Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2756(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0465/2017

Dibattiti :

PV 06/07/2017 - 8.3
CRE 06/07/2017 - 8.3

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2017 - 11.5

Testi adottati :

P8_TA(2017)0310

Testi adottati
PDF 284kWORD 54k
Il-Ħamis, 6 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Burundi
P8_TA(2017)0310RC-B8-0465/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2017/2756(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 u 2303 (2016) tad-29 ta' Lulju 2016 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta ppreżentat fil-15 ta' Ġunju 2017 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-ewwel r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Burundi, ippubblikat fit-23 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi, tad-9 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Inkjesta Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi (EINUB), ippubblikat fl-20 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fit-30 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awwissu 2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Burundi tas-Summit tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà u dwar l-istat tal-paċi u s-sigurtà fl-Afrika (Assembly/AU/Dec.598(XXVI)), adottata waqt is-26 sessjoni ordinarja tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrika, li tlaqqgħet fit-30 u fil-31 ta' Jannar 2016 f'Addis Ababa (l-Etjopja),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana (Assembly/AU/Dec.605-620(XXVII)), adottati waqt is-27 sessjoni ordinarja tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrika, li tlaqqgħet fis-17 u fit-18 ta' Lulju 2016 f'Kigali (ir-Rwanda),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-4 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi tas-Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant tal-31 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-Burundi, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015(1), tas-17 ta' Diċembru 2015(2) u tat-19 ta' Jannar 2017(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1755 tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2015, kif ukoll id-deċiżjonijiet (PESC) 2015/1763 u (PESC) 2016/1745 tal-Kunsill, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju, tat-22 ta' Ġunju u tas-16 ta' Novembru 2015 u tal-15 ta' Frar 2016 dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) tat-28 ta' Mejju 2015, id-19 ta' Diċembru 2015 u l-21 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tar-RGħ/VP tas-6 ta' Jannar 2017 dwar il-projbizzjoni tal-Lega Iteka fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Repubblika tal-Burundi daħlet fi kriżi politika gravi u fit-taqlib ċivili wara t-tħabbira mill-President Nkurunziza f'April 2015 li kien se jikkontesta għat-tielet mandat, bi ksur tal-Kostituzzjoni tal-Burundi, li tillimita l-għadd ta' mandati Presidenzjali għal tnejn, u tal-Ftehim ta' Arusha; billi l-oppożizzjoni qawwija għar-rielezzjoni tiegħu ġiet ripressa b'mod sever ħafna mill-gvern, bil-konsegwenza li l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ħżienet b'mod allarmanti;

B.  billi skont osservaturi internazzjonali, l-oppożizzjoni għar-rielezzjoni tiegħu, minn Lulju 2015, ġiet imrażżna b'mod sever ħafna mill-gvern; billi skont in-NU, mindu faqqgħet il-vjolenza, diġà sfaw mejta 500 persuna; billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, aktar minn 1 200 persuna sfaw maqtula, bejn 400 u 900 sfaw vittmi ta' għajbien furzat, mijiet jew saħansitra eluf ta' nies ġew ittorturati, filwaqt li aktar minn 10 000 ruħ għadhom detenuti arbitrarjament;

C.  billi l-President Pierre Nkurunziza ma jeskludix il-possibilità li l-kostituzzjoni tiġi emendata biex wieħed ikun jista' jikkontesta għal mandat ieħor (ir-raba' wieħed) ibda mill-2020, u billi bħalissa għaddej proċess intern sabiex jiġi eliminat il-limitu tal-għadd ta' mandati; billi dan jikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-President Pierre Nkurunziza u jikkomprometti l-isforzi kollettivi li qed isiru sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli fit-tul għall-kriżi;

D.  billi r-Rapport ta' Inkjesta Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi (EINUB) jagħmel referenza għal diversi provi li jindikaw abbużi serji kontra d-drittijiet tal-bniedem u abbużi gravi fil-pajjiż, prinċipalment imwettqa mill-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet; billi l-każijiet ta' inċitament għall-vjolenza u għall-mibegħda żdiedu minn April 2017 'l hawn, b'mod partikolari waqt il-laqgħat tal-Imbonerakure, il-milizzji taż-żgħażagħ tal-partit CNDD-FDD fil-gvern; billi personalitajiet tal-oppożizzjoni u atturi tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u avukati, huma l-mira prinċipali ta' dawn l-abbużi; billi r-rapport finali tal-Kummissjoni ta' Inkjesta stabbilit mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa mistenni joħroġ f'Settembru 2017;

E.  billi l-atti ta' vjolenza rrappurtati jinkludu każijiet ta' qtil, ħtif, għajbien furzat, atti ta' tortura, ta' stupru u arresti u impriġunamenti arbitrarji; billi l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi jipperpetwaw kultura ta' impunità li ma tippermettix li għadd kbir ta' persuni li jkunu wettqu atti vjolenti qattiela, inklużi membri tal-forzi tal-ordni tas-servizzi ta' intelligence, jitressqu quddiem il-ġustizzja;

F.  billi f'Ottubru 2016 l-awtoritajiet Burundjani pprojbixxew ħames organizzazzjonijiet difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u billi f'Jannar 2017 l-eqdem waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet fil-pajjiż, il-Lega Iteka, ġiet hi wkoll ipprojbita; billi f'Diċembru 2016, il-Parlament adotta liġi li tiddisponi għal kontroll strett tal-NGOs internazzjonali;

G.  billi r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-midja u tal-gazzetti indipendenti ħraxu; billi l-midja indipendenti għadhom qed jiġu ċċensurati, sospiżi, imblukkati u/jew magħluqa; billi ġurnalisti sfaw vittmi ta' għajbien, ta' theddid, ta' attakki fiżiċi u ta' fastidju ġudizzjarju; billi l-istazzjonijiet tar-radju indipendenti kollha ġew sospiżi; billi l-Burundi hija kklassifikata l-160 pajjiż minn 180 fil-klassifikazzjoni dinjija 2017 tal-libertà tal-istampa stabbilita mir-Reporters Mingħajr Fruntieri;

H.  billi uffiċjali tan-NU jirrappurtaw it-tendenza li għandhom l-uffiċjali tal-Istat li jiżirgħu id-diskordja, fatt li joħloq il-biża' li l-vjolenza tkompli tevolvi u tiggrava u li l-kriżi possibilment tiġi "etniċizzata"; billi ġie rrappurtat rikors massiv għall-vjolenza u għall-intimidazzjoni mill-partit CNDD-FDD (Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tad-Demokrazija – Forzi ta' Difiża tad-Demokrazija) u s-sezzjoni taż-żgħażagħ tiegħu, il-milizzja Imbonerakure;

I.  billi f'Ottubru 2016, il-Burundi tat bidu għal proċedura ta' rtirar mill-Istatut ta' Ruma, u b'hekk uriet l-intenzjoni tagħha li toħroġ mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), wara d-deċiżjoni ta' din tal-aħħar li tiftaħ eżami preliminari dwar il-vjolenza u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

J.  billi f'Awwissu 2016, il-Gvern tal-Burundi rrifjuta li uffiċjali tal-pulizija tan-NU jiġu skjerati fil-pajjiż biex jiżguraw monitoraġġ tas-sitwazzjoni; billi l-Gvern tal-Burundi ddeċieda li jissospendi l-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u rrifjuta li jikkoopera mal-Kummissjoni ta' Inkjesta stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;

K.  billi fil-21 ta' Diċembru 2015 il-Parlament tal-Burundi ċaħad il-proposta ta' skjerament ta' forza taż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana, bl-argument li kwalunkwe intervent militari tat-truppi tal-Unjoni Afrikana tkun tikkostitwixxi invażjoni ta' forza ta' okkupazzjoni;

L.  billi fit-8 ta' Diċembru 2015, l-Unjoni Ewropea tat bidu għal proċedura ta' konsultazzjoni mal-gvern tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Grupp tal-Istati AKP, tal-Unjoni Afrikana, tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nazzjonijiet Uniti; billi f'Marzu 2016 l-UE għalqet dawn il-konsultazzjonijiet, peress li kienet waslet għall-konklużjoni li l-impenji proposti mill-Gvern tal-Burundi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt kienu insuffiċjenti;

M.  billi wara din il-proċedura, l-Unjoni Ewropea ddefinixxiet serje ta' miżuri preċiżi li l-Gvern tal-Burundi jenħtieġ li jieħu biex jippermetti li tissokta mill-ġdid kooperazzjoni sħiħa u kompluta;

N.  billi l-UE ssospendiet l-għajnuniet finanzjarji diretti mogħtija lill-amministrazzjoni tal-Burundi, inkluż l-appoġġ baġitarju; billi l-UE hija impenjata li ssostni l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-popolazzjoni u bħala għajnuna umanitarja, inkluż għall-proġetti maħsuba biex jiżguraw l-aċċess għas-servizzi bażiċi;

O.  billi l-Unjoni Ewropea adottat sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' persuni, entitajiet jew organi li jdgħajfu d-demokrazija jew jostakolaw it-tiftix ta' soluzzjoni politika fil-Burundi; billi l-Unjoni Afrikana qed tipprevedi wkoll, fil-preżent, li tadotta sanzjonijiet;

P.  billi d-djalogu inter-Burundjan immexxi taħt l-awspiċi tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), bl-appoġġ tal-Unjoni Afrikana u tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-unika soluzzjoni vijabbli għal soluzzjoni politika dejjiema tas-sitwazzjoni fil-Burundi; billi dan id-djalogu għandu jkun miftuħ għal kulħadd, inkluż għall-partiti tal-oppożizzjoni, għas-soċjetà ċivili u għall-membri tad-dijaspora;

Q.  billi l-impass politiku fil-Burundi u d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika għandhom konsegwenzi serji għall-popolazzjoni; billi l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tikkalkula li aktar minn 420 000 persuna ħarbu mill-Burundi biex ifittxu kenn fil-pajjiżi ġirien; billi, skont is-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU, bħalissa hemm 209 000 ruħ spostati internament; billi 3 miljun ruħ jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja u 2.6 miljuni huma esposti għal nuqqas akut ta' sigurtà tal-ikel; billi 700 000 ruħ jiddependu minn għajnuna alimentari ta' emerġenza minkejja l-fatt li l-Gvern kien neħħa xi restrizzjonijiet; billi din is-sitwazzjoni qed tipperikola serjament l-istabilità tar-reġjun;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba s-sitwazzjoni politika u fir-rigward tas-sigurtà fil-Burundi; jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' vjolenza, il-qtil u vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu fil-Burundi mill-2015; jappella favur azzjoni effikaċi u proporzjonata biex jiġu pprevenuti episodji ġodda ta' vjolenza;

2.  Jinsab imħasseb dwar l-impunità mifruxa, b'mod partikolari fir-rigward tal-atti ta' vjolenza u l-vjolazzjonijiet kontra d-drittijiet tal-bniedem u fir-rigward tal-awturi ta' dawn l-atti; ifakkar li l-awtoritajiet Burundjani għandhom l-obbligu, skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem, li jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini; f'dan il-kuntest, jitlob inkjesta bir-reqqa u indipendenti dwar il-każijiet ta' qtil u l-abbużi li twettqu fil-Burundi f'dawn l-aħħar snin, u jitlob li jiġi żgurat li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom;

3.  jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-gvern tal-Burundi ta bidu għal proċedura ta' rtirar tal-pajjiż mill-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-QKI; jitlob lill-Gvern tal-Burundi jerġa' lura mill-proċedura ta' rtirar u jiżgura li l-pajjiż ikompli jieħu sehem bis-sħiħ fil-QKI;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni 2303 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jippermetti l-iskjerament ta' unità tal-pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex timmonitorja s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż;

5.  Jilqa' l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burundi, stabbilita f'Novembru 2016 biex tinvestiga l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu fil-pajjiż minn April 2015 'il quddiem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Burundi jikkooperaw bis-sħiħ mal-membri tal-Kummissjoni ta' Inkjesta;

6.  Jilqa' l-ħatra reċenti ta' Mibgħut Speċjali ġdid għall-Burundi, is-Sur Michel Kafando, mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, is-Sur Antonio Gutierrez, bl-għan li jiġi ffaċilitat il-fehim tal-proċess politiku li għaddej;

7.  Itenni l-impenn tiegħu favur il-libertà tal-espressjoni u jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali mwettaq mis-soċjetà ċivili, l-avukati, l-organizzazzjonijiet difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja f'soċjetà demokratika; f'dan il-kuntest, jappella lill-awtoritajiet tal-Burundi jneħħu l-projbizzjonijiet u jeliminaw ir-restrizzjonijiet imposti fuq dawn l-entitajiet, jerġgħu jaħsbuha dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) barranin u jiżguraw li l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom bil-libertà u s-sigurtà kollha fil-pajjiż;

8.  Jinsab mħasseb dwar ir-riskju kbir li s-sitwazzjoni attwali toħloq firdiet aktar profondi bejn il-gruppi etniċi differenti; jiddenunzja "l-etniċizzazzjoni" tal-kriżi permezz tal-użu ta' propaganda bbażata fuq ideoloġija etnika; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-Burundi jżommu lura minn kwalunkwe aġir jew minn kwalunkwe diskors li jista' jkompli jintensifika l-vjolenza, jiggrava l-kriżi jew ikollu effetti negattivi fuq l-istabilità reġjonali fit-tul u biex jirrispettaw b'mod sħiħ il-ftehim ta' Arusha;

9.  Jikkundanna l-atti ta' inċitament għall-mibegħda u għall-vjolenza min-naħa tal-mexxejja tal-milizzja taż-żgħażagħ Imbonerakure fil-konfront tar-rifuġjati u tal-avversarji, b'mod partikolari s-sejħiet pubbliċi għall-istupru fil-konfront tan-nisa ta' avversarji, u jitlob id-diżarm immedjat ta' dawn il-milizzji; jinsab estremament imħasseb dwar l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-ħolqien ta' korp nazzjonali ta' voluntiera, li tista' sservi biex l-attivitajiet ta' milizzja bħal din jiġu leġittimizzati;

10.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u għat-trawwim tal-għaqda nazzjonali permezz ta' djalogu nazzjonali miftuħ, trasparenti u inklużiv bejn il-Gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, skont il-Kostituzzjoni tal-Burundi, il-Ftehim ta' Arusha u l-impenji internazzjonali tal-pajjiż;

11.  Jinnota li s-sitwazzjoni fil-Burundi għandha riperkussjonijiet estremament negattivi fuq ir-reġjun kollu; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi ta' negozjar immexxija taħt l-awspiċju tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), bl-appoġġ tal-Unjoni Afrikana, u jitlob l-involviment u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet Burundjani bl-għan li tinstab soluzzjoni immedjata, vijabbli u dejjiema għal dan il-kunflitt, iżda jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-fatt li l-progress ta' dan id-djalogu miexi bil-mod;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġa l-isforzi tal-atturi reġjonali fir-riżoluzzjoni tal-kriżi; jappella għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-faċilitatur maħtur mill-EAC, is-Sur Mkapa, ex-President tat-Tanzanija;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana li tawtorizza l-iskjerament tal-Missjoni Afrikana ta' Prevenzjoni u Protezzjoni fil-Burundi bl-għan li tiġi promossa soluzzjoni politika; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi jonora bis-sħiħ l-impenn li ħa li jiffaċilita l-mobilizzazzjoni rapida ta' osservaturi u ta' esperti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem permezz b'mod partikolari tal-ħruġ immedjat ta' viżi u t-twettiq rapidu ħafna tal-formalitajiet l-oħra meħtieġa;

14.  Iqis li preżenza akbar ta' osservaturi internazzjonali fil-Burundi tista' tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli biex tittejjeb is-sitwazzjoni fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà; jitlob li jiġu mobilizzati 200 osservatur militari u tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Afrikana addizzjonali, bħala appoġġ għat-30 osservatur li diġà huma preżenti;

15.  Iqis li huwa neċessarju li tiġi ċċarata, f'koordinazzjoni mal-Unjoni Afrikana, it-traċċabilità tal-fondi ddedikati għas-suldati Burundjani skjerati fl-AMISOM;

16.  Iqis li biex ikun hemm kwalunkwe normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-UE, inklużi l-Istati Membri, l-awtoritajiet tal-Burundi jeħtiġilhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha ddedikati fl-"iskeda tal-impenji" għall-konsultazzjonijiet previsti mill-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

17.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea, wara l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li tissospendi l-għajnuna finanzjarju diretta lill-amministrazzjoni tal-Burundi u jilqa' l-adozzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ta' miżuri ta' ffriżar ta' assi min-naħa tal-Unjoni Ewropea fil-konfront ta' dawk li jfittxu li jimminaw l-isforzi ta' paċi jew id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-Unjoni jenħtieġ li żżomm kif inhu l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-poplu tal-Burundi, inkluż għar-rifuġjati, fis-setturi ewlenin tas-saħħa, tan-nutrizzjoni, u tal-edukazzjoni, kif ukoll għajnuna umanitarja fornuta permezz ta' kanali diretti; jappoġġa s-sanzjonijiet immirati mġedda mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li tiġi sospiża l-għajnuna baġitarja lill-Burundi wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96;

18.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-influss ta' rifuġjati Burundjani fil-pajjiżi ġirien u s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti tal-persuni spostati fil-Burundi, u jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu favur l-organizazzjonijiet umanitarji li jinsabu fir-reġjun u favur il-pajjiżi ġirien li qed jospitaw lir-rifuġjati; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lid-donaturi l-oħra ta' fondi biex iżidu l-appoġġ finanzjarju tagħhom u l-għajnuna umanitarja għall-persuni spostati u r-rifuġjati Burundjani; ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jirrispettaw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0275.
(2) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0474.
(3) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0004.

Avviż legali