawn il-komunitajiet, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, jiġu arrestati u mitfugħa l-ħabs; billi mill-2016 'l hawn ġie osservat li reġgħu żdiedu l-intimidazzjoni u l-vjolenza fil-konfront ta' min jipprattika l-fidi; billi l-Christian Solidarity Worldwide (CSW) tikkalkula li, f'Mejju 2017 biss, fl-Eritrea spiċċaw il-ħabs 160 Nisrani;

I.  billi Abune Antonios, il-Patrijarka tal-Knisja Ortodossa tal-Eritrea, l-akbar komunità reliġjuża tal-pajjiż, ilu l-ħabs mill-2007, wara li rrifjuta li jiskomunika 3 000 parruċċan li opponew il-gvern; billi ilu minn dak iż-żmien 'l hawn miżmum f'post mhux magħruf fejn safa mċaħħad mill-kura medika;

J.  billi fl-Eritrea la hemm ġudikatura indipendenti u lanqas assemblea nazzjonali; billi n-nuqqas ta' istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż irriżulta f'vojt totali f'dak li għandu x'jaqsam mal-governanza tajba u l-istat tad-dritt u dan ħoloq ambjent ta' impunità għad-delitti kontra l-umanità;

K.  billi hemm biss partit politiku wieħed rikonoxxut legalment, il-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja (PFDJ); billi partiti politiċi oħra huma pprojbiti; billi, skont Freedom House, il-PFDJ u l-militar huma prattikament l-uniċi istituzzjonijiet ta' importanza politika fl-Eritrea, u ż-żewġ entitajiet huma taħt l-awtorità diretta tal-President;

L.  billi l-libertà tal-istampa ma teżistix, peress li l-midja indipendenti hija pprojbita fl-Eritrea, u l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ta' Reporters Without Borders jikklassifika lill-Eritrea fl-aħħar post fost il-170-180 pajjiż evalwat, u dan għal tmien snin konsekuttivi;

M.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ppjanati għall-1997 ma seħħew qatt, u billi l-kostituzzjoni rratifikata fl-istess sena qatt ma ġiet implimentata; billi l-pajjiż ilu ma jara elezzjoni nazzjonali għal dawn l-aħħar 24 sena, u m'għandu prattikament l-ebda ġudikatura indipendenti, l-ebda assemblea nazzjonali funzjonanti, u l-ebda soċjetà ċivili;

N.  billi, skont ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP għall-2016, l-Eritrea hija kklassifikata fil-179 post mill-188 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem għall-2016;

O.  billi fl-2016 l-Eritreani li ħarbu minn pajjiżhom kienu jikkostitwixxu r-raba' l-akbar għadd ta' nies li ssugraw il-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa (wara s-Sirjani, l-Iraqin u l-Afgani), li jgħaddu minn taħt idejn traffikanti bla ħniena biex jagħmlu l-qsim perikoluż tal-Mediterran; billi, għaldaqstant, is-sitwazzjoni fl-Eritrea taffettwa lill-Ewropa direttament, peress li kieku d-drittijiet tal-bniedem kellhom jiġu rrispettati u mħarsa fil-pajjiż, u li kieku n-nies jistgħu jgħixu hemmhekk mingħajr biża', kien ikun possibbli għall-Eritreani li jirritornaw lejn pajjiżhom;

P.  billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), ħarbu aktar minn 400 000 Eritrean, jew 9 % tal-popolazzjoni totali; billi l-UNHCR jikkalkola li madwar 5 000 Eritrean jitilqu mill-pajjiż kull xahar, fil-parti l-kbira tal-każijiet minħabba l-persistenza ta' vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi fl-2015 l-istatus ta' rifuġjat fl-UE ngħata f'69 % tal-applikazzjonijiet għall-asil minn Eritreani, filwaqt li 27 % tal-applikanti rċevew protezzjoni sussidjarja, ċifri li juru l-gravità tal-persekuzzjoni fl-Eritrea;

Q.  billi l-Eritrea hija favur il-Proċess ta' Khartoum (inizjattiva tal-UE u tal-Unjoni Afrikana mnedija fit-28 ta' Novembru 2014 bil-għan li tindirizza l-kwistjoni tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin), li jinkludi l-implimentazzjoni ta' proġetti konkreti, inklużi l-bini tal-kapaċità għall-ġudikatura u s-sensibilizzazzjoni;

R.  billi bosta żgħażagħ ħarbu mill-pajjiż biex jiskansaw mill-gvern repressiv u mil-lieva militari mandatorja, li spiss tibda minn età żgħira ħafna, b'tali mod li l-biċċa l-kbira tal-Eritreani jibqgħu fis-servizz militari għal żmien indefinit; billi l-parti l-kbira ta' dawk fis-servizz nazzjonali jibqgħu f'sitwazzjoni ta' jasar, fejn kull xogħol, kull applikazzjoni għal impjieg u kull possibbiltà li wieħed ikollu ħajja tal-familja huma kkontrollati; billi huwa stmat li 400 000 ruħ fil-preżent jinsabu fis-servizz nazzjonali bla limitu, u billi ħafna minnhom huma soġġetti għal xogħol furzat, bi ftit li xejn paga; billi s-suldati tal-lieva nisa jiġu mġiegħla jaħdmu bħala servi domestiċi u jġarrbu abbuż sesswali;

S.  billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa huma preżenti fl-oqsma kollha tas-soċjetà Eritreana; billi n-nisa mhux biss huma f'riskju estrem ta' vjolenza sesswali fi ħdan l-armata u f'kampijiet ta' taħriġ militari, iżda wkoll fis-soċjetà ġenerali; billi huwa stmat li 89 % tal-bniet fl-Eritrea ġarrbu mutilazzjoni tal-ġenitali femminili (MĠF); billi f'Marzu 2007, madankollu, il-gvern ħareġ proklama li fiha ddikjara li l-MĠF hija delitt, ipprojbixxa l-prattika tagħha u ppromwova programmi edukattivi tul dik is-sena li jiskoraġġixxu din il-prattika;

T.  billi r-reġim jestendi l-ħakma totalitarja tiegħu fuq id-dijaspora tal-komunità permezz ta' taxxa ta' 2 % fuq id-dħul ta' Eritreani li jgħixu barra minn pajjiżhom, u permezz ta' spjunaġġ fuq l-Eritreani fid-dijaspora u l-mira fuq membri tal-familja tagħhom li baqgħu fl-Eritrea;

U.  billi r-reġim tal-Eritrea ilu mill-2011 jiċħad li l-pajjiż huwa f'riskju ta' karestija; billi din is-sena, nixfa partikolarment serja qed taffettwa l-Afrika tal-Lvant kollha, u billi l-preokkupazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea qiegħda tikber; billi, skont l-UNICEF, 1,5 miljun Eritrean intlaqtu minn nuqqas ta' sigurtà tal-ikel f'Jannar 2017, fosthom 15 000 tifel u tifla li qed isofru mill-malnutrizzjoni;

V.  billi l-UE hija donatur importanti lill-Eritrea f'dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-iżvilupp; billi f'Jannar 2016, minkejja l-preokkupazzjonijiet serji u l-oppożizzjoni tal-Parlament, l-UE u l-Eritrea ffirmaw Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN) taħt il-11-il FEŻ, bl-allokazzjoni ta' EUR 200 miljun; billi l-azzjonijiet għandhom jiffokaw fuq l-enerġija rinnovabbli, il-governanza u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija;

1.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-vjolazzjonijiet sistematiċi, mifruxa u gravi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Eritrea; jistieden lill-Gvern tal-Eritrea biex itemm id-detenzjoni ta' politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, mexxejja reliġjużi u persuni ċivili innoċenti; jesiġi li l-priġunieri tal-kuxjenza kollha fl-Eritrea jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet, b'mod partikolari Dawit Isaak u l-ġurnalisti l-oħrajn li ilhom detenuti minn Settembru 2001, kif ukoll Abune Antonios; jesiġi li l-Gvern tal-Eritrea jagħti informazzjoni dettaljata dwar x'sar minn dawk kollha li ġew imċaħħda mil-libertà fiżika, u dwar fejn jinsabu;

2.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Mejju 2017, u jesiġi li l-Eritrea tikkonferma minnufih li Dawit Isaak jinsab tajjeb, teħilsu, tħallih jiltaqa' mal-membri tal-familja tiegħu u mar-rappreżentanti legali tiegħu, u tagħtih il-kumpens meħtieġ għas-snin li għadda fil-ħabs; jistieden lill-Eritrea, barra minn hekk, tneħħi l-projbizzjoni fuq il-midja indipendenti, kif iddeċidiet ukoll il-Kummissjoni Afrikana;

3.  Jinnota li, billi tonqos milli tirrispetta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Afrikana, l-Eritrea qed tkompli turi b'mod flagranti li ma tagħtix kas in-normi internazzjonali u d-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għal proċess ġust, il-projbizzjoni tat-tortura, il-libertà ta' espressjoni, id-dritt għal familja, u l-obbligu li kull pajjiż jirrispetta l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Eritrea biex jeħles lil Abune Antonios, iħallih jerġa' lura għall-pożizzjoni tiegħu bħala Patrijarka, u jtemm l-indħil tiegħu fi prattiki reliġjużi paċifiċi fil-pajjiż; ifakkar li l-libertà tar-reliġjon hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza jew diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon;

5.  Jitlob li l-akkużati jsirulhom proċessi ġusti, u l-abolizzjoni tat-tortura u ta' trattament degradanti ieħor bħalma huma r-restrizzjonijiet fuq l-ikel, l-ilma u l-kura medika; ifakkar lill-Gvern tal-Eritrea fl-obbligi tiegħu ta' diliġenza debita li jinvestiga każijiet ta' qtil extraġudizzjarju;

6.  Ifakkar lill-Gvern tal-Eritrea li ħafna mill-attivitajiet tiegħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità u li, minkejja li l-Eritrea mhijiex parti fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, ħafna dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma jirriflettu d-dritt internazzjonali konswetudinarju li huwa vinkolanti għall-Eritrea; jissottolinja l-appoġġ tiegħu għar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU, u għal investigazzjoni bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-awtoritajiet tal-Eritrea, sabiex ikun żgurat li kull min jinstab responsabbli jkun obbligat jagħti kont ta' għemilu;

7.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; jitlob, barra minn hekk, li l-UE, f'kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fl-Eritrea u tirrapporta l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

8.  Jitlob li l-Eritrea tirrispetta bis-sħiħ u timplimenta minnufih il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li t-tnejn li huma jipprojbixxu t-tortura; jinnota bi tħassib li l-atturi pubbliċi u privati, inklużi l-kumpaniji, huma ristretti ħafna minħabba l-kontroll min-naħa tal-gvern; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' kwalunkwe ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inkluż in-nuqqas ta' baġit nazzjonali, jagħmel impossibbli l-kontroll baġitarju;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Eritrea biex jippermetti l-ħolqien ta' partiti politiċi oħra bħala għodda primarja tal-promozzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż, u jitlob li l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jitħallew joperaw liberament fil-pajjiż;

10.  Ifakkar li s-sħubija tal-UE mal-Eritrea hija rregolata bil-Ftehim ta' Cotonou, u li l-partijiet kollha huma marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini ta' dak il-ftehim, b'mod partikolari r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jitlob, għalhekk, li l-UE taċċerta l-kondizzjonalità tal-għajnuna tagħha, inkluż li l-Gvern tal-Eritrea għandu jaqdi l-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li l-priġunieri politiċi għandhom jinħelsu qabel ma l-UE tagħti aktar għajnuna lill-Eritrea; jitlob, barra minn hekk, li l-UE tagħmel użu mill-istrumenti u mill-għodod disponibbli kollha biex tiżgura li l-Gvern tal-Eritrea jirrispetta l-obbligi tiegħu li jipproteġi u jiggarantixxi l-libertajiet fundamentali, inkluż billi jikkunsidra t-tnedija ta' konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou; jitlob valutazzjoni dettaljata u komprensiva tal-fondi allokati lill-Eritrea u li huma ffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;

11.  Jikkundanna l-issuktar ta' għajnuna maġġuri tal-UE lill-Eritrea, u b'mod partikolari l-iffirmar tal-PIN għall-Eritrea għall-valur ta' EUR 200 miljun; jitlob li l-Kummissjoni terġa' teżamina l-arranġamenti ta' skrutinju tagħha mal-Parlament, tikkunsidra sewwa l-preokkupazzjonijiet u s-suġġerimenti espressi mill-Parlament u tiggarantixxi li dawn jiġu kkomunikati lill-Kumitat tal-FEŻ; jemmen li l-Kumitat tal-FEŻ messu qies ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Parlament li l-PIN ma jiġix adottat u li jsiru diskussjonijiet ulterjuri;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fondi allokati ma jibbenefikax minnhom il-Gvern tal-Eritrea, iżda jkunu assenjati strettament u b'mod trasparenti biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-poplu tal-Eritrea rigward l-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà, u l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-għaqda; iħeġġeġ lill-UE tiżgura l-kondizzjonalità tal-għajnuna li ntlaħaq qbil dwarha reċentement, u tiżgura wkoll li l-PIN jappoġġja lill-Eritrea hija u tagħmel bidla importanti fil-politika tal-enerġija tagħha sabiex l-enerġija tkun aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment fiż-żoni rurali, li sal-lum għadhom bla elettriku; jemmen, barra minn hekk, li l-komponent tal-PIN li jirrigwarda l-governanza għandu jikkonċentra bil-qawwa fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali dwar id-drittijiet tal-bniedem immexxi min-NU;

13.  Jesiġi li l-Kummissjoni tikseb garanziji ċari mill-Gvern tal-Eritrea li dan se jimplimenta r-riformi demokratiċi u jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula mit-18-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), li l-Gvern tal-Eritrea aċċetta fis-7 ta' Frar 2014;

14.  Jitlob li l-Kunsill jivvaluta mill-ġdid ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Eritrea kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija lill-pajjiż mill-UE, b'reazzjoni għall-istorja ħażina tal-pajjiż rigward id-drittijiet tal-bniedem, u jippubblika l-eżiti tanġibbli li jirriżultaw mill-programmi ta' għajnuna tul l-aħħar snin; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jagħmlu użu mill-miżuri kollha disponibbli, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jiżguraw li l-awtoritajiet Eritreani jikkonformaw mal-impenji internazzjonali tagħhom;

15.  Jenfasizza bis-sod li l-Eritrea jeħtiġilha tħalli lil-korpi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali, inkluż r-rapporteurs speċjali, ikollhom aċċess bla xkiel għall-pajjiż biex jissorveljaw kwalunkwe progress eventwali; jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tappoġġja attivament it-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eritrea biex iwettaq riformi urġenti bħall-illaxkar tas-sistema ta' stat b'partit wieħed u l-issuktar tal-Assemblea Nazzjonali u tal-elezzjonijiet;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu miżuri adatti kontra l-applikazzjoni tat-taxxa tad-dijaspora għaċ-ċittadini Eritreani li jgħixu fit-territorju tagħhom, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2023 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; ifakkar lill-Gvern tal-Eritrea li d-dritt li persuna tħalli pajjiżha huwa minqux fid-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-gvern jippermetti l-libertà tal-moviment u ma jibqax jiġbor it-taxxa tad-dijaspora minn Eritreani li jgħixu barra l-pajjiż; iħeġġeġ lill-gvern biex itemm il-politiki ta' "ħtija b'assoċjazzjoni" li huma mmirati lejn membri tal-familja ta' dawk li jevadu s-servizz nazzjonali, ifittxu li jaħarbu mill-Eritrea jew jonqsu milli jħallsu taxxa fuq id-dħul ta' 2 % imposta mill-gvern fuq l-Eritreani li jgħixu barra l-pajjiż;

17.  Jistieden lill-Gvern tal-Eritrea jirrispetta l-istatut dwar il-perjodu ta' servizz, ma jibqax juża liċ-ċittadini tiegħu bħala ħaddiema furzati, ma jibqax jippermetti lill-kumpaniji barranin jużaw lil dawn is-suldati tal-lieva bil-ħlas ta' imposta, jippermetti l-possibbiltà ta' oġġezzjoni tal-kuxjenza għas-servizz militari u jiżgura l-protezzjoni ta' suldati tal-lieva;

18.  Ifakkar lill-Eritrea fl-obbligi tagħha skont il-konvenzjonijiet tal-ILO, b'mod partikolari rigward id-dritt ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' trade unions li jorganizzaw, jipprotestaw paċifikament, jipparteċipaw fl-affarijiet pubbliċi, u jmexxu kampanji favur it-titjib tad-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Gvern tal-Eritrea jirrevoka l-politika li tipprojbixxi NGOs li għandhom anqas minn USD 2 miljun fil-kontijiet bankarji tagħhom; huwa mħasseb dwar ir-rabta endemika bejn in-negozju, il-politika u l-korruzzjoni fl-Eritrea; jikkundanna kumpaniji barranin li huma kompliċi fl-użu tax-xogħol furzat, u jitlob li dawk kollha li joperaw fl-Eritrea jkollhom sistemi aħjar ta' responsabbiltà, diliġenza dovuta u rappurtar;

19.  Jieħu nota tat-tentattivi tal-UE biex tikkoopera mal-Eritrea fil-qasam tal-migrazzjoni; jenfasizza r-rati għoljin ħafna osservati f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' asil jew protezzjoni sussidjarja mill-Istati Membri tal-UE lil Eritreani, u konsegwentement iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jirritornawx lill-Eritreani li qed ifittxu asil fl-Ewropa, bi qbil mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra; jesiġi li l-Istati Membri tal-UE jaderixxu mal-kunċett ta' non-refoulement, u jfakkarhom li persuni li jiġu rritornati wara li jkunu fittxew l-asil aktarx jisfaw detenuti b'mod arbitrarju u ttorturati minħabba li jkunu ppruvaw jaħarbu;

20.  Iħeġġeġ lill-Eritrea biex taħdem mal-komunità internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) tan-NU jikkoopera mal-Eritrea fil-bini tal-kapaċitajiet fis-sistema ġudizzjarja billi jorganizza seminars u taħriġ għall-imħallfin u l-avukati bħala mezz siewi għall-progress; jirrikonoxxi li delegazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tal-HRC sejra żżur l-Eritrea f'Lulju 2017, u jistieden lil din id-delegazzjoni tirrapporta dwar dak li tara u tipprova tikseb aċċess għal kull parti tal-pajjiż, b'mod partikolari għall-ħabsijiet, fejn il-faċilitajiet jistgħu jiġu mistħarrġa u rrapportati;

21.  Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar il-kundizzjonijiet klimatiċi devastanti li hemm bħalissa fil-Qarn tal-Afrika, inkluż fl-Eritrea, u r-riskju serju ta' kriżi tal-ikel u umanitarja li jġibu magħhom; jitlob li l-UE, flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha, tkattar l-appoġġ tagħha għall-popolazzjonijiet affettwati u tiżgura li l-finanzjament u l-għajnuna meħtieġa jiġu pprovduti;

22.  Jikkundanna l-politika tal-Gvern tal-Eritrea li arbitrarjament jirrevoka ċ-ċittadinanza, u jesiġi li kull ċittadin tal-Eritrea jiġi ttrattat b'mod ġust u ugwali quddiem il-liġi; jenfasizza li l-indirizzar tad-defiċit ta' ġustizzja fl-Eritrea, il-governanza demokratika u r-ristawr tal-istat tad-dritt iridu jingħataw prijorità, billi tintemm it-tmexxija awtoritarja msejsa fuq il-biża' ta' detenzjoni arbitrarja u sigrieta, tortura u vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem, li wħud minnhom jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kunsill tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-awtoritajiet tal-Eritrea.

(1) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 146.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0090.
(3) ĠU L 51, 2.3.2010, p. 19.
(4) ĠU L 195, 27.7.2010, p. 74.
(5) ĠU L 282, 16.10.2012, p. 46.

Avviż legali